This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013AE0296
Opinion of the European Economic and Social Committee on the ‘Proposal for a Decision of the European Parliament and of the Council on a General Union Environment Action Programme to 2020 “Living well, within the limits of our planet” ’ COM(2012) 710 final — 2012/0337 (COD)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Programm Ġenerali ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 ‘Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna’ ” COM(2012) 710 final — 2012/0337 (COD)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Programm Ġenerali ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 ‘Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna’ ” COM(2012) 710 final — 2012/0337 (COD)
ĠU C 161, 6.6.2013, p. 77–81
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
6.6.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 161/77 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Programm Ġenerali ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 ‘Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna’ ”
COM(2012) 710 final — 2012/0337 (COD)
2013/C 161/15
Relatur: is-Sur RIBBE
Nhar it-12 ta’ Diċembru u nhar l-10 ta’ Diċembru 2012, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 192(3)tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Programm Ġenerali ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 “Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna”
COM(2012) 710 final – 2012/0337 (COD)
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-5 ta’ Marzu 2013.
Matul l-488 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-20 u l-21 ta’ Marzu 2013 (seduta tal-20 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni bi 82 vot favur, 4 voti kontra u 2 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Il-KESE jilqa’ l-abbozz tas-7 Programm ta’ Azzjoni Ambjentali (EAP). L-adozzjoni mill-Kunsill u l-Parlament tfisser li hemm kunsens politiku bejn l-istituzzjonijiet Ewropej ewlenin dwar kemm għadha serja s-sitwazzjoni ekoloġika, li hemm nuqqasijiet kbar fl-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni ambjentali Ewropea, li ħafna mill-isforzi li saru sal-lum il-ġurnata biex jiġu solvuti l-problemi attwali u dawk futuri ma kinux biżżejjed u dwar x’azzjonijiet ambjentali huma meħtieġa sal-2020. |
1.2 |
L-abbozz jikkonferma l-pożizzjoni espressa kemm-il darba mill-Kumitat li l-problemi ambjentali attwali fl-Ewropa mhumiex ir-riżultat ta’ nuqqas ta’ għarfien jew soluzzjonijiet, iżda r-riżultat ta’ nuqqas ta’ rieda politika biex tittieħed azzjoni. |
1.3 |
Madankollu, l-abbozz tas-7 EAP jiddistingwi ruħu, b’mod ġenerali u b’mod partikolari, minħabba n-nuqqas ta’ speċifiċità pjuttost milli għaċ-ċarezza tiegħu. Jekk it-titolu ta’ programm jistqarr li l-għan hu li ngħixu tajjeb “fil-limiti tal-pjaneta tagħna” allura tal-anqas b’mod bażiku għandhom jiġu deskritti l-limiti tal-pjaneta u tiġi stabbilita r-rabta bejn l-azzjonijiet politiċi konkreti ppjanati u l-effetti fuq l-attività soċjali u ekonomika fl-Ewropa. Sfortunatament dan mhuwiex il-każ fis-7 EAP. |
