This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32016D2371
Decision (EU) 2016/2371 of the European Parliament and of the Council of 14 December 2016 providing further macro-financial assistance to the Hashemite Kingdom of Jordan
Deċiżjoni (UE) 2016/2371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2016 li tipprevedi assistenza makrofinanzjarja lir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan
Deċiżjoni (UE) 2016/2371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2016 li tipprevedi assistenza makrofinanzjarja lir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan
ĠU L 352, 23.12.2016, p. 18–25
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
23.12.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 352/18 |
DEĊIŻJONI (UE) 2016/2371 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-14 ta' Diċembru 2016
li tipprevedi assistenza makrofinanzjarja lir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 212(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Waqt li jaġixxu skont il-proċedura ordinarja leġislattiva (1),
Billi:
(1) |
Ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea (“l-Unjoni”) u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan (“il-Ġordan”) qegħdin jiżviluppaw fi ħdan il-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV). Il-Ġordan iffirma il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni (2) mal-Unjoni fl-24 ta' Novembru 1997, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Mejju 2002. Taħt dak il-ftehim, l-Unjoni u l-Ġordan gradwalment stabbilixxew żona ta' kummerċ ħieles matul perijodu tranżitorju ta' 12-il sena. Barra minn hekk, fl-2007 daħal dis-seħħ ftehim dwar liberalizzazzjoni ulterjuri tal-prodotti agrikoli (3). Fl-2010, ġiet miftiehma sħubija ta' Status Avvanzat bejn l-UE u l-Ġordan li tinvolvi oqsma ta' kooperazzjoni usa'. Il-protokoll dwar Mekkaniżmi għas-Soluzzjoni tat-Tilwim għall-kummerċ bejn l-UE u l-Ġordan inizjalat f'Diċembru 2009 daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2011. Id-djalogu politiku bilaterali u l-kooperazzjoni ekonomika bilaterali komplew jiżviluppaw fi ħdan il-qafas tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u l-Qafas ta' Appoġġ Uniku adottati għall-perijodu 2014-2017. |
(2) |
Mill-2011, il-Ġordan beda serje ta' riformi politiċi biex tissaħħaħ id-demokrazija parlamentari u l-istat tad-dritt. Twaqqfu Qorti Kostituzzjonali u Kummissjoni Elettorali Indipendenti u l-Parlament tal-Ġordan għadda numru ta' liġijiet ewlenin, inklużi l-Liġi Elettorali u l-Liġi dwar il-Partiti Politiċi kif ukoll liġijiet dwar id-deċentralizzazzjoni u l-muniċipalitajiet. |
(3) |
L-ekonomija tal-Ġordan sofriet b'mod sinifikanti mill-inkwiet reġjonali li li għaddej, b'mod partikolari fil-pajjiżi ġirien tal-Iraq u s-Sirja. Flimkien ma' ambjent globali aktar dgħajjef, dan l-inkwiet reġjonali laqat b'mod ħażin id-dħul estern u dgħajjef il-finanzi pubbliċi. L-influssi tat-turiżmu u ta' investiment dirett barrani ġew affettwati b'mod negattiv, b'rotot ta' kummerċ imblukkati u bil-fluss tal-gass naturali mill-Eġittu mfixkel. Barra minn hekk, l-ekonomija tal-Ġordan kienet milquta minn influss kbir ta' refuġjati Sirjani, li żied il-pressjoni fuq il-pożizzjoni fiskali tiegħu, fis-servizzi pubbliċi u l-infrastruttura. |
(4) |
Sa mill-bidu tal-kunflitti fis-Sirja fl-2011, l-Unjoni esprimiet l-impenn inekwivokabbli tagħha biex tappoġġa lill-Ġordan hekk kif jindirizza l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tal-kriżi Sirjana, u b'mod partikolari l-preżenza ta' għadd kbir ta' refuġjati Sirjani fit-territorju tiegħu. Hija żiedet l-appoġġ finanzjarju tagħha lejn il-Ġordan, waqt li saħħet il-kooperazzjoni f'ħafna oqsma, inkluża s-soċjetà ċivili, is-sistema elettorali, is-sigurtà, l-iżvilupp reġjonali u r-riformi soċjali u ekonomiċi. Barra minn hekk, l-Unjoni offriet il-possibbiltà lill-Ġordan li jikkonkludi ftehim dwar Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva. |
