20.12.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 347/289 |
REGOLAMENT (UE) Nru 1301/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tas-17 ta’ Diċembru 2013
dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 178 u 349 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 176 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi li l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) huwa maħsub sabiex jgħin fil-korrezzjoni tal-iżbilanċi reġjonali ewlenin li hemm fl-Unjoni. Taħt dak l-Artikolu u t-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 174 TFUE, il-FEŻR għandu jikkontribwixxi għat-tnaqqis tad-disparitajiet bejn il-livelli ta’ żvilupp tar-reġjuni varji u għat-tnaqqis fir-ritard tal-iżvilupp tar-reġjuni l-anqas favoriti, li fosthom għandha tingħata attenzjoni partikolari lir-reġjuni li jsofru minn żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti bħar-reġjuni tat-tramuntana mbiegħda b’densità ta’ popolazzjoni baxxa ħafna, u gżejjer, reġjuni transkonfinali u reġjuni muntanjużi. |
(2) |
Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistipula d-dispożizzjonijiet komuni mal-FEŻR, il-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew Marittimu u għas-Sajd |
(3) |
Għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi dwar it-tip ta' attivitajiet li jistgħu jiġu appoġġati mill-FEŻR sabiex isir kontribut għall-prijoritajiet ta' investiment fi ħdan l-objettivi tematiċi stabbiliti fir-Regolament(UE) Nru 1303/2013. Fl-istess waqt, attivitajiet barra l-ambitu tal-FEŻR għandhom jiġu definiti u ċċarati, inklużi investiment sabiex jintlaħaq it-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Sabiex jiġi evitat finanzjament eċċessiv, tali investiment ma għandux ikun eliġibbli għal appoġġ mill-FEŻR minħabba li diġà jibbenefika finanzjarjament mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87/KE. Dik l-esklużjoni m'għandhiex toħnoq il-possibbilità li jintuża l-FEŻR biex jiġu appoġġati l-attivitajiet li mhumiex elenkati fl-Anness I għad-Direttiva 2003/87/KE anke jekk dawk l-attivitajiet huma implimentati mill-istess operaturi ekonomiċi, u li jinkludu attivitajiet bħal investimenti fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fin-netwerks distrettwali għat-tisħin, is-sistemi intelliġenti ta’ distribuzzjoni, ta’ ħżin u ta’ trażmissjoni tal-enerġija, u miżuri mmirati li jnaqqsu t-tniġġis fl-arja., anke jekk wieħed mill-effetti indiretti ta' dawn l-attivitajiet hu li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra, jew jekk huma elenkati fil-pjan nazzjonali msemmi fid-Direttiva 2003/87/KE. |
(4) |
Huwa meħtieġ li jiġi speċifikat liema attivitajiet addizzjonali jistgħu jiġu appoġġati mill-FEŻR taħt l-għan tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea. |
(5) |
Il-FEŻR għandu jikkontribwixxi għall-istrateġija tal-Unjoni għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv biex b'hekk tiġi żgurata konċentrazzjoni akbar tal-għajnuna tal-FEŻR fuq il-prijoritajiet tal-Unjoni. Skont il-kategorija ta' reġjuni megħjuna, l-appoġġ mill-FEŻR taħt l-għan tal-investiment għat-tkabbir u l-impjiegi għandu jikkonċentra fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni, it-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT), l-impriżi ta’ daqs żgħir u medju (SMEs) u l-promozzjoni ta’ ekonomija b’livell baxx ta' ta' karbonju. Dik il-konċentrazzjoni tematika għandha tintlaħaq fuq livell nazzjonali filwaqt li tippermetti flessibbiltà fil-livell tal-programmi operazzjonali u bejn kategoriji differenti ta’ reġjuni. Il-konċentrazzjoni tematika għandha tiġi aġġustata, fejn ikun xieraq, biex tqis ir-riżorsi tal-Fond ta’ Koeżjoni allokati għall-appoġġ tal-prijoritajiet ta’ investiment relatati mat-tendenza lejn ekonomija b’livell baxx ta' karbonju u msemmija fir-Regolament (UE) Nru 1300/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Il-grad ta’ konċentrazzjoni tematika għandu jqis il-livell ta’ żvilupp tar-reġjun, il-kontribuzzjoni tar-riżorsi tal-Fond ta’ Koeżjoni, fejn applikabbli, kif ukoll il-bżonnijiet speċifiċi tar-reġjuni li l-PDG per capita użat bħala kriterju ta' eliġibbiltà tagħhom għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 kien ta’ anqas minn 75 % tal-PDG medju tal-UE-25 fil-perjodu ta’ referenza, tar-reġjuni kklassifikati bl-istatus ta’ eliminazzjoni gradwali fil-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 u ċerti reġjuni NUTS livell 2 li jikkonsistu biss minn Stati Membri gżejjer jew minn gżejjer oħra. |
(6) |
Għandu jkun possibbli li jkun hemm appoġġ mill-FEŻR taħt il-prijorità ta’ investiment ‘żvilupp lokali mmexxi mill-komunità’ biex jikkontribwixxi għall-objettivi tematiċi kollha msemmija f’dan ir-Regolament. |
(7) |
Sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet speċifiċi tal-FEŻR, u f'konformità mal-Istrateġija tal-Unjoni għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv hu neċessarju li jiġu stipulati li fl-ambitu ta' kull objettiv tematiku kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-azzjonijiet speċifiċi għall-FEŻR bħala 'prijoritajiet ta' investiment'. Dawk il-prijoritajiet ta' investiment għandhom jistabbilixxu objettivi dettaljati, li ma jeskludux lil xulxin b'mod reċiproku, li għandu jikkontribbwixxi għalihom il-FEŻR. Tali prijoritajiet ta’ investiment għandhom jiffurmaw il-bażi għad-definizzjoni ta’ objettivi speċifiċi fil-programmi li jqisu l-ħtiġijiet u l-karatteristiċi tal-qasam tal-programm. |
(8) |
Huwa neċessarju li jiġu promossi l-innovazzjoni u l-iżvilupp tal-SMEs f'oqsma emerġenti marbuta ma’ sfidi Ewropej u reġjonali bħall-industriji kreattivi u kulturali u s-servizzi innovattivi li jirriflettu domandi soċjetali ġodda jew ma' prodotti u servizzi marbuta ma’ popolazzjoni li qiegħda tixjieħ, il-kura u s-saħħa, l-ekoinnovazzjoni, ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u l-effiċjenza tar-riżorsi. |
