This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32005D0600
2005/600/EC: Council Decision of 12 July 2005 on Guidelines for the employment policies of the Member States
Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 12 ta’ Lulju 2005 dwar Linji Gwida għall-politika dwar l-impjiegi ta' l-Istati Membri
Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 12 ta’ Lulju 2005 dwar Linji Gwida għall-politika dwar l-impjiegi ta' l-Istati Membri
ĠU L 205, 6.8.2005, p. 21–27
(ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(BG, RO)
ĠU L 168M, 21.6.2006, p. 1–7
(MT)
In force
21.6.2006 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea |
1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tat-12 ta’ Lulju 2005
dwar Linji Gwida għall-politika dwar l-impjiegi ta' l-Istati Membri
(2005/600/KE)
IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 128(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,
Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),
Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),
Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,
Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistabbilixxi għall-Unjoni inter alia l-għan tal-promozzjoni tal-progress ekonomiku u soċjali u ta' livell għoli ta’ l-impjiegi. L-Artikolu 125 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea jistipula li l-Istati Membri u l-Komunità għandhom jaħdmu sabiex jiżviluppaw strateġija koordinata għall-impjiegi u b’mod partikolari għall-promozzjoni ta’ forza tax-xogħol kompetenti, imħarrġa u adattabbli u ta' swieq tax-xogħol li kapaċi jirrispondu għal kull bidla ekonomika; |
(2) |
Il-Kunsill Ewropew ta’ Lisbona f'Marzu ta' l-2000 kien vara strateġija mmirata lejn it-tkabbir ekonomiku sostenibbli b’aktar impjiegi u impjiegi aħjar u koeżjoni soċjali akbar, b’miri ta’ ħolqien ta' impjiegi tul terminu twil ta' żmien, iżda ħames snin wara, l-għanijiet ta’ l-istrateġija għadhom ’il bogħod milli jiġu milħuqa. |
(3) |
Il-preżentazzjoni ta’ pakkett integrat ta' Linji Gwida għall-Impjiegi u ta' Linji Gwida Ġenerali għall-Politika Ekonomika tikkontribwixxi sabiex terġa’ tingħata attenzjoni speċjali lill-Istrateġija ta’ Lisbona dwar it-tkabbir u l-impjiegi. L-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi għandha rwol direttiv fil-ħidma ta' implementazzjoni lejn l-għanijiet dwar l-impjiegi ta' l-istrateġija ta' Lisbona. It-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali jikkostitwixxi wkoll fattur ċentrali għas-suċċess ta’ l-Istrateġija ta’ Lisbona. Min-naħa l-oħra, kif jidher fl-Aġenda Soċjali, is-suċċess ta’ l-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi jikkontribwixxi għall-kisba ta’ koeżjoni soċjali akbar. |
(4) |
B’mod konformi mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa tat-22 u t-23 ta’ Marzu 2005, l-Unjoni għandha timmobilizza r-riżorsi nazzjonali u Komunitarji adatti kollha – inkluża l-politika ta' koeżjoni – fit-tliet dimensjonijiet ta’ l-Istrateġija ta’ Lisbona (ekonomika, soċjali u ambjentali) sabiex hekk tagħmel użu mis-sinerġiji tagħhom f’kuntest ġenerali ta’ żvilupp sostenibbli. |
(5) |
L-għanijiet ta’ l-eliminazzjoni tal-qgħad, tat-titjib fil-kwalità ta’ l-impjiegi, tal-produttività tax-xogħol u tal-koeżjoni soċjali jeħtieġu li jkunu riflessi fi prijoritajiet ċari: l-attrazzjoni b'mod permanenti ta' aktar nies lejn l-impjieg, it-tiżjid tan-numru ta' nies li jfittxu x-xogħol u l-modernizzazzjoni tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali; it-titjib ta' l-adattabbiltà tal-ħaddiema u ta’ l-intrapriżi; u t-tiżjid fl-investiment fil-kapital uman permezz ta’ titjib fl-edukazzjoni u fil-kompetenzi. |
(6) |
Għandha ssir reviżjoni sħiħa tal-Linji Gwida kull tliet snin biss, waqt li fis-snin intermedji sa l-2008 l-aġġornament tagħhom għandu jibqa' strettament limitat. |
(7) |
Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Kumitat għall-Protezzjoni Soċjali fformulaw opinjoni konġunta dwar il-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u għall-Impjiegi (2005-2008). |
(8) |
Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta' l-14 ta’ Ottubru 2004 dwar l-implementazzjoni tal-linji politiċi dwar l-impjiegi ta' l-Istati Membri (3) tibqa' valida bħala punt ta' riferiment, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-linji gwida għall-politika ta’ l-Istati Membri dwar l-impjiegi, kif stabbiliti fl-Anness, huma b'dan adottati.
