IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Strasburgu, 5.7.2022
COM(2022) 332 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Aġenda Ewropea għall-Innovazzjoni ġdida
{SWD(2022) 187 final}
1. IMMEXXU L-MEWĠA L-ĠDIDA TAL-INNOVAZZJONI TAT-TEKNOLOĠIJA PROFONDA
L-innovazzjoni hi essenzjali biex tixpruna l-kompetittività tal-Ewropa u biex tiżgura s-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini tagħha. L-innovazzjoni tifforma s-swieq, tittrasforma l-ekonomiji, tistimola bidliet gradwali fil-kwalità tas-servizzi pubbliċi, u tiswa mitqlu deheb biex jintlaħqu l-objettivi ġenerali tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali doppja.
Fix-xefaq tidher mewġa ġdida tal-innovazzjoni: l-innovazzjoni tat-teknoloġija profonda, imsejsa fuq xjenza, teknoloġija u inġinerija mill-aktar avvanzati, u li ħafna drabi żżewweġ l-avvanzi fl-isferi fiżiċi, bijoloġiċi u diġitali mal-potenzjal li jinkisbu soluzzjonijiet trasformattivi fid-dawl tal-isfidi dinjin. L-innovazzjonijiet tat-teknoloġija profonda li qed ifeġġu minn bosta gruppi dejjem akbar ta’ negozji ġodda innovattivi fl-UE għandhom il-potenzjal li jixprunaw l-innovazzjoni fl-ekonomija u fis-soċjetà. Dan, min-naħa tiegħu, jista’ jittrasforma x-xenarju tan-negozju tal-UE u s-swieq assoċjati, u jgħin biex jingħelbu l-aktar sfidi soċjetali diffiċli, inkluż billi jintlaħqu l-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli tan-NU.
L-Ewropa għandha passat twil li jagħmlilha ġieh fejn tidħol l-innovazzjoni u tinsab f’pożizzjoni mill-aqwa biex tmexxi din il-mewġa tal-innovazzjoni tat-teknoloġija profonda għal erba’ raġunijiet ewlenin.
L-ewwel raġuni hi t-tmexxija tal-UE fix-xjenza. L-UE hi mutur fil-ħolqien tal-għarfien, u l-innovazzjoni tat-teknoloġija profonda tisfrutta għarfien ġdid fix-xjenza u fit-teknoloġija abbażi tal-aqwa standards tal-etika u tal-integrità. B’6% tal-popolazzjoni dinjija, l-UE hija responsabbli għal 20% tal-pubblikazzjonijiet tal-aqwa kwalità fid-dinja. Barra minn hekk, il-kumpaniji tal-UE huma pijunieri dinjin fejn jidħlu l-privattivi ekoloġiċi ta’ valur għoli u l-privattivi ekoloġiċi fl-industriji intensivi fl-enerġija.
It-tieni raġuni hi l-bażi industrijali soda tal-Ewropa u l-ekosistema tan-negozji ġodda dejjem aktar vibranti. L-innovazzjoni tat-teknoloġija profonda toħloq prodotti fiżiċi minflok servizzi ta’ software pur u għalhekk ħafna drabi tgawdi minn sħubijiet sodi ma’ industriji ewlenin. Is-sħubijiet imrawma bejn il-kumpaniji u mar-riċerkaturi permezz tal-programmi tal-UE u b’ċerti politiki bħall-Istrateġija Industrijali l-Ġdida u inizjattivi assoċjati bħall-Att Ewropew dwar iċ-Ċipep, jippermettu l-iżvilupp ta’ propożizzjonijiet sodi min-naħa tal-UE, u l-iżvilupp ta’ ktajjen tal-valur f’setturi b’kapaċità tat-teknoloġija profonda.
It-tielet raġuni hi l-kundizzjonijiet qafas ambizzjużi li jwasslu għall-innovazzjoni fis-suq uniku. L-innovazzjoni tat-teknoloġija profonda timmira li ssib soluzzjonijiet għall-isfidi ewlenin tas-soċjetà. Kif turi l-pożizzjoni tal-UE fil-qasam tal-enerġija eolika ngħidu aħna, l-għażliet politiċi kuraġġużi, bħal dik dwar it-tibdil fil-klima u l-ħarsien tal-ambjent, flimkien mal-kooperazzjoni mill-qrib bejn is-settur pubbliku u s-settur privat, u l-preġji tas-suq uniku ħolqu l-kundizzjonijiet biex il-kumpaniji Ewropej jirnexxu fis-setturi ta’ għada, iffaċilitati mit-teknoloġija profonda.
Finalment, ir-raba’ raġuni hi l-bażi tat-talent tal-Ewropa. In-negozji ġodda u l-innovazzjoni fit-teknoloġija profonda jeħtieġu aċċess għal provvista qawwija ta’ Xjenza, Teknoloġija, Inġinerija u Matematika (STEM) u ħiliet intraprenditorjali, kif ukoll kapaċitajiet assoċjati li jimxu mal-akbar valuri u prinċipji tar-riċerka u l-iżvilupp. L-Ewropa għandha wħud mill-aqwa istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja (HEIs) u organizzazzjonijiet tar-riċerka fid-dinja, u l-kontribut vitali tagħhom għall-aġenda tal-UE dwar l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni għadu jissaħħaħ b’inizjattivi bħall-istrateġija Ewropea l-ġdida għall-universitajiet. Bi 17,5-il miljun individwu fl-edukazzjoni terzjarja, b’aktar minn miljun riċerkatur, u b’żieda fl-attività tal-għoti tal-liċenzji u l-privattivi u fil-ħolqien tan-negozji ġodda f’ħafna pajjiżi, dawn l-istituzzjonijiet diġà qed jaqdu rwol kritiku biex jiżguraw il-fluss tal-individwi bil-ħiliet u tal-ideat għall-innovazzjoni tat-teknoloġija profonda.
Biex tisfrutta dawn il-preġji, l-UE se tmexxi ’l quddiem miżuri konkreti ġodda. B’dawn il-miżuri, l-innovaturi, inkluż in-negozji ġodda tat-teknoloġija profonda, se jkunu jistgħu jieħdu vantaġġ aħjar mis-suq uniku u jattiraw investituri istituzzjonali ġodda biex isaħħu s-swieq finanzjarji u kapitali ħalli jikkummerċjalizzaw u jkabbru l-kumpaniji tat-teknoloġija profonda hawnhekk fl-UE. Il-miżuri l-ġodda se jgħinu lill-individwi jiksbu aħjar il-ħiliet rilevanti, ħalli jkun jista’ jinħataf il-potenzjal tal-popolazzjoni diversa tagħna, speċjalment tan-nisa, u biex il-persuni tat-talent jitħeġġu jiġu u jaħdmu fl-UE. Il-proposti dwar l-oqfsa regolatorji se jgħinu lill-UE żżomm il-pass mal-iżvilupp mgħaġġel tat-teknoloġija biex l-innovazzjonijiet tat-teknoloġija profonda jkunu jistgħu jiġu ttestjati u mbagħad ikkummerċjalizzati fl-UE.
Anki l-adozzjoni tal-innovazzjoni tat-teknoloġija profonda u l-abbiltà li r-reġjuni fl-UE jikkontribwixxu għall-innovazzjonijiet u jibbenefikaw minnhom se jissaħħu b’azzjonijiet li jindirizzaw id-distakk persistenti fl-innovazzjoni fost l-Istati Membri u r-reġjuni. B’hekk titjieb il-koeżjoni interna, u jinħolqu benefiċċji ekonomiċi u soċjali usa’ – attwalment, ir-reġjuni bl-aqwa prestazzjoni huma sa disa’ darbiet aktar innovattivi minn dawk bl-inqas prestazzjoni u l-eżiti teknoloġiċi mkejla bil-privattivi huma kkonċentrati fir-reġjuni li jospitaw il-kwartieri ġenerali tal-kumpaniji l-kbar u li għandhom sehem qawwi ta’ kumpaniji tal-manifattura.
L-aħħar xejriet dinjin jeħtieġu azzjoni immedjata u jenfasizzaw il-ħtieġa li jittaffew id-dipendenzi strateġiċi fit-teknoloġiji ewlenin u l-materja prima kritika. Paripassu mal-ambizzjonijiet tal-Pjan riċenti REPowerEU imsejjes fuq il-proposti msejħa “Lesti għall-mira ta’ 55%”, l-UE jeħtieġ tieqaf dipendenti fuq il-fjuwils fossili Russi ferm qabel l-2030 billi tixpruna r-riżultati fl-effiċjenza enerġetika, inkluż bl-adozzjoni tal-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari, u tħaffef l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tat-teknoloġiji tal-enerġija nadifa, b’mod partikolari minn sorsi rinnovabbli, inkluż mill-idroġenu rinnovabbli.
Imqanqla minn kunsiderazzjonijiet għal ekonomija aktar ċirkolari, diġitalizzata u effiċjenti fir-riżorsi, mill-pandemija, jew mill-aggressjoni Russa fl-Ukrajna, il-kumpaniji se jkollhom jibnu kapaċitajiet ġodda u jfittxu sħab li jafdaw biex jibnu r-reżiljenza tal-katina tal-provvista u jiżviluppaw opportunitajiet u kollaborazzjonijiet kummerċjali ġodda, minħabba n-natura dejjem aktar internazzjonali tal-innovazzjoni. Orizzont Ewropa, Erasmus+ u programmi u politiki oħra tal-UE appoġġaw b’mod konsistenti din il-kooperazzjoni ma’ sħab fdati, inkluż bi Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni. Il-Komunikazzjoni dwar l-approċċ globali għar-riċerka u l-innovazzjoni tipprovdi qafas imtejjeb biex tiġi żviluppata din il-kooperazzjoni. Barra minn hekk, l-istrateġija l-ġdida tal-UE dwar il-konnettività globali, il-Global Gateway, u l-Komunikazzjoni dwar ir-rieżami tal-politika kummerċjali jisħqu fuq l-importanza li jitfanndu s-sħubijiet internazzjonali, jiġu diversifikati r-relazzjonijiet kummerċjali u jiġu sfruttati l-ftuħ u l-attraenza tas-suq uniku tal-UE.