(9) |
Skont ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, sabiex isir l-aħjar użu mill-valur miżjud minn investimenti ffinanzjati kompletament jew parzjalment mill-baġit tal-Unjoni fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni, ser jiġu mfittxija sinerġiji b’mod partikolari bejn il-funzjonament tal-FEŻR u ta’ Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni filwaqt li jiġu rispettati l-objettivi distinti tagħhom. |
(10) |
Huwa importanti li jiġi żgurat li, fil-promozzjoni ta’ investimenti fil-ġestjoni tar-riskji, għandhom jiġu kkunsidrati riskji speċifiċi fil-livell reġjonali, transkonfinali u transnazzjonali. |
(11) |
Sabiex jimmassimizzaw il-kontribut tagħhom għall-objettiv li jiġi appoġġat tkabbir favur l-impjiegi, l-attivitajiet li jappoġġaw turiżmu sostenibbli, il-kultura u l-wirt naturali għandhom ikunu parti minn strateġija territorjali għal żoni speċifiċi, inkluża l-konverżjoni ta’ reġjuni industrijali li jkunu sejrin lura. L-appoġġ għal attivitajiet bħal dawn għandu jikkontribwixxi wkoll għall-objettivi tat-tisħiħ tal-innovazzjoni u l-użu tal-ICT, SMEs, l-ambjent u l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi jew il- promozzjoni tal-inklużjoni soċjali. |
(12) |
Sabiex tiġi promossa l-mobilità reġjonali jew lokali sostenibbli jew sabiex jitnaqqas it-tniġġis tal-arja u tal-istorbju, huwa meħtieġ li jiġu promossi mezzi ta' trasport li jkunu jirrispettaw is-saħħa, sostenibbli u sikuri. L-investimenti fl-infrastruttura tal-ajruporti appoġġati mill-FEŻR għandhom jippromwovu t-trasport bl-ajru ambjentalment sostenibbli, meta, inter alia, tkun qed tittejjeb il-mobilità reġjonali permezz tal-konnessjoni ta’ nodi sekondarji u terzjarji mal-infrastruttura tan-netwerk tat-trasport trans-Ewropew (TEN-T), inkluż permezz ta’ nodi multimodali. |
(13) |
Sabiex jiġi promoss l-ilħuq tal-miri tal-enerġija u l-klima stabbiliti mill-Unjoni bħala parti mill-istrateġija tal-Unjoni għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, il-FEŻR għandu jappoġġa investiment għall-promozzjoni tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u s-sigurtà tal-provvista fl-Istati Membri permezz ta’, inter alia, l-iżvilupp ta’ sistemi intelliġenti tad-distribuzzjoni, tal-ħżin u tat-trażmissjoni tal-enerġija, inkluż permezz tal-integrazzjoni ta’ ġenerazzjoni distribwita minn riżorsi rinnovabbli. Sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti tas-sigurtà tal-provvista tagħhom b'tali mod li jkun konsistenti mal-miri tagħhom taħt l-istrateġija tal-Unjoni għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, l-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi jinvestu f’infrastruttura tal-enerġija li tkun konsistenti mat-taħlita enerġetika li jkunu għażlu. |
(14) |
L-SMEs li jistgħu jinkludu intrapriżi tal-ekonomija soċjali, għandu jiġi mifhum, skont id-definizzjoni stipulata fir-Regolament (EU) No 1303/2013, jiġifieri li jkopru intrapriżi ta’ daqs mikro, żgħir jew medju fis-sens tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (6). |
(15) |
Sabiex tiġi promossa l-inklużjoni soċjali u jiġi miġġieled il-faqar, b’mod partikolari fost il-komunitajiet emarġinati, huwa meħtieġ li jittejjeb l-aċċess għas-servizzi soċjali, kulturali u rikreattivi, permezz tal-provvediment ta’ infrastruttura fuq skala żgħira, billi jiġu kkunsidrati l-ħtiġijiet speċifiċi tal-persuni b’diżabilitajiet u l-anzjani. |
(16) |
Is-servizzi bbażati fil-komunità għandhom ikopru l-forom kollha ta’ servizzi komunitarji interni, ibbażati fuq il-familja, servizzi residenzjali u servizzi komunitarji oħra li jappoġġaw id-dritt li l-persuni kollha jgħixu fil-komunità, b’għażliet indaqs u li l-għan tagħhom huwa l-prevenzjoni tal-iżolament jew is-segregazzjoni mill-komunità. |
(17) |
Biex tiżdied il-flessibilità u jitnaqqas il-piż amministrattiv permezz ta' implimentazzjoni konġunta, l-FEŻR u l-prijoritajiet ta’ investiment tal-Fond ta’ Koeżjoni taħt l-objettivi tematiċi korrispondenti għandhom ikunu allinjati. |
(18) |
Għandu jiġi stabbilit sett komuni ta’ indikaturi tal-produzzjoni sabiex jitkejjel il-progress aggregat fil-livell tal-Unjoni tal-implimentazzjoni tal-programmi fl-Anness ta’ dan ir-Regolament. Dawk l-indikaturi għandhom jikkorrispondu għall-prijorità ta’ investiment u t-tip ta’ azzjoni appoġġati skont dan ir-Regolament u d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013. L-indikaturi komuni tal-produzzjoni għandhom ikunu kkumplementati b’indikaturi tar-riżultat speċifiċi għall-programmi u, fejn rilevanti, b' indikaturi tal-produzzjoni speċifiċi għall-programmi. |
(19) |
Fi ħdan il-qafas tal-iżvilupp urban sostenibbli, huwa kkunsidrat neċessarju li jiġu megħjuna azzjonijiet integrati sabiex jingħelbu l-isfidi ekonomiċi, ambjentali, klimatiċi, demografiċi u soċjali li jaffettwaw iż-żoni urbani, inklużi ż-żoni urbani funzjonali, filwaqt li titqies il-ħtieġa li jiġu promossi rabtiet bejn iż-żoni urbani u dawk rurali. Il-prinċipji għall-għażla ta' żoni urbani li għalihom għandhom jiġu implimentati azzjonijiet integrati għal żvilupp urban sostenibbli, u l-ammonti indikattivi għal dawk l-azzjonijiet, għandhom ikunu stabbiliti fil-Ftehim ta’ Sħubija b’minimu ta’ 5 % tar-riżorsi tal-FEŻR allokati fil-livell nazzjonali għal dak il-għan. L-ambitu ta’ kwalunkwe delegazzjoni tal-kompiti lill-awtoritajiet urbani għandu jiġi deċiż mill-awtorità maniġerjali f’konsultazzjoni mal-awtorità urbana. |
(20) |
Sabiex jiġu identifikati jew ivvalutati soluzzjonijiet ġodda li jindirizaw kwistjonijiet li huma relatati mal-iżvilupp urban sostenibbli u li huma ta’ rilevanza fuq livell ta' Unjoni, il-FEŻR għandu jappoġġa azzjonijiet innovattivi fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli urban. |
(21) |
