Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52024DC0091

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-ġestjoni tar-riskji klimatiċi - nipproteġu l-poplu u l-prosperità

COM/2024/91 final

Strasburgu, 12.3.2024

COM(2024) 91 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Il-ġestjoni tar-riskji klimatiċi - nipproteġu l-poplu u l-prosperità


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Il-ġestjoni tar-riskji klimatiċi - nipproteġu l-poplu u l-prosperità

1.Introduzzjoni 

1.1.L-aċċellerazzjoni tar-riskji klimatiċi titlob ġestjoni proattiva

Il-ġestjoni tal-inċertezza tiddefinixxi t-teħid tad-deċiżjonijiet tal-lum, kemm għall-pubbliku, kemm għall-kumpaniji, u kemm għall-gvernijiet. Il-gwerra u l-inċertezzi ġeopolitiċi, l-għoli tal-ħajja, l-isfidi demografiċi, id-degradazzjoni ambjentali u l-emerġenzi tas-saħħa, l-inugwaljanzi soċjali, il-polarizzazzjoni politika u d-diżinformazzjoni, l-iżviluppi teknoloġiċi rapidi u l-migrazzjoni kollha jeħtieġu li tittieħed azzjoni b’mod urġenti. Dawk li jfasslu l-politika jeħtiġilhom jibbilanċjaw l-attenzjoni u r-riżorsi. Il-kriżi klimatika hija fost l-aktar theddidiet eżistenzjali li qed niffaċċjaw, u hija marbuta mal-kriżijiet l-oħra tad-dinja, it-tniġġis u t-telf tal-bijodiversità, filwaqt li tamplifika ħafna mir-riskji l-oħra.

L-UE qiegħda tieħu azzjoni biex tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra f’dan id-deċennju u biex tikseb in-newtralità klimatika sal-2050. Il-Kummissjoni bdiet dibattitu dwar mira klimatika għall-2040 bħala pass ulterjuri lejn futur kompetittiv b’emissjonijiet żero netti 1 . Tali tnaqqis rapidu fl-emissjonijiet globali meħtieġ peress li hemm limiti fiżiċi għal dak li huwa possibbli li wieħed jadatta għalih. 

L-impatti klimatiċi diġà qed jinħassu, u r-riskji se jkomplu jiżdiedu fid-deċennji li ġejjin u lil hinn minħabba l-inerzja tas-sistema klimatika, anke jekk it-tnaqqis ambizzjuż tal-emissjonijiet globali jnaqqas il-ħsara potenzjali. Fi Frar 2024, is-Servizz dwar it-Tibdil fil-Klima ta’ Copernicus irrapporta li t-temperatura medja globali għat-12-il xahar preċedenti kienet qabżet il-limitu ta’ 1,5 grad Celsius iżjed mil-livelli preindustrijali 2 . Il-prospettiva għall-Ewropa hija ppreżentata tajjeb fl-ewwel Valutazzjoni Ewropea tar-Riskju Klimatiku (EUCRA) 3 li qatt saret mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent. Fl-aħjar xenarju fejn nillimitaw it-tisħin globali għal 1,5 grad iżjed mil-livelli preindustrijali, l-Ewropa – li qiegħda tisħon darbtejn ir-rata globali – se jkollha titgħallem tgħix bi klima li hija 3 gradi aktar sħuna, u konsegwentement tlaħħaq maż-żieda esponenzjali fil-mewġiet tas-sħana u estremitajiet oħra tat-temp.

Illustrazzjoni 1: Projezzjonijiet tat-temperatura għall-Ewropa skont erba’ xenarji standard tal-klima globali

Sors: EUCRA, abbażi tas-Servizz dwar it-Tibdil fil-Klima ta’ Copernicus

Ir-reżiljenza għall-klima mhux biss hija kwistjoni ta’ żamma tal-funzjonijiet soċjetali iżda wkoll kwistjoni ta’ kompetittività għall-ekonomiji u l-kumpaniji, u b’hekk tikkonċerna l-impjiegi. Il-ġestjoni tar-riskji tal-klima hija kundizzjoni neċessarja għat-titjib fl-istandards tal-għajxien, għall-ġlieda kontra l-inugwaljanza u għall-protezzjoni tan-nies. Hija kwistjoni ta’ sopravivenza ekonomika għaż-żoni rurali u kostali, il-bdiewa, il-forestiera u s-sajjieda. Ir-riskji klimatiċi diġà huma rikonoxxuti sew għan-negozji u jitqiesu bħala l-erba’ riskji ewlenin fi żmien għaxar snin 4 . L-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) jistgħu jiffaċċjaw restrizzjonijiet partikolari fuq ir-riżorsi. Jekk huwiex permezz ta’ ktajjen tal-provvista esposti, tnaqqis fl-aċċess għall-assigurazzjoni, assi domestiċi vulnerabbli, telf tal-bijodiversità li s-setturi ekonomiċi jiddependu fuqha, jew protezzjoni insuffiċjenti tan-nies, l-irkupru minn diżastri relatati mal-klima dejjem aktar intensi se jassorbi dejjem aktar kapaċità u kapital għal dawk li mhumiex ippreparati.

Il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku rrikonoxxew li r-riskji klimatiċi jistgħu jaffettwaw l-istabbiltà finanzjarja b’ħafna modi, u għamlu argument għal strateġija makroprudenzjali robusta u mifruxa mas-sistema kollha biex jiġu indirizzati tali riskji 5 . Fl-istess ħin, il-kumpaniji aġli u dinamiċi tal-UE, inklużi l-SMEs, għandhom il-potenzjal li jiksbu pożizzjoni ewlenija fi wħud mis-segmenti tas-suq li jibnu r-reżiljenza, bħall-innovazzjoni dwar l-użu ta’ data u teknoloġiji spazjali.

Iż-żieda fir-riskji klimatiċi għandha impatt ukoll fuq l-ambjent ġeopolitiku, u taffettwa s-sigurtà u s-sikurezza globali, il-flussi kummerċjali u l-istabbiltà ekonomika, kif ukoll il-kapaċità li jiġu sostnuti s-servizzi essenzjali għall-popolazzjonijiet affettwati. Min-naħa l-oħra, it-titjib tat-tħejjija u r-reżiljenza għall-impatti tal-klima tista’ tgħin fil-ġestjoni ta’ waħda mill-akbar sfidi globali tal-lum b’effetti konsegwenzjali pożittivi.

77 % tal-pubbliku tal-UE jqisu t-tibdil fil-klima bħala problema serja ħafna, u 37 % diġà jħossuhom personalment esposti għar-riskji klimatiċi. Kemm il-Parlament Ewropew 6 kif ukoll il-mexxejja tal-UE 7 rrikonoxxew ukoll l-urġenza li jiżdied ir-rispons għall-emerġenza klimatika u li tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-UE. F’konformità mal-Komunikazzjoni dwar il-mira klimatika Ewropea għall-2040 u l-perkors għan-newtralità klimatika sal-2050, l-investimenti f’bini, trasport u sistemi tal-enerġija reżiljenti għall-klima jistgħu joħolqu opportunitajiet sinifikanti ta’ negozju, jiġġeneraw ekonomiji ta’ skala, u jibbenefikaw b’mod usa’ lill-ekonomija Ewropea, u b’hekk jiġġeneraw impjiegi bi kwalifiki għoljin, u enerġija nadifa affordabbli.

Il-viżjoni Ewropea ta’ soċjetà f’saħħitha, inklużiva u ġusta hija sors ta’ saħħa. Is-solidarjetà, l-inklużività, l-innovazzjoni u l-istat tad-dritt iggwidawna waqt sfidi storiċi u se jiggwidawna waqt din ta’ issa.

Il-koordinazzjoni magħmula possibbli mill-Unjoni Ewropea hija għodda b’saħħitha għall-bini tar-reżiljenza. Iġġib magħha effiċjenzi, li huma essenzjali fid-dawl tad-domanda kbira għar-riżorsi pubbliċi u privati. Bis-saħħa t’hekk ukoll, il-pajjiżi jaraw x’inhu u x’mhuwiex jaħdem f’postijiet oħra, u jwassal għal azzjoni aktar rapida u effettiva. L-iskala ta’ azzjoni meħtieġa f’ċerti oqsma tfisser li mingħajr koordinazzjoni, id-deċiżjonijiet u l-miżuri meħtieġa x’aktarx li ma jittiħdux fil-ħin biex jiġu evitati impatti ambjentali irriversibbli. Fl-aħħar nett, l-UE żżid il-valur billi tiżviluppa għodod li jgħinu liċ-ċittadini u lill-partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati jibnu r-reżiljenza. Fl-aħħar deċennju l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tiegħu rċevew investiment konsiderevoli mill-baġit tal-UE, partikolarment permezz tal-politika ta’ koeżjoni. Fl-2021-2027, l-investimenti ta’ koeżjoni f’dan il-qasam huma stmati li jilħqu madwar EUR 118 biljun.

Xi wħud mid-diżastri li seħħew fl-2023 jiżvelaw b’mod ċar ix-xejra taż-żieda fir-riskji klimatiċi, u l-pajjiżi kollha tal-UE ġew affettwati sa ċertu punt, lil hinn mill-eżempji mogħtija hawn taħt.

Kaxxa 1: Erba’ eżempji ta’ eventi ta’ diżastri fl-2023 marbuta ma’ perikli relatati mal-klima:

-Il-Greċja. Minn Lulju sa Awwissu, nirien fis-selvaġġ xprunati min-nixfa u l-mewġiet tas-sħana, ħarqu żona ta’ 170 000 ettaru fil-Greċja. B’mod partikolari, in-nirien fis-selvaġġ f’Alexandroupolis saru l-akbar nirien fis-selvaġġ fl-Ewropa mill-2000 ’l hawn, u ħarqu aktar minn 96 000 ettaru. Il-maltempata Daniel ikkawżat xita li kisret ir-rekords fil-Greċja fil-bidu ta’ Settembru, b’750 mm ta’ xita rrappurtata li niżlet f’24 siegħa f’Zagora, li tirrappreżenta aktar minn sena ta’ akkumulazzjoni ta’ xita f’din iż-żona. Dan l-event elimina madwar 15 % tar-rendiment agrikolu annwali tal-pajjiż.

-Is-Slovenja. F’Awwissu, xita qawwija tul diversi jiem li aggravat il-livelli tal-ilma diġà għoljin wasslet għal għargħar u uqigħ tal-art massivi, li affettwaw lil żewġ terzi tas-Slovenja, bi ħsarat li ammontaw għal madwar 16 % tal-PDG.

-L-Iskandinavja. F’Awwissu, il-maltempata Hans laqtet id-Danimarka, in-Norveġja u l-Iżvezja, u kkawżat ħsara serja lill-infrastruttura u lill-agrikoltura, u tfixkil kbir fin-networks kritiċi tat-trasport. Il-pretensjonijiet tal-assigurazzjoni laħqu rekords ġodda.

-L-Ewropa kollha. Il-mewġa tas-sħana Cerberus tal-2023 wasslet għal rekords ġodda tat-temperatura f’ħafna pajjiżi. Din segwiet il-mewġiet tas-sħana tas-sajf tal-2022 fejn madwar bejn 60 000 u 70 000 Ewropew mietu minħabba sħana li kisret ir-rekords.

L-azzjoni klimatika hija fl-interess ta’ kulħadd. Il-ħsarat relatati mal-klima mhumiex ir-riżultat ta’ diżastri naturali sfortunati u mhux previsti. Dawn ġejjin minn riskji klimatiċi magħrufa, u l-azzjonijiet ta’ politika meħuda biex jitnaqqsu dawk ir-riskji. Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi l-passi ewlenin meħtieġa biex jiġi żgurat li fid-dawl tar-riskji klimatiċi li sejrin għall-agħar, il-pubbliku u n-negozji jkunu jistgħu jiddependu fuq l-UE u l-Istati Membri tagħha biex iżommu l-funzjonijiet soċjetali u l-aċċess kontinwu għas-servizzi bażiċi. Tfittex li tiċċara min hu responsabbli li jagħmel l-għażliet diffiċli u jieħu azzjoni, infurmat bl-aħjar evidenza. Turi kif l-UE tista’ tantiċipa b’mod effettiv l-impatti klimatiċi fis-snin li ġejjin u kif il-bini tar-reżiljenza jnaqqas l-ispejjeż u jiffaċilita l-kisba ta’ objettivi oħra ta’ politika. Dan l-isforz jirrikjedi li fil-futur, it-tħejjija u r-reżiljenza għar-riskji klimatiċi jitqiesu awtomatikament fl-azzjoni fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri fl-oqsma kollha ta’ politika.