Il-miżuri f’din il-Komunikazzjoni, miġbura f’ħames oqsma ewlenin, jistgħu jaħdmu flimkien biex jisfruttaw il-preġji tas-suq uniku, il-bażi industrijali u tat-talent mill-aktar soda, l-istituzzjonijiet stabbli, u s-soċjetajiet demokratiċi biex jixprunaw l-innovazzjoni tat-teknoloġija profonda fl-UE, jiksbu riżultati fejn jidħlu l-opportunitajiet offruti mit-tranżizzjoni doppja, u jibnu sħubijiet dinjin dejjiema filwaqt li jissodisfaw il-ħtieġa għal awtonomija strateġika miftuħa futura. Il-miżuri jibnu fuq inizjattivi passati u attwali, biex itejbu l-prestazzjoni tal-innovazzjoni tal-UE flimkien mal-objettivi u l-prijoritajiet taż-Żona l-ġdida Ewropea tar-Riċerka (ŻER), iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni (EEA), l-istrateġija Ewropea għall-universitajiet, il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali, u l-għanijiet tad-Deċennju Diġitali u l-miri assoċjati ta’ 20 miljun speċjalist fl-ICT sal-2030. L-għan ta’ din il-Komunikazzjoni kien kondiviż ukoll mill-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa fir-rapport finali tagħha ta’ Mejju 2022, li appellat biex “tiġi żgurata parteċipazzjoni akbar tan-negozji ġodda u l-SMEs fi proġetti ta’ innovazzjoni peress li din iżżid is-saħħa innovattiva, il-kompetittività u n-networking tagħhom.” Il-Komunikazzjoni tagħti wkoll ħarsa ġenerali tal-prestazzjoni tal-innovazzjoni tal-UE, mistħarrġa f’aktar dettall fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal mehmuż magħha.
2. IL-PERSPETTIVI EWROPEJ – SFIDI U INIZJATTIVI EWLENIN
2.1. Aċċess għall-finanzjament lin-negozji tat-teknoloġija profonda li qed jespandu
2.1.1. Sfidi
L-Ewropa hija waħda mir-reġjuni li qed jikbru malajr ħafna fejn jidħol l-investiment kapitali privat. Bejn l-2016 u l-2020, kellha tkabbir aktar mgħaġġel miċ-Ċina u mill-Istati Uniti, għalkemm minn bażi aktar baxxa. In-negozji ġodda Ewropej kienu 33% tal-kapital kollu investit fix-xenarju dinji f’ċikli sa USD 5 miljun meta mqabbla ma’ 35% fl-Istati Uniti.
Bit-twaqqif tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (EIC), l-aktar negozji ġodda promettenti fit-teknoloġija profonda fl-Ewropa jistgħu jiksbu appoġġ addizzjonali biex jespandu l-innovazzjonijiet rivoluzzjonarji tagħhom b’kombinament uniku ta’ għotjiet pubbliċi u investiment fl-ekwità paċenzjuż permezz tal-Fond EIC. Il-Fond mistenni jsir l-akbar investitur tat-teknoloġija profonda fi stadju bikri fl-Ewropa: jingrana baġit ta’ EUR 10 biljun għall-EIC biex jakkumola bejn EUR 30 u EUR 50 biljun minn investituri privati oħra.
Il-miżuri tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU) u l-appoġġ ta’ InvestEU, b’dan tal-aħħar jimmobilizza aktar minn EUR 370 biljun f’investimenti addizzjonali, se jinċentivaw aktar l-investiment privat biex jappoġġaw dawn l-innovazzjonijiet fl-Ewropa. Dan jinkludi l-isforzi biex titħaddem frazzjoni ta’ madwar EUR 13-il triljun f’“assi mmaniġġjati” (AUM) ta’ investituri istituzzjonali/privati fit-tul ibbażati fl-UE bħall-fondi tal-pensjoni u l-kumpaniji tal-assigurazzjoni, f’fondi ta’ kapital tar-riskju li qed jespandu fl-UE.
Madankollu, l-UE għandha għadd ferm inqas ta’ negozji tat-teknoloġija li qed jespandu mill-Istati Uniti u miċ-Ċina, u l-finanzjament lin-negozji li qed jespandu għadu lura minn dak lin-negozji ġodda. Hemm għadd ta’ fatturi qed iżommu lill-UE lura. Il-prodotti bankarji tradizzjonali, bħas-self, il-linji ta’ kreditu u is-self kurrenti bankarju għadhom is-sors ewlieni tal-finanzjament estern għall-intrapriżi Ewropej. Ir-riżorsi alternattivi bbażati fuq is-suq, bħall-ekwità, għandhom rwol relattivament żgħir fl-UE, u s-sistema fiskali ssaħħaħ l-istatus quo, għax il-pagamenti tal-imgħax fuq il-finanzjament b’dejn huma taxxabbli, filwaqt li f’ħafna mill-Istati Membri, il-kostijiet relatati mal-finanzjament mill-ekwità esterna mhumiex.
In-natura immedjata tal-finanzjament tradizzjonali u l-iżvantaġġ fiskali komparattiv tal-ekwità meta mqabbla mad-dejn huma restrizzjoni ġmielha għall-investimenti fl-innovazzjoni, b’mod notevoli fil-każ tal-espansjonijiet. L-innovazzjoni tat-teknoloġija profonda teħtieġ ammonti kbar ta’ kapital paċenzjuż għax b’mod ġenerali, il-kumpaniji kkonċernati: ma jkollhomx flussi ta’ dħul stabbiliti u fluss ta’ flus garantit; ikollhom ħafna proprjetà intellettwali (IP) iżda ftit kollateral tanġibbli; u jieħdu ż-żmien biex jużaw ir-riżultati tagħhom, kemm bħala prodotti kummerċjabbli u anki bħala redditi finanzjarji.
Meta mqabbla mal-Istati Uniti u maċ-Ċina, l-UE tbati wkoll minn nuqqas ta’ fondi kbar tal-kapital tar-riskju (VC) li lesti jissottoskrivu valuri ta’ tranżazzjonijiet kbar. Id-distribuzzjoni tal-investituri tal-VC f’tipi differenti ta’ investituri toħroġ fid-dieher li l-fondi tal-pensjoni u l-kumpaniji tal-assigurazzjoni jirrappreżentaw biss 12,7% tal-fondi totali tal-VC akkumolati fl-UE fl-2020. L-aġenziji governattivi, min-naħa l-oħra, kienu jirrappreżentaw l-akbar sehem (kważi 35%). Dan jixhed in-natura frammentata u avversa għar-riskju tas-suq Ewropew tal-VC, b’ħafna investituri jiffokaw fuq swieq ristretti u reġjonali fi stadju bikri, u b’hekk fl-Ewropa qed ikollna inqas ċikli tal-investiment u ċikli iżgħar fi stadju tard.
Il-maġġoranza taċ-ċikli akbar tal-investiment ġew xprunati minn investituri barranin (fondi tal-VC mhux ibbażati fl-UE), filwaqt li anki l-Offerti Pubbliċi Inizjali (IPOs) jaqdu rwol relattivament żgħir fil-finanzjament fl-UE meta mqabbla mal-Istati Uniti. Suq tal-IPO żgħir jillimita s-sorsi tal-finanzjament tal-ekwità għall-kumpaniji u l-opportunitajiet tal-investiment għall-investituri. Dan jillimita wkoll ir-rotot tal-ħruġ għall-investituri tal-VR u tal-ekwità privata li setgħu jinvestu fi stadju aktar bikri tal-iżvilupp tal-kumpanija. Fl-2020, 5% biss tad-divestiment totali sar permezz tal-IPOs fl-UE, meta mqabbel mat-30% rrappurtat fl-Istati Uniti. Hemm evidenza li flimkien, dawn il-fatturi ġiegħlu lill-kumpaniji Ewropej biex jirrilokaw, inkluż b’elenkar u ħruġ barra mill-UE, inkluż bejgħ kummerċjali.
Barra minn hekk, in-nisa u l-persuni minn sfondi diversi għadhom sottorappreżentati kemm fin-negozji ġodda tat-teknoloġija profonda, u anki fil-fondi tal-investiment minkejja korrelazzjonijiet ċari bejn it-tkabbir tal-kumpaniji u l-preżenza ta’ timijiet diversi, li jinkludu n-nisa, fil-pożizzjonijiet tat-tmexxija. Fl-2020, il-kumpaniji tat-teknoloġija b’fundaturi nisa biss ħadu biss 1,7% tal-kapital iġġenerat fis-swieq tal-VC Ewropej, u d-differenza bejn il-kumpaniji mmexxija mill-irġiel u dawk b’fundaturi mħallta u/jew nisa baqgħet sinifikanti kemm mil-lat ta’ kapital miġbur u anki mil-lat ta’ għadd ta’ ftehimiet. L-evidenza tindika nuqqas simili fir-rappreżentanza fir-rigward ta’ gruppi minoritarji oħra. Dan jillimita l-fluss tal-ideat u tat-talenti li jaqdu l-ħtiġijiet tal-popolazzjoni u tal-opportunitajiet diversi tal-UE fis-swieq dinjin.
2.1.2 Inizjattiva ewlenija għal finanzjament lin-negozji tat-teknoloġija profonda li qed jespandu
Din l-inizjattiva ewlenija tiffoka fuq miżuri li jħaffu t-tkabbir tan-negozji ġodda tat-teknoloġija profonda fl-UE. Bħala finanzjament lin-negozji li qed jespandu, sal-2025 jistgħu jiġu mmobilizzati madwar EUR 45 biljun minn sorsi mhux sfruttati tal-kapital privat, u anki l-kost tal-elenkar fis-swieq pubbliċi jista’ jitnaqqas.
Riekwilibriju tal-inċentivi bejn id-dejn u l-ekwità
Il-Kummissjoni pproponiet provvediment ta’ tnaqqis tal-predispożizzjoni favur id-dejn (DEBRA) fuq it-taxxa korporattiva li jżid id-disponibbiltà tal-ekwità u jagħmilha aktar attraenti għall-kumpaniji għax inaqqas il-kost tal-ekwità ġdida madwar l-UE. Malli l-Kunsill jadottaha, din tista’ tipprovdi provvediment fuq il-kost tal-ġbir tal-ekwità flimkien ma’ limitazzjoni tat-tnaqqis tal-imgħax. Il-korporazzjonijiet kollha nonfinanzjarji jkunu eliġibbli għal provvediment fuq ekwità ġdida u l-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) jistgħu jirċievu rata tal-imgħax nozzjonali ogħla (jiġifieri jibbenefikaw minn tnaqqis akbar) meta mqabbla ma’ ditti akbar.
Elenkar
F’konformità mal-objettivi tal-Pjan ta’ Azzjoni 2020 tal-Kummissjoni għall-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU), fit-tieni nofs tal-2022 il-Kummissjoni se tipproponi Att dwar l-Elenkar. L-Att dwar l-Elenkar se jissimplifika u jiffaċilita kemm ir-rekwiżiti għall-elenkar inizjali kif ukoll dawk li jinsabu għaddejjin għal ċerti tipi ta’ kumpaniji sabiex jitnaqqsu l-kostijiet u tiżdied iċ-ċertezza legali għall-emittenti, filwaqt li jiġu ssalvagwardjati l-protezzjoni tal-investituri u l-integrità tas-suq. Biex ċerti fundaturi u familji (eż. emittenti li jelenkaw fuq swieq tat-tkabbir tal-SMEs) ikunu jistgħu jżommu kontroll wara l-elenkar, filwaqt li jiġbru ammont akbar ta’ fondi u jgawdu l-benefiċċji assoċjati mal-elenkar, l-Att dwar l-Elenkar jista’ jipproponi wkoll armonizzazzjoni minima tar-reġimi legali nazzjonali relatati mal-istrutturi tal-Kondiviżjoni ta’ Klassi Doppja madwar l-UE. Barra minn hekk, bis-saħħa ta’ garanzija tal-UE bl-inizjattiva tal-IPOs għall-SMEs ta’ InvestEU, il-Fond Ewropew tal-Investiment se jinvesti fl-SMEs li jkunu se jagħmlu offerta pubblika inizjali jew li jkun beħsiebhom jagħmlu dan. Dan se jattira investimenti privati addizzjonali li jappoġġaw l-espansjoni u t-tkabbir tal-SMEs.