1.4 |
Għalhekk is-7 EAP huwa kkunsidrat aktar bħala rapport dwar is-sitwazzjoni tal-ambjent milli dokument politiku ġenwinament strateġiku jew programm ta’ azzjoni politika. |
1.5 |
Fil-fehma tal-KESE, is-7 EAP ma jiħux pożizzjoni ċara biżżejjed dwar il-bidliet ekonomiċi u soċjali meħtieġa għall-ksib tal-għanijiet tal-politika ambjentali. Il-KESE jfakkar li meta l-Kummissjoni ppreżentat l-inizjattiva ewlenija “Ewropa effiċjenti fir-riżorsi” enfasizzat li, biex jinkisbu l-bidliet meħtieġa, mhux biss jeħtieġ titjib teknoloġiku u bidliet fl-imġiba tal-produtturi u l-konsumaturi iżda wkoll “tranżizzjoni sinifikanti fis-sistemi tal-enerġija, industrijali, tal-biedja u tat-trasport”. |
1.6 |
Is-7 EAP janalizza b’mod adatt ħafna n-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tal-EAPs preċedenti. Is-7 EAP ftit li xejn jipprovdi approċċi dwar kif jistgħu jitnaqqsu jew jiġu solvuti dawn in-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni. Is-soċjetà ċivili talbet kważi l-iżviluppi pożittivi kollha għan-natura u l-ambjent. Fil-fehma tal-KESE, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huma atturi ċentrali fl-implimentazzjoni tas-7 EAP. Ir-rwol tagħhom fis-7 EAP għandu jiġi enfasizzat aktar u jissaħħaħ permezz ta’ għan prijoritarju addizzjonali. |
1.7 |
Ir-rwol tas-7 EAP produttiv għandu jkun li jiddeskrivi b’mod ħafna aktar ċar it-triq lil hinn mill-politika ambjentali klassika li tiffoka fuq it-teknika lejn l-iżvilupp sostenibbli. Is-7 EAP jiġi fi tmiemu fl-istess waqt li tintemm l-Istrateġija Ewropa 2020. Il-KESE kemm-il darba għamilha ċara li l-Istrateġija Ewropa 2020 ma tistax tissostitwixxi strateġija Ewropea dwar is-sostenibbiltà li tiddefinixxi l-miri u l-istrateġiji għall-iżvilupp sostenibbli fl-Ewropa, b’orizzont ta’ pjanar fit-tul u b’kunsiderazzjoni bbilanċjata tad-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali. Il-Kunsill u l-PE huma mistednin jistabbilixxu objettiv fis-7 EAP li tiġi żviluppata strateġija dwar is-sostenibbiltà ġenerali tal-UE, kif mitlub mill-Kunsill tal-Ministri tal-Ambjent fil-Konklużjonijiet tiegħu dwar il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (Rio+20) (Punt 3 tal-Konklużjonijiet dwar ir-riżultati ta’ Rio+20 u segwitu tas-Summit tal-UNCSD tal-2012, it-3 194 laqgħa tal-Kunsill Ambjent, il-Lussemburgu, 25 ta’ Ottubru 2012). Dan jista’ jagħti valur miżjud ġenwin lis-7 EAP. |
2. Introduzzjoni
2.1 |
Sa mill-bidu tas-sebgħinijiet ’il hawn, is-sitt Programmi ta’ Azzjoni Ambjentali (EAP) ikkontribwixxew b’mod deċiżiv għall-iżvilupp u t-tfassil tal-politika ambjentali tal-UE. Is-6 Programm ta’ Azzjoni Ambjentali skada f’Lulju 2012. Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew għalhekk talbu lill-Kummissjoni Ewropea biex tressaq programm li jkompli din il-ħidma. |
2.2 |
Skont il-Kummissjoni, l-għan tal-proposta għas-7 EAP huwa li jsaħħaħ il-kontribut tal-politika ambjentali dwar il-konservazzjoni tal-kapital naturali għat-tranżizzjoni lejn ekonomija li tagħmel użu effiċjenti mir-riżorsi u b’livell baxx ta’ CO2 u għall-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem. |
2.3 |
