This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52017IE2848
Opinion of the European Economic and Social Committee on ‘Industrial change in the health sector’ (own-initiative opinion)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-tibdil industrijali fl-industrija taz-zokkor tal-pitravi tal-UE” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-tibdil industrijali fl-industrija taz-zokkor tal-pitravi tal-UE” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)
EESC 2017/02848
ĠU C 227, 28.6.2018, p. 11–19
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
28.6.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 227/11 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-tibdil industrijali fl-industrija taz-zokkor tal-pitravi tal-UE”
(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)
(2018/C 227/02)
Relatur: |
Joost VAN IERSEL |
Korelatur: |
Enrico GIBELLIERI |
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja |
1.6.2017 |
Bażi legali |
Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura |
|
Opinjoni fuq inizjattiva proprja |
|
|
Sezzjoni kompetenti |
Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI) |
Adottata fis-CCMI |
23.1.2018 |
Adottata fil-plenarja |
14.2.2018 |
Sessjoni plenarja Nru |
532 |
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
B’unanimità (163 vot favur) |
1. Konklużjonijiet
1.1. |
L-industrija tat-teknoloġija medika — l-għan tal-Opinjoni — għandha rwol ewlieni fit-trasformazzjoni attwali tas-settur tas-saħħa għall-benefiċċju tal-pazjenti u kura tas-saħħa bbażata fuq il-valuri fl-Ewropa. |
1.2. |
Kwistjoni ewlenija hija kura tas-saħħa personalizzata ħafna li tiżgura aċċess u kwalità ugwali u aħjar. It-teknoloġija u sorsi kbar ta’ data anonima ser jiffaċilitaw bil-kbir it-trattamenti l-ġodda u l-operazzjonijiet kif ukoll ikunu ta’ benefiċċju għall-fażijiet kollha ta’ prevenzjoni u rkupru. Il-fejqan isir dejjem aktar barra mill-isptarijiet bl-użu tat-teknoloġija tas-saħħa elettronika. |
1.3. |
Is-sussidjarjetà hija meqjusa b’kawtela fis-sistemi tal-kura tas-saħħa bħala servizzi ta’ interess ġenerali. Is-settur mediku u l-organizzazzjoni tiegħu huma deċentralizzati u frammentati ħafna. L-ostakli nazzjonali u reġjonali għandhom jitnaqqsu biex ir-riżultati ta’ teknoloġiji ġodda jiġu ottimizzati u jinkisbu effiċjenza u effettività aħjar f’konformità mal-għanijiet definiti pubblikament tas-sistemi tal-kura tas-saħħa. |
1.4. |
L-interazzjoni li għaddejja bħalisa bejn il-varjetà kbira ta’ partijiet interessati rilevanti — ministeri nazzjonali, organizzazzjonijiet tal-pazjenti, persunal mediku u persunal ieħor fil-kura tas-saħħa, sptarijiet, kumpaniji tal-assigurazzjoni u superviżjoni — toħloq ambjent kumpless għall-atturi industrijali, b’mod partikolari għall-SMEs. |
1.5. |
Il-proċess ta’ trasformazzjoni industrijali huwa meqjus ukoll li jqis kif xieraq il-valuri u l-prinċipji komuni li jsostnu s-sistemi tas-saħħa tal-Ewropa, kif stabbiliti mill-Kunsill fl-2006 (1), kif ukoll kif konfermat fl-impenji reċenti fil-pilastru soċjali tal-UE u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli maqbula (2). |
1.6. |
L-industrija teħtieġ l-iskala Ewropea bħala bażi għal suq domestku affidabbli kif ukoll biex tinbena reżiljenza internazzjonali suffiċjenti. L-UE hija ta’ importanza kritika għall-ħolqien ta’ ambjent ugwali kif ukoll għat-tmexxija u s-sorveljanza tal-proċess ta’ trasformazzjoni. |
1.7. |
Il-partijiet interessati ewlenin u l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw l-aħjar approċċi u impenji rigward l-aċċess għal u l-kwalità ta’ kura ta’ saħħa, l-affordabbiltà, u l-prevenzjoni. Fl-istess kuntest, approċċi speċjali anke relatati mal-infirmiera, huma meħtieġa jindirizzaw il-ħtiġijiet ta’ persuni vulnerabbli, b’mod partikolari l-persuni anzjani. Daqstant importanti huma l-aħjar approċċi lejn teknoloġiji ġodda u innovazzjoni, mudelli ta’ kura integrata, u alleanzi, kif ukoll in-netwerks (transkonfinali) u s-sħubijiet pubbliċi-privati (fuq skala kbira). Għandha tiġi żgurata implimentazzjoni xierqa tar-regoli u l-linji gwida tal-UE. Kull waħda minn dawn il-kwistjonijiet teħtieġ li s-servizzi tal-Kummissjoni jkollhom rwol attiv u stimulanti. |
Rakkomandazzjonijiet
1.8. |
