Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021AE1716

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Aġġornament tal-Istrateġija Industrijali l-Ġdida tal-2020: Nibnu Suq Uniku aktar b’saħħtu għall-irkupru tal-Ewropa” [COM(2021) 350 final]

EESC 2021/01716

ĠU C 105, 4.3.2022, p. 63–76 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

4.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 105/63


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Aġġornament tal-Istrateġija Industrijali l-Ġdida tal-2020: Nibnu Suq Uniku aktar b’saħħtu għall-irkupru tal-Ewropa”

[COM(2021) 350 final]

(2022/C 105/10)

Relatur:

Sandra PARTHIE

Korelatur:

Dirk BERGRATH

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 1.7.2021

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

30.9.2021

Adottata fil-plenarja

21.10.2021

Sessjoni plenarja Nru

564

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

194/0/0

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Strateġija industrijali koerenti għandha tkun iffukata fuq żewġ dimensjonijiet: l-irkupru mill-pandemija u r-rikostruzzjoni u r-reżiljenza. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ l-appell għall-ħolqien konġunt ta’ perkorsi ta’ tranżizzjoni għall-futur ekoloġiku u diġitali, u jenfasizza li dan għandu jsir fi sħubija mal-industrija, mal-awtoritajiet pubbliċi, mal-imsieħba soċjali u ma’ partijiet interessati oħrajn. Fil-fehma tal-KESE, l-ewwel pass għal implimentazzjoni b’suċċess u koerenti tal-istrateġija industrijali huwa li jitfassal il-qafas it-tajjeb b’enfasi fuq il-kompetittività u l-innovazzjoni, li għandu jiġi indirizzat f’kull ekosistema, b’għanijiet u miri ċari.

1.2.

F’dan il-kuntest, il-KESE jappella għal indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni ddedikati li jkejlu mhux biss il-kompetittività tal-ekosistema, iżda wkoll kwistjonijiet orizzontali, u jenfasizza l-ħtieġa għal valutazzjonijiet regolari tal-indikaturi magħżula u għall-adattament jew it-tibdil tagħhom matul iż-żmien.

1.3.

Il-KESE jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni Ewropea li żżomm u żżid il-bażi industrijali u tal-manifattura tal-Ewropa, u jenfasizza li l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom rwol ewlieni u jeħtieġ li jiġu inklużi fit-tfassil tal-futur tal-industrija Ewropea. Il-KESE jappella wkoll għal allinjament tal-miżuri previsti biex tinkiseb in-newtralità klimatika u t-tranżizzjoni diġitali mal-objettiv tal-benesseri soċjali u t-tkabbir sostenibbli.

1.4.

Il-Kumitat jaqbel li r-reżiljenza tal-katina tal-valur kisbet importanza, u jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni biex tiżgura l-ktajjen tal-provvista u ssaħħaħ ir-reżiljenza tan-negozji, peress li dan huwa importanti għall-ekonomija tal-UE, fid-dawl tal-fatt li l-pandemija tal-COVID-19 qed tenfasizza nuqqasijiet mhux mistennija, inkluż fis-suq uniku.

1.5.

Il-pandemija, f’xi oqsma, sfortunatament ikkontribwiet għal żieda fid-distakk bejn l-Istati Membri tal-UE li huma għonja u dawk inqas għonja. Dan ikompli jipperikola l-koeżjoni soċjali u ekonomika. In-Next Generation EU huwa strument bla preċedent għall-UE biex ittaffi dan l-impatt, u jrid jintuża biex tinkiseb konverġenza aħjar bejn l-Istati Membri u r-reġjuni Ewropej, anke fir-rigward tat-tranżizzjoni doppja lejn Ewropa sostenibbli u diġitali.

1.6.

L-alleanzi industrijali qed juru li huma metodu ta’ suċċess għall-iżvilupp ta’ proġetti industrijali fuq skala kbira u transfruntiera f’oqsma strateġiċi. Dawn l-alleanzi industrijali, flimkien ma’ proġetti importanti ta’ interess Ewropew komuni (IPCEIs), huma kruċjali għall-irkupru u l-promozzjoni ta’ standards Ewropej u teknoloġiji ewlenin, b’mod partikolari f’oqsma fejn is-suq waħdu ma jistax jagħti riżultati jew qed jiġi mfixkel.

1.7.

Fil-fehma tagħna, l-implimentazzjoni b’suċċess ta’ tali proġetti teħtieġ djalogu mill-qrib mar-rappreżentanti tal-ħaddiema u t-trade unions, kif ukoll mar-rappreżentanti tal-kumpaniji u mal-federazzjonijiet ta’ min iħaddem, sabiex jiġi inkluż l-għarfien espert tagħhom u jitnaqqsu kemm jista’ jkun l-inċertezzi fil-konverżjoni. Dawn għandhom ikunu akkumpanjati minn valutazzjoni tal-impatt rigward l-effetti tal-proċessi ta’ dekarbonizzazzjoni fuq il-ħolqien tal-valur, l-impjiegi u l-ħiliet meħtieġa għall-produzzjoni industrijali dekarbonizzata u l-ekonomija ċirkolari.

1.8.

L-identifikazzjoni ta’ miżuri ċari u adatti għall-appoġġ tal-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (1) tal-Ewropa hija ta’ importanza kbira, u l-KESE japprova l-intenzjoni li l-kumpaniji ta’ kull daqs jingħataw appoġġ aċċessibbli sabiex jinnovaw u jħaddnu bis-sħiħ id-diġitalizzazzjoni. Hija meħtieġa wkoll reviżjoni tal-politiki biex jiġu indirizzati l-isfidi ta’ reklutaġġ li jiffaċċjaw il-kumpaniji u tiġi attirata forza tax-xogħol kwalifikata, jenħtieġu wkoll ambjent li jiffavorixxi n-negozju u investimenti fl-infrastruttura soċjali, il-ħiliet u t-taħriġ tal-ħaddiema, kif ukoll kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti.

1.9.

In-nuqqasijiet fil-ktajjen tal-valur strateġiċi, kif ukoll in-nuqqasijiet ta’ ħaddiema tas-sengħa, qed jimminaw il-kapaċitajiet tal-industriji Ewropej li jirkupraw malajr mill-pandemija. Huwa kruċjali li l-Istati Membri u l-UE jaġixxu b’mod deċiżiv biex jindirizzaw id-dipendenzi strateġiċi (2), inkluż permezz tar-riindustrijalizzazzjoni, l-ekonomija ċirkolari, il-politika kummerċjali u miżuri relatati mal-ħiliet. B’mod ġenerali, in-negozji jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jirrieżaminaw u jirrevedu l-ktajjen tal-provvista tagħhom u għandhom jiġu appoġġjati f’dan l-isforz.

1.10.

L-UE jeħtieġ li tibqa’ miftuħa, ġusta u bbażata fuq il-valuri sabiex tattira l-investituri u tappoġġja l-attivitajiet ekonomiċi tagħha. Madankollu, il-KESE jappoġġja suq uniku miftuħ u ġust fejn il-kumpaniji Ewropej jistgħu jikkompetu fis-swieq barranin, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-investimenti jsiru f’soluzzjonijiet diġitali li jżidu l-valur tal-ekonomiji Ewropej. Id-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija għandha tiġi promossa b’mod inklużiv, li jipprevjeni kwalunkwe tip ta’ diskriminazzjoni diġitali.

1.11.

Il-KESE jemmen li s-sett ta’ miżuri mħabbar mill-Kummissjoni biex tiġi indirizzata l-kompetizzjoni inġusta minħabba sussidji barranin għandu jintuża wkoll bħala għodda biex l-Ewropa tiġi riindustrijalizzata u jiġu appoġġjati l-ktajjen tal-valur industrijali tagħha. Il-KESE jappoġġja wkoll l-immappjar tal-ktajjen ta’ produzzjoni Ewropej, bl-industrija fuq quddiem nett ta’ din ir-rikostruzzjoni, u jappella għal promozzjoni aħjar tal-istandards Ewropej fil-livell globali.

2.   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

2.1.

Il-Komunikazzjoni hija l-aġġornament ta’ Strateġija Industrijali Ewropea ġdida, ippubblikata fl-10 ta’ Marzu 2020. L-aġġornament għandu l-għan li jirrifletti l-impatt tal-kriżi pandemika fuq l-ekonomija u l-industrija tal-Ewropa, jistabbilixxi t-tagħlimiet meħuda mill-kriżi u jistabbilixxi l-prijoritajiet ta’ politika taħt tliet oqsma ewlenin:

it-tisħiħ tar-reżiljenza tas-suq uniku;

l-indirizzar tad-dipendenzi strateġiċi tal-Ewropa;

l-aċċellerar tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali tal-industrija tal-UE.

2.2.

