Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CN0033

Kawża C-33/22: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija) fl-14 ta’ Jannar 2022 – Österreichische Datenschutzbehörde

ĠU C 138, 28.3.2022, p. 19–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU C 138, 28.3.2022, p. 8–9 (GA)

28.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 138/19


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija) fl-14 ta’ Jannar 2022 – Österreichische Datenschutzbehörde

(Kawża C-33/22)

(2022/C 138/22)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent fi proċedura ta’ reviżjoni: Österreichische Datenschutzbehörde

Partijiet oħra fil-proċedura: WK, Präsident des Nationalrates

Domandi preliminari

1)

L-attivitajiet ta’ kumitat ta’ inkjesta stabbilit minn parlament ta’ Stat Membru fl-eżerċizzju tas-setgħa tiegħu ta’ sorveljanza tal-eżekuttiv jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(2) TFUE, irrispettivament mis-suġġett tal-inkjesta, b’mod li r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (1) japplika għall-ipproċessar ta’ data personali minn kumitat ta’ inkjesta parlamentari ta’ Stat Membru?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

2)

L-attivitajiet ta’ kumitat ta’ inkjesta stabbilit minn parlament ta’ Stat Membru fl-eżerċizzju tas-setgħa tiegħu ta’ sorveljanza tal-eżekuttiv, li qed jinvestiga l-attivitajiet ta’ awtorità tal-pulizija inkarigata bis-sigurtà tal-Istat, jiġifieri attivitajiet relatati mal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali fis-sens tal-premessa 16 tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, jaqgħu taħt l-eċċezzjoni fl-Artikolu 2(2)(a) ta’ dan ir-regolament?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni domanda:

3)

Jekk, bħal f’dan il-każ, Stat Membru jkun stabbilixxa biss awtorità superviżorja waħda skont l-Artikolu 51(1) tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, il-kompetenza tagħha li tisma’ lmenti, fis-sens tal-Artikolu 77(1) ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 55(1) tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, diġà jirriżulta direttament minn dan ir-regolament?


(1)  ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2.


Top