Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013IE2634

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Is-sigurtà tal-ikel u l-bijoenerġija” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

ĠU C 341, 21.11.2013, p. 16–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 341/16


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Is-sigurtà tal-ikel u l-bijoenerġija” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2013/C 341/04

Relatur: is-Sur CHIRIACO

Nhar l-14 ta’ Frar 2013, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Is-sigurtà tal-ikel u l-bijoenerġija.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-3 ta' Settembru 2013.

Matul l-492 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta' Settemrbu 2013 (seduta tat-18 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’173 vot favur, 3 voti kontra u 13-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jaħseb li l-kwistjoni tas-sigurtà tal-ikel trid titqiegħed fil-qalba tal-politiki tal-Unjoni Ewropea bħala prerekwiżit għal strateġija ta' stabbiltà globali.

1.2

Fid-dibattitu "ikel kontra fjuwil", filwaqt li jaqbel mal-Unjoni Ewropea dwar il-ħtieġa biex titnaqqas id-dipendenza tagħna mill-importazzjoni tal-karburanti fossili, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tipprijoritizza l-kwistjonijiet ta' sigurtà tal-provvista tal-ikel, il-protezzjoni tal-art, il-kompetittività tal-agrikoltura Ewropea u l-użu tal-art (1) u b'hekk issir korrelazzjoni mill-qrib bejn iċ-ċertezza tas-sigurtà tal-ikel u l-produzzjoni tal-bijoenerġija (2).

1.3

Il-KESE jaħseb li l-futur tal-Unjoni Ewropea jrid jissejjes fuq is-sostenibbiltà soċjali, ekonomika u ambjentali, u l-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli trid tkun marbuta b'mod strett mat-tilħiq ta' dawn l-għanijiet.

1.4

Il-KESE jaqbel mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex tinkludi dispożizzjonijiet vinkolanti dwar tibdil fl-użu tal-art fid-Direttivi 98/70/KE u 2009/28/KE, peress li l-bijokarburanti attwali jiġu prodotti minn uċuħ agrikoli.

1.5

Filwaqt li jtenni l-fehma espressa fl-Opinjoni TEN/502 (3), il-KESE ma jaqbilx mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex tevalwa t-"tibdiliet indiretti fl-użu tal-art" abbażi ta' tqabbil bejn sorsi tal-enerġija fossili u dawk bijoġeniċi, b'attenzjoni esklużiva mogħtija lill-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra u tnaqqis fl-importanza ta' kwistjonijiet bħas-sigurtà tal-provvista u l-impatt tal-karburanti fossili.

1.6

Filwaqt li l-Kumitat jappoġġa l-proposta tal-Kummissjoni biex, filwaqt li jitqiesu l-investimenti li diġà saru, tiġi limitata il-produzzjoni tal-bijokarburanti derivati minn uċuħ tal-ikel u biex jiġu inċentivizzati bijokarburanti "avvanzati", huwa jemmen madankollu li l-produzzjoni ta' bijokarburanti tat-tieni ġenerazzjoni li jużaw l-injam u t-tiben tista' tnaqqas iċ-ċikli ta' assorbiment tal-karbonju u b'hekk iżżid il-livelli ta' CO2  (4).

1.7

Il-KESE jħoss li l-valutazzjoni tkun differenti kieku bħala materja prima tintuża wkoll il-mikroalka għall-produzzjoni tal-bijokarburanti; anke jekk din għadha ma saritx realtà kummerċjali, tista', meta mqabbla ma' bijokarburanti tal-ewwel ġenerazzjoni, toħloq inqas tħassib fir-rigward tal-kompetizzjoni għar-riżorsi tal-art u tal-ilma.

1.8

Il-Kumitat jafferma bis-sħiħ il-konklużjoni fir-rigward tal-bijokarburanti li ħarġet mill-konferenza tal-KESE dwar is-sigurtà tal-ikel fl-2011 li skontha l-produzzjoni tal-bijokarburanti għandha tkun konformi ma' prinċipji komuni u soġġetta għall-valutazzjoni tal-impatt ambjentali fejn il-komunità lokali tkun involuta mill-qrib, u b'hekk jiġi assigurat li tingħata attenzjoni bir-reqqa lid-dritt għall-ikel.

