Mur għall-kontenut ewlieni

Deċennju Diġitali tal-Ewropa: miri diġitali għall-2030

alt=""

L-Ewropa għandha l-għan li tagħti s-setgħa lin-negozji u lin-nies f’futur diġitali ffukat fuq il-bniedem, sostenibbli u aktar prosperu.

Il-programm ta’ politika tad-Deċennju Diġitali, b’miri u objettivi konkreti għall-2030, jiggwida t-trasformazzjoni diġitali tal-Ewropa:

Skills, infrastructures, business and governments around a compass
  • alt=""
    Ħiliet

    Speċjalisti fl-ICT: 20 miljun + konverġenza bejn il-ġeneri

    Ħiliet Diġitali Bażiċi: minimu ta’ 80% tal-popolazzjoni

  • alt=""
    Trasformazzjoni diġitali tan-negozji

    Użu tat-Teknoloġija: 75% tal-kumpaniji tal-UE li jużaw il-Cloud, IA jew Big Data

    Innovaturi: tkabbir fuq skala u finanzjament biex jirdoppjaw il-Unicorns tal-UE

    Dawk li jadottaw tard: aktar minn 90% tal-SMEs jilħqu mill-anqas livell bażiku ta’ intensità diġitali

  • alt=""
    Infrastrutturi diġitali siguri u sostenibbli

    Konnettività: Gigabit għal kulħadd

    Semikondutturi tal-ogħla livell: sehem doppju tal-UE fil-produzzjoni globali

    Data - Edge u Cloud: 10,000 “highly secure edge nodes” newtrali għall-klima

    Computing: l-ewwel computer b’aċċellerazzjoni quantum

  • alt=""
    Diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi

    Servizzi Pubbliċi Ewlenin: 100% online

    e-Saħħa: 100% taċ-ċittadini għandhom aċċess għar-rekords mediċi online

    Identità Diġitali: 100 % taċ-ċittadini għandhom aċċess għall-ID diġitali

Il-Perkors għad-Deċennju Diġitali

Il-programm ta’ politika tad-Deċennju Diġitali 2030 jistabbilixxi ċiklu ta’ kooperazzjoni annwali biex jintlaħqu l-objettivi u l-miri komuni. Dan il-qafas ta’ governanza hu bbażat fuq mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni annwali li jinvolvi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

Il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni jikkonsisti minn

Il-Kummissjoni żviluppat trajettorji fil-livell tal-UE. It-trajettorji tal-linja bażi jiddeskrivu kif l-UE se tagħmel progress skont ix-xejriet attwali, u t-trajettorji proġettati jiddeskrivu l-perkors li l-progress annwali jenħtieġ li jsegwi biex jintlaħqu l-miri sal-2030. Id-differenza bejn ix-xejriet stmati u l-perkors ideali se tippermetti lill-Kummissjoni timmonitorja d-distakk fl-isforz meħtieġ.

Il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-miri sal-2026 biex tieħu kont tal-iżviluppi teknoloġiċi, ekonomiċi u soċjetali li jkunu saru.

Proġetti bejn bosta pajjiżi

Biex jintlaħqu l-miri u l-objettivi diġitali, il-Kummissjoni Ewropea se taċċellera u tiffaċilita t-tnedija ta’ proġetti multinazzjonali, proġetti fuq skala kbira li ebda Stat Membru ma jista’ jiżviluppa waħdu.

Dawn il-proġetti jistgħu:

  • jikkombinaw investimenti mill-baġit tal-UE, inklużi mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, mill-Istati Membri, u mis-settur privat
  • jindirizzaw il-lakuni fil-kapaċitajiet kritiċi identifikati tal-UE
  • jappoġġjaw Suq Uniku Diġitali interkonness, interoperabbli u sigur

Il-Kummissjoni identifikat lista inizjali ta’ proġetti multinazzjonali. Din il-lista tinkludi oqsma għall-investiment bħall-infrastruttura tad-data, il-proċessuri b'konsum baxx tal-enerġija, il-komunikazzjoni 5G, il-computing ta’ prestazzjoni għolja, il-komunikazzjoni tal-kwantum sigura, l-amministrazzjoni pubblika, il-blockchain, iċ-ċentri tal-innovazzjoni diġitali, il-ħiliet diġitali u ċ-ċibersigurtà.

