This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52019IE2059
Opinion of the European Economic and Social Committee on ‘External aid, investment and trade as instruments to reduce the reasons of economic migration, with a special focus on Africa’ (own-initiative opinion)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-għajnuna esterna, l-investiment u l-kummerċ bħala strumenti biex jitnaqqsu r-raġunijiet għall-migrazzjoni ekonomika, b’enfasi speċjali fuq l-Afrika” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-għajnuna esterna, l-investiment u l-kummerċ bħala strumenti biex jitnaqqsu r-raġunijiet għall-migrazzjoni ekonomika, b’enfasi speċjali fuq l-Afrika” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)
EESC 2019/02059
ĠU C 97, 24.3.2020, p. 18–26
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
24.3.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 97/18 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-għajnuna esterna, l-investiment u l-kummerċ bħala strumenti biex jitnaqqsu r-raġunijiet għall-migrazzjoni ekonomika, b’enfasi speċjali fuq l-Afrika”
(opinjoni fuq inizjattiva proprja)
(2020/C 97/03)
Relatur:
Arno METZLERKorelatur:
Thomas WAGNSONNER
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja |
23–24.1.2019 |
Bażi legali |
Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura |
|
Opinjoni fuq inizjattiva proprja |
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għar-Relazzjonijiet Esterni |
Adottata fis-sezzjoni |
28.11.2019 |
Adottata fil-plenarja |
12.12.2019 |
Sessjoni plenarja Nru |
548 |
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
152/0/9 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet ġenerali
1.1. |
Il-politika tal-iżvilupp tal-UE tfittex li trawwem l-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bil-għan primarju li teqred il-faqar, tistimula t-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi, u tippromovi l-paċi u s-sigurtà/stabbiltà, il-governanza tajba u d-drittijiet tal-bniedem. Hija l-pedament tar-relazzjonijiet tal-UE mad-dinja esterna u tikkontribwixxi għall-għanijiet tal-azzjoni esterna tal-UE — flimkien mal-politika barranija, ta’ sigurtà u kummerċjali (u aspetti internazzjonali ta’ politiki oħra bħall-ambjent, l-agrikoltura u s-sajd). Meta jimplimentaw dawn l-għanijiet, il-politiki għandhom fil-każijiet kollha jiżguraw “ħajja deċenti”, jinfurzaw l-istat tad-dritt u joħolqu kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ kwalità. F’dan ir-rigward, il-KESE jenfasizza b’mod espliċitu l-bżonn li tinkiseb ugwaljanza bejn is-sessi u tissaħħaħ il-pożizzjoni tat-tfajliet u n-nisa. |
1.2. |
F’dinja li dejjem qiegħda tinbidel, ħaġa waħda hija ċerta: l-Afrika u l-Ewropa se jibqgħu ġirien qrib xulxin. L-54 pajjiż tal-Afrika u t-28 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea għandhom viċinat, storja u futur kondiviżi. Il-KESE jenfasizza li l-iżbalji tal-passat għandhom ċertament jiġu evitati fil-futur kondiviż taż-żewġ kontinenti. |
1.3. |
Sebgħin sena ilu, l-Ewropa kienet kontinent ta’ emigrazzjoni netta hekk kif iċ-ċittadini tagħha ħarbu problemi bħal gwerer, ġuħ, faqar, qgħad, degradazzjoni ambjentali, oppressjoni u diskriminazzjoni. Is-suċċess tal-UE fil-ħolqien ta’ opportunitajiet għall-poplu tagħha ħoloq kontinent ta’ immigrazzjoni netta. Għandna naħdmu flimkien mal-pajjiżi Afrikani biex noffrulhom progress simili. |
1.4. |
Huwa diffiċli li tiġi identifikata strateġija ekonomika tal-UE koerenti dwar l-Afrika kollha kemm hi. Il-KESE jixtieq jenfasizza l-impenn tiegħu li jkun involut f’approċċ trasparenti u koerenti, bħala korp li jirrappreżenta lis-soċjetà ċivili organizzata u bħala sieħeb attiv f’dawn il-ftehimiet kollha tal-UE. Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) ħabbar li l-UE diġà hija sieħeb politiku b’saħħitu tal-Afrika, u li l-pass li jmiss huwa li nsiru msieħba ekonomiċi veri u li napprofondixxu r-relazzjonijiet kummerċjali u ta’ investiment tagħna. Il-KESE kellu rwol ewlieni fl-identifikazzjoni tar-relazzjonijiet tas-soċjetà ċivili taħt il-Ftehim ta’ Cotonou. Issa huwa importanti li l-impenn kontinwu u saħansitra akbar tal-KESE u tal-istrutturi tiegħu jsir element sostanzjali tal-ftehim ta’ wara Cotonou. B’dan il-mod is-soċjetà ċivili tal-UE se tkun tista’ tgħin lis-soċjetà ċivili tal-pajjiżi Afrikani ssir sieħeb affidabbli u ta’ min jafdah għall-investituri. Dan se jitwettaq biss billi titrawwem sħubija fuq l-istess livell u billi jiġu kkunsidrati l-assimetriji attwali fis-sitwazzjoni ekonomika. |
1.5. |