1.2.Il-pedamenti tal-UE għat-titjib tal-ġestjoni tar-riskju klimatiku qegħdin hemm

Il-Liġi Ewropea dwar il-Klima tirrikjedi li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri jiżguraw progress kontinwu fil-kapaċità ta’ adattament, it-tisħiħ tar-reżiljenza u t-tnaqqis tal-vulnerabbiltà. L-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni wiesa’ tal-Istrateġija ta’ Adattament tal-UE tal-2021 tinsab għaddejja bis-sħiħ. Biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-investimenti ffinanzjati mill-UE, il-politika ta’ koeżjoni u programmi ewlenin oħra fil-baġit tal-UE integraw il-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti” u stabbilew prattika ta’ azzjonijiet favur ir-reżistenza għall-klima. Qed tiġi aġġornata firxa wiesgħa ta’ politiki settorjali fir-rigward tar-riskji klimatiċi. L-Istati Membri qegħdin itejbu l-azzjoni ta’ adattament u ħadu l-ewwel passi biex jinkludu r-reżiljenza għall-klima fil-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-enerġija u l-klima (NECPs).

Madankollu, is-sejbiet tal-valutazzjonijiet reċenti tal-Kummissjoni 8   9   10 kienu mħallta. Filwaqt li jista’ jiġi nnutat progress kostanti fil-livell tal-UE permezz tal-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ adattament tal-UE, jeħtieġ li jsir ħafna aktar mill-Istati Membri dwar aspetti ta’ governanza, sensibilizzazzjoni, ġustizzja u reżiljenza ġusta, finanzjament, u soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura. L-aħħar valutazzjonijiet tal-Kummissjoni tal-abbozzi tal-NECPs aġġornati u r-rakkomandazzjonijiet assoċjati jidentifikaw diskrepanza bejn l-NECPs u l-politiki u l-miżuri ta’ adattament ippjanati u implimentati tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni ħarġet rakkomandazzjonijiet u lesta li tgħin aktar lill-Istati Membri biex itejbu l-NECPs tagħhom biex jaċċelleraw l-implimentazzjoni u l-investimenti fis-snin li ġejjin.

Ir-rapport “Il-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskju tad-diżastri fl-Ewropa” 11 juri li r-riskji relatati mal-klima huma għoljin fl-aġenda tal-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri madwar l-Ewropa. B’mod inkwetanti, dan juri wkoll li filwaqt li r-riskji klimatiċi huma fil-biċċa l-kbira rikonoxxuti, il-valutazzjonijiet tar-riskju tal-protezzjoni ċivili rarament iqisu x-xenarji u l-inċertezzi klimatiċi. Il-valutazzjonijiet tar-riskji għall-infrastruttura kritika mill-Istati Membri se jitlestew sa Jannar 2026 skont id-Direttiva dwar ir-Reżiljenza tal-Entitajiet Kritiċi. Il-valutazzjonijiet attwali tal-prospetti baġitarji ma jqisux ir-riskji klimatiċi b’mod sistematiku, jew ma jqisuhomx affattu. B’mod ġenerali, filwaqt li l-proċessi u r-rekwiżiti miftiehma fl-oqfsa ta’ politika fil-livell tal-UE jistgħu jindirizzaw ir-riskji klimatiċi, l-implimentazzjoni bħalissa ma tipprovdix aċċertament raġonevoli.

Għalhekk, il-progress huwa irregolari u mhuwiex qiegħed ilaħħaq mal-aċċellerazzjoni tat-tibdil fil-klima. Kemm l-UE kif ukoll l-Istati Membri tagħha għandhom itejbu t-tħejjija għar-riskji klimatiċi u l-indirizzar effettiv tagħhom.

Ir-rapport tal-EUCRA jistabbilixxi fid-dettall ir-riskji klimatiċi ewlenin għall-Ewropa u kif dawn jinteraġixxu mad-diversi riskji mhux klimatiċi u jamplifikawhom. Din il-Komunikazzjoni twieġeb għar-rapport u għal evidenza reċenti oħra. Din ma tħarisx fil-fond lejn ir-riskji potenzjalment maġġuri għall-UE mill-impatti klimatiċi barra mill-UE, jew viċi versa. It-tibdil fil-klima jista’ jikkawża kaskata ta’ riskji, u jaggrava d-degradazzjoni ambjentali u l-ixprunaturi eżistenti tal-kunflitti, l-ispostament u l-migrazzjoni. Dawn l-interkonnessjonijiet kumplessi jistħoqqilhom analiżi speċifika biex jinfurmaw id-deċiżjonijiet ta’ politika, kif rifless fil-Komunikazzjoni dwar ir-rabta bejn il-klima u s-sigurtà 12 .

L-UE se tibqa’ tappoġġa s-soluzzjonijiet integrati għar-reżiljenza għat-tibdil fil-klima f’pajjiżi fraġli u vulnerabbli, f’konformità mad-dimensjoni internazzjonali tal-istrateġija ta’ adattament tal-UE 13 . Il-Global Gateway tal-UE, l-istrateġija komprensiva tal-UE b’valur ta’ EUR 300 biljun, il-Pjanijiet Ekonomiċi u ta’ Investiment imfassla għall-viċinat tan-Nofsinhar tal-UE, is-sħubija tal-Lvant u l-Balkani tal-Punent jistgħu joffru għodod għall-mitigazzjoni tar-riskji klimatiċi fil-livell globali. Pereżempju, l-UE nediet l-Inizjattiva komprensiva “Tim Ewropa” (TEI) dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima u r-reżiljenza fl-Afrika sub-Saħarjana bħala parti mill-Pakkett ta’ Investiment tal-Global Gateway UE-Afrika. F’konformità mal-Qafas ta’ Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta’ Diżastri, l-UE se tibqa’ tappoġġa t-tnaqqis fir-riskju ta’ diżastri f’pajjiżi sħab, filwaqt li tenfasizza l-għarfien u l-governanza tar-riskju ta’ diżastri, il-prevenzjoni, it-tħejjija (partikolarment is-sistemi ta’ twissija bikrija), ir-rispons u l-irkupru.

Il-Komunikazzjoni ssegwi l-aktar eżiti reċenti tas-Summit tan-NU dwar il-Klima (COP28) dwar l-adattament u b’mod partikolari dwar l-implimentazzjoni tal-Qafas tal-Emirati Għarab Magħquda għar-Reżiljenza Globali għall-Klima 14 . L-UE se tkompli tippromwovi r-reżiljenza għat-tibdil fil-klima u l-ġestjoni tar-riskji klimatiċi, filwaqt li tikkontribwixxi għall-adattament għat-tibdil fil-klima u l-prevenzjoni tal-konflitti fl-għodod għad-diplomazija dwar il-klima li jisfruttaw l-esperjenzi Ewropej fil-fora internazzjonali u bilateralment.

2.Analiżi: l-aħħar evidenza dwar ir-riskji ewlenin għall-Ewropa 

2.1.Sejbiet tal-Valutazzjoni Ewropea tar-Riskju Klimatiku 

Ix-xjenza hija ċara: l-Ewropa se tiffaċċja temperaturi ġenerali ogħla, ir-riskju ta’ mewġiet ta’ sħana aktar intensi u frekwenti, nixfiet fit-tul, xita aktar intensiva, veloċitajiet medji aktar baxxi tar-riħ u inqas borra. Ir-rapporti tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) iddikjaraw dan b’mod ċar. Madankollu, din l-istampa ġenerali ma turix l-interazzjonijiet kumplessi bejn il-perikli u l-probabbiltà ta’ impatti katastrofiċi.

Illustrazzjoni 2: Xejriet osservati u proġettati f’perikli ewlenin relatati mal-klima f’reġjuni Ewropej differenti

 

Sors: EUCRA

Dawn il-perikli klimatiċi se jwasslu għal aktar diżastri bħal nixfiet, għargħar, nirien fis-selvaġġ, mard, fallimenti tal-għelejjel, imwiet ikkawżati mis-sħana, ħsara fl-infrastruttura, u bidliet strutturali fl-ambjent. Fil-prattika, it-tħejjija tas-soċjetà, il-kapaċità finanzjarja u amministrattiva għall-irkupru, u l-post fiżiku huma l-fatturi ewlenin li jiddeterminaw kemm aħna esposti u vulnerabbli bħala soċjetà.

In-Nofsinhar tal-Ewropa se jiffaċċja pressjonijiet klimatiċi aktar qawwija mill-bqija tal-Ewropa, l-istess bħaż-żoni fl-Artiku. Ir-reġjuni ultraperiferiċi għandhom sett distint ta’ riskji. Dan l-esponiment asimmetriku għall-impatti klimatiċi jaggrava d-disparitajiet diġà eżistenti bejn ir-reġjuni mil-lat tal-ħtieġa għall-adattament għat-tibdil fil-klima, il-prevenzjoni tar-riskji u t-tħejjija għalihom, li jistgħu jkunu ta’ piż fuq l-għodod għall-koeżjoni fl-UE kollha.

Il-kostijiet u l-benefiċċji tad-danni evitati fis-soċjetà kollha ma jistgħux jiġu kkalkulati b’mod preċiż, iżda stima tal-iskala għandha tkun biżżejjed biex tiġġustifika azzjoni. Stima konservattiva hija li l-impatti klimatiċi li sejrin għall-agħar jistgħu jnaqqsu l-PDG tal-UE b’madwar 7 % sal-aħħar tas-seklu. Jekk it-tisħin globali jmur b’mod aktar permanenti lil hinn mil-limitu ta’ 1,5 grad tal-Ftehim ta’ Pariġi, it-tnaqqis addizzjonali kumulattiv fil-PDG għall-UE kollha kemm hi jista’ jammonta għal EUR 2,4 triljun fil-perjodu mill-2031 sal-2050 15 . Id-danni annwali fl-Ewropa mill-għargħar kostali jistgħu jaqbżu l-EUR 1,6 triljun sal-2100 16 , bi 3,9 miljun persuna esposti għall-għargħar kostali kull sena.

Ir-riskji klimatiċi jinħassu b’mod speċjali mill-aktar persuni vulnerabbli minħabba firxa ta’ fatturi soċjoekonomiċi bħall-introjtu, il-ġeneru, l-età, id-diżabilità, is-saħħa, u l-esklużjoni soċjali (li jaffettwaw b’mod partikolari lill-migranti, il-minoranzi etniċi, u l-popli indiġeni). L-iżvantaġġi preeżistenti jnaqqsu l-kapaċità ta’ rkupru minn diżastri kkawżati mill-klima. Iż-żoni urbani ifqar, iżda wkoll l-iskejjel u l-isptarijiet għandhom it-tendenza li jkunu fi gżejjer ta’ sħana urbana. F’ambjenti kemm urbani kif ukoll rurali, il-popolazzjoni li tgħix f’żoni baxxi tiffaċċja riskji akbar ta’ għargħar, u l-konsegwenzi assoċjati mal-kontaminazzjoni tal-ilma.

Il-ħaddiema esposti, primarjament dawk li jaħdmu barra f’setturi bħall-agrikoltura, il-kostruzzjoni, is-servizzi tal-emerġenza, u t-turiżmu, huma aktar probabbli li jiffaċċjaw kundizzjonijiet estremi ta’ sħana. Lil hinn mill-impatti fuq is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali u t-telf ta’ qligħ li jaffettwa lill-ħaddiema individwali minħabba ħinijiet tax-xogħol mitlufa, it-tnaqqis li jirriżulta fil-produttività tax-xogħol jista’ jwassal għal nuqqasijiet fil-prestazzjoni ekonomika f’livell territorjali usa’. Soluzzjonijiet ta’ adattament imfassla ħażin jistgħu jkomplu jkabbru l-inugwaljanzi. Il-kunsiderazzjoni tal-aspetti soċjali, id-djalogu kif ukoll il-proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet inklużiv u parteċipattiv mal-komunitajiet milquta hija essenzjali għal azzjoni politika mfassla tajjeb. Il-provvista tas-sigurtà huwa parti mill-kuntratt soċjali maċ-ċittadini tagħna.

L-EUCRA identifikat 36 riskju ewlieni għall-Ewropa, ħafna minnhom diġà f’livelli kritiċi u ta’ urġenza kbira. Kull wieħed minn dawn għandu jitqies minn dawk li jfasslu l-politika. It-Taqsima 4 twieġeb għal xi wħud minn dawn, filwaqt li tiffoka fuq azzjonijiet li jistgħu jirrispondu għal diversi riskji simultanjament.



Illustrazzjoni 3: Rabtiet bejn raggruppamenti kbar ta’ riskji klimatiċi u oqsma ta’ politika esposti

Sors: EUCRA

2.2.Inċertezzi u probabbiltajiet 

Minkejja l-kumplessità tas-sistema klimatika u l-inċertezzi prevalenti, ix-xjenzjati għandhom fiduċja kbira li l-klima se tkompli tiddeterjora fid-deċennji li ġejjin. Dawk li jfasslu l-politika u l-investituri jeħtieġ li jqisu l-probabbiltà tal-eżitu li jridu jevitaw.

L-inċertezza mhijiex skuża valida għan-nuqqas ta’ azzjoni. Il-prinċipju tal-prekawzjoni 17 jeħtieġ li dawk li jfasslu l-politika jadottaw approċċ proattiv ta’ prevenzjoni li jiżgura superviżjoni tajba tas-soċjetajiet tagħna.