Artikolu 2
Għandu jittieħed kont tal-linji gwida fl-implementazzjoni mill-Istati Membri tal-politika tagħhom dwar l-impjiegi, li dwarha għandu jsir rappurtaġġ fil-programmi ta’ riforma nazzjonali.
Artikolu 3
Din id-deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmula fi Brussell, nhar it-12 tà Lulju 2005.
Għall-Kunsill
Il-President
G. BROWN
(1) Opinjoni maghtija fis-26.5.2005 (Għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Opinjoni maghtija fis-31.5.2005 (Għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(3) ĠU L 326, 19.10.2004, p. 47.
ANNESS
Linji Gwida dwar l-Impjiegi (2005-2008)
(Linji Gwida integrati Nru 17-24)
— |
Linja Gwida Nru 17: L-implementazzjoni tal-politika dwar l-impjiegi mmirata lejn l-eliminazzjoni tal-qgħad, it-titjib fil-kwalità tax-xogħol u fil-produttività fuq ix-xogħol, u t-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali u territorjali |
— |
Linja Gwida Nru 18: Il-promozzjoni ta’ approċċ għax-xogħol ibbażat fuq iċ-ċiklu tal-ħajja |
— |
Linja Gwida Nru 19: Il-kreazzjoni ta' swieq tax-xogħol li jkunu inklussivi, it-tiżjid ta' l-attrazzjoni tax-xogħol u fir-rimunerazzjoni minnu għal min ifittxu, inklużi l-persuni żvantaġġati u l-inattivi |
— |
Linja Gwida Nru 20: It-titjib fir-risposta għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol |
— |
Linja Gwida Nru 21: Il-promozzjoni tal-flessibbiltà flimkien mas-sigurtà ta’ l-impjieg u t-tnaqqis fis-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol, b’kont dovut meħud tar-rwol tas-sħab soċjali |
— |
Linja Gwida Nru 22: L-evoluzzjoni ta' spiża tax-xogħol u ta' mekkaniżmi li jiddeterminaw is-salarji li tkun favur l-impjieg. |
— |
Linja Gwida Nru 23: L-espansjoni u t-titjib ta' l-investiment fil-kapital uman |
— |
Linja Gwida Nru 24: L-adattament tas-sistemi ta’ l-edukazzjoni u tat-taħriġ bi tweġiba għal kull ħtieġa ġdida f'termini ta’ kompetenzi |
Linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi ta' l-Istati Membri
L-Istati Membri, f’koperazzjoni mas-sħab soċjali, għandhom isegwu l-linji politiċi tagħhom bil-ħsieb ta’ l-implementazzjoni ta’ l-għanijiet u l-prijoritajiet għal azzjoni kif speċifikat hawn taħt. B’riflessjoni ta’ l-istrateġija ta’ Lisbona, il-linji politiċi ta’ l-Istati Membru għandhom irawmu b’mod bilanċjat:
— L-eliminazzjoni tal-qgħad : Il-kisba ta' riduzzjonijiet u ta' l-eliminazzjoni tal-qgħad u ta' l-inattività, billi tiġi miżjuda d-domanda għall-ħaddiema u n-numru ta' nies li jfittxu x-xogħol, hija vitali għas-sosteniment tat-tkabbir ekonomiku u t-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali;
— Titjib fil-kwalità tax-xogħol u fil-produttività fuq ix-xogħol : L-isforzi sabiex jiġu miżjuda r-rati ta’ l-impjiegi imorru id f’id ma’ l-għan li l-impjiegi jsiru aktar attraenti, li titjieb il-kwalità tax-xogħol, li titkabbar il-produttività tax-xogħol, u li jitnaqqas in-numru ta’ ħaddiema fqar. Is-sinerġiji bejn il-kwalità tax-xogħol, il-produttività u l-impjiegi għandhom ikunu sfruttati b’mod sħiħ;
— It-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali u territorjali : Hemm il-ħtieġa ta' azzjoni determinata sabiex tissaħħaħ l-inklużjoni soċjali, tiġi evitata l-esklużjoni mis-suq tax-xogħol u tkun sostnuta l-integrazzjoni fl-impjieg ta’ persuni li jinsabu fi żvantaġġ, kif ukoll sabiex jitnaqqsu d-disparitajiet reġjonali f’termini ta’ impjiegi, qgħad u produttività tax-xogħol, speċjalment fir-reġjuni li għadhom lura;
L-opportunijet ugwali u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni huma essenzjali għall-progress. L-integrazzjoni sistematika ta' l-ugwaljanza tas-sessi u l-promozzjoni ta’ l-ugwaljanza tas-sessi għandhom ikunu żgurati fl-azzjoni kollha meħuda. Bħala parti minn approċċ interġenerazzjonali ġdid, attenzjoni partikolari għandha tingħata lis-sitwazzjoni taż-żgħażagħ, bl-implementazzjoni tal-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ, u lill-promozzjoni ta’ l-aċċess għall-impjieg matul il-ħajja tax-xogħol. Attenzjoni partikolari għandha tingħata wkoll li jitnaqqsu b’mod sinifikattiv id-differenzi f'termini ta' impjieg għal persuni fi żvantaġġ, inklużi persuni diżabbli, kif ukoll bejn ċittadini ta’ pajjiżi terzi u ċittadini ta’ l-UE, b’mod konformi ma’ kwalunkwe mira nazzjonali.
