Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020AE5752

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti — inqiegħdu t-trasport Ewropew fit-triq it-tajba għall-futur” (COM(2020) 789 final)

EESC 2020/05752

ĠU C 286, 16.7.2021, p. 158–169 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 286/158


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti — inqiegħdu t-trasport Ewropew fit-triq it-tajba għall-futur”

(COM(2020) 789 final)

(2021/C 286/27)

Relatur:

Stefan BACK

Korelatur:

Tanja BUZEK

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 26.3.2021

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

14.4.2021

Adottata fil-plenarja

27.4.2021

Sessjoni plenarja Nru

560

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

230/1/7

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-istrateġija l-ġdida tat-trasport tagħmel enfasi fuq il-Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti, filwaqt li tenfasizza r-rwol essenzjali u l-benefiċċji tat-trasport għan-nies u l-ekonomija tal-UE, iżda tindirizza wkoll l-ispejjeż għas-soċjetà.

1.2.

L-istrateġija tirrikonoxxi s-suq uniku u l-kwistjonijiet soċjali bħala fatturi abilitanti ewlenin għat-tranżizzjoni lejn mobbiltà aktar sostenibbli u intelliġenti, iżda mhijiex qed tilħaq l-għanijiet tagħha kompletament. Fil-fatt, in-nuqqasijiet identifikati fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja l-Komunikazzjoni mhumiex indirizzati biżżejjed permezz ta’ azzjonijiet jew f’kapitoli speċifiċi tal-istrateġija.

1.3.

Il-KESE jappoġġja l-approċċ ġenerali biex l-istrateġija tiġi integrata fil-Patt Ekoloġiku Ewropew u biex issir enfasi partikolari fuq l-azzjonijiet bl-għan li jintlaħqu l-għanijiet klimatiċi. Madankollu, huwa għandu dubju dwar jekk il-bilanċ bejn il-miżuri tekniċi u l-miżuri tal-politika tat-trasport huwiex adatt biex dawn jintlaħqu. Huwa jenfasizza b’mod partikolari li ħafna mill-azzjonijiet proposti fir-rigward tas-sostenibbiltà u d-diġitalizzazzjoni għandhom effetti li jvarjaw ħafna fuq is-suq uniku u fuq il-ħaddiema tat-trasport. Nuqqas ta' attenzjoni għal dan jista’ jkollha impatt fuq kemm tirnexxi l-implimentazzjoni.

1.4.

Strateġija ta’ mobbiltà ta’ suċċess trid timxi wkoll id f’id mat-tisħiħ tal-kompetittività tas-settur tat-trasport kollu kemm hu u tal-bażi industrijali relatata tal-UE.

1.5.

Il-pandemija bla preċedent tal-COVID-19 uriet l-importanza essenzjali ta’ suq uniku tat-trasport li jiffunzjona tajjeb u ta’ ktajjen tal-provvista sostenibbli, kif ukoll ta’ trasport pubbliku għall-mobbiltà tal-ħaddiema essenzjali. L-industrija tat-trasport ġiet ukoll esposta għal sfida kbira ta’ sopravivenza minħabba l-volumi dejjem jonqsu kkawżati mill-pandemija.

1.6.

Il-pandemija enfasizzat b’mod drammatiku s-sitwazzjoni ta’ eluf ta’ ħaddiema tat-trasport maqbudin madwar l-Ewropa u madwar id-dinja huma u jħabbtu wiċċhom ma’ kuntratti tax-xogħol prekarji. Xeħtet dawl ukoll fuq kriżi soċjali fit-trasport minħabba li matul l-aħħar deċennji, il-politiki tat-trasport b’enfasi fuq is-suq uniku ma rnexxielhomx jipprevjenu d-deterjorament tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fil-modi kollha tat-trasport. F’dan ir-rigward, il-KESE jara ħtieġa urġenti li jiġi applikat l-istess livell ta’ ambizzjoni għal sistema ta’ trasport sostenibbli mil-lat soċjali. Barra minn hekk, pjan ta’ kontinġenza għall-kriżijiet fil-futur qrib għandu jfittex li jipprevjeni effetti negattivi għall-ħaddiema tat-trasport.

1.7.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-istrateġija tenfasizza n-nisa fit-trasport, iżda għal darb’oħra jesprimi dispjaċir li ma hemm l-ebda punt ta’ azzjoni li jikkorrispondi mal-ambizzjoni.

1.8.

Il-KESE jaqbel mal-prijoritajiet stabbiliti fir-rigward tal-ħtieġa li titlesta ż-Żona Unika Ewropea tat-Trasport u li jissaħħaħ is-suq uniku, anke fid-dawl tal-esperjenza tal-COVID-19, kif ukoll il-ħtieġa li jitħejja pjan ta’ kontinġenza għall-kriżijiet. Madankollu, huwa jisħaq li t-twaqqif ta’ tali pjan ta’ kontinġenza għall-kriżijiet irid ikun ibbażat fuq djalogu serju — mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u f’livell soċjali — u jrid isir bi qbil mal-imsieħba soċjali.

1.9.

Il-KESE jqis li, meta titqies il-kopertura wiesgħa tas-suġġetti f’din it-taqsima tal-istrateġija, mhu xejn adatt li l-istadji importanti tal-mobbiltà reżiljenti qed ikunu limitati għall-implimentazzjoni f’waqtha tat-TEN-T u għat-tnaqqis tal-għadd ta’ mwiet minħabba t-trasport.

1.10.

Il-KESE jappoġġja l-idea li l-modi kollha tat-trasport isiru aktar sostenibbli u li tiġi promossa sistema ta’ trasport multimodali sostenibbli, ibbażata fuq il-kooperazzjoni bejn il-modi tat-trasport u fuq karatteristiċi ambjentali ottimizzati u s-sostenibbiltà soċjali ta’ kull mod tat-trasport. Huwa jqis li l-emissjonijiet tal-vetturi għandhom jitkejlu tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-vettura u permezz ta’ metodu li jkopri “mill-estrazzjoni sal-użu (well-to-wheel)”.

1.11.

L-istadju importanti 1 li sal-2030 ikun hemm joperaw 30 miljun karozza b’emissjonijiet żero u 80 000 trakk b’emissjonijiet żero jidher li huwa ottimist wisq u mhuwiex analizzat biżżejjed, minħabba li ma hemm l-ebda idea ċara dwar l-għadd ta’ punti tal-iċċarġjar meħtieġa għall-flotta prevista. Il-KESE jwissi kontra li jiġu stabbiliti objettivi ambizzjużi żżejjed li jista’ jkollhom effetti negattivi fuq il-kredibbiltà tal-istrateġija.

1.12.

Il-KESE jiddubita jekk l-istrateġija l-ġdida hijiex konsistenti ma’ approċċ li jqis il-modi differenti bħala riżorsa kkombinata li fiha, fi ħdan sistema ta’ trasport multimodali, tiġi promossa l-kooperazzjoni bejn il-modi abbażi ta’ soluzzjonijiet bl-aħjar impronta ambjentali — u soċjali — u bl-ogħla effiċjenza.

1.13.

Id-dumping soċjali u l-prattiki inġusti f’settur wieħed joħolqu distorsjonijiet f’setturi oħra. Il-kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji u n-nuqqas ta’ infurzar tal-leġiżlazzjoni soċjali jwasslu għal distorsjonijiet fis-sinjali tal-prezz u l-għażliet għal servizz tat-trasport. Il-KESE jħoss il-ħtieġa ta’ inizjattiva li tinkludi l-kost lavorattiv bħala parti minn politika ta’ pprezzar ġust għal servizzi tat-trasport sostenibbli, minbarra l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni kollha. L-ipprezzar ġust tas-suq ħieles għal servizz tat-trasport għandu jinkludi paga li tiggarantixxi l-għajxien, l-istess paga għall-istess xogħol fl-istess post, kura tas-saħħa u kopertura tas-sigurtà soċjali. Għall-ipprezzar tat-trasport pubbliku, jeżisti kumpens għall-obbligu tas-servizz.