L-aġġornament jivvaluta wkoll ir-reżiljenza u l-funzjonament tas-suq uniku, jevalwa l-ħtiġijiet ta’ kull ekosistema industrijali, jidentifika dipendenzi strateġiċi f’ekosistemi vulnerabbli ewlenin u jipproponi indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-istrateġija. Dan jinkludi dimensjoni tal-SMEs b’appoġġ finanzjarju u miżuri mfassla apposta biex jippermettu lill-SMEs u lin-negozji ġodda jħaddnu t-tranżizzjonijiet doppji.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jilqa’ l-aġġornament tal-istrateġija industrijali. L-istrateġija jeħtieġ li tiġi riveduta peress li l-kriżi tal-COVID-19 poġġiet taħt pressjoni l-ekonomija u l-ktajjen tal-valur industrijali, l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju tal-Ewropa, kif ukoll iċ-ċittadini – b’mod partikolari ż-żgħażagħ, il-persuni li tilfu l-impjiegi tagħhom, il-persuni bi dħul baxx, il-gruppi vulnerabbli bħall-persuni b’diżabilità u n-nisa – li jinsabu taħt stress. Ġew żvelati dgħufijiet, dipendenzi u lakuni addizzjonali fil-ktajjen tal-provvista u dawn jeħtieġu valutazzjoni bbażata fuq l-evidenza sabiex jiġu indirizzati b’suċċess. Il-KESE jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni li żżomm u żżid il-bażi industrijali u tal-manifattura tal-Ewropa, u jenfasizza l-fatt li l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom rwol ewlieni u jeħtieġ li jiġu inklużi fit-tfassil tal-futur tal-industrija Ewropea. B’mod partikolari, il-KESE jenfasizza r-rwol kruċjali tad-djalogu soċjali, tal-imsieħba soċjali, tan-negozjar kollettiv u l-involviment tal-ħaddiema, kif ukoll tal-involviment tas-soċjetà ċivili, sabiex tinkiseb politika industrijali kompetittiva.

3.2.

Madankollu, peress li l-isfidi ta’ qabel il-COVID-19 għadhom hemm, il-konsistenza mal-miżuri proposti fl-Istrateġija Industrijali Ewropea tal-2020 hija adatta. L-irkupru se jieħu ż-żmien, u l-appoġġ kontinwu lill-industrija, lill-kumpaniji u lill-ħaddiema Ewropej huwa meħtieġ fil-proċess. L-isfida tat-tranżizzjoni doppja, li tindirizza t-tibdil fil-klima u l-avvanz fid-diġitalizzazzjoni, tirrikjedi l-isforzi kollha mill-kumpaniji u mill-awtoritajiet pubbliċi u għalhekk trid taqdi rwol ċentrali fi strateġija industrijali moderna għall-Ewropa. Il-KESE jenfasizza li l-miżuri previsti biex jinkisbu n-newtralità klimatika u t-tranżizzjoni diġitali jridu jkunu allinjati wkoll mal-għan tal-benesseri soċjali u t-tkabbir sostenibbli, sabiex tinkiseb tranżizzjoni ġusta fejn ħadd ma jitħalla jibqa’ lura. Minbarra li jkun hemm enfasi fuq l-irkupru mill-kriżi tal-COVID-19, huwa essenzjali li jkun hemm perspettiva fit-tul dwar tranżizzjoni ekoloġika u diġitali iżda wkoll dwar il-produttività u l-kompetittività b’mod ġenerali.

3.3.

Il-Kumitat jaqbel li r-reżiljenza tal-katina tal-valur kisbet importanza, u jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni biex tiżgura l-ktajjen tal-provvista u ssaħħaħ ir-reżiljenza tan-negozji, peress li dan huwa importanti ħafna għall-ekonomija tal-UE, fid-dawl tal-fatt li l-pandemija tal-COVID-19 enfasizzat nuqqasijiet mhux mistennija, inkluż fis-suq uniku. Politika industrijali orizzontali b’saħħitha għandha tappoġġja l-bażi industrijali Ewropea mingħajr interventi diskrezzjonali fir-riżultati tas-suq. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tal-innovazzjoni. L-esplorazzjoni ta’ modi biex jinstab livell xieraq ta’ sigurtà tal-provvista u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet biex wieħed ilaħħaq mat-tfixkil għandha tkun fuq l-aġenda politika, iżda fuq kollox fuq l-aġenda korporattiva.

3.4.

Il-ħiliet huma kruċjali biex isostnu t-tranżizzjoni doppja u jikkontribwixxu għall-irkupru. L-UE tista’ biss tkun qawwa ġeopolitika jekk ikollha bażi industrijali kompetittiva ħafna, b’kumpaniji b’saħħithom u ħaddiema b’ħiliet għoljin, faċilitajiet ta’ produzzjoni fuq art tal-UE u regoli ċari u ġusti għas-suq intern. Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva Patt għall-Ħiliet li hija mfassla biex trawwem azzjonijiet għat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema adulti. L-azzjonijiet taħt il-Patt, bħall-iżvilupp ta’ sħubijiet ta’ ħiliet għal kull ekosistema, inklużi sħubijiet pubbliċi-privati, huma żviluppati l-aħjar fil-livell settorjali bl-involviment ta’ msieħba soċjali settorjali u organizzazzjonijiet rilevanti tas-soċjetà ċivili. Huwa importanti wkoll li l-inizjattivi nazzjonali dwar il-ħiliet jinċentivaw lill-impjegaturi biex joffru opportunitajiet ta’ taħriġ. F’dan ir-rigward, id-dimensjoni territorjali hija tal-akbar importanza; is-swieq tax-xogħol għandhom jiġu vvalutati kif xieraq bil-għan li jinħolqu impjiegi ġodda fir-reġjuni kollha. Il-KESE se jissorvelja dawn l-aspetti u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvolvu lill-imsieħba soċjali u lis-soċjetà ċivili fil-monitoraġġ u fl-implimentazzjoni tal-pjani tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, li jeħtieġ li jkunu koerenti mal-Patt Ekoloġiku Ewropew u mal-Istrateġija Industrijali. L-Ewropa teħtieġ forza tax-xogħol bi kwalifiki għoljin, adattata għall-bidliet li qed tiffaċċja l-ekonomija. Is-suċċess fit-titjib tal-ħiliet u fit-taħriġ mill-ġdid huwa sfida kbira (3).

3.5.

Il-KESE jilqa’ l-analiżi bir-reqqa tal-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 imwettqa fil-kuntest tal-istrateġija. L-attivitajiet u l-istrumenti ta’ monitoraġġ u ta’ osservazzjoni kostanti proposti, bħar-Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku jew il-monitoraġġ tal-materja prima kritika, jistgħu joħolqu settijiet ta’ data utli ħafna għall-valutazzjoni tal-istat tas-saħħa industrijali tal-Ewropa u jikkontribwixxu għal politika industrijali orizzontali li terġa’ tpoġġi lill-Ewropa f’pożizzjoni ta’ tmexxija globali.

3.6.

Madankollu, sett ta’ strateġiji jew pjani, eż. dwar il-Patt Ekoloġiku jew in-NextGenerationEU, mhuwiex biżżejjed, sakemm ma jiġix implimentat. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li d-diversi pjani għall-irkupru tal-Ewropa jkunu allinjati, mal-qafas regolatorju u l-inċentivi meħtieġa sabiex is-settur industrijali, il-kumpaniji u l-ħaddiema tiegħu jkunu jistgħu jagħmlu t-tranżizzjoni lejn futur sostenibbli u diġitali.

3.7.

F’koerenza mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, dan l-użu konsiderevoli tal-fondi pubbliċi għandu jkun orjentati lejn il-prinċipju tas-sostenibbiltà u s-solidarjetà soċjali. Dan għandu jkun prinċipju gwida fl-implimentazzjoni tal-istrateġija aġġornata. Minħabba l-iskala tal-isfidi, ir-riżorsi li bħalissa huma disponibbli permezz tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta mhumiex biżżejjed biex joħolqu prospetti suffiċjenti għar-reġjuni u l-impjegati affettwati fil-proċess ta’ bidla strutturali. Tranżizzjoni ġusta fis-settur industrijali tista’ tirnexxi biss jekk titwettaq b’mod ikkoordinat. Il-KESE jemmen li l-investiment pubbliku għandu jsir permezz ta’ programmi ta’ riċerka wiesgħa u miftuħa bħal Orizzont Ewropa sabiex jiġi evitat is-sussidjar ta’ attivitajiet li huma eqreb lejn is-swieq.

3.8.

Il-politiki industrijali u kummerċjali huma marbutin ma’ xulxin, u jridu jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku u jindirizzaw id-distorsjonijiet tas-suq. L-iżgurar li l-UE tibqa’ miftuħa għall-kummerċ u l-investiment huwa prerekwiżit biex tinkiseb ir-reżiljenza. Il-kummerċ jista’ jgħin biex jiġu ddiversifikati l-ktajjen tal-provvista u jippermetti lill-UE jkollha aċċess mingħajr xkiel għall-inputs li huma kritiċi għall-kapaċità tagħna li ninnovaw u nżidu l-produzzjoni (4). Il-politika kummerċjali tal-UE tista’ tgħin biex tiżdied il-kompetittività globali tagħna, fost l-oħrajn billi żżid l-ambizzjoni klimatika tal-imsieħba kummerċjali, eż. permezz tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ fi prodotti u servizzi ambjentali. Il-KESE jenfasizza li l-politiki kollha tal-UE għandhom jippromovu l-iżvilupp sostenibbli kemm fil-livell Ewropew kif ukoll dak internazzjonali, u jiżguraw li l-iżvilupp ekonomiku jimxi id f’id mal-ġustizzja soċjali, mar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, ma’ standards għoljin tax-xogħol u ma’ standards ambjentali għoljin. L-UE jeħtieġ li tibqa’ miftuħa, ġusta u bbażata fuq il-valuri sabiex tattira l-investituri u tappoġġja l-attivitajiet ekonomiċi tagħha.

3.9.

Is-suq uniku huwa l-akbar assi tal-Ewropa u s-suċċess tiegħu se jkun kruċjali biex jippermetti t-tranżizzjoni. Il-Kummissjoni għandha tkompli tagħmel enfasi fuq l-implimentazzjoni u l-infurzar tar-regoli, u fuq it-tneħħija tal-ostakli fis-suq uniku li kienu preżenti anki qabel il-kriżi.