Il-proposta tinkludi rendikont tas-sitwazzjoni ekoloġika billi tiġbed l-attenzjoni b’mod partikolari għall-problema tat-telf kontinwu tal-kapital naturali, inkluż il-bijodiversità. Jiġi espress tħassib ukoll dwar il-fatt li r-riżorsi naturali għadhom qed jinħlew minħabba użu ineffiċjenti kif ukoll dwar it-tniġġis kontinwu tal-arja u tal-ilma u t-tniġġis minn sustanzi perikolużi. |
2.4 |
In-nuqqas ta’ implimentazzjoni effettiva tal-leġislazzjoni ambjentali attwali u l-istandards stabbiliti fl-Istati Membri huwa meqjus bħala sors ewlieni tal-problema. |
2.5 |
Il-Kummissjoni kkonkludiet li “hemm evidenza li l-limiti planetarji għall-bijodiversità, it-tibdil fil-klima u ċ-ċiklu tan-nitroġenu diġà ġew issuperati”. |
2.6 |
Is-7 EAP imur kontra dan il-fatt billi jressaq il-viżjoni “Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna” għall-2050 u jistabbilixxi qafas għall-azzjoni politika fil-qasam tal-ambjent sal-2020 li jiffoka fuq disa’ għanijiet prijoritarji: |
2.7 |
Il-KESE diġà pparteċipa fl-istadji preliminari tad-diskussjoni dwar is-7 EAP permezz ta’ opinjoni esploratorja fuq talba tal-Presidenza Daniża (1). F’din l-Opinjoni, il-Kumitat enfasizza li l-problemi ambjentali attwali tal-Ewropa huma r-riżultat ta’ nuqqas ta’ rieda politika biex tittieħed azzjoni. Il-Kumitat iqis li mhuwiex ċar kif is-7 EAP għandu jkun relatat mal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-inizjattiva ewlenija u l-pjan direzzjonali għal Ewropa effiċjenti fir-riżorsi. Il-Kumitat talab li terġa’ tingħata ħajja lill-istrateġija tas-sostenibbiltà, li jingħażel is-7 EAP orjentat lejn l-implimentazzjoni bħala l-istrateġija ta’ implimentazzjoni tal-politika ambjentali, li l-inizjattiva ewlenija “Ewropa effiċjenti fir-riżorsi” tiġi integrata fl-inizjattivi separati kollha u li titqies il-koordinazzjoni mill-qrib bejn il-kunsiderazzjonijiet tal-politika ambjentali u dik ekonomika. |
3. Kummenti ġenerali
3.1 |
Fil-fehma tal-Kumitat, il-valur miżjud politiku ewlieni tas-7 EAP huwa l-fatt li jiġi deċiż mill-Kunsill u l-Parlament, għall-kuntrarju tal-istrateġiji tal-politika ambjentali, l-inizjattivi ewlenin u l-pjani direzzjonali attwali tal-Kummissjoni. B’hekk sa ċertu punt jintlaħaq kunsens bejn l-istituzzjonijiet Ewropej ewlenin dwar x’azzjonijiet huma meħtieġa fil-qasam tal-politika ambjentali sal-2020. |
3.2 |
Is-7 EAP jipprovdi b’hekk punt ta’ referenza għal deċiżjonijiet futuri meħuda minn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi u l-istituzzjonijiet fil-livell tal-UE kif ukoll fl-Istati Membri, fejn japplika l-EAP. |
3.3 |
Il-KESE jilqa’ wkoll il-preżentazzjoni tas-7 EAP għaliex, permezz ta’ deċiżjoni vinkolanti, il-Kunsill u l-Parlament flimkien ikunu qed jagħmluha ċara li s-sitwazzjoni ekoloġika għadha serja ħafna, li hemm nuqqasijiet kbar fl-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni ambjentali Ewropea u li ħafna mill-isforzi li saru sal-lum il-ġurnata biex jiġu solvuti l-problemi attwali u dawk futuri ma kinux biżżejjed. |
3.4 |