1.14.

Skont l-istrateġija, it-trasport marittimu u ferrovjarju għandu jkun jista’ jikkompeti abbażi ta' termini ugwali mat-trasport bit-triq sal-2030, iżda ma tispjegax kif dan se jinkiseb. Fil-fatt, ma hemmx strateġija aktar komprensiva biex tagħti spinta lit-trasport ferrovjarju tal-merkanzija u lit-trasport marittimu fuq distanzi qosra.

1.15.

L-għajnuna mill-Istat hija rilevanti biex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika bħall-fatt li t-trasport isir ekoloġiku u soċjali. Il-KESE jara ħtieġa urġenti li jiġu rieżaminati l-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat, b’mod partikolari l-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat għat-Trasport Marittimu, sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet soċjali u ekonomiċi ġusti fis-settur tal-portijiet u fl-impjieg tal-baħħara Ewropej.

1.16.

Barra minn hekk, l-istrateġija ma tanalizzax fil-fond ir-rabta kruċjali bejn is-suq uniku u l-politika tal-kompetizzjoni, u l-KESE jaqbel mat-tħassib dwar l-estensjoni tar-Regolament dwar l-Eżenzjoni ta’ Kategorija għall-Konsorzji (CBER).

1.17.

Barra minn hekk, l-Istrateġija ma tirriflettix biżżejjed it-tħassib taż-żoni rurali. Il-KESE jappella biex il-Komunikazzjoni li jmiss dwar il-viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali tindirizza l-element kruċjali tal-mobbiltà u tiżgura alternattivi affordabbli li huma adatti għall-iskop tagħhom u disponibbli għal kulħadd.

1.18.

Sabiex jiġi evitat il-faqar fit-trasport, l-aċċess għal trasport pubbliku ta’ kwalità u affordabbli huwa essenzjali bħala alternattiva sostenibbli għall-modi tat-trasport individwali, u huwa ta’ importanza partikolari għaż-żoni rurali. Sabiex tinkiseb mobbiltà urbana sostenibbli, għandha titpoġġa aktar enfasi fuq it-trasport pubbliku bħala l-pedament ta’ dik it-tranżizzjoni u bħala sors importanti tal-inklużjoni soċjali u l-impjiegi ta’ kwalità lokali.

1.19.

Il-KESE jqis li t-traffiku fil-bliet huwa adatt għal proġetti pilota ta’ mobbiltà kooperattiva, konnessa u awtomatizzata li għandhom ikunu bbażati fuq valutazzjoni tal-impatt tas-sikurezza kif ukoll fuq djalogu soċjali u mas-soċjetà ċivili. Huwa jenfasizza l-ħtieġa ta’ finanzjament adegwat li jippermetti l-bini tal-kompetenzi fejn meħtieġ.

1.20.

Fir-rigward tal-mobbiltà urbana, il-pjattaformi ta’ Mobbiltà bħala Servizz (MaaS) għandhom ikunu taħt ir-responsabbiltà pubblika sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni ta’ pjani ta’ mobbiltà urbana sostenibbli (SUMPs). Huma biss il-fornituri ta’ servizzi ta’ mobbiltà li huma soċjalment responsabbli b’kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u deċenti li għandu jkollhom aċċess għall-pjattaformi tal-MaaS, filwaqt li titqies ukoll il-leġiżlazzjoni ppjanata dwar il-ħaddiema tal-pjattaformi.

1.21.

Il-KESE jilqa’ l-objettivi tad-diġitalizzazzjoni u l-awtomatizzazzjoni stabbiliti fl-istrateġija bħala mezz biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ sostenibbiltà, u jitlob li jsir djalogu estensiv dwar l-impatti soċjetali u ambjentali usa’. Huwa jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ approċċ iċċentrat fuq il-bniedem, inklużi l-aspetti soċjali u ambjentali.

1.22.

Il-KESE jinnota bi tħassib li l-kapitolu kollu dwar il-Mobbiltà Intelliġenti ma jindirizzax il-ħaddiema tat-trasport. Il-fattur uman fir-riċerka, id-disinn u l-użu ta’ teknoloġiji diġitali u ta’ awtomatizzazzjoni huwa essenzjali biex innovazzjonijiet bħal dawn jintużaw b'suċċess, u jrid ikun ibbażat fuq djalogu soċjali inklużiv biex tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta.

1.23.

It-tranżizzjoni diġitali qed isseħħ bħalissa. Il-KESE jesprimi dispjaċir għall-fatt li r-rakkomandazzjonijiet dwar l-impatt tat-tranżizzjoni fuq il-forza tax-xogħol tat-trasport mhux se jinħarġu qabel l-2023. Huwa jitlob li tittieħed azzjoni immedjata, flimkien mal-imsieħba soċjali, u li ssir ħidma li tibni fuq l-aħjar prattiki eżistenti.

1.24.

L-investimenti b’suċċess fit-teknoloġiji diġitali jeħtieġu djalogu soċjali parteċipattiv mill-bidu nett li jinkludi diskussjoni dwar l-għan tad-diġitalizzazzjoni u l-awtomatizzazzjoni (pereżempju żieda fil-produttività meta mqabbla ma’ effiċjenza żejda), l-objettiv tal-miżuri korrispondenti għal postijiet tax-xogħol aktar sikuri u tajbin għas-saħħa u l-ħarsien tal-impjiegi, u sehem ġust taż-żidiet fil-produttività għall-ħaddiema.

1.25.

Il-KESE jilqa’ r-rikonoxximent aktar qawwi tal-ħaddiema tat-trasport iżda huma meħtieġa inizjattivi leġiżlattivi konkreti biex jinqered id-dumping soċjali mill-modi kollha tat-trasport. Huwa jħoss ħtieġa urġenti li tiġi stabbilita task force soċjali għat-trasport, li tinkludi d-Direttorati Ġenerali (DĠ) rilevanti kollha bħal DĠ MOVE, DĠ EMPL u DĠ rilevanti oħra.

1.26.

Il-KESE jappoġġja l-mira ta’ “mwiet qrib iż-żero” għall-modi kollha tat-trasport sal-2050, iżda l-istrateġija ma tindirizzax it-trasport bit-triq professjonali u b’mod partikolari l-problema tal-għeja tas-sewwieqa bħala “marda kronika” u fattur importanti għall-inċidenti. Fil-kuntest tas-sewwieqa tax-xarabanks u l-kowċis, huwa jiġbed l-attenzjoni għar-rapport li għandu jiġi ppreżentat mill-Kummissjoni Ewropea (KE) lill-Kunsill u lill-Parlament, u jistenna li l-istituzzjonijiet tal-UE jaġixxu f’konformità mal-objettivi politiċi stabbiliti mir-regolamentazzjoni tal-ħin tas-sewqan u tal-mistrieħ.

1.27.

Il-KESE jissottolinja l-importanza li jinkiseb appoġġ wiesa’ għal tranżizzjoni ekoloġika, soċjali u diġitali mill-partijiet ikkonċernati kollha fis-soċjetà ċivili, inklużi l-imsieħba soċjali, u huwa lest li jikkontribwixxi għal djalogu mas-soċjetà ċivili sabiex titfassal u tiġi implimentata l-istrateġija. L-istrateġija bir-raġun issostni li bidla lejn mobbiltà sostenibbli, intelliġenti u reżiljenti trid tkun ġusta, inkella ma għandhiex isseħħ.

2.   Kuntest

2.1.

L-“Istrateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti — inqiegħdu t-trasport Ewropew fit-triq it-tajba għall-futur” tenfasizza r-rwol essenzjali u l-benefiċċji tat-trasport għan-nies u l-ekonomija tal-UE, imma tindirizza wkoll l-ispejjeż għas-soċjetà. Fil-Komunikazzjoni, il-KE tipproponi strateġija ġdida biex jintlaħqu l-objettivi ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra mit-trasport b’55 % sal-2030 u b’90 % sal-2050, kif miftiehem fil-Patt Ekoloġiku Ewropew. Hija tistabbilixxi wkoll pjan direzzjonali biex tiddiġitalizza u tiżviluppa l-awtomatizzazzjoni u l-Intelliġenza Artifiċjali (IA) fis-settur tat-trasport.