(5) |
F'dan il-kuntest ekonomiku u finanzjarju diffiċli, l-awtoritajiet tal-Ġordan u l-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) ftiehmu f'Awwissu 2012 dwar l-ewwel programm ta' aġġustament ekonomiku, li kien appoġġat minn Arranġament ta' Riżerva (Stand-By Arrangement — SBA) ta' tliet snin fl-ammont ta' USD 2 000 miljun. Dak il-programm tlesta b'suċċess f'Awwissu 2015. Taħt dak il-programm, il-Ġordan għamel progress konsiderevoli fil-konsolidazzjoni fiskali, megħjun ukoll minn tnaqqis fil-prezzijiet taż-żejt, u ma' għadd ta' riformi strutturali. |
(6) |
F'Diċembru 2012, il-Ġordan talab għal assistenza makrofinanzjarja kumplimentari mill-Unjoni. Bi tweġiba għal dan, f'Diċembru 2013 (4) ġiet adottata deċiżjoni li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja ta' EUR 180 miljun fil-forma ta' self (AMF-I). Il-Memorandum ta' Qbil li jiddefinixxi l-kundizzjonijiet ta' politika relatati mal-AMF-I daħal fis-seħħ fit-18 ta' Marzu 2014. Wara l-implimentazzjoni tal-miżuri maqbula ta' politika, l-ewwel ħlas parzjali ta' AMF-I kien imħallas fl-10 ta' Frar 2015 u t-tieni ħlas parjzali ġie mħallas fil-15 ta' Ottubru 2015. |
(7) |
Sa mill-bidu tal-kriżi Sirjana, l-Unjoni allokat kważi EUR 1 130 miljun lill-Ġordan. Dan jinkludi, b'żieda mal-EUR 180 miljun mill-ewwel operazzjoni għall-assistenza makrofinanzjarja, EUR 500 miljun f'kooperazzjoni regolari bilaterali pprogrammata għall-Ġordan ffinanzjata taħt l-Istrument Ewropew tal-Viċinat, madwar EUR 250 miljun mill-baġit umanitarju u aktar minn EUR 30 miljun mill-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi. Barra minn hekk, il-Bank Ewropew tal-Investiment ipprovda self fl-ammont ta' EUR 264 miljun disponibbli mill-2011 'l hawn. |
(8) |
L-intensifikazzjoni tal-kriżi Sirjana fl-2015 affettwat serjament il-Ġordan permezz tal-effetti fuq il-kummerċ, it-turiżmu u l-fiduċja tal-investituri. Il-Ġordan kien ukoll affettwat bi tnaqqis fl-appoġġ finanzjarju mill-pajjiżi tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, milquta minn tnaqqis fil-prezzijiet taż-żejt. B'riżultat ta' dan, it-tkabbir ekonomiku naqas għal darb'oħra, il-qgħad żdied u ħarġu ħtiġijiet ta' finanzjament estern u fiskali ġodda. |
(9) |
F'dan il-kuntest ta' sfida, l-Unjoni rriaffermat l-impenn tagħha li tappoġġa lill-Ġordan fil-proċess ta' riforma ekonomika u politika tagħha. B'mod partikolari, dak l-impenn ġie espress fil-konferenza “Supporting Syria and the Region”, li saret f'Londra fl-4 ta' Frar 2016, fejn l-Unjoni wiegħdet EUR 2 390 miljun fl-2016-2017 f'appoġġ finanzjarju għall-pajjiżi l-aktar milquta mill-kriżi tar-rifuġjati, inkluż il-Ġordan. L-appoġġ politiku u ekonomiku mill-Unjoni għall-proċess ta' riforma tal-Ġordan huwa konsistenti mal-politika tal-Unjoni għan-Nofsinhar tar-reġjun Mediterranju, kif stabbilit fil-kuntest tal-PEV. |
(10) |
Wara d-deterjorament tas-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tal-Ġordan, l-FMI u l-Ġordan bdew ukoll diskussjonijiet dwar arranġament suċċessur, li jista' jieħu l-forma ta' Faċilità ta' Finanzjament Estiż (“il-programm tal-FMI”) u x'aktarx ikopri perijodu ta' tliet snin, li jibda fir-Rebbiegħa tal-2016. Il-programm il-ġdid tal-FMI jkollu l-għan li jtaffi d-diffikultajiet għal żmien qasir tal-Ġordan fil-livell tal-bilanċ tal-pagamenti filwaqt li jinkoraġġixxi l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' aġġustament b'saħħithom. |
(11) |
F'Marzu tal-2016, fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika u l-prospett ekonomiku li kienu sejrin għall-agħar, il-Ġordan talab għal aktar assistenza makrofinanzjarja mill-Unjoni. |
(12) |
