Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014AE1113

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Il-prezzijiet u l-kostijiet tal-enerġija fl-Ewropa” — (COM(2014) 21 final)

ĠU C 424, 26.11.2014, p. 64–71 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

26.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 424/64


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Il-prezzijiet u l-kostijiet tal-enerġija fl-Ewropa”

(COM(2014) 21 final)

2014/C 424/10

Relatur:

is-Sur Adams

Nhar il-15 ta’ Jannar 2014, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Il-prezzijiet u l-kostijiet tal-enerġija fl-Ewropa

COM(2014) 21 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-21 ta’ Mejju 2014.

Matul l-499 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-4 u l-5 ta’ Ġunju 2014 (seduta tal-4 ta’ Ġunju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’140 vot favur, 10 voti 13-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-prezzijiet tal-enerġija, b’mod ġenerali, laħqu u x’aktarx se jisbqu iktar il-livelli attwali, li huma storikament għoljin. Dan qed iħalli impatt negattiv kbir fuq il-baġits ta’ bosta konsumaturi domestiċi madwar l-UE, u l-konsumaturi industrijali spiss jintlaqtu bl-istess mod. Din il-Komunikazzjoni tenfasizza l-ħtieġa ta’ fehim akbar fis-soċjetà ċivili dwar kif il-kompożizzjoni tal-prezzijiet tal-enerġija tista’ tgħin biex jinstab bilanċ bejn il-miri tagħna dwar il-klima, u l-bżonn tagħna ta’ sigurtà tal-enerġija. Mingħajr dan il-ftehim mhux se jkun hemm la aċċettazzjoni politika u lanqas aċċetazzjoni tal-konsumatur.

1.2.

Il-prezzijiet tal-enerġija jistgħu jkunu fattur importanti tal-kompetittività għall-industrija. Madankollu, analiżi ekonomika tal-kompetittività industrijali m’għandhiex tkun limitata għall-prezzijiet tal-enerġija. Fatturi ewlenin oħrajn bħalma huma l-intensità tal-enerġija u s-sehem tal-ispejjeż tal-enerġija fl-ispejjeż totali tal-produzzjoni kif ukoll il-marġini ta’ profitt għandhom jiġu kkunsidrati wkoll. Il-koerenza globali hija kruċjali għat-trażżin tat-tibdil fil-klima. Hemm riskju li t-tmexxija min-naħa tal-Ewropa jaf ikollha konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ kompetittività, rilokazzjoni industrijali u esportazzjoni tal-karbonju.

1.3.

L-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, l-enerġija rinnovabbli, u sorsi ta’ enerġija indiġeni oħra kollha jistgħu jtejbu s-sigurtà tal-provvista iżda kull waħda minnhom għandha fatturi ta’ spejjeż, riskju, impatt ambjentali u aċċettazzjoni soċjali assoċjati magħhom. Peress li l-approċċi nazzjonali u l-attitudnijiet ivarjaw huwa essenzjali li ssir analiżi trasparenti tal-ispejjeż, u rieżami u koordinazzjoni aħjar tal-istrumenti ta’ appoġġ (bħalma huma r-regolamenti u t-tariffi tat-tqegħid fuq il-grilja (feed-in)) sabiex tinstab taħlita tal-enerġija aċċettabbli f’kull Stat Membru u l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi ġirien hija importanti daqstant ieħor.

1.4.

Hemm bżonn li tiġi żgurata l-kapaċità tal-industrija biex tadatta fil-futur bħalma għamlet fil-passat u li tissaħħaħ il-kapaċità tas-settur tal-enerġija b’mod partikolari sabiex jitwettaq l-investiment meħtieġ fis-sistema tal-enerġija. Dan se jeħtieġ impenji sodi mill-gvern li għandhom ikunu konsistenti mas-suq intern Ewropew tal-enerġija (IEM).

1.5.

L-IEM għandu jiġi kkompletat, iżda biex jagħti l-potenzjal sħiħ tiegħu jeħtieġ l-appoġġ ta’ strumenti bbażati fuq is-suq (MBIs) adatti, koordinazzjoni ġenwina tal-politiki nazzjonali tal-enerġija fil-livell tal-UE u direzzjoni komuni ċara. Enfasi mġedda fuq data trasparenti u preċiża hija prerekwiżit neċessarju. Għandha tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni partikolari f’kull Stat Membru – bħal pereżempju l-kwistjoni tal-‘gżejjer ta’ enerġija’ – u fil-verifika tal-prezzijiet għandu jitqies li mingħajr infrastruttura żviluppata, li teħtieġ investiment konsiderevoli, is-suq intern komuni tal-enerġija ma jistax jiġi kkompletat u b’hekk l-Istati Membri ma jistgħux jibbenefikaw mill-vantaġġi tiegħu.

1.6.

L-ottimizzazzjoni tal-ispejjeż permezz tal-koordinazzjoni eqreb tal-UE u s-solidarjetà hija kruċjali speċjalment minħabba li l-lievi tal-politika tal-enerġija għadhom taħt il-kontroll dirett tal-Istati Membri. Din il-koordinazzjoni kienet dgħajfa fil-passat; hemm bżonn approċċ ġdid. Is-solidarjetà mill-Istati Membri hekk kif qed niffaċċjaw dejjem aktar inċertezzi dwar il-provvista hija kruċjali wkoll flimkien ma’ enfasi akbar fuq riċerka u żvilupp konġunti biex jinstabu soluzzjonijiet għall-problemi li jidhru fil-produzzjoni u l-katina tal-provvista tal-enerġija.