1.9

F'konformità ma' din il-valutazzjoni, il-Kumitat jirrakkomanda li l-Kummissjoni tadotta fil-livell Ewropew għodod bħall-indikaturi fil-livell tal-operatur, sabiex jiġi evalwat l-impatt potenzjali ta' proġetti tal-bijoenerġija fuq l-iskarsezza tal-ikel fil-livell tal-Istati Membri individwali.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.1

Is-sistema tal-enerġija fil-livell internazzjonali bħalissa għaddejja minn perjodu diffiċli. Dan huwa parzjalment minħabba l-kriżi ekonomika globali, iżda fuq kollox minħabba s-sitwazzjoni ġeopolitika fit-Tramunata tal-Afrika u fil-Lvant Nofsani.

2.1.2

Iċ-ċifri tal-OECD għall-2009 juru tnaqqis fil-konsum tal-enerġija ta' 4,4 % fil-livell globali, 5 % fl-Istati Uniti u 5,5 % fl-UE, filwaqt li d-domanda fil-pajjiżi mhux imsieħba fl-OECD żdiedet bi 2 %. Wieħed irid iżid ma' dan l-inċident fl-impjant nukleari ta' Fukushima, fil-Ġappun, li wassal biex għadd ta' pajjiżi, fosthom il-Ġermanja, waqfu jużaw l-enerġija nukleari għall-produzzjoni tal-enerġija.

2.1.3

L-Ewropa bħalissa timporta 80 % taż-żejt, 60 % tal-gass naturali u 40 % tal-faħam meħtieġa biex tkopri l-ħtiġijiet kollha tal-enerġija tagħha, li huma stmati li jilħqu 1 583,3 Mtoe (Nomisma). Is-sehem ta' enerġija mhux rinnovabbli huwa 91 % (żejt 36,6 %, gass naturali 24,5 %, faħam 15,7 %, enerġija nukleari 13,6 %) u s-sehem rinnovabbli 9 % (6,1 % bijomassa, bijogass, skart muniċipali, 1,7 % enerġija idrawlika, 0,7 % enerġija mir-riħ, 0,3 % enerġija ġeotermali, 0,1 % enerġija fotovoltajka u mix-xemx).

2.1.4

L-Ewropa qiegħda ssir dejjem iżjed dipendenti mill-importazzjoni tal-enerġija. Qed jiġi previst li fl-2030, l-UE-28 se tkun qed timporta 84 % tal-gass naturali, 59 % tal-faħam u 94 % taż-żejt li għandha bżonn (EREC). Iċ-ċifri għall-2009 juru li t-trasport huwa s-settur li jikkonsma l-iżjed enerġija, bi 33 %; is-settur residenzjali jirrappreżenta 26,5 %; l-industrija 24,2 %; u s-servizzi 14 %; filwaqt li l-agrikoltura għandha l-inqas sehem, bi 2,3 %.

2.1.5

L-għanijiet li l-UE qed tfittex li tilħaq jistgħu jinġabru fil-qosor hekk:

tnaqqis fid-dipendenza minn enerġija mhux rinnovabbli importata, li tirrappreżenta 75 % tal-konsum tal-enerġija tal-Ewropa, ammont li jilħaq it-890,5 Mtoe;

żieda fis-sigurtà tal-provvista;

żieda fil-produzzjoni primarja fl-UE-28 mill-ammont attwali ta' 812 Mtoe;

jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima u jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' CO2 u tal-gassijiet b'effett ta' serra.

2.2   Il-bidla fil-politika tal-enerġija

2.2.1

Fis-snin reċenti, is-sistema tal-enerġija bbażata fuq il-karburanti fossili wriet li għandha ħafna nuqqasijiet li jheddu s-sostenibbiltà futura tagħha u s-sigurtà tal-provvista, bil-ħtieġa li jiġu mmirati sorsi ta' enerġija sikuri f'sistema ta' importazzjoni kkontrollata tal-enerġija.