L-istituzzjonijiet Ewropej għandhom irawmu l-prestazzjoni ekonomika, l-innovazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u l-akkwist pubbliku effettiv, filwaqt li jiffaċilitaw il-kummerċ transkonfinali fit-tagħmir mediku u l-prodotti industrijali. |
1.9. |
Politika industrijali tal-UE għandha tibni fuq kompetenzi kondiviżi fil-livell nazzjonali u dak tal-UE fil-qafas tal-Artikolu 168 tat-TFUE. Bl-istess mod, il-politiki tal-UE dwar l- innovazzjoni għandhom ikunu ta’ sostenn. Il-finanzjament tal-UE — Orizzont 2020 u oħrajn — għandu jiġi debitament koordinat u jkun jikkomplementa l-programmi nazzjonali. |
1.10. |
L-industrija ser tibbenefika bil-kbir mill-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali. Il-fluss ħieles tal-(big) data madwar l-Unjoni għandu jiġi promoss, filwaqt li jiġu rispettati l-privatezza u s-sigurtà tal-pazjenti. |
1.11. |
L-akkwist pubbliku għandu rwol ewlieni fit-tnedija ta’ proġetti b’teknoloġiji avvanzati. Il-Kummissjoni għandha tiżgura akkwist pubbliku effettiv madwar l-Unjoni f’konformità mad-Direttiva 2014/12. |
1.12. |
Fi ħdan il-kuntest usa’ ta’ approċċi nazzjonali hemm bosta inizjattivi bbażati fuq ir-reġjun. Il-Kummissjoni għandha tippromovi l-iskambju ta’ esperjenzi li kellhom suċċess. Għandhom jiġu mħeġġa l-kuntatti bilaterali bejn l-awtoritajiet tas-saħħa pubbliċi u privati. |
1.13. |
Is-Semestru Ewropew u r-RSP (1) għandhom ukoll jeżaminaw l-effett tal-bidla teknoloġika fuq it-trasformazzjoni tas-sistemi tas-saħħa. |
1.14. |
Il-Kummissjoni għandha tfittex koordinazzjoni interna effiċjenti. Hija għandha trawwem djalogi u pjattaformi bejn l-universitajiet, l-awtoritajiet lokali, l-imsieħba soċjali u l-industrija teknoloġika tal-mediċina. Dawn jistgħu jkunu ta’ eżempju għal kooperazzjoni mill-qrib bejn l-atturi pubbliċi bħas-saħħa nazzjonali, il-ministeri tal-finanzi u l-industrija u s-settur privat. |
1.15. |
Il-fattur uman huwa kruċjali. It-tranżizzjoni għal saħħa u kura ġodda teħtieġ moħħ miftuħ u forom ġodda ta’ professjonaliżmu fl-industrija fil-livelli kollha, kif ukoll disinn mill-ġdid tax-xogħol marbut mas-saħħa u l-kura. Id-djalogu soċjali Ewropew fis-settur tas-saħħa u s-servizzi soċjali li ilu jeżisti mill-2006 għandu jissaħħaħ mill-ġdid fid-dawl ta’ programmi adegwati ta’ taħriġ u ta’ edukazzjoni, kif ukoll biex tittejjeb il-kwalità tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-postijiet tax-xogħol. |
2. L-istampa attwali
2.1. |
F’diversi Opinjonijiet, il-KESE ddiskuta l-aħħar żviluppi fis-settur tas-saħħa (3). Din l-Opinjoni tiffoka b’mod speċifiku fuq it-trasformazzjoni profonda attwali fl-industrija tat-teknoloġija medika. |
2.2. |
Is-settur mediku teknoloġiku Ewropew waħdu jimpjega aktar minn 575 000 ruħ, li jaħdmu f’madwar 26 000 kumpanija. Ix-xenarju industrijali huwa ddominat minn SMEs li jinteraġixxu ma’ kumpaniji kbar. |
2.3. |
Is-settur huwa stmat għal madwar EUR 100 biljun. Il-bilanċ kummerċjali pożittiv ta’ EUR 14,1-il biljun fl-2015 kien id-doppju ta’ dak tal-2006 u mar sostanzjalment lil hinn mis-surplus kummerċjali Amerikan ta’ EUR 5 biljun. Is-settur għandu prospetti eċċellenti għall-ġejjieni. |
2.4. |
Ir-riċerka hija xprunata kemm mill-innovazzjoni bil-mod u kontinwa kif ukoll mill-innovazzjoni radikali u revoluzzjonarja fil-livell tal-intrapriżi, iżda ta’ spiss ukoll bħala spin-offs minn strutturi eżistenti bħalma huma l-isptarijiet universitarji. L-għadd ta’ pazjenti juri l-valur miżjud permezz tal-innovazzjoni. Fl-2015, kien hemm 12 474 applikazzjoni għal privattiva fil-qasam tat-teknoloġija medika. Dan l-għadd jammonta għal madwar 17 % aktar mill-komunikazzjoni diġitali u l-komunikazzjoni bil-kompjuter, u kważi 55 % aktar mill-prodotti farmaċewtiċi u l-bijoteknoloġija (4). |
2.5. |
Fl-2015, is-saħħa u l-kura fit-tul ammontaw għal 8,7 % tal-PDG fl-UE u għal 15 % tal-infiq totali tal-gvern. Dan jista’ jiżdied għal 12,6 % tal-PDG sal-2060 minħabba trattamenti li jqumu iktar flus, it-tixjiħ tal-popolazzjonijiet u ż-żieda qawwija f’mard kroniku u l-komorbidità (5). Minħabba restrizzjonijiet finanzjarji, is-servizzi tal-kura tas-saħħa jeħtieġu dejjem aktar li jlaħħqu mal-pressjoni ta’ baġit. Dan jista’ jwassal għal tnaqqis baġitarju fuq żmien qasir li jkollu effett negattiv fuq l-infiq relatat mar-riċerka u l-iżvilupp. |
2.6. |
