This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52020AE5886
Opinion of the European Economic and Social Committee on ‘Communication from the Commission to the European Parliament, the Council, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions — Pharmaceutical Strategy for Europe’ (COM(2020) 761 final)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija Farmaċewtika għall-Ewropa” [COM(2020) 761 final]
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija Farmaċewtika għall-Ewropa” [COM(2020) 761 final]
EESC 2020/05886
ĠU C 286, 16.7.2021, p. 53–58
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
16.7.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 286/53 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija Farmaċewtika għall-Ewropa”
[COM(2020) 761 final]
(2021/C 286/10)
Relatur: |
Martin SCHAFFENRATH |
Konsultazzjoni |
Kummissjoni Ewropea, 14.1.2021 |
Bażi legali |
Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum |
Adottata fis-sezzjoni |
31.3.2021 |
Adottata fil-plenarja |
27.4.2021 |
Sessjoni plenarja Nru |
560 |
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
232/1/4 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1. |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ qabelxejn l-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, bl-istrateġija farmaċewtika l-ġdida għall-Ewropa, flimkien mal-promozzjoni tal-kompetittività tal-industrija farmaċewtika, li tiżgura provvista ta’ mediċini sikuri, ta’ kwalità għolja u bi prezz raġonevoli u s-sostenibbiltà finanzjarja tas-sistemi tas-saħħa tal-Istati Membri. Approċċi komuni Ewropej ġodda għandhom rwol ċentrali b’mod partikolari fl-oqsma li ġejjin:
|
1.2. |
Il-pandemija attwali tal-COVID-19 turi kemm huwa importanti approċċ Ewropew ikkoordinat. Il-KESE jenfasizza għalhekk l-importanza ta’ strateġiji komuni għar-riċerka u l-iżvilupp tal-mediċini inkluż l-ipprezzar, speċjalment fir-rigward ta’ prodotti b’riskju għoli u meta r-redditu fuq l-investiment għall-manifatturi ma jkunx iggarantit. |
1.3. |
Il-KESE jenfasizza li kwalunkwe miżura politika fil-livell tal-UE għandha tiżgura r-rispett għall-kompetenzi tal-Istati Membri u l-prinċipju tas-sussidjarjetà skont l-Artikolu 168(7) tat-TFUE sabiex jitqiesu s-sistemi tas-saħħa nazzjonali organizzati b’mod differenti u biex dawn ma jiġux finanzjarjament destabbilizzati. Dan huwa partikolarment importanti fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ pprezzar u rimborż li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà unika tal-Istati Membri. Madankollu, huwa importanti li jiġi żgurat li l-informazzjoni, l-għarfien u l-aħjar prattiki jiġu kondiviżi b’mod kontinwu fil-livell tal-UE sabiex jiġu evitati kwalunkwe frammentazzjoni u inugwaljanza. |
1.4. |
Il-KESE jinnota li, taħt il-kundizzjonijiet ta’ qafas attwali, f’dawn l-aħħar snin is-settur farmaċewtiku Ewropew żviluppa f’direzzjoni li f’xi każijiet wasslet għall-użu ħażin tad-diversi sistemi ta’ inċentivi, filwaqt li f’bosta aspetti turi nuqqas ta’ trasparenza u wasslet għal konċentrazzjoni fuq oqsma tan-negozju b’marġini ta’ profitt għoljin u, f’xi każijiet, prezzijiet eċċessivi. Il-KESE jqis għalhekk il-ħtieġa urġenti li jiġi rivedut u adattat il-qafas legali attwali għall-prodotti mediċinali u li dan jintrabat aktar mill-qrib mal-kundizzjonalitajiet fir-rigward tal-affordabbiltà u d-disponibbiltà. |