Hekk kif id-domanda għall-enerġija tkompli tikber (AIE – Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija), it-tgħawwir mistenni u li ma jistax jitwaqqaf tal-karburanti fossili se jipperikola l-kapaċità tal-Ewropa biex tilħaq mal-ħtiġijiet tagħha tal-enerġija li dejjem qed jiżdiedu. Dan it-tgħawwir joriġina min-natura mhux rinnovabbli ta' dawn il-karburanti fossili; il-proċess ta' trasformazzjoni involut jieħu ħafna żmien, li huwa inkompatibbli mal-ħtiġijiet ta' enerġija ta' soċjetà kontemporanja.

2.2.2

It-tipi ewlenin ta' enerġija rinnovabbli huma:

l-enerġija mix-xemx;

l-enerġija mir-riħ;

l-enerġija idrawlika;

l-enerġija ġeotermali;

l-enerġija mill-bijomassa.

Din mhijiex l-istampa kollha, speċjalment fir-rigward tar-riżultati tar-riċerka xjentifika.

2.2.3

Il-bijoenerġija tista' tiġi definita bħala enerġija li tinkiseb mill-bijomassa; il-bijomassa hija kklassifikata skont l-istat fiżiku agħha u tinqasam fi:

bijomassa solida, mill-forestrija, l-uċuħ tar-raba', l-iskart tal-pjanti u tal-annimali mill-agrikoltura;

bijogass: il-gass li joriġina mill-fermentazzjoni tal-bijomassa fin-nuqqas ta' ossiġenu, inkluż l-iskart muniċipali, id-demel, ir-residwi agrikoli u pagroindustrijali, il-ħama industrijali u l-bijomassa mill-injam;

bijolikwidi u bijokarburanti miż-żjut veġetali (kolza, soja, ġirasol, palm) miz-zokkor, minn uċuħ bil-lamtu u ċellulożiċi (pitrava, kannamiela, qamħirrun, qamħ, qasba kbira ("giant reed") kif ukoll il-bijolikwidu mill-proċess tal-piroliżi tal-bijomassa.

2.2.4

Il-bijomassa hija sors rinnovabbli li diġà sar sors tal-enerġija effiċjenti. Il-bijomassa hija kwalunkwe materjal organiku li jaqbad l-enerġija tax-xemx b'mod dirett jew mhux dirett matul il-proċess ta' fotosinteżi tal-klorofill. Il-bijomassa toriġina mill-għelejjel għall-enerġija jew minn residwi organiċi minn prodotti tal-foresti u l-ipproċessar tekniku ta' prodotti agrikoli.

2.2.5

Fil-livell globali, madwar 50 % tar-residwi potenzjali disponibbli joriġinaw mill-forestrija. Il-50 % l-oħra jiġu mill-agrikoltura, fejn installazzjonijiet li jaħdmu bil-bijomassa mill-agrikoltura u l-annimali huma ta' importanza partikolari (AIE).

2.3   Inizjattivi tal-UE favur l-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli

Il-Protokoll ta' Kyoto, li daħal fis-seħħ fil-21 ta' Marzu 1994;

Il-programm Altener għall-promozzjoni ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli (Deċiżjoni tal-Kunsill 93/500/KEE);

Il-Green Paper dwar sorsi ta' enerġija rinnovabbli (1996);

Il-White Paper li stabbilixxiet l-objettiv ta' 12 % tal-enerġija użata minn sorsi rinnovabbli sal-2010;

Id-Direttiva 2001/77/KE dwar il-promozzjoni ta' elettriku prodott minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli;

Id-Direttiva 2003/30/KE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-bijokarburanti;

Id-Direttiva 2003/96/KE dwar ir-ristrutturar tal-qafas Komunitarju dwar it-tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku;

COM(2005) 628 final – Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Bijomassa (mhux disponibbli bil-Malti);

COM(2006) 34 final – Strateġija tal-UE għall-bijokarburanti;

Il-Green Paper – Strateġija Ewropea għal enerġija sostenibbli, kompetittiva u sikura (2006);

Il-pakkett Klima-enerġija (20-20-20), Kunsill Ewropew, 9 ta' Marzu 2007;

Id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (Test b’rilevanza għaż-ŻEE).

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew – Pjan Direzzjonali għall-enerġija rinnovabbli – L-enerġija rinnovabbli fis-seklu 21: nibnu futur iktar sostenibbli. COM(2006) 848 final (mhux disponibbli bil-Malti)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – L-appoġġ favur l-elettriku prodott minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli. SEC(2005) 1571 – COM(2005) 627 final (mhux disponibbli bil-Malti).

