Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020AE5038

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija tal-UE biex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta għal futur newtrali għall-klima” (COM(2020) 741 final)

EESC 2020/05038

ĠU C 286, 16.7.2021, p. 152–157 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 286/152


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija tal-UE biex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta għal futur newtrali għall-klima”

(COM(2020) 741 final)

(2021/C 286/26)

Relatur:

Marcin Wiesław NOWACKI

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 24.2.2021

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

14.4.2021

Adottata fil-plenarja

27.4.2021

Sessjoni plenarja Nru

560

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

239/1/4

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ din l-Istrateġija, li għandha l-għan li tisfrutta l-potenzjal tal-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta għal futur newtrali għall-klima.

1.2.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposti biex jiġu inklużi l-objettivi tal-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli tal-baħar meta jitfasslu pjani nazzjonali u reġjonali għall-ġestjoni tal-ispazju marittimu.

1.3.

Il-KESE jqis li l-Istrateġija għandha tinkludi kalkoli tal-kontribut tal-enerġija mir-riħ sabiex l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra jitnaqqsu għal żero netti fl-2050.

1.4.

Il-KESE jilqa’ l-fehma li suq tal-enerġija regolat tajjeb għandu jipprovdi sinjali ta’ investiment adatti. Fil-fehma tal-Kumitat, ambjent regolatorju prevedibbli u stabbli għandu rwol ewlieni fl-iżvilupp tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta.

1.5.

Minħabba ċerti karatteristiċi, bħall-profondità u l-prossimità ma’ pajjiżi oħra, il-KESE jinnota li l-installazzjoni ta’ proġetti ibridi hija possibbli biss fil-Baħar tat-Tramuntana u l-Baħar Baltiku. Barra minn hekk, fid-dawl tar-ritmu mistenni tal-iżvilupp, il-KESE jemmen li l-ewwel nett, l-azzjoni tal-UE u nazzjonali għandha tiffoka fuq l-isfruttar tal-potenzjal tal-aktar proġetti avvanzati li huma ppjanati li jkunu konnessi mas-sistema nazzjonali tal-elettriku f’forma radjali.

1.6.

Il-KESE huwa diżappuntat bil-mod perfunzjonali li bih l-Istrateġija tindirizza l-kwistjoni tar-riċiklaġġ tat-turbini eoliċi użati u jirrakkomanda li l-Kummissjoni tagħti attenzjoni xierqa lill-kwistjoni tal-ispejjeż tad-dekummissjonar. Il-KESE jixtieq jenfasizza l-fatt li l-enerġija nadifa ttejjeb mhux biss il-kwalità tal-arja fl-ambjent lokali, iżda l-ambjent u l-klima b’mod ġenerali.

1.7.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-identifikazzjoni tal-potenzjal għall-Baħar tat-Tramuntana, il-Baħar Baltiku, il-Baħar Mediterran, il-Baħar l-Iswed, l-Oċean Atlantiku tal-UE u l-gżejjer tal-UE. Huwa mifhum li tingħata prijorità lill-ħolqien ta’ proġetti ġodda fil-baċir tal-Baħar tat-Tramuntana minħabba l-opportunitajiet offruti mill-infrastruttura eżistenti hemmhekk. Madankollu, sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija kif ukoll il-koeżjoni soċjali u ekonomika fl-UE, il-Kumitat jenfasizza l-ħtieġa għal investiment proporzjonat fil-parks eoliċi lil hinn mill-kosta fil-baċiri kollha tal-UE.

1.8.

Il-KESE jappoġġja l-proposta biex jiġi emendat ir-Regolament TEN-E biex jiġi inkluż il-prinċipju ta’ punt uniku ta’ servizz għall-proġetti tal-enerġija lil hinn mill-kosta.

1.9.

Il-KESE huwa mħasseb dwar in-nuqqas ta’ dettalji rigward miżuri speċifiċi u strumenti ta’ appoġġ, li jistgħu jixħtu f’riskju l-finanzjament tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Fil-fehma tal-Kumitat, fil-programmi eżistenti għandu jinħoloq strument uniku ddedikat għall-finanzjament ta’ proġetti tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta. Barra minn hekk, tali approċċ għandu jiġi estiż għal tipi oħra ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, pereżempju l-enerġija mir-riħ fuq l-art u dik fotovoltajka, sabiex jintlaħqu l-aspirazzjonijiet tal-Unjoni tal-Enerġija Ewropea u tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli II, li għalihom jikkontribwixxu faċilitajiet ta’ ġenerazzjoni aktar deċentralizzati u reġjonali li jkomplu jżidu l-potenzjal tal-ħolqien tal-valur reġjonali, joħolqu l-impjiegi u jqiegħdu liċ-ċittadini fil-qalba tal-politika tal-enerġija, u jagħmluhom produtturi u prosumaturi attivi. F’dan ir-rigward, il-KESE jinnota bi tħassib li l-Kummissjoni bħalissa qed tittratta “biss” it-teknoloġiji lil hinn mill-kosta u dawk tal-idroġenu, iżda qed tinjora dawn l-approċċi deċentralizzati.