1.5. |
Il-KESE jenfasizza b’mod partikolari r-rwol ċentrali ta’ suq intern li jiffunzjona, ġust u effiċjenti li fih, minn naħa waħda, tiġi promossa u ppremjata innovazzjoni medika ġenwina b’valur miżjud reali għall-kura tas-saħħa, u, min-naħa l-oħra, tissaħħaħ il-kompetizzjoni għall-mediċini biex tiżgura aċċess ekwu u affordabbli għall-mediċini. |
1.6. |
Sabiex jiġu promossi r-riċerka u l-iżvilupp innovattivi bħala l-bażi għall-kompetittività globali tal-industrija farmaċewtika Ewropea, il-KESE jappoġġja b’mod partikolari l-istandardizzazzjoni proposta tal-qafas legali għall-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali u l-applikazzjoni konsistenti tiegħu fl-Istati Membri. |
1.7. |
Fir-rigward ta’ ktajjen ta’ provvista u produzzjoni aktar reżiljenti biex tissaħħaħ l-awtonomija strateġika tal-Ewropa u jiġu evitati l-ostakli fil-provvista, il-KESE jirrakkomanda approċċ ibbilanċjat bejn diversifikazzjoni akbar tas-siti tal-produzzjoni u rilokazzjoni progressiva/gradwali, parzjali u, fl-istess ħin, sostenibbli tal-produzzjoni lura lejn l-Ewropa. Inċentivi finanzjarji u fiskali possibbli fil-livell tal-Istati Membri u l-effiċjenza tagħhom għandhom jiġu diskussi u analizzati b’mod konġunt fil-livell tal-UE. |
1.8. |
Il-KESE jilqa’ wkoll ir-reviżjoni ppjanata tas-sistema Ewropea ta’ inċentivi għar-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam tal-farmaċewtika fl-Ewropa, fuq kollox il-qafas legali għall-mediċini għat-tfal kif ukoll il-mediċini għall-mard rari. B’mod partikolari, il-ħtieġa kbira mhux issodisfata ta’ terapiji adatti fil-qasam tal-kanċer fit-tfal għandha tingħata prijorità fl-istrateġiji futuri. |
1.9. |
Il-KESE jemmen li r-reviżjoni tal-qafas regolatorju farmaċewtiku u kwalunkwe inizjattiva futura fil-livell tal-UE għandhom ikunu mmirati primarjament lejn il-prinċipju tat-trasparenza sabiex jiġi ġġenerat valur miżjud reali għall-ġid komuni. Minbarra l-ispejjeż min-naħa tal-manifattur, dan japplika wkoll għall-allokazzjoni ta’ fondi pubbliċi għar-riċerka u l-iżvilupp, l-użu ta’ inċentivi, eċċ. |
1.10. |
Il-KESE jilqa’ u jappoġġja inizjattivi mill-Istati Membri promossi mill-Kummissjoni Ewropea biex flimkien jakkwistaw mediċini innovattivi u li huma għaljin biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà finanzjarja tas-sistemi tas-saħħa nazzjonali. |
1.11. |
Il-KESE jirrikonoxxi r-rwol pożittiv tal-mediċini ġeneriċi u l-bijoanalogi, fir-rigward tal-aċċess għal mediċini bi prezz raġonevoli, l-importanza tagħhom fil-finanzjament sostenibbli tas-sistemi tas-saħħa, u l-kontribut tagħhom għal suq farmaċewtiku Ewropew reżiljenti u b’indipendenza strateġika. Il-KESE jappoġġja miżuri li jwasslu għal disinn sostenibbli tas-suq għall-mediċini ġeneriċi u l-bijoanalogi, bħal, pereżempju, fil-kuntest tal-akkwist pubbliku permezz tal-applikazzjoni tal-kriterji MEAT (l-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża) u offerti b’diversi rebbieħa, u filwaqt li jitqiesu l-aspetti tal-protezzjoni ambjentali u soċjali. |
1.12. |
