Mur għall-kontenut ewlieni
Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej

Glossarju tal-protezzjoni tad-<i>data</i>

Mur lura għall-paġna ewlenija tal-Gwida dwar il-Protezzjoni tad-Data għall-organizzaturi

 

Sistema Ċentrali ta' Ġbir Online (COCS)

Sistema sikura tal-IT stabbilita u mħaddma mill-Kummissjoni Ewropea skont id-dispożizzjoni espliċita tar-Regolament dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (l-Artikolu 10). Din tippermetti l-ġbir (inkluż permezz ta’ formoli elettroniċi u permezz tal-identifikazzjoni elettronika) ta’ dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ, il-ħażna tagħhom u s-sottomissjoni sikur lill-Istati Membri għall-verifika, kif ukoll il-ġbir u l-ipproċessar ulterjuri tal-indirizzi tal-emails tal-firmatarji.

Kontrollur tad-data

Persuna fiżika jew ġuridika jew korp ieħor responsabbli għall-ipproċessar tad-data personali u li tiddetermina l-għan u l-mezzi tagħha. Ara wkoll “Kontrolluri konġunti”.

Valutazzjonijiet tal-Impatt fuq il-Protezzjoni tad-Data (DPIA)

Valutazzjoni tal-impatt tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar previsti fuq id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data. Ara r-Regolament (UE) Nru 2018/1725, l-Artikolu 39 u r-Regolament (UE) Nru 2016/679, l-Artikolu 35.

Suġġett tad-Data

Persuna fiżika li tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għal xi identifikatur bħal isem, numru ta’ identifikazzjoni, eċċ.

Ara wkoll “Data personali” u “Data sensittiva”.

“Regolament tal-UE dwar il-Protezzjoni tad-Data” (EUDPR)

Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data.

Servizz ta’ skambju ta’ files

Soluzzjoni tal-IT ipprovduta mill-Kummissjoni li tippermetti s-sottomissjoni sikura tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ lill-Istati Membri għall-verifika u ċ-ċertifikazzjoni tagħhom, imħaddma bl-użu tas-sistema eżistenti tal-Kummissjoni S-CircaBC. Dan it-terminu jintuża wkoll f’dan is-sit fir-rigward tas-sottomissjoni ta’ dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ miġbura fuq il-karta (minflok it-terminu “sistema ċentrali ta’ ġbir online” użat fl-Artikolu 10(1)(5 ) tar-Regolament dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej).

Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR)

Ir-Regolament (UE) 2016/679 tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data.

Kontrolluri konġunti

Fejn żewġ kontrolluri jew aktar jiddeterminaw b’mod konġunt l-għan u l-mezzi tal-ipproċessar. Hemm bżonn ta’ arranġament trasparenti biex jiġu ddeterminati r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali. L-essenza tal-arranġament għandha ssir disponibbli għas-suġġett tad-data. Fil-kuntest tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, dan jirrigwarda b’mod partikolari s-Sistema Ċentrali ta’ Ġbir Online.

Entità ġuridika

Fil-kuntest tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, tista’ tinħoloq entità ġuridika għall-fini tal-ġestjoni tal-inizjattiva. F’każ bħal dan, din l-entità ġuridika għandha titqies bħala grupp ta’ organizzaturi jew il-membri tiegħu. Għandha wkoll tieħu post ir-rappreżentant fir-rwol tiegħu ta’ kontrollur tad-data.

Organizzaturi (Grupp ta’)

Persuni fiżiċi responsabbli għat-tħejjija u l-ġestjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tagħha. Ir-Regolament dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej jipprevedi li operazzjonijiet differenti tal-ipproċessar tad-data huma ġestiti mill-grupp ta’ organizzaturi (b’mod partikolari: il-ġbir, is-sottomissjoni għall-verifika u l-qerda). Meta jitwettqu mill-grupp ta’ organizzaturi kollu kemm hu jew mill-membri konkreti tiegħu għajr ir-rappreżentant, dawn l-operazzjonijiet ta’ pproċessar tad-data jitqiesu li twettqu taħt il-kontroll tar-rappreżentant.