F’termini ta’ kontenut, essenzjalment il-Programm jirrepeti dak li ġie stabbilit diġà fil-komunikazzjonijiet, l-istrateġiji, l-inizjattivi ewlenin u l-pjani direzzjonali tal-Kummissjoni fil-qasam tal-politika ambjentali. Madankollu, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Parlament dawn jingħataw valur politiku importanti. |
3.5 |
Madankollu, l-abbozz tas-7 EAP jiddistingwi ruħu, b’mod ġenerali u b’mod partikolari, minħabba n-nuqqas ta’ speċifiċità pjuttost milli għaċ-ċarezza tiegħu. Jekk it-titolu ta’ programm jistqarr li l-għan hu li ngħixu tajjeb “fil-limiti tal-pjaneta tagħna” allura tal-anqas b’mod bażiku għandhom jiġu deskritti l-limiti tal-pjaneta u tiġi stabbilita fid-dettall ir-rabta bejn l-azzjonijiet politiċi konkreti ppjanati u l-effetti fuq l-attività soċjali u ekonomika fl-Ewropa. Sfortunatament dan mhuwiex il-każ fis-7 EAP. |
3.6 |
F’punti fejn huwa aktar konkret, il-programm jonqos milli jistabbilixxi responsabbiltajiet konkreti u kriterji ta’ reviżjoni li bihom ikunu jistgħu jiġu mmonitorjati l-ksib tal-objettivi u l-implimentazzjoni tal-miżuri. |
3.7 |
Għalhekk is-7 EAP huwa kkunsidrat aktar bħala rapport dwar is-sitwazzjoni tal-ambjent milli dokument politiku ġenwinament strateġiku jew programm ta’ azzjoni politika. Dan huwa diżappuntanti għall-KESE, li fl-Opinjoni esploratorja tiegħu dwar is-7 EAP, kif ukoll fl-Opinjoni esploratorja tiegħu tal-2004 dwar “Assessing the EU sustainable development strategy” (Il-Valutazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għall-Iżvilupp Sostenibbli) (2) diġà kien talab għal tali programmi ewlenin konkreti u ċari. |
3.8 |
Il-Kumitat jinnota b’mod kritiku l-fatt li l-ħarsa ġenerali assolutament meħtieġa tal-politika ambjentali lil hinn mill-2020 hija dgħajfa ħafna. Diġà ħareġ fid-dieher li orizzont ta’ pjanar sal-2020 huwa qasir wisq għall-politika tal-enerġija u l-klima. Mis-7 EAP huwa diffiċli li wieħed jagħraf jekk l-objettivi u l-miżuri proposti għall-2020 humiex adatti u biżżejjed biex il-viżjoni għall-2050 “Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna” tkun tista’ tinkiseb realistikament. Jeħtieġ li tal-anqas ikun hemm pjanar ta’ żmien indikattiv tal-istadji futuri għall-2030 u l-2040, bħala parti mit-triq għall-ksib ta’ din il-viżjoni sal-2050. Barra minn hekk, l-Orizzont 2020 huwa qasir wisq biex jipprovdi sigurtà għall-investimenti fil-perjodu fit-tul fl-ekonomija ekoloġika. |
3.9 |
Fil-prinċipju, l-armonizzazzjoni tal-orizzont taż-żmien tal-ippjanar tal-azzjoni ambjentali flimkien mal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-inizjattivi ewlenin relatati għandha tintlaqa’ tajjeb. Il-perjodu tal-EAP jikkoinċidi wkoll mal-perjodu tal-perspettiva finanzjarja li jmiss 2014-2020, u dan jista’ jkun ta’ vantaġġ kbir jekk jiġu stabbiliti l-interrelazzjonijiet meħtieġa. Għalkemm waħda mid-disa’ prijoritajiet deskritti hija li jiġi provdut l-investiment meħtieġ għall-miżuri ambjentali, meta jiġu deskritti r-rekwiżiti ssir referenza vaga ħafna għall-ippjanar finanzjarju fil-perjodu medju tal-UE. Apparti minn hekk, is-7 EAP wasal tard wisq biex jinfluwenza dan l-ippjanar. |
3.10 |