1.7.

L-iżvilupp ta’ hubs ta’ gass likwidi fost gruppi ta’ Stati Membri jista’ jottimizza u jnaqqas l-ispejjeż billi jikkontribwixxi għad-diżakkoppjar tal-prezzijiet taż-żejt u l-gass u billi jtejjeb il-flessibbiltà tal-ġeneraturi.

1.8.

Sabiex tittejjeb il-koordinazzjoni, il-KESE jħeġġeġ li ssir azzjoni fuq programm estensiv u appoġġ dirett għalih li jintegra d-djalogu dwar l-enerġija fuq livell Ewropew. Dan għandu jinvolvi l-konsumaturi tal-enerġija, dawk domestiċi u industrijali, u l-partijiet interessati kummerċjali u istituzzjonali fil-katina tal-enerġija, flimkien ma’ awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali.

1.9.

Dan id-Djalogu Ewropew dwar l-Enerġija (DEE) inklużiv, rappreżentattiv, indipendenti u trasparenti, għandu wkoll jipprovdi l-bażi għall-governanza l-ġdida fil-proċess propost mill-Kummissjoni biex jintlaħqu l-miri tal-enerġija u l-klima proposti fil-pakkett ta’ qafas għall-2030.

2.   Introduzzjoni u kuntest

2.1.

Għal bosta snin il-prezzijiet tal-enerġija, b’mod partikolari tal-elettriku, żdiedu b’rata ogħla mill-inflazzjoni fil-każ ta’ ħafna konsumaturi domestiċi u industrijali tal-UE. Il-familji madwar l-Ewropa ħassew impatt fuq il-baġits domestiċi tagħhom u kien hemm żieda sinifikanti fil-faqar enerġetiku f’xi Stati Membri. Il-kompetittività ta’ xi industriji ntlaqtet ukoll, speċjalment dik tal-industrija li tuża ħafna enerġija. Fil-passat l-industrija spiss wieġbet għal prezzijiet għoljin permezz tat-titjib fl-effiċjenza enerġetika u l-ispeċjalizzazzjoni fi produzzjoni ta’ valur miżjud għoli, iżda jista’ jingħad li qed tonqos il-possibbiltà biex dan ikompli jsir. It-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku kompla żied il-pressjoni u, minkejja l-effiċjenzi enerġetiċi u t-tnaqqis, l-ispejjeż ikomplu jiżdiedu għal bosta konsumaturi.

2.2.

Żewġ rapporti ewlenin marbutin direttament mal-prezzijiet u l-ispejjeż jinsabu fil-pakkett ippreżentat mill-Kummissjoni Ewropea f’Jannar tal-2014. Wieħed huwa d-dokument ta’ ħidma tal-persunal dwar il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-enerġija, u l-ieħor dwar l-iżviluppi ekonomiċi tal-enerġija fl-Ewropa. Il-pakkett jistabbilixxi l-għanijiet tal-klima u tal-enerġija għall-perjodu sal-2030 u jipproponi li jista’ jinstab bilanċ bejn il-protezzjoni tal-klima, iż-żamma tal-kompetittività industrijali u l-offerta ta’ enerġija affordabbli liċ-ċittadini. Dan se jirrikjedi fehim komuni, għarfien u komunikazzjoni tal-benefiċċji ekonomiċi, soċjali u ambjentali li jirriżultaw mit-tnaqqis tal-emissjonijiet u l-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija. Il-pakkett jimplika l-għarfien li l-appoġġ pubbliku se jkun kruċjali u li se jkun meħtieġ approċċ aktar realistiku fir-rigward tal-isfidi, partikolarment dawk finanzjarji. Il-Kummissjoni targumenta li l-objettivi jibagħtu sinjal qawwi lis-suq, jinkoraġġixxu investiment privat f’pipelines ġodda u netwerks tal-elettriku jew teknoloġiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju (1).

2.3.

Il-Komunikazzjoni dwar il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-enerġija, is-suġġett ta’ din l-Opinjoni, tindika, l-istess bħall-IEA (2), li taħlita ta’ prezzijiet tas-suq dinji, investiment kruċjali fuq skala kbira fl-infrastruttura u fl-effiċjenza tal-enerġija, flimkien ma’ taxxi relatati mal-klima, se jwasslu biex il-prezz tal-enerġija jibqa’ fil-livell storikament għoli ta’ bħalissa. Barra li dan jista’ jkollu impatt negattiv qawwi fuq il-konsumatur, il-prezz attwali tal-elettriku għall-operaturi fis-settur tal-enerġija, li huwa ta’ madwar EUR 40 għal kull MWh, mhux se jippermetti lis-settur li jagħżel l-investimenti meħtieġa kemm għas-sostituzzjoni ta’ assi li qed jeqdiemu kif ukoll biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima. Din l-Opinjoni tiffoka fuq ir-reazzjoni probabbli tas-soċjetà ċivili u sa liema punt jistgħu jiġu stabbiliti sinjali tas-suq qawwija u kapaċità ta’ reazzjoni politika biex jintlaħqu l-miri politiċi.

3.   Sommarju tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

3.1.