Minħabba li l-Ġordan hu pajjiż kopert mill-PEV, jenħtieġ li jkun ikkunsidrat bħala eliġibbli biex jirċievi l-assistenza makrofinanzjarja mill-Unjoni. |
(13) |
Jenħtieġ li l-assistenza makrofinanzjarja mill-Unjoni tkun strument finanzjarju eċċezzjonali ta' appoġġ mingħajr irbit u mhux speċifikata għall-bilanċ tal-pagamenti, bl-għan li tindirizza l-ħtiġijiet finanzjarji esterni immedjati tal-benefiċjarju u jenħtieġ li tirfed l-implimentazzjoni ta' programm ta' politika li fih miżuri qawwija ta' riforma strutturali u ta' aġġustament immedjat maħsuba biex itejbu l-pożizzjoni tal-bilanċ tal-pagamenti fuq perijodu ta' żmien qasir. |
(14) |
Minħabba li għad hemm diskrepanza sinifikanti fil-finanzjament estern residwu tal-bilanċ tal-pagamenti tal-Ġordan lil hinn mir-riżorsi pprovduti mill-FMI u minn istituzzjonijiet multilaterali oħrajn, l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni li tingħata lill-Ġordan, fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali attwali qed titqies bħala tweġiba xierqa għat-talba tal-Ġordan li tiġi appoġġata l-istabilizzazzjoni ekonomika flimkien mal-programm tal-FMI. L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tappoġġa l-aġenda tal-istabbilizzazzjoni ekonomika u tar-riforma strutturali tal-Ġordan, filwaqt li tissuplimenta r-riżorsi li huma disponibbli taħt l-arranġament finanzjarju tal-FMI. |
(15) |
Jenħtieġ li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jkollha l-għan li tappoġġa l-ħolqien mill-ġdid ta' sitwazzjoni finanzjarja esterna sostenibbli għall-Ġordan, u b'hekk tappoġġa l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tiegħu. |
(16) |
Id-determinazzjoni tal-ammont tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni hija bbażata fuq valutazzjoni kwantitattiva kompleta tal-ħtiġijiet ta' finanzjament estern residwu tal-Ġordan u tqis il-kapaċità tagħha ta' awtofinanzjament bir-riżorsi proprji, partikolarment ir-riżervi internazzjonali għad-dispożizzjoni tagħha. Jenħtieġ li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tikkomplimenta l-programmi u r-riżorsi pprovduti mill-FMI u l-Bank Dinji. Id-determinazzjoni tal-ammont tal-assistenza tqis ukoll il-kontribuzzjonijiet finanzjarji mistennija mingħand donaturi multilaterali u l-ħtieġa li tiġi żgurata kondiviżjoni ġusta tal-piżijiet bejn l-Unjoni u donaturi oħrajn, kif ukoll l-iskjerament diġà eżistenti tal-istrumenti ta' finanzjament esterni l-oħrajn tal-Unjoni fil-Ġordan u l-valur miżjud tal-involviment ġenerali tal-Unjoni. |
(17) |
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tkun legalment u sostanzjalment konformi mal-prinċipji u l-objettivi u l-miżuri ewlenin meħuda fl-oqsma differenti tal-azzjoni esterna, u ma' politiki oħrajn rilevanti tal-Unjoni. |
(18) |
Jenħtieġ li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tappoġġa l-politika esterna tal-Unjoni rigward il-Ġordan. Jenħtieġ li s-servizzi tal-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jaħdmu flimkien mill-qrib matul l-operazzjoni ta' assistenza makrofinanzjarja kollha bl-għan li jikkoordinaw il-politika esterna tal-Unjoni u li jiżguraw il-konsistenza tagħha. |
(19) |
Jenħtieġ li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tappoġġa l-impenn tal-Ġordan fir-rigward tal-valuri kondiviżi mal-Unjoni, fosthom id-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-iżvilupp sostenibbli u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll l-impenn tagħha lejn il-prinċipji ta' kummerċ miftuħ, ibbażat fuq ir-regoli u ġust. |
(20) |