Sabiex jissaħħu l-bini tal-kapaċitajiet, in-netwerking u l-iskambju ta’ esperjenzi bejn il-programmi u l-korpi responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ strateġiji ta’ żvilupp urban sostenibbli u azzjonijiet innovattivi fil-qasam tal-iżvilupp urban sostenibbli u biex jiġu komplementati l-programmi u l-korpi eżistenti, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit netwerk ta’ żvilupp urban fil-livell tal-Unjoni. |
(22) |
Il-FEŻR għandu jindirizza l-problemi ta' aċċessibbiltà għas-swieq il-kbar u d-distanza kbira minnhom, li dawk iż-żoni b'densità ta' popolazzjoni estremament baxxa qegħdin jiffaċċaw, kif imsemmi fil-Protokoll Nru 6 dwar dispożizzjonjiet speċjali għall-Objettiv 6 fil-qafas tal-Fondi Strutturali fil-Finlandja u fl-Isvezja għall-Att tal-Adeżjoni tal-1994. Il-FEŻR għandu jindirizza wkoll id-diffikultajiet speċifiċi li jiffaċċaw ċerti gżejjer, reġjuni mal-fruntieri, reġjuni muntanjużi, u żoni b'popolazzjoni baxxa, li s-sitwazzjoni ġeografika tagħhom tnaqqas il-pass tal-iżvilupp tagħhom, bil-għan li jiġi appoġġat l-iżvilupp sostenibbli tagħhom. |
(23) |
Għandha tingħata attenzjoni speċifika lir-reġjuni l-aktar imbiegħda, jiġifieri permezz tal-adozzjoni ta’ miżuri taħt l-Artikolu 349 TFUE bl-estensjoni, fuq bażi eċċezzjonali, tal-ambitu tal-għajnuna mill-FEŻR għall-finanzjament tal-għajnuna operattiva marbuta mal-kumpens ta' spejjeż addizzjonali li jirriżultaw mis-sitwazzjoni ekonomika u soċjali speċifika ta' dawk ir-reġjuni, milquta minn żvantaġġi li jirriżultaw minn fatturi li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 349 TFUE, fosthom in-natura remota, insulari, ċkejkna, topografika u klimatika diffiċli, id-dipendenza ekonomika fuq ftit prodotti, fatturi li l-permanenza u l-kombinazzjoni tagħhom jostakolaw severament l-iżvilupp ta' tali reġjuni. L-għajnuna operattiva mogħtija mill-Istati Membri f’dak il-kuntest hija eżentata mill-obbligu ta’ notifika stabbilit fl-Artikolu 108(3) TFUE, jekk, fiż-żmien li tingħata, tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti minn Regolament li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq intern bl-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 TFUE, u adottat skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 (7). |
(24) |
F'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-7 u t-8 ta’ Frar 2013, u filwaqt li ġew ikkunsidrati l-objettivi speċjali stipulati fit-TFUE li jikkonċernaw ir-reġjuni l-aktar imbiegħda msemmija fl-Artikolu 349 TFUE, l-istatus tal-Majott ġie mibdul b'riżultat tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2012/419/UE (8) sabiex isir reġjun ġdid l-aktar imbiegħed mill-1 ta’ Jannar 2014. Sabiex jiġi ffaċilitat u promoss l-iżvilupp infrastrutturali ffukat u rapidu tal-Majott, għandu jkun possibbli fuq bażi eċċezzjonali li tal-inqas 50 % tal-parti tal-FEŻR allokata għall-pakkett tal-Majott jiġu allokati lil ħamsa mill-objettivi tematiċi stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1303/2013. |
(25) |
Sabiex dan ir-Regolament jiġi ssupplimentat b'ċerti elementi mhux essenzjali, is-setgħa sabiex jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 TFUE għandha tiġi delegata lill-Kummissjoni skont ir-regoli dettaljati għall-kriterji tal-għażla u l-ġestjoni ta’ azzjonijiet innovattivi. Tali setgħa għandha tiġi wkoll delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendi għall-Anness I għal dan ir-Regolament fejn ikun ġustifikat, biex tiġi żgurata l-valutazzjoni effettiva tal-progress fl-implimentazzjoni tal-programmi operazzjonali. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni tagħmel il-konsultazzjonijiet xierqa waqt ix-xogħol preparatorju tagħha, inkluż fil-livell espert. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal atti ddelegati, għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. |
(26) |
Peress li l-objettiv ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali billi jiġu rimedjati l-iżbilanċi reġjonali prinċipali fl-Unjoni, ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri, imma pjuttost jista', minħabba l-livell ta' disparitajiet bejn il-livelli ta' żvilupp tad-diversi reġjuni u r-ritard tar-reġjuni l-inqas favoriti u l-limitazzjoni fuq ir-riżorsi finanzjarji tal-Istati Membri u r-reġjuni', jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jinkiseb dak l-objettiv. |
(27) |
Dan ir-Regolament jissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9). Fl-interessi taċ-ċarezza, ir-Regolament (KE) Nru 1080/2006 għandu għalhekk jitħassar. Madankollu, dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa t-tkomplija jew il-modifika tal-assistenza approvata mill-Kummissjoni abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1080/2006 jew kwalunkwe leġiżlazzjoni oħra li tapplika għal dik l-assistenza fil-31 ta' Diċembru 2013. Dak ir-Regolament jew tali leġiżlazzjoni applikabbli oħra għandhom konsegwentement ikomplu japplikaw wara l-31 ta' Diċembru 2013 għal dik l-assistenza jew l-operazzjonijiet ikkonċernati sakemm jagħlqu. L-applikazzjonijiet għal assistenza magħmulin jew approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1080/2006 għandhom għalhekk jibqgħu validi. |
(28) |
Sabiex jista' jkun hemm applikazzjoni fil-pront tal-miżuri previsti f'dan ir-Regolament, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
Dispożizzjonijiet komuni
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-ħidmiet tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), l-ambitu li fih se jgħin rigward l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir u l-impjiegi u l-mira tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea, u dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-għajnuna mill-FEŻR li għandu fil-mira l-Investiment għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi.