3.10.

Il-pandemija, f’xi oqsma, żiedet id-distakk bejn l-Istati Membri tal-UE li qed jipprosperaw u dawk inqas għanja. Dan ikompli jipperikola l-koeżjoni soċjali u ekonomika. In-Next Generation UE huwa strument bla preċedent sabiex jittaffa dan l-impatt, madankollu, il-KESE jiddispjaċih li l-aspett reġjonali, kif ukoll il-periferalità jew il-pożizzjoni ġeografika, huma nieqsa mill-Aġġornament tal-Istrateġija Industrijali. Approċċ tal-ekosistema waħdu mhux se jsewwi s-sitwazzjoni jew inaqqas id-diverġenzi. Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-istrateġija għandu jkun li jitnaqqsu d-diverġenzi bejn l-Istati Membri u r-reġjuni, filwaqt li ssir ħidma għal konverġenza ’l fuq.

4.   Il-monitoraġġ tax-xejriet industrijali, tal-ktajjen tal-valur u tal-kompetittività

4.1.

Il-manifattura hija xprunatur għall-innovazzjoni, punt fokali għall-ktajjen tal-valur inklużi s-servizzi, u dar ta’ produttività għolja u impjiegi bi dħul għoli. L-iżgurar tal-futur tal-manifattura, it-tisħiħ tal-produzzjoni industrijali u l-għoti ta’ ambjent abilitanti għan-negozju u regolatorju għandhom ikunu l-pedamenti ta’ politika ekonomika u industrijali Ewropea reżiljenti u moderna li tippreserva u toħloq l-impjiegi.

4.2.

In-nuqqasijiet fil-ktajjen tal-valur strateġiċi, kif ukoll għadd insuffiċjenti ta’ ħaddiema tas-sengħa, qed jimminaw il-kapaċitajiet tal-industriji Ewropej li jirkupraw malajr mill-pandemija. L-Istati Membri u l-UE jeħtiġilhom jindirizzaw id-dipendenzi strateġiċi, inkluż billi jattiraw il-produzzjoni strateġika fit-territorju tal-UE, l-ekonomija ċirkolari u l-miżuri tal-politika kummerċjali. B’mod ġenerali, huma n-negozji li jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jirrieżaminaw u jirrevedu l-ktajjen tal-provvista tagħhom. Il-KESE jemmen li s-sett ta’ miżuri mħabbar mill-Kummissjoni biex tiġi indirizzata l-kompetizzjoni inġusta minħabba sussidji barranin għandu jintuża wkoll bħala għodda biex l-Ewropa tiġi riindustrijalizzata u jiġu appoġġjati l-ktajjen tal-valur industrijali tagħha. Iż-żieda fil-kapaċitajiet strateġiċi tal-Ewropa permezz ta’ alleanzi industrijali ġodda li altrimenti ma kinux jiġu żviluppati, jistgħu joħolqu l-impjiegi u t-tkabbir billi jiġu żviluppati mill-ġdid ċerti faċilitajiet strateġiċi ta’ produzzjoni.

4.3.

Is-settur tal-manifattura tal-Ewropa qed jaffaċċja kompetizzjoni dejjem akbar mill-Istati Uniti u miċ-Ċina. L-Ewropa qed tikkompeti għal investimenti li jistgħu jsiru f’ħafna partijiet tad-dinja. Kundizzjonijiet favorevoli ta’ investiment huma prerekwiżiti kruċjali għall-prosperità futura tal-Ewropa. L-investituri domestiċi, Ewropej u internazzjonali jeħtieġ li jsibu kundizzjonijiet attraenti sabiex iżommu u jżidu l-istokk kapitali li jiffaċilita t-tkabbir futur. Il-kumpaniji eżistenti għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-iżvilupp, filwaqt li l-fundaturi għandhom ikunu konvinti li l-proġetti kummerċjali tagħhom jistgħu jikbru b’suċċess fl-Ewropa. Il-KESE jirrakkomanda li jissaħħaħ l-approċċ orizzontali fl-istrateġija industrijali, flimkien ma’ approċċi vertikali.

4.4.

It-tassazzjoni tista’ taqdi rwol ewlieni fl-għoti tal-inċentivi meħtieġa, iżda mhux waqt li l-Istati Membri għadhom qed jikkompetu ma’ xulxin b’inġust u li huwa ta’ ħsara, u b’hekk jippermettu lil xi korporazzjonijiet kbar jevitaw li jħallsu s-sehem ġust tagħhom tat-taxxi. Il-KESE jappoġġja t-tħejjijiet għall-proposta leġiżlattiva dwar il-BEFIT (In-Negozju fl-Ewropa: Qafas għat-Tassazzjoni fuq l-Introjtu), u japprezza l-arranġamenti reċenti fi ħdan l-OECD dwar it-tassazzjoni tal-kumpaniji.

4.5.

Ir-Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku jiddefinixxi sett ta’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni li abbażi tagħhom għandhom jiġu analizzati l-iżviluppi ekonomiċi u jiġi mmonitorjat il-progress miksub fl-oqsma differenti identifikati bħala prijoritajiet għall-industrija Ewropea. Il-KESE jappoġġja l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni bħala għodda ta’ monitoraġġ u jilqa’ l-għan li tiġi pprovduta ħarsa ġenerali lejn il-prestazzjoni tal-ekonomija tal-UE, billi titqabbel mal-imsieħba internazzjonali u tiġi analizzata l-ispeċifiċità tal-ekosistemi industrijali. Nappellaw lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni annwali li tagħti dettalji dwar kif l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni laħqu l-miri proposti u tistabbilixxi miżuri korrettivi, jekk ikun meħtieġ. Il-KESE jqis ukoll li jekk l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni huma strument ewlieni għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-Industrija, jenħtieġu objettivi kwantifikabbli, skeda ta’ żmien ċara u governanza.

4.6.

Madankollu, fil-fehma tagħna, għandna bżonn indikaturi li mhux biss jipprovdu sett ieħor ta’ data iżda juru dak li huwa importanti għall-kompetittività tal-UE. L-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni proposti jinjoraw indikaturi importanti bħall-età, il-ġeneru jew il-profil tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol fost id-diversi ekosistemi. Dawk l-aspetti huma kruċjali biex tiġi antiċipata l-bidla li ġejja u jiġu evitati l-konġestjonijiet u l-ostakli, filwaqt li tiġi ttrasformata l-industrija Ewropea. Iżda huma wkoll kruċjali għall-bini ta’ rkupru inklużiv, minħabba li ż-żgħażagħ, in-nisa u l-ħaddiema prekarji kienu l-aktar milquta mill-kriżi. Il-KESE jirrakkomanda li l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni proposti jiġu kkomplementati b’indikaturi li jkejlu l-prestazzjoni soċjali tal-Istrateġija Industrijali u tal-14-il ekosistema tagħha, bil-għan li jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-produzzjoni tajbin u impjiegi ta’ kwalità. Huwa jappella għal indikaturi dedikati li jkejlu mhux biss l-ekosistemi, iżda wkoll kwistjonijiet orizzontali, u għal għażla biex dawn jiġu adattati, mibdula jew evoluti maż-żmien, jekk ikun meħtieġ. L-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni għandhom, pereżempju, iqisu l-preferenzi tal-konsumaturi, u speċjalment il-bidla għal prodotti sostenibbli.

5.   It-tisħiħ tar-reżiljenza tas-suq uniku

5.1.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li s-suq uniku huwa fil-qalba proprja tal-aġġornament. Suq domestiku b’saħħtu huwa prekundizzjoni biex il-kumpaniji Ewropej jistabbilixxu, jiżviluppaw u jkomplu jirnexxu. Il-KESE jfakkar li l-għan huwa li jiġu żgurati standards għoljin tax-xogħol, soċjali u ambjentali u l-operat bla xkiel tal-ktajjen tal-provvista u n-networks li joħolqu l-valur fl-Ewropa. Il-koeżjoni soċjali, is-sistemi tal-kura tas-saħħa affordabbli, is-servizzi pubbliċi effiċjenti, l-infrastrutturi tajbin, is-sistemi edukattivi ta’ suċċess u r-relazzjonijiet industrijali li jiffunzjonaw tajjeb huma kundizzjonijiet ewlenin biex jiġi attirat l-investiment u biex tinħoloq il-prosperità.

5.2.

Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni għal Strument għas-Suq Uniku f’Emerġenza għal trasparenza u koordinazzjoni akbar. Huwa jilqa’ wkoll l-analiżi ddettaljata tal-ekosistemi industrijali, li se jkollhom bżonn ikunu akkumpanjati minn analiżijiet u pjani direzzjonali settorjali, li jenfasizzaw mhux biss l-interdipendenzi u l-konnessjonijiet iżda wkoll il-lakuni f’ħafna setturi fl-UE, inkluża l-valutazzjoni tal-iżviluppi tas-suq tax-xogħol u l-ħtiġijiet ta’ ħiliet korrispondenti. Għandu jkun hemm ukoll lok għar-reviżjoni ta’ kif l-ekosistemi (5) huma ddefiniti u użati, iżda wkoll għal liema setturi huma eżaminati, sabiex l-għodda ma ssirx selettiva żżejjed.

5.3.