Sabiex jinkisbu għanijiet komuni, it-tisħiħ tal-kollaborazzjoni ekonomika se jkun kruċjali. L-aħħar snin kienu xhieda ta’ approċċi għal paradigma ġdida fir-relazzjonijiet UE-Afrika (pereżempju fl-agrikoltura), li jiffokaw dejjem aktar fuq il-kooperazzjoni politika u l-promozzjoni ta’ investiment sostenibbli u ambjent tan-negozju stabbli, responsabbli u inklużiv. Din il-paradigma għandha tiġi żviluppata aktar b’suċċess fis-settur agrikolu kif ukoll f’setturi oħra u trid tinkludi aktar nies lokali fuq il-post. |
1.6. |
Il-KESE jirrakkomanda li fil-livell tal-UE tiġi stabbilita politika ta’ punt uniku ta’ servizz u mekkaniżmu xieraq ta’ konsultazzjoni li jipprovdu informazzjoni u kuntatti għal dawk li jixtiequ jinvestu fl-Afrika u jikkollaboraw mal-pajjiżi Afrikani. Dan jissodisfa wkoll l-għan ta’ monitoraġġ, bħala forma ta’ strument politiku. L-implimentazzjoni ta’ punt uniku ta’ servizz għall-inizjattivi kollha relatati mal-Afrika tevita d-duplikazzjoni ta’ proġetti u tiżgura t-trasparenza u l-effiċjenza tal-appoġġ tal-UE. |
1.7. |
Il-KESE jirrakkomanda wkoll li tiġi stabbilita pjattaforma xierqa għal skambju aħjar ta’ informazzjoni bejn l-SMEs Ewropej u Afrikani dwar l-aħjar prattiki dwar l-investiment u l-kollaborazzjoni. |
1.8. |
Hemm bżonn li tiġi ppreżentata arkitettura istituzzjonali ċara u trasparenti għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE mal-Afrika, li tkun bbażata fuq il-Kunsens ġdid għall-Iżvilupp (1), li tippermetti analiżi u implimentazzjoni aktar realistiċi tal-perspettiva tal-iżvilupp. Il-KESE jittama li l-ftehim ta’ wara Cotonou jkun jista’ jipproponi pjattaforma prammatika għal politika ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp riformata, konsistenti mal-kumplessitajiet tal-proċess tal-iżvilupp. Din il-pjattaforma għandha tkun ibbażata fuq il-kollaborazzjoni bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet kollha tal-UE fi sforz biex jiġu rreġistrati l-programmi, il-proġetti u l-inizjattivi kollha fil-livell nazzjonali u tal-UE. Dan jevita duplikazzjoni ta’ attivitajiet f’ċerti oqsma, filwaqt li jkun nieqes mill-appoġġ f’oqsma oħra. |
1.9. |
Fl-istess ħin, il-KESE huwa favur proċess li jimmassimizza l-impatt tal-iżvilupp soċjali u ekonomiku (2) ta’ politiki oħra tal-UE. B’mod partikolari, il-kummerċ, l-investiment, it-taxxa (3), l-għajnuna esterna (4), il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata internazzjonali u l-politiki dwar il-klima jridu jkunu koerenti mal-għanijiet tal-politika ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp. |
1.10. |
Il-KESE huwa impenjat bis-saħħa li jagħmel il-finanzjament tal-iżvilupp Ewropew aktar effiċjenti u effettiv. Filwaqt li jqis il-fondi ta’ investiment tal-UE li diġà jinvestu fl-Afrika, il-KESE jirrakkomanda li jiġi stabbilit fond ta’ investiment, simili għall-Fond Soċjali Ewropew, sabiex jissieħeb bħala koinvestitur ma’ investimenti privati u pubbliċi. Dan il-fond għandu jkun ibbażat fuq il-kriterji u l-prinċipji tal-Aġenda 2030 u r-rikonoxximent ta’ standards bażiċi aċċettati internazzjonalment (5). Il-proġetti appoġġjati għandhom jiġu mmonitorjati u elenkati f’reġistri jew pjattaformi ċentrali. Il-KESE jħeġġeġ kollaborazzjoni saħansitra aktar mill-qrib mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (speċjalment il-KESE) dwar il-valuri etiċi tagħhom b’rabta mal-proġetti kollha. |
1.11. |
Il-KESE jappella għall-implimentazzjoni ta’ approċċ “mill-għajnuna għall-investiment”, li jfisser li jinbidel il-punt fokali mill-għoti ta’ benefiċċji għall-appoġġ u nnegozzjar ma’ atturi ekonomiċi li huma awtodipendenti u ekonomikament indipendenti, u proġetti ekonomiċi interkontinentali bbażati fuq kooperazzjoni fuq kundizzjonijiet ekwi. |
1.12. |
L-istrutturi finanzjarji fl-Afrika nnifisha għandhom jissaħħu biex jappoġġjaw finanzjament fit-tul, kemm għal investimenti privati kif ukoll dawk pubbliċi. Dan huwa prerekwiżit importanti għal żvilupp sostenibbli u dejjiemi. Esperjenzi Ewropej fir-rigward ta’ banek kooperattivi u banek ta’ żvilupp nazzjonali, li, b’mod partikolari, jaqdu l-ħtiġijiet tal-muniċipalitajiet, jistgħu forsi jservu bħala mudell. B’mod partikolari, il-mikrokreditu u l-investiment jistgħu jkunu kwistjoni ewlenija għall-futur tal-ekonomija Afrikana. Żvilupp sostenibbli se jseħħ biss meta jiġu appoġġjati l-ktajjen tal-valur reġjonali u s-swieq tal-konsumaturi għall-klassi medja (6). |
1.13. |
Il-KESE jqis li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE għandha tiffoka fuq il-ħidma lejn sħubija ċċentrata fuq in-nies, tiżgura l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, tat-trejdjunjins u tas-settur privat, u twassal benefiċċji diretti għaċ-ċittadini Afrikani u Ewropej. |
1.14. |