Fil-ħames snin ta’ wara l-2008 il-prezzijiet tal-enerġija bl-imnut fl-Ewropa żdiedu, b’mod pjuttost sinifikanti f’xi Stati Membri, minkejja prezzijiet tal-elettriku relattivament stabbli għall-operaturi u prezzijiet kostanti għall-operaturi tal-gass. L-impatt fuq il-konsumaturi domestiċi u industrijali, b’mod partikolari matul il-perjodu ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, kien konsiderevoli u x’aktarx li se jkompli. Hemm ukoll varjazzjoni kbira bejn l-Istati Membri b’ċerti konsumaturi jħallsu 250-400 % aktar minn oħrajn. Parti sinifikanti minn dawn iż-żidiet kienet minħabba żidiet fl-ispejjeż tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni u żidiet fit-taxxi u l-imposti. Madankollu, l-ispiża tal-enerġija primarja tibqa’ l-akbar fattur fil-kompożizzjoni tal-prezzijiet.

3.2.

Il-gvernijiet tal-UE jeħtieġ li jikkompletaw is-suq intern tal-enerġija fl-2014. Il-liberalizzazzjoni tas-suq se tagħti spinta lill-investiment u l-kompetizzjoni u ttejjeb l-effiċjenza f’diversi oqsma, bil-possibilità ta’ benefiċċji fil-forma ta’ prezzijiet orħos. Il-konsumaturi u l-industrija (b’mod partikolari n-negozji żgħar u ta’ daqs medju) jistgħu jnaqqsu l-prezz li jħallsu billi jaqilbu għal fornituri ta’ enerġija orħos, fejn l-għadd ta’ fornituri huwa kbir biżżejjed.

3.3.

Il-gvernijiet tal-UE jeħtieġ ukoll li jiżviluppaw aktar l-infrastruttura tal-enerġija, jiddiversifikaw il-provvisti tal-enerġija u r-rotot tal-provvista, u jieħdu pożizzjoni unifikata meta jinnegozjaw ma’ sħab ewlenin tal-enerġija.

3.4.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-politiki tal-enerġija ffinanzjati mill-utenti finali u l-kontribwenti jiġu applikati b’mod kemm jista’ jkun kosteffettiv u jsegwu l-aħjar prattiki.

3.5.

L-UE u l-gvernijiet tal-Istati Membri jeħtieġ jagħmlu iżjed sabiex iqabblu l-ispejjeż u l-prattiki tan-netwerks. Il-konverġenza tal-prattiki tan-netwerks madwar l-Ewropa għandha l-potenzjal li ttejjeb l-effiċjenza u tnaqqas l-element tal-ispiża tan-netwerk mill-prezzijiet.

3.6.

Il-konsumaturi domestiċi u l-industrija jistgħu, sa ċertu punt, ibaxxu l-ispejjeż tal-enerġija permezz tat-titjib fl-effiċjenza enerġetika. L-azzjonijiet volontarji mill-konsumaturi biex jaġġustaw il-perjodu tal-konsum tal-enerġija tagħhom (reazzjoni għat-talba) u t-teknoloġiji innovattivi tal-enerġija jistgħu jgħinu fl-iffrankar tal-enerġija u l-flus.

3.7.

L-UE għandha tissokta bl-isforzi tagħha mal-imsieħba internazzjonali dwar is-sussidji tal-enerġija u r-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni u għandha tgħin biex tipproteġi ċerti konsumaturi industrijali permezz ta’ trasferimenti fiskali u eżenzjonijiet u tnaqqis mit-taxxi u l-imposti.

3.8.

Essenzjalment, il-Kummissjoni targumenta favur l-ikkompletar tas-suq uniku għall-enerġija fl-UE u tissuġġerixxi li għandha tittieħed azzjoni mill-unitajiet domestiċi u l-industrija sabiex itejbu l-effiċjenza enerġetika tagħhom, jadottaw ir-reazzjoni għad-domanda u teknoloġiji u innovazzjonijiet ġodda oħra tal-enerġija biex jiffrankaw l-enerġija u l-flus, u li l-Istati Membri jeħtieġ li jimmodernizzaw b’mod sinifikanti t-trażmissjoni u d-distribuzzjoni. Huwa nnotat li t-tkabbir fl-enerġiji rinnovabbli jista’ jħalli impatt dirett fuq it-titjib tas-sigurtà tal-enerġija. Huwa rikonoxxut ukoll li għal konsumaturi domestiċi f’xi Stati Membri l-faqar enerġetiku jeħtieġ azzjoni, primarjament permezz ta’ miżuri ta’ politika soċjali. Jekk jirriżulta li jkun hemm tnaqqis fil-livell ta’ kompetittiva f’termini ta’ enerġija għall-industrija dan jista’ jiġi indirizzat ukoll, primarjament permezz tad-WTO, billi jiġu mminimizzati s-sussidji għall-enerġija minn pajjiżi kompetituri internazzjonali kif ukoll permezz ta’ trasferimenti fiskali.

4.   Kummenti ġenerali

4.1.