Il-KESE jħeġġeġ approċċ ta’ kawtela fir-rigward tal-awtorizzazzjonijiet aċċellerati bbażati fuq nuqqas ta’ evidenza u użu akbar ta’ data reali, u sakemm ma tkunx kwistjoni ta’ kriżi tas-saħħa transkonfinali. Irid jiġi evitat trasferiment tar-riskju għad-detriment tal-pazjent mill-fażi ta’ qabel l-awtorizzazzjoni sal-fażi ta’ wara t-tqegħid fis-suq. Għalhekk, id-data u r-riżultati tal-istudju għandhom jiġu ppubblikati b’mod konsistenti sabiex jiġi żgurat monitoraġġ effiċjenti wara l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq. |
2. Kummenti ġenerali
2.1. |
Skont ir-rapport “Health at a Glance: Europe 2020” [Ħarsa ħafifa lejn is-Saħħa: L-Ewropa 2020 (Mhux disponibbli bil-Malti)] (2), li ġie ppubblikat fit-18 ta’ Novembru 2020, l-infiq fuq is-saħħa fis-27 Stat Membru kollha tal-Unjoni żdied b’medja annwali ta’ 3,0 % bejn l-2013 u l-2019, u fl-2019 kien ta’ 8,3 % tal-PDG. Anke jekk dan is-sehem żviluppa f’konformità mat-tkabbir ekonomiku fl-Istati Membri, hija mistennija żieda drastika matul il-pandemija attwali tal-COVID-19. |
2.2. |
Kif diġà ġie enfasizzat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2016 (3) u r-rapport fuq inizjattiva proprja tal-Parlament Ewropew dwar l-alternattivi għat-titjib tal-aċċess għall-mediċini (4), il-prezzijiet farmaċewtiċi li qed jogħlew qed jagħmlu pressjoni dejjem akbar fuq is-sistemi tas-saħħa nazzjonali. Il-bilanċ fis-sistema farmaċewtika kumplessa bejn l-approvazzjoni u l-miżuri biex tiġi promossa l-innovazzjoni għandu għalhekk jiġi rrestawrat fl-UE sabiex jiġi ggarantit aċċess ugwali għall-mediċini fl-Istati Membri kollha. |
2.3. |
B’mod partikolari, il-prezzijiet li dejjem qed jogħlew għal terapiji ġodda approvati qed jheddu l-istabbiltà tal-baġit għall-mediċini u b’hekk anke l-aċċess tal-pazjenti għall-mediċini (5). B’rabta ma dan il-KESE jqis bħala aspett kritiku ħafna l-formazzjoni qawwija ta’ raggruppamenti (pereżempju fir-rigward tal-kanċer) madwar oqsma riċerkati sew li fil-biċċa l-kbira tagħhom jikkoinċidu mal-portafolli eżistenti tal-manifatturi. Għalhekk, fil-futur iridu jinstabu modi effettivi biex dan ir-raggruppament jiġi eliminat. It-terapiji għandhom ikunu affordabbli u konsegwentement aċċessibbli għall-pazjenti kollha fuq bażi ugwali. Għal dak il-għan, jeħtieġ li r-riċerka u l-iżvilupp jiġu orjentati lejn oqsma bi ħtieġa medika reali mhux issodisfata, pereżempju fil-każ ta’ mard rari jew tipi ta’ kanċer fit-tfal. |
2.4. |
Il-pjan direzzjonali rigward il-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għall-Propjetà Intellettwali (6) diġà jenfasizza li l-Unjoni għandha qafas legali b’saħħtu għall-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali. Kwalunkwe bidla f’din is-sistema għandha għalhekk tkun akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt bir-reqqa sabiex ikunu jistgħu jsiru biss il-bidliet meħtieġa. |
2.4.1. |