Il-KESE jenfasizza li s-soċjetà ċivili organizzata tista’ tgħin biex jinbena ambjent ta’ fiduċja fl-istrutturar tas-soċjetà ċivili Afrikana bi strumenti għal aċċess għal-ġustizzja, infurzar ta’ sigurtà u kontra l-korruzzjoni fi sħubija ma’ strutturi Afrikani. Dan għandu jkun il-valur miżjud li s-soċjetà ċivili Ewropea twassal għall-iżvilupp Afrikan ibbażat fuq l-istess valuri komuni, bħad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet politiċi u taċ-ċittadini. |
1.15. |
Il-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles (FTAs) l-ftehimiet ta’ sħubija ekonomika (FSE) tal-UE mal-pajjiżi Afrikani ma fihom l-ebda mekkaniżmu għal djalogu mas-soċjetà ċivili organizzata. L-UE għandha tfittex, fil-kuntest tar-reviżjoni ta’ dawn il-ftehimiet, li tistabbilixxi mekkaniżmi ta’ djalogu għal atturi mhux statali. |
1.16. |
Filwaqt li tibbaża ruħha fuq l-approċċ u l-esperjenza emerġenti tal-pjattaformi ta’ Negozju Sostenibbli għall-Afrika (SB4 A, Sustainable Business for Africa), prinċipalment b’enfasi fuq l-impenn tas-settur privat, l-UE għandha timmira aktar l-għajnuna tagħha u trawwem inizjattiva simili għas-soċjetà ċivili ġenerali — bħala parti mill-qafas SB4 A jew li jakkumpanjah jew b’mod parallel miegħu. Dawn jistgħu jsiru pjattaformi ta’ bosta partijiet interessati tal-Kummerċ u l-Investiment Sostenibbli għall-Afrika. |
1.17. |
Il-KESE jqis li l-UE għandha talloka wħud mir-riżorsi tagħha tal-Għajnuna għall-Kummerċ biex tappoġġja l-parteċipazzjoni u l-bini ta’ kapaċità tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, fir-rigward ta’ sforzi fl-oqsma tal-kummerċ u l-investiment sostenibbli. |
1.18. |
Permezz ta’ approċċ b’diversi partijiet interessati li jinvolvi wkoll organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-KESE jippromovi inizjattivi u aġġustamenti għar-reġimi tal-politika kummerċjali FTA/FSE/SĠP li jwasslu għal implimentazzjoni effettiva u sostenibbli taż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Kontinentali Afrikana (AfCFTA) u l-integrazzjoni tas-suq Afrikan. B’mod partikolari għandhom jissaħħu l-kummerċ intra-Afrikan u l-integrazzjoni reġjonali u kontinentali u jiġu żviluppati setturi ewlenin tal-ekonomija fl-Afrika kollha. |
1.19. |
Fil-qalba tat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien fl-Ewropa kien hemm investiment fl-infrastruttura pubblika, speċjalment fl-edukazzjoni. Għan ewlieni tal-politika tal-iżvilupp tagħna fir-rigward tal-Afrika jrid ikun it-titjib tal-livell ta’ edukazzjoni fl-Afrika, b’mod partikolari fost gruppi ekonomikament vulnerabbli. |
1.20. |
Il-KESE jilqa’ ż-żieda ppjanata tal-UE ta’ finanzjament għall-Afrika għal EUR 40 biljun (USD 46,5 biljun) fil-perjodu tal-baġit li jmiss, u jittama li din tkun ingranata b’mod sinifikanti minn investituri privati. |
2. Sfond
2.1. |
L-Ewropa hija mexxej globali fl-iżvilupp, peress li hija l-akbar fornitur fid-dinja ta’ Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp. Billi jipprovdu aktar minn 50 % tal-għajnuna globali għall-iżvilupp, l-UE u l-Istati Membri tagħha huma kollettivament id-donatur ewlieni fid-dinja. |
2.2. |
Skont il-Bank Dinji (7), ir-rimessi mill-espatrijati lejn pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-2016 ammontaw għal madwar USD 426 biljun, jiġifieri madwar tliet darbiet l-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp madwar id-dinja. L-għoti ta’ opportunitajiet ta’ impjieg legali għall-migranti Afrikani fl-Ewropa u l-iżgurar ta’ faċilitajiet ta’ trasferiment ta’ flus sikuri jikkontribwixxu bil-kbir biex jgħinu l-iżvilupp tal-Afrika. |
2.3. |
L-Afrika u l-Ewropa huma ġirien immedjati, marbuta bi storja komuni. Huma jikkondividu valuri u interessi komuni biex jiggwidaw il-kooperazzjoni tagħhom fil-futur. Illum qed jindirizzaw b’mod konġunt sfidi komuni globali bħat-tibdil fil-klima u l-paċi u s-sigurtà. L-Afrika se tkun partikolarment vulnerabbli għat-tibdil fil-klima, minkejja li tikkontribwixxi inqas minn 4 % tal-emissjonijiet globali ta’ gassijiet serra. 27 mit-33 pajjiż l-aktar li jinsabu f’riskju minħabba t-tibdil fil-klima huma fl-Afrika. |
2.4. |
Kooperazzjoni fuq livell kontinentali bejn l-Afrika u l-Unjoni Ewropea hija ggwidata minn Sħubija Strateġika, li hija bbażata fuq valuri komuni u interessi komuni. Fl-2007, l-Istrateġija Konġunta Afrika-UE (JAES) ġiet adottata miż-żewġ imsieħba biex isawru rabtiet aktar b’saħħithom bejn iż-żewġ kontinenti f’oqsma ewlenin ta’ kooperazzjoni, japprofondixxu d-djalogu politiku u jipprovdu pjan direzzjonali konkret għal ħidma konġunta futura. |
2.5. |
L-UE għandha l-itwal kooperazzjoni mal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP), stabbilita fl-1975 permezz tal-Konvenzjoni ta’ Lomé u aġġornata fl-2000 permezz tal-Ftehim ta’ Cotonou. 48 stat tal-Afrika sub-Saħarjana huma partijiet għall-Ftehim ta’ Cotonou. |
2.6. |