Fl-azzjoni li jieħdu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw governanza tajba tal-politika dwar l-impjiegi. Għandhom jistabbilixxu firxa wiesgħa ta' sħubija għal bidla billi jinvolvu korpi parlamentari u partijiet interessati, inklużi dawk fil-livelli reġjonali u lokali. Is-sħab soċjali Ewropej u nazzjonali għandhom ikollhom rwol ċentrali. Numru ta’ miri u punti ta’ riferiment li ġew stabbiliti fuq il-livell ta’ l-UE fil-qafas ta’ l-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi fil-kuntest tal-linji gwida ta’ l-2003 huma inklużi fl-aħħar ta' dan l-Anness u għandhom ikomplu jiġu segwiti b’indikaturi u scoreboards. L-Istati Membri huma wkoll imħeġġa jiddefinixxu l-impenji u l-miri tagħhom stess, li għalihom għandhom jieħdu kont ta’ dawn, kif ukoll tar-rakkomandazzjonijiet ta’ l-2004 miftiehma fuq il-livell ta’ l-UE.
Governanza tajba teħtieġ ukoll effiċjenza akbar fl-allokazzjoni tar-riżorsi amministrattivi u finanzjarji. Bi ftehim mal-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jimmiraw lejn ir-riżorsi tal-Fondi Strutturali, b’mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew, dwar l-implementazzjoni ta’ l-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi u għandhom jirrapportaw dwar l-azzjoni meħuda. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lit-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali u amministrattiva fl-Istati Membri.
Linja Gwida Nru 17: L-implementazzjoni tal-politika dwar l-impjiegi mmirata lejn l-eliminazzjoni tal-qgħad, it-titjib fil-kwalità tax-xogħol u fil-produttività fuq ix-xogħol, u t-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali u territorjali.
Il-politika għandha tikkontribwixxi sabiex fl-Unjoni Ewropea (UE) tintlaħaq rata medja ta’ impjiegi, globalment, ta’ 70%, ta’ mill-inqas 60% għan-nisa u ta’ 50% għal ħaddiema akbar fl-età (55 sa 64 sena) sa l-2010, u sabiex jitnaqqsu l-qgħad u l-inattività. L-Istati Membri għandhom jikkonsidraw l-istabbiliment ta’ miri ta’ rata ta’ impjiegi nazzjonali.
Meta jiġu indirizzati dawn l-għanijiet, l-azzjoni għandha tikkonċentra fuq il-prijoritajiet li ġejjin:
— |
L-attrazzjoni b'mod permanenti ta' aktar nies lejn l-impjieg, it-tiżjid tan-numru ta' nies li jfittxu x-xogħol u l-modernizzazzjoni tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali; |
— |
It-titjib ta' l-adattabbiltà tal-ħaddiema u ta’ l-intrapriżi; |
— |
It-tiżjid ta' l-investiment fil-kapital uman permezz ta’ titjib fl-edukazzjoni u fil-kompetenzi. |
1. L-ATTRAZZJONI B'MOD PERMANENTI TA' AKTAR NIES LEJN L-IMPJIEG, IT-TIŻJID TAN-NUMRU TA' NIES LI JFITTXU X-XOGĦOL U L-MODERNIZZAZZJONI TAS-SISTEMI TA’ PROTEZZJONI SOĊJALI
Li jiġu miżjuda l-livelli ta’ l-impjiegi huwa l-aktar mezz effettiv għall-ġenerazzjoni tat-tkabbir ekonomiku u sabiex jiġu promossi ekonomiji soċjalment inklussivi filwaqt li tkun żgurata xibka tas-sigurtà għal dawk li ma jkunux jistgħu jaħdmu. Li tiġi promossa provvista ta’ xogħol akbar fil-gruppi kollha, approċċ ġdid għax-xogħol ibbażat fuq iċ-ċiklu tal-ħajja u l-modernizzazzjoni tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali sabiex tiġi żgurata l-adegwatezza u s-sostenibbiltà finanzjarja tagħhom u l-kapaċità tagħhom li jirrispondu għall-ħtiġijiet li qegħdin jinbidlu fis-soċjetà, huma assolutament aktar meħtieġa minħabba d-diminuzzjoni antiċipata fil-popolazzjoni ta’ nies ta’ l-età tax-xogxhol. Hemm bżonn li tingħata attenzjoni speċjali sabiex jiġu indirizzati d-differenzi persistenti fl-impjieg bejn in-nisa u l-irġiel, u r-rati baxxi ta’ impjiegi għal ħaddiema akbar fl-età u għaż-żgħażagħ, bħala parti minn approċċ interġenerazzjonali ġdid. Tinħtieġ ukoll azzjoni sabiex jiġi trattat il-qgħad fost iż-żgħażagħ li f’medja huwa d-doppju tar-rata ġenerali tal-qgħad. Għandhom jiġu stabbiliti l-kondizzjonijiet adattati sabiex jiġi ffaċilitat il-progress fl-impjiegi, kemm fir-rigward ta' l-ewwel impjieg, kemm fir-rigward ta' ritorn għax-xogħol wara pawsa kif ukoll fir-rigward tax-xewqa li tiġi mtawla l-ħajja tax-xogħol. Il-kwalità ta’ l-impjiegi, inklużi l-pagi u l-benefiċċji, il-kondizzjonijiet tax-xogħol, is-sigurtà ta’ l-impjieg, l-aċċess għal tagħlim matul il-ħajja u l-prospetti ta’ karriera, hija kruċjali, hekk kif huma wkoll is-sostenn u l-inċentivi li jiġu minn sistemi ta’ protezzjoni soċjali.