Għandhom jinħolqu inċentivi bi privattivi, ċertifikati ta’ protezzjoni supplimentari (SPCs) u esklużività tad-data, biex jippromovu riċerka f’oqsma ġodda. Fl-iżvilupp ulterjuri tal-istrateġija farmaċewtika, huwa importanti li d-direzzjoni tkun lejn valur soċjali miżjud. L-enfasi ċentrali għandha tkun fuq l-aċċess għal mediċini effettivi, siguri u affordabbli u d-disponibbiltà tagħhom għall-benefiċċju tal-pazjenti kollha, skont id-dritt għal kura tas-saħħa adegwata kif stabbilit fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (7). Dan ma japplikax biss għall-provvista ta’ mediċini ġodda innovattivi, protetti mill-privattivi, iżda japplika wkoll bl-istess mod għall-aċċess għal mediċini ġeneriċi u l-bijoanalogi. Għalhekk, suq intern li jiffunzjona u ġust għandu rwol ċentrali. |
2.4.2. |
Il-KESE jappoġġja wkoll l-armonizzazzjoni tal-qafas legali għall-SPCs sabiex il-proċedura tal-għoti ssir aktar koerenti u tiġi eliminata l-frammentazzjoni tal-applikazzjoni fl-Istati Membri. Fid-dawl tal-effetti soċjali tal-SPCs, għandu jiġi żgurat li l-awtorità li għandha tiġi stabbilita ċentralment f’dan il-kuntest tkun subordinata għall-istituzzjonijiet tal-UE. |
2.4.3. |
Il-KESE huwa mħasseb ħafna dwar il-possibbiltà li jiġu estiżi d-drittijiet esklużivi u li jissaħħu aktar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fir-rigward tas-suq farmaċewtiku. Sabiex il-pazjenti jkunu jistgħu jkomplu jkollhom aċċess għal terapiji bi prezz raġonevoli, l-iżvilupp u t-tnedija fis-suq ta’ mediċini ġeneriċi u bijoanalogi ma għandhom fl-ebda ċirkostanza jxekklu l-kompetizzjoni tal-prezzijiet. Għalhekk huwa importanti li tiġi evitata protezzjoni f’diversi livelli ta’ prodott fl-Istati Membri differenti jew permezz ta’ diversi privattivi (“partizzjoni tal-privattivi (patent slicing)”), speċjalment peress li ma hemm l-ebda evidenza li turi li protezzjoni aktar b’saħħitha tal-proprjetà intellettwali tippromovi l-innovazzjoni u l-produttività (8). |
2.4.4. |
B’mod partikolari fil-kuntest tad-diskussjoni politika attwali dwar ir-rilokazzjoni ta’ siti ta’ produzzjoni lura lejn l-Ewropa biex tiġi żgurata l-provvista, għandha tiġi analizzata bir-reqqa l-bidla fil-qafas legali dwar il-proprjetà intellettwali. Skont il-valutazzjoni tal-impatt tal-hekk imsejħa Direttiva dwar il-Mediċini Ffalsifikati 2011/62/UE (9), il-maġġoranza l-kbira tal-ingredjenti attivi għall-mediċini ġeneriċi jiġu prodotti fl-Indja u ċ-Ċina, filwaqt li fil-biċċa l-kbira tagħhom, l-ingredjenti attivi ta’ mediċini ġodda u protetti bil-privattivi jiġu prodotti fl-Ewropa. Għaldaqstant, biex tiġi rilokata b’mod partikolari l-produzzjoni tal-mediċini ġeneriċi, għandhom jintużaw inċentivi u mekkaniżmi oħra għajr it-tisħiħ ulterjuri tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Miżuri alternattivi jistgħu jkunu, pereżempju, ftehimiet għall-ħruġ ta’ liċenzja, garanziji ta’ xiri jew l-hekk imsejħa aggregazzjonijiet ta’ privattivi għall-mediċini (10). Fl-istess ħin mar-rilokazzjoni, għandhom jinstabu wkoll modi biex jiddiversifikaw il-produzzjoni kemm fl-Ewropa kif ukoll barra minnha sabiex jissaħħu u jiġi żgurati l-ktajjen tal-provvista. |
2.5. |