Il-KESE jilqa’ r-rikonoxximent tar-rwol tal-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju tal-Ewropa, u japprova l-intenzjoni li jiġu megħjuna jespandu u jattiraw forza tax-xogħol kwalifikata. Dan jirrikjedi ambjent li jiffavorixxi n-negozju u l-investimenti fil-ħiliet u t-taħriġ tal-ħaddiema, kif ukoll kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u infrastruttura soċjali tajba. Il-KESE japprezza l-attenzjoni addizzjonali mogħtija mill-Kummissjoni lill-pagamenti tard. L-indirizzar tal-kwistjoni tal-pagamenti tard huwa ta’ importanza partikolari għall-SMEs. Sistemi alternattivi għas-soluzzjoni tat-tilwim fejn it-tilwim jista’ jkun kunfidenzjali jistgħu jkunu pass importanti f’din id-direzzjoni.

5.4.

L-alleanzi industrijali qed juru li huma metodu ta’ suċċess għall-iżvilupp ta’ proġetti industrijali fuq skala kbira u transfruntiera f’oqsma strateġiċi. Dawn l-alleanzi industrijali, flimkien ma’ proġetti importanti ta’ interess Ewropew komuni (IPCEIs), huma kruċjali għall-irkupru u l-promozzjoni ta’ standards Ewropej u teknoloġiji ewlenin, b’mod partikolari f’oqsma fejn is-suq waħdu ma jistax jagħti riżultati jew qed jiġi mfixkel.

5.5.

Il-KESE jitlob riforma tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. L-istruttura attwali ma għadhiex adattata għall-iskop tagħha. Neħtieġu sistema li tnaqqas il-piżijiet amministrattivi, tħaffef it-teħid tad-deċiżjonijiet u tagħmilha aktar faċli li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-klawżola ta’ tqabbil. Ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat jistgħu wkoll jgħinu jew ixekklu lill-IPCEIs, li huma kruċjali biex jinkoraġġixxu l-investiment pubbliku u privat.

5.6.

Il-KESE jesprimi dispjaċir għan-nuqqas ta’ rikonoxximent, fil-Komunikazzjoni, dwar ir-rwol kritiku li qed jaqdu l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali matul il-pandemija u r-rilevanza tagħhom fil-bini ta’ Ewropa reżiljenti li timxi ’l quddiem. F’dan ir-rigward, il-KESE jirreferi għall-Pjan ta’ Azzjoni li jmiss għall-Promozzjoni tal-Ekonomija Soċjali.

5.7.

Ir-Riċerka, l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni huma importanti ħafna għall-futur tal-industrija Ewropea. Il-KESE jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-mira ta’ investimenti ta’ 3 % tal-PDG fir-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni għadha ’l bogħod milli tintlaħaq. Għalkemm xi Stati Membri jiksbu dak il-livell, oħrajn huma taħt il-1 %. Dawn id-differenzi qed ixekklu l-kapaċità globali tal-UE bħala blokk, u jżommuha lura wara l-Istati Uniti, il-Ġappun u ċ-Ċina.

5.8.

It-tisħiħ tar-reżiljenza tas-suq uniku jirrikjedi t-trawwim tal-integrazzjoni tas-suq. Għal dan il-għan, id-dimensjoni fiskali u l-integrazzjoni u l-miżuri biex tiġi evitata kompetizzjoni inġusta fit-taxxa għandhom jitqiesu kemm fil-livell Ewropew kif ukoll dak internazzjonali. Ir-regoli tal-kompetizzjoni jeħtieġ ukoll li jiġu adattati għar-realtajiet il-ġodda li qed niffaċċjaw illum, separatament mill-politika industrijali.

6.   It-trattament tad-dipendenzi: awtonomija strateġika miftuħa fil-prattika

6.1.

L-UE jeħtieġ li tibqa’ miftuħa, ġusta u bbażata fuq il-valur sabiex tattira l-investituri u tappoġġja l-attivitajiet ekonomiċi tagħha. Il-qawwa ġeopolitika tagħha hija marbuta mal-fatt li għandha bażi industrijali kompetittiva, b’kumpaniji b’saħħithom u ħaddiema b’livell għoli ta’ ħiliet, b’faċilitajiet ta’ produzzjoni fl-UE, u regoli ċari u ġusti għas-suq intern, li jistgħu jservu bħala eżempju fuq livell internazzjonali (6). Madankollu, huwa importanti li tagħmel użu meqjus mill-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ biex tinżamm kompetizzjoni ġusta fl-UE.

6.2.

Il-KESE jinsab konvint li politika ffukata fuq l-awtonomija mhijiex adattata għall-iskop tagħha. Minflok, il-politika kummerċjali tal-UE jeħtieġ li tirrikonoxxi l-fatt li l-ftuħ huwa ingredjent ewlieni għall-kisba tar-reżiljenza. Huwa importanti li jinstab il-bilanċ it-tajjeb bejn il-ftuħ u l-istrument legali ppjanat biex jiġu indirizzati l-effetti potenzjalment distortivi, kemm fuq il-kumpaniji kif ukoll fuq il-ħaddiema, tas-sussidji barranin fis-suq uniku. Il-KESE jappoġġja suq uniku miftuħ u ġust u kundizzjonijiet ekwi fejn il-kumpaniji Ewropej jistgħu jikkompetu fis-swieq barranin.

6.3.

Min-naħa l-oħra, l-introduzzjoni ta’ terminoloġiji ġodda bħas-“sostenibbiltà kompetittiva”, mingħajr spjegazzjoni ulterjuri, għandha tiġi evitata. Il-kumpaniji se jiffaċċjaw battalja iebsa matul il-fażi ta’ rkupru u jeħtieġu qafas leġiżlattiv faċli biex jiġi nnegozjat biex jagħmlu dan.

6.4.

L-approċċ tal-formazzjoni u l-appoġġ tal-alleanzi industrijali wera li kien ta’ suċċess fl-eżempji attwali tal-batteriji u l-idroġenu. Il-KESE jemmen li dan huwa strument tajjeb ħafna u jappoġġja t-tnedija ta’ aktar alleanzi fis-setturi magħżula, pereżempju proċessuri u teknoloġiji tas-semikondutturi, Data Industrijali, Edge u Cloud, Lanċaturi Spazjali u Avjazzjoni b’Emissjonijiet Żero. Madankollu, aħna nħeġġu li l-alleanzi għandhom jiġu stabbiliti b’mod trasparenti u inklużiv, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lill-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju.

7.   L-aċċellerar tat-tranżizzjonijiet doppji

7.1.

Kif rikonoxxut fil-Patt Ekoloġiku, id-diġitalizzazzjoni għandha rwol ewlieni fl-ekosistemi kollha. Għalhekk l-investimenti għandhom jiżdiedu fl-UE kollha biex jiżdied il-poter ta’ tkabbir ta’ setturi ġodda tal-ICT, bħall-ekonomija tad-data, l-Internet tal-Oġġetti, il-cloud computing, ir-robotika, l-intelliġenza artifiċjali u l-manifattura avvanzata, kif ukoll l-użu ta’ standards industrijali żviluppati fl-Ewropa. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-investimenti jsiru f’soluzzjonijiet diġitali li jżidu l-valur tal-ekonomiji Ewropej.

7.2.

Li l-Ewropa ssir kompetittiva fil-qasam diġitali hija l-ogħla prijorità. L-istrateġija tinnota b’mod ġust il-ħtieġa li l-koleġiżlaturi jadottaw malajr l-Att dwar is-Servizzi Diġitali u l-Att dwar is-Swieq Diġitali u r-rwol ewlieni tal-istandards armonizzati fit-tisħiħ tas-suq uniku għall-prodotti u fl-iffaċilitar tat-tmexxija globali Ewropea fit-teknoloġiji, inkluż permezz tad-diġitalizzazzjoni biex tinkiseb effiċjenza enerġetika ogħla. Sistema Ewropea tal-istandardizzazzjoni li tiffunzjona tajjeb hija fattur essenzjali biex jintlaħqu l-għanijiet tat-tranżizzjoni doppja u jissaħħu l-kompetittività u r-reżiljenza tal-industriji tal-UE. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni żżid l-isforzi tagħha biex tikseb tmexxija permezz u fl-iffissar tal-istandards, billi tippromovi u tiżviluppa standards industrijali Ewropej eżistenti b’mod konġunt mal-kumpaniji. Għalhekk, il-KESE jilqa’ l-approċċ olistiku tal-Kummissjoni, filwaqt li jqis ukoll l-importanza tas-settur tas-servizzi għal suq uniku li jiffunzjona tajjeb u jindirizza t-tranżizzjonijiet doppji.

7.3.

Huwa essenzjali li l-forza tax-xogħol Ewropea tiġi mgħammra b’ħiliet diġitali għal din il-fażi l-ġdida tal-industrijalizzazzjoni. It-tħaddin tal-era diġitali jista’ jinkiseb biss b’ħaddiema b’ħiliet speċjalizzati u mħejjija sew. Il-ħiliet huma katalizzatur importanti għall-innovazzjoni u l-ħolqien ta’ valur miżjud. Iż-żieda tal-impjegabbiltà tirrikjedi strateġiji komprensivi tas-suq tax-xogħol li jinvolvu l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha (imsieħba soċjali, istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u fornituri tat-taħriġ). Il-ħiliet u l-kompetenzi diġitali għandhom jiġu integrati fil-livelli kollha tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u tal-imsieħba soċjali settorjali. Il-kumpaniji lokali għandhom ikunu involuti fil-governanza tas-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali, peress li huma għandhom għarfien estensiv tas-sistemi tal-kumpaniji u tal-ħtiġijiet tas-suq lokali. Id-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija għandha tiġi promossa b’mod inklużiv, filwaqt li jiġi evitat kwalunkwe tip ta’ diskriminazzjoni diġitali, speċjalment kontra l-anzjani, il-persuni b’diżabilità u dawk li jgħixu f’reġjuni rurali u remoti.