Linja Gwida Nru 18: Il-promozzjoni ta’ approċċ għax-xogħol ibbażat fuq iċ-ċiklu tal-ħajja permezz ta’:
— |
sforz imġedded sabiex ikunu żviluppati opportunitajiet ta’ impjieg għaż-żgħażagħ u jitnaqqas il-qgħad fosthom kif mitlub fil-Patt għaż-Żgħażagħ Ewropej; |
— |
azzjoni determinata sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni femminili u jitnaqqsu d-differenzi bejn is-sessi f'termini ta' impjiegi, qgħad u pagi; |
— |
rikonċiljazzjoni aħjar tal-ħajja tax-xogħol ma' dik privata u aċċessibbiltà, anki f'termini ta' spejjeż, ta’ faċilitajiet ta’ kura għat-tfal u ta' kura għal dipendenti oħra; |
— |
sostenn għal xjuħija attiva, inklużi kondizzjonijiet tax-xogħol adattati, status tas-saħħa (professjonali) imtejjeb u inċentivi adegwati għax-xogħol u l-iskoraġġiment ta’ rtirar kmieni; |
— |
sistemi ta’ protezzjoni soċjali moderni, inklużi pensjonijiet u kura tas-saħħa, li jiżguraw l-adegwatezza soċjali tagħhom, is-sostenibbiltà finanzjarja tagħhom u l-kapaċità tagħhom li jirrispondu għall-ħtiġijiet li qegħdin jinbidlu, sabiex hekk isostnu l-parteċipazzjoni u l-impjieg fuq bażi permanenti u l-ħajja tax-xogħol itwal. |
Ara wkoll il-linja gwida integrata “Għas-salvagwardja tas-sostenibbiltà ekonomika u fiskali bħala bażi għal żjieda fl-impjiegi” (Nru 2).
Li jkun faċilitat l-aċċess għall-impjieg għal dawk li jfittxu mpjieg, li jkun evitat il-qgħad u li jkun żgurat li dawk li jitilfu l-impjieg jibqgħu viċin is-suq tax-xogħol u li tiżdied il-possibbiltà tagħhom li jiġu mpjegati huma essenzjali sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni u tkun miġġielda l-esklużjoni soċjali. Dan jitlob li jitneħħew l-ostakoli għas-suq tax-xogħol billi tiġi provduta assistenza għal tfittxija effettiva għal impjieg, billi jkun faċilitat l-aċċess għat-taħriġ u miżuri attivi oħra tas-suq tax-xogħol u billi jkun żgurat li x-xogħol iħalli ħlas xieraq, kif ukoll billi jitneħħew nases tal-qgħad, tal-faqar u ta’ l-inattività. Għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-promozzjoni ta’ l-inklużjoni ta’ persuni żvantaġġati, inklużi ħaddiema ta' kompetenzi inferjuri, fis-suq tax-xogħol, anke permezz ta’ l-espansjoni tas-servizzi soċjali u l-ekonomija soċjali, kif ukoll l-iżvilupp ta’ sorsi ġodda ta’ impjiegi bi tweġiba għal ħtiġijiet kollettivi. Il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, il-promozzjoni ta’ l-aċċess għal impjieg għal persuni b’diżabbiltà u l-integrazzjoni ta’ l-immigranti u l-minoranzi huma partikolarment essenzjali.