Il-ħolqien konġunt u l-kooperazzjoni bejn l-intrapriżi l-kbar u l-SMEs huma n-norma. Il-korporazzjonijiet jiffukaw fuq l-iżvilupp ta’ pjattaformi tal-ħardwer u s-softwer intensivi fil-kapital, filwaqt li s-SMEs jiffukaw fuq pjattaformi speċifiċi għal skopijiet speċifiċi. |
2.7. |
Id-differenzi bejn il-pajjiżi huma sinifikanti. Is-sistemi tas-saħħa u l-istrutturi finanzjarji, kif ukoll l-istat tat-teknoloġija, inklużi l-assorbiment ta’ soluzzjonijiet innovattivi u prattiki mediċi prevalenti, ivarjaw ukoll bil-bosta bejn pajjiż u ieħor. |
2.8. |
Minbarra l-opportunitajiet, l-industrija tat-teknoloġija medika taffaċċja sfidi kbar. Huwa settur industrijali fih innifsu minħabba l-predominanza ta’ atturi pubbliċi, firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati, l-impatt tal-valuri Ewropej (6) u l-ħtieġa għal finanzi pubbliċi sostenibbli, kif ukoll minħabba l-prinċipju tas-sussidjarjetà mgħasses b’kawtela u ekosistemi ta’ spiss deċentralizzati u normalment ibbażati reġjonalment. |
2.9. |
Ir-reġjuni huma bażi fertili għall-kooperazzjoni. Nuqqas ta’ inizjattivi raggruppati u l-frammentazzjoni reġjonali, madankollu, ta’ spiss ikunu ta’ xkiel għal SMEs innovattivi, peress li l-kapaċità tagħhom li jattiraw investiment ta’ ekwità hija direttament relatata mal-kapaċità tagħhom li jiżviluppaw swieq akbar għal soluzzjonijiet tas-saħħa diġitali. |
2.10. |
B’kuntrast mal-Istati Uniti, fejn parti kbira mill-kura tas-saħħa hija organizzata permezz ta’ sistemi ta’ assigurazzjoni privata, il-kura tas-saħħa fl-Ewropa hija primarjament ffinanzjata minn fondi pubbliċi. |
2.11. |
Il-progress fit-teknoloġija medika huwa xprunat minn interazzjoni mill-qrib bejn il-partijiet ikkonċernati kollha. L-ekosistema qed tinbidel drastikament, b’atturi ġodda jixprunaw it-trasformazzjoni diġitali. Is-settur għandu jsib bilanċ delikat bejn il-forzi tas-suq u l-interess pubbliku li jeħtieġ kura tas-saħħa bi prezz raġonevoli għal kulħadd. |
2.12. |
Irid jopera f’ambjent tal-industrija, tobba, sptarijiet, pazjenti mogħtija s-setgħa u organizzazzjonijiet tal-pazjenti kif ukoll kumpaniji tal-assigurazzjoni (inklużi s-sistemi tas-sigurtà soċjali nazzjonali statutorji/obbligatorji); fi kliem ieħor, bosta partijiet ikkonċernati li jinteraġixxu qed jiffunzjonaw f’sistema kumplessa. |
2.13. |
It-teknoloġija u l-innovazzjoni huma integrati f’din l-ekosistema speċifika. L-innovazzjoni m’għadhiex prinċipalment xprunata min-naħa tal-provvista. Il-prattiki attwali juru ċaqliq lejn in-naħa tad-domanda, li ġeneralment ma tkunx ħerqana ħafna li tadotta approċċi ġodda. Normalment, l-eżitu finali huwa r-riżultat ta’ koordinazzjoni intensiva bejn il-partijiet ikkonċernati kollha fil-livell nazzjonali u ta’ spiss fil-livell reġjonali. |
2.14. |
L-industrija tiffoka fuq soluzzjonijiet speċifiċi u t-tiġdid ta’ kull element fil-katina tal-valur industrijali. Kull speċjalità medika għandha l-karatteristiċi tagħha. B’mod parallel, hemm għadd dejjem akbar ta’ soluzzjonijiet ta’ kura integrata. |
2.15. |
Is-sistema tiġi ttestjata kontinwament matul it-tħaddim tagħha. Sabiex l-industrija tikkonforma mar-rekwiżiti kollha mhuwa xejn faċli, filwaqt li xi drabi, l-obbligi regolatorji jikkoinċidu. |
3. Politika industrijali tal-UE
3.1. |
Il-KESE jilqa’ l-fokus reċenti tal-UE fuq riżultat aktar produttiv fis-saħħa permezz ta’ aktar innovazzjoni, aktar (kost) effiċjenza, aċċess aħjar u aktar ħiliet elettroniċi (7). L-istrateġija tas-suq uniku diġitali tippreżenta opportunitajiet ġodda kif ukoll sfidi. |
3.2. |
Politika industrijali tal-UE tista’ tibni fuq kompetenzi kondiviżi fil-livell nazzjonali u dak tal-UE fil-qafas tal-Artikolu 168 tat-TFUE (8). L-intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni mad-WHO u l-OECD timxi b’mod parallel. L-UE u l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jiġġieldu b’mod attiv il-frammentazzjoni kontroproduttiva. Huwa mixtieq li jkun hemm kejl oġġettiv. |
3.3. |
Il-prestazzjoni industrijali kif ukoll l-interazzjoni bejn l-industrija u l-partijiet interessati reġjonali u nazzjonali għandhom jitħeġġu. Il-mekkaniżmi ta’ finanzjament tal-UE u l-finanzjament nazzjonali għandhom ikunu komplementari. L-għanijiet reġjonali, nazzjonali u Ewropej għandhom jinġiebu taħt l-istess kappa. |
3.4. |