Jenħtieġ li prekondizzjoni għall-għoti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tkun li l-Ġordan jirrispetta l-mekkaniżmi demokratiċi effettivi, inklużi sistema parlamentari b'diversi partiti, u l-istat tad-dritt, u jiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-objettivi speċifiċi tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jsaħħu l-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà fis-sistemi tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi fil-Ġordan, u jenħtieġ li jippromwovu r-riformi strutturali li għandhom l-għan li jappoġġaw it-tkabbir sostenibbli u inklussiv, il-ħolqien tal-impjiegi u l-konsolidazzjoni fiskali. Jenħtieġ li kemm it-twettiq tal-prekundizzjonijiet kif ukoll il-kisba ta' dawn l-objettivi jiġu mmonitorjati regolarment mill-Kummissjoni u mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna. |
(21) |
Sabiex tkun żgurata l-protezzjoni effikaċi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni marbuta mal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Ġordan jadotta l-miżuri xierqa relatati mal-prevenzjoni tal-frodi, il-korruzzjoni u kull irregolarità oħra marbuta ma' din l-assistenza, u l-ġlieda kontrihom. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġi previst li l-Kummissjoni twettaq verifiki u li l-Qorti tal-Awdituri twettaq il-kontrolli kontabilistiċi. |
(22) |
Ir-rilaxx tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni huwa mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, bħala awtorità baġitarja. |
(23) |
Jenħtieġ li l-ammonti li għandhom jiġu pprovduti meħtieġa għall-assistenza makrofinanzjarja jkunu konsistenti mal-approprjazzjonijiet baġitarji definiti fil-qafas finanzjarju pluriennali. |
(24) |
Jenħtieġ li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tiġi ġestita mill-Kummissjoni. Sabiex ikun żgurat li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu jistgħu jsegwu l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tinfurmahom regolarment bl-iżviluppi marbutin mal-assistenza u tipprovdilhom id-dokumenti rilevanti. |
(25) |
Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħat ta' implimentazzjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). |
(26) |
Jenħtieġ li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tkun soġġetta għal kundizzjonijiet ta' politika ekonomika, li għandhom jiġu stabbiliti f'Memorandum ta' Qbil. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni u għal raġunijiet ta' effiċjenza, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tinnegozja dawn il-kundizzjonijiet mal-awtoritajiet tal-Ġordan taħt is-superviżjoni tal-kumitat tar-rappreżentanti tal-Istati Membri skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011. Skont dan ir-Regolament, jenħtieġ li bħala regola ġenerali tapplika l-proċedura konsultattiva fil-każijiet kollha ħlief kif previst f'dan ir-Regolament. Meta jiġi kkunsidrat l-impatt potenzjalment importanti tal-assistenza ta' aktar minn EUR 90 miljun, huwa xieraq li l-proċedura ta' eżami tintuża għal operazzjonijiet li jeċċedu dak il-limitu. Meta jitqies l-ammont ta' assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni lill-Ġordan, jenħtieġ li l-proċedura ta' eżami tapplika għall-adozzjoni tal-Memorandum ta' Qbil, u għal kull tnaqqis, sospensjoni jew tħassir tal-assistenza, |
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. L-Unjoni għandha tagħmel assistenza makrofinanzjarja ta' ammont massimu ta' EUR 200 miljun disponibbli għall-Ġordan (“l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni”), bil-ħsieb li tappoġġa l-istabbilizzazzjoni ekonomika tal-Ġordan u aġenda ta' riforma sostantiva. L-assistenza għandha tikkontribwixxi biex tkopri l-ħtiġijiet tal-Ġordan għall-bilanċ tal-pagamenti kif inhuma identifikati fil-programm tal-FMI.
2. L-ammont sħiħ tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandu jiġi pprovdut lill-Ġordan fil-forma ta' self. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa, f'isem l-Unjoni, biex tissellef il-fondi meħtieġa mis-swieq kapitali jew minn istituzzjonijiet finanzjarji, u ssellifhom lill-Ġordan. Is-self għandu jkollu maturità medja massima ta' 15-il sena.