Artikolu 2
Kompiti tal-FEŻR
Il-FEŻR għandu jikkontribwixxi billi jiffinanzja l-għajnuna bl-iskop li ssaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, billi twitti l-iżbilanċi reġjonali prinċipali fl-Unjoni permezz tal- iżvilupp sostenibbli u l-aġġustament strutturali tal-ekonomiji reġjonali, inkluż ir-rikonverżjoni tar-reġjuni industrijali li jkunu sejrin lurau reġjuni li l-iżvilupp tagħhom għadu lura.
Artikolu 3
L-ambitu tal-appoġġ mill-FEŻR
1. Il-FEŻR għandu jgħin l-attivitajiet li ġejjin sabiex jikkontribwixxi għall-prijoritajiet ta’ investiment stabbiliti fl-Artikolu 5:
(a) |
investiment produttiv li jikkontribwixxi għall-ħolqien u s-salvagwardja ta' impjiegi sostenibbli, permezz ta' għajnuna diretta għall-investiment fl-SMEs; |
(b) |
investiment produttiv, irrispettivament mid-daqs tal-impriża konċernata, li jikkontribwixxi għall-prijoritajiet ta’ investiment stabbiliti fil-punti (1) u (4) tal-Artikoli 5, u, fejn dak l-investiment jinvolvi kooperazzjoni bejn impriżi kbar u SMEs, fil-punt (2) tal-Artikolu 5; |
(c) |
investiment fl-infrastruttura li jipprovdi servizzi bażiċi liċ-ċittadini fl-oqsma tal-enerġija, l-ambjent, it-trasport u l-ICT; |
(d) |
investimenti fl-infrastruttura soċjali, tas-saħħa, tar-riċerka, tal-innovazzjoni, tan-negozju u tal-edukazzjoni; |
(e) |
investiment fl-iżvilupp ta' potenzjal endoġenu permezz tal-investiment fiss f'tagħmir u infrastruttura fuq skala żgħira; inklużi infrastruttura kulturali u tat-turiżmu sostenibbli fuq skala żgħira, servizzi lill-impriżi, appoġġ lill-korpi tar-riċerka u l-innovazzjoni u investiment fit-teknoloġija u r-riċerka applikata fl-impriżi; |
(f) |
netwerking, kooperazzjoni u qsim ta’ esperjenzi bejn awtoritajiet kompetenti reġjonali, lokali, urbani u awtoritajiet pubbliċi oħra, sħab ekonomiċi u soċjali, u korpi rilevanti li jirrappreżentaw is-soċjetà ċivili msemmija fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) Nru. 1303/2013, studji, azzjonijiet preparatorji u l-bini ta’ kapaċitajiet. |
2. Taħt il-mira tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea, il-FEŻR jista’ jappoġġa wkoll il-kondiviżjoni tal-faċilitajiet u r-riżorsi umani u kull tip ta’ infrastruttura b’mod transkonfinali fir-reġjuni kollha.
3. Il-FEŻR m'għandux jgħin:
(a) |
id-diżattivazzjoni jew il-kostruzzjoni tal-impjanti tal-enerġija nukleari; |
(b) |
investiment biex ikun hemm tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra minn attivitajiet elenkati fl-Anness I għad-Direttiva 2003/87/KE; |
(c) |
il-manifattura, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta' tabakk u prodotti tat-tabakk; |
(d) |
impriżi f'diffikultà kif definiti taħt ir-regoli tal-Unjoni Ewropea dwar l-għajnuna mill-Istat; |
(e) |
investiment fl-infrastruttura tal-ajruporti sakemm ma jkunx relatat mal-ħarsien ambjentali jew akkumpanjat minn investiment meħtieġ sabiex jittaffa jew jitnaqqas l-impatt ambjentali negattiv tagħha. |
Artikolu 4
Konċentrazzjoni tematika
1. L-objettivi tematiċi stabbiliti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, u l-prijoritajiet korrispondenti għall-investiment stipulati fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament, li għalihom il-FEŻR jista’ jikkontribwixxi taħt il-mira ta' Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi, għandhom ikunu miġbura hekk:
(a) |
f’reġjuni aktar żviluppati:
|
(b) |
f’reġjuni ta’ tranżizzjoni:
|
(c) |
f'reġjuni anqas żviluppati:
|
Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, reġjuni li l-PDG per capita tagħhom użat bħala kriterju ta' eliġibbiltà għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 kien ta’ anqas minn 75 % tal-PDG medju tal-UE-25 fil-perjodu ta’ referenza, u reġjuni kklassifikati bl-istatus ta’ eliminazzjoni gradwali fil-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, imma li huma eliġibbli taħt il-kategorija ta’ reġjuni aktar żviluppati msemmija fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 90(2) (c) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fil-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, għandhom jitqiesu bħala reġjuni ta’ tranżizzjoni.
Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, ir-reġjuni kollha ta' NUTS livell 2 li jikkonsistu biss minn Stati Membri gżejjer jew minn gżejjer li jiffurmaw parti minn Stati Membri li jirċievu appoġġ mill-Fond ta’ Koeżjoni u mir-reġjuni kollha l-aktar imbiegħda, għandhom jiġu kkunsidrati bħala reġjuni anqas żviluppati.
2. B’deroga mill-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, is-sehem minimu tal-FEŻR allokat għal kategorija ta’ reġjun jista’ jkun anqas minn dak spjegat f'dak il-paragrafu, dment li tali tnaqqis jiġi kkumpensat b’żieda fis-sehem allokat għal kategoriji ta’ reġjuni oħrajn. Is-somma li tirriżulta fil-livell nazzjonali tal-ammonti għall-kategoriji kollha tar-reġjuni rispettivament għall-objettivi tematiċi stipulati fil-punti 1, 2, 3 u 4 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1300/2013 u dawk stipulati fil-punt 4 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 għaldaqstant ma għandhiex tkun anqas mis-somma fil-livell nazzjonali li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-ishma minimi tal-FEŻR stipulati fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.