Firxa ta’ direttivi u linji gwida fis-settur tas-saħħa jikkonċernaw ukoll l-industrija: dwar is-saħħa u s-sigurtà (9), dwar id-drittijiet tal-pazjenti (10), dwar il-privatezza u dwar id-drittijiet tal-proprjetà intelletwali. B’mod partikolari, FP7/Orizzont 2020 u l-Finanzjament tal-Politika tal-Koeżjoni, huma proġetti kofinanzjati relatati mal-apparat mediku. L-Orizzont 2020 kien ta’ benefiċċju partikolari għall-industrija farmaċewtika, fir-rigward tat-teknoloġiji mediċi u akkademiċi. L-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) ilu attiv ħafna fl-inizjattivi reġjonali ta’ finanzjament mill-2015 (11). |
3.5. |
Politika industrijali tal-UE hija kritika minħabba l-appoġġ finanzjarju u l-kisbiet teknoloġiċi f’ġurisdizzjonijiet li jikkompetu. Fiċ-Ċina, l-istrateġija Ċina 2025 tiffavorixxi d-ditti domestiċi u l-inċentivi għall-isptarijiet sabiex l-industrija Ċiniża tingħata privileġġ u jiġi skoraġġut l-investiment barrani. Dan jista’ jkollu impatt qawwi fuq il-kumpaniji Ewropej. Minħabba l-protezzjoniżmu eżistenti u ż-żieda tiegħu fl-Istati Uniti, wieħed ma tantx jista’ jitkellem dwar kundizzjonijiet ekwi minn dan il-lat. Fl-Istati Uniti qed tidħol ir-rivoluzzjoni diġitali (12). In-negozji mill-Istati Uniti għandhom aċċess faċli għas-suq Ewropew. Google hija kompetitur ġdid b’saħħtu. In-negozjati kummerċjali tal-UE għandhom jiżguraw produzzjoni Ewropea aġġornata fil-provvista ta’ kura tas-saħħa universali. |
3.6. |
L-ottimizzazzjoni tad-data żżid l-opportunitajiet għall-kumpaniji kollha bbażati fl-Ewropa (13). Is-sistemi tar-Rekord Elettroniku tas-Saħħa (EHR) huma għaljin ħafna. Il-frammentazzjoni tal-ostakli u l-ostakli transkonfinali għad-data dwar is-saħħa jxekklu l-isforzi ta’ interoperabbiltà u l-SMEs Ewropej. Is-soluzzjonijiet mediċi personalizzati futuri — prevenzjoni aħjar, dijanjosi aktar preċiża, kura aħjar — ser jibbenefikaw l-aktar mill-ġbir ta’ data u riżorsi madwar l-UE. Dan il-ġbir ta’ data u riżorsi għadu relattivament limitat meta mqabbel mal-Istati Uniti u ċ-Ċina. |
3.7. |
Sħubijiet pubbliċi privati ta’ partijiet interessati fis-settur pubbliku u privat jeħtieġ li jiġu vvalutati u ssorveljati bir-reqqa fir-rigward tal-kapaċità tagħhom li joħolqu soluzzjonijiet innovattivi u sostenibbli, għanijiet industrijali, u interazzjoni u skambji ta’ benefiċċju. |
4. L-innovazzjoni u l-ħtieġa għal soluzzjonijiet sostenibbli fit-tul
4.1. |
Attwalment, l-investiment teknoloġiku fis-sistema tal-kura tas-saħħa huwa limitat għal 2-3 % tal-ispejjeż totali tal-kura tas-saħħa. Il-firxa ta’ innovazzjonijiet tapplika fid-dettall għal kull waħda mill-ispeċjalità medika (14), u qed taffettwa ħafna l-ġejjieni tal-professjoni medika kif ukoll l-organizzazzjoni tal-isptarijiet u s-settur tas-saħħa b’mod ġenerali. Qed jiġu implimentati mudelli kummerċjali ġodda fl-Unjoni. |
4.2. |
Pressjoni finanzjarja tista’ twassal għal soluzzjonijiet fuq żmien qasir u b’hekk għal inqas innovazzjoni. Barra minn hekk, l-inċentivi f’diversi Stati Membri ma jikkontribwixxux b’mod adegwat għall-innovazzjoni, iżda jistgħu jwasslu għal ħtiġijiet mediċi mhux issodisfati jew utilità mnaqqsa għall-pazjenti u, fl-aħħar mill-aħħar, għal trattamenti li jiswew aktar. Huma mixtieqa l-iskambji bilaterali u l-kondiviżjoni ta’ inizjattivi fuq skala Ewropea. |
4.3. |
F’dan is-settur, għandhom jiġu mħeġġa kooperazzjoni reġjonali produttiva u living labs (laboratorji ħajjin). L-EIT irawwem kooperazzjoni billi jippromovi żviluppi u sinerġiji katalisti, fost l-oħrajn permezz ta’ ċentri (hubs), kif ukoll bili jippromovi djalogi, pjattaformi, u interkonnessjonijiet għal proġetti individwali. |
4.4. |
L-innovazzjoni diġitali, b’mod partikolari fir-rigward tal-applikazzjonijiet tas-saħħa mobbli, tista’ tgħin sabiex jiġu indirizzati l-fatturi ta’ riskju li huma assoċjati mal-mard kroniku. Is-saħħa mobbli u l-monitoraġġ fuq distanza jappoġġjaw il-prevenzjoni u jistgħu wkoll inaqqsu l-bżonn għal trattamenti onerużi iktar tard. |
4.5. |
Ir-riċerka u l-iżvilupp kif ukoll l-innovazzjoni mhumiex forzi li jaħdmu waħedhom. Min-naħa tad-domanda — li hija kważi esklużivament fis-settur pubbliku — ta’ spiss ikun hemm evitar tar-riskju u tendenza li tintgħażel l-irħas soluzzjoni. |
4.6. |