Fil-qasam ta’ mediċini orfni (OMPs), il-KESE jilqa’ l-fatt li l-għadd ta’ OMPs awtorizzati żdied b’mod kostanti bħala riżultat tal-inċentivi stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 141/2000 (11), li tejjeb b’mod sinifikanti l-aċċess ugwali għall-pazjenti u għalhekk għandhom jintlaqgħu b’mod pożittiv. Madankollu, l-aċċess qed jiġi mxekkel dejjem aktar minħabba l-prezzijiet għoljin li qed jintalbu min-naħa tal-manifatturi (12). Għalhekk, il-KESE jenfasizza li l-istatus ta’ OMP ma għandux jiġi sfruttat għal prezzijiet u profitti sproporzjonati, u jappoġġja għalhekk ir-reviżjoni ta’ dan il-qafas legali li bdiet mill-valutazzjoni tal-impatt (13) ippubblikata f’Novembru 2020. Għandu jitqies li ssir evalwazzjoni awtomatika regolari mill-ġdid tal-kriterji kif ukoll li jsir aġġustament fid-durata tal-esklużività tas-suq taħt ċerti kundizzjonijiet, li għad iridu jiġu ddefiniti. Il-KESE jappoġġja wkoll reviżjoni possibbli tal-kriterji, b’mod partikolari l-prevalenza (b’kunsiderazzjoni tal-indikazzjonijiet kollha approvati), fir-rigward tad-denominazzjoni ta’ OMP. |
2.6. |
Il-KESE jappoġġja b’mod partikolari t-talba tal-Kummissjoni Ewropea u ta’ bosta membri tal-Parlament Ewropew biex ikun hemm trasparenza akbar fis-settur farmaċewtiku kollu, b’mod partikolari fir-rigward tal-ispejjeż tar-riċerka u l-iżvilupp. Peress li fil-maġġoranza tal-każijiet, ma jeżistux regolamenti fundamentali dwar it-trasparenza fl-ispejjeż fl-iżvilupp tal-mediċini, l-awtoritajiet tal-ipprezzar u r-rimborż responsabbli ma jistgħux jivverifikaw l-ipprezzar ta’ mediċini ġodda, u b’hekk l-adegwatezza tal-prezzijiet mitluba abbażi tal-argument ta’ nfiq għoli fil-qasam tar-riċerka. |
2.6.1. |
Il-KESE jemmen li d-Direttiva dwar it-Trasparenza 89/105/KEE (14) tista’ tkun strument importanti f’dan il-kuntest. L-Artikolu 6 tad-Direttiva jistipula li l-Istati Membri li jżommu lista pożittiva għandhom jippubblikaw lista sħiħa tal-prodotti koperti mill-iskema ta’ assigurazzjoni tas-saħħa tagħhom, kif ukoll il-prezzijiet stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti tagħhom, u jibagħtuhom lill-Kummissjoni. Madankollu, il-prezzijiet attwalment imħallsa huma protetti minn ftehim ta’ xiri kunfidenzjali, li jagħmel l-iskambji bejn l-awtoritajiet nazzjonali ferm aktar diffiċli. Il-bażi tad-data tal-EURIPID (15) tista’ sservi bħala punt tat-tluq f’dan il-kuntest, dment li l-Istati Membri kollha jkunu marbutin li jissottomettu l-informazzjoni dwar il-prezz tagħhom. |
2.6.2. |
Fil-fehma tal-KESE, żieda sinifikanti fit-trasparenza fir-rigward tal-provvista farmaċewtika globali u l-ktajjen tal-produzzjoni hija wkoll ta’ importanza ċentrali sabiex jiġu miġġielda l-ostakli possibbli fil-provvista u tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa. Minbarra l-istabbiliment ta’ sistema ta’ rapportar ikkoordinata, kif diġà ġie previst b’rabta mal-Unjoni Ewropea tas-Saħħa, bil-parteċipazzjoni obbligatorja simultanja tal-atturi rilevanti kollha, l-istabbiliment ta’ ħażna strateġika ta’ mediċini li d-WHO ddikjarat bħala essenzjali huwa ta’ importanza kruċjali. |
2.6.3. |
Fl-isfond tal-pandemija attwali tal-COVID-19, il-KESE jappoġġja t-talba ta’ bosta membri tal-Parlament Ewropew u partijiet ikkonċernati rilevanti biex ikun hemm aktar trasparenza fir-rigward tal-ftehimiet ta’ xiri ma’ manifatturi farmaċewtiċi għall-vaċċini tal-COVID-19. It-trasparenza hija essenzjali għall-fiduċja u l-aċċettazzjoni taċ-ċittadini tal-UE fl-immunizzazzjoni kontra l-virus. Dan ma għandux japplika biss għall-kuntratti attwali tal-vaċċin, iżda għandu jservi wkoll bħala qafas ġdid ta’ trasparenza għal kwalunkwe akkwist konġunt futur. |