1.10.

Il-Kumitat jinnota li kwalunkwe investiment f’parks eoliċi lil hinn mill-kosta għandu jikkontribwixxi kemm jista’ jkun għall-iżvilupp soċjoekonomiku tar-reġjuni fil-viċinanza immedjata tal-investiment billi tiġi promossa l-parteċipazzjoni fil-proġett — il-“fattur tal-kontenut lokali”.

1.11.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Istrateġija għandha tiġi kkomplementata minn pjan għall-iżvilupp ta’ ħiliet u sistemi edukattivi fil-qasam tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta.

1.12.

Il-KESE jirrikonoxxi li l-UE trid rwol ta’ tmexxija fis-settur tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta u huwa jappoġġja bi pjaċir l-espansjoni tiegħu, mhux biss fuq il-baħar iżda wkoll fuq l-art. Għalhekk jistenna li l-Kummissjoni tikkomplementa l-istrateġija offshore bi strateġija fuq l-art mill-aktar fis possibbli.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Is-suġġett ta’ din l-Opinjoni huwa Strateġija tal-UE biex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta għal futur newtrali għall-klima, ippubblikata fit-18 ta’ Novembru 2020. Din l-Istrateġija hija parti integrali mill-Patt Ekoloġiku Ewropew.

2.2.

Il-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-Pjan dwar il-Mira Klimatika għall-2030 tipprevedi li sal-2030 aktar minn 80 % tal-elettriku għandu jiġi minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u li biex tintlaħaq il-mira klimatika għall-2050 hemm bżonn ta’ enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta ta’ kapaċità stmata ta’ 300 GW, li jeħtieġ li tiġi kkomplementata b’madwar 40 GW ta’ enerġija mill-oċeani. L-Istrateġija diskussa f’din l-Opinjoni turi kif l-UE tista’ tikseb dan.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

L-Istrateġija għandha l-għan li tħaffef it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa filwaqt li żżomm l-għanijiet importanti ta’ tkabbir ekonomiku u ta’ ħolqien tax-xogħol fl-Ewropa. Ir-raġunijiet ewlenin għall-introduzzjoni ta’ din l-Istrateġija huma:

L-implimentazzjoni tal-impenji tal-ewwel ftehim globali dwar il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima (Pariġi 2015),

Ir-restawr tal-kompetittività tal-ekonomija Ewropea billi tiżdied l-effiċjenza tal-enerġija,

Il-ħolqien ta’ impjiegi ġodda billi jiżdied il-volum tal-investiment, li ser jgħin biex jittaffa l-impatt soċjoekonomiku tal-pandemija tal-COVID-19 u jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-ekonomija Ewropea.

3.2.

Skont din l-Istrateġija, il-kapaċità tar-riħ lil hinn mill-kosta ser tiżdied mil-livell attwali ta’ 12 GW għal mill-inqas 60 GW sal-2030 u għal 300 GW sal-2050. Barra minn hekk, il-Kummissjoni beħsiebha żżid 40 GW ta’ enerġija mill-oċeani u teknoloġiji emerġenti oħra bħat-teknoloġiji eoliċi galleġġanti u l-installazzjonijiet fotovoltajċi galleġġanti sal-2050.

3.3.

Biex jinkisbu dawn l-għanijiet hemm bżonn ta’ investimenti b’valur stmat ta’ EUR 800 biljun. Huwa meħtieġ ukoll involviment akbar tal-UE u tal-gvernijiet tal-Istati Membri, peress li taħt il-politiki attwali, il-kapaċità ta’ installazzjoni attwali u pproġettata twassal biss għal madwar 90 GW fl-2050.

3.4.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-preżentazzjoni ta’ din l-Istrateġija, li tinkludi proposti regolatorji u miżuri li jagħmluha possibbli li ssir enfasi fuq l-iżvilupp, it-tisħiħ u l-approfondiment tal-kooperazzjoni dwar l-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta.