Xi drabi, in-nuqqas ta’ fiduċja fl-awtoritajiet pubbliċi għandu jingħeleb. Il-persunal mediku jista’ jnaqqas ir-ritmu tal-innovazzjonijiet li jistgħu jwasslu għal bidla fil-metodi ta’ ħidma, pereżempju fil-kirurġija, jew għal kura kompletament ġdida, pereżempju dik li tinvolvi r-robotika. Id-dispożizzjonijiet finanzjarji għall-ispeċjalisti mediċi jistgħu jxekklu wkoll ir-rieda għall-innovazzjoni. Il-kumpaniji tal-assigurazzjoni mhux dejjem ikunu kooperattivi lanqas. Fil-qosor, ftuħ naturali lejn l-innovazzjoni ta’ spiss se jkun jeħtieġ bidla kulturali sabiex jinkisbu l-benefiċċji sħaħ. |
4.7. |
Tkun utli ħarsa ġenerali lejn id-diversi innovazzjonijiet ta’ benefiċċju li qegħdin iħeġġu kwalità ta’ ħajja, il-prevenzjoni tal-mard, stennija tal-għomor imtejba u estiża kif ukoll proporzjon aħjar bejn l-ispejjeż u l-prezzijiet. |
4.8. |
Dan ser ikun ukoll f’konformità mal-kunċett ta’ “valur għall-flus”. Is-saħħa u l-kura kienu — u potenzjalment għadhom — l-aktar settur li qed jikber malajr fil-baġits nazzjonali. Sensibilizzazzjoni komuni tal-ħtieġa għall-innovazzjoni u s-soluzzjoni fit-tul għall-pazjenti għandha tingħata preċedenza fost il-ministeri tal-finanzi, il-ministeri tas-saħħa u l-partijiet ikkonċernati. |
4.9. |
Mill-istess perspettiva, il-Fondi Ewropej, u, fejn ikun xieraq, flimkien mal-fondi nazzjonali, huma indispensabbli. |
5. Akkwist pubbliku
5.1. |
Madwar 70 % tal-bejgħ globali tat-teknoloġija medika jgħaddi minn proċess ta’ akkwist pubbliku u 70 % tad-deċiżjonijiet f’dawk il-każijiet huma ddeterminati abbażi tal-prezz, b’kull waħda minn dawn il-figuri dejjem tiżdied. Normalment, dan iwassal għal inqas kompetittività u inqas innovazzjoni/teknoloġiji ġodda, li jirriżulta fi spejjeż ogħla u inqas valur miżjud għall-pazjenti (15). |
5.2. |
Iż-żieda fl-ispejjeż għandha tkun ta’ inċentiv għall-isptarijiet u s-sistemi tas-saħħa biex ma jixtrux prodotti mediċinali fuq il-bażi ta’ spejjeż tax-xiri bil-quddiem (16). Aspetti importanti huma:
|
5.3. |
Xerrejja kompetenti, b’enfasi fuq l-aħħar innovazzjonijiet u li huma ppruvati, għandhom jitqiesu bħala indispensabbli għar-riżultat. Sa ċertu punt, ix-xerrej jista’ jitqies bħala l-konnessjoni bejn l-interessi tal-pazjent u tal-fornitur, l-iffrankar tal-ispejjeż u t-trawwim tal-output. |
5.4. |
L-offerti għandhom jitqiesu minn perspettiva olistika li tqis il-kwalità u l-ispejjeż tal-prodotti u s-servizzi matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tagħhom. Dan ser jappoġġja b’mod ugwali l-bżonn ta’ kura integrata, appoġġata mill-assoċjazzjoni Integrated Care Alliance (17). |
5.5. |
Il-partijiet ikkonċernati kollha jaqsmu r-responsabbiltà għall-identifikazzjoni tal-ħtijiġiet tal-utenti u tal-imsieħba fil-proċessi tas-sejħa għall-offerti. Dan huwa proċess diffiċli minħabba l-isfidi multidimensjonali assoċjati mal-kalkoli tal-ispejjeż u l-valutazzjoni tal-kwalità tul il-firxa wiesgħa ta’ oqsma fis-settur mediku. Dan jeħtieġ il-mentalità t-tajba fost il-partijiet ikkonċernati kollha. Il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fl-Ewropa u diskussjonijiet u skambji transnazzjonali miftuħa fil-livell Ewropew se jkunu ta’ għajnuna kbira. |
6. Diġitalizzazzjoni
6.1. |
It-trasferimenti teknoloġiċi u l-effetti trasversali u li jfixklu tad-diġitalizzazzjoni jeħtieġu impenn qawwi u parteċipazzjoni mill-partijiet ikkonċernati kollha fis-settur tas-saħħa.. |
6.2. |
Is-saħħa elettronika se tippermetti lill-professjonisti jinteraġixxu mill-bogħod mal-pazjenti u mal-kollegi l-oħra. Hija tgħin tifrex l-għarfien speċjalizzat u tiffaċilita r-riċerka. Hija toħloq varjetà wiesgħa ta’ soluzzjonijiet ġodda u mingħajr dubju, hija fattur għat-tkabbir. Ser ittaffi wkoll il-piż fuq il-baġits tas-saħħa. Is-saħħa mobbli qiegħda ttejjeb il-kura tas-saħħa fid-dar. Taqdi rwol kritiku fil-promozzjoni tal-mobbiltà tal-pazjenti, filwaqt li għandhom jiġu żgurati d-data, il-privatezza tal-pazjent u s-sigurtà. |
6.3. |
Il-Kummissjoni tqis li “illum il-ġurnata, għad hemm diskrepanza kbira bejn il-potenzjal ta’ trasformazzjoni diġitali u r-realtà tas-sistemi tas-saħħa u tal-kura” (18). L-ostakli huma diversi: il-leġislazzjoni nazzjonali, is-sistemi ta’ finanzjament u ta’ ħlas, l-approċċi tradizzjonali fis-settur mediku u pubbliku, il-frammentazzjoni tas-suq u nuqqas ta’ negozji li qed jespandu. L-industrija għandha wkoll interess li tfittex l-aħjar implimentazzjoni tat-trasformazzjoni sabiex jiġu evitati riżultati li mhumiex sodisfaċenti u, possibbilment, aktar xogħol. |