3.Spazju għas-soluzzjonijiet – ngħammru lis-soċjetà għall-azzjoni

L-iżvilupp, l-ittestjar u l-użu malajr ta’ soluzzjonijiet azzjonabbli huma meħtieġa f’ambjent li qiegħed jinbidel. Il-Missjoni ta’ Adattament għat-Tibdil fil-Klima tal-UE tappoġġa lir-reġjuni b’soluzzjonijiet innovattivi li jakkumpanjaw reġjun jew awtorità lokali lejn ir-reżiljenza għall-klima sal-2030, u tista’ sservi bħala l-aħjar prattika għall-partijiet interessati kollha.

L-investiment fir-reżiljenza mill-bidu ta’ proġett ta’ infrastruttura jfisser li l-ass se jkun jista’ jiflaħ aħjar għall-kundizzjonijiet ta’ temp estrem sabiex jiġu evitati l-ispejjeż ad hoc ta’ rikostruzzjoni u rkupru. Kull euro meħtieġ għat-tiswija tal-ħsara huwa euro li ma jintefaqx f’investiment aktar produttiv. Min-naħa l-oħra, kull euro li jintefaq għall-prevenzjoni u t-tħejjija se jġib benefiċċji għal kulħadd, li jmorru lil hinn mill-investiment inizjali 18 . Id-deċiżjonijiet tal-ippjanar tal-lum jeħtieġ li jibnu fuq valutazzjoni tar-riskji antiċipatorja soda 19 .

Ir-riskji klimatiċi li qiegħda tiffaċċja l-Ewropa jridu jiġu indirizzati flimkien ma’ sfidi oħra tas-soċjetà. L-aqwa soluzzjonijiet dejjiema huma dawk li jiżguraw benefiċċji multipli. L-evidenza fir-rapport tal-EUCRA tindika diversi oqsma fejn is-soluzzjonijiet trażversali jistgħu jgħinu biex jitneħħew l-ostakli għall-adattament għat-tibdil fil-klima. Din hija r-raġuni għaliex huwa meħtieġ approċċ sistemiku.

Is-sottotaqsimiet li ġejjin jidentifikaw erba’ kategoriji globali ta’ soluzzjonijiet li bis-saħħa tagħhom is-sistemi amministrattivi fl-UE u fl-Istati Membri tagħha kapaċi jindirizzaw aħjar ir-riskji klimatiċi: governanza mtejba, għodod għas-sidien tar-riskju, l-isfruttar tal-politiki strutturali, u prekundizzjonijiet tajbin għar-reżiljenza finanzjarja.

3.1.Governanza mtejba

Id-diviżjoni tar-responsabbiltajiet bejn l-UE u l-livell nazzjonali – is-sjieda tar-riskju – tvarja bejn l-oqsma ta’ politika u hija bbażata fuq is-sussidjarjetà. Fil-prattika dan spiss ifisser li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jaqblu dwar qafas ġenerali komuni fil-livell tal-UE, b’approċċi ta’ implimentazzjoni attwali mfassla u deċiżi mill-Istati Membri fil-livell nazzjonali, u implimentati fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali. Fil-livell tal-UE, ir-riskji klimatiċi għandhom jitqiesu aħjar fl-aspetti tal-governanza tal-politiki, il-leġiżlazzjoni u l-istrumenti finanzjarji, u fit-tiftix tas-sinerġiji bejn il-politiki u l-miżuri tal-UE.

Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-politiki jinkludu dispożizzjonijiet għall-kunsiderazzjoni tar-riskji klimatiċi, hemm nuqqasijiet fil-mod kif tali politiki u leġiżlazzjoni jiġu implimentati fl-Istati Membri. Meħtieġ titjib fil-livelli kollha ta’ governanza. Għandha tingħata attenzjoni lill-mod kif jinteraġixxu l-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali u kif il-mezzi u l-kompiti tagħhom huma allinjati. Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ l-impenji eżistenti dwar l-adattament, u jikkunsidraw ukoll ir-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kummissjoni.

It-titjib tal-governanza tar-riskji klimatiċi jirrikjedi:

Sjieda ċara tar-riskju. Il-Kummissjoni tistieden lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE jikkunsidraw kif ir-riskji klimatiċi speċifiċi għas-settur u r-responsabbiltà li tittieħed azzjoni dwar ir-riskji klimatiċi jitqassmu bejn l-UE u l-Istati Membri fl-istruttura leġiżlattiva attwali għal oqsma ta’ politika ewlenin.

Strutturi ta’ governanza msaħħa. Strutturi ta’ governanza ċari għall-ġestjoni tar-riskji klimatiċi fl-Istati Membri għandhom jiżguraw koordinazzjoni vertikali u orizzontali fost il-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali. Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri jiżguraw li s-sidien tar-riskju fil-livell nazzjonali jkollhom il-kapaċitajiet u r-riżorsi meħtieġa biex jiġġestixxu r-riskji klimatiċi. Il-Kummissjoni se tinkorpora wkoll strutturalment ir-riskji klimatiċi fil-proċessi interni tagħha billi ssaħħaħ il-funzjonijiet tal-kontrollur tar-riskju klimatiku u fl-implimentazzjoni tal-verifika tal-konsistenza klimatika fir-rekwiżiti għal Regolamentazzjoni Aħjar.

Sinerġiji fil-proċessi ta’ governanza. L-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni relatata mar-riskji klimatiċi tista’ tittejjeb aktar u ssir aktar konsistenti. Il-Liġi Ewropea dwar il-Klima, ir-Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, id-Direttiva dwar ir-Reżiljenza tal-Entitajiet Kritiċi, ir-Regolament dwar Theddid Transkonfinali Serju għas-Saħħa, il-Qafas rivedut imminenti ta’ Governanza Ekonomika tal-UE, il-Liġi dwar ir-Restawr tan-Natura, ladarba tiġi adottata, id-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats, id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, id-Direttiva dwar l-Għargħar, id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina, id-Deċiżjoni tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (UCPM) flimkien mal-Għanijiet tal-Unjoni marbuta mar-Reżiljenza għad-Diżastri, kollha jinkludu dispożizzjonijiet marbuta mal-ġestjoni tar-riskji klimatiċi. Biex tissimplifika l-proċessi u tagħmilhom aktar effettivi, il-Kummissjoni se tesplora kif l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti fil-livell tal-UE tista’ tiġi ffaċilitata, simplifikata u msaħħa aktar.

3.2.Għodod għall-għoti tas-setgħa lis-sidien tar-riskju

Bis-saħħa tal-avvanzi xjentifiċi fil-fehim tar-riskji klimatiċi, u l-finanzjament tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni li jappoġġa dawn l-avvanzi, li issa nistgħu nieħdu azzjoni sinifikanti. Il-Kummissjoni se tkompli tinvesti fir-riċerka u l-innovazzjoni utli għad-deċiżjoni, u tisfrutta l-għarfien u s-soluzzjonijiet imressqa mill-Missjonijiet, mill-proġetti u mis-Sħubijiet rilevanti tal-UE f’Orizzont Ewropa. Dan waħdu mhuwiex biżżejjed, kif enfasizzat mill-azzjonijiet ta’ għarfien imressqa mill-EUCRA. Valutazzjoni kwantitattiva tar-riskju ta’ perikli multipli b’riżoluzzjoni għolja, flimkien ma’ valutazzjoni tal-adattament u tar-reżiljenza korrispondenti jkunu rilevanti ħafna għall-prijoritizzazzjoni tal-azzjoni. L-aċċess għal għodod u data ta’ riċerka u operazzjonali disponibbli, u l-kapaċità li jintużaw, jistgħu jappoġġaw il-kompetittività tan-negozji tal-UE u jtejbu d-deċiżjonijiet tal-politika pubblika. Meħtieġa wkoll statistika uffiċjali Ewropea relatata mar-reżiljenza għall-klima, kompilata konsistentement mal-PDG u aggregati ta’ kontijiet nazzjonali oħra.

Anke fejn l-istrutturi ta’ governanza huma b’saħħithom, it-teħid effettiv ta’ deċiżjonijiet dwar ir-riskji klimatiċi jinżamm lura minn lakuni sostanzjali fil-ħiliet, fix-xogħol u fl-għarfien kemm fis-settur privat kif ukoll f’dak pubbliku, u ggravat mid-diżinformazzjoni dwar il-klima. Sabiex ir-riskji klimatiċi jiġu ġestiti b’mod effettiv u biex isir użu aħjar mill-informazzjoni diġà disponibbli u s-sistemi ta’ twissija bikrija, jeħtieġ li jkun hemm aċċess aħjar għalihom u għal għodod ta’ għarfien rilevanti, kif ukoll bini tal-kapaċità.

It-titjib tal-kapaċità tas-sidien tar-riskju biex iwettqu l-kompiti tagħhom jirrikjedi:

Data dwar il-klima, għodod ta’ mmudellar u indikaturi. Data u mudelli dwar il-klima ta’ kwalità għolja u li jinftiehmu faċilment huma kruċjali għat-teħid ta’ deċiżjonijiet infurmati dwar kwistjonijiet li jvarjaw minn ippjanar fit-tul għal sistemi ta’ twissija bikrija.

-Il-Kummissjoni u l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) se jipprovdu aċċess għal data granulari u lokalizzata, prodotti, applikazzjonijiet, indikaturi u servizzi ewlenin, b’mod partikolari permezz tal-Pjattaforma dwar l-Adattament għall-Klima u l-pjattaformi tad-data tas-Servizz dwar it-Tibdil fil-Klima ta’ Copernicus, jiġifieri l-Ekosistema tal-Ispazju tad-Data ta’ Copernicus 20 u WEkEO 21 .

-L-ewwel żewġ tewmin diġitali taħt l-inizjattiva Destinazzjoni d-Dinja (DestinE) – it-tewmin diġitali tal-Adattament għat-Tibdil fil-Klima u tal-Avvenimenti Estremi Kkawżati mit-Temp – minn nofs l-2024 ’il quddiem se jipprovdu simulazzjonijiet dettaljati tax-xenarji klimatiċi mil-livell globali għal-livelli nazzjonali u sottonazzjonali f’perjodu ta’ żmien multideċennali, inkluża l-kwantifikazzjoni tal-inċertezza. It-Tewmi Diġitali tal-Oċean se jipprovdi wkoll simulazzjonijiet u xenarji dettaljati u permezz tiegħu se jkun possibbli fehim aħjar ta’ proċessi bħaż-żieda fil-livell tal-baħar, it-tidwib tas-silġ, l-erożjoni kostali, iċ-ċiklu tal-karbonju u l-bidliet fil-bijodiversità. Orizzont Ewropa se jkompli jappoġġa r-riċerka li għandha l-għan li tippreżenta settijiet kbar ta’ simulazzjonijiet klimatiċi multideċennali mingħajr xkiel b’riżoluzzjoni għolja biex jiġu kkaratterizzati aħjar ir-riskji u l-inċertezzi lokali.

-Biex jgħin fl-emerġenzi, fl-2025 is-Servizz Satellitari ta’ Twissija ta’ Emerġenza (EWSS) ta’ Galileo se jkun disponibbli biex jikkomunika informazzjoni ta’ twissija lil persuni, negozji u awtoritajiet pubbliċi anke meta s-sistemi ta’ twissija terrestri ma jkunux qed jaħdmu.

-Se jitnaqqsu lakuni kbar fid-data bis-saħħa tal-Liġi proposta dwar il-Monitoraġġ tal-Foresti 22 u l-Liġi proposta dwar il-Monitoraġġ tal-Ħamrija 23 , li se jtejbu l-għodod ta’ twissija bikrija għan-nirien fis-selvaġġ u diżastri oħra u jikkontribwixxu għal valutazzjonijiet tar-riskju aktar preċiżi. B’mod aktar ġenerali, il-Kummissjoni se tippromwovi l-użu tas-sistemi disponibbli ta’ monitoraġġ, tbassir u twissija 24 .

Il-Kummissjoni se tirrieżamina l-għodod u l-linji gwida eżistenti inkluż l-Esploratur Ewropew tad-Data dwar il-Klima 25 tal-EEA u d-dashboard tal-adattament ospitat fil-Portal tal-Missjoni tal-UE ta’ Adattament għat-Tibdil fil-Klima 26 fi Climate-ADAPT, il-Pjattaforma tad-Data dwar ir-Riskju 27 , id-dashboard tar-riskju klimatiku ta’ PROVIDE 28 u tuża aktar il-kapaċitajiet analitiċi u ta’ tbassir taċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tar-Reazzjoni f’każ ta’ Emerġenza. Il-Kummissjoni se ttejjeb l-aċċess għall-utenti, inkluż fil-livell lokali, u se timmonitorja l-użu tal-għodod. Se tfittex indikaturi aħjar dwar il-progress fir-reżiljenza, inkluż flimkien ma’ indikaturi oħra interkonnessi u rilevanti biex jiġi żgurat approċċ tas-sistema.