It-tieni rapport dwar l-istatus tal-proġetti multinazzjonali ġie ppubblikat f’Lulju 2024.

Drittijiet u prinċipji diġitali

Fil-15 ta’ Diċembru 2022, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen iffirmat id-Dikjarazzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet u l-Prinċipji Diġitali, flimkien mal-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, u l-Prim Ministru Ċek Petr Fiala għall-presidenza b’rotazzjoni tal-Kunsill.

Id-Dikjarazzjoni, imressqa mill-Kummissjoni f’Jannar 2022, tippreżenta l-impenn tal-UE għat-trasformazzjoni diġitali sigura, sikura u sostenibbli li tiffoka fuq in-nies, f’konformità mal-valuri ewlenin u d-drittijiet fundamentali tal-UE.

  • alt=""
    In-nies fiċ-ċentru

    It-teknoloġiji diġitali għandhom jipproteġu d-drittijiet tan-nies, jappoġġjaw id-demokrazija u jiżguraw li l-atturi diġitali kollha jaġixxu b’mod responsabbli u sikur. L-UE tippromwovi dawn il-valuri madwar id-dinja.

  • alt=""
    Libertà tal-għażla

    In-nies għandhom jibbenefikaw minn ambjent online ġust, li jkun sikur minn kontenut illegali u ta’ ħsara, u li dawn ikollhom is-setgħa meta jinteraġixxu ma’ teknoloġiji ġodda u ma’ dawk li qed jevolvu bħall-intelliġenza artifiċjali.

  • alt=""
    Sikurezza u sigurtà

    L-ambjent diġitali jeħtieġ ikun sikur u sigur. L-utenti kollha, dawk li jkunu qegħdin fit-tfulija sa dawk fl-età avvanzata, għandhom ikollhom is-setgħa u jkunu protetti.

  • alt=""
    Solidarjetà u inklużjoni

    It-teknoloġija għandha tgħaqqad u mhux tifred lin-nies. Kulħadd għandu jkollu aċċess għall-internet, għall-ħiliet diġitali, għas-servizzi pubbliċi diġitali u għal kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti.

  • alt=""
    Parteċipazzjoni

    Iċ-ċittadini jeħtieġ ikunu jistgħu jinvolvu ruħhom fil-proċess demokratiku f’kull livell, u jkollhom kontroll tad-data tagħhom.

  • alt=""
    Sostenibbiltà

    L-apparati diġitali jeħtieġ jappoġġjaw is-sostenibbiltà u t-tranżizzjoni ekoloġika. Jeħtieġ li n-nies ikunu jafu dwar l-impatt ambjentali u l-konsum tal-enerġija tal-apparati tagħhom.

Id-drittijiet u l-prinċipji diġitali deskritti fid-Dikjarazzjoni se jikkomplementaw id-drittijiet eżistenti, bħal dawk li għandhom l-għeruq tagħhom fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, u l-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data u l-privatezza. Dawn se jipprovdu qafas ta’ referenza għaċ-ċittadini dwar id-drittijiet diġitali tagħhom, kif ukoll gwida għall-Istati Membri tal-UE u għall-kumpaniji meta jittrattaw teknoloġiji ġodda. Dawn huma maħsuba biex jgħinu lil kulħadd fl-UE jikseb l-aħjar użu mit-trasformazzjoni diġitali.

It-tieni valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-prinċipji diġitali hija pprovduta fir-rapport tal-2024 dwar l-Istat tad-Deċennju Diġitali.

Il-Kummissjoni qed twettaq ukoll stħarriġ annwali tal-Ewrobarometru biex timmonitorja l-miżuri ta’ segwitu fl-Istati Membri. It-tieni stħarriġ tal-Ewrobarometru ta’ dan it-tip ġie ppubblikat f’Lulju 2024.