3. B’deroga mill-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, ir-riżorsi tal-Fond ta’ Koeżjoni allokati għall-appoġġ tal-prijoritajiet ta’ investiment spjegati fil-punt (a) tal-Artikolu 4tar-Regolament (UE) Nru 1300/2013 jistgħu jingħaddu favur l-ilħuq tal-ishma minimi spjegati fil-punti (a)(ii), (b)(ii) u (c)(ii) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. F'każ bħal dan, is-sehem imsemmi fil-punt (c)(ii) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jiżdied għal 15 %. Fejn applikabbli, dawk ir-riżorsi għandhom jiġu allokati pro rata għall-kategoriji differenti ta’ reġjuni abbażi tal-ishma relattivi tagħhom tal-popolazzjoni totali tal-Istat Membru kkonċernat.
Artikolu 5
Prijoritajiet ta' investiment
Il-FEŻR għandu jappoġġa dawn il-prijoritajiet ta' investiment fi ħdan l-objettivi tematiċi stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 skont il-ħtiġijiet ta' żvilupp u l-potenzjali ta' tkabbir imsemmijin fil-punt (a)(i) tal-Artikolu 15(1) ta' dak ir-Regulament u stabbiliti fil-Ftehim ta’ Sħubija:
(1) |
it-tisħiħ tar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-innovazzjoni billi:
|
(2) |
it-titjib tal-aċċess għal, u l-użu u l-kwalità tal-ICT billi:
|
(3) |
it-titjib tal-kompetittività tal-SMEs billi:
|
(4) |
l-appoġġ għall-bidla lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju billi:
|
(5) |
il-promozzjoni ta' adattament għat-tibdil fil-klima, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskju billi:
|
(6) |
il-preservazzjoni u l-protezzjoni tal-ambjent u l-promozzjoni tal-effiċjenza tar-riżorsi billi;
|
(7) |
il-promozzjoni tat-trasport sostenibbli u t-tneħħija ta' konġestjoni fl-infrastrutturi tan-netwerks prinċipali billi:
|
(8) |
il-promozzjoni tal-impjiegi sostenibbli u ta’ kwalità u s-sostenn lill-mobilità tax-xogħol billi:
|
(9) |
il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, il-ġlieda kontra l-faqar u kwalunkwe diskriminazzjoni billi:
|
(10) |
isir investiment fl-edukazzjoni, fit-taħriġ u t-taħriġ vokazzjonali għall-ħiliet u l-edukazzjoni tul il-ħajja bl-iżvilupp ta' infrastruttura għall-edukazzjoni u għat-taħriġ; |
(11) |
tittejjeb il-kapaċità istituzzjonali tal-awtoritajiet pubbliċi u l-partijiet interessati u amministrazzjoni pubblika effiċjenti, permezz ta' azzjonijiet li jsaħħu l-kapaċità istituzzjonali u l-effiċjenza tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u tas-servizzi pubbliċi relatati mal-implimentazzjoni tal-FEŻR, u l-appoġġ tal-azzjonijiet taħt il-FSE biex tissaħħaħ il-kapaċità istituzzjonali, u l-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika. |
Artikolu 6
Indikaturi għal Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi
1. Indikaturi komuni tal-produzzjoni, kif stipulati fl-Anness I għal dan ir-Regolament, indikaturi ta' riżultati speċifiċi għal programm u, fejn rilevanti, indikaturi tal-produzzjoni speċifiċi għal programm għandhom jintużaw f'konformità mal-Artikolu 27(4) u l-punt (b)(ii) u (iv) u l-punt (c)(ii) u (iv) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.
2. Għall-indikaturi tal-produzzjoni komuni u speċifiċi għal programm, il-linji bażi għandhom jibdew minn żero. Valuri ta’ mira kwantifikati kumulattivi għal dawk l-indikaturi għandhom jiġu stabbiliti għall-2023.
3. Għall-indikaturi tal-produzzjoni speċifiċi għal programm, li huma marbuta ma’ prijoritajiet ta’ investiment, il-linji bażi għandhom jużaw id-dejta l-iżjed reċenti disponibbli u l-miri għandhom jiġu stabbiliti għall-2023. Il-miri jistgħu jiġu espressi f’termini kwantitattivi jew kwalitattivi.
4. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 14 sabiex temenda l-lista ta’ indikaturi komuni tal-produzzjoni stipulati fl-Anness I, sabiex tagħmel aġġustamenti, fejn ġustifikat, biex tiżgura valutazzjoni effettiva tal-progress fl-implimentazzjoni tal-programmi operazzjonali.
KAPITOLU II
Dispożizzjonijiet speċifiċi dwar it-trattament ta’ karatterisitiċi territorjali partikolari
Artikolu 7
Żvilupp urban sostenibbli
1. Il-FEŻR għandu jappoġġa fi ħdan il-programmi operazzjonali l-iżvilupp urban sostenibbli permezz ta' strateġiji li jistipulaw azzjonijiet integrati li jistabbilixxu l-isfidi ekonomiċi, ambjentali, klimatiċi, demografiċi, u soċjali li jaffettwaw liż-żoni urbani, filwaqt li tiġi kkunsidrata l-ħtieġa li jiġu promossi rabtiet bejn iż-żoni urbani u dawk rurali.
2. Żvilupp urban sostenibbli għandu jitwettaq permezz ta’ investimenti territorjali Integrati kif imsemmija fl-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, jew permezz ta’ programm operazzjonali speċifiku, jew permezz ta' assi ta' prijorità speċifika skont il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 96(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.
3. Meta jqis is-sitwazzjoni territorjali speċifika, kull Stat Membru għandu jistabbilixxi fil-Ftehim ta’ Sħubija tiegħu l-prinċipji għall-għażla taż-żoni urbani fejn għandhom ikunu implimentati azzjonijiet integrati għal żvilupp urban sostenibbli, u l-allokazzjoni indikattiva għal dawk l-azzjonijiet fuq livell nazzjonali.