Xenarji klimatiċi bażi. Sabiex tnaqqas il-kumplessità tal-valutazzjoni tar-riskji, il-Kummissjoni se tuża x-xenarju tal-emissjonijiet intermedji tal-IPCC 29 bħala x-xenarju klimatiku bażi minimu aċċettabbli biex tkopri r-riskji fiżiċi fil-valutazzjoni tal-impatti tal-politiki u tuża xenarji aktar avversi fl-ittestjar tal-istress u biex tqabbel l-għażliet ta’ adattament. L-Istati Membri jingħataw il-parir, u l-partijiet ikkonċernati privati huma mistennija, li jagħmlu l-istess; il-gwida interna tal-Kummissjoni dwar din il-kwistjoni se tiġi ppubblikata. Data storika aħjar, pereżempju dwar it-telf minn diżastri, hija utli bħala indikatur u input fil-projezzjonijiet. Iżda deċiżjoni dwar il-futur tal-klima bbażata primarjament fuq data storika estrapolata hija mġiba imprudenti.

Kapaċitajiet imtejba tas-settur pubbliku u privat. Il-Kummissjoni se tappoġġa l-iżvilupp ta’ materjali ta’ taħriġ u korsijiet miftuħa online dwar ir-reżiljenza għall-klima bl-użu ta’ pjattaforma online unika, parzjalment permezz ta’ Climate-ADAPT. Il-firxa estensiva ta’ għodod għall-ippjanar tal-adattament fil-livell tal-UE se ssir parti mill-bażi tal-għarfien. Il-Kummissjoni se tappoġġa lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jiżguraw li l-kurrikuli u l-programmi ta’ taħriġ nazzjonali, inklużi dawk għall-amministraturi pubbliċi, ikunu lesti għall-futur, u se tkompli tappoġġa l-kooperazzjoni amministrattiva fost l-Istati Membri u fihom 30 . Abbażi ta’ aktar diskussjonijiet, il-Kummissjoni se tiżviluppa għodod ta’ valutazzjoni tar-riskju tal-klima u tad-diżastri biex tgħin lill-Istati Membri u lis-settur privat, inklużi l-SMEs.

Il-Kummissjoni se tisfrutta wkoll għodod eżistenti:

-Il-Missjoni tal-UE ta’ Adattament għat-Tibdil fil-Klima hija kontributur ewlieni għall-bini tal-kapaċità reġjonali.

-L-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku jappoġġa lill-Istati Membri fit-tfassil u l-implimentazzjoni tar-riformi mmirati lejn it-tnaqqis u l-ġestjoni tar-riskji klimatiċi.

-Il-qafas ta’ kompetenza dwar is-sostenibbiltà (GreenComp), maħruġ fl-2022, jipprovdi bażi biex jitrawmu l-kompetenzi meħtieġa ħalli jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima. 

-Se jintużaw l-inizjattivi u l-politiki tal-edukazzjoni u t-taħriġ żviluppati taħt iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni (pereżempju bil-Koalizzjoni ta’ Edukazzjoni għall-Klima).

-Il-mudell uniku ta’ kollaborazzjoni bejn l-akkademja, ir-riċerka u n-negozju żviluppat taħt l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) u l-Komunitajiet ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni (KKI) tiegħu, b’mod partikolari l-KKI “EIT Climate”, jista’ jipprovdi appoġġ.

Il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni. Il-Kummissjoni se tikkontribwixxi għall-isforzi għall-monitoraġġ u l-analiżi ta’ kif in-narrattivi tad-diżinformazzjoni jidħlu fl-ispazju pubbliku u jħallu impatt fuq l-opinjoni u l-imġiba. Se ttejjeb l-użu ta’ għodod ta’ politika, soluzzjonijiet diġitali, u approċċi ta’ komunikazzjoni rilevanti għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni dwar il-klima. Dan jinkludi l-iżgurar li l-konformità mal-Att dwar is-Servizzi Diġitali tkopri kif xieraq id-diżinformazzjoni u li x-xjenza klimatika tkun koperta kif xieraq fil-konformità tal-kumpaniji tal-media soċjali mal-Kodiċi ta’ Prattika dwar id-Diżinformazzjoni. Se taħdem ukoll mas-sħab internazzjonali biex tindirizza d-diżinformazzjoni bħala sfida soċjetali dejjem akbar li għandha l-għeruq tagħha f’inċentivi ekonomiċi żbilanċjati u li toħloq theddida għall-funzjonament tas-sistemi demokratiċi tagħna.

3.3.L-użu tal-politiki strutturali

Filwaqt li d-distribuzzjoni tas-sjieda tar-riskju bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha tvarja bejn l-oqsma ta’ politika, tliet oqsma ta’ politika strutturali huma partikolarment promettenti għall-ġestjoni tar-riskji klimatiċi f’ħafna setturi:

Ippjanar spazjali aħjar fl-Istati Membri. L-użu u l-ippjanar tal-art huma responsabbiltajiet nazzjonali – u spiss lokali. L-art mhijiex biss assi iżda hija mogħnija b’tifsira u valur lokalment speċifiċi lil hinn mill-flus. Fl-istess ħin, id-deċiżjonijiet dwar l-użu tal-art u l-ippjanar jaffettwaw ir-reżiljenza u l-assigurabbiltà kontra r-riskji ta’ komunitajiet u ekonomiji usa’. Tali deċiżjonijiet jenħtieġ li jiddikjaraw b’mod espliċitu s-suppożizzjonijiet dwar ir-riskji klimatiċi u jiġu approvati mill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għar-reżiljenza tal-infrastruttura u l-entitajiet kritiċi. Il-Kummissjoni se tikkunsidra għażliet biex tinċentiva l-użu tal-aħjar prattiki, inkluż billi ssaħħaħ ir-rabta bejn il-kwalità tal-ippjanar territorjali u marittimu, u l-politiki ta’ koeżjoni, trasport, sajd, finanzi u agrikoltura. Il-Kummissjoni se tkompli fuq il-ħidma eżistenti u se tinkludi prinċipji ta’ reżiljenza fl-inizjattiva “il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida” 31 biex tiffaċilita l-ippjanar ta’ komunitajiet reżiljenti.

L-integrazzjoni tar-riskji klimatiċi fl-ippjanar u l-manutenzjoni tal-infrastruttura kritika. Marbuta mill-qrib mal-ippjanar spazjali, il-kapaċità tal-gvernijiet li jżommu l-funzjonijiet tas-soċjetà tiddependi mir-reżiljenza tal-entitajiet li joperaw infrastruttura kritika li tipprovdi s-servizzi essenzjali tagħhom għas-soċjetà u l-ekonomija. Id-Direttiva dwar ir-Reżiljenza tal-Entitajiet Kritiċi tiffaċilita l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u tistabbilixxi proċessi ta’ valutazzjoni tar-riskju għalihom u għall-entitajiet kritiċi. Il-Kummissjoni tistieden lil kull Stat Membru jiżgura li l-valutazzjoni tar-riskju nazzjonali tiegħu skont id-Direttiva dwar ir-Reżiljenza tal-Entitajiet Kritiċi 32 tindirizza b’mod espliċitu r-reżiljenza fit-tul tal-entitajiet rigward ir-riskji klimatiċi u tistieden lill-Istati Membri jagħmlu dan qabel l-iskadenza tal-2026 stabbilita fid-Direttiva. Parti mill-infrastruttura kritika hija maqbula u kofinanzjata fil-livell tal-UE, bħan-networks trans-Ewropej TEN-T u TEN-E, iżda wkoll pereżempju sptarijiet u skejjel iffinanzjati mill-UE. Il-Kummissjoni se taġġorna u tiżviluppa dokumenti ta’ gwida settorjali rilevanti. Id-data u s-servizzi tas-satellita disponibbli għandhom jintużaw bis-sħiħ biex isaħħu r-reżiljenza tal-infrastruttura kritika kontra r-riskji klimatiċi.

Ir-rabta tas-solidarjetà fil-livell tal-UE ma’ miżuri ta’ reżiljenza nazzjonali adegwati. Jekk il-kapaċitajiet nazzjonali jkunu mgħobbija żżejjed, il-kapaċitajiet tal-protezzjoni ċivili u mekkaniżmi oħra ta’ solidarjetà fil-livell tal-UE (inkluż il-UCPM, il-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE, l-investimenti strutturali tal-politika ta’ koeżjoni, ċerti għodod taħt il-Politika Agrikola Komuni u pakketti oħra ta’ appoġġ settorjali) jistgħu jiġu mobilizzati biex jipproteġu lin-nies kontra l-impatti klimatiċi u jgħinuhom jirkupraw aktar malajr. Madankollu, il-kapaċitajiet kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE diġà huma taħt pressjoni filwaqt li l-pressjonijiet tar-riskju se jkomplu jiżdiedu. Mill-2019, il-UCPM ġie attivat u koordina assistenza 76 darba fl-Istati Membri tal-UE u f’pajjiżi terzi għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza relatati mal-klima (għargħar estrem, nirien fis-selvaġġ, maltemp u nixfa akuta). Intefqu aktar minn EUR 8,6 biljun permezz tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE bħala appoġġ għall-24 Stat Membru u 4 pajjiżi ta’ adeżjoni wara 110 diżastru minn perikli naturali.

Il-mekkaniżmi ta’ solidarjetà jeħtieġ li jkollhom riżorsi adegwati biex jiżguraw li l-UE tkun tista’ tgħin lil dawk fil-bżonn. Is-sistemi u l-assi tal-protezzjoni ċivili jridu jibqgħu validi fil-futur, permezz ta’ investiment fil-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri, il-kapaċitajiet ta’ rispons u l-għarfien espert tal-UE u tal-Istati Membri li jistgħu jiġu skjerati malajr bejn il-fruntieri. Dan għandu jintegra bis-sħiħ ir-riskji klimatiċi fil-proċessi tal-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri, kif stabbilit fl-għanijiet tal-Unjoni marbut mar-reżiljenza għad-diżastri 33 u fir-rapport tal-Kummissjoni dwar il-prevenzjoni tal-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri fl-Ewropa 34 . Peress li l-kapaċitajiet ta’ rispons u rkupru tal-UE jistgħu jiġu eżawriti flimkien ma’ żieda fir-riskji, il-Kummissjoni se tikkunsidra kif il-mekkaniżmi ta’ solidarjetà jistgħu jinċentivaw aħjar azzjonijiet antiċipatorji adegwati dwar ir-riskji ewlenin mill-Istati Membri anke fl-interess tas-sostenibbiltà fiskali, filwaqt li jsaħħu l-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri, it-tħejjija u r-rispons tal-UE.

3.4.Prekundizzjonijiet tajbin għall-finanzjament tar-reżiljenza għall-klima

Dawk li jfasslu l-politika, l-investituri u n-negozji jeħtieġ li jifhmu l-ħtiġijiet u l-lakuni ta’ investiment u protezzjoni, ifasslu interventi mmirati abbażi tal-impatt u l-urġenza potenzjali tagħhom, jinvolvu lis-sidien tar-riskju u jiffurmaw strateġiji ta’ finanzjament fit-tul. Sabiex ir-riskji klimatiċi jiġu ġestiti b’mod effettiv, l-infiq pubbliku fil-livell nazzjonali u tal-UE, inkluż l-investimenti soċjali, u l-inċentivi għall-investiment privat għandhom jitfasslu b’mod li l-prevenzjoni ta’ tfixkil u ħsarat relatati mal-klima tkun l-aħjar għażla mil-lat ekonomiku. Jeħtieġ li tiġi żgurata l-konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Dan jimplika:

L-iżgurar li l-infiq tal-UE huwa reżiljenti għat-tibdil fil-klima. Il-Kummissjoni se tintegra l-kunsiderazzjonijiet tal-adattament għat-tibdil fil-klima fl-implimentazzjoni tal-programmi u l-attivitajiet tal-UE bħala parti mill-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti” stabbilit fir-Regolament Finanzjarju għall-qafas finanzjarju pluriennali ta’ wara l-2027, meta possibbli u xieraq. Dan se jiżgura li l-programmi kollha rilevanti tal-UE jikkontribwixxu għar-reżiljenza għall-klima.

L-integrazzjoni tar-reżiljenza għall-klima fl-akkwist pubbliku. L-akkwist pubbliku jammonta għal 14 % tal-PDG tal-UE u jeħtieġ li jqis ir-riskji klimatiċi. B’mod partikolari għad-deċiżjonijiet infrastrutturali, din il-politika għandha rwol ewlieni fl-appoġġ tar-reżiljenza għall-klima tal-assi u fis-sensibilizzazzjoni u l-għarfien tal-kumpaniji tal-offerti dwar ir-reżiljenza għall-klima. Il-Kummissjoni se tqis ir-riskji klimatiċi bħala element f’każ ta’ rieżami tal-qafas regolatorju għall-akkwist. Fl-istess waqt, tistieden lill-Istati Membri biex fost l-oħrajn iqisu r-riskji klimatiċi meta jinkludu l-kriterji tas-sostenibbiltà ambjentali fil-proċeduri kompetittivi ta’ offerti, pereżempju permezz ta’ implimentazzjoni aċċellerata tad-dispożizzjonijiet tal-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti 35 li jikkonċernaw il-kriterji mhux relatati mal-prezz fit-tfassil tas-sejħa għal proposti.