7.4.

Il-KESE jisħaq li settur tal-manifattura Ewropew b’saħħtu bbażat fuq teknoloġiji b’emissjonijiet baxxi jew mingħajr emissjonijiet u b’effiċjenza enerġetika huwa l-aħjar għall-prosperità ekonomika u l-klima. It-tnaqqis tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni u r-riskju kemm tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju kif ukoll tal-investiment lejn pajjiżi bi standards tal-emissjonijiet inqas ambizzjużi jkunu falliment fundamentali. L-iżvilupp ta’ teknoloġiji affordabbli b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju jew mingħajr emissjonijiet ta’ karbonju – kif ukoll effiċjenti fl-użu tal-enerġija – u l-introduzzjoni tagħhom fis-swieq globali huma l-aktar lieva importanti għat-tnaqqis globali tal-emissjonijiet. Ir-responsabbiltà tal-Ewropa hija li turi li tnaqqis ambizzjuż fl-emissjonijiet huwa possibbli mingħajr ma tiġi pperikolata l-prosperità ekonomika.

7.5.

L-ekonomija ċirkolari (7) u l-ħolqien ta’ swieq sekondarji tal-materja prima huma vitali. L-immaniġġjar tal-iskart, kontenut riċiklat obbligatorju fl-imballaġġ u prodotti oħra huma essenzjali biex jiġu stabbiliti investimenti tul il-ktajjen tar-riċiklaġġ.

7.6.

Sabiex jinkiseb il-livell tal-investiment meħtieġ għall-finanzjament tal-Patt Ekoloġiku, għandu jkun previst ukoll rieżami tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal investiment fi prodotti u proċessi b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Barra minn hekk, il-Fondi għall-Innovazzjoni u l-Modernizzazzjoni li nħolqu ġodda, kif ukoll id-dħul mill-irkanti tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet u l-kuntratti proposti għad-differenza għall-karbonju, għandhom jipprovdu riżorsi addizzjonali biex jappoġġjaw proġetti relatati mal-klima u l-enerġija, u jindirizzaw l-impatt soċjali ta’ tranżizzjoni bil-għan li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura. Barra minn hekk, għandha tiġi introdotta rabta tal-istrateġija industrijali mal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE: “Lejn Tniġġis Żero għall-Arja, l-Ilma u l-Ħamrija”.

7.7.

Il-KESE jappoġġja l-linja li ttieħdet fl-Aġġornament tal-Istrateġija Industrijali dwar il-Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntiera. Irridu nenfasizzaw il-fatt li l-mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera, introdott għal setturi magħżula, għandu jkun f’konformità sħiħa mar-regoli tad-WTO sabiex jiġu evitati miżuri ta’ ritaljazzjoni mill-imsieħba kummerċjali. Sabiex tinkiseb in-newtralità karbonika, l-iffissar ta’ livelli simili tal-prezzijiet tal-karbonju fuq livell internazzjonali għandu jkun il-mira ta’ prijorità f’negozjati multilaterali tal-futur.

7.8.

L-analitika tad-data se taqdi rwol kruċjali fit-terminu qasir u medju. L-UE teħtieġ programmi avvanzati ta’ analiżi tad-data li jistgħu jivvalutaw il-livell tal-kompetittività tal-Ewropa meta mqabbla mal-kompetituri globali tagħna. Il-KESE għalhekk jilqa’ l-isforzi biex jinħolqu alleanzi industrijali dwar id-Data Industrijali, Edge u Cloud.

Brussell, il-21 ta’ Ottubru 2021.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

N.B.:

L-Anness ta’ dan id-dokument (l-Opinjoni supplimentari tal-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali – CCMI/185 – “L-aġġornament tal-istrateġija industrijali l-ġdida – Impatti fuq l-ekosistema industrijali tas-saħħa” – EESC-2021–02562–00–00-AS-TRA) jinsab fil-paġni li ġejjin.

(1)  MSMEs – intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju.

(2)  Il-KESE jixtieq jirrimarka li, loġikament, dan għandu jkun dwar “indipendenzi” strateġiċi, mhux “dipendenzi”, iżda għal finijiet ta’ koerenza, se jkompli juża t-terminoloġija introdotta mill-Kummissjoni.

(3)  ĠU C 374, 16.9.2021, p. 16.

(4)  Ara ĠU C 429, 11.12.2020, p. 197ĠU C 364, 28.10.2020, p. 53.

(5)  L-użu tat-terminu “ekosistemi” jimplika b’mod żbaljat ekwilibriju sostenibbli. M’hemm l-ebda użu koerenti tat-terminu “ekosistemi” fil-komunikazzjonijiet tal-KE. Fil-Komunikazzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew ta’ Diċembru 2019, l-“ekosistema” tintuża għas-sistemi naturali u mhux għal dawk maħluqa mill-bnedmin. Fil-Komunikazzjoni aġġornata dwar l-Istrateġija Industrijali, it-terminu jintuża biss għas-sistemi industrijali.

(6)  Ara ĠU C 364, 28.10.2020, p. 108.

(7)  Ara ĠU C 364, 28.10.2020, p. 94ĠU C 14, 15.1.2020, p. 29.


ANNESS

Opinjoni tal-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI)

Aġġornament tal-istrateġija industrijali l-ġdida — Impatti fuq l-ekosistema industrijali tas-saħħa

(opinjoni supplimentari għall-Opinjoni INT/935)

Relatur:

Anastasis YIAPANIS

Korelatur:

Antonello PEZZINI

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

26.4.2021

Bażi ġuridika

Artikolu 37(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni komplementari

Sezzjoni kompetenti

Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI)

Adottata fis-CCMI

29.9.2021

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jemmen bis-sħiħ li s-saħħa hija fil-qalba tal-kuntest ġeopolitiku internazzjonali l-ġdid u li huwa kruċjali li tiġi appoġġjata ekosistema tal-kura tas-saħħa Ewropea b’saħħitha u kkoordinata sabiex tikkontribwixxi għall-awtonomija strateġika industrijali tal-UE, is-sovranità teknoloġika u kwalità tal-ħajja aħjar għaċ-ċittadini tal-UE abbażi ta’ approċċ olistiku, bi pjani direzzjonali stabbiliti b’mod ċar u indikaturi tal-prestazzjoni trasparenti u li jistgħu jitkejlu.

1.2.

Għandhom jitwettqu mmappjar u analiżi minn isfel għal fuq, flimkien mal-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati fis-settur, sabiex tiġi vvalutata n-natura eżatta tad-dipendenzi identifikati, inklużi r-riskji li joħolqu għar-reżiljenza u l-funzjonament tal-ekosistema industrijali u jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet u l-iskarsezzi ta’ materjali strateġiċi.

1.3.

Il-KESE jqis li hija meħtieġa azzjoni biex tinħoloq ekosistema tal-kura tas-saħħa aktar b’saħħitha, aktar ġusta u aktar effiċjenti u aċċessibbli, b’governanza effettiva, diversifikazzjoni adegwata tas-sorsi tal-provvista u arkitettura diġitali tal-kura tas-saħħa interoperabbli u interkonnessa. L-UE jeħtieġ li ssib l-inċentivi adatti għar-rilokazzjoni tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni strateġiċi.

1.4.

L-Ewropa tiddependi minn pajjiżi oħra għall-provvista ta’ ċerta materja prima. Is-settur tas-saħħa jeħtieġ ktajjen ta’ provvista internazzjonali aktar b’saħħithom u aktar diversi sabiex ikun lest li jiffaċċja kriżijiet futuri. Il-KESE jilqa’ l-proposta mħabbra biex tinħoloq Awtorità Ewropea għat-Tħejjija u għar-Rispons f’Każ ta’ Emerġenza tas-Saħħa.

1.5.

Il-KESE jissottolinja l-ħtieġa ta’ titjib, inkluż permezz ta’ sinerġiji bejn is-settur pubbliku u dak privat. Prospettiva strateġika fil-livell tal-Unjoni hija meħtieġa b’mod urġenti, li tippromovi d-disponibbiltà ġusta tat-tagħmir u l-aċċess għall-ekosistema tal-kura tas-saħħa, solidarjetà akbar, ġustizzja u kooperazzjoni multilaterali. Il-KESE jappella sabiex jiġi żgurat il-benesseri soċjali permezz ta’ aċċess faċli għal mediċini ta’ kwalità għolja u effettivi għall-abitanti kollha tal-UE.

1.6.

Is-sinerġiji potenzjali bejn il-kumpaniji l-kbar u l-SMEs mhumiex qed jiġu sfruttati bis-sħiħ, u dan ixekkel serjament l-awtonomizzazzjoni tal-SMEs u jimpedixxi lis-settur tas-saħħa milli jsir inkubatur ta’ skoperti rivoluzzjonarji. L-istrumenti ta’ appoġġ għall-investiment iridu jiġu kkoordinati b’mod effettiv, b’sejħiet speċifikament iddedikati għall-SMEs industrijali.

1.7.