Finanzjament tal-kapital tar-riskju fi stadju aktar tard
Il-Ftehim ta’ Garanzija ta’ InvestEU ffirmat mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Grupp tal-BEI f’Marzu 2022 iwitti t-triq għall-implimentazzjoni tal-prodotti finanzjarji ta’ InvestEU fit-taqsima ta’ Riċerka, Innovazzjoni u Diġitalizzazzjoni li biha l-Grupp tal-BEI se juża EUR 5,5 biljun biex jappoġġa innovazzjonijiet rivoluzzjonarji sal-2027. Filwaqt li jibni fuq proġett pilota li rnexxa, il-mekkaniżmu Ewropew ta’ Azzjoni għal Negozji li Qed Jespandu għall-Kapital ta’ Riskju (ESCALAR) se jiġi estiż permezz ta’ InvestEU. L-espansjoni se tattira aktar fondi privati u investituri istituzzjonali ġodda b’mod partikolari, billi tikkumplimenta l-ekwità tal-VC bi kważi ekwità bi profil tar-riskju mnaqqas. Dan għandu l-potenzjal li jirdoppja l-kapaċità tal-investiment ta’ fond tal-VC partikolari mingħajr ma jfixkel il-karattru tax-xenarju tal-VC Ewropew billi jattira investiment privat addizzjonali b’approċċ mhux paripassu.
B’appoġġ għal dan, il-Kummissjoni se tlaqqa’ lil mexxejja ta’ investituri istituzzjonali kbar (fondi tal-pensjoni, tal-assigurazzjoni u tal-investiment sovran) biex tesplora opportunitajiet u rekwiżiti ħalli jiżdiedu l-investimenti fil-fondi tal-VC. Se tesplora wkoll sforzi biex l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-esperti tal-investiment tagħhom jkollhom l-għajnuna biex jivvalutaw, jagħtu valur lill-assi intanġibbli u jivvalorizzawhom aħjar ħalli jiffaċilitaw l-użu tal-IPs bħala kollateral mill-SMEs permezz ta’ InvestEU.
Barra minn hekk, flimkien mal-Istati Membri u l-BEI, il-Kummissjoni se tivvaluta l-kumplimentarjetajiet bejn l-istrumenti tal-finanzjament eżistenti tal-UE u inizjattivi riċenti bħall-Inizjattiva Ewropea taċ-Champions tat-Teknoloġija (ETCI, li għaliha l-Grupp tal-BEI inizjalment se jimpenja sa EUR 500 miljun), biex jiġi indirizzat id-distakk fl-espansjoni għall-kumpaniji Ewropej tat-teknoloġija profonda.
Aktar Diversità u Titjib fil-Fluss tal-Kummerċ
Il-Kummissjoni se taħdem fuq proġett pilota għall-indiċi tal-innovazzjoni fir-rigward tal-ġeneru u d-diversità. Dan se jinkludi data dwar in-nisa u gruppi oħra rappreżentati inqas, inkluż il-persuni b’diżabbiltà, f’negozji innovattivi ġodda u li qed jespandu, u fost l-investituri u l-fondi li jinvestu f’kumpaniji bħal dawn. Dan se jiġi infurmat minn studju li jivvaluta d-distakk fl-investiment bejn il-ġeneri, kemm fil-livell tal-kumpaniji mmexxija min-nisa u anki fil-livell tal-fondi mmexxija min-nisa. L-istudju se jiżviluppa metodoloġija armonizzata għal ġbir sod u sistematiku tad-data u jissuġġerixxi analitika tad-data adegwata, biex il-politika tkun infurmata aħjar. Programmi bħal Women2Invest tal-EIT, se jkomplu jappoġġaw l-isforzi biex tiżdied id-diversità billi jgħinu lill-investituri jingħaqdu ma’ ġabra aktar diversa ta’ talent, u jirreklutaw minn fostha.
2.2 Kundizzjonijiet qafas għall-innovazzjoni tat-teknoloġija profonda
2.2.1. Sfidi
Il-kundizzjonijiet qafas, inkluż ir-regolamenti, jistgħu jixprunaw jew ifixklu l-iżvilupp u l-adozzjoni tal-prodotti u l-proċessi ġodda innovattivi.
L-UE ħadet passi biex issaħħaħ l-integrazzjoni fis-suq uniku u tadotta regolamenti li jibbilanċjaw il-ħtieġa ta’ protezzjoni mal-ħtieġa ta’ innovazzjoni, kif evidenzjat fil-linji gwida tal-Kummissjoni dwar regolamentazzjoni aħjar u fis-sett ta’ għodod assoċjat. Il-klawżoli ta’ esperimentazzjoni li jwittu t-triq għal evoluzzjoni aktar dinamika tar-regolamenti jeżistu fl-isfera diġitali, u l-Infrastruttura Ewropea tal-Blockchain għas-Servizzi (EBSI) iffinanzjata mill-programm Ewropa Diġitali hija eżempju partikolari bħal dan li jipprovdi pjattaforma pan-Ewropea għal skopijiet ġenerali għas-servizzi pubbliċi transfruntieri. L-evalwazzjoni riċenti tal-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà sabet ukoll li l-istabbiliment ta’ kooperazzjoni strutturata madwar l-interoperabbiltà tas-servizzi pubbliċi diġitali jista’ jħalli impatt materjali fuq l-innovazzjoni fis-settur pubbliku. Is-setturi tat-trasport u tal-enerġija wkoll ibbenefikaw minn approċċi bħal dawn f’xi Stati Membri.
Aktar riċenti, il-proposta riveduta tal-Kummissjoni dwar id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli pprovdiet ambitu biex jinħolqu sandboxes regolatorji li jrawmu l-innovazzjoni fis-settur tal-enerġija rinnovabbli, u saret rakkomandazzjoni bħala parti mill-Pjan REPowerEU dwar permessi malajr għall-introduzzjoni ta’ proġetti tal-enerġija rinnovabbli.. Il-proposta għal Direttiva riveduta dwar l-Emissjonijiet Industrijali (IED) tippromwovi wkoll l-adozzjoni ta’ teknoloġiji u tekniki innovattivi matul it-trasformazzjoni industrijali attwali billi, fost l-oħrajn, tipprevedi derogi temporanji dwar il-limiti tal-emissjonijiet ħalli jiġu ttestjati tekniki emerġenti, jew tiġi implimentata teknika tal-ogħla livell. Barra minn hekk, il-laboratorji ħajjin għal soluzzjonijiet diġitali ekoloġiċi u għal tniġġis żero intelliġenti skont il-Pjan ta’ Azzjoni għal Tniġġis Żero se jappoġġaw il-ħidma bi sħab bejn l-awtoritajiet reġjonali u lokali u l-partijiet ikkonċernati biex jinħolqu azzjonijiet lokali għal tranżizzjoni ekoloġika u diġitali.
Madankollu, in-natura tal-innovazzjonijiet rivoluzzjonarji tat-teknoloġija profonda u l-urġenza tat-tranżizzjoni doppja jitolbu aktar progress fl-oqfsa regolatorji responsabbli li jiffaċilitaw l-esperimentazzjoni mill-innovaturi, jiżguraw l-aċċettazzjoni pubblika u jippermettu t-tagħlim u l-adattament mir-regolaturi f’oqsma ġodda. Hemm ukoll ambitu konsiderevoli biex wieħed jitgħallem minn approċċi distinti li tħaddmu fl-Istati Membri tal-UE biex jiġu ċċarati l-alternattivi disponibbli għall-innovaturi u r-regolaturi, biex tiġi ffaċilitata din l-esperimentazzjoni.
Barra minn hekk, l-isfruttament tar-rwol tas-settur pubbliku bħala klijent ewlieni jista’ jifforma s-swieq, jipprovdi servizzi mtejba u aċċessibbli, jattira l-investiment privat meta altrimenti ma jsirx, u b’mod importanti, ikun l-ewwel klijent vitali ta’ negozji ġodda innovattivi. Fl-UE, l-awtoritajiet pubbliċi jonfqu madwar 14% tal-PDG (madwar EUR 2 triljun fis-sena) għall-akkwist tal-prodotti u s-servizzi. Skont il-parametraġġ referenzjarju tal-UE kollha, l-immodernizzar tas-servizzi pubbliċi u t-tisħiħ tal-kompetittività industrijali tal-UE globalment jeħtieġu rduppjar tal-investimenti fl-akkwist tal-innovazzjoni. Sal-lum, filwaqt li 81% tal-pajjiżi tal-OECD żviluppaw strateġiji nazzjonali b’politiki li jrawmu l-akkwist tal-innovazzjoni, terz biss tal-Istati Membri tal-UE għandhom strateġiji bħal dawn. Id-data li tista’ tgħin biex jitjiebu l-approċċi eżistenti hija nieqsa jew inkonsistenti, u b’hekk jixxekkel it-teħid tad-deċiżjonijiet infurmati.
2.2.2 Inizjattiva ewlenija biex niffaċilitaw l-innovazzjoni tat-teknoloġija profonda bi spazji tal-esperimentazzjoni u l-akkwist pubbliku
Din l-inizjattiva ewlenija tiffoka fuq l-iffaċilitar tal-innovazzjoni permezz ta’ kundizzjonijiet qafas aħjar, inkluż b’approċċi esperimentali għar-regolamentazzjoni, permezz tal-hekk imsejħa sandboxes regolatorji, kif ukoll bankijiet tat-test, laboratorji ħajjin u akkwist tal-innovazzjoni.
Sandboxes regolatorji
Il-Kummissjoni se toħroġ dokument ta’ gwida fl-ewwel nofs tal-2023 biex tiċċara l-każijiet tal-użu rilevanti tas-sandboxes regolatorji, il-bankijiet tat-test u l-laboratorji ħajjin ħalli tappoġġa lil dawk li jfasslu l-politika u lill-innovaturi fl-approċċ tagħhom għall-esperimentazzjoni fl-UE. Dokument ta’ ħidma tal-persunal se jagħti ħarsa ġenerali lejn il-klawżoli prinċipali eżistenti tal-esperimentazzjoni u s-sandboxes regolatorji fil-liġi tal-UE, u se jingħata appoġġ għall-innovaturi biex jidentifikaw oqsma u jistabbilixxu spazju tal-esperimentazzjoni, bħal sandboxes regolatorji, laboratorji ħajjin jew bankijiet tat-test, li jiffaċilitaw l-użu tat-teknoloġiji fixkiela permezz ta’ sejħiet futuri.