Linja Gwida Nru 19: Il-kreazzjoni ta' swieq tax-xogħol li jkunu inklussivi, it-tiżjid ta' l-attrazzjoni tax-xogħol u fir-rimunerazzjoni minnu għal min ifittxu, inklużi l-persuni żvantaġġati u l-inattivi, permezz ta’:
— |
miżuri konnessi mas-suq tax-xogħol li jkunu attivi u preventivi, inklużi l-identifikazzjoni bikrija tal-ħtiġijiet, assistenza fit-tfittxija għal impjieg, gwida u taħriġ bħala parti minn pjanijiet ta’ azzjoni personalizzati, servizzi soċjali meħtieġa provduti sabiex isostnu l-inklużjoni ta’dawk il-persuni li jinsabu l-aktar 'il bogħod mis-suq tax-xogħol u sabiex jikkontribwixxu għall-qerda tal-faqar; |
— |
reviżjoni kontinwa ta’ l-inċentivi u d-disinċentivi li jirriżultaw mis-sistemi tat-taxxa u tal-benefiċċji inklużi l-amministrazzjoni u l-kondizzjonalità tal-benefiċċji u tnaqqis sinifikattiv fir-rati tat-taxxa marġinali effettivi għoljin, b'mod partikolari għal dawk bi dħul baxx, filwaqt li jiġu żgurati livelli adegwati ta’ protezzjoni soċjali; |
— |
l-iżvilupp ta’ sorsi ġodda ta’ impjiegi fis-servizzi għal individwi u negozji, notevolment fil-livell lokali. |
Sabiex aktar persuni jkunu jistgħu jsibu impjieg aħjar, jeħtieġ ukoll li tiġi msaħħa l-infrastruttura tas-suq tax-xogħol fuq il-livell nazzjonali u ta’ l-UE, inkluż permezz tan-network EURES, sabiex hekk ikunu antiċipati u evitati aħjar nuqqasijiet fil-kollegament bejn domanda u offerta. F’dan il-kuntest, il-mobbiltà tal-ħaddiema fi ħdan l-UE hija ċentrali u għandha tkun żgurata b’mod sħiħ fi ħdan il-kuntest tat-Trattati ta’ l-UE. Għandha tingħata wkoll konsiderazzjoni sħiħa, fis-swieq tax-xogħol nazzjonali, lill-provvista ta’ xogħol addizzjonali li tirriżulta mill-immigrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi.
Linja Gwida Nru 20: It-titjib fir-risposta għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol permezz ta’:.
— |
il-modernizzazzjoni u t-tisħiħ ta’ l-istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol, notevolment tas-servizzi għall-impjiegi, anki bil-ħsieb li tiġi żgurata trasparenza akbar ta’ opportunitajiet ta’ impjieg u ta' taħriġ fil-livelil nazzjonali u Ewropew; |
— |
it-tneħħija ta' l-ostakoli għall-mobbiltà tal-ħaddiema fl-Ewropa kollha fil-qafas tat-Trattati ta' l-UE; |
— |
l-antiċipazzjoni aħjar tal-kompetenzi meħtieġa, tan-nuqqasijiet fis-suq tax-xogħol u ta' dawk il-fatturi li jimblokkaw is-suq tax-xogħol; |
— |
ġestjoni adattata tal-migrazzjoni ekonomika |
2 IT-TITJIB TA' L-ADATTABBILTÀ TAL-ĦADDIEMA U TA’ L-INTRAPRIŻI
L-Ewropa teħtieġ li ttejjeb il-kapaċità tagħha li tantiċipa, tagħti bidu u tassorbi l-bidla ekonomika u soċjali. Dan jeħtieġ infiq għal spejjeż tax-xogħol li jwasslu għal aktar impjiegi, forom moderni ta’ organizzazzjoni tax-xogħol, u swieq tax-xogħol li jaħdmu tajjeb u li jippermettu aktar flessibbiltà flimkien ma' sigurtà fl-impjieg sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-kumpanniji u tal-ħaddiema. Dan għandu jikkontribwixxi wkoll għall-prevenzjoni tal-ħolqien ta’ swieq tax-xogħol li jkunu maqsuma u għat-tnaqqis fix-xogħol li ma jkunx dikjarat.