3.   Kummenti speċifiċi

3.1   Il-bijoenerġija u kwistjonijiet soċjoekonomiċi

3.1.1

L-impatt soċjoekonomiku tal-bijoenerġija fil-biċċa l-kbira jiddependi mill-ispejjeż (inċentivi, nuqqasijiet strutturali) u l-benefiċċji (attivitajiet marbuta, effetti fuq il-PDG, tnaqqis tas-CO2, effetti fuq l-impjieg, tnaqqis tar-riskju tal-karburant, eliminazzjoni tal-ispejjeż għar-rimi tal-iskart, produzzjoni ta' fertilizzanti u prodotti sekondarji oħra) tagħha (Althesys). Barra minn hekk, meta l-prezz taż-żejt jiżboq is-USD 70 il-barmil, il-produzzjoni tal-bijoenerġija ssir kompetittiva.

3.1.2

Is-sistema attwali tal-produzzjoni tal-bijomassa għall-enerġija għandha impatt fuq l-art, fuq l-ekonomija, fuq il-prezzijiet u fuq is-soċjetà kollha kemm hi. Il-Kumitat jaħseb li dawn l-effetti għandhom jiġu evalwati sabiex jiġu rettifikati l-ineffiċjenzi u d-distorsjonijiet.

3.1.3

Il-Kumitat jaħseb li l-iżvilupp tal-bijoenerġija għandu riperkussjonijiet fuq is-sigurtà tal-ikel għal raġunijiet marbuta mill-qrib ma' prezzijiet u fatturi lokali. L-effett dirett ewlieni fuq il-prezzijiet jinħoloq mid-domanda għall-bijokarburanti, peress li s-swieq tal-enerġija huma ikbar minn dawk agrikoli f'termini ta' valur. Il-prezzijiet tal-enerġija jiddeterminaw il-prezzijiet agrikoli tal-għelejjel għall-enerġija billi ż-żieda fid-domanda għall-enerġija marbuta ma' prodotti agrikoli tiddetermina l-prezz minimu taz-zokkor, il-qamħirrun, il-kolza u l-prezz massimu tagħhom, li jekk jinqabeż irendi l-użu tal-uċuħ agrikoli mhux kompetittiv meta mqabbel ma' sorsi oħra tal-enerġija bħar-riħ, ix-xemx u l-enerġija ġeotermali. Barra minn hekk, wieħed għandu jiftakar fil-problema ġenerali li prezzijiet tal-enerġija iktar għoljin iżidu l-ispejjeż tal-produzzjoni agrikola.

3.1.4

Il-bijoenerġija qed toħroġ fid-dieher bħala soluzzjoni potenzjali li tista' tagħti ħajja ġdida lil żoni li huma ekonomikament magħkusa u li jintużaw ftit mil-lat agrikolu, b'mod partikolari f'setturi li qed jiżviluppaw fl-istadji diversi tal-produzzjoni, il-ħsad, it-trasport u l-ipproċessar. Anke minn perspettiva ekonomika u ta' impjieg, jistgħu jintlaħqu objettivi pożittivi: skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, COM(2005) 628 final, "Pjan ta' Azzjoni dwar il-Bijomassa", l-impjieg dirett fl-2010 ġie kkalkolat li laħaq 300 000 ħaddiem ġdid, l-iżjed fiż-żoni rurali.

3.1.5

L-użu ta' art imsaġġra għall-għanijiet tal-enerġija jista' jgħin biex jiġu riabilitati komunitajiet lokali agriforestali permezz ta' tmexxija aħjar tal-art u ħarsien ta' żoni msaġġra. Barra minn hekk, hemm il-potenzjal li tiżdied il-kapaċità tal-ekosistemi tal-foresti li jwettqu l-funzjonijiet ewlenin tagħhom, jiġifieri li jipproduċu l-bijomassa mill-injam u jipproteġu l-wirt naturali u l-fertilità tal-ħamrija.