Fl-2023, il-Kummissjoni se tappoġġa wkoll il-ħolqien tal-Inkubatur ta’ GovTech: ftehim għal kollaborazzjoni transfruntiera bejn l-aġenziji tad-diġitalizzazzjoni biex idaħħlu soluzzjonijiet innovattivi tal-gvern diġitali permezz tal-programm Ewropa Diġitali.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tħaddem proġett pilota fl-għamla ta’ Grupp Konsultattiv dwar ir-Regolamenti li Jirrispettaw l-Innovazzjoni, li jkun grupp li jipprovdi konsulenza tal-politiki upstream dwar it-teknoloġiji ġodda fir-rigward tal-mudelli tal-ambjent regolatorju u tan-negozju, biex jiffoka fuq l-użu ta’ teknoloġiji diġitali avvanzati fis-servizzi pubbliċi. Dan se jinkludi, b’mod partikolari, l-implimentazzjoni ta’ każijiet tal-użu partikolari fis-settur pubbliku u r-rekwiżiti tal-interoperabbiltà għas-soluzzjonijiet diġitali adottati mill-amministrazzjonijiet pubbliċi fl-UE. Il-konsulenza tal-grupp tista’ tappoġġa wkoll azzjonijiet u programmi relatati mal-akkwist pubbliku u l-esperimentazzjoni b’teknoloġiji diġitali emerġenti avvanzati mill-awtoritajiet pubbliċi f’ambjenti kkontrollati (sandboxes regolatorji).
Bankijiet tat-test
Fl-2023, il-Kummissjoni se tistabbilixxi bank tat-test ġdid għal innovazzjoni miftuħa fl-idroġenu rinnovabbli permezz ta’ Orizzont Ewropa ħalli tagħti aċċess għal faċilitajiet, kapaċitajiet u servizzi fiżiċi. Bħala parti mill-bank tat-test għal innovazzjoni miftuħa, il-partijiet implimentatorji se jfittxu gwida dwar il-konformità mal-oqfsa legali u regolatorji Ewropej u dwar iż-żieda fiċ-ċirkolarità skont id-disinn (valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja), biex jappoġġaw l-iżvilupp ta’ ekonomija vibranti tal-idroġenu tul il-katina tal-valur kollha. L-għarfien mit-22 bank tat-test għal innovazzjoni miftuħa li jappoġġaw l-adozzjoni industrijali tal-innovazzjonijiet teknoloġiċi fl-oqsma tan-nanoteknoloġija u tal-materjali avvanzati se jinforma l-applikabbiltà futura ta’ dan l-approċċ. Dan se jiġi kkumplimentat b’pariri mingħand gruppi ta’ livell għoli bħal “Grupp Ġdid tat-Teknoloġija tal-Mobbiltà” dwar l-iffaċilitar tal-ittestjar u l-provi tat-teknoloġiji u s-soluzzjonijiet tal-mobbiltà emerġenti fl-UE (bank tat-test Ewropew tal-mobbiltà).
Aċċess għall-infrastruttura tal-innovazzjoni
Il-Qafas rivedut dwar l-Għajnuna mill-Istat għar-Riċerka u l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni (RŻI) se jinkludi, mal-adozzjoni, regola ġdida biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħtu għotja għall-kostruzzjoni u l-aġġornament tal-infrastrutturi tal-ittestjar u tal-esperimentazzjoni. Din se tiżgura li l-qafas tar-RŻI flimkien mar-Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (GBER) ikunu jistgħu jgħinu lill-Istati Membri biex dawn jappoġġaw it-twettiq tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tal-istrateġiji Industrijali u Diġitali tal-Kummissjoni.
Fl-2023, il-Kummissjoni se tniedi wkoll faċilitajiet tal-ittestjar u l-esperimentazzjoni għal innovazzjoni fl-AI fil-livell Ewropew. Permezz tagħhom, l-innovaturi jkunu jistgħu jittestjaw soluzzjonijiet u prodotti mill-aktar avvanzati f’ambjenti tad-dinja reali u b’mod skalat.
Akkwist tal-innovazzjoni
Il-Kummissjoni se tappoġġa l-formazzjoni ta’ servizz ta’ konsulenza speċjalizzat fl-akkwist tal-innovazzjoni. Dan se jaġixxi bħala intermedjarju bejn l-akkwirenti pubbliċi u l-fornituri innovattivi. Il-Kummissjoni se tappoġġa wkoll, pereżempju, il-ħolqien ta’ laboratorji ħajjin u inkubaturi biex tgħaqqad lill-innovaturi u lill-amministraturi pubbliċi ħalli jipprovdu soluzzjonijiet innovattivi f’oqsma ta’ ħtieġa pubblika. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se taġġorna l-parametraġġ referenzjarju tagħha għall-UE kollha tal-oqfsa ta’ politika nazzjonali u l-investimenti dwar l-akkwist tal-innovazzjoni fl-Ewropa, u se tivvaluta l-adozzjoni tal-proċedura ta’ sħubija għall-innovazzjoni fid-Direttiva tal-2014 dwar l-akkwist flimkien ma’ dik dwar l-akkwist prekummerċjali, li ma jaqgħux fid-direttivi dwar l-akkwist u l-ftehimiet internazzjonali dwar l-akkwist.
2.3. Nippromwovu ekosistemi tal-innovazzjoni u nindirizzaw id-distakki tal-innovazzjoni fl-UE
2.3.1 Sfidi
Il-prestazzjoni tal-innovazzjoni tal-UE kompliet titjieb tul il-perjodu 2014-2021. Din tista’ tikkompeti b’mod effettiv mal-ekonomiji ewlenin fid-dinja billi tibni ekosistema reali tal-innovazzjoni pan-Ewropea sostnuta b’ekosistemi tal-innovazzjoni reġjonali sodi u tikkapitalizza fuq l-esperjenza, il-ħtiġijiet, il-viżjoni u l-perċezzjonijiet ta’ firxa dejjem aktar diversa ta’ individwi, kumpaniji u postijiet.
L-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti jaqdu rwol ċentrali fit-tisħiħ tal-ekosistemi tal-innovazzjoni reġjonali ħalli jkunu attrezzati aħjar biex jistimolaw u jsostnu t-tkabbir ekonomiku. Dawn jipprovdu l-qafas għall-appoġġ tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) għar-riċerka u l-innovazzjoni, li jammonta għal madwar EUR 56 biljun għall-perjodu 2021-2027. Il-Pjattaformi u s-sħubijiet Tematiċi ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti saru wkoll għodod ewlenin għall-konnessjoni tal-innovaturi b’qawwiet u prijoritajiet simili jew kumplimentari fl-Istati Membri u r-reġjuni kollha, inkluż f’oqsma tat-teknoloġija kruċjali għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali doppja. Fl-aħħar sitt snin, saru 37 sħubija interreġjonali li jinvolvu 180 territorju minn 33 pajjiż tal-UE u mhux tal-UE li taw appoġġ bħal dan f’oqsma bħall-materjali avvanzati tal-batteriji, u t-teknoloġija tal-idroġenu u taċ-ċelluli tal-fjuwil.
L-infrastrutturi tar-riċerka u t-teknoloġija qed jgħinu wkoll biex jattiraw l-aħjar riċerkaturi, inġiniera, tekniċi, u studenti, u kapaċi jirfdu l-ekosistemi reġjonali u l-ekosistemi tal-innovazzjoni reġjonali. Fir-reġjuni madwar l-Ewropa, l-allinjament tal-appoġġ mill-FEŻR mal-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti qed irawwem innovazzjoni bbażata skont il-post u jistimola investimenti allinjati mal-ħtiġijiet u mal-opportunitajiet tan-negozju reġjonali. Dan wassal biex jinħolqu ċentri reġjonali tal-innovazzjoni u raggruppamenti industrijali bbażati fuq il-kopożizzjoni tal-infrastrutturi tar-riċerka, tal-HEIs, tal-organizzazzjonijiet tar-riċerka u tat-teknoloġija, u tal-industrija (eż., Grenoble, Hamburg jew Brno). Il-Pjattaforma Ewropea ta’ Kollaborazzjoni bejn ir-Raggruppamenti (ECCP) tagħti ħarsa ġenerali lejn l-ispeċjalizzazzjoni, u anki lejn l-impatt ta’ raggruppamenti bħal dawn madwar 201 reġjun Ewropew, u l-programmi tal-UE inkluż ħidmet in-Network Enterprise Europe (EEN) li jiffaċilitaw il-konnessjonijiet kritiċi mas-sħab internazzjonali u l-ktajjen tal-provvista b’mod li jixhed l-importanza tal-ftuħ u tas-sħubijiet kummerċjali għall-ekonomija tal-UE. Il-Kummissjoni nediet ukoll l-inizjattiva tal-Immappjar Komuni tal-Atturi li Jappoġġaw l-Innovazzjoni biex tipprovdi mmappjar komprensiv tal-atturi li jappoġġaw l-innovazzjoni, u faċilitajiet tal-appoġġ tal-ogħla livell fl-ekosistemi reġjonali kollha tal-innovazzjoni madwar l-Ewropa.
Din il-ħidma hija apparti l-finanzjament għall-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) u għall-Ekosistemi Ewropej tal-Innovazzjoni (EIE) mill-Pilastru III ta’ Orizzont Ewropa “Ewropa Innovattiva”, li qed tifrex il-pedament għal Ekosistema tal-Innovazzjoni pan-Ewropea li tgħaqqad l-ekosistemi tal-innovazzjoni reġjonali madwar l-UE. L-Iskema ta’ Innovazzjoni Reġjonali (RIS) tal-EIT tiffoka fuq l-iżvilupp ta’ ekosistemi tal-innovazzjoni f’reġjuni b’nuqqas ta’ prestazzjoni fl-innovazzjoni madwar l-Ewropa, u tiffoka wkoll fuq ir-rabta ta’ dawn l-ekosistemi ma’ strateġiji lokali u reġjonali ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti. Dan se jiġi kkumplimentat b’sett ġdid ta’ proġetti tal-EIE li jgħaqqdu l-ekosistemi tal-innovazzjoni reġjonali żviluppati sew mal-ekosistemi inqas żviluppati, u li jiżguraw l-arrikkiment reċiproku.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tkompli tħeġġeġ aktar koerenza u sinerġiji akbar bejn il-politiki tal-UE u l-mekkaniżmi tal-finanzjament li jappoġġaw l-innovazzjoni tan-negozju fil-livelli kollha inkluż mill-Istati Membri skont l-Aġenda ta’ Politika l-Ġdida taż-ŻER. Dan jinkludi l-pjanijiet direzzjonali tat-teknoloġija industrijali li għandhom l-iskop jallinjaw l-investimenti fir-riċerka u l-innovazzjoni fil-livelli tal-UE u nazzjonali biex irawmu l-iżvilupp u l-adozzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi u ċ-ċentri taż-ŻER. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) se tkompli tappoġġa dawn l-iżviluppi. Se jitwarrbu EUR 44 biljun (bi prezzijiet tal-2021) fl-għamla ta’ self u għotjiet biex jiġu indirizzati l-isfidi speċifiċi għall-pajjiżi identifikati fis-Semestru Ewropew u titħeġġeġ it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali li se tikkontribwixxi għar-reżiljenza tas-sistema kollha.