Fl-ekonomija dejjem aktar globali ta’ llum, bil-ftuħ tas-swieq u l-introduzzjoni kontinwa ta’ teknoloġiji ġodda, kemm l-intrapriżi kif ukoll il-ħaddiema jiffaċċaw il-ħtieġa, u tassew l-opportunità, li jadattaw. Filwaqt li dan il-proċess ta’ tibdil strutturali huwa ġeneralment ta’ benefiċċju għat-tkabbir u għall-impjiegi, iġib ukoll trasformazzjonijiet li jfixklu lil xi ħaddiema u intrapriżi. L-intrapriżi jeħtieġu li jsiru aktar flessibbli sabiex iwieġbu għal bidliet ħesrem fid-domanda għall-merkanzija u għas-servizzi tagħhom, jadattaw għal teknoloġiji ġodda u jkunu f’pożizzjoni li jinnovaw b’mod kostanti sabiex jibqgħu kompetittivi. Għandhom jirrispondu wkoll għad-domanda dejjem tiżdied għall-kwalità ta’ l-impjiegi li hija relatata mal-preferenzi personali u t-tibdil fil-familja tal-ħaddiema, u sejrin ikollhom jiffaċċaw sitwazzjoni ta' forza tax-xogħol li qiegħda tixjiħ u ta' inqas ħaddiema ġodda żgħażagħ. Għall-ħaddiema, il-ħajja tax-xogħol qed issir aktar kumplessa hekk kif il-mudelli tax-xogħol isiru aktar varjati u irregolari u jeħtieġ li numru dejjem akbar ta’ transizzjonijiet jiġu amministrati b’suċċess tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu. B’ekonomiji li qed jinbidlu b’pass mgħaġġel u r-ristrutturazzjoni meħtieġa bħala riżultat ta’ dan, ikollhom jassimilaw metodi ġodda ta’ xogħol, inkluż aktar użu ta’ Teknoloġiji ta’ l-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT) u tibdil fl-istatus tagħhom tax-xogħol, u jkunu lesti jidħlu għal tagħlim tul il-ħajja. Il-mobbiltà ġeografika hija wkoll meħtieġa għal aċċess aktar ampju ta' opportunitajiet ta’ impjieg u fl-UE kollha b’mod ġenerali.
Linja Gwida Nru 21: Il-promozzjoni tal-flessibbiltà flimkien mas-sigurtà ta’ l-impjieg u t-tnaqqis fis-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol, b’kont dovut meħud tar-rwol tas-sħab soċjali, permezz ta’:
— |
l-adattament tal-liġi dwar l-impjiegi, b’reviżjoni fejn meħtieġ ta’ l-arranġamenti kontrattwali u tal-ħin tax-xogħol differenti; |
— |
l-indirizz tal-kwistjoni ta’ xogħol mhux dikjarat; |
— |
antiċipazzjoni aħjar u amministrazzjoni pożittiva tal-bidla, inkluż ir-ristrutturazzjoni ekonomika, notevolment tibdil marbut ma’ ftuħ ta’ negozju, sabiex b’hekk jiġu minimizzati l-ispejjeż soċjali tagħhom u jiġi faċilitat l-adattament; |
— |
il-promozzjoni u d-disseminazzjoni ta’ forom innovattivi u adattabbli ta’ organizzazzjoni tax-xogħol, bil-ħsieb li jiġu promossi l-kwalità u l-produttività fuq ix-xogħol, inkluż is-saħħa u s-sigurtà; |
— |
sostenn għal transizzjonijiet fl-istatus professjonali, inklużi t-taħriġ, l-impjieg indipendenti, it-tnedija ta' l-impriżi u l-mobbiltà ġeografika. |
Ara wkoll il-linja gwida integrata “Għall-promozzjoni ta' koerenza akbar bejn il-politika makro-ekonomika, il-politika strutturali u l-politika ta' l-impjiegi” (Nru 5).
Sabiex il-ħolqien ta’ l-impjiegi jilħaq l-ogħla livell tiegħu, sabiex tkun preservata l-kompetittività u jkun hemm kontribut għall-qafas ekonomiku ġenerali, l-iżviluppi salarjali ġenerali għandhom ikunu konformi mat-tkabbir fil-produttività fiċ-ċiklu ekonomiku u għandhom jirriflettu s-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol. Sforzi sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż mhux salarjali tax-xogħol u sabiex ikun rivedut it-tax wedge jistgħu wkoll ikunu meħtieġa sabiex ikun faċilitat il-ħolqien ta’ l-impjiegi, speċjalment fir-rigward ta’ impjiegi b’paga baxxa.
Linja Gwida Nru 22: L-evoluzzjoni ta' spiża tax-xogħol u ta' mekkaniżmi li jiddeterminaw is-salarji li tkun favur l-impjieg permezz ta’:
— |
l-inkoraġġiment tas-sħab soċjali fl-oqsma tar-responsabbiltajiet tagħhom stess sabiex jistabbilixxu il-qafas adatt għan-negozjar tal-pagi sabiex jirriflettu l-isfidi tal-produttività u tas-suq tax-xogħol fil-livelli rilevanti kollha u sabiex ikunu evitati differenzi bejn is-sessi fil-pagi; |
— |
ir-reviżjoni ta' l-impatt fuq l-impjiegi ta’ spejjeż tax-xogħol mhux relatati mal-pagi u fejn ikun il-każ jiġu aġġustati l-istrutturi u l-livell tagħhom, speċjalment sabiex jitnaqqas il-piż tat-taxxa fuq dawk b’paga baxxa |
Ara wkoll il-linja gwida integrata “Għal żviluppi salarjali li jikkontribwixxu għall-istabbiltà makro-ekonomika u għat-tkabbir” (Nru 4).