L-UE bħalissa qed tinnegozja suċċessur għall-Ftehim ta’ Cotonou li jkopri l-perjodu 2000-2020 ma’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP). Il-kuntest politiku u ekonomiku nbidel ħafna matul l-aħħar żewġ deċennji, ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-pajjiżi AKP issa huma regolati fil-biċċa l-kbira mill-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika bilaterali u reġjonali, u bil-prominenza tal-qafas tal-Unjoni Afrikana (UA), li qed jikkontesta il-koerenza, il-komplementarjetà u s-sinerġija bejn l-oqfsa AKP u UA. |
2.7. |
Suċċessur ta’ Cotonou joffri opportunità biex jiġu modernizzati r-regoli dwar kwistjonijiet li jinkludu l-investiment, is-servizzi, il-kummerċ ġust, id-drittijiet tal-bniedem, il-kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u l-migrazzjoni. Iżda l-kooperazzjoni teħtieġ li titpoġġa fuq bażi ġdida bbażata fuq l-Aġenda 2030 u l-istati Afrikani se jkollhom jiddeċiedu jekk iridu jinnegozjaw flimkien bħala kontinent. |
2.8. |
Dawn il-fatti jimmotivaw lill-KESE biex jinsisti fuq strateġija soċjoekonomika koerenti għar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Afrika, u li jingħata spazju xieraq għall-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u tal-imsieħba soċjali fin-negozjati tal-Ftehim ta’ wara Cotonou. |
2.9. |
Il-KESE skopra li m’hemm l-ebda sorveljanza ċentralizzata jew reġistrazzjoni ta’ inizjattivi u programmi u sħubijiet kollha fil-livell tal-UE jew nazzjonali. Barra minn hekk m’hemm l-ebda għarfien sħiħ dwar l-ammont ta’ fondi li jmorru għall-Afrika. |
3. Ostakli
3.1. |
Huwa essenzjali li tiġi enfasizzata l-eteroġeneità dejjem tikber tal-kontinent Afrikan u l-UE għandha tadatta l-politiki tagħha għar-realtajiet. Neħtieġu approċċ ferm aktar prammatiku u realistiku fl-iżvilupp tar-relazzjonijiet UE-Afrika. |
3.2. |
Ir-relazzjoni diretta bejn l-UE u l-UA kisbet prominenza mit-tnedija tal-Istrateġija Konġunta Afrika-UE (JAES) fl-2007. L-UE ppromoviet ukoll inizjattivi oħra, bħall-Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza, il-Faċilità ta’ Investiment għall-Afrika, il-Pjan ta’ Investiment Estern, u serje ta’ ftehimiet sub-reġjonali. Il-multipliċità tal-modalitajiet fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Afrika tipproduċi arkitettura kumplessa u xi kultant inkoerenti, fejn elementi ta’ politiki oħra jitħalltu mal-kooperazzjoni għall-iżvilupp. Ma’ din il-konfużjoni, jiżdiedu l-interessi diverġenti tal-Istati Membri. |
3.3. |
L-għoti ta’ spinta lill-investiment fis-settur privat jirrikjedi paċi, sigurtà u stabbiltà, u klima u ambjent tan-negozju li jippermetti l-investiment. Stħarriġ fost l-investituri (8) jindika b’mod ċar li hemm ħafna aktar xi jsir f’dan il-qasam sabiex titjieb il-kapaċità tal-Afrika li tikkompeti mad-dinja kollha biex tattira kapital ta’ investiment. L-istat tad-dritt, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, ġudikatura indipendenti, u l-prevedibbiltà tat-tassazzjoni, kif ukoll il-paċi u l-istabbiltà huma kollha fatturi ewlenin li jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tal-investituri kemm domestiċi kif ukoll barranin. Il-kost tal-istabbiliment ta’ negozju huwa maħsub li huwa madwar tliet darbiet ogħla fi stati fraġli, li jiskoraġġixxi b’mod sinifikanti l-investiment privat (9). |
3.4. |
Fl-Opinjoni tiegħu dwar Ir-rwol ewlieni tal-kummerċ fl-implimentazzjoni tal-SDGs (10), il-KESE sostna li “L-implimentazzjoni tal-SDGs se teħtieġ l-involviment dirett tas-soċjetà ċivili mhux l-anqas għaliex dak għandu jinkoraġġixxi l-istat tad-dritt u jgħin fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni”. Din l-Opinjoni enfasizzat ukoll il-ħtieġa tal-bini tal-infrastruttura fl-Afrika, politika li bħalissa qed tiġi attwata miċ-Ċiniżi. Il-kummerċ intern fl-Afrika huwa baxx, speċjalment fir-rigward tal-prodotti agrikoli; li jirrappreżenta bejn 10 % u 15 % tal-kummerċ kollu Afrikan. Tali sitwazzjoni hija mistennija li titjieb bl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Faċilitazzjoni tal-Kummerċ tad-WTO tal-2017. |
3.5. |
Skont it-tbassir, biex jiġu implimentati l-SDGs fl-Afrika huma meħtieġa riżorsi li jammontaw għal madwar USD 600 biljun fis-sena (11). Anke bl-involviment ta’ investiment barrani u għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp, l-iżvilupp sostenibbli fl-Afrika jiddependi fuq il-mobilizzazzjoni u l-ġenerazzjoni ta’ riżorsi domestiċi. Riżorsi bħal dawn huma bbażati fuq investiment fit-tul u ħolqien ta’ valur fit-tul, biex jinkiseb impjieg ta’ kwalità, u ktajjen ta’ valur lokali u reġjonali. Edukazzjoni aħjar u konsum privat huma muturi ewlenin għat-tkabbir fl-Afrika, li jfisser li l-ħolqien ta’ swieq — konsumaturi — fl-Afrika għall-prodotti tagħha stess għandu jkollu parti sostanzjali fil-kisba tal-iżvilupp. L-infrastruttura pubblika hija tassew kruċjali biex tippermetti wkoll investiment privat fit-tul. |