3.2   L-art

3.2.1

Il-KESE jiddispjaċih li, bħalma ġara fil-passat fil-każ taż-żejt, il-pajjiżi għonja m'għandhomx art li tista' tinħadem sabiex jiġi garantit il-forniment lill-popolazzjoni tagħhom, u li l-kumpaniji multinazzjonali jew anke l-fondi sovrani jinvestu b'mod konsiderevoli fil-pajjiżi terzi bil-għan li jisfruttaw l-art. B'dan il-mod, insibu ruħna f'tellieqa għall-ksib tal-art, bil-periklu li jinqerdu komunitajiet rurali bbażati fil-post u li ssir ħsara lir-riżorsi agrikoli u tal-foresti tal-popolazzjonijiet lokali. Il-KESE jaħseb li din is-sitwazzjoni hija ferm 'il bogħod milli tkun xempju ta' kif għandu jsir l-iżvilupp sostenibbli fil-livell ekonomiku, soċjali u ambjentali.

3.2.2

Il-kunflitt dwar l-użu tal-art huwa kwistjoni splużiva, b'mod speċjali fil-każ ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw, jew pajjiżi kbar bi ftit popolazzjoni (pereżempju il-Brażil jew l-istat ta' Iowa fl-Istati Uniti). Il-kunċett ta' kunflitt dwar l-użu tal-art, għalkemm jiftiehem faċilment, jista' jintwera b'mod iktar ċar permezz tal-fatt li l-ammont ta' qamħirrun li hemm bżonn sabiex jiġu prodotti 25 gallun ta' bijoetanol jista' jitma persuna waħda għal sena sħiħa (World Watch Institute).

3.2.3

Il-kunflitt dwar l-użu tal-art huwa problema marbuta mal-importazzjoni ta' bijokarburanti mill-UE u l-provvista tal-ikel f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod speċjali fl-Afrika u fix-Xlokk tal-Asja, meta wieħed iqis it-tensjonijiet li hemm f'dawn il-postijiet dwar is-sjieda tal-art fin-nuqqas ta' reġistri tal-art u d-dritt konswetudinarju.

3.2.4

Il-Kumitat jappoġġa l-istrateġija tal-UE dwar il-bijokarburanti, COM(2006) 34 final, l-iżjed fejn hija tiddikjara li huwa essenzjali li jiġu applikati standards minimi ambjentali adatti għall-produzzjoni tal-materja prima għall-bijokarburanti, u jenfasizza t-tħassib li tqajjem rigward l-użu ta' art li titqiegħed fil-ġenb minħabba l-impatt potenzjali fuq il-bijodiversità u l-ħamrija.

3.3   L-ilma

3.3.1

F'dinja dejjem iżjed żviluppata qed jiżdied dejjem iżjed l-użu mingħajr kontroll tar-riżorsi tal-ilma. Il-kawżi ta' dan huma ż-żieda fil-popolazzjoni dinjija u l-allokazzjoni tagħha, il-bidliet fid-drawwiet tal-ikel u l-piż tal-bijokarburanti. L-istrateġija attwali għall-iżvilupp tal-bijokarburanti se twassal b'mod definit li l-kriżi tal-ilma tiħrax, u l-aċċess għall-ilma jista' jkun fattur limitanti għall-produzzjoni ta' materja prima bħall-qamħirrun u l-kannamiela.

3.3.2

Il-Kumitat jaħseb li fir-rigward tal-uċuħ ikkoltivati għall-bijokarburanti, irid ikun hemm bidla lejn uċuħ mhux imsoqqija, li jistgħu jikbru wkoll f'żoni interni u żvantaġġati, billi biex jiġi prodott litru ta' bijodiżil jinħtieġu 4 000 litru ta' ilma għat-tisqija tal-uċuħ u għal matul il-proċess kimiku ta' trasformazzjoni.

3.4   L-ambjent

3.4.1

L-użu ħażin tal-ħamrija, u b'mod partikolari, tal-art għall-biedja, kemm għall-produzzjoni destinata għall-ikel kif ukoll għall-bijoenerġija, joħloq riskji potenzjali bħal:

pressjoni ikbar fuq is-settur kollu tal-agrikoltura minħabba l-intensifikazzjoni tal-koltivazzjoni (it-tirsis tal-ħamrija, l-eċċess ta' nutrijenti, il-konsum żejjed tal-ilma, l-erożjoni);

trasformazzjoni tal-għelieqi u tal-mergħat f'art li tinħadem għall-għelejjel għall-enerġija, bit-telf tal-bjar tal-karbonju;

telf tal-bijodiversità minħabba xejriet ta' produzzjoni intensivi;

omoġenizzazzjoni tal-pajsaġġ (Rapport EEA 7/2006).