Il-mobilizzazzjoni tal-finanzi biex tinbena r-reżiljenza. Huwa fundamentali li jiġi attirat u ffaċilitat l-investiment privat biex ir-riskji tal-klima jiġu indirizzati u tinbena reżiljenza għall-klima. Filwaqt li tkompli tibni fuq il-ħidma tad-Djalogu dwar ir-reżiljenza għall-klima u ħidma oħra rilevanti, il-Kummissjoni se tlaqqa’ Grupp ta’ riflessjoni temporanju dwar il-mobilizzazzjoni tal-finanzjament tar-reżiljenza għall-klima biex jirrifletti fuq kif għandhom jiġu ffaċilitati l-finanzjament għar-reżiljenza għall-klima. Il-Grupp ta’ riflessjoni se jlaqqa’ flimkien atturi industrijali ewlenin u rappreżentanti tal-istituzzjonijiet finanzjarji pubbliċi u privati. Jista’ wkoll jibbaża fuq l-għarfien tal-Bank Ewropew tal-Investiment u tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol fil-qasam tal-finanzjament għall-adattament u l-bini tar-reżiljenza. Se jelenka l-aħjar prattiki u jidentifika l-ostakli kif ukoll il-kundizzjonijiet abilitanti għall-finanzjament tar-reżiljenza għall-klima. Il-Kummissjoni se tqis l-eżitu ta’ dawn id-diskussjonijiet bil-ħsieb li ssaħħaħ il-finanzjament għar-reżiljenza għall-klima.

4.Azzjonijiet ewlenin tal-UE fir-raggruppamenti ewlenin tal-impatt 

Ir-riskji klimatiċi u l-politiki tal-UE huma interkonnessi b’ħafna modi. Il-biċċa l-kbira tal-politiki tal-UE diġà jinkludu proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet li jistgħu jqisu r-riskji klimatiċi. L-abbundanza ta’ evidenza mressqa fir-rapport tal-EUCRA se tikkontribwixxi għal dawn il-proċessi. Din it-taqsima tistabbilixxi azzjonijiet speċifiċi għal raggruppamenti milquta magħżula li l-Kummissjoni se tmexxi ’l quddiem, minbarra l-ħidma eżistenti li diġà għaddejja.

4.1.Ekosistemi naturali

Minbarra li jsostnu l-bijodiversità nnifisha, l-ekosistemi naturali jipprovdu servizzi ta’ appoġġ għall-ħajja bħall-ilma ħelu, l-ikel u l-bijomaterjal, is-sekwestru tal-karbonju, il-kontroll tal-erożjoni tal-ħamrija u tal-kosta, il-prevenzjoni tal-għargħar u tan-nixfa, it-tkessiħ ta’ żoni urbani b’popolazzjoni densa. Aktar minn nofs il-PDG totali tad-dinja huwa stmat li huwa moderatament dipendenti jew dipendenti ħafna fuq in-natura u l-bijodiversità. Ekosistemi b’saħħithom jibbilanċjaw lilhom infushom, iżda l-ekosistemi jistgħu wkoll ifallu malajr jekk jinqabżu l-limiti kritiċi. L-aktar effett detrimentali immedjat se jkun fuq is-sigurtà tal-ikel, il-komunitajiet lokali u dawk is-setturi ekonomiċi li huma l-aktar dipendenti fuq in-natura tajba għas-saħħa. Sabiex tinżamm u tiġi restawrata r-reżiljenza tal-ekosistemi u tas-servizzi li jipprovdu, madwar 30–50 % tal-art, l-ilma ħelu u l-oċeani tad-dinja jeħtieġ li jiġu ppreservati b’mod effettiv u ekwu  36 .

Is-soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura li jibqgħu validi fil-futur jistgħu jkunu kosteffettivi u jżidu r-reżiljenza, u għandhom ikunu l-ewwel għażla ta’ adattament għat-tibdil fil-klima kull meta jkun possibbli. Għall-ġestjoni effettiva tar-riskji klimatiċi, l-ekosistemi għandhom jiġu protetti u ġestiti b’mod komprensiv, u l-valutazzjonijiet tal-ġid u tal-attività ekonomika għandhom jinkludu bis-sħiħ il-kapital naturali 37  bl-użu ta’ avvanzi metodoloġiċi reċenti. L-implimentazzjoni tad-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats u l-iżvilupp tal-pjanijiet nazzjonali ta’ restawr skont il-Liġi dwar ir-Restawr tan-Natura li ġejja, għandhom jiżguraw is-sinerġiji mar-reżiljenza għall-klima. Sabiex tappoġġa l-adattament għat-tibdil fil-klima f’żoni protetti, il-Kummissjoni se taġġorna l-linji gwida dwar Natura 2000 u t-tibdil fil-klima.

Meħtieġa aktar ħidma biex jiġu evitati disturbi kbar fil-foresti u tittejjeb it-tħejjija għalihom. Il-Kummissjoni se tuża l-azzjonijiet tal-UCPM biex tippromwovi l-prevenzjoni tar-riskju tan-nirien fis-selvaġġ, tuża r-regolamenti proposti dwar qafas ta’ monitoraġġ għal foresti Ewropej reżiljenti u dwar il-materjal riproduttiv tal-foresti; u se tqis il-pressjonijiet klimatiċi meta jiġi stmat il-kontribut potenzjali tal-bjar tal-karbonju għall-miri ta’ emissjonijiet żero netti tal-UE.

L-Istati Membri għandhom itejbu s-saħħa tal-ekosistemi tal-baħar. Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri jagħmlu l-aħjar użu mid-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina, il-Liġi dwar ir-Restawr tan-Natura u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Baħar 38 biex iżidu r-reżiljenza u jippreservaw id-diversità tal-ekosistemi tal-baħar kollha biex iżommu l-kapaċità produttiva tagħhom li jipprovdu ikel, materjali u servizzi tal-ekosistema. L-azzjonijiet taħt il-Missjoni tal-UE għall-Oċeani u l-Ilmijiet 39 qed jikkontribwixxu għal firxa wiesgħa ta’ soluzzjonijiet bħal dawn. Sabiex jiġi żgurat is-sajd sostenibbli fi klima li qed tinbidel, is-sinerġiji bejn il-Politika Komuni tas-Sajd u l-leġiżlazzjoni ambjentali, kif ippreżentati fil-Patt għas-Sajd u l-Oċeani, għandhom jiġu sfruttati bis-sħiħ biex jiġu żgurati s-sigurtà tal-ikel u l-għajxien għas-sajjieda u l-komunitajiet kostali.

L-elementi ewlenin ta’ pajsaġġ reżiljenti għall-klima jeħtieġ li jiġu indirizzati simultanjament biex tiġi ppreservata l-kapaċità tal-pajsaġġi li jnaqqsu r-riskju ta’ nixfa, għargħar, mareġġati, nirien fis-selvaġġ jew erożjoni flimkien mat-twassil ta’ servizzi oħra tal-ekosistema. Iż-żoni rurali jkopru l-biċċa l-kbira tal-art tal-Ewropa u approċċ awtonomu għall-ġestjoni tal-ħamrija, l-ilma u l-foresti fl-istess żona laħaq il-limiti tiegħu. Meħtieġ approċċ komprensiv u integrat biex jiġi żgurat li l-ekosistemi fuq żoni kbar ikunu jistgħu jlaħħqu mat-theddid multiplu. Biex tappoġġa l-aħjar użu tad-dokumenti tal-ippjanar eżistenti u s-sinerġija mal-pjanijiet tal-Istati Membri għall-ippjanar spazjali u għar-restawr tan-natura, il-Kummissjoni, f’ħidma mal-Istati Membri, se tfassal gwida dwar l-iżvilupp ta’ pajsaġġi reżiljenti li jistgħu jtaffu l-impatti tat-tibdil fil-klima.

4.2.Ilma

L-ilma huwa riżorsa vitali li diġà tinsab taħt pressjoni f’ħafna partijiet tal-Ewropa minħabba ġestjoni strutturali ħażina, użu mhux sostenibbli tal-art, bidliet idromorfoloġiċi u tniġġis. It-tibdil fil-klima qiegħed jaggrava dawn il-pressjonijiet u qiegħed iżid ir-riskji relatati mal-ilma fil-forma ta’ nixfiet aktar frekwenti jew fit-tul jew xita estrema. Dawn mistennija jiżdiedu fil-futur fejn partijiet akbar tal-Ewropa se jiġu affettwati mill-istress idriku, kif ukoll riskju dejjem akbar ta’ nixfiet kbar (mifruxa fuq reġjuni kbar u li jdumu diversi snin), nirien fis-selvaġġ, żieda fl-għargħar, u żieda fil-livelli tal-baħar li jżidu r-riskju ta’ għargħar kostali u mareġġati, erożjoni kostali u intrużjoni tal-ilma baħar.

L-EUCRA tenfasizza li r-riskji relatati mal-ilma jolqtu s-setturi ewlenin kollha kkunsidrati f’din il-Komunikazzjoni u li l-għargħar serju, in-nixfiet u n-nirien forestali qegħdin isiru theddida għas-saħħa u kawża rikorrenti ta’ telf soċjali, ambjentali u ekonomiku. Dawn ir-riskji jistgħu jidhru f’diversi forom, li wħud minnhom jinkludu nixfiet li potenzjalment jaffettwaw żoni kbar għal perjodi twal, b’impatti negattivi fuq il-produzzjoni tal-għelejjel, is-sigurtà tal-ikel, il-provvisti tal-ilma tax-xorb u l-produzzjoni tal-enerġija jew l-użu tal-passaġġi fuq l-ilma u li jżidu r-riskju ta’ nirien fis-selvaġġ; ir-riskji għall-infrastruttura kritika, l-attivitajiet ekonomiċi u s-saħħa tal-bniedem mill-għargħar, u b’mod ġenerali ż-żieda fil-kompetizzjoni għar-riżorsi tal-ilma fis-setturi u l-użi kollha, inkluż ir-riskju potenzjali ta’ kunflitti fl-Istati Membri u fosthom dwar ir-riżorsi tal-ilma transkonfinali. L-EUCRA turi li l-kostijiet ta’ implimentazzjoni insuffiċjenti jew imdewma tal-ġestjoni integrata tal-ilma mhux se jkunu affordabbli. Huwa stmat li l-kostijiet tan-nixfiet huma EUR 9 biljun fis-sena u dawk tal-għargħar b’kollox kienu aktar minn EUR 170 biljun mill-1980.

Il-protezzjoni u r-restawr taċ-ċiklu tal-ilma, il-promozzjoni ta’ ekonomija tal-UE intelliġenti fl-ilma u s-salvagwardja ta’ provvisti tal-ilma ħelu ta’ kwalità tajba, affordabbli u aċċessibbli għal kulħadd huma kruċjali biex tiġi żgurata Ewropa reżiljenti għall-ilma. Il-kisba tar-reżiljenza tal-ilma tfisser it-trawwim tal-kapaċità kollettiva tagħna li niġġestixxu u nużaw l-ilma b’mod aktar aġli fid-dawl tal-iżviluppi ġeopolitiċi, ekonomiċi, soċjetali u ambjentali li qegħdin jinbidlu malajr u li huma parzjalment imprevedibbli. L-ilma jeħtieġ li jiġi ġestit, u d-domanda tal-bniedem jeħtieġ li tiġi aġġustata għall-provvista l-ġdida aktar skarsa.

Minħabba r-rwol fundamentali li l-ilma għandu fis-sostenn tal-ħajja u bħala kontribut ekonomiku, il-Kummissjoni se tqis il-kwistjonijiet tal-ilma b’mod komprensiv, filwaqt li tibbaża fuq is-sejbiet tal-valutazzjonijiet li għaddejjin tal-Pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċini tax-xmajjar u tar-riskju ta’ għargħar, kif ukoll tal-Programmi ta’ Miżuri marini stabbiliti mill-Istati Membri, u fuq dik il-bażi se tqis il-ħtieġa għal azzjoni.