4. Mill-inqas 5 % tar-riżorsi tal-FEŻR allokati fuq livell nazzjonali taħt il-mira tal-Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi għandhom ikunu attribwiti għal azzjonijiet integrati għall-iżvilupp urban sostenibbli fejn l-ibliet, il-korpi subreġjonali jew lokali responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ strateġiji urbani sostenibbli (l-“awtoritajiet urbani”) għandhom ikunu responsabbli għall-kompiti relatati, tal-inqas, mal-għażla ta’ operazzjonijiet skont l-Artikolu 123(6) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, jew, fejn ikun xieraq, skont l-Artikolu 123(7) ta’ dak ir-Regolament. L-ammont indikattiv li għandu jiġi ddedikat għall-finijiet tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandu jiġi stabbilit fil-programm jew il-programmi operazzjonali kkonċernati.
5. L-awtorità maniġerjali għandha tiddetermina, f’konsultazzjoni mal-awtorità urbana, l-ambitu tal-kompiti, li għandhom jitwettqu mill-awtoritajiet urbani, li jikkonċernaw il-ġestjoni ta’ azzjonijiet integrati għall-iżvilupp urban. L-awtorità ta' ġestjoni għandha tirreġistra formalment id-deċiżjoni tagħha bil-miktub. L-awtorità maniġerjali tista’ żżomm id-dritt li twettaq verifika finali tal-eliġibilità tal-operazzjonijiet qabel l-approvazzjoni.
Artikolu 8
Azzjonijiet innovattivi fil-qasam tal-iżvilupp urban sostenibbli
1. Fuq inizjattiva tal-Kummissjoni, il-FEŻR jista’ jappoġġa azzjonijiet innovattivi fil-qasam tal-iżvilupp urban sostenibbli skont l-Artikolu 92(8) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013. Azzjonijiet bħal dawn għandhom jinkludu studji u proġetti pilota sabiex jidentifikaw jew jittestjaw soluzzjonijiet ġodda li jindirizzaw kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-iżvilupp urban sostenibbli, u li huma ta' relevanza fuq livell ta' Unjoni. Il-Kummissjoni għandha tħeġġeġ l-involviment ta’ msieħba rilevanti msemmija fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fit-tħejjija u l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet innovattivi.
2. B'deroga għall-Artikolu 4 ta' dan ir-Regolament, azzjonijiet innovattivi jistgħu jappoġġaw l-attivitajiet kollha neċessarji sabiex jintlaħqu l-objettivi tematiċi stipulati fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, u l-prijoritajiet ta' investiment korrispondenti stipulati fl-Artikolu 5 ta' dan ir-Regolament.
3. Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 14, li jistabbilixxi regoli dettaljati li jikkonċernaw il-prinċipji għall-għażla u l-ġestjoni ta' azzjonijiet innovattivi li għandhom jiġu appoġġati mill-FEŻR skont dan ir-Regolament.
Artikolu 9
Netwerk għall-iżvilupp urban
1. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, skont l-Artikolu 58 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013,netwerk għall-iżvilupp urban sabiex tippromwovi l-bini ta’ kapaċità, in-netwerking u l-iskambju tal-esperjenza fuq livell ta’ Unjonin bejn l-awtoritajiet urbani responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ strateġiji ta’ żvilupp urban sostenibbli skont l-Artikolu 7(4) u (5) ta’ dan ir-Regolament u minn awtoritajiet responsabbli għal azzjonijiet innovattivi fil-qasam tal-iżvilupp urban sostenibbli skont l-Artikolu 8 ta’ dan ir-Regolament.
2. L-attivitajiet tan-netwerk għall-iżvilupp urban għandhom ikunu komplimentari għal dawk imwettqa taħt kooperazzjoni interreġjonali skont il-punt (3)(b) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11).
Artikolu 10
Żoni bi żvantaġġi naturali jew demografiċi
Fil-programmi operazzjonali kkofinanzjati mill-FEŻR, li jkopru żoni bi żvantaġġi gravi u permanenti, naturali jew demografiċi, kif hemm imsemmi fil-punt 4 tal-Artikolu 121 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 għandha tingħata attenzjoni partikolari biex ikunu indirizzati d-diffikultajiet speċifiċi ta’ dawn iż-żoni.
Artikolu 11
Reġjuni tat-tramuntana mbiegħda b'densità ta' popolazzjoni baxxa ħafna
L-Artikolu 4 ma għandux japplika għall-allokazzjoni addizzjonali speċifika għar-reġjuni tat-tramuntana mbiegħda b'densità ta' popolazzjoni baxxa ħafna. Dik l-allokazzjoni għandha tkun allokata għall-objettivi tematiċi stipulati fil-punti 1, 2, 3, 4 u 7 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.
Artikolu 12
Ir-reġjuni l-aktar imbiegħda
1. L-Artikolu 4 ma għandux japplika għall-allokazzjoni addizzjonali speċifika għar-reġjuni l-aktar imbiegħda. Dik l-allokazzjoni għandha tintuża sabiex tagħmel tajjeb għal spejjeż addizzjonali, marbuta mal-karatteristiċi u r-restrizzjonijiet speċjali msemmija fl-Artikolu 349 TFUE, li jġarrbu r-reġjuni l-aktar mbiegħda biex jappoġġaw:
(a) |
l-objettivi tematiċi stipulati fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 |
(b) |
is-servizzi ta’ ġarr ta’ merkanzija u l-għajnuna sabiex jinbdew servizzi tat-trasport; |
(c) |
l-operazzjonijiet marbutin ma’ restrizzjonijiet ta’ ħażna, ta’ daqs eċċessiv u tal-manutenzjoni ta’ għodod tal-produzzjoni, u man-nuqqas ta’ kapital uman fis-suq tax-xogħol lokali. |
2. L-allokazzjoni addizzjonali speċifika msemmija fil-paragrafu 1 tista’ tintuża wkoll sabiex tgħin fil-finanzjament ta' għajnuna operattiva u ta’ nfiq li jkopri obbligi tas-servizz pubbliku u kuntratti fir-reġjuni l-aktar mbiegħda.
3. L-ammont li għalih tapplika r-rata ta' kofinanzjament għandha tkun proporzjonali għall-ispejjeż addizzjonali, kif imsemmi fil-paragrafu 1, magħmula mill-benefiċjarju, biss fil-każ ta' għajnuna operattiva u ta' nfiq li jkopri l-obbligi tas-servizz pubbliku u l-kuntratti, imma tista' tkopri l-ispejjeż totali eliġibbli fil-każ ta' infiq għall-investiment.