3.6. |
Il-KESE jirrimarka l-importanza tal-programm Erasmus+ sabiex aktar żgħażagħ Afrikani jkollhom aċċess għal edukazzjoni avvanzata. |
3.7. |
Ir-rabta bejn l-iżvilupp ekonomiku u l-migrazzjoni m’għandhiex tiġi injorata. Studji wrew (12) li l-ħtiġijiet għall-migrazzjoni jonqsu, ġaladarba jintlaħaq ċertu dħul per capita (skont l-istudju, iċ-ċifri jvarjaw bejn USD 6 000 u USD 10 000per capita fis-sena). Minbarra l-fatt li l-biċċa l-kbira tal-migrazzjoni fl-Afrika sseħħ fil-kontinent stess, dawn iċ-ċifri jindikaw il-ħtieġa għal politika tal-iżvilupp, immirata li tagħti lin-nies ħajja, impjieg u prospetti deċenti f’pajjiżhom stess. Din se tkun ta’ sfida enormi biex tinkiseb peress li skont it-tbassir demografiku, sal-2050, se jkunu qed jgħixu 2,5 biljun persuna fl-Afrika (13). |
3.8. |
L-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli jistipulaw il-ħtieġa li tinkiseb ugwaljanza bejn il-ġeneri kif ukoll tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-bniet u n-nisa biex isiru awtosuffiċjenti; l-isfidi tal-iżvilupp li niffaċċjaw illum il-ġurnata għandhom aspett partikolari li jikkonċerna l-ġeneru, li għandu jiġi analizzat fit-tfassil tal-politiki u indirizzat fl-implimentazzjoni tagħhom. |
3.9. |
Il-korruzzjoni hija kwistjoni problematika kbira ħafna, mhux biss fl-Afrika. Hemm bżonn li tiġi promossa governanza ekonomika u finanzjarja tajba billi tissaħħaħ il-ġestjoni trasparenti tal-finanzi pubbliċi, tinħoloq sistema kredibbli biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni bbażata fuq l-indipendenza tal-ġudikatura, u tittejjeb il-klima kummerċjali kif ukoll iċ-ċirkostanzi għal titjib soċjali. |
3.10. |
Is-soċjetà ċivili organizzata jista’ jkollha funzjoni importanti ta’ sorveljanza. L-implimentazzjoni ta’ rwol aktar b’saħħtu għall-NGOs, it-trejdjunjins u l-assoċjazzjonijiet tan-negozju u l-appoġġ ta’ inizjattivi bħal dawn fil-pajjiżi msieħba jservi biex jippromovi l-governanza tajba, il-ġustizzja u d-demokratizzazzjoni. |
3.11. |
L-Ewropa qed tnaqqas mill-influwenza tagħha fl-Afrika meta mqabbla ma’ atturi globali oħra bħaċ-Ċina, li qegħdin jinvestu biljuni f’dan il-kontinent. L-Istati Membri tal-UE jibżgħu li se jsibu ruħhom relegati għat-tieni livell. Jekk l-impenn tal-Ewropa, kif ukoll dak taċ-Ċina, ma jkunux iffokati esklussivament fuq il-profitti, iżda jkunu ffokati wkoll fuq l-iżvilupp sostenibbli fl-Afrika, u jrawmu livelli ta’ għajxien deċenti, il-ħtieġa għal migrazzjoni tista’ titnaqqas. |
3.12. |
Il-KESE jappella għall-implimentazzjoni ta’ approċċ “mill-għajnuna għall-investiment”, li jfisser li jinbidel il-punt fokali mill-għoti ta’ benefiċċji għall-appoġġ u nnegozzjar ma’ atturi ekonomiċi li huma awtodipendenti u ekonomikament indipendenti u proġetti ekonomiċi interkontinentali bbażati fuq kooperazzjoni fuq kundizzjonijiet ekwi. |
3.13. |
In-nuqqas ta’ rieda ta’ strutturi konservattivi (pereżempju knejjes) lejn il-ġestjoni tat-tkabbir tal-popolazzjoni tnaqqas l-possibbiltajiet għall-iżvilupp ta’ strateġija għal tkabbir ekonomiku u soċjali sostenibbli. |
4. Investiment
4.1. |
Għal ħafna snin il-politika tal-UE dwar l-Afrika kienet ikkaratterizzata minn intenzjonijiet tajbin u wegħdiet li ma twettqux. Madankollu, wara l-kriżi tar-refuġjati żdied b’mod drastiku l-interess għal strateġija ġdida ta’ kooperazzjoni mal-kontinent Afrikan. L-UE qed tippjana li tinvesti aktar fl-Afrika u trid tintensifika r-relazzjonijiet kummerċjali, għaliex il-pass meħtieġ li jmiss huwa li jsiru msieħba ekonomiċi veri. Sħubija bħal din għandha tkun ibbażata fuq fehim ta’ opportunitajiet indaqs, billi tittieħed nota tal-assimetriji ovvji li jeżistu bejn l-Afrika u l-Ewropa. |
4.2. |
L-investimenti fl-Afrika juru stampa irregolari, li tirrifletti l-inċertezza globali, bi flussi ta’ investiment dirett barrani lejn l-Afrika li jvarjaw u ma jurux xejra b’saħħitha ’l fuq li hija meħtieġa. Fl-2016, l-Afrika t’Isfel, in-Niġerja, il-Kenja, l-Eġittu u l-Marokk flimkien attiraw 58 % tal-investiment dirett barrani totali, filwaqt li pajjiżi inqas avvanzati u aktar fraġli jiffaċċjaw sfidi sistemiċi biex jattiraw investiment privat. |
4.3. |
L-UE hija l-investitur prinċipali fl-Afrika, bl-Istati Membri tagħha jkollhom madwar 40 % tal-istokk ta’ investiment dirett barrani b’valur ta’ EUR 291 biljun fl-2016 (14). Il-progress ekonomiku b’saħħtu tal-Afrika fl-aħħar żewġ deċennji u l-potenzjal inerenti għall-ġejjieni jfissru li hemm opportunità sostanzjali biex issir aktar ħidma. It-tbassir demografiku għall-Afrika jagħmilha ċara li jeħtieġ ukoll li jiġu ġġenerati miljuni ta’ impjiegi ġodda u ta’ kwalità, speċjalment għaż-żgħażagħ li jidħlu fis-suq tax-xogħol. Indikaturi makroekonomiċi ma jirriżultawx fihom infushom f’livelli ta’ għajxien aħjar għal kulħadd. Il-politiki jeħtieġ li jiżguraw li l-iżvilupp ekonomiku jibbenefika l-livell ta’ għajxien tal-popolazzjoni inġenerali. |