Hemm tliet aspetti kruċjali għar-reazzjoni strateġika proposta mill-Kummissjoni. Irrispettivament mill-ikkompletar tas-suq intern tal-enerġija, tista’ tingħata ġustifikazzjoni soda favur it-tkomplija jew it-tisħiħ tal-approċċ lejn ekonomija “ekoloġika” kif enfasizzat fil-qafas tal-2030 u dan x’ikun ifisser għall-prezzijiet u l-ispejjeż tal-enerġija? It-tieni nett, nistgħu permezz ta’ djalogu soċjali effettiv nikkonvinċu lis-soċjetà ċivili li approċċ bħal dan huwa validu u aċċettabbli? It-tielet nett, ser ikun possibbli li s-suq jitħeġġeġ jiġġenera investiment privat ġewwa l-Ewropa f’sistemi ta’ pipelines u netwerks tal-elettriku ġodda u f’teknoloġiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju?

4.2.

L-enerġija inġenerali, fil-forom varji tagħha, hija faċilment l-aktar komodità globali negozjata meta jitqies il-valur tagħha. Ir-rwol ċentrali tal-enerġija fl-iżvilupp ekonomiku se jiżgura li r-riċerka, l-esplorazzjoni, l-iżvilupp u l-produzzjoni u t-trażmissjoni tal-enerġija ser jinħtieġu investiment qawwi fil-futur prevedibbli. Dan japplika wkoll għall-ħtieġa, enfasizzata reċentement, li tinkiseb provvista sigura tal-enerġija. Dan normalment huwa kkaratterizzat mill-frażi, “id-dwal għandhom jinżammu mixgħulin”, peress li d-“dawl” jirrappreżenta r-rwol indispensabbli tal-enerġija fis-soċjetà moderna. Huwa meħtieġ li jiġi rikonoxxut li, fil-preżent, għanijiet oħra tal-politika tal-enerġija, kemm jekk nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE, x’aktarx li se jkunu dipendenti fuq is-sigurtà tal-provvista, fattur li jeħtieġ rikonoxximent akbar fil-komunikazzjoni, u li biex jiġi assigurat jista’ jkollu wkoll spejjeż addizzjonali.

4.3.

Fl-istess ħin, jekk fuq perjodu ta’ żmien qasir sa medju rridu nlaħħqu mal-ispejjeż tat-tranżizzjoni lejn produzzjoni enerġetika b’livell baxx tal-karbonju, diversi fatturi importanti fuq livell globali għandhom ukoll ikomplu jiġu rikonoxxuti u enfasizzati mill-ġdid.

Il-produzzjoni tal-enerġija qed toħloq impatt ambjentali sinifikanti fuq il-pjaneta tagħna u fuqna stess, primarjament permezz tal-tibdil fil-klima iżda wkoll permezz ta’ effetti negattivi fuq is-saħħa.

Attwalment, 82 % tad-domanda globali tagħna għall-enerġija hija provvduta mill-karburanti fossili, li huma riżorsa limitata fuq perjodu ta’ żmien twil.

Ir-restrizzjoni preżunta ta’ riżorsi disponibbli (iż-żmien meta tintlaħaq il-quċċata tal-produzzjoni taż-żejt, eċċ.) hija inqas applikabbli minħabba esplorazzjoni ġdida jew l-iżvilupp ta’ proċessi ta’ estrazzjoni ġodda u l-pressjonijiet tas-suq biex jintużaw riżorsi ta’ karburanti fossili mhux konvenzjonali se jkunu konsiderevoli.

L-isfruttar ta’ terz biss tar-riżorsi magħrufa ta’ karburanti fossili huwa aktar minn biżżejjed biex iressaq il-pjaneta lil hinn mil-livell ta’ 450 ppm f’emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra (jiġifieri 2 oC) iżda minkejja dan, it-tekniki ġodda tal-esplorazzjoni u l-estrazzjoni għadhom jirċievu investimenti kbar (3).

Bilfors trid titwettaq tranżizzjoni tal-enerġija biex jinqata’ l-użu tal-karburanti fossili. Il-pass tat-tranżizzjoni huwa kruċjali – irid ikun mgħaġġel biżżejjed b’mod li ma jippermettix impatt eċċessiv fuq il-klima filwaqt li jżomm stabbli l-istrutturi ekonomiċi u soċjali. L-isforz globali konġunt se jkun kritiku u biex jingħata kontribut għal din it-tranżiżżjoni se jkun essenzjali li tinżamm il-kapaċità ekonomika tal-UE. Il-koerenza globali hija kruċjali għat-trażżin tat-tibdil fil-klima. Hemm riskju li t-tmexxija min-naħa tal-Ewropa jaf ikollha konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ kompetittività, rilokazzjoni industrijali u esportazzjoni tal-karbonju.

4.4.

Sal-lum huwa ċar li s-swieq waħidhom spiss jonqsu milli jindirizzaw kwistjonijiet soċjali u ambjentali – dan mhuwiex ir-rwol tagħhom. Il-KESE jemmen li s-swieq, għalkemm spiss huma tajba biex jintlaħqu l-għanijiet tal-effiċjenza u tal-ispejjeż fuq perjodu ta’ żmien qasir, iridu jiġu trasformati minn strumenti bbażati fuq is-suq sabiex ikun possibbli li jimplimentaw il-prijoritajiet soċjali (4). Dan jeħtieġ regolamentazzjoni tajba, l-appoġġ u l-involviment tas-soċjetà ċivili, u l-iżvilupp ta’ impenn qawwi għar-responsabbiltà soċjali korporattiva.

4.5.