2.2.

Fid-dawl tal-esperjenza tal-COVID-19, l-istrateġija tistabbilixxi r-reżiljenza kontra kriżijiet futuri bħala objettiv ewlieni tal-politika tat-trasport tal-UE, flimkien mal-ikkompletar taż-Żona Unika Ewropea tat-Trasport, f’konformità mal-White Paper dwar il-politika tat-trasport tal-2011.

2.3.

L-istrateġija, li tinkludi 10 oqsma ewlenin (inizjattivi ewlenin) u 14-il stadju importanti konkreti, tgħid ukoll li l-mobbiltà affordabbli trid tkun disponibbli għal kulħadd u li s-settur irid joffri kundizzjonijiet soċjali tajbin, opportunitajiet ta’ taħriġ mill-ġdid u impjiegi attraenti. Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jrid jiżgura li t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali tkun waħda ġusta.

2.4.

Pjan ta’ Azzjoni li jakkumpanja l-Komunikazzjoni jistabbilixxi 82 azzjoni li għandhom jittieħdu bejn l-2021 u l-2023. Analiżi ulterjuri hija ppreżentata f’dokument ta’ ħidma tal-persunal ta’ akkumpanjament.

3.   Kummenti ġenerali: Il-viżjoni tal-istrateġija

3.1.

Għaxar snin wara l-aħħar white paper dwar il-politika tat-trasport fl-2011, l-istrateġija globali ġdida tal-KE għandha l-għan li tikseb l-objettivi fundamentali ta’ mobbiltà sostenibbli, intelliġenti u reżiljenti. Il-white papers preċedenti (1992, 2001 u 2011) kollha ffukaw fuq l-istabbiliment taż-Żona Unika Ewropea tat-Trasport u l-ikkompletar tas-suq uniku.

3.2.

Fl-2001 u l-2011, il-white papers kienu indirizzaw il-problema tad-dipendenza tal-UE mill-fjuwils fossili u l-problema tat-tibdil fil-klima, u l-kontribut dejjem jikber tas-settur tat-trasport tal-UE għall-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra, iżda ma rnexxilhomx jiksbu l-għanijiet ewlenin rilevanti għall-klima. Minħabba l-kriżi klimatika, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-approċċ biex l-Istrateġija l-ġdida tal-UE għall-Mobbiltà tiġi integrata fil-Patt Ekoloġiku Ewropew b’enfasi speċjali fuq azzjonijiet bl-għan li jintlaħqu l-għanijiet klimatiċi.

3.3.

Sabiex jiġi żgurat li l-ktajjen tal-valur industrijali Ewropej relatati se jkunu s-sinsla ta’ trasformazzjoni sostenibbli u diġitali tat-trasport tal-UE, strateġija għal mobbiltà ta’ suċċess trid timxi id f’id mat-tisħiħ tal-bażi industrijali tal-UE. Jeħtieġ li hija tibni sew fuq it-tisħiħ tal-kompetittività tas-settur tat-trasport kollu kemm hu.

3.4.

Il-pandemija bla preċedent tal-COVID-19 uriet l-importanza essenzjali ta’ suq uniku tat-trasport li jiffunzjona tajjeb u ta’ ktajjen tal-provvista sostenibbli filwaqt li esponiet lill-industrija tat-trasport għal sfida kbira ta’ sopravivenza minħabba l-volumi dejjem jonqsu kkawżati mill-pandemija. Hija enfasizzat ukoll b’mod drammatiku s-sitwazzjoni ta’ eluf ta’ ħaddiema tat-trasport maqbudin madwar l-Ewropa u madwar id-dinja huma u jħabbtu wiċċhom ma’ kuntratti tax-xogħol prekarji, sigurtà soċjali u kopertura tas-saħħa insuffiċjenti, u telf ta’ impjieg mingħajr protezzjoni soċjali. Qed tixħet dawl fuq kriżi soċjali fit-trasport li tiżvela nuqqasijiet fil-politiki tat-trasport tal-UE tal-passat, u turi l-ħtieġa li jiġi applikat l-istess livell ta’ ambizzjoni għal sistema ta’ trasport soċjalment sostenibbli. Il-KESE jqis li huwa essenzjali li ma tintilifx l-opportunità li titfassal Żona Unika Ewropea tat-Trasport verament sostenibbli għall-futur, li issa teħtieġ korrezzjoni fundamentali fil-proċess ta' tlestija. Barra minn hekk, pjan ta’ kontinġenza għall-kriżijiet fil-futur għandu jfittex li jipprevjeni effetti negattivi għall-ħaddiema tat-trasport.

3.5.

Minkejja l-inizjattivi li ttieħdu sa issa, iż-Żona Unika Ewropea tat-Trasport, inklużi s-suq uniku u d-dimensjonijiet soċjali u ambjentali, ma ntlaħqitx u teħtieġ azzjoni ulterjuri b’mod urġenti. Il-KESE jesprimi dispjaċir dwar il-fatt li l-istrateġija, għalkemm dettaljata ħafna dwar l-objettivi tal-klima u d-diġitalizzazzjoni u l-mezzi biex dawn jintlaħqu, hija inqas eżawrjenti fir-rigward tas-suq uniku u l-kwistjonijiet soċjali. Din hija tassew ħasra, peress li ħafna mill-azzjonijiet proposti fir-rigward tas-sostenibbiltà u d-diġitalizzazzjoni għandhom effetti li jvarjaw ħafna fuq is-suq uniku u l-ħaddiema tat-trasport, ħaġa li għalhekk issir kontroreferenza għaliha matul din l-Opinjoni kollha. F’dan ir-rigward, il-KESE jitlob approċċ aktar olistiku u trasversali sabiex jiġi evitat li fl-aħħar mill-aħħar l-istrateġija jkollha rebħa pirrika.

3.6.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-istrateġija tenfasizza n-nisa fit-trasport u “se tapplika kif xieraq l-integrazzjoni tal-ugwaljanza fl-inizjattivi ta’ politika tagħha relatati mat-trasport”, iżda jesprimi dispjaċir għall-fatt li ma hemm l-ebda punt ta’ azzjoni li jikkorrispondi għal din l-ambizzjoni. “Skambju ta’ prattiki tajba” u network ta’ Ambaxxaturi għad-Diversità mhumiex biżżejjed biex jintegraw approċċ reattiv għal kwistjonijiet ta’ ġeneru fil-politiki tat-trasport tal-UE. Eżempji tajbin ta’ punti ta’ azzjoni huma parti mill-gwida dwar is-suġġett tal-SUMP “Addressing Gender Equity and Vulnerable Groups in SUMPs” (Nindirizzaw l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u l-Gruppi Vulnerabbli fl-SUMPs).

3.7.

Il-maġġoranza tal-azzjonijiet ippjanati taħt it-taqsimiet 1 sa 3 (il-viżjoni, il-mobbiltà sostenibbli u l-mobbiltà intelliġenti) għandhom kamp ta’ applikazzjoni limitat li jiffoka fuq kwistjonijiet prinċipalment tekniċi relatati mal-karatteristiċi ambjentali tal-vetturi, il-vapuri u l-inġenji tal-ajru, l-użu ta’ infrastruttura għal fjuwils alternattivi, proġetti ta’ żvilupp industrijali u diġitali, it-tassazzjoni fuq l-enerġija u l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni bl-għan li jiġi implimentat il-prinċipju ta’ min iniġġes/min juża jħallas. L-inizjattivi ewlenin 3 u 4 jittrattaw miżuri ta’ politika leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi biex jippromovu t-trasport sostenibbli tal-passiġġieri u tal-merkanzija.

3.8.