Tħaddmu wkoll għadd ta’ mudelli ġodda tal-kollaborazzjoni, inkluż bl-Alleanzi Industrijali li jlaqqgħu flimkien firxa wiesgħa ta’ sħab f’xi industrija jew katina tal-valur partikolari, inkluż partijiet ikkonċernati mis-settur pubbliku u dak privat, u Proġetti Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni (IPCEI), li jippermettu l-kummerċjalizzazzjoni ta’ innovazzjonijiet rivoluzzjonarji li jintegraw l-isforzi ta’ bosta Stati Membri tal-UE b’appoġġ għall-istrateġija industrijali tal-UE f’oqsma bħall-idroġenu rinnovabbli u b’livell baxx tal-karbonju u l-mikroelettronika. Barra minn hekk, in-network taċ-Ċentri Ewropej tal-Innovazzjoni Diġitali se jappoġġa l-innovazzjoni diġitali fl-SMEs u fl-amministrazzjonijiet pubbliċi fir-reġjuni kollha tal-UE, billi jikkumplimenta l-istrateġiji tad-diġitalizzazzjoni nazzjonali u reġjonali ħalli jgħin lill-kumpaniji jinnovaw u jsiru aktar kompetittivi bl-użu tat-teknoloġiji diġitali.
Minkejja dawn l-isforzi, id-disparitajiet reġjonali fil-prestazzjoni tar-riċerka u tal-innovazzjoni għadhom profondi fl-UE u dan id-distakk fl-innovazzjoni qed jikber. Id-diffużjoni tal-innovazzjonijiet u l-adozzjoni ta’ teknoloġiji rivoluzzjonarji inkluż b’rabtiet interreġjonali għandhom subottimali, u hemm ukoll potenzjal mhux sfruttat fl-ekosistemi tal-innovazzjoni reġjonali, ħafna drabi ċċentrat madwar l-organizzazzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, tar-riċerka jew tat-taħriġ. Dawn jistgħu jikkontribwixxu għas-setturi industrijali u għall-ktajjen tal-valur dinjin, iżda bħalissa jaf ma għandhomx inċentivi, esperjenza u riżorsi biex jinvolvu ruħhom b’mod aktar attiv, speċjalment fir-reġjuni inqas żviluppati.
Dan id-distakk fil-prestazzjoni tal-innovazzjoni, rifless minn tnaqqis fit-tkabbir ekonomiku, fil-konnettività u fl-introjtu, flimkien ma’ żidiet fl-inugwaljanzi, qed idgħajjef il-prestazzjoni tal-ekosistema tal-innovazzjoni tal-UE kollha kemm hi u jxekkel il-koeżjoni fl-UE.
2.3.2 Inizjattiva ewlenija biex inħaffu u nsaħħu l-innovazzjoni fl-Ekosistemi Ewropej tal-Innovazzjoni madwar l-UE u nindirizzaw id-distakk fl-innovazzjoni
Din l-inizjattiva ewlenija għandha l-għan li tħaffef l-innovazzjoni u tixpruna l-eċċellenza madwar l-UE permezz ta’ diversi għodod. Tiffoka fuq il-ħolqien tal-bażi għall-emerġenza ta’ widien tal-innovazzjoni reġjonali konnessi madwar l-UE, b’mod notevoli bl-involviment ta’ reġjuni bi prestazzjoni baxxa fl-innovazzjoni, abbażi ta’ oqsma strateġiċi ta’ potenzjal u speċjalizzazzjoni reġjonali, b’appoġġ għall-prijoritajiet ewlenin tal-UE.
Inrawmu widien tal-innovazzjoni reġjonali fit-teknoloġija profonda madwar l-UE
Din l-azzjoni għandha l-għan issaħħaħ l-ekosistemi tal-innovazzjoni fl-UE billi tħaffef l-iżvilupp u l-introduzzjoni tal-innovazzjoni, inkluż tal-innovazzjoni tat-teknoloġija profonda. Din tlaqqa’ flimkien reġjuni inqas u aktar innovattivi biex tindirizza l-aktar sfidi diffiċli li qed tiffaċċja l-UE, jiġifieri t-tnaqqis tad-dipendenza fuq il-fjuwils fossili, iż-żieda fis-sigurtà dinjija tal-ikel, il-ħakma tat-trasformazzjoni diġitali (inkluż taċ-ċibersigurtà), it-titjib fil-kura tas-saħħa, u l-kisba taċ-ċirkolarità.
Din se titnieda sa tmiem l-2023 u se tidentifika sa 100 reġjun li jkunu impenjati jtejbu l-koordinazzjoni u d-direzzjonalità tal-investiment u l-politiki tagħhom fir-riċerka u fl-innovazzjoni, fil-livell reġjonali. Dawn ir-reġjuni mistennija jagħtu prijorità lil tliet jew erba’ proġetti tal-innovazzjoni interreġjonali, inkluż fl-innovazzjoni tat-teknoloġija profonda, marbuta mal-prijoritajiet ewlenin tal-UE. Se tibni fuq Strateġiji ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti u, meta applikabbli, fuq il-parteċipazzjoni fis-Sħubijiet għall-Innovazzjoni Reġjonali (PRIs), proġett pilota li jinvolvi 74 territorju tal-UE (inkluż 63 reġjun – NUTS2) li nedew il-Kummissjoni Ewropea u l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni f’April 2022.
Biex tikkapitalizza fuq investimenti bħal dawn u timmassimizza l-impatt tagħhom, il-Kummissjoni se tappoġġa l-isforzi biex id-diversità tat-territorji tal-UE tinbidel f’qawwa, billi tingrana l-assi speċifiċi ta’ kull reġjun u tiffaċilita l-kollaborazzjoni li tibni ktajjen tal-valur ġodda tal-UE. B’dan il-mod, ir-reġjuni b’oqsma allinjati ta’ speċjalizzazzjoni, b’kapaċitajiet kumplimentari, u b’livelli differenti ta’ prestazzjoni fl-innovazzjoni jkunu jistgħu jikkollaboraw flimkien u jmexxu ’l quddiem proġetti konġunti tal-innovazzjoni li jimmiraw il-prijoritajiet tal-UE.
B’finanzjament ta’ EUR 100 miljun minn Orizzont Ewropa u EUR 70 miljun mill-istrument tal-Investimenti Interreġjonali fl-Innovazzjoni (I3) permezz tal-FEŻR, se jingħata appoġġ lil attivitajiet tal-kollaborazzjoni interreġjonali li jinvolvu kollaborazzjoni bejn mill-inqas reġjun wieħed anqas innovattiv u reġjun ieħor aktar innovattiv. L-azzjonijiet appoġġati jistgħu jinkludu l-adozzjoni mis-suq tar-riċerka, l-appoġġ lill-kumpaniji biex iżidu l-ideat tagħhom, kif ukoll l-użu u l-wiri ta’ teknoloġiji profondi f’ambjenti tad-dinja reali u mal-utenti finali, l-aċċess għall-infrastruttura u l-għarfien espert transfruntieri, l-iskambju tal-persunal, it-taħriġ u l-iżvilupp tal-ħiliet, u l-iżvilupp ta’ standards u regolamenti permezz ta’ sandboxes u bankijiet tat-test. L-applikanti li jirnexxu fis-sejħiet konġunti ta’ Orizzont Ewropa u tal-Istrument ta’ Investiment Interreġjonali fl-Innovazzjoni (I3) se jiġu rikonoxxuti wkoll bħala “wied tal-innovazzjoni reġjonali”.
Il-widien tal-innovazzjoni reġjonali se jisfruttaw l-appoġġ disponibbli mill-programmi nazzjonali u reġjonali tagħhom tal-FEŻR ħalli jimmassimizzaw il-kontribut tagħhom meta jinvolvu ruħhom fl-attivitajiet interreġjonali, u jibbenefikaw minnhom. Hu stmat li l-Istati Membri se jkollhom disponibbli mill-inqas EUR 10 biljun permezz tal-Istrateġiji ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti, li jiġu direzzjonati lejn l-innovazzjoni reġjonali, inkluż fl-innovazzjoni tat-teknoloġija profonda, marbuta mal-prijoritajiet tal-UE.
Din l-azzjoni se tqis l-isforzi eżistenti mmirati biex isaħħu u jikkollegaw l-ekosistemi tal-innovazzjoni industrijali u reġjonali. Dan jinkludi l-I3 permezz tal-Politika ta’ Koeżjoni; Startup Villages bħala parti mill-Viżjoni fit-Tul tal-Politika taż-Żoni Rurali; Euroclusters permezz tal-Programm għas-Suq Uniku; u Orizzont Ewropa, inkluż l-Ekosistemi Ewropej tal-Innovazzjoni, Startup Europe, it-Twessigħ tal-Parteċipazzjoni u t-Tisħiħ taż-Żona Ewropea tar-Riċerka, Missjonijiet, u ħidmet il-Komunitajiet tal-Għarfien u l-Innovazzjoni tal-EIT (KICs) u r-RIS..
Sinerġiji bejn il-programmi tal-Politika ta’ Koeżjoni u Orizzont Ewropa
Biex tintlaħaq l-ambizzjoni li jinbnew sinerġiji akbar bejn il-Politika ta’ Koeżjoni u Orizzont Ewropa tul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027, il-Kummissjoni se tippubblika dokument gwida li jiddeskrivi l-kumplimentarjetajiet bejn l-istrumenti ta’ finanzjament rispettivi. Dan se jappoġġa lill-awtoritajiet maniġerjali tal-programmi tal-Politika ta’ Koeżjoni, lill-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali ta’ Orizzont Ewropa u lill-promoturi tal-proġetti biex jaħtfu l-opportunitajiet bl-aħjar mod ħalli jrawmu l-innovazzjoni fir-reġjuni kollha, bl-użu integrat ta’ dawn l-istrumenti ewlenin tal-UE li jiffaċilitaw l-użu u l-adozzjoni ta’ teknoloġiji avvanzati ffinanzjati bi programmi tar-riċerka u tal-innovazzjoni, u b’hekk jiżdied l-impatt tagħhom. It-tiftix għal dawn is-sinerġiji se jsir fi bnadi oħra wkoll, inkluż bil-Fond għall-Innovazzjoni tal-ETS tal-UE li se jappoġġa d-dimostrazzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi b’livell baxx tal-karbonju u li se jappoġġa wkoll it-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika.