3.5.

Il-Kumitat jinnota li d-data u l-informazzjoni msemmija hawn fuq juru l-iskala tal-isfidi li jiffaċċjaw l-investituri, l-industrija tal-UE u l-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni u distribuzzjoni. L-Istrateġija tippreżenta prospetti ottimisti bħalma huma l-opportunitajiet biex tingħata spinta lill-investiment privat jew biex jinħolqu impjiegi ġodda. Madankollu, il-Kumitat jinnota li l-istrateġija tuża biss informazzjoni vaga dwar il-previżjonijiet għall-iżvilupp tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta fil-kuntest tal-ħolqien tal-impjiegi. Barra minn hekk, huwa importanti li jiġi nnotat li ser jinħolqu impjiegi addizzjonali mhux biss fis-settur tal-enerġija iżda wkoll f’attivitajiet fuq l-art bħall-iżvilupp tal-portijiet u t-tbaħħir. Bl-istess mod, l-Istrateġija tindirizza l-impatt tal-iżvilupp tal-industrija fuq il-PDG tal-UE.

3.6.

Il-KESE jinnota li l-Istrateġija hija bbażata fuq ambjent interkonness, li fih l-industrija tal-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta trid teżisti flimkien ma’ għadd ta’ “attivitajiet oħra fuq il-baħar” (turiżmu, sajd, akkwakultura, eċċ.), proġetti ibridi jinteraġixxu ma’ interkonnetturi transkonfinali, l-iżvilupp huwa xprunat minn miri stabbiliti f’diversi pajjiżi, u pajjiżi mingħajr kosta jistgħu jiffinanzjaw proġetti lil hinn mill-kosta. Peress li l-proġetti lil hinn mill-kosta huma kofinanzjati mill-UE, il-KESE jirrakkomanda li tiġi żgurata t-trasparenza dwar il-kwistjoni tal-kondiviżjoni tal-piżijiet u tal-benefiċċji.

3.7.

Il-KESE jinsab diżappuntat li l-Istrateġija ma tinkludix kalkoli tal-kontribut tal-enerġija mir-riħ sabiex l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra jitnaqqsu għal żero netti fl-2050. L-iffukar biss fuq il-kapaċità installata jfisser li dan il-fattur ewlieni għall-kisba tal-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku huwa injorat.

4.   Prospettivi għal teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta

4.1.

L-installazzjonijiet tal-UE lil hinn mill-kosta jiġġeneraw 12 GW, li huwa ekwivalenti għal 42 % tal-kapaċità tad-dinja tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta. Il-biċċa l-kbira tal-proġetti huma turbini li jinsabu f’qiegħ il-baħar. Il-Kumitat jemmen li din it-teknoloġija laħqet ċertu livell ta’ maturità, li jidher bi tnaqqis ta’ 44 % tal-kostijiet livellati tal-produzzjoni ta’ enerġija għall-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta fuq 10 snin.

4.2.

Il-Kumitat għandu dubji dwar jekk l-Istrateġija għall-iżvilupp tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta għandhiex tkun ibbażata fuq teknoloġiji li qed jiżviluppaw bħal proġetti ibridi, u jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li tiġi ġġenerata enerġija bi prezz kompetittiv li ser tagħmilha possibbli li l-ekonomija tal-UE tinbena mill-ġdid wara l-kriżi tal-coronavirus.

5.   Il-baċiri tal-baħar tal-UE: potenzjal vast u varjat biex jiġu skjerati sorsi ta’ enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta

5.1.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-identifikazzjoni tal-potenzjal għall-Baħar tat-Tramuntana, il-Baħar Baltiku, il-Baħar Mediterran, il-Baħar l-Iswed, l-Oċean Atlantiku tal-UE u l-gżejjer tal-UE. Id-determinazzjoni tal-potenzjal għall-baċiri tal-baħar fl-Istrateġija ser tippermetti li l-azzjoni regolatorja tiġi ppjanata kif suppost u li jintlaħqu l-għanijiet.

5.2.

Huwa mifhum li tingħata prijorità lill-ħolqien ta’ proġetti ġodda fil-baċir tal-Baħar tat-Tramuntana minħabba l-opportunitajiet offruti mill-infrastruttura eżistenti hemmhekk. Madankollu, sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija kif ukoll il-koeżjoni soċjali u ekonomika fl-UE, il-Kumitat jenfasizza l-ħtieġa għal taħlita ta’ enerġija li ma tkunx tiddependi wisq minn sors wieħed ta’ enerġija, kif ukoll investiment proporzjonat fil-parks eoliċi lil hinn mill-kosta fil-baċiri kollha tal-UE.