Filwaqt li kemm l-azzjonijiet kif ukoll l-istadji importanti proposti jidhru li huma pjuttost konsistenti b’mod reċiproku fir-rigward tal-kwistjonijiet prinċipalment tekniċi ttrattati fit-taqsimiet 1 sa 3, il-KESE għandu dubju dwar jekk il-bilanċ bejn il-miżuri tekniċi u l-miżuri tal-politika tat-trasport huwiex adegwat biex jintlaħqu l-għanijiet klimatiċi.

3.9.

Il-KESE jiddubita wkoll l-approċċ, fejn huwa meħtieġ Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal ta’ kważi 300 paġna sabiex jiġu mifhuma bis-sħiħ l-objettivi tal-istrateġija. Dan il-mod li bih tiġi ppreżentata u spjegata strateġija ma jgħinx biex din issir aċċessibbli u faċli biex tikseb appoġġ wiesa’.

3.10.

L-istrateġija ġustament issostni li “l-assi l-aktar prezzjużi tas-settur huma n-nies tiegħu u t-tranżizzjoni sostenibbli u intelliġenti mhux se tkun possibbli mingħajr l-appoġġ u l-kontribut tal-ħaddiema tat-trasport”.

3.11.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għat-tħassib partikolari taż-żoni rurali fl-Ewropa li l-miri stabbiliti għall-mobbiltà sostenibbli jistgħu jintlaħqu imma fl-istess ħin se jikkompromettu b’mod sinifikanti l-istil ta’ ħajja. Huwa jappella b’mod proattiv lill-Kummissjoni biex tindirizza l-element kruċjali tal-mobbiltà fil-Komunikazzjoni tagħha li jmiss dwar il-viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali u tiżgura alternattivi affordabbli li huma adatti għall-iskop tagħhom u disponibbli għal kulħadd.

3.12.

Il-KESE jissottolinja l-importanza li jinkiseb appoġġ wiesa’ għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali prevista mill-partijiet ikkonċernati kollha fis-soċjetà ċivili, inklużi l-imsieħba soċjali. Dan ifisser ukoll li d-dimensjoni soċjali, inkluż id-djalogu dwar kif l-aħjar tiġi ġestita t-tranżizzjoni u kif tista’ ssir soċjalment aċċettabbli, hija ta’ importanza vitali.

3.13.

Il-KESE huwa lest li jikkontribwixxi għal djalogu mas-soċjetà ċivili sabiex titfassal u tiġi implimentata l-istrateġija, u din l-Opinjoni għandha l-għan li tikkontribwixxi bi proposti konkreti għad-dibattitu.

4.   Mobbiltà sostenibbli

4.1.

Il-KESE jaqbel li sabiex tinkiseb din il-bidla sistemika, jinħtieġu tliet pilastri tal-azzjonijiet, jiġifieri: “(1) nagħmlu l-modi kollha tat-trasport aktar sostenibbli, (2) nagħmlu alternattivi sostenibbli disponibbli b’mod wiesa’ f’sistema ta’ trasport multimodali u (3) nistabbilixxu l-inċentivi t-tajba biex tiġi xprunata t-tranżizzjoni”.

4.2.

Sabiex il-modi kollha tat-trasport isiru aktar sostenibbli, l-istadju importanti 1 għandu l-għan li jilħaq l-mira li sal-2030 ikun hemm joperaw 30 miljun karozza b’emissjonijiet żero u 80 000 trakk b’emissjonijiet żero, mill-figuri tal-lum ta’ madwar miljun karozza u 30 000 trakk (1). Il-KESE jinnota li d-deċiżjonijiet ta’ investiment dwar il-vetturi li jkunu qed jintużaw sal-2030 se jittieħdu issa jew dalwaqt. Minħabba d-differenza fil-prezz tagħhom, l-infrastruttura tat-tagħbija/ir-riforniment għall-fjuwils alternattivi li għadha mifruxa skarsament u t-tul tal-ħajja tal-vetturi, ix-xenarju jidher li huwa ottimist wisq. Barra minn hekk, jidher li għad ma hemmx idea ċara tal-għadd ta’ punti ta’ tagħbija/riforniment ta’ fjuwil meħtieġa biex jappoġġjaw il-flotot previsti. Huwa jwissi kontra li jiġu stabbiliti objettivi ambizzjużi żżejjed li jista’ jkollhom effetti negattivi fuq il-kredibbiltà tal-istrateġija.

4.3.

L-istrateġija tiddeskrivi b’mod ċar l-elettriku u l-idroġenu bħala għażla ta’ prijorità għad-dekarbonizzazzjoni tal-mobbiltà. Approċċ preċiż b’emissjonijiet żero għandu jqis l-impronta tal-karbonju tal-vetturi tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tagħhom (jiġifieri fl-2018, 33 % biss tal-elettriku prodott fl-UE ġie minn enerġija rinnovabbli) u jitkejjel permezz ta’ metodu well-to-wheel.

4.4.

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-bidla lejn soluzzjonijiet tat-trasport aktar sostenibbli u jħeġġeġ lill-KE tiżviluppa dan l-approċċ b’punti ta’ azzjoni konkreti li jappoġġjaw ukoll trasport mhux motorizzat.

4.5.

Il-Patt Ekoloġiku jagħti prijorità lill-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi permezz ta' tranżizzjoni għal ekonomija nadifa u ċirkolari, restawr tal-bijodiversità, u t-twaqqif tad-degradazzjoni tal-ispazji pubbliċi u tnaqqis tat-tniġġis. B’kunsiderazzjoni ta’ dan, il-KESE jtenni li strateġija tat-trasport sostenibbli għandha tagħti prijorità lill-infrastruttura li tippermetti ffrankar fl-użu tal-art, tiżgura proporzjon deċenti ta' spazji fil-bliet u fl-agglomerazzjonijiet, u tkun effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, b’mod partikolari fir-rigward tar-riżorsi kritiċi. Id-drittijiet fundamentali jridu jiġu rrispettati.

4.6.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-KE se tkompli bid-djalogu tagħha mal-bliet u l-Istati Membri sabiex tiżgura li l-bliet kbar u ta’ daqs medju kollha jistabbilixxu l-pjani ta’ mobbiltà urbana sostenibbli tagħhom sal-2030. Is-sitwazzjoni attwali tissuġġerixxi li ż-żieda mixtieqa fl-għadd ta’ pjani żviluppati ta’ mobbiltà urbana sostenibbli mhux se sseħħ mingħajr l-oqfsa nazzjonali u l-istrumenti finanzjarji għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-pjani ta’ mobbiltà urbana sostenibbli.

4.7.

L-istrateġija tirreferi biss fil-qosor għall-politiki u l-ġestjoni tal-parkeġġ. Il-KESE jissuġġerixxi li din tiġi żviluppata aktar permezz ta’ punti ta’ azzjoni ċari, billi jitqies l-impatt negattiv taż-żoni ta’ parkeġġ fuq l-issiġillar tal-ħamrija fil-bliet. Il-ġestjoni tajba tal-parkeġġ tista’ tgħin biex jiġi lliberat spazju pubbliku ta’ valur, il-bliet isiru aktar attraenti, tiġi appoġġjata l-ekonomija lokali, jitnaqqas it-traffiku tal-vetturi u jittejbu l-konġestjoni, is-sikurezza fit-toroq u t-tniġġis tal-arja.

4.8.

It-tieni pilastru tat-trasport sostenibbli jindirizza d-disponibbiltà ta’ modi tat-trasport alternattivi u joffri għażla modali għal dan il-għan permezz ta' approċċ multimodali. L-istadji importanti 4 sa 8 jistabbilixxu objettivi għall-2030 u l-2050 ta’ żieda kbira fit-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija (biex it-trasport bil-ferroviji b’veloċità għolja jirdoppja sal-2030 u jittrippla sal-2050) u fit-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija (żieda ta’ 50 % sal-2030 u l-irduppjar tiegħu sal-2050). Huma stabbiliti wkoll miri għall-ivvjaġġar kollettiv, il-passaġġi fuq l-ilma interni u t-trasport marittimu fuq distanzi qosra, kif ukoll għal 100 belt newtrali għall-klima sal-2030.