3. L-iżborż tal-assistenza makroekonomika tal-Unjoni għandu jkun ġestit mill-Kummissjoni b'mod konsistenti mal-ftehimiet jew arranġamenti milħuqa bejn l-FMI u l-Ġordan, u mal-prinċipji u l-objettivi ewlenin tar-riformi ekonomiċi stipulati fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ġordan, il-Qafas ta' Appoġġ Uniku għall-2014-2017 u l-Prijoritajiet ta' Sħubija tal-futur. Il-Kummissjoni għandha tinforma regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-iżviluppi fir-rigward tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, inklużi l-iżborżi tagħha, u għandha tipprovdi lil dawk l-istituzzjonijiet bid-dokumenti rilevanti fi żmien xieraq.
4. L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha ssir disponibbli għal perijodu ta' sentejn u nofs, li jibda mill-ewwel jum wara d-dħul fis-seħħ tal-Memorandum ta' Qbil imsemmi fl-Artikolu 3(1).
5. Jekk il-ħtiġijiet ta' finanzjament tal-Ġordan jonqsu b'mod fundamentali matul il-perijodu tal-iżborż tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni meta mqabbla mal-projezzjonijiet inizjali, il-Kummissjoni, filwaqt li taġixxi f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 7(2), għandha tnaqqas l-ammont tal-assistenza jew tissospendiha jew tħassarha.
Artikolu 2
1. Prekondizzjoni għall-għoti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun li l-Ġordan jirrispetta l-mekkaniżmi demokratiċi effettivi, inklużi sistema parlamentari b'diversi partiti, u l-istat tad-dritt, u jiggarantixxi r-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem.
2. Il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għandhom jimmonitorjaw li l-prekundizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tiġi ssodisfata matul iċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni.
3. Il-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu applikati skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE (6).
Artikolu 3
1. Il-Kummissjoni, skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 7(2), għandha tiftiehem mal-awtoritajiet tal-Ġordan dwar politika ekonomika u kundizzjonijiet finanzjarji definiti b'mod ċar, ikkonċentrati fuq riformi strutturali u finanzi pubbliċi sodi, li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun soġġetta għalihom, li għandhom jiġu stabbiliti f'Memorandum ta' Qbil (il-“Memorandum ta' Qbil”), li għandu jinkludi perijodu taż-żmien għat-twettiq ta' dawk il-kundizzjonijiet. Il-politika ekonomika u l-kundizzjonijiet finanzjarji stabbiliti fil-Memorandum ta' Qbil għandhom jkunu konsistenti mal-ftehimiet jew qbil imsemmija fl-Artikolu 1(3), inklużi l-programmi ta' aġġustament makroekonomiku u ta' riforma strutturali implimentati mill-Ġordan, bl-appoġġ tal-FMI.
2. Il-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jimmiraw, b'mod partikolari, li jtejbu l-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà tas-sistemi ta' ġestjoni tal-finanzi pubbliċi fil-Ġordan, inkluż għall-użu tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. Il-progress rigward il-ftuħ reċiproku tas-suq, l-iżvilupp ta' kummerċ ġust u bbażat fuq ir-regoli u prijoritajiet oħrajn fil-kuntest tal-politika esterna tal-Unjoni għandhom ukoll jitqiesu b'mod debitu fit-tfassil tal-miżuri ta' politika. Il-progress fil-ksib ta' dawn l-objettivi għandu jiġi mmonitorjat regolarment mill-Kummissjoni.
3. It-termini finanzjarji dettaljati tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom jiġu stipulati fi Ftehim dwar is-Self li għandu jintlaħaq bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Ġordan.
4. Il-Kummissjoni għandha tivverifika f'intervalli regolari li l-kundizzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 4(3) jibqgħu jiġu ssodisfati, inkluż jekk il-linji ta' politika ekonomika tal-Ġordan ikunux f'konformità mal-objettivi tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. Hija u tagħmel dan, il-Kummissjoni għandha tikkoordina mill-qrib mal-FMI u mal-Bank Dinji u, fejn ikun meħtieġ, mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill.
Artikolu 4
1. Suġġett għall-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3, l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun magħmula disponibbli mill-Kummissjoni f'żewġ ħlasijiet parzjali ta' self. Id-daqs ta' kull ħlas parzjali għandu jiġi stabbilit fil-Memorandum ta' Qbil.
2. L-ammonti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom jagħtu lok għal proviżjonament tal-Fond ta' Garanzija għall-azzjonijiet esterni, fejn meħtieġ, f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 (7).
3. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-iżborż tal-ħlasijiet parzjali soġġetti għat-twettiq tal-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a) |
il-prekundizzjoni stipulata fl-Artikolu 2; |
(b) |
rekord sodisfaċenti kontinwu fl-implimentazzjoni ta' programm ta' politika li fih miżuri ta' aġġustament u ta' riforma strutturali b'saħħithom appoġġati minn arranġament ta' kreditu mill-FMI mhux prekawzjonarju; u |
(c) |
l-implimentazzjoni sodisfaċenti tal-politika ekonomika u tal-kundizzjonijiet finanzjarji miftiehma fil-Memorandum ta' Qbil. |
L-iżborż tat-tieni ħlas parzjali m'għandux, fil-prinċipju, isir qabel tliet xhur wara l-iżborż tal-ewwel ħlas parzjali.
4. Fejn il-kundizzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 ma jiġux sodisfati, il-Kummissjoni għandha tissospendi jew tikkanċella temporanjament l-iżborż tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. F'tali każijiet, hija għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-raġunijiet għal dik is-sospensjoni jew il-kanċellazzjoni.
5. L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha titħallas lill-Bank Ċentrali tal-Ġordan. Soġġetti għad-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu miftiehma fil-Memorandum ta' Qbil, inkluża konferma tal-ħtiġijiet finanzjarji baġitarji residwi, il-fondi tal-Unjoni jistgħu jiġu ttrasferiti lill-Ministeru tal-Finanzi tal-Ġordan bħala l-benefiċjarju aħħari.
Artikolu 5
1. L-operazzjonijiet ta' teħid jew għoti ta' self marbutin mal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom isiru fil-munita euro bl-użu tal-istess data tal-valur u ma għandhomx jinvolvu lill-Unjoni fit-trasformazzjoni tal-maturitajiet, jew jesponuha għal kwalunkwe riskju marbut mar-rata tal-kambju jew mar-rata tal-imgħax, jew għal kwalunkwe riskju kummerċjali ieħor.
2. Fejn iċ-ċirkostanzi jippermettu, u jekk il-Ġordan jitlob dan, il-Kummissjoni tista' tieħu l-passi meħtieġa biex tiżgura li tiddaħħal klawsola dwar ir-rimborż bikri fit-termini u l-kundizzjonijiet ta' self u li din tkun appoġġata minn klawsola korrispondenti dwar it-termini u l-kundizzjonijiet tal-operazzjonijiet ta' teħid b'self.
3. Fejn iċ-ċirkostanzi jippermettu titjib fir-rata tal-imgħax tas-self u jekk il-Ġordan jitlob dan, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tiffinanzja mill-ġdid it-teħid b'self inizjali kollu jew parti minnu, jew tista' tirristruttura l-kundizzjonijiet finanzjarji korrispondenti. L-operazzjonijiet ta' finanzjament mill-ġdid jew ta' ristrutturar għandhom isiru f'konformità mal-paragrafi 1 u 4 u ma għandux ikollhom l-effett li jestendu l-maturità tat-teħid ta' self ikkonċernat jew li jżidu l-ammont ta' kapital pendenti fid-data tal-finanzjament mill-ġdid jew tar-ristrutturar.
4. L-ispejjeż kollha mġarrba mill-Unjoni li jkunu relatati mal-operazzjonijiet tal-għoti jew ta' teħid b'self skont din id-Deċiżjoni, għandhom jitħallsu mill-Ġordan.
5. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-iżviluppi fl-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3.
Artikolu 6
1. L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi implimentata skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) u r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 (9).