2.7. |
Fir-rigward ta’ miżuri għall-akkwist konġunt ta’ prodotti farmaċewtiċi ġodda approvati u li għandhom prezz għoli, dawn għandhom jiġu msaħħa b’mod espliċitu u promossi fil-livell Ewropew. Minbarra żieda fis-sigurtà tal-provvista fl-Ewropa, il-pożizzjoni tan-negozjati mal-manifatturi farmaċewtiċi tista’ tissaħħaħ ukoll u jista’ jinkiseb tnaqqis ċar fl-ispejjeż permezz ta’ volum akbar ta’ xiri. |
2.8. |
Fir-rigward tal-promozzjoni tar-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam farmaċewtiku, il-KESE jappoġġja l-kritika ta’ bosta atturi u partijiet ikkonċernati rigward in-nuqqas ta’ trasparenza, l-involviment insuffiċjenti tal-partijiet ikkonċernati pubbliċi u n-nuqqas ta’ aċċess pubbliku għar-riżultati tar-riċerka. |
2.8.1. |
Il-KESE jitlob għalhekk li l-fondi kollha għar-riċerka mill-fondi pubbliċi kif ukoll l-ispejjeż tar-riċerka u l-iżvilupp isiru pubbliċi fil-ġejjieni, sabiex dan ikun jista’ jitqies fi kwistjonijiet ta’ pprezzar nazzjonali u jkun jista’ jiġi garantit redditu pubbliku reali fuq l-investiment pubbliku. F’dan ir-rigward għandu jitqies li ssir evalwazzjoni regolari tal-finanzjament tar-riċerka u li jintbagħat rapport lill-Parlament Ewropew. Speċjalment f’oqsma sensittivi tal-kura tas-saħħa, il-fatt li l-finanzjament tar-riċerka jiffoka biss fuq l-interessi industrijali huwa ta’ żvantaġġ. Fil-ġejjieni, l-atturi rilevanti kollha għandhom għalhekk ikunu involuti b’mod sinifikanti fl-aġendi tar-riċerka tal-Kummissjoni Ewropea sabiex jiġi żgurat li dawn ikunu allinjati mal-ħtiġijiet mediċi u tas-soċjetà attwali. |
2.8.2. |
F’dan il-kuntest, huwa essenzjali li tiġi stabbilita definizzjoni komuni u madwar l-UE ta’ ħtieġa medika mhux issodisfata sabiex l-attivitajiet farmaċewtiċi tar-riċerka u l-iżvilupp jiġu diretti b’mod effiċjenti lejn oqsma fejn ma teżisti l-ebda terapija adegwata jew effettiva. Dawn il-kriterji għandhom ikunu bbażati fuq il-ħtiġijiet tal-pazjenti u s-saħħa pubblika. |
2.9. |
Fl-istess ħin, fil-kuntest tar-riċerka u l-iżvilupp mediku u l-istudji kliniċi, il-KESE jappella għal miżuri fil-livell tal-UE biex jitqiesu aktar id-differenzi bejn il-ġeneri u l-effetti differenti tal-mediċini fil-prattika medika ta’ kuljum, abbażi ta’ indikaturi rilevanti. Jappella wkoll għal aktar trasparenza u għalhekk sensibilizzazzjoni akbar tal-partijiet ikkonċernati kollha f’dan ir-rigward. |
2.10. |
Fl-opinjoni tal-KESE, il-fatt li fl-istrateġija farmaċewtika saret enfasi espliċita fuq ir-riskju dejjem akbar ta’ reżistenza għall-antimikrobiċi huwa punt pożittiv. Minbarra miżuri effiċjenti biex jitnaqqas l-użu tal-antibijotiċi, l-enfasi għandha tkun fuq mudelli alternattivi ta’ inċentivi tul iċ-ċiklu tar-riċerka u l-iżvilupp u fuq mudelli ġodda ta’ pprezzar. Dan jista’ jinkludi inċentivi ppruvati u ttestjati, pereżmepju djalogu bikri mal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA), filwaqt li tista’ tintuża r-rinunzja tal-miżati tar-reġistrazzjoni. Fil-futur, se jkun importanti li l-profitt tal-manifattur jiġi diżakkopjat mill-volum tal-bejgħ. Madankollu, fl-istess ħin mal-promozzjoni ta’ antibijotiċi ġodda, għandhom jittieħdu miżuri ġodda bħal pereżempju garanziji ta’ aċċettazzjoni, biex jippermettu lill-manifatturi aktar prevedibbiltà. |