4.9.

Il-KESE jiddubita jekk l-istrateġija hijiex konsistenti ma’ approċċ li jqis il-modi differenti bħala riżorsa kkombinata li fiha, fi ħdan sistema ta’ trasport multimodali, tiġi promossa l-kooperazzjoni bejn il-modi abbażi ta’ soluzzjonijiet bl-aħjar impronta ambjentali — u soċjali — u bl-ogħla effiċjenza minflok il-kompetizzjoni bejn il-modi.

4.10.

F’dan il-kuntest, il-KESE jitlob valutazzjoni usa’ tas-sostenibbiltà sabiex is-sostenibbiltà soċjali tiġi inkorporata bis-sħiħ. Huwa jissuġġerixxi li l-impronta ambjentali fl-istrateġija tiġi kkomplementata bl-introduzzjoni ta’ “impronta tax-xogol fil-livell Ewropew għat-trasport” komparabbli ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, inklużi l-elementi kollha rilevanti għall-prevenzjoni tad-deterjorament kontinwu, għall-iżgurar ta’ kompetizzjoni ġusta fi ħdan u bejn il-modi tat-trasport u biex tiġi evitata kompetizzjoni distruttiva minħabba li jinħolqu inċentivi ħżiena. Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni bejn il-modi tat-trasport, l-ipprezzar ġust tas-suq ħieles irid jinkludi kost lavorattiv ġust, kif enfasizzat fil-Kapitolu 6.

4.11.

Hija ħasra li l-iżvilupp ta’ mudelli tat-trasport multimodali tal-merkanzija, ibbażati fuq il-kooperazzjoni bejn il-modi tat-trasport, fuq il-karatteristiċi ambjentali ottimizzati u fuq is-sostenibbiltà soċjali ta’ kull mod tat-trasport, bl-ottimizzazzjoni tar-riżorsi permezz ta’ pjattaformi diġitali filwaqt li tiġi rrispettata l-leġiżlazzjoni soċjali kollha, mhuwiex wieħed mill-istadji importanti taħt il-pilastru tal-mobbiltà intelliġenti tal-istrateġija.

4.12.

L-istadju importanti 9 jantiċipa li t-trasport marittimu u ferrovjarju għandu jkun jista’ jikkompeti fuq termini ugwali mat-trasport bit-triq fl-2030 mingħajr ma jispjega kif dan se jinkiseb, ħlief possibbilment permezz tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni u t-tassazzjoni fuq il-fjuwil. Fil-fatt, m’hemmx strateġija aktar komprensiva biex tingħata spinta lit-trasport ferrovjarju tal-merkanzija u lit-trasport marittimu fuq distanzi qosra, li tqis, fost affarijiet oħra, l-ispejjeż ogħla tat-trasport ferrovjarju u l-problemi tal-puntwalità tat-trasport ferrovjarju deskritti fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja l-proposta.

4.13.

L-objettiv tal-istadju importanti 4 huwa li l-ivvjaġġar skedat kollu sa 500 km ġewwa l-UE għandu jkun newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju sal-2030. Jeħtieġ li jiġu diskussi l-impatt fuq it-trasport tal-passiġġieri bix-xarabank u l-effetti negattivi possibbli fuq is-sostenibbiltà.

4.14.

L-għajnuna mill-Istat hija rilevanti biex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika bħall-fatt li t-trasport isir ekoloġiku u soċjali. Il-KESE jara ħtieġa urġenti li jiġu riveduti l-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat. Element wieħed huwa l-aspett territorjali, pereżempju fir-rigward taż-żoni remoti. Barra minn hekk, jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li t-talba biex il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat għat-Trasport Marittimu jiġu adattati, sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet soċjali u ekonomiċi ġusti fis-settur tal-portijiet u l-impjieg tal-baħħara Ewropej, ilu li kellha issir biex is-settur marittimu jsir soċjalment sostenibbli, l-istess bħat-talba biex tittieħed azzjoni aktar rapida mill-2023.

4.15.

Il-KESE jikkritika l-fatt li l-istrateġija ma tinkludix analiżi fil-fond tar-rabta kruċjali bejn is-suq uniku u l-politika tal-kompetizzjoni. Huwa jaqbel li hija meħtieġa diskussjoni xierqa dwar l-għajnuna mill-Istat u s-sussidji għat-trasport marittimu u l-effett tagħhom fuq is-settur tal-portijiet. L-imsieħba soċjali Ewropej esprimew b’mod konġunt “it-tħassib tagħhom dwar l-estensjoni tar-Regolament dwar is-CBER, li se taggrava l-inugwaljanza fit-trattament bejn is-sidien tal-bastimenti u l-partijiet ikkonċernati tal-portijiet, u se jkollha effetti detrimentali fuq il-portijiet tal-UE” (2).

5.   Mobbiltà intelliġenti

5.1.

Il-KESE jaqbel li billi l-innovazzjoni se “ssawwar il-mobbiltà tal-passiġġieri u l-merkanzija tal-futur, jenħtieġ li jkun hemm qafas u faċilitaturi adatti biex jiffaċilitaw din it-tranżizzjoni li tista’ tagħmel is-sistema tat-trasport ħafna aktar effiċjenti u sostenibbli”. Huwa jqis li huwa essenzjali li jiġi segwit prinċipju ta’ gwida ewlieni wieħed: id-diġitalizzazzjoni u l-awtomatizzazzjoni huma strumenti aktar milli għan fihom innifishom.

5.2.

F’dan il-kuntest, il-KESE jilqa’ l-objettivi tad-diġitalizzazzjoni u l-awtomatizzazzjoni stabbiliti fl-istrateġija bħala mezz biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ sostenibbiltà. L-indirizzar tal-impatt soċjetali u ambjentali tal-IA, il-prinċipju tal-kontroll uman fuq il-magna, kif ukoll il-ġbir ta’ data personali u l-użu ta’ tali data, huma ta’ importanza kbira u jeħtieġu djalogu estensiv. L-inklużjoni tal-fattur uman fir-riċerka, id-disinn u l-użu ta’ teknoloġiji diġitali u ta’ awtomatizzazzjoni hija essenzjali biex innovazzjonijiet bħal dawn jintużaw b'suċċess, u trid tkun ibbażata fuq djalogu soċjali inklużiv biex tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta. Hemm bżonn ta’ approċċ iċċentrat fuq il-bniedem, filwaqt li jitqiesu l-aspetti soċjali u ambjentali, kif ukoll jiġi garantit li mhux se jkun hemm użu abbużiv mit-teknoloġiji.

5.3.

Il-KESE jinnota n-nuqqas ta’ kwalunkwe referenza għall-inizjattivi orizzontali dwar is-sikurezza, ir-responsabbiltà, id-drittijiet fundamentali u l-aspetti tad-data tal-IA u l-pakkett tal-Att dwar id-Data rigward il-kontroll u l-kundizzjonijiet għall-kondiviżjoni tad-data.

5.4.

Sabiex l-UE ssir mexxejja dinjija fl-iżvilupp ta’ servizzi u sistemi ta’ mobbiltà kooperattiva, konnessa u awtomatizzata, għandu jkun aktar faċli li s-servizzi pilota jiġu ttestjati fis-sistemi tat-traffiku tal-bliet, abbażi ta’ valutazzjoni tal-impatt tas-sikurezza kif ukoll ta’ djalogu soċjali u mas-soċjetà ċivili. Il-proġetti pilota attwali huma ttestjati l-aktar f’sistemi ta’ trasport magħluqa (kampusijiet, kumplessi tal-industrija, eċċ.).