L-għażla tad-disa’ għanijiet prijoritarji fis-7 EAP tagħti lok għal kritika. Pereżempju, “l-ambjent urban” huwa suġġett li ssemma kemm-il darba fl-EAPs preċedenti. Minkejja l-importanza kbira tal-“politika tal-ambjent urban”, l-influwenza tal-UE f’dan il-qasam hija relattivament baxxa. L-UE għandha influwenza akbar pereżempju fuq il-politika tat-trasport, li r-rilevanza partikolari tagħha għall-protezzjoni tal-klima kemm-il darba ġiet enfasizzata mill-Kummissjoni. Minkejja dan, il-politika tat-trasport bilkemm tissemma fil-proposta tas-7 EAP. |
3.11 |
Il-KESE jqis li jagħmel sens li l-integrazzjoni tas-soċjetà ċivili tiġi inkluża fl-EAP bħala għan prijoritarju separat (ara punt 4.4.9). |
3.12 |
Il-politika dwar il-kummerċ barrani tant hija rilevanti għall-politika Ewropea dwar l-ambjent u s-sostenibbiltà li f’dan il-qasam tista’ tiġi kklassifikata importanti daqs “l-ambjent urban” (3). |
3.13 |
Il-KESE jfakkar li meta l-Kummissjoni ppreżentat l-inizjattiva ewlenija “Ewropa effiċjenti fir-riżorsi” enfasizzat li, biex jinkisbu l-bidliet meħtieġa, mhux biss jeħtieġ titjib teknoloġiku u bidliet fl-imġiba tal-produtturi u l-konsumaturi iżda wkoll “tranżizzjoni sinifikanti fis-sistemi tal-enerġija, industrijali, tal-biedja u tat-trasport”. Mhuwiex biżżejjed li s-7 EAP jerġa’ jtenni t-talba għall-integrazzjoni tar-rekwiżiti ambjentali f’oqsma oħra ta’ politika, mingħajr ma jiddeskrivi t-“tranżizzjoni sinifikanti” meħtieġa ta’ ċerti setturi ekonomiċi lejn ekonomija u stili ta’ ħajja sostenibbli. |
3.14 |
Lanqas ma tittieħed l-opportunità biex tiġi spjegata aktar l-importanza tal-protezzjoni tar-riżorsi u tal-ambjent għall-iżvilupp ekonomiku, il-ħolqien ta’ impjiegi ġodda u kwalifikati. Il-KESE hawnhekk jirreferi fost affarijiet oħra għal opinjonijiet preċedenti (4). Ir-rabta bejn il-politika ambjentali, soċjali, tal-iżvilupp u dik ekonomika kif ukoll id-dimensjonijiet ewlenin tas-sostenibbiltà għandhom jiġu preżentati aħjar. |
3.15 |
Għaldaqstant, huwa ċar li l-importanza u r-rwol ta’ dan is-7 EAP għandhom ikunu li jiddeskrivu b’mod ħafna aktar ċar it-triq lil hinn mill-politika ambjentali klassika li tiffoka fuq it-teknika lejn l-iżvilupp sostenibbli. Is-7 EAP jiġi fi tmiemu fl-istess waqt li tintemm l-Istrateġija Ewropa 2020. Il-KESE kemm-il darba għamilha ċara li l-Istrateġija Ewropa 2020 ma tistax tissostitwixxi strateġija Ewropea dwar is-sostenibbiltà li tiddefinixxi l-miri u l-istrateġiji għall-iżvilupp sostenibbli fl-Ewropa, b’orizzont ta’ pjanar fit-tul u b’kunsiderazzjoni bbilanċjata tad-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali. Il-Kunsill u l-PE huma mistednin jistabbilixxu objettiv fis-7 EAP li tiġi żviluppata strateġija ġdida dwar is-sostenibbiltà ġenerali tal-UE, kif mitlub mill-Kunsill tal-Ministri tal-Ambjent fil-Konklużjonijiet tiegħu dwar il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (Rio+20) (Punt 3 tal-Konklużjonijiet dwar ir-riżultati ta’ Rio+20 u segwitu tas-Summit tal-UNCSD tal-2012, it-3 194 laqgħa tal-Kunsill Ambjent, il-Lussemburgu, 25 ta’ Ottubru 2012). Dan jista’ jagħti valur miżjud ġenwin lis-7 EAP. |
4. Kummenti speċifiċi
4.1 Għalissa l-KESE qed jikkumenta biss dwar dawk il-prijoritajiet, minn fost id-disa’, li huma l-aktar importanti għalih.