4.3.Saħħa

It-tibdil fil-klima qiegħed iħalli impatt fuq is-saħħa tal-bniedem. Bejn 60,000 u 70 000 mewta prematura ġew attribwiti għall-mewġa ta’ sħana tal-2022 fl-Ewropa biss. Il-projezzjonijiet diġà juru żieda netta qawwija fir-rati ta’ mortalità relatati mat-temperatura għal nofs is-seklu 40 . Permezz ta’ eventi ta’ temp estrem u sħana kontinwi, it-tibdil fil-klima jista’ jwassal għal mard mhux komunikabbli jew jaggravah, li huwa responsabbli għal madwar tliet kwarti tal-imwiet kollha fir-reġjun Ewropew. L-“Inizjattiva tal-UE dwar il-mard mhux komunikabbli - Healthier Together” 41 tappoġġa l-Istati Membri biex jieħdu azzjoni preventiva xierqa.

Il-produttività tax-xogħol se tonqos u l-ħin tax-xogħol se jkun f’riskju li jintilef dment li ma jidħlux fis-seħħ miżuri ta’ adattament effettivi. Il-vulnerabbiltà individwali u reġjonali, u l-aktar miżura xierqa jiddependu minn fatturi bħal-livelli ta’ tħejjija, il-grad ta’ urbanizzazzjoni, l-istruttura tal-età, jew l-esponiment konkorrenti għat-tniġġis tal-arja. Kif rikonoxxut fil-Komunikazzjoni dwar approċċ komprensiv lejn is-saħħa mentali 42 , il-kriżi klimatika għandha impatt sever fuq is-saħħa mentali.

L-inċidenza ta’ mard infettiv sensittiv għall-klima mistennija tiżdied, fejn mard bħall-virus tal-Punent tan-Nil, id-deni dengue u l-virus chikungunya se jsiru endemiċi f’partijiet tal-Ewropa, u patoġeni li jittieħdu mill-ikel u mill-ilma se jinfirxu aktar faċilment. Madankollu, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-kontromiżuri mediċi effettivi biex jirrispondu għal dan il-mard huma skarsi jew għad iridu jiġu żviluppati. Ix-xejriet tat-temp estremi jistgħu jwasslu wkoll għall-proliferazzjoni ta’ batterji reżistenti u aktar trasferiment tal-ġeni, li jirriżultaw f’żieda fl-infezzjonijiet minn batterji u fungi reżistenti.

Dawn ir-riskji u riskji oħra se jitfgħu pressjoni addizzjonali fuq is-sistemi tal-kura tas-saħħa, il-ħaddiema tas-servizzi tas-saħħa u l-baġits tas-saħħa li diġà jinsabu taħt pressjoni. Is-soluzzjonijiet primarji jinsabu f’politiki li jistgħu jnaqqsu l-vulnerabbiltajiet u jillimitaw l-esponiment tal-bniedem. Il-ħaddiema tas-settur tas-saħħa u l-binjiet li jkunu esposti direttament għar-riskji klimatiċi għandhom jiġu ġestiti b’mod adegwat. Biex tkompli ssaħħaħ l-azzjoni tagħha, u tpoġġi fil-prattika l-objettivi u l-impenji stabbiliti fid-Dikjarazzjonijiet ta’ Budapest u tal-COP28 43 dwar il-klima u s-saħħa, il-Kummissjoni se:

Iżżid il-miżuri biex tiżgura li l-ħaddiema esposti għar-riskji klimatiċi jkunu protetti b’mod adegwat. Meta tirrieżamina l-leġiżlazzjoni dwar is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali (OSH) li tipproteġi lill-ħaddiema mir-riskji okkupazzjonali kollha, inklużi r-riskji relatati ma’ żieda fit-temperaturi ambjentali u l-istress mis-sħana, il-Kummissjoni se tikkunsidra l-ħtieġa ta’ aktar azzjoni biex jitħarsu l-ħaddiema mir-riskji klimatiċi, filwaqt li tibni wkoll fuq il-gwida u l-għodod eżistenti 44 . Il-Kummissjoni waqqfet djalogu ġdid mal-partijiet ikkonċernati 45 . L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA) qiegħda ssaħħaħ il-prospettiva dwar ir-rabta bejn il-klima u s-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali 46 , u fl-2025 se tniedi proġett biex tiżdied ir-reżiljenza għall-klima fuq il-postijiet tax-xogħol.

Ittejjeb l-Osservatorju Ewropew tal-Klima u s-Saħħa, li jgħin fit-tħejjija tas-sistemi tas-saħħa lokali u nazzjonali għat-tibdil fil-klima, fil-bini ta’ kapaċità addizzjonali, fit-tisħiħ tal-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ u ta’ twissija bikrija, fit-taħriġ u l-edukazzjoni tal-forza tax-xogħol tas-saħħa, u fil-promozzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ adattament u interventi tal-kura tas-saħħa bbażati fuq l-evidenza.

Issaħħaħ il-mekkaniżmi ta’ sorveljanza u ta’ rispons għat-theddid għas-saħħa relatat mal-klima permezz tal-implimentazzjoni tar-Regolament dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa, billi tintrabat is-Sistema ta’ Twissija Bikrija u ta’ Rispons ma’ sistemi oħra ta’ twissija (bħal fil-każ ta’ twissijiet dwar il-klima u t-temp) biex tiġi ffaċilitata l-ġestjoni konġunta tar-riskji għas-saħħa. It-Task Force l-ġdida tal-UE għas-Saħħa se tappoġġa r-rispons fil-livell tal-UE għat-theddid serju għas-saħħa, inkluż l-eventi relatati mal-klima.

Issaħħaħ il-mobilizzazzjoni transfruntiera tal-persunal mediku u t-trasferiment tal-pazjenti, pereżempju billi tiżviluppa l-qafas biex tappoġġa lill-Istati Membri b’servizzi tal-kura tas-saħħa mgħobbija żżejjed.

Tiżgura l-aċċess għal kontromiżuri mediċi kritiċi u l-iżvilupp tagħhom. Iż-żieda fit-temperaturi u eventi ta’ temp estrem aktar frekwenti jistgħu jfixklu l-manifattura jew jillimitaw l-aċċess għall-materja prima. Barra minn hekk, bidliet ikkawżati mill-klima fix-xejriet tal-mard jistgħu jwasslu għal żidiet mhux mistennija fid-domanda għal ċerti mediċini, jew joħolqu domanda għal prodotti kompletament ġodda, li jitfgħu pressjoni fuq il-ktajjen tal-provvista eżistenti jew jirrikjedu investiment fi ktajjen tal-provvista ġodda. Biex tnaqqas il-vulnerabbiltajiet, il-Kummissjoni se tivvaluta r-riskji rilevanti u tkompli tiżviluppa ħażniet strateġiċi għal kontromiżuri ewlenin. Permezz ta’ Orizzont Ewropa u l-programm l-UE għas-Saħħa, il-Kummissjoni qiegħda tappoġġa l-iżvilupp ta’ vaċċini u prodotti terapewtiċi ġodda kontra mard infettiv tropiku u emerġenti li ġie traskurat. Dan, pereżempju, ippermetta progress riċenti fuq il-vaċċin kontra l-virus chikungunya.

4.4.Ikel

Il-provvista tal-ikel fl-UE hija dejjem aktar esposta għar-riskji klimatiċi mill-produzzjoni agrikola b’mod partikolari fin-Nofsinhar tal-Ewropa, is-sajd u l-akkwakultura, sal-ipproċessar tal-ikel u l-ktajjen tal-provvista internazzjonali. It-tibdil fil-klima jaffettwa l-erba’ pilastri tas-sigurtà tal-ikel fuq perjodu ta’ żmien qasir, medju u twil: id-disponibbiltà, l-aċċess, l-użu u l-istabbiltà. Dan jinteraġixxi ma’ ħafna fatturi oħra tas-sigurtà tal-ikel b’modi multipli u f’kaskata, eż. l-istress idriku, in-nutrijenti żejda, is-saħħa tal-ħamrija, id-dieti, u s-saħħa. Il-produzzjoni tal-ikel hija partikolarment f’riskju minn għargħar, mewġiet tas-sħana, nixfiet, żieda fil-pressjonijiet tal-pesti u tal-mard, kif ukoll telf tal-bijodiversità, degradazzjoni tal-ħamrija u bidliet fil-migrazzjoni tal-ħut.

Is-sħana se tikkomplika x-xogħol ta’ barra għall-bdiewa. Il-bidliet fiż-żoni agroklimatiċi se jitfgħu pressjoni fuq l-għażla tal-għelejjel u jżidu r-rata ta’ fallimenti tal-uċuħ tar-raba’, filwaqt li l-prezzijiet tal-input u l-varjabbiltà tas-swieq globali jagħfsu l-linja bażi. Għas-sajjieda, il-pressjonijiet addizzjonali mit-tibdil fil-klima, l-ewtrofikazzjoni u l-aċidifikazzjoni tal-oċeani jistgħu jnaqqsu l-produttività tal-istokkijiet tal-ħut li jirriżultaw f’qabdiet ferm iżgħar u jiżdiedu ma’ xi stokkijiet mistada żżejjed. Bl-għajxien u s-sostenibbiltà tal-produzzjoni tal-ikel tal-UE f’riskju, il-ħolqien ta’ għażliet ta’ azzjonijiet ta’ adattament fil-livell tal-azjendi agrikoli jew tal-operazzjonijiet tas-sajd mhux se jkun biżżejjed u se jkollu jiġu ssupplimentat b’miżuri ta’ appoġġ adegwati għat-tranżizzjoni lejn biedja u sajd reżiljenti. Tali miżuri ta’ appoġġ jeħtieġ li jiżguraw ukoll li l-ikel tajjeb għas-saħħa u sostenibbli jibqa’ affordabbli u aċċessibbli għall-konsumaturi, u għandhom jiżguraw introjtu sostenibbli għall-bdiewa.

Filwaqt li l-importazzjonijiet tal-ikel tal-UE għadhom mhumiex f’riskju kbir, il-fallimenti simultanji tal-uċuħ tar-raba’ f’diversi reġjuni globali tal-produzzjoni taċ-ċereali jew f’żoni tas-sajd kbar jistgħu, jekk iseħħu, jgħollu l-prezzijiet tal-ikel tal-UE (peress li l-produtturi tal-UE jbigħu bi prezzijiet globali), u b’hekk iħallu impatt fuq il-kapaċità tal-akkwist tal-konsumaturi u jipperikolaw is-sigurtà tal-ikel u l-affordabbiltà ta’ dieti tajbin għas-saħħa għall-ifqar unitajiet domestiċi fl-UE. Barra minn hekk, filwaqt li dan għadu mhux sistemiku, is-sikurezza tal-ikel diġà tinsab f’riskju ogħla minn patoġeni kkawżati mis-sħana u patoġeni oħra.

Il-progress teknoloġiku, it-titjib fil-ġestjoni tal-azjendi agrikoli u l-adattament kontinwu tal-prattiki tal-biedja għenu l-adattament għat-tibdil fil-klima fuq terminu qasir. Permezz tal-istrateġija ta’ adattament tal-UE u l-Politika Agrikola Komuni seħħew azzjonijiet ta’ adattament, iżda m’hemmx biżżejjed evidenza ta’ tħejjija strutturali għal diżastri relatati mal-klima. Barra minn hekk, użu aħjar tad-diversità ġenetika u tar-riżorsi ġenetiċi minn pjanti mhux ta’ ħsara għall-adattament u r-reżiljenza għat-tibdil fil-klima, jista’ jgħin lill-bdiewa u dawk responsabbli mill-ġestjoni tal-art jindirizzaw ir-riskji klimatiċi. Il-proposta għal regolament dwar pjanti miksuba minn ċerti tekniki ġenomiċi ġodda u l-ikel u l-għalf tagħhom 47 tista’ tappoġġa soluzzjonijiet bħal dawn.

Il-validità fil-futur tal-produzzjoni tal-ikel tal-UE se tkun prijorità għall-Kummissjoni. Il-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-Istati Membri biex tuża l-potenzjal sħiħ tal-pjanijiet strateġiċi tal-Politika Agrikola Komuni ħalli ttejjeb ir-reżiljenza għall-klima u użu usa’ tal-għodod għall-ġestjoni tar-riskju. Peress li d-degradazzjoni tal-ħamrija toħloq theddida kbira għall-produzzjoni tal-ikel tagħna, il-Kummissjoni f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, se ssaħħaħ il-monitoraġġ tas-saħħa tal-ħamrija. Il-kontribut tal-bdiewa għall-protezzjoni tas-servizzi tal-ekosistema għandu jkun apprezzat aħjar. Il-Kummissjoni se twettaq ukoll studju dwar l-adattament fl-agrikoltura, li għandu jiġi ffinalizzat sa tmiem l-2025.