5.5.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-istrateġija tindirizza t-trasformazzjoni diġitali fil-mobbiltà urbana, inkluża l-MaaS, is-servizzi kondiviżi, is-servizzi fuq talba u l-ħolqien ta’ pjattaformi intermedjarji u l-opportunitajiet u r-riskji għal kunċetti tat-trasport sostenibbli u effiċjenti li dan joffri. Huwa jilqa’ wkoll il-fatt li l-paragrafu 38 jindirizza kif mistħoqq it-tħassib soċjali u dwar is-sikurezza, peress li għadd ta’ servizzi ġodda ta’ mobbiltà kif ukoll pjattaformi intermedjarji joffru forom ta’ impjieg prekarji u livelli ta’ pagi baxxi li jistgħu joħolqu problemi ta’ kompetizzjoni. Madankollu, l-Azzjoni 23 ma għandhiex il-ħsieb li twettaq “Valutazzjoni tal-ħtieġa għal miżuri li jiżguraw kundizzjonijiet ekwi għat-trasport lokali, għat-trasport tal-passiġġieri fuq talba u għall-pjattaformi tar-ride-hailing” qabel l-2022.

5.6.

Il-pjattaformi MaaS għandhom ikunu taħt ir-responsabbiltà pubblika sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-SUMPs. Huma biss il-fornituri ta’ servizzi ta’ mobbiltà li huma soċjalment responsabbli b’kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u deċenti li għandu jkollhom aċċess għall-pjattaformi tal-MaaS, filwaqt li titqies ukoll il-leġiżlazzjoni ppjanata dwar il-ħaddiema tal-pjattaformi.

5.7.

Il-KESE jilqa’ l-inizjattiva tal-KE dwar leġiżlazzjoni li tindirizza l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tal-pjattaformi, u jistenna li l-proposta tiżgura l-preżunzjoni ta’ status tal-impjieg u kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti għall-ħaddiema tal-pjattaformi fit-trasport, bħas-servizzi tar-ride-hailing jew ta’ kunsinna.

5.8.

Il-KESE jsegwi b’attenzjoni kbira t-tħassib li l-kost tas-soluzzjonijiet ta’ mobbiltà intelliġenti, l-iżvilupp tal-intelliġenza artifiċjali u l-awtomatizzazzjoni jistgħu potenzjalment japprofondixxu d-diskrepanzi, peress li l-linja bażi tal-bidu tvarja fl-UE minn Stat Membru għal ieħor. Għalhekk, il-KESE jqis li huwa essenzjali li, sabiex tirnexxi, kwalunkwe strateġija tal-UE trid tindirizza dawn id-diskrepanzi fl-investiment billi tappoġġja soluzzjonijiet ta’ mobbiltà intelliġenti fi Stati Membri ifqar, bl-istess mod billi ssaħħaħ id-djalogu soċjali, il-kundizzjonijiet soċjali u approċċ iċċentrat fuq il-bniedem.

6.   Mobbiltà reżiljenti

6.1.

It-Taqsima 4 dwar Mobbiltà reżiljenti tinkludi tliet inizjattivi ewlenin — Tisħiħ tas-suq uniku, li l-mobbiltà ssir ekwa u ġusta għal kulħadd u Titjib tas-sikurezza u tas-sigurtà tat-trasport, flimkien mal-istadji importanti 13 u 14.

Rilevanza tas-Suq Uniku

6.2.

Il-KESE jaqbel mal-prijoritajiet stabbiliti fir-rigward tal-ħtieġa li titlesta ż-Żona Unika Ewropea tat-Trasport u jissaħħaħ is-suq uniku, anke fid-dawl tal-esperjenza tal-COVID-19 kif ukoll il-ħtieġa li jitħejja pjan ta’ kontinġenza għall-kriżijiet. Madankollu, il-KESE huwa tal-fehma li t-twaqqif ta’ tali pjan ta’ kontinġenza għall-kriżijiet irid ikun ibbażat fuq djalogu soċjali serju u mas-soċjetà ċivili organizzata, u jrid isir bi qbil mal-imsieħba soċjali.

6.3.

Il-KESE jesprimi dispjaċir, madankollu, li pereżempju l-ikkompletar taż-Żona Unika Ewropea tat-Trasport u t-tisħiħ tas-suq uniku, l-importanza ta’ implimentazzjoni f’waqtha tat-TEN-T u l-iżvilupp ta’ ktajjen ta’ valur strateġiċi, pereżempju, rigward il-batteriji u l-idroġenu u l-ħtiġijiet ta’ finanzjament relatati biex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku u tat-tranżizzjoni diġitali fit-trasport huma miġburin flimkien ma’ kwistjonijiet importanti oħra bħad-drittijiet tal-passiġġieri, l-obbligi ta’ servizz pubbliku (OSP), il-kundizzjonijiet soċjali tal-ħaddiema tat-trasport u s-sikurezza u s-sigurtà tat-trasport. Jidher stramb il-fatt li l-kwistjonijiet komprensivi tas-suq uniku u l-kwistjonijiet soċjali u ta’ sikurezza relatati jinsabu fl-aħħar fl-istrateġija.

6.4.

Il-KESE jqis li mhu xejn adatt li l-istadji importanti f’din it-taqsima qed ikunu limitati għall-implimentazzjoni f’waqtha tat-TEN-T u għat-tnaqqis tal-għadd ta’ mwiet minħabba t-trasport, peress li dan jikkonċerna r-rinforz tas-suq uniku u l-ikkompletar taż-Żona Unika Ewropea tat-Trasport, inklużi l-effiċjenza mtejba billi jsir possibbli l-aħjar użu tal-kapaċità, l-iffinanzjar għall-modernizzazzjoni tal-flotot, kwistjonijiet ta’ għajnuna mill-Istat, konnettività mtejba, u l-protezzjoni tal-passiġġieri u d-drittijiet tagħhom.

6.5.

Il-KESE jieħu nota tal-fatt li, skont il-viżjoni tal-istrateġija, suq uniku li jiffunzjona tajjeb u li huwa reżiljenti għall-kriżijiet irid “ikun ukoll objettiv ewlieni tal-politika tat-trasport tal-UE” filwaqt li “l-ekoloġizzazzjoni tal-mobbiltà trid tkun il-liċenzja l-ġdida biex is-settur tat-trasport jikber”. Pereżempju, l-ikkompletar tas-suq uniku tat-trasport b’mudelli kummerċjali ġodda sostenibbli u diġitalizzati setgħet tiżdied mal-istadji importanti.

6.6.

Hija ħasra wkoll li l-istrateġija ma tiddeskrivix l-ostakli li fadal għall-implimentazzjoni sħiħa tas-suq uniku fil-qasam tat-trasport. B’mod partikolari, it-taqsima 4.3.3 tal-SWD issemmi għadd ta’ kwistjonijiet dwar il-funzjonament tas-suq uniku li mhumiex indirizzati fit-taqsima 4. Dan huwa simili għat-taqsima 4.3.4, fejn huma deskritti għadd ta’ nuqqasijiet soċjali li mhumiex indirizzati fl-istrateġija.

6.7.

Il-proċessi ta’ Regolamentazzjoni Aħjar jeħtieġ li jittejbu. Il-KESE jinsisti li għal kull waħda mill-azzjonijiet, kemm jekk imsemmija fil-pjan ta’ azzjoni kif ukoll jekk f’dokumenti oħra, għandha titwettaq valutazzjoni tal-impatt (soċjali, ambjentali, ekonomiku, bl-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneru) sħiħa b’konsultazzjoni privileġġata mal-imsieħba soċjali rikonoxxuti bħall-organizzazzjonijiet rappreżentattivi approvati mill-Kummissjoni Ewropea.

6.8.

Bl-istess mod, għadd ta’ azzjonijiet ippjanati fit-taqsimiet preċedenti tal-istrateġija għandhom implikazzjonijiet ċari fuq is-suq uniku, pereżempju emendi għad-Direttiva dwar il-piżijiet u d-dimensjonijiet tal-vetturi tal-merkanzija, emendi għal-leġiżlazzjoni tal-avjazzjoni u dwar il-pjattaformi diġitali.

Id-dimensjoni soċjali u l-kundizzjonijiet tax-xogħol

6.9.