3.4.2

Madankollu, il-Kumitat jaħseb li l-użu razzjonali tal-ħamrija, b'rabta mill-qrib ma' prattiki tal-biedja tajbin applikati fl-UE, abbażi ta' uċuħ marbuta mal-produzzjoni ta' diversi tipi ta' bijoenerġija, jistgħu fil-fatt iżidu l-bijodiversità u jnaqqsu l-omoġenizzazzjoni tal-pajsaġġ. Il-Kumitat jaħseb li, fil-każ tal-Ewropa, ma nistgħux induru lura f'dan ir-rigward.

3.4.3

F'dan il-kuntest, tinħtieġ enfasi fuq il-bijokarburanti tat-tieni ġenerazzjoni, għalkemm, peress li dawn il-karburanti huma ideali biex jiġu ttrattati bħala industrija intensiva, il-bdiewa jiġu relegati għar-rwol waħdieni ta' fornituri tal-materja prima, mingħajr l-ebda garanzija ta' gwadann finanzjarju. Il-Kumitat jaħseb li huwa neċessarju li jiġi bilanċjat mill-ġdid ir-rwol tal-bdiewa fir-rigward tal-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-għelejjel għall-enerġija sabiex jiġu favoriti l-organizzazzjonijiet tal-produtturi matul il-katina tal-provvista, billi dawn jistgħu jaqdu rwol importanti fin-negozjati tal-kuntratti bbilanċjati mfassla mal-imsieħba b'approċċ "downstream".

3.5   L-approċċ Ewropew għall-bijoenerġija

3.5.1

Bil-koltivazzjoni fuq skala kbira tal-għelejjel għall-enerġija terrestri, tinħoloq il-ħtieġa għal ġestjoni sostenibbli tal-foresti u l-art għall-biedja. Il-produzzjoni tal-bijomassa għal finijiet ta' enerġija tista' tħalli impatt pożittiv fuq l-ambjent, iżda dan biss jekk issir b'mod adatt. Pereżempju, l-abbandun taż-żoni rurali ħoloq fatturi naturali li jiddestabilizzaw. Art mhux miżmuma minn attivitajiet pożittivi tal-bniedem hija esposta għal riskju ikbar ta' uqigħ tal-art, deżertifikazzjoni u nirien.

3.5.2

Il-Kumitat jaħseb li sabiex jiġi promoss l-iżvilupp integrat tal-bijoenerġija fil-prattika, irid jiġi żviluppat mudell ta' ġenerazzjoni distribwita u katini tal-enerġija qosra, li jinvolvu impjanti żgħar li jipproċessaw bijomassa prodotta lokalment u b'hekk iġibu magħhom benefiċċji f'termini tal-impatt ambjentali u l-possibilità reali li l-bdiewa jiġu involuti b'mod dirett fil-katina tal-produzzjoni (bħala individwi jew gruppi).

3.5.3

Il-Kumitat japprova l-linji gwida dwar prattika tajba li għandhom jiġu applikati għall-uċuħ diversi tal-bijoenerġija, li ressqet l-EEA, inklużi:

l-iżgurar tal-koltivazzjoni tal-art matul is-sena;

il-koltivazzjoni fuq telgħat;

il-ħolqien ta' "windbreaks" billi jiġu introdotti uċuħ ta' tul differenti;

iż-żamma u l-ħolqien ta' "windbreaks" bħala parti mill-konfini tal-għalqa, u l-introduzzjoni ta' prattiki li jevitaw it-telf tal-materjal organiku fil-ħamrija.

3.5.4

Il-Kumitat jaħseb li l-iżvilupp ta' biedja adatta orjentata lejn l-enerġija jista' jgħin jiżgura preżenza kostanti tal-bniedem fl-art, u b'hekk jiżgura li tiġi kurata u li jiġu sfruttati bis-sħiħ ir-riżorsi, b'mod partikolari tal-foresti.