It-tisħin u l-aċidifikazzjoni tal-oċean, inkluża ż-żieda tal-mewġ tas-sħana tal-baħar u ż-żoni b’livelli baxxi ta’ ossiġenu, diġà qegħdin ibiddlu l-kompożizzjoni tal-ispeċijiet, u qegħdin jaffettwaw l-istokkijiet tal-ħut hekk kif jimxu lejn ilma aktar fond u lejn il-poli. Dan se joħloq diskrepanzi bejn il-kwoti stabbiliti u l-opportunitajiet reali tas-sajd. Il-Politika Komuni tas-Sajd għandha tintegra l-impatti klimatiċi. Il-previżjonijiet tal-istokkijiet tal-ħut jeħtieġ li jqisu l-firxa ta’ effetti futuri possibbli tat-tibdil fil-klima u l-prattiki ta’ ġestjoni tas-sajd għandhom ikunu reżiljenti għal bidliet ekoloġiċi futuri. L-aġġornamenti tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura jeħtieġ li jintegraw bis-sħiħ ir-riskji klimatiċi fl-appoġġ tiegħu għal prattiki tas-sajd u tal-akkwakultura sostenibbli li jibnu r-reżiljenza.

4.5.Infrastruttura u ambjent mibni 

L-assi tal-infrastruttura huma f’riskju sinifikanti ta’ għargħar, nirien fis-selvaġġ, temperaturi għoljin u eventi estremi oħra, li potenzjalment iwasslu għal ħsara kbira. It-telf tal-aċċess għall-enerġija, it-trasport u l-komunikazzjonijiet malajr jista’ jfixkel lis-soċjetajiet. Bħalissa, m’hemm l-ebda valutazzjoni affidabbli ta’ kemm l-infrastruttura tal-UE se tkun tista’ tiffunzjona tajjeb fil-kundizzjonijiet klimatiċi li qegħdin jinbidlu. L-infrastruttura kritika u l-istokk tal-bini qegħdin jeqdiemu malajr. Filwaqt li jirriflettu dwar in-nuqqas ta’ għarfien u l-kostijiet projbittivi perċepiti, l-Istati Membri jsibuha diffiċli biex jippjanaw u jibdew sforzi kbar ta’ adattament tal-infrastruttura, anke jekk il-ħsarat minn diżastru wieħed jistgħu jkunu multipli ta’ fondi infrastrutturali disponibbli tal-UE.

L-objettiv tal-UE li jiżdiedu r-rati ta’ rinnovazzjoni u d-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija huma opportunitajiet biex tittejjeb ir-reżiljenza għall-klima. Id-disinn tal-ambjent mibni jiddetermina r-reżiljenza tal-binjiet innifshom, u tal-abitanti tiegħu. Għandhom jiġu massimizzati l-kobenefiċċji ta’ akkomodazzjoni residenzjali reżistenti għall-klima mil-lat ta’ affordabbiltà, ambjent tal-għajxien aħjar għas-saħħa, u effiċjenza enerġetika mtejba. Minbarra s-sorveljanza orizzontali qawwija tar-riskji sistemiċi marbuta mal-infrastruttura u l-post tagħha permezz tal-ippjanar spazjali, huma meħtieġa aktar soluzzjonijiet speċifiċi għas-settur.

L-istandards tal-infrastruttura jeħtieġ li jissaħħu. Il-Kummissjoni se titlob lill-Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni (ESOs) biex jintegraw il-kunsiderazzjonijiet dwar l-adattament u r-reżiljenza għat-tibdil fil-klima fl-istandards Ewropej għat-tfassil tal-infrastruttura b’ċiklu tal-ħajja ta’ aktar minn 30 sena, bħall-impjanti tal-enerġija jew il-ferroviji. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se titlob lill-ESOs jiżviluppaw standards ġodda dwar is-servizzi klimatiċi.

L-aġġornament previst tal-istandards (Eurocodes 48 ) tal-bini li jistabbilixxi r-rekwiżiti minimi dwar id-disinn strutturali fl-UE fl-2026, se jagħmilha obbligatorja li jiġu kkunsidrati l-perikli klimatiċi futuri għall-istrutturi tal-bini. Il-Kummissjoni qiegħda twettaq studji pilota u se tħejji gwida għall-Istati Membri dwar l-użu ta’ settijiet tad-data klimatiċi disponibbli mingħajr ħlas biex tiddefinixxi l-piż klimatiku mistenni fit-territorju tagħhom.

Il-Festival tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida ta’ April 2024 huwa opportunità ewlenija biex ikun hemm involviment fi djalogu ma’ partijiet differenti tal-industrija tal-kostruzzjoni, biex tiġi promossa integrazzjoni aħjar tal-adattament u r-reżiljenza għall-klima f’dak is-settur.

L-infrastruttura tat-trasport kollha kemm hi tinsab f’riskju mit-tibdil fil-klima. Madankollu, hemm diskrepanza fl-għarfien tal-UE fir-rigward tar-reżiljenza tal-infrastruttura Ewropea tat-trasport għall-impatti tat-tibdil fil-klima mil-lat ta’ esponiment għar-riskju, ħtiġijiet u soluzzjonijiet ta’ adattament, kif ukoll il-ħtiġijiet ta’ investiment biex dawn jiġu indirizzati. Il-Kummissjoni se tappoġġa l-valutazzjonijiet tar-riskju klimatiku u l-verifika tar-reżistenza klimatika permezz tal-linji gwida riveduti tagħha dwar l-iżvilupp tan-Network trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T). Bdiet studju 49 dwar ir-reżiljenza għall-klima tat-TEN-T bħala l-ewwel pass biex tindirizza d-diskrepanza identifikata fl-għarfien u tiddetermina l-ħtiġijiet ta’ adattament u l-prijoritajiet ta’ investiment.

L-ippjanar tar-riskju klimatiku jeħtieġ jissaħħaħ fis-settur tal-enerġija. It-tibdil fil-klima jirriżulta f’riskji akbar għas-sigurtà tal-enerġija, b’mod partikolari riskji akbar ta’ tfixkil tal-elettriku minħabba s-sħana, in-nirien fis-selvaġġ, in-nixfiet, u l-għargħar li jaffettwaw id-domanda massima u jħallu impatt fuq il-produzzjoni, il-ħżin, it-trasport u d-distribuzzjoni. Ftit Stati Membri biss inkludew fl-abbozz tal-NECPs aġġornati tagħhom pjanijiet dettaljati biex jikkunsidraw l-adattament għat-tibdil fil-klima fil-kuntest tar-reżiljenza tas-sistemi tal-enerġija tagħhom. Il-Kummissjoni se tqis il-possibbiltajiet għal integrazzjoni aħjar tar-riskji klimatiċi, pereżempju fil-kuntest tar-rieżami li għaddej tar-Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika. Filwaqt li tibbaża fuq il-pjanijiet nazzjonali ta’ tħejjija fis-settur tal-elettriku, il-Kummissjoni se tqis ukoll li tibda djalogu dwar ir-riskji klimatiċi ma’ partijiet ikkonċernati magħżula fis-settur tal-enerġija, u tistieden lill-atturi interessati (eż. is-settur tal-elettriku) biex iressqu proposti.

4.6.Ekonomija

Kull diżastru relatat mat-tibdil fil-klima se jpoġġi pressjoni addizzjonali fuq l-ekonomija, permezz ta’ telf fil-produttività u l-ħajja, ħsara diretta, tnaqqis fil-potenzjal tat-tkabbir u pressjoni fuq il-baġits pubbliċi. Meta l-investiment jiġi ridirett għar-rikostruzzjoni wara l-ħsarat, jitnaqqas l-ammont disponibbli għall-investiment produttiv. L-interazzjonijiet bejn il-partijiet differenti tas-sistema finanzjarja mhumiex mifhuma sew, u r-riskji klimatiċi jistgħu jwasslu biex il-vulnerabbiltajiet eżistenti jaqbżu l-limiti kritiċi għal dawn is-sistemi. Il-baġits tal-gvern huma s-sors ewlieni ta’ kopertura għal dawn ir-riskji, iżda diġà jinsabu taħt pressjoni minħabba livelli għoljin ta’ dejn. L-obbligazzjonijiet kontinġenti impliċiti mir-riskji klimatiċi jistgħu jipperikolaw l-istabbiltà u s-sostenibbiltà fiskali tal-Istati Membri. Ir-riskji għall-ekonomija tal-UE jistgħu jkunu sinifikanti 50 .

Is-sigurtà ekonomika tal-UE hija esposta wkoll għal riskji klimatiċi fil-ktajjen tal-provvista, b’mod partikolari għall-farmaċewtiċi u s-semikondutturi. Fid-dawl tal-lakuni fid-data u fl-għarfien eżistenti, mhuwiex eskluż li r-riskji relatati mal-klima huma sottovalutati. Dan jista’ joħloq reazzjonijiet mhux ikkontrollati fis-suq, pereżempju meta jseħħu jew x’aktarx li jseħħu eventi estremi. Il-kopertura tal-assigurazzjoni tal-assi u tal-proprjetà esposti għall-klima hija baxxa fl-UE, b’varjazzjoni sinifikanti bejn l-Istati Membri u l-perikli relatati mal-klima u x’aktarx li tkompli tonqos minħabba ż-żieda fil-premiums hekk kif l-eventi relatati mal-klima jiżdiedu fil-frekwenza u fis-severità. Għaddejja ħidma sostanzjali fuq id-diversi riskji ta’ sostenibbiltà, b’mod partikolari permezz tal-Istrateġija tal-UE għall-finanzi sostenibbli, jew id-Djalogu dwar ir-Reżiljenza għat-tibdil fil-klima, bl-għan li jitnaqqas id-distakk fil-protezzjoni tal-klima fl-assigurazzjoni 51 .

L-UE diġà ħadet passi kbar biex timmobilizza l-azzjoni klimatika u l-kummerċ globali. Il-Koalizzjoni tal-Ministri għall-Kummerċ dwar il-Klima 52 , imnedija u mmexxija mill-Unjoni mal-Ekwador, il-Kenja u New Zealand tirrifletti rikonoxximent dejjem akbar fost il-gvernijiet ta’ interessi kondiviżi fir-rabta bejn il-klima u l-kummerċ biex jissaħħaħ il-kontribut li l-kummerċ u l-politika kummerċjali jista’ jkollhom lejn l-azzjoni klimatika. Il-ftehimiet kummerċjali bilaterali tal-UE jistgħu jservu bħala pjattaformi importanti biex tinvolvi ruħha mas-sħab kummerċjali dwar l-azzjoni klimatika u ambjentali 53 .

Ir-riskji relatati mal-klima huma periklu kbir għar-reżiljenza tal-kumpaniji tal-UE, b’mod partikolari l-SMEs. Ir-riskji klimatiċi jaffettwaw l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament, il-kost tal-kapital tagħhom, u l-kapaċità tagħhom li jħallsu lura d-djun 54 . Kważi nofs id-ditti tal-UE huma mħassba dwar il-perikli naturali, iżda inqas minn terz tad-ditti investew jew qegħdin jippjanaw li jinvestu biex itaffu l-impatt tar-riskji ta’ perikli naturali. 55  Kif stabbilit fl-istrateġija tal-UE għall-SMEs, huwa essenzjali li l-SMEs jiġu appoġġati fil-fehim u l-mitigazzjoni tar-riskji ambjentali 56 . Bħala parti mill-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà Ekonomika 57 , il-Kummissjoni se tqis ukoll ir-riskji klimatiċi. L-azzjonijiet stabbiliti fil-Pakkett ta’ Għajnuna għall-SMEs 58 , li fost l-oħrajn għandhom l-għan li jiffaċilitaw l-aċċess lill-SMEs għall-finanzjament sostenibbli filwaqt li jnaqqsu l-piż amministrattiv, iżda jgħin lill-kumpaniji tal-UE biex iżommu l-pożizzjoni kompetittiva tagħhom u potenzjalment joħolqu u jmexxu l-iżvilupp tas-suq fis-segmenti li jibnu r-reżiljenza għat-tibdil fil-klima. Dan jinkludi kemm l-appoġġ għas-soċjetà kif ukoll il-kisba ta’ sehem sinifikanti fis-suq globali għat-teknoloġiji u s-sistemi ta’ informazzjoni għar-reżiljenza għat-tibdil fil-klima u l-ġestjoni tar-riskju. Biex ittejjeb ir-reżiljenza sistemika tal-ktajjen tal-provvista tal-UE, il-Kummissjoni se tqis il-potenzjal tal-iskrinjar għar-riskji klimatiċi fiżiċi fil-kuntest tal-monitoraġġ tal-vulnerabbiltajiet tal-katina tal-provvista.