2.11. |
Fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ approvazzjoni u l-introduzzjoni fis-suq, il-KESE jilqa’ b’mod ġenerali d-disponibbiltà rapida ta’ mediċini innovattivi, speċjalment f’oqsma b’livell għoli ta’ ħtieġa medika reali mhux issodisfata. Madankollu, approvazzjonijiet aktar mgħaġġla ma jiżgurawx b’mod awtomatiku provvista aħjar tal-mediċini. L-għan primarju tal-politika farmaċewtika Ewropea għandu għalhekk ikun aċċess ugwali għal prodotti farmaċewtiċi siguri, bi prezz raġonevoli u ta’ kwalità għolja għall-pazjenti kollha. |
2.11.1. |
Fl-isfond tal-possibbiltajiet teknoloġiċi li qed jiżviluppaw b’rata mgħaġġla u d-domanda assoċjata għal tfassil ta’ studji flessibbli, il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni Ewropea li l-provi aleatorji kkontrollati li jkollhom (idealment) komparaturi u punti tat-tmiem rilevanti għandhom ikomplu jkunu l-aktar standard prestiġġjuż għall-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq. Eċċezzjonijiet għandhom isiru biss f’każijiet individwali u b’ġustifikazzjoni adatta. Jekk il-ġenerazzjoni tad-data tiġi rilokata għall-fażi ta’ wara l-approvazzjoni tas-suq, għandu jiġi żgurat li l-ispejjeż assoċjati ma jiġux ittrasferiti mill-kumpaniji farmaċewtiċi għas-settur pubbliku, u li s-sikurezza tal-pazjenti ma tkunx ipperikolata minn approvazzjonijiet prematuri. Il-fatt li ma hemmx biżżejjed data disponibbli u li għalhekk trid tiġi ġġenerata aktar data għandu jiġi kkunsidrat fl-iffissar tal-prezzijiet. |
Brussell, is-27 ta’ April 2021.
Christa SCHWENG
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) https://ec.europa.eu/info/strategy/priorities-2019-2024/european-green-deal_mt.
(2) https://ec.europa.eu/health/state/glance_mt
(3) ĠU C 269, 16.7.2016, p. 31
(4) https://www.europarl.europa.eu/doceo/document/A-8-2017-0040_MT.pdf
(5) https://www.oecd.org/health/health-systems/Addressing-Challenges-in-Access-to-Oncology-Medicines-Analytical-Report.pdf.
(6) https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/12510-Intellectual-Property-Action-Plan.
(7) https://ec.europa.eu/info/publications/european-pillar-social-rights-booklet_en.
(8) https://pubs.aeaweb.org/doi/pdf/10.1257/jep.27.1.3.
(9) https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A32011L0062&qid=1615191543085 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 74).
(10) https://www.who.int/bulletin/volumes/97/8/18-229179/en/.
(11) https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:02000R0141-20190726&qid=1598193643269&from=MT (ĠU L 18, 22.1.2000, p. 1).
(12) https://ec.europa.eu/health/sites/health/files/files/paediatrics/docs/orphan-regulation_study_final-report_en.pdf.
(13) https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/12767-Revision-of-the-EU-legislation-on-medicines-for-children-and-rare-diseases.
(14) ĠU L 40, 12.2.1989, p. 8.
(15) L-EURIPID hija bażi tad-data volontarja tal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-kwistjonijiet tal-ipprezzar u r-rimborż. Din tinkludi l-lista uffiċjali tal-prezzijiet tal-prodotti mediċinali li jintużaw l-aktar barra l-isptar, abbażi tad-Direttiva dwar it-Trasparenza 89/105/KEE; https://euripid.eu/about/.