Mingħajr fehim mis-soċjetà dwar id-dilemma li kemm l-UE u kif ukoll id-dinja qed jiffaċċjaw la se jkun hemm aċċettazzjoni politika u lanqas aċċettazzjoni mill-konsumatur. Hemm probabbiltà kbira li l-prezzijiet se jkomplu jogħlew. Il-konsumaturi se jkomplu joġġezzjonaw bil-qawwa għal żidiet bħal dawn. L-isfida hija li jitnaqqas l-impatt politiku u soċjali.

4.6.

Il-KESE jemmen li l-aktar approċċ effettiv huwa dak fejn il-konsumaturi Ewropej tal-enerġija, dawk domestiċi u industrijali, u l-partijiet interessati kummerċjali u istituzzjonali fil-katina tal-enerġija jipparteċipaw b’mod sħiħ fi djalogu attiv u kreattiv dwar dawn il-kwistjonijiet, b’mod li jwassal biex tittieħed azzjoni.

4.7.

Ftit hemm evidenza ta’ dan l-approċċ f’din il-Komunikazzjoni. Għalkemm isiru 41 referenza għas-“swieq”, b’kollox hemm biss tliet referenzi insinifikanti għal “involviment”, “ċittadin”, “djalogu”, jew “konsultazzjoni”. Xejra simili tinsab ukoll fid-dokument ta’ qafas ta’ politika għall-2020-2030.

4.8.

Il-konsistenza u l-azzjoni huma essenzjali fir-rigward ta’ dan is-suġġett. Id-dokument ta’ qafas tal-2011 “Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050” irrikonoxxa u elabora dwar dan il-punt – “Huwa kruċjali li jiġi involut il-pubbliku” (para. 3.4) iżda ftit ittieħdet azzjoni.

4.9.

Għalhekk, il-KESE jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri biex jadottaw u jieħdu azzjoni, b’mod urġenti, dwar il-qafas għal Djalogu Ewropew dwar l-Enerġija adottat mill-Kumitat fl-2013 fl-Oinjoni tiegħu dwar “Nistħarrġu l-bżonnijiet u l-mezzi għall-involviment u l-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-qasam tal-politika tal-enerġija” (5). Dan id-djalogu se jkollu rwol formattiv fl-istabbiliment u ż-żamma tal-proċess ta’ governanza madwar l-UE biex jintlaħqu l-miri tal-enerġija u l-klima.

4.10.

Proċess bħal dan għandu jenfasizza:

enfasi ħafna akbar fuq it-trasparenza, regolazzjoni stretta u governanza fil-livelli kollha

fehim u fiduċja akbar taċ-ċittadini/il-konsumaturi fl-operat tas-suq tal-enerġija b’taħriġ u konsulenza adatti

aktar involviment tal-pubbliku fl-għażla tat-taħlita tal-enerġija nazzjonali u tal-UE

flessibilità tal-Istati Membri biex jagħżlu politiki li huma l-aktar adatti għall-preferenzi u t-taħlita tal-enerġija nazzjonali, fil-konverġenza tagħhom lejn il-livell tal-UE

il-kisba ta’ miri nazzjonali (emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra, sorsi tal-enerġija rinnovabbli u effiċjenza fl-użu tal-enerġija) fil-kuntest tal-integrazzjoni tas-suq

4.11.

Il-varjazzjoni fil-prezzijiet tal-enerġija madwar l-UE ġiet innotata qabel. Minkejja li l-varjabbiltà fl-ispejjeż tal-produzzjoni u l-forniment jikkontribwixxu għal dan, il-firxa wiesgħa ta’ taxxi u imposti fuq l-enerġija hija fattur sinifikanti. Fl-Istati Membri kollha, it-taxxi fuq l-enerġija jikkostitwixxu parti importanti mid-dħul tal-gvern, u anke meta titneħħa t-tassazzjoni fuq iż-żejt l-isfida biex jinstabu sorsi oħra ta’ dħul bħala alternattiva għal kull tnaqqis tat-taxxa tkun waħda sostanzjali (6).

4.12.

Madankollu, għandu jiġi nnotat li llum huwa aċċettabbli li jkun hemm taxxa għolja fuq ċerti tipi ta’ enerġija, għad li dan isir b’riżentiment. Fl-UE, it-taxxi fuq iż-żejt jagħmlu 55 % tal-prezz mqabbla ma’, pereżempju, 14 % fl-Istati Uniti u 41 % fil-Ġappun.

4.13.

Għandha tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni partikolari f’kull Stat Membru – bħal pereżempju l-kwistjoni tal-“gżejjer ta’ enerġija” – u fil-verifika tal-prezzijiet għandu jitqies li mingħajr infrastruttura żviluppata, li teħtieġ investiment konsiderevoli, is-suq intern komuni tal-enerġija ma jistax jiġi kkompletat u b’hekk l-Istati Membri ma jistgħux jibbenefikaw mill-vantaġġi tiegħu.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1.

Is-“suq intern tal-enerġija” huwa partikolarment problematiku minħabba li s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija hija interess nazzjonali essenzjali, li, minkejja l-progress lejn suq intern tal-enerġija, tibqa’ fil-biċċa l-kbira taħt il-kontroll jew l-influwenza diretta tal-Istat. Fatturi tekniċi, ta’ riżorsi u fatturi ġeografiċi ikkontribwixxew ukoll għad-diffikultà ta’ twassil fis-suq, meta mqabbla, pereżempju, ma’ ħafna kategoriji ta’ oġġetti għall-konsumatur.

5.1.1.