6.4. |
Min-naħa l-oħra, peress li s-saħħa hija settur ewlieni (madwar 10 % tal-PDG tal-UE), il-prospetti ta’ diġitalizzazzjoni massiva joħolqu opportunitajiet kbar għal aktar espansjoni (19). Is-sensibilizzazzjoni tal-impatt tad-diġitalizzazzjoni, inkluża l-intelliġenza artifiċjali, qed tiżdied b’rata mgħaġġla (20). Il-Kummissjoni dan l-aħħar adottat Komunikazzjoni li tindirizza tliet prijoritajiet fl-istrateġija dwar is-suq uniku diġitali għas-settur tas-saħħa u l-kura:
|
6.5. |
Il-Pjan ta’ Azzjoni jiddikjara li, sakemm l-UE ma tallinjax b’mod effettiv l-innovazzjoni u l-politiki ekonomiċi u industrijali mal-politiki tas-saħħa u tal-kura soċjali, kif ukoll mal-ħtiġijiet tal-utenti u tal-pazjenti, “il-mudelli soċjali u ekonomiċi tagħna kif ukoll il-kwalità tal-ħajja tal-popolazzjoni tagħna jinsabu f’riskju. Dan huwa punt kruċjali li rridu nindirizzaw” (21). L-OECD tikkonkludi li l-gvernijiet għandhom rwol kruċjali bħala sors ta’ tmexxija sabiex jiġi permess l-użu effettiv tal-ICT fit-tibdil u t-tfassil mill-ġdid tas-sistemi tas-saħħa (22). Madankollu, l-OECD tinnota li l-frammentazzjoni u n-natura li qed tevolvi b’mod rapidu tas-soluzzjonijiet teknoloġiċi, flimkien ma’ nuqqas ta’ standards mifruxa fl-industrija kollha u konformita mar-regoli eżistenti dwar is-sistemi tal-ICT, jistgħu jwasslu għal riskju għoli ta’ falliment u redditu fqir (23). |
6.6. |
Diġà teżisti firxa wiesgħa ta’ inizjattivi tas-saħħa elettronika li huma ta’ suċċess. Madankollu, hemm differenzi sostanzjali bejn il-pajjiżi u r-reġjuni. Dan l-aħħar tniedet strateġija globali ta’ interazzjoni u sinerġija fi ħdan il-proġett id-Diġitalizzazzjoni tal-Industrija Ewropea kif ukoll “mudell ġdid għall-konnessjoni ta’ inizjattivi differenti tal-UE, b’impenji tal-industrija ċari kif ukoll appoġġ mill-Istati Membri u l-istrateġiji reġjonali” (24). |
6.7. |
B’segwitu tal-eżempju ta’ Industrija 4.0, il-Kummissjoni issa nediet Saħħa 4.0. Jinsabu għaddejjin programmi tal-UE. Hemm bżonn fehma komuni fost id-Direttorati Ġenerali konċernati kollha sabiex jinkisbu s-sinerġiji. Iridu jitħeġġu pjattaformi teknoloġiċi li joperaw b’mod parallel mal-inizjattivi nazzjonali u reġjonali kif ukoll netwerking (transkonfinali). It-task force li ġiet imwaqqfa reċentement, għandha trawwem żviluppi simili (25). |
6.8. |
Għadd ta’ proġetti pilota u inizjattivi tal-UE għadhom ma tlestewx kompletament, filwaqt li nbdew inizjattivi ġodda. Metodu aktar sostenibbli huwa li jkun hemm fis-seħħ mekkaniżmi permanenti sabiex jiġu appoġġjati l-industrija u l-innovazzjoni, inkluża l-implimentazzjoni. |
6.9. |
Il-big data għandha potenzjal kbir għal aktar bidliet radikali fit-trattament mediku. Huwa importanti li reġistri elettroniċi tas-saħħa jkunu ġestiti u protetti b’mod sigur skont il-protokolli tal-ġestjoni tad-data tal-kura tas-saħħa b’konformità mar-regolamenti tal-gvern (26). Strateġiji effettivi dwar l-Iżvilupp Professjonali Kontinwu (CPD) (27) huma importanti, speċjalment fil-ġestjoni tad-data u l-istandards ta’ privatezza għall-pazjenti, l-ambjenti fi cloud u l-investimenti ta’ sigurtà fil-ħażna tal-big data. |
6.10. |
L-istatistiċi juru li s-settur tal-kura tas-saħħa huwa partikolarment vulnerabbli għall-attakki ċibernetiċi. Għalhekk, iċ-ċibersigurtà trid tkun ukoll prijorità f’applikazzjonijiet industrijali ġodda. |
6.11. |
Il-big data tappoġġja l-personalizzazzjoni, inkluż fir-relazzjoni bejn il-produtturi u l-pazjenti. Din tkopri l-oqsma li ġejjin:
|
6.12. |
Id-diġitalizzazzjoni u l-big data mhux biss jiffavorixxu l-proliferazzjoni ta’ sensuri u apparati individwali, iżda dawn għandhom ukoll rwol ewlieni f’dijanjostika, riċerka u prevenzjoni ġodda kif ukoll fl-appoġġ tal-għoti tas-setgħa liċ-ċittadini u l-awtoġestjoni, filwaqt li joħolqu l-aħjar soluzzjonijiet għall-kura integrata. L-iskambju tad-data tal-pazjenti ser ikun kritiku għall-interoperabbiltà. |
6.13. |
L-aħjar prattiki Ewropej u l-pressjoni mill-pari kif ukoll valutazzjonijiet u l-proġetti pilota oġġettivi u piloti ser ikunu ta’ għajnuna, sakemm dawn il-proġetti pilota jitwettqu b’mod sħiħ. |
7. L-impatt soċjali u l-ħiliet
7.1. |