Il-kriżi bla preċedent tal-COVID-19 uriet li t-trasport huwa servizz essenzjali. Din enfasizzat ukoll l-importanza tal-ħaddiema tat-trasport bħala ħaddiema ewlenin u l-importanza tagħhom għar-reżiljenza tas-sistema ta’ trasport. Il-KESE jilqa’ r-rikonoxximent aktar qawwi għall-ħaddiema tat-trasport fl-istrateġija meta mqabbel mad-dokumenti preċedenti dwar il-politika tat-trasport, fejn dawn huma rikonoxxuti bħala “l-assi l-aktar prezzjużi tas-settur”, “[filwaqt li xi wħud] ibatu minn kundizzjonijiet tax-xogħol diffiċli ħafna [u prekarji]”. Madankollu, minħabba l-importanza marbuta mal-Pilastru Soċjali fl-implimentazzjoni attwali tal-politika tal-UE, huwa tal-iskantament li d-dimensjoni soċjali fit-trasport mhijiex indirizzata f'taqsima speċifika.

6.10.

L-istrateġija tirrikonoxxi wkoll il-problemi demografiċi tas-settur u d-diffikultajiet biex jiġu attirati l-ħaddiema li jeħtieġ. Din tikkonkludi li “il-provvediment ta’ standards soċjali ogħla jikkontribwixxi direttament biex ireġġa’ lura n-nuqqas ġenerali attwali ta’ attraenza lejn is-settur”. Sfortunatament, la l-istrateġija u lanqas l-SWD ma janalizzaw b’mod adegwat il-kawżi tad-diffikultajiet tas-settur tat-trasport biex jattira lill-ħaddiema. Dawn ma jqisux il-fatt li matul l-aħħar deċennji, il-politiki tat-trasport b’enfasi fuq is-suq uniku ma rnexxielhomx jipprevjenu d-deterjorament fil-kundizzjonijiet tax-xogħol fil-modi kollha tat-trasport.

6.11.

Id-dikjarazzjonijiet tal-KE li “se tikkunsidra miżuri li jkopru l-modi differenti kollha tat-trasport biex issaħħaħ il-qafas leġiżlattiv dwar il-kundizzjonijiet għall-ħaddiema” u li se tniedi “inizjattivi biex is-settur tat-trasport isir aktar attraenti” fl-2021-2023 huma vagi wisq. Fil-fatt huwa diffiċli li wieħed jifhem għaliex elementi bħal kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u t-titjib tal-attraenza tal-professjoni, inkluż għaż-żgħażagħ u n-nisa, ma ġewx ikkunsidrati li jistħoqqilhom stadji importanti.

6.12.

Huma meħtieġa inizjattivi leġiżlattivi konkreti biex jinqered id-dumping soċjali fil-modi kollha tat-trasport. Il-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali fl-istess post għandu japplika għall-modi kollha tat-trasport (l-istazzjonar ta’ ħaddiema mobbli ħafna) jew il-protezzjoni tal-impjiegi u d-drittijiet miksuba għall-persunal soġġetti għal bidla fl-operaturi minħabba sejħiet għall-offerti ta’ kuntratti għall-modi differenti tat-trasport. Għalhekk, il-KESE jara ħtieġa urġenti li tiġi stabbilita task force soċjali għat-trasport, li tinkludi d-DĠs rilevanti kollha bħal DĠ MOVE, DĠ EMPL u DĠ Kompetizzjoni.

L-ispejjeż soċjali u s-sostenibbiltà

6.13.

Id-dumping soċjali u l-prattiki inġusti f’settur wieħed joħolqu distorsjonijiet f’setturi oħra. Il-kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji u n-nuqqas ta’ infurzar tal-leġiżlazzjoni soċjali jwasslu għal distorsjonijiet fis-sinjali tal-prezz u l-għażliet għal mod ta’ trasport. Il-KESE jħoss il-ħtieġa ta’ inizjattiva li tinkludi l-kost lavorattiv bħala parti minn politika ta’ pprezzar ġust għal servizzi tat-trasport sostenibbli, minbarra l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni kollha. L-ipprezzar ġust tas-suq ħieles għal servizz tat-trasport għandu jinkludi paga li tiggarantixxi l-għajxien, l-istess paga għall-istess xogħol fl-istess post, kura tas-saħħa u kopertura tas-sigurtà soċjali, u investimenti f’post tax-xogħol tajjeb għas-saħħa u fil-kwalifiki u t-taħriġ. Iż-żieda ta’ “impronta lavorattiva” mar-rakkomandazzjonijiet dwar l-impronta tal-karbonju fl-azzjonijiet 28 u 34, kif definit fil-punt 4.6, tista’ tkun azzjoni waħda, iżda żgur mhix biżżejjed. Għall-ipprezzar tat-trasport pubbliku, jeżisti kumpens għall-obbligu tas-servizz.

6.14.

Il-KESE jissottolinja l-importanza tan-negozjar kollettiv u r-rwol tiegħu fl-iffissar tal-livell tal-pagi, u għalhekk jinsisti fuq l-importanza tat-tisħiħ tan-negozjar kollettiv, b’mod partikolari fis-settur tat-trasport frammentat ħafna u fl-Istati Membri kollha.

Tranżizzjoni diġitali ġusta

6.15.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-istrateġija tindirizza b’mod adatt ir-riskji u l-opportunitajiet tat-trasformazzjoni diġitali għall-impjieg u l-ħtieġa ta’ tranżizzjoni ġusta għall-ħaddiema tat-trasport. Madankollu, l-Azzjoni 69 ma tipprevedix ir-“rakkomandazzjonijiet għat-tranżizzjoni lejn l-awtomatizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni u l-impatt tagħhom fuq il-forza tax-xogħol fil-qasam tat-trasport” li għandhom jinħarġu sal-2023. Din ma tqisx il-fatt li d-diġitalizzazzjoni u l-awtomatizzazzjoni diġà qed iseħħu u hemm ħtieġa ta’ azzjoni urġenti. L-istadju importanti 13, pereżempju, jistabbilixxi l-għan ta’ “mobbiltà awtomatizzata […] implimentata fuq skala kbira [sal-2030]”.

6.16.

L-investimenti b’suċċess fit-teknoloġiji diġitali jeħtieġu djalogu soċjali parteċipattiv mill-bidu nett. Jeżistu eżempji ta’ prattika tajba, bħall-ftehim ta’ negozjar kollettiv Future — Shaping automation socially and in a co-determined way (Il-ġejjieni — Insawru l-awtomatizzazzjoni soċjalment u b’mod kodeterminat) tal-operatur tat-terminal tal-kontejners EUROGATE fil-Ġermanja, inklużi t-tliet terminali tiegħu f’Hamburg, Bremerhaven u Wilhelmshaven (3). Dan id-djalogu jrid jinkludi wkoll diskussjoni dwar l-għan tad-diġitalizzazzjoni u l-awtomatizzazzjoni (pereżempju żieda fl-effiċjenza meta mqabbla ma’ kapaċità żejda), l-objettiv tal-miżuri korrispondenti għal postijiet tax-xogħol aktar sikuri u tajbin għas-saħħa, ħarsien tal-impjiegi u sehem ġust taż-żidiet fil-produttività għall-ħaddiema.

6.17.

Fil-livell Ewropew, l-imsieħba soċjali Ewropej fil-qasam tat-trasport pubbliku urban reċentement iffirmaw Rakkomandazzjonijiet Konġunti dwar it-trasformazzjoni diġitali fit-trasport pubbliku urban (4). Huma jippromovu approċċ inklużiv u parteċipatorju għat-trasformazzjoni diġitali, li jiżgura s-sigurtà tal-impjiegi u l-ħiliet fi ħdan it-trasformazzjoni diġitali, li juża t-trasformazzjoni diġitali biex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, u li jiżgura l-protezzjoni tad-data, il-privatezza u d-dinjità. L-istrateġiji għandhom jiżguraw li kemm l-intrapriża kif ukoll il-ħaddiema jibbenefikaw mill-introduzzjoni ta’ teknoloġiji diġitali, inkluż permezz ta’ sehem ta’ kisbiet fil-produttività.