4. L-allokazzjoni addizzjonali speċifika msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu ma għandhiex tintuża sabiex tappoġġa:
(a) |
operazzjonijiet li jinvolvu prodotti elenkati fl-Anness I għat-TFUE; |
(b) |
għajnuna għat-trasport ta' persuni awtorizzati taħt il-punt (a) tal-Artikolu 107(2) TFUE; |
(c) |
eżenzjonijiet mit-taxxa u eżenzjonijiet minn ħlasijiet soċjali. |
5. B’deroga mill-punti (a) u (b) tal-Artikolu 3(1), il-FEŻR jista’ jappoġġa investiment produttiv fl-impriżi fir-reġjuni l-aktar imbiegħda, irrispettivament mid-daqs ta' dawk l-intrapriżi.
6. L-Artikolu 4 ma għandux japplika għall-parti tal-FEŻR tal-pakkett allokat għall-Majott bħala reġjun l-aktar imbiegħed fis-sens tal-Artikolu 349 TFUE, u mill-inqas 50 % ta' dik il-parti tal-FEŻR għandhom jiġu allokati lill-objettivi tematiċi stabbiliti fil-punti 1, 2, 3, 4 u 6 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.
KAPITOLU III
Dispożizzjonijiet finali
Artikolu 13
Dispożizzjonijiet tranżitorji
1. Dan ir-Regolament ma għandux jinċidi fuq it-tkomplija jew il-modifika, inkluża l-kanċellazzjoni totali jew parzjali ta’ għajnuna approvata mill-Kummissjoni abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1080/2006, jew kwalunkwe leġiżlazzjoni oħra li tapplika għal dik l-għajnuna fil-31 ta' Diċembru 2013. Dak ir-Regolament u tali leġiżlazzjoni oħra applikabbli għandhom konsegwentement ikomplu japplikaw wara l-31 ta' Diċembru 2013 għal din l-għajnuna jew l-operazzjonijiet konċernati sakemm jagħlqu. Għall-finijiet ta' dan il-paragrafu, assistenza għandha tkopri programmi operazzjonali u proġetti maġġuri.
2. L-applikazzjonijiet biex wieħed jirċievi assistenza magħmulin jew approvati taħt ir-Regolament (KE) Nru 1080/2006 għandhom jibqgħu validi.
Artikolu 14
Eżerċizzju tad-delega
1. Is-setgħa għall-adozzjoni ta’ atti delegati tingħata lill-Kummissjoni soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikoli 6(4) u 8(3) hija mogħtija lill-Kummissjoni minn 21 ta’ Diċembru 2013 sal-31 ta' Diċembru 2020.
3. Id-delega tas-setgħa imsemmija fl-Artikoli 6(4) u 8(3) tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kull att iddelegat li jkun diġà fis-seħħ.
4. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
5. Att iddelegat adottat skont l-Artikoli 6(4) u 8(3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill f'perjodu ta' xahrejn min-notifika tal-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu għarrfu lill-Kummissjoni li huma ma jkunux se joġġezzjonaw. Dan il-perjodu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 15
Revoka
Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 13 ta' dan ir-Regolament, ir-Regolament (KE) Nru 1080/2006 huwa b'dan revokat b'effett mill-1 ta' Jannar 2014.
Ir-referenzi għar-Regolament irrevokat għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni kif stabbilta fl-Anness II.
Artikolu 16
Reviżjoni
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jirrivedu dan ir-Regolament sal-31 ta' Diċembru 2020 skont l-Artikolu 177 TFUE.
Artikolu 17
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
L-Artikolu 12(6) għandu japplika b'effett mill-1 ta' Jannar 2014.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Diċembru 2013.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
M. SCHULZ
Għall-Kunsill
Il-President
R. ŠADŽIUS
(1) ĠU C 191, 29.6.2012, p. 44.
(2) ĠU C 225, 27.7.2012, p. 114.
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 1083/2006 (Ara paġna 320 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(4) Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).
(5) Regolament (UE) Nru 1300/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond ta’ Koeżjoni u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru. 1084/2006 (Ara paġna 281 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(6) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ mikrointrapriżi u intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).
(7) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 tas-7 ta’ Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għal ċerti kategoriji ta' għajnuna tal-Istat orizzontali (ĠU L 142, 14.5.1998, p. 1).
(8) Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2012/419/UE tal-11 ta’ Lulju 2012 li temenda l-istatus tal-Majott fir-rigward tal-Unjoni Ewropea (OJ L 204, 31.7.2012, p. 131).
(9) Ir-Regolament (KE) Nru 1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1783/1999 (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 1).
(10) Ir-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-17 ta' Diċembru 2013 Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006 (Ara paġna 470 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(11) Ir-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-17 ta' Diċembru 2013 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea (Ara paġna 259 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).
