30.11.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 312/26


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2007/70/KE

tad-29 ta’ Novembru 2007

li temenda d-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex tinkludi d-dijossidu tal-karbonju bħala sustanza attiva fl-Anness IA għaliha

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 16(2) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2032/2003 ta’ l-4 ta’ Novembru 2003 dwar it-tieni fażi tal-programm ta’ ħidma ta’ għaxar snin imsemmi fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward it-tqegħid ta’ prodotti bijoċidali fis-suq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1896/2000 (2) jistabbilixxi lista ta’ sustanzi attivi li għandhom jiġu evalwati bil-għan li jkunu possibbilment inklużi fl-Anness I, IA jew IB għad-Direttiva 98/8/KE. Din il-lista tinkludi d-dijossidu tal-karbonju.

(2)

Skond ir-Regolament (KE) Nru 2032/2003, id-dijossidu tal-karbonju ġie evalwat skond l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 98/8/KE għall-użu fil-prodott tat-tip 14, rodentiċidi, kif iddefinit fl-Anness V tad-Direttiva 98/8/KE.

(3)

Franza nħatret bħala l-Istat Membru Referent u ressqet ir-rapport ta’ l-awtorità kompetenti, flimkien ma’ rakkomandazzjoni, lill-Kummissjoni fil-15 ta’ Mejju 2006 skond l-Artikoli 10(5) u (7) tar-Regolament (KE) Nru 2032/2003.

(4)

Ir-rapport ta’ l-awtorità kompetenti ġie analizzat mill-Istati Membri u l-Kummissjoni. Skond l-Artikolu 11(4) tar-Regolament (KE) Nru 2032/2003, is-sejbiet mill-analiżi ġew inkorporati, fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali fil-21 ta’ Ġunju 2007, f’rapport ta’ evalwazzjoni.

(5)

L-eżami tad-dijossidu tal-karbonju ma kixef l-ebda kwistjoni jew tħassib mhux solvuti li għandhom jiġu ttrattati mill-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji għas-Saħħa u l-Ambjent.

(6)

Mill-eżamijiet varji li twettqu jidher li wieħed jista’ jistenna li l-prodotti bijoċidali użati bħala rodentiċidi u li fihom id-dijossidu tal-karbonju jippreżentaw biss riskji żgħar għall-bniedem, l-annimali u l-ambjent, u li jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/8/KE, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-użi li kienu eżaminati u ddetaljati fir-rapport ta’ evalwazzjoni. Għalhekk huwa xieraq li d-dijossidu tal-karbonju jiġi inkluż fl-Anness IA sabiex ikun żgurat li fl-Istati Membri kollha l-awtorizzazzjonijiet għall-prodotti bijoċidali użati bħala rodentiċidi u li fihom id-dijossidu tal-karbonju jistgħu jingħataw, jiġu mmodifikati jew ikkanċellati skond l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 98/8/KE.

(7)

Huwa importanti li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jkunu applikati b’mod simultanju fl-Istati Membri kollha sabiex jiġi żgurat it-trattament ugwali tal-prodotti bijoċidali fis-suq li fihom is-sustanza attiva dijossidu tal-karbonju u wkoll biex ikun iffaċilitat l-operat kif suppost tas-suq ġenerali tal-prodotti bijoċidali.

(8)

Għandu jitħalla jgħaddi perjodu raġonevoli qabel ma sustanza attiva tiġi inkluża fl-Anness IA sabiex l-Istati Membri u l-partijiet interessati jkunu jistgħu jippreparaw irwieħhom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda involuti u jiżguraw li l-applikanti li ppreparaw id-dokumentazzjoni jistgħu jibbenefikaw mill-perjodu ta’ għaxar snin ta’ protezzjoni tad-data, li skond l-Artikolu 12(1)(c)(ii) tad-Direttiva 98/8/KE jibda’ mid-data ta’ l-inklużjoni.

(9)

Wara l-inklużjoni, l-Istati Membri għandhom jingħataw perjodu raġonevoli biex jimplimentaw l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 98/8/KE u b’mod partikolari biex jagħtu, jimmodifikaw jew jikkanċellaw l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti bijoċidali fil-prodotti tat-tip 14 li fihom id-dijossidu tal-karbonju biex jiżguraw li dawn jikkonformaw mad-Direttiva 98/8/KE.

(10)

Id-Direttiva 98/8/KE għalhekk għandha tiġi emendata skond dan.

(11)

Il-miżuri pprovduti f’din id-Direttiva huma f’konformità ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti tal-Prodotti Bijoċidali,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness IA għad-Direttiva 98/8/KE huwa emendat skond l-Anness għal din id-Direttiva.

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jaddottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Ottubru 2008, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva. Għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u t-tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawn id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Novembru 2009.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b’din ir-referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak li fih tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 29 ta’ Novembru 2007.

Għall-Kummissjoni

Stavros DIMAS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2007/47/KE (ĠU L 247, 21.9.2007, p. 21).

(2)  ĠU L 307, 24.11.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1849/2006 (ĠU L 355, 15.12.2006, p. 63).


ANNESS

It-tabella li ġejja bl-entrata “Nru 1” għandha tiddaħħal fl-ANNESS IA tad-Direttiva 98/8/KE

“Nru

Isem Komuni

Isem IUPAC

Numri ta’ l-identifikazzjoni

Purità minima tas-sustanza attiva fil-prodott bijoċidali kif jitqieħed fis-suq

Data ta’ l-inklużjoni

Skadenza sa meta għandha tiġi ddeterminata l-konformità ma’ l-Artikolu 16(3)

(ħlief għall-prodotti li fihom iktar minn sustanza attiva waħda li għalihom l-iskadenza sa meta għandhom jikkonformaw ma’ l-Artikolu 16(3) għandha tkun dik stipulata fl-aħħar deċiżjoni minn dawk dwar l-inklużjoni marbuta mas-sustanzi attivi tagħhom)

Skadenza ta’ l-inklużjoni

Tip ta’ prodott

Dispożizzjonijiet speċifiċi

1

dijossidu tal-karbonju

Dijossidu tal-karbonju

Nru tal-KE: 204-696-9

Nru tal-CAS: 124-38-9

990 ml/l

1 ta’ Novembru 2009

31 ta’ Ottubru 2011

31 ta’ Ottubru 2019

14

jiġi utilizzat biss f’ċilindri tal-gass lesti għall-użu li jaħdmu flimkien ma’ tagħmir għall-qbid tal-gass.

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji komuni ta’ l-Anness VI, il-kontenut u l-konklużjonijiet tar-rapporti ta’ evalwazzjoni huma disponibbli fuq il-websajt tal-Kummissjoni: http://ec.europa.eu/comm/environment/biocides/index.htm”