5.3.

Fl-istess ħin, il-Kumitat jinnota li l-Istrateġija għall-iżvilupp tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta miexja lejn ir-reġjonalizzazzjoni.

6.   L-ippjanar spazjali marittimu għall-ġestjoni sostenibbli tal-ispazju u tar-riżorsi

6.1.

Sabiex jitħaffef l-iżvilupp tal-enerġija mir-riħ, jeħtieġ li tiġi żgurata koeżistenza raġjonevoli bejn l-installazzjonijiet lil hinn mill-kosta u użi oħra tal-ispazju tal-baħar filwaqt li tiġi protetta wkoll il-bijodiversità. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposti biex jiġu inklużi l-objettivi tal-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli tal-baħar meta jitfasslu pjani ta’ ġestjoni spazjali marittimi nazzjonali u reġjonali, filwaqt li jistieden ukoll lill-Kummissjoni tiddikjara b’mod espliċitu li t-3 % tal-ispazju marittimu Ewropew meħtieġ biex tiżdied l-industrija tal-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta huwa ċifra medja, u li jeħtieġ li jitqiesu fatturi speċifiċi bħan-natura tar-riħ u d-diversi tipi ta’ ambjent.

6.2.

Il-KESE jaqbel li l-iżvilupp u l-pubblikazzjoni tal-pjani ta’ ġestjoni jindikaw lill-kumpaniji u lill-investituri l-intenzjonijiet tal-gvernijiet fir-rigward tal-iżvilupp futur tas-settur tal-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta, filwaqt li jiffaċilitaw l-ippjanar tas-settur pubbliku u privat.

6.3.

L-impatt ambjentali tal-installazzjonijiet bħalissa huwa soġġett għal valutazzjoni bir-reqqa u twila matul il-proċess biex jinkisbu d-deċiżjonijiet amministrattivi kollha meħtieġa. Għalhekk, il-KESE jappoġġja l-proposta biex jiġi emendat ir-Regolament TEN-E biex jiġi inkluż il-prinċipju ta’ punt uniku ta’ servizz għall-proġetti tal-enerġija lil hinn mill-kosta.

7.   Approċċ ġdid għall-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta u l-infrastruttura tal-grilja

7.1.

Il-biċċa l-kbira tal-parks eoliċi lil hinn mill-kosta li qed jitħaddmu bħalissa ġew skjerati bħala proġetti nazzjonali konnessi direttament max-xatt permezz ta’ konnessjonijiet radjali. Madankollu, sabiex jitħaffef l-iżvilupp tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta, jitnaqqsu l-ispejjeż u titnaqqas iż-żona tal-baħar użata, qed jiġi propost li ssir enfasi fuq proġetti ibridi. Sistema bħal din hija stat intermedjarju bejn proġetti tradizzjonali konnessi b’mod radjali mas-sistema nazzjonali tal-elettriku u l-mudell sħiħ tal-grilja mqabbda. L-Istrateġija tippreżenta wkoll is-suppożizzjoni pjuttost ottimista li l-Istati Membri ġirien għandhom jistabbilixxu b’mod konġunt miri estensivi għar-riħ lil hinn mill-kosta.

7.2.

Minħabba ċerti karatteristiċi, bħall-profondità u l-prossimità ma’ pajjiżi oħra, il-KESE jinnota li l-installazzjoni ta’ proġetti ibridi hija possibbli biss fil-Baħar tat-Tramuntana u l-Baħar Baltiku. Barra minn hekk, fid-dawl tar-ritmu mistenni tal-iżvilupp, il-KESE jemmen li l-ewwel nett, l-azzjoni tal-UE u nazzjonali għandha tiffoka fuq l-isfruttar tal-potenzjal tal-aktar proġetti avvanzati li huma ppjanati li jkunu konnessi mas-sistema nazzjonali tal-elettriku f’forma radjali.

8.   Qafas regolatorju tal-UE aktar ċar għall-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta

8.1.

Il-KESE jilqa’ l-istqarrija li suq tal-enerġija regolat tajjeb għandu jipprovdi sinjali ta’ investiment adatti. Fil-fehma tal-Kumitat, ambjent regolatorju prevedibbli u stabbli għandu rwol ewlieni fl-iżvilupp tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta.

8.2.

