Fil-livelli kollha fl-UE, is-settur pubbliku jikkontribwixxi b’ammonti kbar ta’ fondi biex jiffinanzja l-ħtiġijiet tal-ekonomija, u konsegwentement jinżamm responsabbli għal ġestjoni soda u effiċjenti tal-fondi fdati lilu mill-kontribwenti tal-Istati Membri. Is-settur pubbliku tal-UE jrid juri li qed jonfoq b’mod effiċjenti r-riżorsi disponibbli, u li l-outputs u r-riżultati huma effettivi. Għal dak il-għan, il-Kontroll Intern Pubbliku (PIC) iżid il-valur billi jikkontribwixxi għall-istabbiliment ta’ mudell li jissodisfa l-istandards internazzjonali fil-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-użu tal-fondi pubbliċi. Il-mudell, rikonoxxut globalment bħala l-aħjar prattika, jipprovdi l-punti bażiċi li jistgħu jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-prevenzjoni tal-frodi u l-korruzzjoni. Minn mindu l-Kummissjoni Ewropea implimentat il-PIC bħala qafas għall-kontroll effettiv u effiċjenti tar-riżorsi li timmaniġġja fl-2002, il-pajjiżi Ewropej progressivament fasslu mill-ġdid il-mudelli ta’ kontroll regolatorju tagħhom biex jinkorporaw il-prinċipji tal-PIC. L-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi fl-UE jista’ jikkontribwixxi għall-kisba ta’ dak l-objettiv komuni ta’ baġit pubbliku li jagħti r-riżultati. Fl-2012, fuq talba tal-Istati Membri, il-Kummissjoni Ewropea nediet network tal-PIC li jiltaqa’ permezz ta’ konferenzi regolari. F’Ġunju 2017 f’Budapest, ġiet ippreżentata u approvata mill-parteċipanti strateġija għall-iżvilupp futur tan-Network tal-PIC. Barra minn hekk, ir-riżultati ta’ stħarriġ sussegwenti enfasizzaw il-ħtieġa li jiżdied l-impatt mill-attivitajiet tan-Network. Peress li l-involviment aktar mill-qrib ta’ ġestjoni ta’ livell għoli huwa kruċjali biex jiġi żgurat li r-riżultati tan-Network jiġu promossi u użati fl-Istati Membri, tnediet l-idea li jinħoloq Network tal-PIC ġdid u mtejjeb ta’ eżekuttivi ta’ livell għoli. L-ewwel laqgħa fil-livell tekniku saret fl-14 ta’ Ottubru 2019 fi Brussell u l-isem tan-Network inbidel għal BSN (Better Spending Network - Network ta’ Nfiq Aħjar). L-ewwel konferenza minn dik li se ssir konferenza annwali ta’ livell għoli tan-Network ta’ Nfiq Aħjar kellha ssir f’Settembru 2021. Minħabba l-kuntest attwali (il-COVID-19 u l-kriżi fl-Ukrajna), l-ewwel konferenza kellha tiġi posposta u d-data l-ġdida għad trid tiġi ffissata. Links relatati Kompendju tas-sistemi pubbliċi ta’ kontroll intern fl-Istati Membri tal-UE 2014