4.4. |
Sabiex jinkiseb żvilupp sostenibbli u jinħolqu impjiegi ta’ kwalità għall-popolazzjoni Afrikana — li għandha tirdoppja sal-2050 — l-investiment pubbliku u privat b’mod partikolari jrid jiżdied. |
4.5. |
L-investiment sar kwistjoni ewlenija għall-iżvilupp futur tal-Afrika u se jkun kwistjoni fin-negozjati dwar is-suċċessur ta’ Cotonou. Fid-dawl tal-għadd kbir ta’ strumenti eżistenti, huwa mistenni valur miżjud kbir ħafna, b’mod partikolari min-negozjati dwar reġim ta’ investiment li jikkombina l-protezzjoni tal-investitur xierqa fuq bażi ugwali ma’ impenji favur is-sostenibbiltà, speċjalment fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, il-ħarsien tal-ambjent u l-ħolqien ta’ livelli ta’ għajxien deċenti. |
4.6. |
Fil-perjodu baġitarju li jmiss, l-UE tippjana li żżid il-finanzjament għall-Afrika għal EUR 40 biljun (USD 46,5 biljun). It-tama hija li dawn ir-riżorsi imbagħad jiġu multiplikati minn investituri privati. Bħala inċentiv, l-UE tixtieq tipprovdi garanziji għar-riskju biex tħeġġeġ lis-settur privat jimpenja ruħu u jinvesti f’pajjiżi Afrikani. Dawk l-investimenti li jissodisfaw u li għandhom fil-mira b’mod ċar l-għanijiet ta’ sostenibbiltà, stabbiliti fl-Aġenda 2030, għandhom jingħataw prijorità f’termini ta’ appoġġ. Minbarra s-sistema ta’ garanziji għar-riskju hemm bżonn ukoll ta’ sistema adegwata ta’ kontrolli u monitoraġġ biex tassigura li jitwettqu l-SDGs. Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li s-soċjetà ċivili organizzata tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-użu ħażin tal-fondi Ewropej. |
4.7. |
Investituri potenzjali, prinċipalment dawk li ġejjin minn SMEs, jirrappurtaw li hemm nuqqas ta’ fiduċja fl-ambjent ta’ investiment fejn tidħol l-istabbiltà politika, il-ġustizzja, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, l-aċċess għas-swieq u l-istat ta’ implimentazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali. |
4.8. |
Il-KESE jirrakkomanda li jiġi stabbilit fond ta’ investiment, simili għall-Fond Soċjali Ewropew, li jissieħeb bħala koinvestitur ma’ investimenti privatiu pubbliċi. Dan il-fond għandu jkun ibbażat fuq il-kriterji u l-prinċipji tal-Aġenda 2030 u r-rikonoxximent ta’ standards bażiċi aċċettati internazzjonalment (15). Il-proġetti appoġġjati għandhom jiġu mmonitorjati u elenkati f’reġistri jew pjattaformi ċentrali. Il-KESE jenfasizza kollaborazzjoni saħansitra aktar mill-qrib mas-soċjetà ċivili organizzata (speċjalment il-KESE) dwar il-valuri etiċi tagħhom b’rabta mal-proġetti kollha. |
4.9. |
Il-KESE jappoġġja l-ħolqien ta’ ambjent fejn l-aċċess għall-finanzjament jiġi ffaċilitat għall-mikrointrapriżi, l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju kemm Afrikani kif ukoll Ewropej, fejn il-qafas legali jitjieb kemm għall-investiment pubbliku kif ukoll għal dak privat, u fejn is-sistemi tal-akkwist pubbliku jsiru aktar effiċjenti, fejn in-nies fl-ekonomiji lokali jibbenefikaw mill-investimenti, li jitrawwem il-ħolqien ta’ impjiegi domestiċi ta’ kwalità u fejn jiġu promossi standards internazzjonali meħtieġa. |
4.10. |
L-istrutturi finanzjarji fl-Afrika għandhom ukoll jissaħħu biex jappoġġjaw finanzjament fit-tul. Dan huwa prerekwiżit importanti għal żvilupp sostenibbli dejjiemi. Barra minn hekk, il-banek kooperattivi, pereżempju, kienu pedament tal-iżvilupp f’bosta pajjiżi Ewropej u l-banek nazzjonali tal-iżvilupp, li jaqdu wkoll il-ħtiġijiet tal-muniċipalitajiet b’mod partikolari, rawmu l-investiment fl-Ewropa. Billi użaw dawn il-miżuri, il-pajjiżi Ewropej ffinanzjaw infrastrutturi pubbliċi soċjali u lokali b’mod partikolari, li kienu mhux biss pedament importanti għal investimenti privati u tkabbir ekonomiku dejjiemi, iżda wkoll għall-iżvilupp ta’ stati soċjali Ewropej. |
4.11. |
L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jikkonċentraw l-istrumenti finanzjarji tagħhom fuq miri u istituzzjonijiet speċifiċi sabiex tiġi evitata kompetizzjoni li tkun ta’ ħsara. Il-kompetizzjoni bejn istituzzjonijiet Ewropej u internazzjonali differenti kkawżat nuqqas ta’ ftehim u diffikultajiet fl-aċċess għas-swieq Afrikani. Huma meħtieġa aktar impenn, kontroll u trasparenza konġunti u diretti. Is-soċjetà ċivili jista’ jkollha rwol istituzzjonali hawn bħala osservatur indipendenti. |
4.12. |