Ekosistemi speċifiċi għad-dominju
Bħala parti mill-Pjan REPowerEU, il-Kummissjoni Ewropea impenjat ruħha li tagħti spinta lill-innovazzjoni rivoluzzjonarja fl-idroġenu rinnovabbli u b’livell baxx tal-karbonju, bħala teknoloġija ewlenija li tista’ twaqqaf id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili. Bis-saħħa tal-EUR 200 miljun iżjed minn Orizzont Ewropa, l-għadd tal-widien tal-idroġenu fl-UE se jirdoppja biex mir-raba’ kwart tal-2022 sal-2025 jilħaq il-50. Dawn se jkopru bosta applikazzjonijiet tal-idroġenu u se jingħaqdu f’ekosistema reġjonali integrata li tkopri l-katina tal-valur kollha kemm hi, b’mod allinjat mar-rekwiżiti reġjonali. Il-widien tal-idroġenu eżistenti stabbiliti fl-UE se jkunu marbuta wkoll flimkien biex iħaffu l-introduzzjoni tal-ekonomija tal-idroġenu fl-UE, b’finanzjament mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa.
Barra minn hekk, permezz tal-Att propost tal-UE dwar iċ-Ċipep, se tittieħed azzjoni li ssaħħaħ il-kompetittività u r-reżiljenza tal-Ewropa fit-teknoloġiji u fl-applikazzjonijiet tas-semikondutturi. Dan se jgħin fl-appoġġ għat-tranżizzjoni diġitali u ekoloġika doppja u fit-tisħiħ tat-tmexxija teknoloġika tal-Ewropa, u għalhekk għandu l-ambizzjoni li jikseb awtonomija strateġika miftuħa fil-qasam. Fost l-investimenti fil-ġenerazzjoni li jmiss tat-teknoloġiji hemm l-appoġġ għal aċċess mal-Ewropa kollha għal għodod tad-disinn u linji pilota ta’ prototipar, ittestjar u esperimentazzjoni. B’kollox, l-investiment ta’ aktar minn EUR 43 biljun se jappoġġa l-ambizzjonijiet ta’ politika tal-Att dwar iċ-Ċipep tul il-perjodu sal-2030, li se jiġi kkumplimentat ferm b’investiment privat fit-tul.
Proġetti Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni
Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa b’mod attiv il-kollaborazzjoni tal-Istati Membri fit-tmexxija ’l quddiem ta’ Proġetti Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni (IPCEI) transfruntieri skont il-Qafas dwar l-Għajnuna mill-Istat, ħalli tippermetti investiment fuq skala kbira li jappoġġa l-innovazzjonijiet rivoluzzjonarji f’setturi ewlenin u biex jingħelbu l-fallimenti tas-suq madwar l-UE, inkluż fir-reġjuni inqas żviluppati.
Sal-lum, żewġ IPCEIs fil-katina tal-valur tal-batteriji fetħu l-bibien għal investiment sinifikanti fir-riċerka u fl-innovazzjoni, u bħala appoġġ għall-ewwel użu industrijali tat-teknoloġiji ġodda tal-batteriji. Il-finanzjament tal-Istati Membri, li jaqbeż is-EUR 6 biljun, se jixpruna EUR 14-il biljun addizzjonali f’investimenti privati. Se jitmexxa ’l quddiem ukoll it-tieni IPCEI fil-mikroelettronika abbażi tas-suċċess tal-ewwel wieħed, u l-Kummissjoni se tappoġġa b’mod attiv l-isforzi tal-Istati Membri fit-tfassil tal-IPCEIs fl-oqsma tas-saħħa, tal-infrastruttura u tas-servizzi tal-cloud, u t-teknoloġiji u s-sistemi tal-idroġenu, biex sas-sajf tal-2022 titlesta l-valutazzjoni tal-ewwel IPCEI dwar l-idroġenu rinnovabbli u b’livell baxx tal-karbonju. Barra minn hekk, bħala parti mill-Pjan RePowerEU, il-Kummissjoni se tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri għal akkomunament tar-riżorsi li jkunu ffokati fuq it-teknoloġiji rivoluzzjonarji u l-innovazzjoni fil-ktajjen tal-valur tal-enerġija solari u eolika u tal-pompi tas-sħana.
Innospazju
Il-Kummissjoni se tistabbilixxi l-hekk imsejjaħ “Innospazju”, jiġifieri pjattaforma miftuħa bbażata fuq l-AI, biex tappoġġa ċ-ċirkolazzjoni tal-ideat u l-aċċess għar-riżultati tar-riċerka, toħroġ fid-dieher id-domanda u l-provvista tas-soluzzjonijiet innovattivi, u tlaqqa’ lill-partijiet ikkonċernati ħalli tiffaċilita l-kollaborazzjoni. Se tipprovdi informazzjoni lill-partijiet ikkonċernati kollha dwar l-isfidi u l-opportunitajiet tal-innovazzjoni (ix-xejriet tat-teknoloġija u tas-suq, il-proprjetà intellettwali, id-domanda, eċċ.) u tiffaċilita l-identifikazzjoni tal-funzjonalitajiet, tas-servizzi u tal-opportunitajiet ta’ finanzjament, pubbliku jew privat, ħalli tappoġġa l-konkretizzazzjoni tal-ideat f’attivitajiet u proġetti.
Barra minn hekk, azzjoni ġdida msejħa “EIC ScaleUp 100” se tidentifika gruppi ta’ 100 negozju ġdid tat-teknoloġija profonda li għandhom il-potenzjal jespandu u jsiru pijunieri dinjin jew unicorns potenzjali, mill-portafoll tal-EIC u programmi oħra tal-UE. Sa nofs l-2023, dawn il-kumpaniji se jibdew jirċievu appoġġ imsaħħaħ biex jiżviluppaw l-istrateġija u t-tim ta’ tmexxija tagħhom, jipproteġu l-IPs, jingħaqdu ma’ investituri u sħab strateġiċi, jespandu fil-livell internazzjonali u jibnu rabtiet mal-appoġġ nazzjonali għan-negozji li qed jespandu. Minbarra l-appoġġ dirett lill-kumpaniji, l-inizjattiva se taqsam ukoll l-aqwa prattika fost l-Istati Membri u bejn in-networks madwar l-Ewropa
2.4 Talenti fit-teknoloġija profonda
2.4.1 Sfidi
L-innovazzjoni tiddependi it-trawwim, l-attrazzjoni u ż-żamma b’suċċess ta’ individwi bit-talent u firxa diversa tal-ħiliet. Għalhekk neħtieġu edukazzjoni ta’ kwalità għolja u kundizzjonijiet tax-xogħol attraenti biex nattiraw u niżguraw fluss ta’ individwi b’ħiliet ta’ livell għoli u bit-talent li jistgħu jikkontribwixxu biex jitwettqu prijoritajiet ta’ politika usa’, fosthom it-tranżizzjoni doppja u jinkiseb vantaġġ kompetittiv fil-ktajjen tal-valur strateġiċi.
Sal-lum, il-proċessi ta’ Bolonja u ta’ Liżbona qdew rwol ewlieni biex titjieb il-kompetittività Ewropea fl-edukazzjoni ogħla, u saħħew il-kooperazzjoni u l-mobbiltà fl-Ewropa, u kienu inċentiv biex it-talent dinji jiġi fl-Ewropa. Anki bosta proposti permezz taż-ŻER , iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni (EEA), l-Aġenda għall-Ħiliet, l-istrateġija Ewropea għall-universitajiet, u l-pakkett dwar il-Ħiliet u t-Talent flimkien ma’ programmi tal-UE bħall-Fond Soċjali Ewropew Plus, l-Azzjonijiet Marie Skłodowska Curie (MSCA), Erasmus+ u Erasmus għall-Imprendituri Żgħażagħ għandhom rwol sinifikanti biex jiġu żviluppati, attirati u miżmuma l-ħiliet.
L-istrateġija Ewropea l-ġdida għall-universitajiet tinkludi miżuri biex l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla (HEIs) isiru magni tal-innovazzjoni reġjonali, inkluż b’fiera tat-talent li tqabbel l-istudenti man-negozji ġodda, programm li jappoġġa l-ħolqien ta’ inkubaturi fil-HEIs Ewropej, u inizjattiva ġdida “innovaturi fl-iskejjel”. Bl-istess mod u b’rikonoxximent tal-importanza tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, iċ-ċentri tal-eċċellenza vokazzjonali (CoVE) jagħtu appoġġ ta’ kwalità għolja lill-innovazzjoni fl-UE u fir-reġjuni, inkluż b’servizzi bħal raggruppamenti u inkubaturi tan-negozju għan-negozji ġodda flimkien ma’ inizjattivi intraprenditorjali għall-parteċipanti.
L-EIT ħoloq l-akbar network ta’ sħab fl-innovazzjoni b’2,900 sieħeb u b’enfasi partikolari fuq il-korsijiet edukattivi li jżewġu l-ħiliet tekniċi u mal-intraprenditorija, u s-servizzi ta’ ħolqien u tħaffif tan-negozji ġodda bl-għoti ta’ investiment tal-ekwità lin-negozji ġodda. Id-Djalogu Strutturat dwar l-edukazzjoni u l-ħiliet diġitali li tnieda f’Ottubru 2021, wara d-diskors tal-President von der Leyen dwar l-Istat tal-Unjoni, se jappoġġa wkoll lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jilħqu l-mira tad-Deċennju Diġitali għall-ħiliet. Dan se jikkontribwixxi biex jingħarfu d-distakki eżistenti fil-livell nazzjonali u jippromwovi approċċi ta’ suċċess biex jittejbu l-ħiliet diġitali u t-taħriġ relatat.
Barra minn hekk, bosta Stati Membri issa nedew ukoll “viżi għan-negozji ġodda”, u fl-2021 kien hemm 26 pajjiż (minn 24 Stat Membru tal-UE u milll-Iżlanda) li ffirmaw id-Dikjarazzjoni dwar l-Istandard tan-Nazzjonijiet tal-UE għal Negozji Ġodda, li tippromwovi politiki favur in-negozji ġodda u tiffaċilita l-aċċess għat-talent, inkluż it-talent internazzjonali.
Madankollu, l-UE jidher li qed tinqata’ lura fit-tellieqa dinjija għat-talent. Għadd ta’ riċerkaturi bil-ħiliet u akkademiċi potenzjali telqu mill-UE lejn l-Istati Uniti, u l-UE kellha inqas suċċess minn pajjiżi oħra tal-OECD bħall-Istati Uniti, il-Kanada u l-Awstralja li tattira talent dinji fi stadji aktar bikrija tal-karriera inkluż fil-livell ta’ PhD. L-aċċess għat-talenti jitfixkel ukoll minħabba għadd ta’ ostakli strutturali u preġudizzji persistenti, li jikkawżaw nuqqas ta’ diversità b’mod partikolari fl-oqsma tal-iSTEM: in-nisa jirrappreżentaw 22,4% fost il-gradwati tad-dottorat fil-qasam tal-ICT u 29,4% fil-qasam tal-Manifattura u l-Kostruzzjoni tal-Inġinerija.