Il-KESE jitlob aktar ċarezza dwar il-kondiviżjoni tad-data dwar is-saħħa u l-użu tal-intelliġenza artifiċjali, it-tneħħija tal-ostakli regolatorji, u l-appoġġ għal approċċ komuni tal-UE għall-użu tas-servizzi tat-telemediċina. Huwa jappoġġja bis-sħiħ il-varar tal-Ispazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa, b’rispett sħiħ għad-drittijiet individwali u l-protezzjoni tad-data personali.

1.8.

Is-settur tas-saħħa jista’ jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għan-newtralità klimatika tal-UE permezz ta’ politiki mfassla kif xieraq għall-ġestjoni tal-iskart, mudelli ġodda ta’ negozju tal-ekonomija ċirkolari u kapaċità akbar tal-infrastruttura tat-trasport.

1.9.

L-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp huwa essenzjali għall-kompetittività u s-sostenibbiltà tal-industrija tas-saħħa. Il-politiki Ewropej iridu jistimulaw l-investimenti pubbliċi u privati sabiex jintegraw l-aspetti soċjali u tas-saħħa.

1.10.

Il-KESE jitlob impenn akbar fil-proċeduri regolatorji rigward l-iżvilupp ta’ standards armonizzati ta’ kwalità u sikurezza għat-tagħmir protettiv u għall-apparat mediku. Il-KESE jappella għal mandati ċari għall-korpi ta’ standardizzazzjoni fil-proċess tekniku-regolatorju.

1.11.

Huma meħtieġa taħriġ, taħriġ mill-ġdid, titjib tal-ħiliet u programmi ta’ tagħlim tul il-ħajja ddedikati għall-forza tax-xogħol Ewropea għas-saħħa sabiex jiġu indirizzati l-isfidi l-ġodda tal-Patt Ekoloġiku. L-enfasi ma tridx tkun biss fuq il-professjonisti tas-saħħa, iżda wkoll fuq ir-riċerkaturi, l-għalliema, il-persuni tal-media u l-pazjenti nfushom. Għalhekk, il-KESE jappella għal aktar komunikazzjoni fil-livell tal-UE dwar id-drittijiet tal-konsumaturi/tal-pazjenti, bl-inklużjoni sħiħa tal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet rilevanti tas-soċjetà ċivili.

1.12.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tkompli bil-kollaborazzjoni u d-djalogu bejn il-partijiet interessati dwar ir-reżiljenza tas-settur farmaċewtiku, filwaqt li tibni fuq l-istrutturi eżistenti fl-ambitu tal-Istrateġija Farmaċewtika għall-Ewropa, u tkompli tiżviluppa trasformazzjoni b’saħħitha, sostenibbli u diġitali tal-ekosistema industrijali tas-saħħa kif deskritt fl-Istrateġija Industrijali għall-Ewropa.

2.   Kuntest u introduzzjoni

2.1.

Il-pandemija tal-COVID-19 ħolqot kriżi mingħajr preċedent fl-Istati Membri kollha tal-UE li, għall-kuntrarju ta’ kriżijiet oħra, kellha impatt kemm fuq il-provvista kif ukoll fuq id-domanda, kif ukoll fuq is-soċjetà kollha kemm hi. L-UE ntlaqtet ħażin ħafna meta mqabbla ma’ partijiet oħra tad-dinja u rreġistrat aktar imwiet għal kull miljun persuna mix-xejra globali (1). L-Unjoni rreaġixxiet b’mod adegwat, b’mod kważi kkoordinat. Seta’ jsir aktar, kieku l-UE kienet aktar ippreparata bħala Unjoni għal dan it-tip ta’ xokk.

2.2.

Is-suq uniku huwa wieħed mill-kisbiet l-aktar notevoli tal-proġett tal-UE. Għadhom jeżistu ostakli, li jirriżultaw mill-applikazzjoni mhux armonizzata tal-leġiżlazzjoni tal-UE fl-Istati Membri. Il-pandemija tal-COVID-19 kabbret dawn l-ostakli, speċjalment billi wriet il-fraġilità tal-ktajjen tal-valur u ż-żieda fil-problemi tad-distribuzzjoni. Ħareġ biċ-ċar li l-UE hija dipendenti minn pajjiżi terzi fir-rigward tal-prodotti mediċi.

2.3.

Is-settur tal-kura tas-saħħa pprovda aktar minn 7 miljun impjieg fl-2018 (2). Is-settur huwa assi importanti għas-suq uniku, b’aktar minn 800 000 impjieg dirett u b’surplus kummerċjali ta’ EUR 109,4 biljun (3). Il-produtturi tal-mediċini taw l-akbar kontribut f’termini ta’ investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp fl-2019, filwaqt li s-suq elettromediku Ewropew issa jiswa EUR 120 biljun. Madankollu, l-UE tinvesti inqas meta mqabbla mal-imsieħba kummerċjali tagħna: pereżempju 19,2 % tal-investiment industrijali fir-riċerka u l-iżvilupp fl-UE jmur għall-innovazzjoni fis-saħħa meta mqabbel ma’ 26,4 % fl-Istati Uniti. L-Ewropa hija ċentru ewlieni għall-industrija globali tal-apparat mediku. Is-suq tal-apparat mediku fl-UE jammonta għal terz tas-suq globali, b’madwar 32 000 negozju u 730 000 impjegat.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Is-saħħa hija waħda mill-megatendenzi tal-futur, b’mod partikolari fl-Ewropa, u fil-kuntest ġeopolitiku l-ġdid, huwa kruċjali li tiġi appoġġjata l-ekosistema industrijali tal-kura tas-saħħa li tikkontribwixxi għall-awtonomija strateġika u s-sovranità teknoloġika tal-UE.

3.2.

Il-KESE jqis li l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tqiegħed lill-industrija, u b’mod speċjali lill-kura tas-saħħa, fiċ-ċentru tal-politiki Ewropej, filwaqt li tirrikonoxxi l-kapaċità tagħha li tixpruna bidliet kbar, tinterpreta l-ħtiġijiet u l-isfidi l-ġodda tas-soċjetà u toffri soluzzjonijiet innovattivi u kompetittivi. Madankollu, il-KESE jitlob approċċ aktar olistiku minn dak meħud mill-Kummissjoni, li jiffoka l-aktar fuq l-industrija. Dawk li jfasslu l-politika għandhom livell għoli ta’ responsabbiltà, peress li s-saħħa hija waħda mill-elementi bażiċi ta’ eżistenza individwali u, mingħajr dubju, l-aktar assi prezzjuż tal-individwi. Għalhekk, il-KESE jitlob aktar komunikazzjoni fil-livell tal-UE dwar id-drittijiet tal-konsumaturi/tal-pazjenti, inklużi d-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. L-UE teħtieġ sistema tas-saħħa kkoordinata u robusta.

3.3.

L-istruttura industrijali tal-ekosistema tas-saħħa hija kostruzzjoni estensiva, b’xi atturi kbar u għadd sinifikanti ta’ SMEs. Madankollu, is-sinerġiji potenzjali bejn dawn iż-żewġ gruppi mhumiex qed jiġu sfruttati bis-sħiħ, u dan qed ixekkel serjament l-għoti tas-setgħa lill-SMEs. B’riżultat ta’ dan, l-ekosistema tas-saħħa mhijiex qed taħdem bis-sħiħ u hija mxekkla fir-rwol tagħha li ssir inkubatur ta’ skoperti innovattivi ġodda.

3.4.

L-ekosistema industrijali tas-saħħa teħtieġ suq intern b’saħħtu, b’faċilitajiet ta’ produzzjoni u distribuzzjoni b’saħħithom. Il-KESE enfasizza b’mod partikolari l-importanza ta’ “suq intern li jiffunzjona, ġust u effiċjenti li fih, minn naħa waħda, tiġi promossa u ppremjata innovazzjoni medika ġenwina b’valur miżjud reali għall-kura tas-saħħa, u, min-naħa l-oħra, tissaħħaħ il-kompetizzjoni għall-mediċini biex tiżgura aċċess ekwu u affordabbli għall-mediċini” (4).

3.5.

Jidher li hemm ħtieġa sinifikanti li tiġi aġġornata l-integrazzjoni tas-suq uniku billi tiġi żgurata governanza aktar effettiva, speċjalment fis-settur industrijali tal-kura tas-saħħa (5): politika tas-suq uniku u tal-kompetizzjoni li tiffunzjona tajjeb tippermetti dinamika kummerċjali b’saħħitha, li jista’ jkollha rwol essenzjali fid-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-provvista fl-UE u tevita arkitettura tal-kura tas-saħħa frammentata.

3.6.

Kif uriet il-pandemija tal-COVID-19, il-kollaborazzjoni u s-solidarjetà bejn il-pajjiżi jtejbu l-kapaċità ta’ rispons tal-UE u jżidu r-reżiljenza tal-Unjoni kollha kemm hi. Il-prospettiva strateġika fil-livell tal-Unjoni hija meħtieġa b’mod urġenti, speċjalment peress li l-pandemija affettwat b’mod aktar profond is-setturi u l-ktajjen tal-valur li għandhom interkonnessjonijiet transfruntiera.

3.7.

Id-dipendenzi strateġiċi jinfluwenzaw l-interessi fundamentali tal-UE. Dawn jikkonċernaw b’mod partikolari l-oqsma tas-sikurezza u s-sigurtà, is-saħħa tal-Ewropej, u l-kapaċità ta’ aċċess għall-prodotti, għas-servizzi u għat-teknoloġiji li huma kruċjali għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali fil-qalba tal-prijoritajiet tal-UE.

3.8.