6.18.

Il-KE, flimkien mal-imsieħba soċjali, għandha tieħu azzjoni immedjata biex tiżgura tranżizzjoni ġusta għall-awtomatizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni li fiha “ħadd ma jitħalla jibqa’ lura”.

Is-sikurezza u s-sigurtà tat-trasport

6.19.

Dwar is-suġġett tas-sikurezza tat-trasport, l-istadju importanti 14 għandu l-għan li sal-2050 ikun hemm rata ta’ mwiet qrib iż-żero għall-modi kollha tat-trasport, bit-tħassib ewlieni rigward l-imwiet fit-trasport bit-triq. Madankollu, l-istrateġija tal-UE tal-2018 dwar is-sikurezza fit-toroq ma tinkludix it-trasport bit-triq professjonali u b’mod partikolari l-problema tal-għeja tas-sewwieqa bħala “marda kronika” u fattur importanti għall-inċidenti.

6.20.

F’dan il-kuntest, il-KESE għandu tħassib serju dwar l-inizjattiva l-ġdida tal-KE dwar ir-regoli tal-ħin tas-sewqan u tal-mistrieħ għas-sewwieqa tax-xarabanks u l-kowċis, u jiġbed l-attenzjoni għar-rapport li għandu jiġi ppreżentat mill-KE lill-Kunsill u lill-Parlament. Kwalunkwe estensjoni tas-sigħat tax-xogħol u tas-sewqan fis-settur tmur kontra l-objettivi tal-politika tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 (5) u twassal għal aktar deterjorament fis-sikurezza fit-toroq għall-passiġġieri u utenti oħra tat-triq, u fil-kundizzjonijiet tax-xogħol għas-sewwieqa tax-xarabanks u l-kowċis.

6.21.

Il-KESE jappoġġja l-miżura ppjanata għat-titjib tas-sigurtà, u b’mod partikolari l-fatt li huma previsti miżuri biex jiġi indirizzat it-theddid ċibernetiku.

7.   L-importanza ta’ servizz pubbliku b’saħħtu

7.1.

Il-KESE jtenni li huwa kompitu tal-politika pubblika biex tiġi żgurata sistema ta’ trasport urban sostenibbli li tinforza l-għanijiet klimatiċi iżda wkoll is-saħħa pubblika, is-sikurezza u s-sigurtà fit-toroq kif ukoll proporzjon deċenti ta' spazju urban.

7.2.

Il-viżjoni tal-KE bir-raġun tenfasizza li huwa “kruċjali li l-mobbiltà tkun disponibbli u affordabbli għal kulħadd, li r-reġjuni rurali u remoti jkunu konnessi aħjar”. Il-KESE jinsisti fuq id-disponibbiltà tas-servizzi pubbliċi, kif appoġġjat mill-qafas legali, bħala l-pedament ta’ mobbiltà sostenibbli u affordabbli. Dan jitlob aktar kumpens għall-obbligi ta’ servizz pubbliku li jkunu aħjar mil-lat ambjentali u soċjali permezz ta’ appoġġ finanzjarju, u jitlob l-introduzzjoni ta’ strumenti finanzjarji min-naħa tal-gvernijiet nazzjonali, ir-reġjuni u l-muniċipalitajiet.

7.3.

Sabiex jiġi evitat il-faqar fit-trasport, l-aċċess għal trasport pubbliku ta’ kwalità u affordabbli huwa essenzjali bħala alternattiva sostenibbli għall-modi tat-trasport individwali. Dan huwa ta’ importanza partikolari għaż-żoni rurali, u s-servizzi kondiviżi u fuq talba jistgħu wkoll jikkompletaw l-offerta tat-trasport pubbliku b’mod partikolari f’dawn iż-żoni sakemm jipprovdu kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ kwalità ġusti. Barra minn hekk, it-trasport attiv mhux motorizzat, il-mixi u ċ-ċikliżmu jeħtieġu aktar attenzjoni u investiment f’infrastruttura ta’ kwalità u sikura.

7.4.

It-trasport pubbliku huwa importanti għall-inklużjoni soċjali u l-impjiegi ta’ kwalità lokali. L-istrateġija tpoġġi wisq enfasi fuq l-aspetti teknoloġiċi tad-diġitalizzazzjoni, il-mikromobbiltà u s-servizzi ġodda ta’ mobbiltà. Il-viżjoni l-ġdida ma għandhiex tinsa l-fatt li l-mobbiltà intelliġenti għandha tkun strument aktar milli għan.

Brussell, is-27 ta’ April 2021.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SWD (2020) 33l, taqsima 4.1.1 paġna 81 ff.

(2)  Din it-talba ġiet espressa mill-imsieħba soċjali Ewropej lill-Kummissarji Valean u Schmit.

(3)  Il-ftehim ta’ negozjar kollettiv konkluż fl-2019 bejn EUROGATE u t-Trade Union tas-Servizzi tal-Ġermanja (ver.di) jkopri s-sussidjarji Ġermaniżi kollha tal-Grupp, inklużi t-terminali tal-kontejners, il-manutenzjoni u l-kumpanija tal-ferroviji u unitajiet tan-negozju oħra fil-Ġermanja. Kummissjoni tal-awtomizzazzjoni stabbilita tiġi infurmata dwar kwalunkwe proġett ta’ hardware jew software fil-kumpanija anke jekk ma jkun hemm l-ebda impatt dirett fuq l-impjiegi. L-esklużjoni tar-ristrutturar relatat mal-impjiegi sal-2025 hija parti mill-ftehim ta’ negozjar kollettiv mal-EUROGATE.

(4)  Digital Transformation and Social Dialogue in Urban Public Transport (UPT) in Europe, Joint Recommendations of the European Social Partners in UPT (ETF and UITP)[It-Trasformazzjoni Diġitali u d-Djalogu Soċjali fit-Trasport Pubbliku Urban fl-Ewropa, Rakkomandazzjonijiet Konġunti tal-Imsieħba Soċjali Ewropej fil-qasam tat-Trasport Pubbliku Urban (ETF u UITP)], iffirmati f’Marzu 2021.

(5)  ĠU L 102, 11.4.2006, p. 1.


ANNESS

L-emendi li ġejjin ġew miċħuda waqt id-diskussjonijiet iżda rċevew aktar minn kwart tal-voti:

Punt 4.14 (marbut mat-tħassir tal-punt 1.15)

Ħassar dan il-punt:

 

L-għajnuna mill-Istat hija rilevanti biex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika bħall-fatt li t-trasport isir ekoloġiku u soċjali. Il-KESE jara ħtieġa urġenti li jiġu riveduti l-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat. Element wieħed huwa l-aspett territorjali, pereżempju fir-rigward taż-żoni remoti. Barra minn hekk, jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li t-talba biex il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat għat-Trasport Marittimu jiġu adattati, sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet soċjali u ekonomiċi ġusti fis-settur tal-portijiet u l-impjieg tal-baħħara Ewropej, ilu li kellha issir biex is-settur marittimu jsir soċjalment sostenibbli, l-istess bħat-talba biex tittieħed azzjoni aktar rapida mill-2023.

Riżultat tal-votazzjoni fuq l-emenda:

Voti favur:

77

Voti kontra:

123

Astensjonijiet:

27

Punt 1.15 (marbut mat-tħassir tal-punt 4.14)

Ħassar dan il-punt:

 

L-għajnuna mill-Istat hija rilevanti biex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika bħall-fatt li t-trasport isir ekoloġiku u soċjali. Il-KESE jara ħtieġa urġenti li jiġu rieżaminati l-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat, b’mod partikolari l-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat għat-Trasport Marittimu, sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet soċjali u ekonomiċi ġusti fis-settur tal-portijiet u fl-impjieg tal-baħħara Ewropej.

Riżultat tal-votazzjoni fuq l-emenda:

Emenda miċħuda minħabba l-votazzjoni fuq il-punt 4.14 li kienet marbuta miegħu.


Top