4.2 Għan prijoritarju 1: jiġi protett, ippreservat u msaħħaħ il-kapital naturali tal-UE
4.2.1 |
Fis-7 EAP għandu jiġi ċċarat li l-implimentazzjoni tal-proposti tal-Kummissjoni biex l-agrikoltura u s-sajd isiru aktar ekoloġiċi b’rabta mar-riforma tal-PAK u tal-PKS hija ta’ importanza prinċipali għaż-żamma tal-kapital naturali. |
4.2.2 |
Bir-raġun, il-proposta għas-7 EAP titlob li l-ħamrija titħares aħjar. L-evoluzzjoni tat-tniġġis tal-ħamrija, id-degradazzjoni tal-ħamrija u t-teħid tal-art fl-Ewropa għadhom kwistjonijiet ta’ tħassib. Fil-fehma tal-Kumitat, tinħtieġ azzjoni leġislattiva fil-livell Ewropew biex tiġi invertita din it-tendenza negattiva. Għaldaqstant, il-Kunsill għandu jkompli d-diskussjoni dwar id-direttiva dwar il-ħarsien tal-ħamrija mill-aktar fis possibbli. Barra minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea għandha tħeġġeġ lill-Istati Membri, permezz ta’ strateġija tematika, biex jieħdu passi favur it-tnaqqis tal-problema serja tal-użu tal-art għal finijiet ta’ trasport u bini u biex jagħtu spinta lill-protezzjoni tal-art agrikola u tal-foresti. |
4.3 Għan prijoritarju 2: biex l-UE ssir ekonomija effiċjenti fir-riżorsi, ekoloġika u kompetittiva, b’livelli baxx ta’ karbonju
4.3.1 |
Bl-inizjattiva ewlenija “Ewropa effiċjenti fir-riżorsi”, il-Kummissjoni qiegħdet l-użu aktar effiċjenti tar-riżorsi naturali fil-qalba tal-politika tagħha u stabbiliet stadji ewlenin bażiċi għall-2020 fil-pjan direzzjonali rilevanti. Madankollu, hija ħasra li l-għanijiet stabbiliti fil-punt 41 ma jirriflettux biżżejjed l-istadji ewlenin importanti. |
4.3.2 |
B’mod partikolari, id-diżakkoppjar (totali) tat-tkabbir ekonomiku mill-impatti ambjentali negattivi għandu jiġi inkluż fl-għanijiet, l-istess bħalma għandu jiġi inkluż l-għan li sal-2020 ikun hemm ftehim dwar miri ambizzjużi għall-użu effiċjenti tar-riżorsi u indikaturi affidabbli li ser jiggwidaw lill-individwi pubbliċi u privati li jieħdu d-deċiżjonijiet fit-tranżizzjoni lejn ekonomija b’użu effiċjenti tar-riżorsi (5). Barra minn hekk, il-Kumitat ifakkar li kien talab li d-Direttiva tal-Ekodisinn tintuża biex il-prodotti mhux sostenibbli jitwarrbu miċ-ċirkwit tal-ekonomija u biex din id-Direttiva mhux biss tintuża bil-għan tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija iżda wkoll biex titjieb l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi materjali (6). |
4.4 Għan prijoritarju 4: jiġu massimizzati l-benefiċċji ta’ leġislazzjoni ambjentali tal-UE
4.4.1 |
Il-valutazzjoni tas-6 EAP ħarġet fid-dieher b’mod ċar ħafna li n-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni ambjentali eżistenti huma l-aktar ostaklu serju għall-progress tant meħtieġ fil-qasam tal-ħarsien ambjentali. Għaldaqstant, ta’ min jilqa’ l-fatt li t-titjib fl-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni ambjentali tal-UE fil-livell tal-Istati Membri jingħata l-ogħla prijorità fis-7 EAP. |
4.4.2 |
Madankollu, il-Kummissjoni diġà tat l-ogħla prijorità lit-titjib tal-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni ambjentali fil-passat, mingħajr suċċess sinifikanti. Għalhekk għandu jitqies li hemm ostakli fundamentali li ma jistgħux jitneħħew sempliċiment billi jsir it-titjib propost fil-qasam tal-informazzjoni dwar il-leġislazzjoni ambjentali, il-mekkaniżmi ta’ kontroll u l-aċċess għall-ġustizzja. |
4.4.3 |