3 IT-TIŻJID TA' L-INVESTIMENT FIL-KAPITAL UMAN PERMEZZ TA’ TITJIB FL-EDUKAZZJONI U FIL-KOMPETENZI
L-Ewropa għandha bżonn li tinvesti aktar fil-kapital uman. Wisq persuni mhux qed jirnexxilhom jidħlu jew jibqgħu fis-suq tax-xogħol minħabba nuqqas ta’ kompetenzi, jew minħabba nuqqas ta’ kollegament bejn domanda u offerta fir-rigward ta' kompetenzi. Sabiex jissaħħaħ l-aċċess għax-xogħol għall-etajiet kollha, sabiex jiżdiedu l-livelli ta’ produttività u l-kwalità fuq ix-xogħol, l-UE teħtieġ investiment ogħla u aktar effettiv fil-kapital uman u fit-tagħlim tul il-ħajja għall-benefiċċju ta’ l-individwi, l-intrapriżi, l-ekonomija u s-soċjetà.
Ekonomiji bbażati fuq it-tagħrif u ekonomiji bbażati fuq is-servizzi jeħtieġu kompetenzi differenti minn industriji tradizzjonali; kompetenzi li wkoll jeħtieġu aġġornament kostanti wiċċ imb’wiċċ mal-bidla u l-innovazzjoni tekonoloġika. Il-ħaddiema, jekk iridu jibqgħu u jimxu ’l quddiem fix-xogħol, jeħtieġu li jakkumulaw u jġeddu l-kompetenzi tagħhom regolarment. Il-produttività ta’ l-intrapriżi hija dipendenti fuq il-bini u ż-żamma ta’ forza tax-xogħol li tistà tadatta ruħha għat-tibdil. Jeħtieġ li l-gvernijiet jiżguraw li l-livelli edukattivi miksuba jiġu mtejba u li ż-żgħażagħ ikunu mgħammra bil-kompetenzi prinċipali meħtieġa, b’mod konformi mal-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ. Il-partijiet interessati kollha għandhom ikunu mobilizzati sabiex jiżviluppaw u jrawmu kultura vera ta’ tagħlim tul il-ħajja sa mill-iċken età. Sabiex tinkiseb żjieda sostanzjali fl-investiment pubbliku u privat fir-riżorsi umani per capita u jkunu garantiti l-kwalità u l-effiċjenza ta’ dawn l-investimenti, huwa importanti li jkun żgurat il-qsim ġust u trasparenti ta’ l-ispejjeż u r-responsabbiltajiet bejn il-partijiet interessati kollha. L-Istati Membri għandhom jagħmlu użu aħjar mill-Fondi Strutturali u mill-Bank Ewropew ta’ l-Investiment għal investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ. Sabiex jiksbu dawn l-għanijiet, l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jistabbilixxu strateġiji komprensivi ta’ tagħlim tul il-ħajja sa l-2006 u li jimplementaw il-Programm ta’ Ħidma għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ ta’ l-2010.
Linja Gwida Nru 23: L-espansjoni u t-titjib ta' l-investiment fil-kapital uman permezz ta’:
— |
politika ta’ l-edukazzjoni u taħriġ inklussiva u azzjoni għall-faċilitazzjoni b’mod sinifikattiv ta’ l-aċċess għal edukazzjoni vokazzjonali inizjali, sekondarja u ogħla, inklużi l-apprendistat u t-taħriġ intraprenditorjali; |
— |
tnaqqis sinifikattiv tan-numru ta’ dawk li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien; |
— |
strateġiji effiċjenti ta’ tagħlim tul il-ħajja miftuħa għal kulħadd fl-iskejjel, f’negozji, fl-awtoritajiet pubbliċi u fid-djar skond ftehim Ewropej, inklużi inċentivi u mekkaniżmi ta’ qsim ta’ l-ispejjeż li jkunu adegwati, bil-ħsieb li tiġi msaħħa l-parteċipazzjoni f’taħriġ kontinwu u fuq il-post tax-xogħol matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu, speċjalment għal dawk bi ftit kompetenzi u ħaddiema akbar fl-età. |
Ara wkoll il-linja ta’ gwida integrata “Għal żjieda u titjib fl-investiment fl-R&D partikolarment mis-settur kummerċjali privat” (Nru 7).