Hemm ħtieġa ċara li tissaħħaħ is-sostenibbiltà fiskali. Il-ftehim proviżorju dwar qafas ġdid ta’ governanza ekonomika mistenni jsaħħaħ is-sostenibbiltà finanzjarja u jippromwovu t-tkabbir permezz ta’ riformi u investimenti, kif ukoll għall-prijoritajiet komuni tal-UE bħat-tranżizzjoni klimatika. 59 Għaddejja ħidma biex tiġi żviluppata l-projezzjoni tal-impatti klimatiċi fuq is-sostenibbiltà tad-dejn. Bħala parti mill-ftehim proviżorju, l-emendi tad-Direttiva għall-Oqfsa Baġitarji Nazzjonali jinkludu rekwiżiti ta’ rapportar relatati mal-klima fil-pjanijiet baġitarji annwali u pluriennali nazzjonali. Dawn id-dispożizzjonijiet ikopru data tal-passat dwar it-telf mid-diżastri relatati mal-klima u stimi tar-riskji fiskali mit-tibdil fil-klima. Biex ittejjeb u tintegra l-ibbaġitjar tar-riskju klimatiku fil-proċessi baġitarji nazzjonali, il-Kummissjoni lesta tappoġġa lill-Istati Membri fl-iskambju tal-aħjar prattiki tagħhom u tipprovdi appoġġ u taħriġ tekniċi. Għaddejja ħidma biex jiġu rfinati l-istimi dwar il-ħtiġijiet tal-investiment għall-adattament 60 , u l-Kummissjoni qed taħdem ukoll mal-Istati Membri biex fost l-oħrajn jitneħħew il-lakuni fid-data għall-istima tal-ħtiġijiet tal-investiment għall-adattament. Il-Kummissjoni lesta tappoġġa t-teżori tal-Istati Membri li jfittxu li jiskambjaw ir-rwol tagħhom fil-koordinazzjoni, il-formulazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki ta’ adattament.

Il-politiki tas-suq finanzjarju jeħtieġ li jieħdu approċċ prudenti għar-riskji klimatiċi biex jissalvagwardjaw l-istabbiltà finanzjarja. L-istrateġija tal-UE tal-finanzjament sostenibbli għandha l-għan li tagħmel aktar trasparenti ir-riskji klimatiċi u minn fatturi ambjentali oħra, u s-sistema finanzjarja tal-UE aktar sikura. Il-Kummissjoni se tkompli tiżgura li r-riskji rilevanti kollha jkunu riflessi kif xieraq fl-oqfsa prudenzjali, eż. fil-proposti miftiehma reċentement dwar is-Solvenza II u r-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital, li jipprovdu l-bażi biex jiddaħħal ir-riskju klimatiku fl-oqfsa tal-banek u tal-assiguraturi. Il-Kummissjoni se tiżgura l-implimentazzjoni malajr kemm jista’ jkun tagħhom.

5.Il-passi li jmiss 

Bħala parti mill-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta’ Adattament tal-UE, din il-Komunikazzjoni tenfasizza l-azzjonijiet ewlenin li l-UE u l-Istati Membri tagħha jeħtieġ li jieħdu biex jiġġestixxu aħjar ir-riskji klimatiċi li qegħdin jiżdiedu, b’mod partikolari biex jimplimentaw il-politiki eżistenti u jiċċaraw is-sjieda tar-riskju fil-proċessi tal-governanza. Hija tagħmel dan biex tipprovdi reazzjoni robusta u f’waqtha għall-periklu ċar u attwali ta’ aktar diżastri klimatiċi.

Il-Komunikazzjoni tenfasizza l-ħtieġa ta’ evidenza utli għat-teħid tad-deċiżjonijiet, bħar-rapport tal-EUCRA, l-aktar osservazzjonijiet reċenti dwar it-temperatura, ir-rapporti ta’ progress, u l-informazzjoni dwar il-kostijiet tal-ħsarat klimatiċi. Tisħaq fuq il-ħtieġa li l-informazzjoni disponibbli tintuża bis-sħiħ biex tinforma l-għażliet ta’ politika fis-setturi kollha. Fis-snin li ġejjin, dawk li jfasslu l-politika fil-livelli kollha ta’ governanza għandhom jindirizzaw b’mod proattiv l-adattament għall-klima, bl-użu ta’ għodod, teknoloġiji u mezzi oħra li diġà jeżistu. Dan jeħtieġ azzjoni kkoordinata fil-livelli kollha u l-iżvilupp ta’ perkors ċar lejn it-titjib tat-tħejjija u r-reżiljenza.

Filwaqt li din il-Komunikazzjoni tiffoka fuq l-azzjoni fl-Unjoni Ewropea, tipprevedi wkoll l-iskambju u l-kondiviżjoni tal-esperjenza u l-informazzjoni mal-pajjiżi sħab tal-UE. Il-kopertura tas-settur u tal-qasam ta’ azzjoni ta’ dan id-dokument hija ġeneralment allinjata mad-deċiżjonijiet relatati mal-adattament għat-tibdil fil-klima fil-COP28 tal-UNFCCC f’Dubai. Il-Kummissjoni se tinkludi b’mod proattiv suġġetti rilevanti fi djalogi bilaterali, permezz ta’ Alleanzi Ekoloġiċi u Sħubijiet Ekoloġiċi kif ukoll f’fora rilevanti tan-NU u f’fora multilaterali oħra (bħall-G7, il-G20, l-OECD, id-WEF, id-WTO). Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tesplora l-possibbiltà li torganizza simpożju internazzjonali dwar il-ġestjoni tar-Riskji Klimatiċi Globali fl-2025, li jlaqqa’ flimkien rappreżentanti tal-gvernijiet, finanzjaturi, u organizzazzjonijiet esperti minn madwar id-dinja.

Il-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-Istati Membri, il-pubbliku, in-negozji u istituzzjonijiet oħra tal-UE biex iżżid ir-reżiljenza tas-soċjetà u l-ekonomija tal-UE. Flimkien nistgħu nipproteġu lill-poplu u l-prosperità tagħna.

(1)

COM(2024) 63 final. https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=COM%3A2024%3A63%3AFIN

(2)

  https://climate.copernicus.eu/copernicus-2023-hottest-year-record  

(3)

 EEA (2024), European Climate Risk Assessment, ISSN 1977-8449. https://www.eea.europa.eu/publications/european-climate-risk-assessment  

(4)

  https://www.weforum.org/publications/global-risks-report-2024/  

(5)

  https://www.ecb.europa.eu/press/pr/date/2023/html/ecb.pr231218_1~6b3bea9532.en.html  

(6)

P9_TA(2022)0330. https://www.europarl.europa.eu/doceo/document/TA-9-2022-0330_MT.html  

(7)

EUCO 14/23. https://www.consilium.europa.eu/media/67648/20231027-european-council-conclusions-mt.pdf  

(8)

SWD(2023) 339 final. https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/ALL/?uri=CELEX:52023SC0339

(9)

SWD(2023) 932 final. https://climate.ec.europa.eu/system/files/2023-12/SWD_2023_932_1_EN.pdf  

(10)

  https://commission.europa.eu/energy-climate-change-environment/implementation-eu-countries/energy-and-climate-governance-and-reporting/national-energy-and-climate-plans_en

(11)

COM(2024) 130 final. https://civil-protection-humanitarian-aid.ec.europa.eu/what/civil-protection/european-disaster-risk-management_en  

(12)

JOIN(2023) 19 final. https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A52023JC0019  

(13)

COM(2021)82 final. eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52021DC0082&from=MT

(14)

CMA.5 Deċiżjoni dwar il-programm ta’ ħidma Glasgow–Sharm el-Sheikh rigward l-għan globali dwar l-adattament

(15)

SWD(2024) 63 final. https://climate.ec.europa.eu/document/download/768bc81f-5f48-48e3-b4d4-e02ba09faca1_en  

(16)

 https://www.nature.com/articles/s41467-020-15665-3

(17)

Għall-politiki tal-Unjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 191 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

(18)

2021, Il-Bank Internazzjonali għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp / Il-Bank Dinji, “Economics for Disaster Prevention and Preparedness: Investment in Disaster Risk management in Europe Makes Economic Sense”

(19)

Ir-Rakkomandazzjoni li tistabbilixxi l-għanijiet tal-Unjoni marbuta mar-reżiljenza għad-diżastri, ĠU C 56, 15.2.2023

(20)

  https://dataspace.copernicus.eu/  

(21)

  https://www.wekeo.eu/  

(22)

COM(2023) 728 final. https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=COM%3A2023%3A728%3AFIN  

(23)

COM(2023) 416 final. https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A52023PC0416  

(24)

Eż. EFAS, EFFIS, EDO

(25)

  https://climate-adapt.eea.europa.eu/en/knowledge/european-climate-data-explorer/  

(26)

  https://discomap.eea.europa.eu/MKH/MapViewer/index.html

(27)

  https://drmkc.jrc.ec.europa.eu/risk-data-hub#/  

(28)

  https://climate-risk-dashboard.climateanalytics.org/  

(29)

Deskritt fis-6tt Rapport ta’ Valutazzjoni tal-IPCC bħala parti mix-xenarju SSP2-4.5, b’forza radjattiva effettiva approssimattiva globali ta’ 4,5.

(30)

 COM(2023) 667. https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/ALL/?uri=COM:2023:667:FIN  

(31)

  https://new-european-bauhaus.europa.eu/get-involved/use-compass_en  

(32)

Id-Direttiva (UE) 2022/2557. ĠU L 333, 27.12.2022, p. 164–198

(33)

COM(2023) 61. Ir-Rakkomandazzjoni, ĠU C 56, 15.2.2023, p.1. https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52023DC0061  

(34)

COM(2024) 130.

(35)

COM(2023) 161

(36)

IPCC AR6. https://www.ipcc.ch/assessment-report/ar6/  

(37)

Dasgupta, P (2021), The Economics of Biodiversity: The Dasgupta Review, London: HM Treasury; https://www.worldbank.org/en/publication/changing-wealth-of-nations

(38)

COM(2023) 102 final. https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A52023DC0102  

(39)

  https://research-and-innovation.ec.europa.eu/funding/funding-opportunities/funding-programmes-and-open-calls/horizon-europe/eu-missions-horizon-europe/restore-our-ocean-and-waters_en  

(40)

L-għodda interattiva EXHAUSTION: https://www.exhaustion.eu/

(41)

  https://health.ec.europa.eu/non-communicable-diseases/healthier-together-eu-non-communicable-diseases-initiative_en  

(42)

COM(2023) 298 final. https://health.ec.europa.eu/publications/comprehensive-approach-mental-health_en  

(43)

Id-Dikjarazzjoni tas-Seba’ Konferenza Ministerjali dwar l-Ambjent u s-Saħħa ( https://www.who.int/europe/publications/i/item/EURO-Budapest2023-6 ), id-Dikjarazzjoni tal-COP28 tal-Emirati Għarab Magħquda dwar il-Klima u s-Saħħa ( https://www.cop28.com/en/cop28-uae-declaration-on-climate-and-health )

(44)

  https://osha.europa.eu/mt/oshnews/heat-work-guidance-workplaces  

(45)

Il-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Tibdil fil-Klima u s-Saħħa u s-Sikurezza Okkupazzjonali tal-Kumitat tripartitiku ta’ Konsulenza dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (ACSH)

(46)

Studju ta’ prospettiva dwar “L-implikazzjonijiet tal-iżviluppi u l-kriżijiet futuri relatati mat-tibdil fil-klima għas-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali” (imniedi fl-2024) 

(47)

COM(2023) 411 final

(48)

  https://eurocodes.jrc.ec.europa.eu/2nd-generation/second-generation-eurocodes-what-new  

(49)

Schade, W., Khanna, A.A., Mader, S., Streif, M., Abkai, T., de Stasio, C., Thiery, W., Deidda, C., Maatsch, S., Kramer, H. (2023): Support study on the climate adaptation & cross-border investment needs to realize the TEN-T network. Report on behalf of the European Commission (għad irid jiġi ppubblikat).

(50)

SWD(2024) 63 final. https://climate.ec.europa.eu/document/download/768bc81f-5f48-48e3-b4d4-e02ba09faca1_en  

(51)

Ir-Rapport tad-Djalogu dwar ir-Reżiljenza għat-tibdil fil-klima mistenni għas-sajf tal-2024.

(52)

  http://www.tradeministersonclimate.org/

(53)

COM(2022) 409 final. https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A52022DC0409  

(54)

  Barbaglia, L., Fatica, S. u Rho, C., Flooded credit markets: physical climate risk and small business lending, European Commission, 2023, JRC136274.

(55)

  https://www.ecb.europa.eu/pub/economic-bulletin/focus/2023/html/ecb.ebbox202306_05~f5ec994b9e.mt.html

(56)

COM/2020/103 final. https://eur-lex.europa.eu/legal-content/mt/ALL/?uri=CELEX%3A52020DC0103  

(57)

JOIN(2023) 20 final. https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A52023JC0020  

(58)

COM/2023/535 final. https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=COM%3A2023%3A535%3AFIN  

(59)

COM(2023) 240 final. https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A52023PC0240  

(60)

L-estrapolazzjoni mill-istimi ta’ pajjiż wieħed fil-livell tal-UE, il-kost annwali tal-adattament għat-tibdil fil-klima jista’ jvarja minn EUR 15 biljun sa EUR 64 biljun fis-sena (0,1-0,4 % tal-PDG tal-UE) sal-2030, bi stima medjana ta’ madwar EUR 21 biljun (Bank Dinji (previst fl-2024). Investing in Resilience: Climate Adaptation Costing in a Changing World. Phase II study under Economics for Disaster Prevention and Preparedness: Prioritizing and Financing Resilient Investments.).

Top