Huwa aktar deċiżiv il-fatt li f’ħafna Stati Membri hemm nuqqas ta’ rieda politika biex tingħata l-istess prijorità politika għolja lill-implimentazzjoni effettiva tal-leġislazzjoni ambjentali u biex l-awtoritajiet eżekuttivi kkonċernati jiġu provduti b’biżżejjed riżorsi u persunal ikkwalifikat u li jiġu provduti bl-appoġġ politiku meħtieġ f’każ ta’ kunflitt. |
4.4.4 |
Hemm paralleli evidenti mal-kriżi finanzjarja. Hekk kif il-kriżi finanzjarja faqqgħet minħabba l-użu mhux sostenibbli tar-riżorsi ekonomiċi, b’riżultat tan-nuqqas ta’ konformità mal-kriterji stabbiliti fit-Trattat ta’ Maastricht dwar l-istabbiltà tal-munita unika, il-kawża tal-problemi ambjentali tista’ tkun l-użu eċċessiv tar-riżorsi – f’dan il-każ, il-ħamrija, l-ilma, l-arja, il-klima u r-riżorsi fossilli u minerali mhux rinnovabbli, eċċ. |
4.4.5 |
Il-Kumitat jixtieq li fil-każ tal-kriżi ambjentali jkun hemm reazzjoni bħal dik mogħtija bil-miżuri adottati fil-patt fiskali għall-ġlieda kontra l-kriżi finanzjarja: linji gwida u indikaturi ċari, kontrolli u sanzjonijiet. Is-7 EAP ma jipprovdi xejn minn dan. L-approċċi stabbiliti mhumiex adegwati biex jitneħħew dawn in-nuqqasijiet strutturali fl-implimentazzjoni. L-objettivi proposti għall-applikazzjoni aħjar tal-leġislazzjoni sal-2020 mhumiex definiti tajjeb u ma jistgħux jiġu verifikati. |
4.4.6 |
Il-KESE huwa tal-fehma li l-konformità mal-leġislazzjoni tirrikjedi kontroll effettiv minn korpi indipendenti kif ukoll rieda kredibbli biex jiġu imposti jew aċċettati sanzjonijiet fejn ikun hemm bżonn. Għaldaqstant, il-KESE jistenna li s-7 EAP jestendi l-kriterji vinkolanti għall-kontrolli u l-monitoraġġ effettivi min-naħa tal-Istati Membri biex tiġi koperta l-leġislazzjoni ambjentali kollha tal-UE u li jipprevedi l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet komplementari fil-livell tal-UE. |
4.4.7 |
Barra minn hekk, l-inklużjoni fis-Semestru Ewropew tal-monitoraġġ tal-progress fl-implimentazzjoni tal-għanijiet ekoloġiċi, kif imsemmi fil-punt 82(f), għandha żżid l-attenzjoni tal-mexxejja politiċi fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri fuq din il-kwistjoni. Wara kollox, il-Kummissjoni enfasizzat kemm il-pressjonijiet kontinwi fuq l-ambjent jista’ jkollhom impatt negattiv anke fuq livell makroekonomiku. Ir-Rapport tal-2006 ta’ Stern dwar l-Analiżi tal-Ekonomija tat-Tibdil fil-Klima kif ukoll ir-rapport ta’ sinteżi tal-2010 tal-inizjattiva TEEB dwar l-Ekonomija tal-Ekosistemi u l-Bijodiversità jagħtu evidenza impressjonanti ta’ dan. |
4.4.8 |
Is-7 EAP għandu jiġi estiż biex jinkludi miżuri li jipprovdu inċentivi pożittivi għall-konformità mal-leġislazzjoni ambjentali. B’mod partikolari, l-akkoppjar tal-allokazzjoni ta’ fondi tal-UE lill-Istati Membri u l-entitajiet legali privati mal-prova ta’ konformità mal-leġislazzjoni ambjentali rilevanti huwa mod tajjeb kif titħeġġeġ il-konformità. Waħda mill-miri ewlenin tal-KESE għadha li jħeġġeġ lill-ekonomija biex tgħin fit-titjib tas-sitwazzjoni tal-ambjent permezz ta’ strateġiji kooperattivi kif ukoll permezz tal-komunikazzjoni tal-prattiki tajbin. |
4.4.9 |