Fl-istess waqt, il-popolazzjoni bl-età tax-xogħol tal-UE qed tonqos minħabba t-tibdil demografiku, u l-bidliet prevedibbli fis-suq tax-xogħol jindikaw li aktarx fil-futur se jiżdiedu d-diskrepanzi fil-ħiliet u l-iskarezzi. Ngħidu aħna, fl-EU-27 hemm sehem relattivament kbir ta’ professjonisti b’ħiliet fit-teknoloġiji tal-manifattura avvanzati u fil-bijoteknoloġija industrijali, iżda hemm distakk notevoli meta mqabbla mal-Istati Uniti fl-AI u fiċ-ċibersigurtà.
Il-konċentrazzjonijiet qawwijin ta’ talenti fi ħdan l-Istati Membri tal-UE se jenfasizzaw dawn l-iskarsezzi. Ir-rapporti tal-pajjiżi ta’ HEInnovate juru li l-aktar HEIs innovattivi u intraprenditorjali huma kkonċentrati fil-bliet prinċipali u qed tinħoloq disparità bejn il-ħtiġijiet tal-ekonomija u d-disponibbiltà tat-talent. Ir-reġjuni li għandhom il-potenzjal jiżviluppaw teknoloġiji kritiċi għat-tranżizzjoni ekoloġika bħall-enerġija rinnovabbli ħafna drabi jkunu ’l bogħod mir-reġjuni li għandhom industriji fi tranżizzjoni, bħall-estrazzjoni tal-faħam.
Il-kollaborazzjoni bejn l-universitajiet u l-industrija flimkien ma’ dik bejn l-infrastrutturi tar-riċerka u tat-teknoloġija hija mezz kruċjali għall-produzzjoni, il-valorizzazzjoni u d-diffużjoni ta’ għarfien ġdid. Madankollu l-evidenza tindika adozzjoni mħallta fejn jidħol l-appoġġ għall-mobbiltà transsettorjali, minkejja ż-żieda fir-rikonoxximent tal-valur tiegħu. L-edukazzjoni ogħla, l-infrastrutturi tar-riċerka u tat-teknoloġija u l-istituzzjonijiet tat-taħriġ, b’mod partikolari fir-reġjuni inqas innovattivi, bħalissa ma għandhomx l-inċentivi, l-esperjenza u r-riżorsi meħtieġa biex jinvolvu ruħhom b’mod aktar effettiv mas-sħab reġjonali u internazzjonali fl-industrija. Anki n-networks u t-taħriġ intraprenditorjali, tant essenzjali għall-bini tal-kapaċitajiet u l-esperjenza fl-identifikazzjoni tal-opportunitajiet, u fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ propożizzjonijiet innovattivi, mhumiex aċċessibbli bl-istess mod, u l-ekosistema tal-innovazzjoni tal-UE mhix qed tirrifletti d-diversità rikka tal-popolazzjoni tagħha.
Barra minn hekk, minkejja li r-reġim effettiv ta’ opzjonijiet fuq l-ishma għan-negozji ġodda li jattiraw it-talent qed juri l-valur tiegħu, il-livelli tas-sjieda tal-impjegati għadhom baxxi madwar l-UE. In-nuqqas ta’ reġimi ta’ sjieda tal-impjegati favur l-innovazzjoni jxekkel l-abbiltà tan-negozji ġodda Ewropej milli jikkompetu għat-talent ma’ kumpaniji tal-Big Tech.
2.4.2 Inizjattiva ewlenija biex inrawmu, nattiraw u nżommu t-talenti fit-teknoloġija profonda
Minħabba l-isfida ġmielha li għandha l-UE biex tattira u żżomm it-talenti fi ħdanha, din l-inizjattiva ewlenija tiffoka fuq it-tisħiħ tal-isforzi tal-UE b’attivitajiet li jiżguraw l-iżvilupp u l-fluss tat-talent essenzjali fit-teknoloġija profonda fi ħdan l-UE u lejha.
Talenti fit-teknoloġija profonda
L-EIT se jmexxi ’l quddiem inizjattiva mmirata għal miljun talent fit-teknoloġija profonda fuq perjodu ta’ 3 snin mal-Istati Membri kollha. L-EIT se jaġġorna u jespandi l-programmi tiegħu tal-iżvilupp tat-talent u tal-ħiliet skont il-ħtiġijiet tal-oqsma tat-teknoloġija profonda li jvarjaw minn materjali ġodda u bijoloġija sintetika sat-teknoloġija nadifa. Il-kumpaniji li qed jespandu flimkien ma’ rappreżentanti oħra tal-industrija se jinfurmaw il-kurrikuli u jiżguraw li jakkomodaw il-ħtiġijiet dejjem differenti tas-suq tax-xogħol fl-oqsma tat-teknoloġija rispettivi.
L-EIC u l-EIT se jniedu wkoll skema ta’ internship fl-innovazzjoni fit-tielet kwart tal-2023, biex jiftħu opportunitajiet għal aktar minn 600 riċerkatur, u għall-istudenti u l-gradwati bit-tikketta tal-EIT biex jiksbu esperjenza fl-innovazzjoni sal-2024. L-interns se jieħdu esperjenza tax-xogħol f’kumpaniji ta’ suċċess, appoġġati mill-EIC u mill-EIT, filwaqt li l-ħtiġijiet tar-riċerkaturi u tal-kumpaniji assoċjati jinfurmaw internships individwali.
Il-Kummissjoni se tipprovdi wkoll appoġġ addizzjonali għat-taħriġ addizzjonali lill-HEIs, inkluż l-Alleanzi tal-Universitajiet Ewropej, in-negozji u ċ-ċentri tar-riċerka u l-innovazzjoni permezz tal-programm Ewropa Diġitali. Dan se jinkludi t-taħriġ lill-ispeċjalisti f’oqsma bħax-xjenza tad-data, l-AI, iċ-ċibersigurtà u l-kwantum bħala appoġġ għall-użu futur ta’ teknoloġiji bħal dawn fis-setturi ekonomiċi kollha.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni, bi sħubija mal-Istati Membri interessati u mal-partijiet ikkonċernati, se tfassal Riżerva ta’ Talent tal-UE biex titnieda sa nofs l-2023. Din se tkun pjattaforma pan-Ewropea, għodda ta’ tqabbil li tgħin lin-negozji Ewropej, inkluż lin-negozji ġodda, biex isibu t-talenti li ma jkunux kapaċi jsibu fis-suq tax-xogħol tal-UE. Din se żżid il-mobbiltà tal-individwi bil-ħiliet lejn u fi ħdan l-Ewropa permezz ta’ reklutaġġ internazzjonali, u billi tappoġġa it-tqabbil bejn l-impjegaturi bbażati fl-UE u ċ-ċittadini kwalifikati ta’ pajjiżi terzi jixtiequ jaħdmu u jgħixu legalment fl-UE. Id-Direttiva dwar l-Istudenti u r-Riċerkaturi u d-Direttiva riveduta dwar il-Karta Blu tal-UE, li din tal-aħħar trid tiġi trasposta sat-18 ta’ Novembru 2023, se joffru modi legali biex jattiraw ħaddiema b’livell għoli tal-ħiliet, riċerkaturi u studenti minn pajjiżi terzi u jiffaċilitaw il-mobbiltà tagħhom fl-UE. Barra minn hekk, bi qbil mal-proposta dwar il-Ħiliet u t-Talent, il-Kummissjoni se terġa’ tniedi diskussjonijiet mal-Istati Membri u ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra biex tivvaluta l-ambitu għal aktar azzjoni fil-livell tal-UE mmirata lejn l-ammissjoni ta’ intraprendituri u ta’ fundaturi ta’ negozji ġodda minn pajjiżi terzi.
Opzjonijiet fuq l-ishma
Il-Kummissjoni se tistabbilixxi grupp ta’ ħidma dwar l-opzjonijiet fuq l-ishma fil-Forum tal-EIC biex tesplora approċċi li jindirizzaw l-ostakli amministrattivi li għadhom qed jillimitaw l-adozzjoni tal-opzjonijiet fuq l-ishma tal-impjegati madwar l-UE. L-ewwel nett, il-forum se jippermetti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiskambjaw informazzjoni u jaqsmu l-aqwa prattika biex jiffaċilitaw approċċ ikkoordinat madwar l-UE.
Nisa pijunieri fl-innovazzjoni tat-teknoloġija profonda
Skema ta’ intraprenditorija u ta’ tmexxija tan-nisa se tappoġġa lin-negozji ġodda tat-teknoloġija mmexxija min-nisa fi stadju bikri inkluż permezz ta’ sejħa mtejba “WomenTech EU”. Din se tikkontribwixxi għal inizjattivi oħra tal-UE bħal “Women4Cyber”, u potenzjalment għal programmi nazzjonali ta’ aċċellerazzjoni, biex jitħaffef it-tkabbir tal-kumpaniji mmexxija min-nisa. Il-kollaborazzjoni bejn l-EIC u l-EIT li tappoġġa lill-imprendituri nisa se tissaħħaħ billi l-Programm ta’ Tmexxija tan-Nisa tal-EIC isir disponibbli għan-negozji ġodda tat-teknoloġija profonda mmexxija min-nisa mill-EIT. L-attivitajiet kumplimentari se jinkludu opportunitajiet li jlaqqgħu u jikkollegaw lil benefiċjarji nisa minn firxa ta’ inizjattivi; li jattrezzaw lit-tfajliet u lin-nisa b’kompetenzi intraprenditorjali u diġitali permezz ta’ azzjonijiet immirati bħall-Festi tal-Intraprenditorija, ix-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija, l-Arti u l-Matematika (ESTEAM), flimkien ma’ skemi ta’ mentoraġġ, taħriġ u appoġġ; u jappoġġaw il-ħolqien u l-iżvilupp ta’ negozji ġodda soċjali mmexxija min-nisa billi jsir l-aqwa użu tal-azzjonijiet inklużi fil-pjan ta’ azzjoni Ewropew dwar l-ekonomija soċjali.
Nippromwovu Kultura Intraprenditorjali u tal-Innovazzjoni
Il-Kummissjoni se tistabbilixxi tagħlim bejn il-pari u twettaq rieżami għal komunità ta’ politika u prattika innovattiva. B’kooperazzjoni mal-OECD, se tlaqqa’ lill-HEIs, inkluż in-network Ewropew il-ġdid tal-HEIs innovattivi, lil uffiċjali pubbliċi u lil partijiet ikkonċernati ewlenin biex tixpruna l-adozzjoni ta’ politiki u prattiki li jsaħħu l-kontribut tal-HEIs għall-innovazzjoni fil-komunitajiet li dawn iservu. Permezz ta’ Summit annwali dwar l-Edukazzjoni u l-Innovazzjoni se jissaħħu dawn l-isforzi billi jlaqqa’ flimkien lill-HEIs, lil kumpaniji u lil imprendituri tat-teknoloġija profonda ħalli titrawwem il-kooperazzjoni, u biex il-komunità usa’ tal-edukazzjoni, tar-riċerka u tal-innovazzjoni titħajjar tippromwovi kultura intraprenditorjali u tal-innovazzjoni fl-Ewropa.
Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa wkoll lill-imprendituri żgħażagħ permezz tal-proġett “girls go circular” tal-EIT u se testendih biex ikun jinkludi lil parteċipanti mill-Istati Membri kollha tal-UE, billi tattrezza lil aktar minn 40 000 tifla tal-iskola b’ħiliet diġitali u intraprenditorjali.
Barra minn hekk, mill-2023, l-Alleanzi tal-Innovazzjoni ta’ Erasmus+ se jappoġġaw l-iżvilupp ta’ ħiliet intraprenditorjali b’enfasi partikolari fuq il-ħiliet tat-teknoloġija profonda. Dan se jappoġġa u jikkumplimenta l-iżvilupp ta’ inkubaturi fi ħdan il-HEIs, b’kooperazzjoni mill-qrib mas-settur intraprenditorjali, biex l-intraprendituri studenti jingħataw għajnuna ħalli jsarrfu l-ideat tagħhom f’negozji, kif ħabbret l-istrateġija Ewropea għall-universitajiet.
Il-Kummissjoni se tappoġġa wkoll il-ħolqien ta’ komunitajiet tal-faċilitaturi esperti, inkluż l-Alleanzi tal-Universitajiet Ewropej, biex tiżdied il-kollaborazzjoni bejn l-industrija, l-akkademiċi u l-organizzazzjonijiet tar-riċerka, u biex tgħin fit-tqabbil tal-provvista tal-għarfien mar-rekwiżiti tal-industrija għall-innovazzjoni
2.5. Intejbu l-qafas tat-tfassil tal-politika dwar l-innovazzjoni
2.5.1 Sfidi
Il-politiki tal-innovazzjoni li jħallu impatt iridu jkunu bbażati fuq monitoraġġ u evalwazzjoni preċiżi. Il-politiki fil-livell tal-UE u nazzjonali jridu jżommu l-pass man-natura dejjem tinbidel tal-innovazzjoni.
Bħalissa, ix-xenarju tat-tfassil tal-politika tal-innovazzjoni hu varjat b’definizzjonijiet varji b’rabta mat-terminoloġija ewlenija, ħafna drabi b’data relatata mal-politika li tkun diffiċli titqabbel. Dan jagħmilha diffiċli għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell tal-UE u nazzjonali biex jaqsmu fehma komuni dwar is-sitwazzjoni attwali tal-innovazzjoni u dwar il-komponenti u x-xejriet differenti tal-innovazzjoni fl-UE. Din l-inizjattiva ewlenija għandha l-għan li tindirizza dawn l-isfidi tat-tfassil tal-politika u ttejjeb l-appoġġ tal-kapaċità lill-Istati Membri li jeħtieġ itejbu l-approċċ tat-tfassil tal-politika tagħhom.
2.5.2 Inizjattiva ewlenija biex intejbu l-għodod tat-tfassil tal-politika
Din l-inizjattiva ewlenija tiffoka fuq l-iżvilupp u l-użu ta’ settijiet tad-data sodi u komparabbli, u tassonomija komuni tad-data li tista’ tinforma l-politiki fil-livelli kollha madwar l-UE, u l-appoġġ tal-politika lill-Istati Membri.
Politika infurmata mid-data
Il-Kummissjoni se tħejji rapport ta’ esplorazzjoni dwar id-definizzjonijiet relatati man-negozji ġodda, man-negozji li qed jespandu u mal-innovazzjoni tat-teknoloġija profonda fl-ewwel kwart tal-2023. Studju pilota sussegwenti se jistabbilixxi sett ta’ indikaturi dwar in-negozji ġodda, in-negozji li qed jespandu u l-innovazzjoni tat-teknoloġija profonda li jistgħu jgħinu fl-analiżi u fl-immudellar tal-politiki tal-ekosistema tal-innovazzjoni fil-livell reġjonali, nazzjonali u Ewropew. It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Innovazzjoni Ewropea se tiġi aġġornata kif xieraq.
Appoġġ lill-Istati Membri
Il-Kummissjoni se tappoġġa lill-Istati Membri u lir-reġjuni fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta’ politiki aħjar tal-innovazzjoni bl-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku (TSI) bħala parti minn NextGenerationEU. Dan se jagħti appoġġ essenzjali li jista’, pereżempju, ikopri l-ġbir tad-data għal tfassil infurmat tal-politika, il-bini tal-kapaċitajiet tal-persunal tal-akkwist pubbliku, l-għoti ta’ pariri regolatorji, u l-użu tas-sandboxes regolatorji.
Il-Kummissjoni se ssaħħaħ ukoll il-faċilità ta’ appoġġ tagħha għall-politiki ta’ Orizzont biex tagħti appoġġ prattiku lit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tar-riformi li jtejbu l-kwalità tal-investimenti, il-politiki u s-sistemi tar-riċerka u tal-innovazzjoni fl-Istati Membri.
Nikkoordinaw il-politika
Fl-2022, il-Kummissjoni se ssaħħaħ ir-rwol tal-Forum tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni u se ttejjeb l-iskambju tal-aqwa prattiki u l-koordinazzjoni tal-inizjattivi nazzjonali tal-politika tal-innovazzjoni. L-orjentazzjonijiet ta’ politika tal-Forum se jkunu konsistenti mal-Patt għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, u se jikkontribwixxu għall-ħidma tal-governanza taż-ŻER u tal-Kumitat taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u l-Innovazzjoni, fir-rwol tiegħu bħala kumitat konsultattiv konġunt tal-politika strateġika ta’ livell għoli, li jagħti pariri bikrin lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri dwar kwistjonijiet strateġiċi tal-politika tar-riċerka u tal-innovazzjoni.
3. KONKLUŻJONIJIET
L-Ewropa tista’ tkun pijunieri dinji fil-mewġa attwali tal-innovazzjoni tat-teknoloġija profonda billi tagħmel sforz koordinat li jingrana d-diversi talenti, assi intellettwali u kapaċitajiet industrijali tagħha. B’mod partikolari, l-Istati Membri u r-reġjuni qed jitħeġġu jibnu fuq il-proposti u jaħdmu mal-Kummissjoni u mal-partijiet ikkonċernati biex jimmobilizzaw l-investimenti, jiżguraw kundizzjonijiet qafas favorevoli, u jimplimentaw ir-riformi essenzjali.
Il-Kummissjoni se timmonitorja u tirrapporta dwar il-progress u l-impatt tal-azzjonijiet identifikati f’din il-Komunikazzjoni sal-2024, b’kooperazzjoni mill-qrib mar-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-Forum tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni.
Lista ta’ Azzjonijiet fil-Komunikazzjoni
Titlu (Inizjattiva ewlenija – Azzjonijiet)
|
Perjodu
taż-żmien
|
Inizjattiva ewlenija: Finanzjament lin-negozji tat-teknoloġija profonda li qed jespandu
|
1.Direttiva dwar Kwota ta’ Tnaqqis ta’ Predispożizzjoni Favur id-Dejn (DEBRA) fuq it-taxxa korporattiva, proposta tal-Kummissjoni
|
Q2 2022
|
2.Att dwar l-Elenkar, proposta tal-Kummissjoni
|
Q4 2022
|
3.Twessigħ tal-mekkaniżmu ta’ Azzjoni ta’ Espansjoni Ewropea għall-Kapital tar-Riskju (ESCALAR)
|
2023
|
4.Programm ta’ Ħidma 2022 tal-EIC – Proġett pilota dwar l-indiċi Ewropew tal-innovazzjoni fir-rigward tal-ġeneru u d-diversità
|
Q1 2023
|
5.Programm Women2Invest tal-EIT
|
Q4 2022
|
Inizjattiva ewlenija: Niffaċilitaw l-innovazzjoni tat-teknoloġija profonda bi spazji tal-esperimentazzjoni u l-akkwist pubbliku
|
6.Dokument gwida dwar is-Sandboxes Regolatorji
|
Q2 2023
|
7.Bank tat-test tal-innovazzjoni miftuħa fl-Idroġenu rinnovabbli
|
Q1 2024
|
8.Jinfetħu Faċilitajiet tal-Ittestjar u l-Esperimentazzjoni għall-ittestjar tal-innovazzjoni fl-AI
|
2023
|
9.Qafas rivedut dwar l-Għajnuna mill-Istat għar-Riċerka, l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni
|
Q4 2022
|
10.Jinbeda Servizz ta’ Konsulenza Speċjalizzata għall-Akkwist tal-Innovazzjoni
|
Q1 2024
|
Inizjattiva ewlenija: Inħaffu u nsaħħu l-innovazzjoni fl-Ekosistemi Ewropej tal-Innovazzjoni madwar l-UE u nindirizzaw id-distakk fl-innovazzjoni
|
11.Jitwaqqfu u jiġu kollegati widien tal-innovazzjoni reġjonali tat-teknoloġija profonda
|
Q3 2023
|
12.Notifika tal-Kummissjoni dwar is-sinerġiji bejn Orizzont Ewropa u l-programm tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali
|
Q3 2022
|
13.Irdoppjar tal-għadd ta’ Widien tal-Idroġenu fl-UE
|
2025
|
14.Jitwaqqaf l-Innospazju – punt uniku ta’ servizz għall-atturi tal-ekosistemi tal-innovazzjoni
|
2023
|
15.Jinbeda Scaleup 100
|
Q1 2023
|
Inizjattiva ewlenija: Inrawmu, nattiraw u nżommu t-talenti fit-teknoloġija profonda
|
16.Titnieda inizjattiva tat-talent fit-teknoloġija profonda tal-EIT
|
Q4 2022
|
17.Tiftaħ l-iskema ta’ internships fl-innovazzjoni
|
Q3 2023
|
18.Titwaqqaf Aggregazzjoni tat-Talent tal-UE biex tgħin lin-negozji, inkluż lin-negozji ġodda, isibu talenti minn pajjiżi terzi
|
Q3 2023
|
19.Tiftaħ Skema ta’ Intraprenditorija u Tmexxija tan-Nisa
|
Q2 2023
|
20.Skambju tal-aqwa prattiki dwar l-opzjonijiet fuq l-ishma tal-impjegati tan-negozji ġodda
|
Q4 2022
|
21.Komunità ta’ prattika tal-Edukazzjoni u l-Innovazzjoni
|
Q4 2022
|
22.Jitwaqqfu l-Alleanzi tal-Innovazzjoni ta’ Erasmus+
|
Q2 2023
|
23.Jiftħu sejħiet għal Ewropa Diġitali biex jitħarrġu esperti f’oqsma orjentati lejn il-futur
|
Q3 2022
|
Inizjattiva ewlenija: Intejbu l-għodod tat-tfassil tal-politika
|
24.Rapport dwar id-definizzjonijiet relatati man-negozji ġodda, man-negozji li qed jespandu u mal-innovazzjoni tat-teknoloġija profonda
|
Q1 2023
|
25.Jissaħħaħ ir-rwol tal-Forum tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni
|
Q4 2022
|