3.5.5

Barra minn hekk, fis-settur agrikolu, il-produzzjoni tal-bijoenerġija tista' tintrabat mal-produzzjoni agroalimentari b'mod parzjali u kkontrollat, u b'hekk tgħin biex jiġu diversifikati l-mezzi kummerċjali, taġevola t-tranżizzjoni għal settur agrikolu dejjem iktar kompetittiv u toffri soluzzjonijiet mhux kuntrattwali fir-rigward tal-allokazzjoi ta' prodotti agrikoli mill-Istati Membri l-ġodda.

3.6   Sistemi ta' kontroll tal-kwalità tal-produzzjoni tal-bijoenerġija

3.6.1

Firxa diversifikata ħafna ta' metodi tintuża għall-istudju tal-effetti ambjentali tal-bijoenerġija. Fost dawn il-Kumitat jenfasizza:

il-marka tal-karbonju għall-produzzjoni tal-bijomassa;

valutazzjonijiet hekk imsejħa DPSIR (driving force, pressure, state, impact, response).

3.6.2

Fil-valutazzjoni tal-impatt ambjentali, il-valutazzjonijiet taċ-ċiklu tal-ħajja (LCAs) jistgħu jintużaw biex jiddeterminaw u jikkwantifikaw il-piżijiet ambjentali u enerġetiċi reali jew potenzjali preżenti fid-diversi stadji taċ-ċiklu tal-produzzjoni u l-konsum tal-bijoenerġija. Din it-teknika tippermetti tqabbil tal-profil ambjentali tad-diversi tipi ta' bijoenerġija ma' dak tal-karburanti fossili li għandhom funzjonijiet simili.

3.6.3

Il-Kumitat iqis bħala konsistenti mal-prinċipji li jidhru hawn fuq il-pożizzjoni tal-pajjiżi li qed jipparteċipaw fis-Sħubija Globali tal-Bijoenerġija, inklużi l-Istati Uniti u ċ-Ċina, li ffirmaw ftehim internazzjonali dwar il-kontroll tal-użu tal-bijokarburanti u dwar l-impatt tagħhom fuq l-ambjent u l-bilanċ tal-ikel. Kwalunkwe pajjiż jista' jkejjel is-sostenibbiltà ambjentali tal-bijoenerġija permezz ta' 24 kriterju u indikatur volontarji.

3.6.4

F'dan il-kuntest, il-Kumitat jaħseb li meta tintuża art żejda għall-produzzjoni ta' materja prima għall-bijoenerġija hemm il-ħtieġa li mhux biss jiġu identifikati l-limitazzjonijiet ambjentali, ekonomiċi u soċjali involuti iżda wkoll li jiġi aċċertat, b'referenza għall-fattur ILUC (Indirect land-use change) jekk l-art li se tintuża għall-għelejjel għall-enerġija tistax twassal għal żieda fis-CO2.

3.6.5

Il-Kumitat jaqbel mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li timmonitorja r-riskji assoċjati mal-bijokarburanti fis-settur tat-trasport (Direttiva 28/2009), li tillimita l-kontribut tal-bijokarburanti u tal-bijolikwidi prodotti minn uċuħ tal-ikel f'konformità mal-livell ta' maturità tad-diversi teknoloġiji, u li tħeġġeġ il-produzzjoni tal-bijoenerġija minn prodotti li ma joħolqux iktar domanda għall-art, bħall-ħruq tal-iskart muniċipali.

3.6.6

Il-Kumitat jaħseb li l-użu ta' bijokarburanti tal-ewwel ġenerazzjoni m'għandux jimpedixxi lill-UE milli tinvesti fir-riċerka dwar sorsi ġoddda ta' enerġija nadifa (5).

Brussell, 18 ta’ Settembru 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 198, 10.7.2013, P. 56-66.

(2)  ĠU C 110, 9.5.2006, P. 49-59 (MHUX DISPONIBBLI BIL-MALTI).

(3)  ĠU C 198, 10.7.2013, p. 56-66.

(4)  ĠU C 198, 10.7.2013, P. 56-66.

(5)  ĠU C 271, 19.9.2013, p. 111-115.


Top