Li jkunu stabbiliti għanijiet ambizzjużi u li jiżdied il-livell ta’ investiment mill-partijiet interessati kollha mhuwiex biżżejjed. Sabiex jiġi żgurat li fil-prattika l-provvista tissodisfa d-domanda, il-prezz tas-sistemi ta’ tagħlim tul il-ħajja għandhom ikunu jistgħu jitħallsu, ikunu aċċessibbli u kapaċi jirrispondu għall-ħtiġijiet li qegħdin jinbidlu. L-adattament u l-bini tal-kapaċità tas-sistemi ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ huma meħtieġa sabiex jiġu mtejba r-rilevanza tagħhom għas-suq tax-xogħol, il-kapaċità tagħhom li jirrispondu għall-ħtiġijiet ta’ l-ekonomija bbażata fuq it-tagħrif u tas-soċjetà u l-effiċjenza tagħhom. L-ICT jistgħu jintużaw sabiex itejbu l-aċċess għat-tagħlim u jfassluh aħjar skond il-ħtiġijiet ta’ min iħaddem u ta’ l-impjegati. Mobbiltà akbar kemm għall-finijiet ta’ xogħol kif ukoll għal finijiet ta’ tagħlim hija wkoll meħtieġa sabiex ikun hemm aċċess għal opportunitajiet ta’ xogħol b’mod aktar ampju madwar l-UE kollha. L-ostakoli li jibqgħu fit-triq tal-mobilità, fis-suq tax-xogħol Ewropew, għandhom jitneħħew, b’mod partikolari dawk relatati mar-rikonoxximent u t-trasparenza ta’ kwalifiki u kompetenzi. Sejjer ikun importanti li jsir użu mill-istrumenti u r-riferimenti Ewropej miftiehma sabiex ikunu sostnuti r-riformi tas-sistemi nazzjonali ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ, kif stipulat fil-Programm ta' Ħidma għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ ta' l-2010.
Linja Gwida Nru 24: L-adattament tas-sistemi ta’ l-edukazzjoni u tat-taħriġ bi tweġiba għal kull ħtieġa ġdida f'termini ta’ kompetenzi permezz ta’:
— |
it-tisħiħ u l-garanzija ta’ l-attrattività, ta' l-aċċessibbiltà u tal-kriterji ta’ kwalità ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ, l-offertà fuq skala aktar ampja ta’ opportunitajiet ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ u l-garanzija ta’ opportunitajiet ta’ tagħlim flessibbli u t-tiżjid ta' l-opportunitajiet ta' mobbiltà għal studenti u għal dawk li qed jitħarrġu; |
— |
il-faċilitazzjoni u d-diversifikazzjoni ta’ l-aċċess għal kulħadd għall-edukazzjoni u t-taħriġ u għat-tagħrif permezz ta’ l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, ta' servizzi ta’ sostenn għall-familja, ta' gwida professjonali u, fejn xieraq, ta' forom ġodda ta’ qsim ta’ spejjeż; |
— |
tweġiba għal ħtiġijiet okkupazzjonali ġodda, kompetenzi kruċjali u ħtiġijiet ta’ kompetenza futuri billi jittejbu d-definizzjoni u t-trasparenza ta’ kwalifiki, ir-rikonoxximent effettiv tagħhom u l-validazzjoni ta’ tagħlim mhux formali u informali. |
Miri u punti ta’ riferiment iffissati fil-qafas ta’ l-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi
Il-miri u l-punti ta’ riferiment li ġejjin ġew miftehma fil-kuntest ta’ l-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi fl-2003:
— |
li kull persuna qiegħda tiġi offruta bidu ġdid qabel ma tilħaq is-6 xhur ta’ qgħad fil-każ ta’ żgħażagħ u t-12-il xahar fil-każ ta’ adulti fil-forma ta’ taħriġ, taħriġ mill-ġdid, prattika ta' xogħol, impjiegi jew miżura oħra li tipprovdi impjieg, flimkien, fejn ikun il-każ, ma’ assistenza kontinwa għat-tfittxija ta’ impjieg |
— |
li 25% ta' dawk li ilhom qiegħda żmien twil għandhom jipparteċipaw sa l-2010 f’miżura attiva fil-forma ta’ taħriġ, taħriġ mill-ġdid, prattika ta' xogħol, jew miżura oħra li tipprovdi impjieg, bil-għan li tinkiseb il-medja milħuqa mit-tliet Stati Membri l-aktar avvanzati |
— |
li dawk li qed ifitxxu impjieg fl-UE kollha jkunu jistgħu jikkonsultaw l-offerti kollha ta' xogħol formulati permezz tas-servizzi għall-impjiegi ta’ l-Istati Membri |
— |
żjieda b’ħames snin, fuq il-livell ta’ l-UE, ta’ l-età medja effettiva ta’ l-irtirar mis-suq tax-xogħol sa l-2010 (meta mqabbla ma’ 59.9 fl-2001) |
— |
il-proviżjoni ta’ kura tat-tfal sa l-2010 għal mill-inqas 90% tat-tfal bejn it-3 snin u l-età skolastika obbligatorja u mill-inqas 33% tat-tfal taħt it-3 snin. |
— |
rata medja ta’ l-UE ta’ mhux aktar minn 10% ta’ dawk li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien |
— |
mill-inqas 85% ta’ dawk li għandhom 22 sena fl-UE għandhom ikunu kkompletaw l-edukazzjoni sekondarja għolja sa l-2010 |
— |
li l-livell medju ta’ l-UE ta' parteċipazzjoni f'tagħlim tul il-ħajja għandu jkun mill-inqas 12,5% tal-popolazzjoni adulta ta' l-età tax-xogħol (medda ta' età bejn il-25 u l-64) |