Data personali

Kwalunkwe informazzjoni dwar persuna fiżika jew ġuridika identifikata jew identifikabbli (“suġġett tad-data”).

Proċessar

Kwalunkwe attività jew sett ta' attivitajiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta' data personali, sew jekk b'mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħażna, l-adattament jew il-bidliet, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, l-iżvelar bi trażmissjoni, it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b'xi mezz ieħor, l-allinjament jew it-taħlita, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda.

Rappreżentant

Membru (mexxej) tal-grupp ta’ organizzaturi ta’ inizjattiva taċ-ċittadini, li jkollu l-funzjoni tal-kontrollur tad-data jew il-kontrollur konġunt tad-data fir-rigward tal-operazzjonijiet kollha tal-ipproċessar tad-data mwettqa fir-rigward tad-data personali pproċessata mill-grupp ta’ organizzaturi

Fejn din il-gwida tirreferi għar-rappreżentant tal-grupp ta’ organizzaturi bħala kontrollur tad-data, din għandha tinftiehem bħala li tirreferi għal entità ġuridika li timmaniġġja l-inizjattiva f’każ li tkun inħolqot.

Data sensittiva

Data personali li tiżvela oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku, sħubija fi trade union, data ġenetika, data bijometrika, data dwar is-saħħa jew data dwar il-ħajja sesswali jew l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna fiżika. Imsejħa wkoll “kategoriji speċjali ta’ data personali”. Aqra aktar

Firmatarju

Ċittadin tal-Unjoni li jkun sostna inizjattiva partikolari billi jimla formola ta’ dikjarazzjoni ta’ appoġġ għal dik l-inizjattiva; il-firmatarji huma l-grupp ewlieni ta’ suġġetti tad-data kkonċernati minn din il-gwida.

Dikjarazzjoni ta’ appoġġ

Dikjarazzjoni li biha firmatarju jappoġġja inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej, li tista’ tkun jew mimlija u ffirmata fuq karta, mimlija online permezz ta’ formola elettronika jew iffirmata online b’identifikazzjoni elettronika Fl-ewwel żewġ każijiet, id-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ iridu jsegwu mudell previst fir-Regolament dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej. Fil-każijiet kollha, dawn jinkludu sett ta’ data personali tal-firmatarju.

 

DIKJARAZZJONI TA’ ĊAĦDA TA’ RESPONSABBILTÀ

Din il-gwida hija maħsuba biex tikkontribwixxi biex wieħed jifhem aħjar ir-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data tal-UE li japplikaw għall-operazzjonijiet ta’ pproċessar previsti fir-Regolament (UE) 2019/788 dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ir-Regolament ECI). It-testi tar-Regolament dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej, ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) u r-Regolament dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet tal-UE (EUDPR) biss għandhom valur legali. Din il-gwida ma tistax tissostitwixxi l-qafas legali applikabbli, inkluż, fejn applikabbli, kuntratti vinkolanti bħal ftehimiet ta’ kontroll konġunt.

Din il-gwida tipprovdi informazzjoni prattika lill-organizzaturi tal-inizjattivi taċ-ċittadini u ma għandhiex titqies li tagħti lok għal xi dritt infurzabbli jew aspettattiva leġittima. B’mod partikolari, din il-gwida hija mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tar-rappreżentant tal-grupp ta’ organizzaturi, bħala kontrollur tad-data, skont l-Artikolu 5(2) tal-GDPR, li jikkonforma u jiżgura l-konformità mal-obbligi u r-regoli tal-GDPR.

L-interpretazzjoni vinkolanti tal-leġiżlazzjoni tal-UE hija l-kompetenza esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Il-fehmiet espressi f’din il-gwida huma mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni li l-Kummissjoni tista’ tieħu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Peress li din il-gwida tirrifletti l-aħħar żviluppi fiż-żmien tal-abbozzar tagħha, jenħtieġ li titqies bħala “għodda ħajja” miftuħa għal titjib u l-kontenut tagħha jista’ jkun soġġett għal modifiki mingħajr avviż.

Tixtieq titgħallem u tikkollabora?