Il-KESE rrakkomanda il-preżentazzjoni ta’ “strateġija ċara, konkreta u komprensiva għal żmien qasir, medju u twil għall-industrija Ewropea” u ħeġġeġ lill-Kummissjoni “toħroġ pjan ta’ azzjoni konkret b’miri u proċeduri ta’ monitoraġġ annwali ċari, li jinvolvu kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha” (6), filwaqt li jissottolinja kif “ir-rwol tal-impjegaturi, tal-intraprendituri u l-kontribut tas-settur privat biex jixprunaw il-bidla strutturali huma essenzjali għat-tranżizzjoni industrijali” (7).

3.9.

L-industrija farmaċewtik a medika innovattiva hija xprunata minn progress mediku. Kwistjoni importanti li jeħtieġ li tiġi solvuta minnufih hija n-nuqqas ta’ prezzijiet raġonevoli jew in-nuqqas ta’ disponibbiltà tal-mediċini. Il-benesseri soċjali jrid jiġi żgurat permezz ta’ aċċess faċli għal mediċini ta’ kwalità għolja u effettivi għaċ-ċittadini kollha li jgħixu fl-UE. Il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea għandu ramifikazzjonijiet kbar għall-manifatturi tal-apparat mediku.

3.10.

Id-dipendenza tal-Ewropa fuq ċerta materja prima minn ftit produtturi u pajjiżi biss kienet evidenti matul il-pandemija tal-COVID-19. Barra minn hekk, anke t-teknoloġiji ekoloġiċi u diġitali, ħafna drabi marbuta mas-sistema industrijali tas-saħħa, jiddependu wkoll minn firxa ta’ materja prima skarsa importata fl-Ewropa, bi proporzjon kbir ħafna tal-elementi tal-materjali tal-art rari meħtieġa ġejjin minn fornitur wieħed – iċ-Ċina (8). It-tisħiħ u d-diversifikazzjoni tal-ktajjen ta’ provvista internazzjonali huma wkoll vitali għall-iżvilupp tal-industrija tas-saħħa u l-iżgurar li l-UE tkun lesta li tiffaċċja kriżijiet futuri bħall-pandemija tal-COVID-19. L-għan aħħari għandu jkun it-tneħħija tal-vulnerabbiltajiet u l-ħolqien ta’ ambjent kummerċjali stabbli, prevedibbli u effiċjenti fir-riżorsi. Il-proposta mħabbra għall-ħolqien ta’ Awtorità Ewropea għat-Tħejjija u għar-Rispons f’Każ ta’ Emerġenza tas-Saħħa hija apprezzata.

3.11.

L-Ewropa kellha suċċess fl-istrateġija tagħha li tiżviluppa Sħubijiet Pubbliċi-Privati biex tistimula r-riċerka u l-iżvilupp fl-industrija farmaċewtika, iżda l-ammonti involuti huma għaxra fil-mija ta’ dak li jintefaq minn Biomedical Advanced Research and Development Authority (BARDA) tal-Istati Uniti.

3.12.

L-akbar opportunitajiet fis-snin li ġejjin se jirriżultaw mit-teknoloġiji diġitali tas-saħħa. Kemm jekk qed nitkellmu dwar prodotti mediċinali, apparat u proċeduri mediċi, jew miżuri għall-prevenzjoni, id-dijanjożi jew it-trattament tal-mard, dawn kollha huma vitali għaċ-ċittadini kollha tal-UE. Ir-Regolament mistenni dwar l-Intelliġenza Artifiċjali (9), il-proposta leġiżlattiva dwar l-Ispazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa (10), u l-istandardizzazzjoni se jġibu aktar ċarezza għall-kondiviżjoni tad-data dwar is-saħħa u l-użu tal-intelliġenza artifiċjali, jeliminaw l-ostakli regolatorji, u jappoġġjaw approċċ komuni tal-UE għall-użu tas-servizzi tat-telemediċina, filwaqt li l-Att dwar il-Governanza tad-Data (11) għandu jkun jista’ jiggarantixxi l-kondiviżjoni tad-data dwar is-saħħa u fl-istess ħin jissalvagwardja l-protezzjoni tad-data personali u jippreserva drittijiet tal-bniedem oħrajn.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

It-trasformazzjoni diġitali tas-settur tas-saħħa hija opportunità kbira. It-tħaddin tat-tranżizzjoni doppja jista’ jipprovdi aktar vantaġġi kompetittivi għall-Unjoni, f’ambjent internazzjonali kumpless u mimli tensjoni. B’mod partikolari billi tinvesti f’teknoloġiji tal-informatika u tal-intelliġenza artifiċjali ta’ prestazzjoni għolja, l-UE tista’ tiżviluppa teknoloġiji avvanzati, b’mod partikolari dawk ta’ tbassir. Il-pandemija wriet il-ħtieġa immedjata ta’ servizzi intelliġenti tas-saħħa, bħat-telesaħħa.

4.2.

Barra minn hekk, is-settur tas-saħħa jista’ jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għan-newtralità klimatika tal-UE billi jnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tiegħu tul il-ktajjen tal-valur. Jeħtieġ li jissaħħu l-politiki dwar il-ġestjoni tal-iskart, peress li s-settur jipproduċi ammonti sinifikanti ta’ skart minn mediċini li jifdal u minn tagħmir teknoloġiku u personali użat. Iridu jiġu żviluppati mudelli ġodda tan-negozju tal-ekonomija ċirkolari u kapaċitajiet akbar tal-infrastruttura tat-trasport, filwaqt li jiġu involuti l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati kollha fid-dekarbonizzazzjoni tal-ktajjen tal-valur.

4.3.

Is-saħħa tal-bniedem fl-aħħar mill-aħħar tiddependi minn prodotti u servizzi tal-ekosistemi (bħad-disponibbiltà ta’ ilma ħelu, ikel u sorsi ta’ fjuwil) li huma meħtieġa għal saħħa tajba tal-bniedem u għajxien produttiv. It-telfien tal-bijodiversità jista’ jkollu impatti diretti sinifikanti fuq is-saħħa tal-bniedem jekk is-servizzi ekosistemiċi ma jibqgħux adegwati biex jaqdu l-ħtiġijiet soċjali.

4.4.

Il-mediċina tradizzjonali għad għandha rwol essenzjali fil-kura tas-saħħa, speċjalment fil-kura tas-saħħa primarja. L-użu tal-pjanti mediċinali huwa l-aktar għodda ta’ medikazzjoni komuni fil-mediċina tradizzjonali u fil-mediċina komplementari madwar id-dinja. Ħafna komunitajiet jiddependu minn prodotti naturali miġbura mill-ekosistemi għal skopijiet mediċinali u kulturali, minbarra l-ikel.

4.5.

Il-ħażna strateġika u r-rilokazzjoni tal-kumpaniji tal-UE huma direzzjonijiet importanti oħra li għandhom jiġu kkunsidrati u huma parti mill-kompetenzi kondiviżi tal-UE. Hekk kif it-teknoloġija titjieb, u l-kapaċità tal-manifattura magħha, l-UE jeħtieġ li ssib l-inċentivi xierqa għall-kapaċitajiet strateġiċi ta’ produzzjoni tar-rilokazzjoni fit-territorju tagħha. L-inċentivi tat-taxxa jista’ jkollhom rwol ewlieni f’dan ir-rigward.

4.6.

L-immappjar u l-analiżi minn isfel għal fuq mal-Istati Membri u mal-industrija huma meħtieġa biex ikun possibbli li tiġi vvalutata n-natura eżatta tad-dipendenzi identifikati f’aktar dettall, inklużi r-riskji li joħolqu għar-reżiljenza u l-funzjonament tal-ekosistemi industrijali fl-UE, kif ukoll il-prospetti possibbli għat-tnaqqis ta’ dawn id-dipendenzi, kif ukoll it-tilwim kummerċjali u l-attakki ċibernetiċi, fil-futur.

4.7.

L-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp huwa essenzjali għall-kompetittività u s-sostenibbiltà tal-industrija tas-saħħa. Minbarra l-kontribuzzjoni tal-fondi tal-UE, il-politiki Ewropej iridu jistimulaw kemm jista’ jkun l-investiment pubbliku u privat. L-iżvilupp ta’ Sħubijiet Pubbliċi-Privati, bħall-Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi 2 (IMI2), se jħeġġeġ lill-produtturi jinvestu u jsegwu attivitajiet ta’ riċerka, żvilupp u innovazzjoni li huma vitali għal skoperti mediċinali futuri. Dawn it-tipi ta’ inizjattivi għandhom is-saħħa li jżommu lill-Ewropa fuq quddiem nett tal-innovazzjoni medika.

4.8.

Bl-istess mod, huwa tal-akbar importanza li jiġu appoġġjati l-isforzi tal-Istati Membri biex jiġbru flimkien ir-riżorsi pubbliċi permezz ta’ proġetti importanti ta’ interess Ewropew komuni (IPCEI) f’setturi fejn is-suq waħdu ma jistax iwassal għal innovazzjonijiet rivoluzzjonarji, kif inhu l-każ fis-settur farmaċewtiku.

4.9.

Il-kompetittività tal-industrija trid tiġi appoġġjata minn qafas b’saħħtu tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jagħti s-setgħa u jipproteġi l-innovazzjoni. L-aċċess għad-data huwa wkoll fundamentali għall-produtturi, speċjalment għall-SMEs li ntlaqtu ħażin ħafna mill-pandemija u jrid jiġi mħeġġeġ biex jiġi applikat fuq skala akbar u jikber. L-UE teħtieġ politiki mfassla b’mod speċjali għall-analiżi tal-big data u għall-infrastruttura interoperabbli tal-aċċess għad-data.