Iż-żieda mistennija fl-importanza ta’ proġetti transfruntiera tal-enerġija tfisser li hemm bżonn li jiġu ċċarati r-regoli tas-suq tal-elettriku, liema kjarifika ġiet ipprovduta fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja din l-Istrateġija.

8.3.

Il-qafas legali attwali ma jipprevedix teknoloġiji innovattivi bħall-gżejjer tal-enerġija ibridi jew il-produzzjoni tal-idroġenu lil hinn mill-kosta. Il-Kummissjoni tissuġġerixxi żona distinta ta’ kummerċ fil-baħar bil-possibbiltà li terġa’ tiġi allokata parti mill-introjtu tal-konġestjoni lill-produtturi, bħala l-aħjar mudell għar-regolamentazzjoni ta’ proġetti ibridi. Il-KESE jappoġġja l-għan li jinħolqu żoni tal-offerti lil hinn mill-kosta fuq is-suppożizzjoni li dawn ser jissemplifikaw ir-regolamentazzjoni tas-suq tal-enerġija.

8.4.

Il-KESE jilqa’ l-isforzi li għandhom l-għan li jiżguraw l-istabbiltà min-naħa tal-introjtu għall-investituri. Il-Kumitat jappella għal flessibbiltà fil-possibbiltà li jiġi promoss l-iżvilupp tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta fl-Istati Membri fejn din it-teknoloġija tinsab fi stadju bikri tal-iżvilupp, inkluż billi jingħata appoġġ dirett mingħajr il-ħtieġa ta’ proċedura kompetittiva, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva RED.

9.   Il-mobilizzazzjoni tal-investiment tas-settur privat fl-enerġiji rinnovabbli lil hinn mill-kosta: ir-rwol tal-fondi tal-UE

9.1.

Il-ħtiġijiet ta’ investiment biex tiġi implimentata l-Istrateġija huma stmati għal kważi EUR 800 biljun, li minnhom madwar żewġ terzi jkunu l-finanzjament tal-infrastruttura tal-grilja assoċjata u terz għall-ġenerazzjoni lil hinn mill-kosta. L-investiment fil-grilji tal-enerġija rinnovabbli fuq l-art u lil hinn mill-kosta fl-Ewropa matul l-10 sena qabel l-2020 kien madwar EUR 30 biljun. L-Istrateġija tipprevedi żieda għal aktar minn EUR 60 biljun fid-deċennju li ġej u żieda saħansitra akbar wara l-2030. Barra minn hekk, l-Istrateġija tesprimi l-aspettattiva li l-biċċa l-kbira ta’ dawn l-investimenti ser jiġu minn kapital privat. Madankollu, id-dokument juri li l-Kummissjoni, il-Bank Ewropew tal-Investiment u istituzzjonijiet finanzjarji oħra ser jaħdmu flimkien biex jappoġġjaw investimenti strateġiċi fl-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta.

9.2.

Il-KESE huwa mħasseb dwar in-nuqqas ta’ dettalji rigward miżuri speċifiċi u strumenti ta’ appoġġ, li jistgħu jixħtu f’riskju l-promozzjoni ulterjuri tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Abbażi tal-Istrateġija attwali, firxa ta’ tmien fondi differenti tal-UE ser ikunu disponibbli għall-investituri. Il-proporzjonijiet mistennija f’dan il-qasam mhumiex indikati, u b’mod partikolari mhuwiex magħruf kemm huwa kbir is-sehem tal-fondi tal-UE. Fil-fehma tal-Kumitat, il-ħolqien ta’ strument uniku ddedikat għall-finanzjament ta’ proġetti tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta fi ħdan il-programmi eżistenti huwa essenzjali biex jiġi żgurat li l-proġetti ser jiġu ffinanzjati u żviluppati malajr. Barra minn hekk, tali approċċ għandu jiġi estiż għal tipi oħra ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.

9.3.

Il-KESE jinnota li kwalunkwe investiment f’parks eoliċi lil hinn mill-kosta għandu jikkontribwixxi kemm jista’ jkun għall-iżvilupp soċjoekonomiku tar-reġjuni fil-viċinanza immedjata tal-investiment billi tiġi promossa l-parteċipazzjoni fil-proġett — il-“fattur tal-kontenut lokali”.

9.4.

L-Istrateġija tipprevedi l-possibbiltà ta’ mekkaniżmu ta’ finanzjament tal-enerġija rinnovabbli li jista’ joffri modi kif jiġu kondiviżi l-benefiċċji tal-proġetti tal-enerġija lil hinn mill-kosta ma’ Stati Membri li ma għandhomx kosta. Fil-fehma tal-Kumitat, is-suppożizzjoni li l-Istati Membri mingħajr kosta jkunu jridu jiffinanzjaw l-enerġija mir-riħ billi jużaw r-riżorsi tagħhom stess bi skambju għal benefiċċji statistiċi hija ottimista wisq.