Fl-aħħar, l-infurzar effettiv tal-ħarsien ambjentali jfisser l-għoti ta’ rwol attiv lis-soċjetà ċivili, fejn iċ-ċittadini jassumu rwol attiv ta’ sorveljanza. Fil-leġislazzjoni ambjentali Ewropea ġew introdotti strumenti għal dan il-għan b’mod partikolari b’segwitu għall-Konvenzjoni ta’ Aarhus – pereżempju, l-aċċess ħieles għall-informazzjoni ambjentali, il-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-proċess ta’ teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-leġislazzjoni ambjentali u l-aċċess għall-ġustizzja. Il-proposta għas-7 EAP tirreferi għal dawn l-istrumenti iżda ma tiddiskutix ir-rwol tas-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni ambjentali u lanqas ma tagħmel proposti aktar ġenerali. Is-soċjetà ċivili talbet kważi l-iżviluppi pożittivi kollha għan-natura u l-ambjent. Fil-fehma tal-KESE l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huma atturi ċentrali fl-implimentazzjoni tas-7 EAP. Ir-rwol tagħhom fis-7 EAP għandu jiġi enfasizzat aktar u jissaħħaħ permezz ta’ għan prijoritarju addizzjonali. Il-katalgu tal-miżuri għandu jiġi kkompletat b’approċċi għall-promozzjoni tal-impenn tas-soċjetà ċivili (pereżempju s-sħubijiet lokali tal-Aġenda 21 jew forums simili), il-ħolqien ta’ sħubijiet kif ukoll it-tisħiħ tal-involviment tas-soċjetà ċivili organizzata fil-kunsilli dwar l-ambjent jew dwar is-sostenibbiltà. |
4.5 Għan prijoritarju 6: jiġi assigurat l-investiment għall-politiki ambjentali u dwar il-klima u jkollna l-prezzijiet korretti
4.5.1 |
Jeħtieġ li tittieħed azzjoni għall-promozzjoni tal-investiment fil-politika ambjentali u dik dwar il-klima u huwa essenzjali li jiġu inklużi l-ispejjeż ekoloġiċi meta jiġu stabbiliti l-prezzijiet sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni lejn ekonomija b’użu effiċjenti tar-riżorsi u b’livell baxx ta’ karbonju. Għalhekk ta’ min jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni inkludiet dan is-suġġett bħala għan prijoritarju fil-proposta għas-7 EAP tagħha. Madankollu, anke f’dan il-każ, l-għanijiet proposti għall-2020 (punt 82(a) u (b)) huma vagi ħafna u ma jipprovdu l-ebda miżura ta’ suċċess li tista’ tiġi verifikata. |
4.5.2 |
Għal darb’oħra, hemm referenzi vagi għall-eliminazzjoni tas-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent, bħalma sar fl-istrateġija dwar is-sostenibbiltà tal-2006, fejn ġie mwiegħed li tiġi ppreżentata lista rilevanti. Il-politika ambjentali tal-UE tista’ titlef il-kredibbiltà tagħha jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni wara li jkunu saru avviżi ripetutament. Dan japplika wkoll għall-prinċipju ddikjarat kemm-il darba tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni jew ukoll għal dak tat-tranżizzjoni fundamentali mit-tassazzjoni tax-xogħol għat-tassazzjoni tal-ambjent bħala riżorsa limitata. |
Brussell, 20 ta’ Marzu 2013.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON
(1) Opinjoni tal-KESE dwar “is-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali u segwitu tas-Sitt Programm ta’ Azzjoni Ambjentali”, ĠU C 191, 29.6.2012, p. 1.
(2) Opinjoni tal-KESE dwar “Assessing the EU sustainable development strategy” (Il-valutazzjoni tal-istrateġija tal-UE dwar l-iżvilupp sostenibbli), ĠU C 117, 30.4.2004, p. 22-37,(mhux disponibbli bil-Malti).
(3) Opinjoni tal-KESE dwar “Kummerċ, Tkabbir u Affarijiet Dinjija – Il-Politika tal-Kummerċ bħala element prinċipali mill-Istrateġija tal-UE 2020”, ĠU C 43, 15.2.2012, p. 73-78.
(4) Opinjoni tal-KESE dwar “Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi”, ĠU C 11, 15.1.2013, p. 65-70.
(5) COM(2011) 571 final, stadji ewlenin 3.1.2. u 6.1,. ĠU C 181, 21.6.2012, p. 163-168.
(6) Opinjoni tal-KESE dwar “Il-promozzjoni tal-produzzjoni u l-konsum sostenibbli fl-UE”,. ĠU C 191, 29.6.2012, p. 6.