4.10.

L-SMEs jeħtieġu wkoll aċċess faċli għall-finanzjament sabiex jirnexxu u jikbru. Dan ifisser ukoll sorsi alternattivi għas-self bankarju tas-soltu, bħal ekwità privata jew opportunitajiet ta’ finanzjament ta’ kapital ta’ riskju. L-istrumenti ta’ appoġġ għall-investiment iridu jiġu kkoordinati b’mod effettiv, b’linji speċifikament iddedikati għall-SMEs industrijali. F’dan il-qasam, huwa importanti li l-inizjattivi li jirriżultaw mill-qafas finanzjarju sostenibbli tal-UE, inkluża l-implimentazzjoni tat-tassonomija, jitfasslu biex jipprovdu opportunità għall-ekonomija Ewropea, filwaqt li jitqiesu kemm il-ħtiġijiet tas-swieq finanzjarji kif ukoll l-isfidi tal-industrija.

4.11.

L-iżvilupp ta’ format elettroniku Ewropew għall-iskambju tar-rekords tas-saħħa biex jiġi żblokkat il-fluss tad-data dwar is-saħħa bejn il-fruntieri jipprovdi qafas għall-iżvilupp ulterjuri ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi komuni għall-kondiviżjoni sigura tad-data dwar is-saħħa bejn l-Istati Membri tal-UE, li dwarhom il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni bħalissa qed jiżviluppa speċifikazzjonijiet tekniċi. Il-KESE jappella għal impenn akbar u aktar inklużjoni tal-partijiet interessati rilevanti fil-proċeduri regolatorji rigward l-iżvilupp ta’ standards armonizzati ta’ kwalità u sikurezza għat-tagħmir protettiv personali u għall-apparat mediku.

4.12.

Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tista’ tintuża biex jiġu indirizzati bosta mill-ħtiġijiet tal-ekosistema tas-saħħa permezz ta’ investiment fis-sistemi tas-saħħa nazzjonali u r-riformi fihom, it-tisħiħ tar-reżiljenza u t-tħejjija għall-kriżijiet, il-kura primarja, iż-żieda ta’ aċċess ġust u trasparenti għas-servizzi, l-indirizzar tal-vulnerabbiltajiet tal-katina tal-provvista u l-ħiliet diġitali tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa, is-soluzzjonijiet tat-telemediċina, u r-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni.

4.13.

Il-KESE jitlob l-iżvilupp ta’ programmi mfassla b’mod speċjali għat-taħriġ, it-taħriġ mill-ġdid, it-titjib tal-ħiliet u t-tagħlim tul il-ħajja għall-forza tax-xogħol Ewropea tal-qasam tas-saħħa, f’konformità mar-rwol professjonali u soċjali ewlieni tagħhom, mal-progress teknoloġiku u mar-rekwiżiti l-ġodda għal sostenibbiltà mtejba. Huma meħtieġa politiki ċari ta’ taħriġ immexxija mill-partijiet ikkonċernati tas-settur sabiex ikun hemm ħaddiema kwalifikati li jkunu kapaċi jlaħħqu mal-isfidi l-ġodda tal-Patt Ekoloġiku.

4.14.

Il-KESE osserva li “[g]ħandhom jitfasslu politiki ġodda dwar il-ħiliet bl-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali sabiex jitħaffef l-adattament tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ sabiex ikun hemm tqabbil mad-domanda għal impjiegi ġodda” (12). Fis-settur tas-saħħa, l-enfasi trid tkun mhux biss fuq il-professjonisti tas-saħħa, iżda wkoll fuq ir-riċerkaturi, l-għalliema, dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet ta’ kull tip, il-persuni tal-media, il-pazjenti nfushom u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom.

4.15.

L-Akkwist Pubbliku Strateġiku għandu rwol ewlieni biex ilaqqa’ flimkien l-industrija tal-UE, iċ-ċentri tar-riċerka, u l-awtoritajiet regolatorji tal-UE u nazzjonali, b’mod partikolari fis-settur tas-saħħa, u jiffaċilita l-kooperazzjoni pubblika-privata bil-ħsieb li jiġu jindirizza l-ħtiġijiet tas-sistemi tas-saħħa pubbliċi u privati u li jippermetti x-xiri ta’ teknoloġiji tas-saħħa innovattivi u bi prezzijiet raġonevoli, inklużi soluzzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u klawżoli soċjali (13).

4.16.

Il-KESE diġà talab lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri juru r-rieda politika li jimplimentaw “Patt tas-Saħħa għall-Futur tal-Ewropa” (14) li jirrifletti l-valuri fundamentali tal-UE.

4.17.

L-Inizjattiva ta’ Djalogu Strutturat (15) imħabbra fl-istrateġija farmaċewtika hija essenzjali għall-Ewropa, sabiex jiġu identifikati l-kawżi u l-ixprunaturi ta’ vulnerabbiltajiet u dipendenzi potenzjali tal-ktajjen ta’ provvista tal-mediċini.

4.18.

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-varar tal-Ispazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa (16) sabiex jipprovdi l-infrastruttura meħtieġa għall-kondiviżjoni tad-data għal għodod dijanjostiċi u trattament fir-rigward tal-kooperazzjoni u l-involviment fi sforzi għall-koinvestiment f’ekosistemi tal-kura tas-saħħa tal-ġenerazzjoni li jmiss fil-ktajjen tal-valur kollha.

4.19.

Il-KESE jemmen li għandhom jintużaw standards armonizzati bħala strument biex ikopru r-rekwiżiti essenzjali tas-sikurezza tal-prodotti flimkien ma’ strumenti li jistgħu jgħinu biex il-prodotti jitqiegħdu fis-suq. L-Unjoni Ewropea jeħtiġilha tevita regolamentazzjoni żejda tal-prodotti, billi l-prijorità hija li jitnaqqas il-piż amministrattiv ikkawżat minn leġiżlazzjoni eċċessiva, filwaqt li jiġi żgurat aċċess faċli għad-dokumentazzjoni, informazzjoni tajba, skambju bla xkiel tal-aħjar prattiki, u kooperazzjoni effettiva.

4.20.

Fl-aħħar nett, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tkompli bil-kollaborazzjoni u d-djalogu bejn il-partijiet interessati kollha biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistema farmaċewtika tal-UE għal kriżijiet futuri, u tibni fuq il-mekkaniżmi eżistenti stabbiliti fl-Istrateġija Farmaċewtika għall-Ewropa (17) u l-Istrateġija Industrijali għall-Ewropa (18). Il-KESE jistieden ukoll lill-Kummissjoni toħloq aktar sinerġiji bejn l-Istati Membri, tippreżenta inizjattivi ġodda biex issaħħaħ il-koordinazzjoni tas-sistemi nazzjonali differenti (f’konformità mat-TFUE (19)) u tkompli tiżviluppa trasformazzjoni b’saħħitha, sostenibbli u diġitali tal-ekosistema industrijali tas-saħħa.

Brussell, id-29 ta’ Settembru 2021.

Pietro Francesco DE LOTTO

Il-President tal-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali


(1)  Studju tal-PE – Impacts of the COVID-19 pandemic on EU industries (L-impatti tal-pandemija tal-COVID-19 fuq l-industriji tal-UE).

(2)  Eurostat – Healthcare personnel statistics (Statistika dwar il-persunal tal-kura tas-saħħa).

(3)  International trade in goods by type of good (Il-kummerċ internazzjonali fil-prodotti skont it-tip ta' oġġett).

(4)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar “Strateġija Farmaċewtika għall-Ewropa” (ĠU C 286, 16.7.2021, p. 53).

(5)  Mistoqsijiet u Tweġibiet: programm l-UE għas-Saħħa 2021-27.

(6)  Opinjoni tal-KESE dwar “Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa” (ĠU C 364, 28.10.2020, p. 108).

(7)  Opinjoni tal-KESE dwar “Tranżizzjoni industrijali lejn ekonomija Ewropea ekoloġika u diġitali” (ĠU C 56, 16.2.2021, p. 10).

(8)  Eż. il-platinu għall-produzzjoni ta’ idroġenu nadif, siliċju metalliku għall-pannelli solari, u litju għall-karozzi elettriċi.

(9)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli armonizzati dwar l-intelliġenza artifiċjali u li jemenda ċerti atti leġiżlattivi tal-Unjoni (COM(2021) 206 final).

(10)  Komunikazzjoni dwar Strateġija Ewropea għad-data, (COM(2020) 66 final).

(11)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-governanza Ewropea tad-data – (COM(2020) 767 final).

(12)  Opinjoni tal-KESE dwar “Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa” (ĠU C 364, 28.10.2020, p. 108).

(13)  Ix-Xiri Soċjali – Gwida biex jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet soċjali fl-akkwisti pubbliċi – It-tieni edizzjoni. (ĠU C 237, 18.6.2021, p. 1).

(14)  Opinjoni tal-KESE dwar “L-istabbiliment ta' Programm ta' azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa għall-perjodu 2021-2027” (ĠU C 429, 11.12.2020, p. 251)

(15)  Djalogu strutturat dwar is-sigurtà tal-provvista tal-mediċini.

(16)  Il-Kummissjoni tippubblika konsultazzjoni pubblika miftuħa dwar l-Ispazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa.

(17)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52020DC0761.

(18)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1593086905382&uri=CELEX:52020DC0102.

(19)  Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.


Top