It-trasformazzjoni fl-industrija għandha impatt soċjali kemm fl-industrija medika nnifisha kif ukoll fis-settur tas-saħħa b’mod ġenerali. Bħal f’setturi industrijali oħra, il-bidla tal-mudelli kummerċjali minħabba d-diġitalizzazzjoni teħtieġ aġġustament tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u mekkaniżmi tas-suq tax-xogħol kif ukoll l-involviment tal-imsieħba soċjali f’livelli differenti. |
7.2. |
It-teknoloġija u l-innovazzjoni ġeneralment ikollhom effett qawwi fuq is-sitwazzjoni tal-ħaddiema fis-settur tas-saħħa stess. Minbarra u flimkien ma’ partijiet interessati konnessi aktar mill-qrib bħal sptarijiet u kliniċi, l-industrija tista’ tgħin tħejji lill-ħaddiema għal ambjenti u trattamenti li qegħdin jinbidlu. |
7.3. |
Hemm bżonn ta’ approċċi u għodod speċjali biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta’ persuni vulnerabbli, b’mod partikolari l-persuni anzjani (djar tal-anzjani) li għandhom jibbenefikaw minn tipi speċifiċi personalizzati ta’ appoġġ u assistenza. Infermiera professjonali jeħtieġu taħriġ iffokat sabiex jintużaw teknoloġiji ġodda f’din il-kategorija ta’ pazjenti. |
7.4. |
Il-kura u s-saħħa huma fost l-akbar fornituri tal-impjiegi fl-UE. Nuqqas previst ta’ mhux aktar minn 2 miljun ħaddiema tas-saħħa u 20 miljun ħaddiem tal-kura fl-UE sal-2025, jippreżenta sfida għal żvilupp sostenibbli futur tas-settur kollu kemm hu (28). |
7.5. |
Sistema tas-saħħa u tal-kura ottimizzata ser tibbenefika b’mod sinifikanti mill-kontribut u l-impenn ta’ sistema tal-kura b’ħaddiema mħarrġa u motivati ħafna. Ta’ spiss, l-impjiegi tas-saħħa u tal-kura huma prekarji, imħallsa bi ftit u pjuttost diffiċli. Din id-diskrepanza bejn il-ħtiġijiet u x-xogħol meħtieġ (kwalità) titlob li jitfasslu mill-ġdid ix-xogħol u l-organizzazzjoni marbuta mas-saħħa u l-kura. |
7.6. |
L-ICT u l-organizzazzjonijiet intelliġenti jistgħu jgħinu biex joħolqu kondizzjonijiet tax-xogħol aktar attraenti u produttivi u postijiet tax-xogħol aħjar. Il-perċezzjoni ta’ riskji u problemi kif ukoll kull tip ta’ mistoqsija minħabba teknoloġiji ġodda għandhom jiġu indirizzati permezz ta’ informazzjoni u konsultazzjoni komprensivi f’konformità mad-drittijiet tal-ħaddiema tas-saħħa f’diversi livelli. |
7.7. |
Ħiliet ġodda, metodi ta’ ħidma aġġustati u setgħa lill-pazjenti għandhom impatt kbir. Dawn il-proċessi jistgħu jitwettqu b’suċċess biss jekk ikun hemm impenn mill-partijiet ikkonċernati kollha. Dawn għandhom jirriżultaw minn ftehimiet u/soluzzjonijiet nazzjonali, settorjali jew ibbażati fuq l-intrapriża li jħejju b’mod xieraq lill-impjegati u l-organizzazzjonijiet tas-saħħa għall-bidliet futuri. Fl-2006 twaqqaf kumitat settorjali għad-djalogu soċjali tal-UE għas-settur tal-isptar/tal-kura tas-saħħa. |
7.8. |
L-edukazzjoni u l-prattika, kif ukoll taħriġ kontinwu, huma kruċjali. Huma mixtieqa edukazzjoni u moduli ta’ taħriġ Ewropej komuni. Għandhom jiġu promossi l-iskambji dwar il-bini tas-sensibilizzazzjoni u l-aħjar prattiki fl-Ewropa fir-rigward ta’ dawn il-kwistjonijiet bejn il-partijiet ikkonċernati. L-edukazzjoni u t-taħriġ kienu koperti f’Dikjarazzjoni Konġunta tal-imsieħba soċjali fl-2016 (29). |
7.9. |
L-aħjar prattiki madwar l-UE fis-saħħa u l-kura dwar l-iżviluppi tas-sistema u l-evalwazzjoni ta’ organizzazzjonijiet intelliġenti jistgħu wkoll ikunu ta’ għajnuna fil-promozzjoni ta’ modi promettenti tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema. |
7.10. |
Il-ħtieġa li wieħed ikollu moħħu miftuħ għal soluzzjonijiet ġodda megħjuna mill-ICT teħtieġ li l-professjonisti kollha tas-saħħa u tal-kura jkunu litterati diġitalment u aġġornati bl-aktar teknoloġiji reċenti. Minbarra l-ħiliet tal-firxa sħiħa ta’ professjonisti, l-għoti tas-setgħa lill-pazjenti jeħtieġ ukoll il-mentalità t-tajba u kompetenzi korrispondenti. |
7.11. |
B’mod parallel mal-professjonisti tal-kura tas-saħħa, hemm bżonn li jinbena għarfien mediku fin-negozji tal-IT bil-għan li jiġi ottimizzat l-użu tal-għodod tal-IT fis-saħħa u l-kura. |
7.12. |
L-impjiegi fil-kura informali u soċjali għandhom jiġu aġġornati wkoll. Il-kura informali qed tiżdied b’mod sproporzjonat, bħalma qed jiżdied l-għoti tas-setgħa lill-pazjent. It-tnejn jistgħu jtejbu bil-bosta l-mobilità tal-ġenerazzjoni li qed tixjieħ, inklużi l-anzjani b’diżabilità kif ukoll dawk l-anzjani li huma b’saħħithom. It-terminu “ekonomija tal-anzjani” ma għandux bżonn ta’ spjegazzjoni. |
Brussell, l-14 ta’ Frar 2018.