ANNESS I
INDIKATURI KOMUNI TAL-PRODUZZJONI GĦALL-APPOĠĠ MILL-FEŻR GĦAL INVESTIMENT LI GĦANDU FIL-MIRA T-TKABBIR EKONOMIKU U L-IMPJIEGI (ARTIKOLU 6)
|
UNITÀ |
DENOMINAZZJONI |
Investiment produttiv |
||
|
impriżi |
Numru ta' impriżi li qed jirċievu appoġġ |
|
impriżi |
Numru ta’ impriżi li jirċievu għotjiet |
|
impriżi |
Numru ta’ impriżi li jirċievu appoġġ finanzjarju minbarra għotjiet |
|
impriżi |
Numru ta’ impriżi li jirċievu appoġġ mhux finanzjarju |
|
impriżi |
Numru ta’ impriżi ġodda appoġġati |
|
(f’EUR) |
Investiment privat li jkun daqs l-appoġġ pubbliku lil impriżi (għotjiet) |
|
(f’EUR) |
Investiment privat li jkun daqs l-appoġġ pubbliku lil impriżi (mhux għotjiet) |
|
ekwivalenti għal full-time |
Żieda fl-impjiegi f'impriżi appoġġati |
Turiżmu sostenibbli |
Żjarat/sena |
Żieda fin-numru mistenni ta' żjarat ta' siti appoġġati ta' wirt kulturali u naturali u attrazzjonijiet |
Infrastruttura tal-ICT |
unitajiet domestiċi |
Djar addizzjonali bl-aċċess broadband ta' mill-inqas 30 Mbps |
Trasport |
||
Ferrovija |
kilometri |
Tul totali tal-linji ferrovjarji ġodda li minnhom: TEN-T |
kilometri |
Tul totali tal-linji ferrovjarji mibnija mill-ġdid jew mtejba li minnhom: TEN-T |
|
Toroq |
kilometri |
Tul totali ta' toroq mibnijin ġodda li minnhom: TEN-T |
kilometri |
Tul totali toroq mibnija mill-ġdid jew mtejba li minnhom: TEN-T |
|
Trasport urban |
kilometri |
Tul totali ta’ linji ġodda jew imtejba tat-tramm jew tal-metro |
Passaġġi fuq l-ilma intern |
kilometri |
Tul totali ta' passaġġi tal-ilma intern imtejba jew ġodda |
L-Ambjent |
||
Skart solidu |
Tunnellati/sena |
Il-kapaċità għar-riċiklaġġ tal-iskart addizzjonali |
Provvista tal-ilma |
persuni |
Il-popolazzjoni addizzjonali servuta bi provvista ta' ilma aħjar |
Trattament tad-dranaġġ |
ekwivalenti għall-popolazzjoni |
Il-popolazzjoni addizzjonali servuta bi trattament ta' dranaġġ aħjar |
Il-prevenzjoni tar-riskju u l-maniġment |
persuni |
Il-popolazzjoni li qed tgawdi minn miżuri ta' protezzjoni kontra l-għargħar |
persuni |
Il-popolazzjoni li qed tgawdi minn miżuri ta' protezzjoni kontra nirien fil-foresti |
|
Riabilitazzjoni tal-art |
ettari |
Erja totali ta' wiċċ l-art riabilitata |
In-natura u l-bijodiversità |
ettari |
L-erja ta' wiċċ l-art ta' ħabitats appoġġata sabiex jinkiseb status aħjar ta' konservazzjoni |
Riċerka, Innovazzjoni: |
||
|
ekwivalenti full-time |
Numru ta’ riċerkaturi ġodda f'entitajiet appoġġati |
|
ekwivalenti full-time |
Numru ta’ riċerkaturi li jaħdmu f'faċilitajiet imtejba ta’ infrastruttura għar-riċerka |
|
impriżi |
Numru ta' impriżi li qed jikkooperaw ma' istituzzjonijiet tar-riċerka |
|
(f’EUR) |
Investiment privat li jkun daqs l-għajnuna pubblika fl-innovazzjoni jew proġetti tar-R&Ż |
|
impriżi |
Numru ta' impriżi appoġġati biex jiġu introdotti prodotti ġodda għas-suq |
|
impriżi |
Numru ta’ impriżi appoġġati biex jiġu introdotti prodotti ġodda lid-ditti |
Enerġija u Tibdil fil-Klima |
||
L-enerġija rinnovabbli |
MW |
Kapaċità addizzjonali fil-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli |
Effiċjenza fl-użu tal-enerġija |
unitajiet domestiċi |
Numru ta’ unitajiet domestiċi bil-klassifikazzjoni tal-konsum tal-enerġija mtejba |
|
kWh/sena |
Tnaqqis fil-konsum annwali tal-enerġija primarja ta' bini pubbliku |
|
utenti |
Numru addizzjonali ta' utenti tal-enerġija konnessi ma’ netwerks intelliġenti (smart grids) |
Tnaqqis fil-GHG |
tunnellati ta’ CO2eq |
It-tnaqqis stmat annwali ta' GHG |
Infrastruttura soċjali |
||
L-indukrar tat-tfal u l-edukazzjoni |
persuni |
Il-kapaċità tal-indukrar tat-tfal jew tal-infrastruttura tal-edukazzjoni appoġġati |
Is-Saħħa |
Persuni |
Popolazzjoni koperta minn servizzi tas-saħħa mtejba |
L-indikaturi speċifiċi ta' Żvilupp Urban |
||
|
persuni |
Il-popolazzjoni li tgħix f'żoni bi strateġiji ta' żvilupp urban integrat |
|
metri kwadri |
Spazju miftuħ maħluq jew riabilitat f'żoni urbani |
|
metri kwadri |
Bini pubbliku jew kummerċjali mibni jew rinovat f'żoni urbani |
|
unitajiet ta’ housing |
Djar riabilitati f'żoni urbani |
ANNESS II
TABELLA TA' KORRELAZZJONI
Regolament (KE) Nru 1080/2006 |
Dan ir-Regolament |
Artikolu 1 |
Artikolu 1 |
Artikolu 2 |
Artikolu 2 |
Artikolu 3 |
Artikolu 3 |
— |
Artikolu 4 |
Artikolu 4 |
Artikolu 5 |
Artikolu 5 |
Artikolu 5 |
Artikolu 6 |
— |
Artikolu 7 |
— |
— |
Artikolu 6 |
Artikolu 8 |
Artikolu 7 |
— |
Artikolu 8 |
— |
Artikolu 9 |
Artikolu 9 |
— |
Artikolu 10 |
Artikolu 10 |
— |
Artikolu 11 |
Artikolu 11 |
Artikolu 12 |
Artikolu 12 |
— |
Artikolu 13 |
— |
Artikolu 14 |
— |
Artikolu 15 |
— |
Artikolu 16 |
— |
Artikolu 17 |
— |
Artikolu 18 |
— |
Artikolu 19 |
— |
Artikolu 20 |
— |
Artikolu 21 |
— |
Artikolu 22 |
Artikolu 13 |
— |
Artikolu 14 |
Artikolu 23 |
Artikolu 15 |
Artikolu 24 |
Artikolu 16 |
Artikolu 25 |
Artikolu 17 |
Dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-applikazzjoni tal-Artikolu 6 tar-Regolament dwar l-FEŻR l-Artikolu 15 tar-Regolament dwar il-KTE u l-Artikolu 4 tar-Regolament dwar il-Fond ta' Koeżjoni
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ħadu nota tal-garanzija provvduta mill-Kummissjoni lil-leġiżlaturi tal-UE li l-indikaturi komuni tal-eżitu għar-Regolament dwar l-FEŻR, ir-Regolament dwar il-KTE u r-Regolament dwar il-Fond ta' Koeżjoni, li jiġu inklużi f'anness ma' kull regolament, huma r-riżultat ta' proċess ta' tħejjija twil li jinvolvi esperti ta' valutazzjoni kemm tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri, u bi prinċipju, huma mistennija jibqgħu stabbli.