Politika ta’ investiment li tħeġġeġ investimenti privatiEwropej fl-Afrika għandha tkun partikolarment immirata lejn il-ħolqien ta’ ktajjen ta’ valur reġjonali li jipproduċu prodotti li jistgħu jiġu kkunsmati primarjament fl-Afrika, u b’hekk jinħolqu swieq domestiċi. Dan jista’ jsegwi l-mudell ta’ tkabbir Ewropew tad-deċennji ta’ wara t-Tieni Gwerra Dinjija, li kien jiddependi ħafna fuq is-swieq domestiċi tiegħu biex jiżviluppa l-industrija tiegħu. |
4.13. |
L-NGOs Ewropej u Afrikani, l-aktar dawk li għandhom oriġini Afrikana, jistgħu jaqdu funzjoni ta’ tisħiħ tal-kuntatti bejniethom għall-iżvilupp ekonomiku, u jistgħu jsiru atturi fl-appoġġ għall-iżvilupp ekonomiku sostenibbli fil-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom. |
5. Kummerċ
5.1. |
L-Unjoni Ewropea għadha l-akbar sieħeb kummerċjali tal-Afrika, li tirrappreżenta 36 % tal-esportazzjonijiet kollha, qabel iċ-Ċina u l-Istati Uniti. L-għan tal-Kummissjoni Ewropea huwa li tintensifika din il-kooperazzjoni u li tagħmilha fuq bażi kuntrattwali ġdida. |
5.2. |
Bħala s-sieħeb kummerċjali prinċipali tal-Afrika, l-intenzjoni tal-UE kienet li toffri l-aktar preferenzi kummerċjali ġenerużi tagħha lill-pajjiżi Afrikani, jew permezz tal-SĠP tagħha (u Kollox ħlief Armi (EBA) għall-pajjiżi l-anqas żviluppati (LDCs), li ħafna minnhom huma fl-Afrika), jew permezz tal-FTAs, b’mod partikolari l-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika, li għandhom l-iżvilupp bħala l-objettiv ewlieni tagħhom. |
5.3. |
Madankollu, kuntrarju għad-dispożizzjonijiet fil-ġenerazzjoni l-ġdida tal-FTAs tal-UE u fl-FSE tal-Karibew, l-FTAs tal-UE u l-FSE ma’ pajjiżi Afrikani ma fihom l-ebda mekkaniżmu għad-djalogu mas-soċjetà ċivili organizzata. L-FTAs ma’ pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq għad m’għandhomx klawżoli dwar Gruppi Konsultattivi Domestiċi jew kapitolu dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli. Minn barra dan, l-FSE, li huma dwar l-iżvilupp, ma jipprevedux għal klawżola dwar Kumitat Konsultattiv biex jitrawwem id-djalogu tal-atturi mhux statali dwar l-implimentazzjoni sostenibbli u l-impatt tal-FSE. |
5.4. |
L-involviment u d-djalogu mas-soċjetà ċivili organizzata jistgħu jsiru wkoll barra mill-ftehimiet kummerċjali (jew b’mod parallel magħhom). Peress li r-relazzjonijiet kummerċjali u ta’ investiment bejn l-UE u l-Afrika huma maħsuba biex irawmu żvilupp sostenibbli, il-partijiet interessati kollha, u mhux l-atturi statali biss, għandhom ikunu involuti. |
5.5. |
Hemm sfidi ta’ żvilupp li jirriżultaw mill-istruttura attwali ta’ kummerċ bejn l-Afrika u l-Ewropa. Anke meta jiġu rratifikati, mhux l-FSE kollha huma effettivament implimentati mill-pajjiżi msieħba. Dan mhuwiex kompletament inġustifikat, peress li kien hemm bosta rapporti ta’ esportazzjonijiet Ewropej li jwasslu għall-esklużjoni tal-iżvilupp ta’ industriji u setturi lokali (16). Il-kummerċ ħieles estiż huwa bidla strutturali definita għall-pajjiżi msieħba, li qabel kienu kapaċi jirregolaw is-setturi ekonomiċi tagħhom permezz ta’ sistemi preferenzjali. Barra minn hekk, il-FSE huma nnegozjati ma’ gruppi ekonomiċi, li l-membri tagħhom spiss ikollhom sitwazzjonijiet differenti, u dan jista’ jirikjedi approċċi differenti għall-politika kummerċjali. Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, ftehimiet kummerċjali komprensivi jistgħu, minnhom infushom, joħolqu sfida organizzattiva rigward in-negozjati għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-pajjiżi li għadhom kemm ġew industrijalizzati. |
5.6. |
Involviment akbar mas-soċjetà ċivili għandu xi implikazzjonijiet għall-bini tal-kapaċità u l-ispejjeż, li għandhom jiġu indirizzati biex jiddaħħlu mekkaniżmi ta’ impenn effettivi. L-UE għandha timmira parti mill-Għajnuna għall-Kummerċ tagħha (jista’ jiġi identifikat perċentwal) għall-appoġġ tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, id-djalogu soċjali u l-bini tal-kapaċità, fir-rigward ta’ kummerċ sostenibbli u sforzi ta’ investiment. |
5.7. |
L-Afrika hija involuta wkoll fl-istabbiliment tal-Ftehim Afrikan Kontinentali ta’ Kummerċ Ħieles (AfCFTA), lejn suq Afrikan uniku. S’issa din għandha aktar minn 40 firmatarju u hija meqjusa bħala estremament sinifikanti minn ħafna atturi statali u mhux statali madwar l-Afrika. Dan għandu jsaħħaħ il-kummerċ intra-Afrikan u l-integrazzjoni reġjonali u kontinentali, u jiżviluppa setturi ewlenin tal-ekonomija fl-Afrika kollha. L-UE tista’ tappoġġja b’mod effettiv dan l-isforz u tgħin biex jiġi żgurat li r-reġimi kummerċjali preferenzjali tagħha ma’ pajjiżi u reġjuni Afrikani (FTAs tal-UE mal-Afrika ta’ Fuq, FSE u reġim ta’ SĠP) jikkontribwixxu għall-appoġġ tal-integrazzjoni kummerċjali kontinentali, billi jimxu lejn ftehim ta’ kummerċ ta’ kontinent għal kontinent. |
6. Lejn “Alleanza Afrika-Ewropa” ġdida
6.1. |