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Georges DASSIS
(1) Ara l-Konklużjonijiet tal-Kunsill EPSCO (2006/C 146/01) u l-Anness tagħha, 2 ta’ Ġunju 2006 dwar l-impatt tal-valuri Ewropej.
(2) Ara b’mod partikolari l-għanijiet 3, 5, 9 u 10.
(1) Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż.
(3) ĠU C 181, 21.6.2012, p. 160, ĠU C 242, 23.7.2015, p. 48, SOC/560 — Sigurtà soċjali sostenibbli u sistemi ta’ protezzjoni soċjali fl-era diġitali (għadha mhux ippubblikata fil-ĠU), ĠU C 133, 9.5.2013, p. 52, ĠU C 434, 15.12.2017, p. 1.
(4) “The European Medical Technology Industry in Figures, 2015” (L-Industrija tat-Teknoloġija Medika Ewropea espressa f’ċifri, 2015).
(5) Kummissjoni Ewropea, 2017.
(6) Ara n-nota 1 ta’ qiegħ il-paġna.
(7) Ara l-Konklużjonijiet tal-Kunsill EPSCO (2006/C 146/01) u l-Anness tagħha, 2 ta’ Ġunju 2006 dwar l-impatt tal-valuri Ewropej.
(8) L-Artikolu 168 fit-Titolu XIV tat-TFUE: Is-Saħħa Pubblika.
(9) Reċentement, il-Kunsill reġa’ adotta żewġ regolamenti b’impatt kbir fuq l-industrija: wieħed dwar Apparat ġdid u l-ieħor dwar Dijanjostika invitro.
(10) F’dan il-kuntest ara l-Artikolu 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, doc. 2012/C 326/02, u l-Karta Ewropea tad-Drittijiet tal-Pazjenti, 2002
(11) Il-Komunità ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni fil-kuntest tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija ġiet stabbilita fid-9 ta’ Diċembru 2014.
(12) Ara l-istudju Goldman Sachs, 1917: A digital healthcare revolution is coming — and it could save America $300 billion (Daqt tasal ir-rivoluzzjoni diġitali fil-kura tas-saħħa — u din tista’ tiffranka lill-Amerika $300 biljun.)
(13) Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Nibnu Ekonomija tad-Dejta Ewropea, Marzu 2011 u r-reazzjoni tal-KESE TEN/630
(14) Ara, fost l-oħrajn, l-Aġenda ta’ Riċerka Strateġika skont Orizzont 2020, COCIR, Settembru 2016
(15) “Procurement, The Unexpected Driver of Value Based Health Care” (Akkwist, L-Ixprunatur Mhux Mistenni tal-Kura tas-Saħħa Bbażata fuq il-Valuri), Boston Consulting Group — MedTech Europe, 2015.
(16) Is-settur tas-saħħa mhuwa bl-ebda mod l-uniku settur li jsofri minn tali prattiki. Is-sindromu tal-aktar prezz baxx huwa prevalenti fil-maġġoranza tal-akkwist pubbliku madwar l-Ewropa. Din hija raġuni waħda ewlenija għal leġislazzjoni Ewropea, ara b’mod partikolari d-Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku tal-2014.
(17) Ara, fost l-oħrajn, il-European Blue Print (Pjan ta’ Azzjoni Ewropew), DĠ CNECT (kapitolu 6 t’hawn taħt) u www.integratedcarealliance.org
(18) Ara l-Industrija Ewropea: Grupp ta’ Ħidma 2 — Pjattaformi Diġitali Industrijali, kapitolu 5, Ħarsa Ġenerali tal-Istrateġija fi “Trasformazzjoni Diġitali tas-Saħħa u tal-Kura”.
(19) Ara Grupp ta’ Ħidma 2, paġna 31.
(20) Ara, fost l-oħrajn, Blueprint on Digital Transformation of Health and Care for the Ageing Society, a Strategic Vision developed by Stakeholders (Pjan ta’ Azzjoni dwar it-Trasformazzjoni Diġitali tas-Saħħa u l-Kura għas-Soċjetà li qed Tixjieħ, Viżjoni Strateġika żviluppata mill-Partijiet Ikkonċernati), Brussell, 5-8 ta’ Diċembru 2016.
(21) Pjan ta’ Azzjoni, p. 6.
(22) Improving Health Sector Efficiency, the role of Information and Communication technologies (It-titjib fl-Effiċjenza tas-Settur tas-Saħħa, ir-rwol tat-teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni), OECD 2010.
(23) Ibid, p. 16.
(24) Grupp ta’ Ħidma 2, p. 35.
(25) “Taskforce to take health and digital policies further” (Task Force għall-iżvilupp ulterjuri tal-politiki tas-saħħa u l-politiki diġitali), 27 ta’ Frar 2017.
(26) Ara l-qafas 2012 dwar il-protezzjoni tad-data.
(27) CPD — Continuing Professional Development Strategies (Strateġiji dwar l-Iżvilupp Professjonali Kontinwu).
(28) Pjan ta’ Azzjoni, p. 19.
(29) Ara d-Dikjarazzjoni Konġunta minn HOspEM u EPSU — imsieħba soċjali — dwar Il-kontinwazzjoni tal-iżvilupp professjonali u t-tagħlim tul il-ħajja għall-impjegati kollha tas-saħħa fl-UE, Novembru 2016. Għal aktar informazzjoni dwar il-bżonn għal investiment fil-forza tax-xogħol tas-settur tas-saħħa, ara r-rapport konġunt UN/ILO/WHO/OECD dwar Working for health and growth: investing in the health workforce.