10.   L-iffukar tar-riċerka u l-innovazzjoni biex jiġu appoġġjati proġetti lil hinn mill-kosta

10.1.

Il-KESE huwa diżappuntat ħafna bil-mod perfunzjonali li bih l-Istrateġija tindirizza l-kwistjoni tar-riċiklaġġ tat-turbini eoliċi użati. L-Istrateġija tiddikjara li huwa meħtieġ li l-prinċipju ta’ “ċirkolarità mid-disinn” jiġi integrat b’mod aktar sistematiku fir-riċerka u l-innovazzjoni dwar is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Madankollu, ma tipprovdi l-ebda dettall dwar l-implimentazzjoni potenzjali ta’ dan il-prinċipju. Il-Kumitat jinnota li t-trattament fuq l-art ta’ xfafar tar-riħ użati huwa problema li qed tikber f’postijiet bħall-Ġermanja, fejn qed tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li dawn jintradmu taħt l-art. Ta’ min jinnota li l-imtieħen tar-riħ lil hinn mill-kosta huma ħafna akbar fid-daqs, li huwa rifless direttament fl-iskala tal-problema.

10.2.

Il-KESE jixtieq jenfasizza l-fatt li l-enerġija nadifa ttejjeb mhux biss il-kwalità tal-arja fl-ambjent lokali, iżda l-ambjent u l-klima b’mod ġenerali. Il-KESE jipprotesta kontra l-iżvilupp rapidu tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta mingħajr ma jitqies l-impatt potenzjali tagħha fuq l-ambjent. Huwa jirrakkomanda li l-Kummissjoni tqis kif xieraq l-kwistjoni tal-ispejjeż tad-dekummissjonar: fil-verità, fil-każijiet fejn il-proġetti huma ffinanzjati mill-finanzi tal-UE, dawn l-ispejjeż għandhom diġà jiġu vvalutati minn qabel u tiġi rispettata r-responsabbiltà xierqa.

10.3.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Istrateġija għandha tiġi kkomplementata minn pjan għall-iżvilupp ta’ ħiliet u sistemi edukattivi fil-qasam tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta, imfassal minn DĠ EMPL u DĠ MARE. L-espansjoni tal-ħiliet hija element fundamentali fl-iżvilupp ta’ dan is-settur. L-iżvilupp sostenibbli u rapidu ta’ dan is-settur jitlob li jiġu implimentati programmi ta’ taħriġ għall-Istati Membri fejn din it-teknoloġija għadha fi stadju bikri ta’ żvilupp. L-Istrateġija turi li l-istrumenti u l-fondi eżistenti tal-UE jistgħu jintużaw għal dan il-għan. Fil-fehma tal-Kumitat, l-importanza li jiġu żviluppati l-ħiliet fl-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta teħtieġ li jinħolqu strumenti u fondi ddedikati fil-livell tal-UE.

11.   Katina tal-provvista u tal-valur aktar b’saħħitha madwar l-Ewropa

11.1.

It-tisħiħ tal-katina tal-provvista jeħtieġ investiment totali ta’ madwar EUR 0,5–1 biljun. Il-KESE jiddispjaċih li m’hemmx indikazzjoni ċara ta’ kif dawn il-fondi ser jiġu mobilizzati jew li m’hemmx perjodu ta’ żmien.

11.2.

Il-KESE jilqa’ l-pjan biex jissaħħaħ il-Forum Industrijali dwar l-Enerġija Nadifa u biex jinħoloq grupp iddedikat dwar l-enerġija rinnovabbli tal-baħar fi ħdanu fl-2021.

11.3.

Il-Kumitat għandu tħassib serju dwar il-pjani li l-Kummissjoni u l-ENTSO-E jippromovu l-istandardizzazzjoni u l-interoperabbiltà bejn il-konvertituri minn manifatturi differenti sal-2028. Din id-data hija wisq ’il bogħod, speċjalment minħabba li 60 GW għandhom jinbnew f’parks eoliċi lil hinn mill-kosta sal-2030. Il-Kumitat jixtieq jara data li tippermetti perjodu ta’ żmien realistiku biex jiġu żviluppati standards għat-tagħmir.

Brussell, is-27 ta’ April 2021.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


Top