Panel taċ-Ċittadini Ewropej biex jiddiskuti l-Indirizzar tal-Mibegħda fis-Soċjetà: Rakkomandazzjonijiet Mogħtija
Matul tliet weekends 150 ċittadini magħżulin b’mod aleatorju li jirrappreżentaw is-27 Stat Membru kollha tal-UE kienu qed jiltaqgħu biex jiddiskutu l-kawżi u dak li jixpruna l-mibegħda fl-UE u oqsma differenti ta’ azzjonijiiet biex jindirizzawhom.
Flimkien, iċ-ċittadini ressqu serje ta’ rakkomandazzjonijiet konkreti li se jikkontribwixxu għat-tiswir tal-liġijiet futuri tal-UE u jikkontribwixxu għall-inizjattivi li ġejjin tal-Kummissjoni. Tista’ ssibhom fit-taqsima tad-dokumenti hawn taħt.
Xorta tista’ tikkontribwixxi għad-Dibattitu Online dwar l-Indirizzar tal-Mibgħeda fis-Soċjetà li għaddej bħalissa:
X’nistgħu nagħmlu dwar il-mibegħda u kif nistgħu nsaħħu r-rispett reċiproku fis-soċjetajiet tagħna?
Skont diversi sorsi, l-Ewropa llum qed tesperjenza żieda allarmanti fid-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda. Il-forom kollha ta’ mibegħda jdgħajfu s-soċjetà kollha kemm hi u jheddu l-pedamenti tad-demokraziji tagħna. Filwaqt li l-espressjoni libera hija dritt fundamentali u valur apprezzat fl-UE, il-liġi dwar id-drittijiet tal-bniedem tirrikonoxxi li m’għandhiex tiġi sfruttata biex tinċita l-mibegħda u l-vjolenza.
Il-Panel taċ-Ċittadini Ewropej dwar l-Indirizzar tal-Mibgħeda fis-Soċjetà laqqa’ flimkien 150 ċittadin magħżulin b’mod aleatorju biex iħarsu lejn il-kawżi ewlenin tal-mibegħda u l-modi kif jiġu indirizzati, bl-għan li jipproduċu rakkomandazzjonijiet dwar kif jinbnew pontijiet bejn gruppi u komunitajiet fratturati.
Il-komunikazzjoni tal-2023 “Ma Hemmx Post għall-Mibegħda: Ewropa Magħquda kontra l-Mibegħda” mill-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà qed iżidu l-isforzi tagħhom biex jiġġieldu l-mibegħda fil-forom kollha tagħha, billi jsaħħu l-azzjoni f’varjetà ta’ politiki inklużi s-sigurtà, il-qasam diġitali, l-edukazzjoni, il-kultura u l-isport.
Riżultati tal-Panel u Segwitu
Il-komunikazzjoni “Ma Hemmx Post għall-Mibegħda” tappella speċifikament għall-ħolqien ta’ spazju pan-Ewropew ta’ djalogu, li jlaqqa’ flimkien liċ-ċittadini mill-UE kollha biex jiddiskutu modi kif nimxu mill-mibegħda u d-diviżjoni għat-tgawdija kondiviża tal-valuri Ewropej tagħna tal-ugwaljanza, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-dinjità. Il-Panel taċ-Ċittadini Ewropej dwar l-Indirizzar tal-Mibgħeda fis-Soċjetà huwa wieħed mit-tweġibiet għal dik is-sejħa.
Il-Panel kellu l-għan li jidentifika azzjonijiet ta’ politika possibbli u l-atturi rilevanti kollha li għandhom ikunu involuti f’livelli differenti, inklużi dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, is-soċjetà ċivili, is-settur privat u ċ-ċittadini.
L-eżitu finali tal-Panel hu lista ta’ rakkomandazzjonijiet li se jappoġġjaw b’mod partikolari l-ħidma futura tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-indirizzar tad-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda. Ir-rakkomandazzjonijiet se jservu bħala gwida biex jgħinu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jimxu mill-mibegħda u d-diviżjoni għat-tgawdija kondiviża tal-valuri Ewropej, kif minquxa fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Dawn jinkludu r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-dinjità, u soċjetà fejn jipprevalu t-tolleranza, in-nondiskriminazzjoni u l-pluraliżmu.
Kronoloġija
Il-Panel taċ-Ċittadini Ewropej dwar l-Indirizzar tal-Mibgħeda fis-Soċjetà sar fuq tliet weekends bejn April u Mejju 2024
- 5-7 ta’ AprilSessjoni 1 - Brussell
- Żvilupp ta’ fehim komuni tal-mibegħda permezz tad-diskussjoni dwar il-perċezzjonijiet u t-testimonjanzi madwar il-mibegħda
- Identifikazzjoni tal-kawżi u l-ixprunaturi tal-mibegħda llum
- Diskussjoni dwar oqsma ta’ azzjoni potenzjali li fihom tista’ tiġi indirizzata l-mibegħda fis-soċjetà
Reġistrazzjonijiet tas - 7 ta’ April 2024
- 26-28 ta’ AprilSessjoni 2 - online
- Rendikont tas-Sessjoni 1 u l-iżvilupp ta’ ideat skont it-tema u s-suġġett
- L-ewwel fażi tal-formulazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet
Reġistrazzjoniijet tas - 26 ta’ April 2024 | 28 ta’ April 2024
- 17-19 ta’ MejjuSessjoni tal-għeluq - Brussell
- Tfassil tal-konklużjonijiet tad-dibattiti u r-rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni Ewropea
- Spjegazzjoni tal-passi li jmiss – l-impatt fuq it-tfassil tal-politika u l-mument tal-feedback
Reġistrazzjoniijet tas - 17 ta’ Mejju 2024 | 19 ta’ Mejju 2024