Il-mira ta’ kkompletar tas-suq uniku għall-elettriku u l-gass, stabbilita fit-tielet pakkett tal-enerġija l tal-2009, mhix se tintlaħaq u rriżulta li l-implimentazzjoni ta’ aspetti ewlenin tal-liberalizzazzjoni tal-enerġija kienet diffiċli. Il-kisba tal-benefiċċji tal-integrazzjoni tas-suq iffaċċjat reżistenza mill-gvern, l-intrapriżi u s-soċjetà. F’xi Stati Membri jinħass li l-bidliet komprensivi fil-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-konsum tal-enerġija, jista’ jkollhom effetti inaċċettabbli.

5.1.2.

Għalkemm il-konverġenza tal-prezzijiet għall-operaturi qiegħda ġeneralment isseħħ fl-Ewropa Ċentrali u tal-Punent, il-prezzijiet bl-imnut mhux qed jikkonverġu għaliex l-Istati Membri japplikaw skemi nazzjonali differenti biex jappoġġjaw l-investimenti fis-settur tal-enerġija u għax jiġu implimentati politiki nazzjonali differenti għat-tqassim ta’ dawn l-ispejjeż ta’ appoġġ fost il-konsumaturi finali. Konsegwentement, qed jiżviluppa suq tal-elettriku vulnerabbli li sempliċement jottimizza l-użu tas-sistema Ewropea eżistenti. Madankollu, dan mhuwiex biżżejjed għax jinħtieġ suq “reżiljenti” li jinċentiva investimenti ottimali fuq skala Ewropea kemm biex ikunu jistgħu iseħħu dawn l-investiment kif ukoll biex jiġi żgurat li dawn ikunu kosteffiċjenti. Pereżempju rieżami u koordinazzjoni aħjar tal-istrumenti ta’ appoġġ (bħalma huma r-regolamenti u t-tariffi tat-tqegħid fuq il-grilja (feed-in)) huma kruċjali.

5.1.3.

Dan jeħtieġ aktar likwidità fis-suq u pprezzar mill-hub, partikolarment għall-gass. Is-swieq tal-gass ġew stabbiliti f’ċerti Stati Membri iżda għad m’għandhomx biżżejjed likwidità biex joffru alternattiva vijabbli għal-indiċjar espansjonarju taż-żejt, u biex joffru prezzijiet abbażi tas-suq. Għalhekk huwa kruċjali li jiġu żviluppati hubs tal-gass u tittejjeb l-interkonnettività bejniethom f’termini ta’ kapaċità ta’ trażmissjoni, arranġamenti kuntrattwali u aċċess għas-suq, partikolarment segmenti flessibbli ta’ provvista. Meta l-ġeneraturi tal-enerġija jingħataw aċċess għas-swieq tal-gass ikollhom aktar flessibbiltà biex jottimizzaw il-perjodi ta’ ġenerazzjoni. Huma jistgħu jevitaw il-ġenerazzjoni matul perjodi ta’ telf u jippreżervaw il-kompetittività tal-impjanti, u b’hekk inaqqsu l-ispejjeż mhux koperti li jkollhom jgħaddu lill-konsumaturi.

5.1.4.

Għad hemm inċertezza dwar il-kompożizzjoni dettaljata tal-prezzijiet tal-enerġija fost l-Istati Membri. Ir-riċerka dettaljata li qed twettaq bħalissa l-Kummissjoni dwar aktar trasparenza kemm fil-kompożizzjoni tal-prezzijiet tal-enerġija kif ukoll fl-iskala u l-impatt tas-sussidji tal-enerġija hija essenzjali sabiex tiġi stabbilita l-bażi għal kundizzjonijiet ekwi għall-produzzjoni tal-enerġija u l-ipprezzar. Hemm bżonn li kontinwament tinkiseb data dwar il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-enerġija fil-livell tal-impjant sabiex tittejjeb it-trasparenza dwar il-kundizzjonijiet operattivi li s-setturi tal-industrija jiffaċċjaw iżda wkoll sabiex il-politika tkun ibbażata fuq data tajba. Huwa kruċjali li tiġi żgurata t-trasparenza bħala l-ewwel pass lejn għażliet ta’ politika kosteffikaċi u bħala diskussjoni politika siewja mal-pubbliku. Dan japplika wkoll għall-kompożizzjoni tal-livelli ta’ qligħ tal-fornituri tal-enerġija. In-nuqqas ta’ statistiċi adattati tista’ tolqot ħażin il-kredibbiltà ta’ deċiżjonijiet ppreżentati bħala bbażati fuq l-evidenza. Dawn l-istatistiċi għandhom ikunu disponibbli f’kull livell ta’ governanza.

5.1.5.

L-industrija tista’ tagħmel investimenti u għamlet dan fil-passat biex tnaqqas l-intensità tal-użu tal-enerġija. Investimenti bħal dawn, madankollu, jeħtieġu rkupru tal-ispejjeż aċċettabbli u dawn l-investimenti għandhom it-tendenza li jsiru jiswew aktar maż-żmien.

5.1.6.

Fil-passat l-UE u l-Istati Membri għenu biex jipproteġu l-industriji vulnerabbli permezz ta’ taħlita ta’ allokazzjoni mingħajr ħlas, eżenzjonijiet mit-taxxi u l-imposti u, f’ċerti każijiet limitati, b’kumpens. Minħabba li d-distakk bejn l-ispejjeż għall-politika dwar it-tibdil fil-klima fl-UE u l-ispejjeż f’xi wħud mill-imsieħba kummerċjali ewlenin tagħha mhux se jonqos f’xi żmien qarib, il-Kummissjoni Ewropea għandha tivvaluta l-qafas legali eżistenti u teżamina approċċi ġodda, li huma aktar kompatibbli mas-suq intern, biex jindirizzaw l-industriji vulnerabbli.

