Kontenut tal-PaġnaKontenut tal-Paġna Ir-rwoli prinċipali fl-oqsma tal-baġit u l-finanzjament Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi u timplimenta l-baġit tal-UE u timmaniġġja l-programmi ta’ finanzjament. Il-proposta tal-baġit tal-UE Il-Kummissjoni Ewropea hi responsabbli għat-tħejjija u l-proposta tal-abbozz tal-baġit għall-Unjoni Ewropea bħala entità sħiħa. Dan hu bbażat fuq il-linji gwida tal-baġit għas-sena ta’ wara u skont ir-regolament dwar il-qafas finanzjarju pluriennali fis-seħħ. Il-qafas finanzjarju pluriennali jistabbilixxi l-ammonti annwali massimi (“limiti massimi”) li l-UE tista’ tonfoq fl-oqsma differenti ta’ politika fuq perjodu ta’ mill-inqas ħames snin. Il-QFP attwali jkopri seba’ snin: minn 2021 sa 2027. Il-Kummissjoni tissottometti l-abbozz tal-baġit lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u lill-Parlament Ewropew għall-approvazzjoni fl-1 ta’ Settembru. Skont il-proċedura baġitarja annwali, irid jintlaħaq ftehim dwar il-baġit sal-31 ta’ Diċembru. Kif jiġi deċiż il-baġit L-immaniġġjar tal-baġit tal-UE Fl-aħħar mill-aħħar il-Kummissjoni Ewropea hi responsabbli għall-immaniġġjar tal-baġit tal-UE. Fil-prattika, sa 80 fil-mija tan-nefqa tal-baġit hu mmaniġġjat mill-pajjiżi tal-UE skont l-hekk imsejħa ġestjoni kondiviża, b’mod partikolari fl-oqsma tal-agrikoltura, it-tkabbir u l-għajnuna għall-impjiegi lir-reġjuni tal-UE. Hemm fis-seħħ sistema ta’ kontrokontrolli biex ikun żgurat li n-nefqa taħt il-ġestjoni kondiviża tiġi mmaniġġjata b'mod xieraq u skont ir-regoli. L-implimentazzjoni tal-baġit tista’ tkun diretta (Kummissjoni, delegazzjonijiet tal-Unjoni, aġenziji eżekuttivi), indiretta (permezz ta’ pajjiżi jew korpi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali), u kondiviża (pajjiżi tal-UE). Tipi ta’ maniġment tal-baġit tal-UE L-implimentazzjoni tal-programmi ta’ finanzjament Madwar 80% tal-finanzjament mill-UE hu mmaniġġjat taħt il-programmi amministrati b'mod konġunt mill-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet nazzjonali fil-pajjiżi tal-UE. Fil-każijiet fejn il-Kummissjoni Ewropea timmaniġġja l-finanzjament b'mod dirett, tagħmel dan billi tagħti għotjiet u tvara proċeduri tal-akkwist. Hi timmaniġġja l-baġit ta’ proġetti mwettqa mid-dipartimenti tagħha, fil-kwartieri ġenerali tagħha, fid-delegazzjonijiet tal-UE jew permezz tal-aġenziji eżekuttivi tal-UE. Xi programmi ta’ finanzjament huma implimentati mill-awtoritajiet nazzjonali jew ġewwa jew barra l-UE, mill-organizzazzjonijiet internazzjonali, jew mill-aġenziji ta’ żvilupp tal-pajjiżi tal-UE. Irrispettivament minn kif inhu mmaniġġjat il-finanzjament, hemm proċeduri ta’ trasparenza li jiżguraw li kulħadd hu ttrattat ugwalment u għandu l-istess aċċess għall-informazzjoni dwar il-proċessi tal-finanzjament mill-UE. Skopri kif jaħdem il-finanzjament mill-UE, kif tapplika għall-finanzjament mill-UE u r-regoli dwar l-eliġibbiltà tal-finanzjament.