L-Afrika m’għandhiex bżonn karità: hija teħtieġ sħubija ġenwina u ġusta skont l-Alleanza għall-Investiment Sostenibbli u l-Impjiegi bejn l-Ewropa u l-Afrika proposta f’Settembru 2018. Il-proposta tiddikjara li din tista’ tgħin biex jinħolqu sa 10 miljun impjieg fl-Afrika fil-ħames snin li ġejjin biss. Għandu jkun impliċitu li dawn l-impjiegi għandhom jiggarantixxu dħul li jippermetti livell ta’ għajxien deċenti. L-Alleanza hija dwar l-iżblokkar ta’ investiment privat u l-esplorazzjoni ta’ opportunitajiet enormi li jistgħu jipproduċu benefiċċji kemm għan-nies u l-ekonomiji Afrikani kif ukoll dawk Ewropej. L-UE għandha tikkunsidra li tiżviluppa numru ta’ ftehimiet kummerċjali bejn l-UE u l-Afrika fi ftehim ta’ kummerċ ħieles ta’ kontinent għal kontinent, bħala sħubija ekonomika bejn partijiet ugwali. Bħala tali, l-Alleanza hija sinjal politiku importanti. Sħubija bħal din għandha tkun ibbażata fuq bażi ugwali, konxja mill-assimetriji, u tqis il-kapaċitajiet rispettivi. |
6.2. |
Sabiex issir alleanza reali, hemm bżonn ta’ riflessjoni miż-żewġ naħat, ħtieġa għal fehim, koordinazzjoni u kooperazzjoni akbar miż-żewġ partijiet u ħtieġa:
|
7. Wara l-Ftehim ta’ Cotonou u r-rwol tas-soċjetà ċivili
7.1. |
Il-Kummissjoni Ewropea bdiet in-negozjati għal sħubija ambizzjuża ġdida ma’ 79 pajjiż tal-AKP. Kemm l-AKP kif ukoll l-UE jqisu d-“dimensjoni politika” bħala kisba tal-Ftehim ta’ Cotonou u jixtiequ jżommuha. Din tiffoka fuq id-djalogu politiku relatat ma’ kwistjonijiet nazzjonali, reġjonali u globali ta’ interess reċiproku, kif ukoll impenn lejn id-drittijiet tal-bniedem, governanza tajba u paċi u stabbiltà. |
7.2. |
Din ir-relazzjoni kummerċjali ġusta ġdida żviluppata mal-pajjiżi Afrikani għandha tippromovi xogħol deċenti u tappoġġja l-iżvilupp ta’ servizzi pubbliċi. Il-politika kummerċjali trid tiżgura rispett sħiħ u protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, impjiegi ta’ kwalità u tal-ambjent, u trid tqis ukoll il-ħtiġijiet ta’ żvilupp tal-pajjiżi inqas żviluppati. Il-kummerċ jista’ jkun opportunità kbira biss jekk joħloq impjiegi ta’ kwalità u jagħti spinta lit-tkabbir sostenibbli. Kull ftehim kummerċjali għandu jiżgura l-inklużjoni tas-soċjetà ċivili organizzata, il-governanza tajba u t-trasparenza. |
7.3. |
Il-KESE kellu rwol ewlieni fit-trawwim tar-relazzjonijiet tas-soċjetà ċivili taħt il-Ftehim ta’ Cotonou. Issa huwa importanti li l-impenn kontinwu u saħansitra akbar tal-KESE u tal-istrutturi tiegħu jsir element sostanzjali tal-ftehim ta’ wara Cotonou. B’dan il-mod is-soċjetà ċivili tal-UE se tkun tista’ tgħin lis-soċjetà ċivili tal-pajjiżi Afrikani ssir sieħeb affidabbli u ta’ min jafdah għall-investituri. |
Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2019.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Luca JAHIER
(1) ĠU C 246, 28.7.2017, p. 71.
(2) https://www.africa-eu-partnership.org//sites/default/files/documents/eas2007_joint_strategy_en.pdf
(4) Mifhuma bħala għajnuna umanitarja u f’każ ta’ diżastru, prevenzjoni ta’ kunflitti, demokratizzazzjoni, kooperazzjoni għall-iżvilupp, iżda mhux appoġġ u kooperazzjoni fil-qasam militari u tal-pulizija tal-fruntieri.
(5) Bħad-Dikjarazzjoni Tripartitika dwar il-Prinċipji li jikkonċernaw l-Intrapriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali.
(6) Studji juru li ċertu dħul minimu jwassal għal tnaqqis fil-pressjonijiet migratorji, ara fost oħrajn, Clemens, Does Development Reduce Migration? (2014) (http://ftp.iza.org/dp8592.pdf).
(7) http://pubdocs.worldbank.org/en/992371492706371662/MigrationandDevelopmentBrief27.pdf.
(8) Inter alia, ir-Rapport tal-Bank Dinji Doing Business 2017.
(9) In-nota strateġika taċ-Ċentru Ewropew ta’ Strateġija Politika, The Makings of an African Century (2017).
(10) ĠU C 129, 11.4.2018, p. 27.
(11) Il-Ministeru Ġermaniż għall-Iżvilupp “Afrika und Europa — Neue Partnerschaft für Entwicklung, Frieden und Zukunft — Eckpunkte für einen Marshallplan mit Afrika” (L-Afrika u l-Ewropa, sħubija ġdida għall-iżvilupp, għall-paċi u għall-futur: il-punti ewlenin għal Pjan Marshall mal-Afrika) u r-Rapport 2016 tal-UNCTAD “Economic Development in Africa Report 2016”.
(12) i.a. Clemens, Does Development Reduce Migration? (2014) (http://ftp.iza.org/dp8592.pdf).
(13) Africa's Development Dynamics 2018: Growth, Jobs and Inequalities, AUC/OECD 2018.
(14) Eurostat 2018.
(15) Bħad-Dikjarazzjoni Tripartitika dwar il-Prinċipji li jikkonċernaw l-Impriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali.
(16) eż. https://www.deutschlandfunk.de/das-globale-huhn-ghanas-bauern-leiden-unter-gefluegel.766.de.html?dram:article_id=433177; https://www.wienerzeitung.at/nachrichten/wirtschaft/international/835163_Was-Altkleider-fuer-Afrikas-Wirtschaft-bedeuten.html; https://www.dialog-milch.de/im-fokus-eu-milchpulver-und-der-milchmarkt-in-afrika/