2. L-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun taħt ġestjoni diretta.
3. Il-Ftehim dwar is-Self imsemmi fl-Artikolu 3(3) għandu jkun fih dispożizzjonijiet:
(a) |
li jiżguraw li l-Ġordan jivverifika regolarment li l-finanzjament ipprovdut mill-baġit tal-Unjoni ntuża kif suppost, li dan jieħu miżuri xierqa biex jipprevjeni l-irregolaritajiet u l-frodi u, jekk ikun meħtieġ, jieħu azzjoni legali biex jirkupra kwalunkwe fondi pprovduti skont din id-Deċiżjoni li jkunu ġew approprjati ħażin; |
(b) |
li jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, b'mod partikolari billi jipprevedu miżuri speċifiċi f'dak li jikkonċerna l-prevenzjoni ta', u l-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe irregolarità oħra li taffettwa l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (10), ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2185/96 (11) u r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12); |
(c) |
li jawtorizzaw espressament lill-Kummissjoni, inkluż lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi, jew lir-rappreżentanti tiegħu li jwettqu verifiki, inklużi verifiki u spezzjonijiet fuq il-post; |
(d) |
li jawtorizzaw espressament lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri li jagħmlu awditjar matul u wara l-perijodu ta' disponibbiltà tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, inkluż awditjar ta' dokumenti u awditjar fuq il-post, bħal pereżempju valutazzjonijiet operazzjonali; u |
(e) |
li jiżguraw li l-Unjoni tkun intitolata għal ħlas lura bikri tas-self meta jkun stabbilit li, fir-rigward tal-ġestjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, il-Ġordan ikun ħa sehem f'xi att ta' frodi jew ta' korruzzjoni jew f'xi attività illegali oħra li tkun ta' detriment għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni. |
4. Qabel l-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tivvaluta, permezz ta' valutazzjoni operazzjonali, is-solidità tal-arranġamenti finanzjarji tal-Ġordan, il-proċeduri amministrattivi u l-mekkaniżmi ta' kontroll interni u esterni li huma rilevanti għall-assistenza.
Artikolu 7
1. Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna minn kumitat. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 8
1. Sat-30 ta' Ġunju ta' kull sena, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni fis-sena ta' qabel, inkluża evalwazzjoni ta' din l-implimentazzjoni. Dak ir-rapport għandu:
(a) |
jeżamina l-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni; |
(b) |
jivvaluta s-sitwazzjoni ekonomika u l-prospetti tal-Ġordan, kif ukoll il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta' politika msemmija fl-Artikolu 3(1); |
(c) |
jindika r-rabta bejn il-kundizzjonijiet tal-politika ekonomika stipulati fil-Memorandum ta' Qbil, il-prestazzjoni ekonomika u fiskali attwali tal-Ġordan u d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li tirrilaxxa l-ħlasijiet parzjali tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. |
2. Sa mhux aktar tard minn sentejn wara li jiskadi l-perijodu ta' disponibbiltà msemmi fl-Artikolu 1(4), il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport ta' evalwazzjoni ex-post lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jivvaluta r-riżultati u l-effiċjenza tal-assistenza makrofinanzjarja kompleta tal-Unjoni u sa liema punt din ikkontribwiet għall-għanijiet tal-assistenza.
Artikolu 9
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Strasburgu, l-14 ta' Diċembru 2016.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
M. SCHULZ
Għall-Kunsill
Il-President
I. KORČOK
(1) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2016 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Diċembru 2016.
(2) Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, min-naħa l-oħra (ĠU L 129, 15.5.2002, p. 3).
(3) Ftehim fl-għamla ta' Skambju ta' Ittri bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan dwar il-miżuri reċiproċi ta' liberalizzazzjoni u li jemenda l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni KE-Ġordan kif ukoll jibdel l-Annessi I, II, III u IV u l-Protokolli 1 u 2 ta' dak il-Ftehim (ĠU L 41, 13.2.2006, p. 3) (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: ĠU L 270 M, 29.9.2006, p. 142).
(4) Id-Deċiżjoni Nru 1351/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja lir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan (ĠU L 341, 18.12.2013, p. 4).
(5) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal- eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(6) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta' Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30).
(7) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 tal-25 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxi Fond ta' Garanzija għall-azzjonijiet esterni (ĠU L 145, 10.6.2009, p. 10).
(8) Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).
(9) Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).
(10) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1).
(11) Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).
(12) Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).
Dikjarazzjoni Konġunta mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni
Fid-dawl tal-isfidi fiskali u ċ-ċirkustanzi straordinarji li qiegħed jiffaċċja l-Ġordan minħabba li qiegħed jospita iktar minn 1,3 miljun Sirjan, il-Kummissjoni ser, fl-2017, jekk ikun xieraq, tippreżenta proposta ġdida sabiex testendi u żżid l-AMF lill-Ġordan, malli titlesta b'suċċess it-tieni AMF u dment li jkunu ssodisfati l-prekundizzjonijiet tas-soltu għal dan it-tip ta' assistenza, inkluża valutazzjoni aġġornata mill-Kummissjoni tal-ħtiġijiet ta' finanzjament estern tal-Ġordan. Din l-għajnuna kritika għall-Ġordan tgħin lill-pajjiż iżomm l-istabbiltà makroekonomika filwaqt li jżomm ukoll il-gwadanji fl-iżvilupp u jkompli bl-aġenda tar-riforma tal-pajjiż.