5.1.7.

Peress li s-sigurtà tal-enerġija hija interess kruċjali għall-Istat, il-gvernijiet se jaċċettaw spejjeż kontinġenti żejda biex jiżguraw il-provvista. L-Istati Membri, għal raġunijiet ta’ sovranità, isibuha diffiċli biex jilħqu ftehim sodisfaċenti dwar proċess ta’ governanza fil-livell tal-UE, u b’konsegwanza ta’ dan ikunu lesti jittolleraw disinn tas-suq subottimali. Madankollu, f’sitwazzjonijet ta’ inċertezza dwar l-enerġija, is-solidarjetà hija kruċjali sabiex ikun hemm provvista tal-enerġija kontinwa.

5.1.8.

B’mod ġenerali, ftit hemm indikazzjoni li l-politiki nazzjonali tal-Istati Membri dwar l-enerġija, u li jvarjaw ħafna, jirrikonoxxu l-ħtieġa għal integrazzjoni aktar profonda fil-livell tal-UE. Dan idgħajjef is-suq intern tal-enerġija u jibgħat sinjali ta’ investiment li jfixklu. Il-KESE jemmen li pass deċiżiv lejn Komunità Ewropea ġenwina tal-Enerġija hija neċessarja biex jiġu koordinati strateġiji nazzzjonali tal-enerġija, b’mod partikolari biex il-provvista tal-enerġija tal-UE tiġi żgurata bl-inqas spiża.

5.2.   L-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija

5.2.1.

Fil-prinċipju, it-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar sostenibbli u effiċjenti fir-riżorsi hija stabbilit sew. Fil-prattika, it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, il-kompetizzjoni globali u nuqqas ta’ qbil dwar il-prijoritajiet bejn l-Istati Membri affettwaw il-ħeffa u l-effettività tat-tranżizzjoni (7).

5.2.2.

Dikjarazzjonijiet politiċi dwar l-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija spiss kienu sempliċiment kliem fieragħ ta’ approvazzjoni tal-għan ta’ żvilupp sostenibbli tal-UE, li la għarfu l-ambitu tal-bidla ekonomika u soċjetali li dan iġib miegħu u lanqas l-ostakoli strutturali.

5.2.3.

Dan l-għan spiss kien interpretat ħażin bħala l-ekoloġizzazzjoni ulterjuri ta’ attivitajiet ekonomiċi eżistenti, jiġifieri anqas karbonju, bit-tama li dan jirriżulta f’aktar tkabbir u impjiegi. Madankollu l-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija teħtieġ trasformazzjonijiet ħafna iktar profondi tax-xejriet tal-produzzjoni u tal-konsum – u tal-istili ta’ ħajja – aktar minn dak li x’aktarx huwa soċjalment aċċettabbli f’deċennju. Kważi l-attivitajiet ekonomiċi kollha jkollhom bżonn jiġu trasformati u, fil-perjodu ta’ tranżizzjoni mill-mudell ekonomiku tradizzjonali għal dak ekoloġiku, il-livell ta’ tkabbir u ħolqien ta’ impjiegi huwa inċert. Dan għandu jiġi appoġġjat minn sforzi koordinati fir-riċerka u l-iżvilupp.

5.2.4.

Bl-istess mod tnaqqset ħafna l-importanza tal-ostakli għall-ekoloġizzazzjoni rapida, effettiva u virtuża tal-ekonomija. L-ipprezzar għandu rwol, pereżempju, fil-kwistjonijiet li ġejjin:

nuqqas ta’ rieda mis-setturi ekonomiċi (interessi proprji) u għalhekk mill-politikanti

il-vantaġġi li t-teknoloġiji eżistenti għandhom minħabba infrastrutturi li diġà saru ħlasijiet għalihom,

nuqqas ta’ prezzar tal-karbonju effettiv

regolazzjoni effettiva ta’ dikjarazzjonijiet ekoloġiċi

ir-riskji teknoloġiċi u politiċi ta’ teknoloġiji ġodda b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju

telf ta’ impjiegi u possibbiltà ta’ nuqqas ta’ rieda mill-ħaddiema għal taħriġ mill-ġdid

kwistjonijiet ta’ trasformazzjoni industrijali u l-impatti soċjali tagħhom

kwistjonijiet ta’ ffinanzjar f’kuntest ta’ tkabbir ekonomiku baxx (jew negattiv) u “konsolidament fiskali”

kompetizzjoni internazzjonali qawwija

l-ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju tkun teħtieġ kunsens politiku u soċjali qawwi, investimenti pubbliċi u privati massivi appoġġjati minn aċċess faċli għall-finanzjament u viżjoni strateġika ċara, effettivament ekonomija “ekoloġika” ppjanata.

5.2.5.

Madankollu l-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija se jkollha bżonn li ssir. L-ambitu huwa konsiderevoli u ferm esiġenti iżda ma hemmx għażla oħra jekk irridu niżguraw futur sostenibbli. Biex jintlaħaq dan l-għan se jkun meħtieġ li jinstab ritmu li jagħraf il-bilanċ bejn il-kredibbiltà politika, il-qawwa ekonomika, sistemi soċjali stabbli u l-għażla taċ-ċittadin. Madankollu, il-prekundizzjonijiet mhux qed jintlaħqu, b’mod partikolari f’termini ta’ parteċipazzjoni mill-pubbliku biex jiġu indirizzati l-ostakoli. Huwa minnu wkoll li jistgħu jinħolqu benefiċċji ċari bħalma huma l-iżvilupp ta’ suq li jkun mexxej fis-settur tal-enerġija sostenibbli u b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju. L-UE hija avvanzata sew fl-introduzzjoni ta’ elettriku b’livell baxx ta’ karbonju f’diversi forom ta’ sostituzzjoni tas-sħana, u għandha wkoll settur kbir li jiżviluppa innovazzjonijiet ta’ trasport sostenibbli.

5.2.6.

Ir-rwol tal-iffrankar u l-effiċjenza tal-enerġija huwa essenzjali biex jiġu minimizzati l-ispejjeż. Domestikament, għad hemm ħafna benefiċċji li għad iridu jitwasslu permezz ta’ ġestjoni tad-domanda tal-konsumatur. Eżempji notevoli ta’ effiċjenza u tnaqqis fl-użu qegħdin jiżdiedu b’rata mgħaġġla fil-binjiet tas-settur pubbliku (l-aktar f’każijiet ta’ bini ġdid), u l-isforz għal effiċjenza akbar fl-użu tal-enerġija fl-industrija, li huwa stabbilit sew f’ċerti setturi, xorta għadu jista’ jirriżulta fi tfaddil għal bosta negozji.

5.2.7.

L-Istrumenti bbażati fuq is-suq (MBIs) qdew rwol sinifikanti ħafna biex jinkoraġġixxu riorjentazzjoni tal-ekonomiji tal-Istati Membri. Madankollu, fil-biċċa l-kbira kien hemm nuqqas ta’ konsistenza madwar l-UE fl-iskala u l-użu ta’ taxxi, imposti, sussidji u strumenti bbażati fuq is-suq oħrajn. Dan kien jidher partikolarment fir-rigward tal-enerġija. Għalhekk l-istrumenti bbażati fuq is-suq għandhom javvanzaw it-tranżizzjoni lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u għandhom jappoġġjaw l-irkupru ekonomiku (8).

5.3.

Ir-rekwiżit indispensabbli ta’ governanza effettiva sabiex jintlaħqu l-miri tal-UE dwar l-enerġija u l-klima proposti fil-pakkett dwar il-klima u l-enerġija għandu rabtiet ċari mal-issettjar ta’ parametri tas-suq konsistenti permezz ta’ regolaturi nazzjonali tal-enerġija. Il-KESE jirrakkomanda bis-sħiħ politika tal-enerġija iktar koordinata, b’governanza konverġenti u konsistenti tal-politiki nazzjonali bħala pass lejn ottimizzazzjoni tal-ispejjeż mal-UE kollha, u għalhekk jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni. Madankollu, jemmen li hija meħtieġa riflessjoni fil-fond biex jiġi żgurat li s-sistema se tikseb verament l-objettivi tagħha u huwa tal-fehma li l-Kumitat jista’ jagħti kontribut siewi għall-proposti tal-Kummissjoni li huma previsti, b’mod partikolari f’termini ta’:

bilanċ bejn il-flessibilità u l-kisba tal-objettivi tal-enerġija,

parteċipazzjoni qawwija tal-pubbliku u leġittimità għal miżuri nazzjonali u tal-UE,

inkoraġġiment biex l-Istati Membri jkunu sidien tal-proċess,

kisba ta’ konverġenza konsistenti u affidabbli fil-livell tal-UE.

5.4.

Il-Kummissjoni qed tiffaċċja l-kompitu li tfassal sistema ta’ governanza li hija effettiva f’termini ta’ infurzar iżda flessibbli biżżejjed biex tirbaħ l-appoġġ tal-Istati Membri. Għalhekk, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, il-KESE jipproponi li titnieda riflessjoni politikament newtrali li tiġbor fiha l-opinjonijiet tal-partijiet interessati kollha. L-għan tagħha jkun li titfassal sistema ta’ governanza effettiva, flessibbli u inklużiva. Kemm il-proċess ta’ parteċipazzjoni mill-pubbliku kif ukoll is-sistema proprja ta’ governanza huma essenzjali għall-moderazzjoni u l-ispjega tal-isfida tal-prezzijiet u l-ispejjeż tal-enerġija.

Brussell, 4 ta’ Ġunju 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Introduzzjoni: http://ec.europa.eu/energy/2030_en.htm

(2)  World Energy Outlook, IEA, 2013.

(3)  The Burning Question, Mike Berners Lee, Greystone Books, 2013.

(4)  ĠU C 226, 16.7.2014, pp. 1-9

(5)  ĠU C 161 – 6.6.2013, pp. 1-7.

(6)  Energy Policy and Energy Taxation in the EU: IREF Europe

http://www.irefeurope.org/en/sites/default/files/Energy_policy_EU.pdf

(7)  Opinjoni tal-KESE NAT/590 “L-ekonomija ekoloġika — inħeġġu l-iżvilupp sostenibbli fl-Ewropa”.

(8)  NAT/620.


Top