17.11.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 277/62 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Nindirizzaw l-isfidi tad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti sabiex niġġieldu t-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità”
COM(2008) 645 finali
(2009/C 277/12)
Rapporteur: is-Sur RIBBE
Nhar is-17 ta’ Ottubru 2008, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar:
il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Nindirizzaw l-isfidi tad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti sabiex niġġieldu t-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità
COM(2008) 645 finali.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-17 ta’ April 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur Ribbe.
Matul l-453 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-13 u l-14 ta’ Mejju 2009 (seduta tal-14 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’153 vot favur, 5 voti kontra u 6 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1. Il-KESE jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u l-għanijiet tagħha li tnaqqas id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti tropikali mill-inqas b’nofs sal-2020 u li twaqqafhom kompletament sal-2030. Huwa jistenna li l-UE tadotta approċċ aktar proattiv minn qabel f’dan ir-rigward.
1.2. Minkejja li l-attivitajiet li twettaq il-popolazzjoni taż-żona, pereżempju l-biedja ta’ sussistenza, jistgħu f’ċerti każijiet jikkawżaw parti mill-iżviluppi li jissemmew fil-Komunikazzjoni, il-ħsara prinċipali ġejja minn kawżi oħrajn. L-atturi prinċipali ħafna drabi huma grupp żgħir ta’ nies jew kumpaniji globali li jagħmlu profitt kbir minn fuq dahar l-ambjent, il-klima, il-bijodiversità u l-popolazzjoni lokali u jħallu warajhom art meqruda.
1.3. Huwa minnu li s-sitwazzjoni attwali, hekk kif semmiet il-Kummissjoni, inħolqot minn fatturi ekonomiċi diretti, reġimi inċerti dwar is-sjieda tal-art u sistemi amministrattivi korrotti u inkompetenti. Madanakollu l-pajjiżi li lejhom jiġu esportati dawn il-prodotti jaħtu wkoll. Fost dawn il-pajjiżi nsibu l-pajjiżi tal-UE. Il-Kumitat għalhekk jinsab sodisfatt bil-ħsieb tal-Kummissjoni li tevalwa l-kontribut dirett u indirett tal-UE lejn is-sitwazzjoni u l-konsewgenzi ta’ din l-azzjoni.
1.4. Hija deċiżjoni tajba li l-UE taqdi rwol mexxej fil-ġlieda kontra d-deforestazzjoni. Il-komunità internazzjonali ser ikollha tagħti l-kontribut finanzjarju tagħha wkoll. F’dan ir-rigward il-Kumitat jitlob lil dawk li jfasslu l-politiki sabiex jirrispettaw ċerti prinċipji. Il-prinċipju bażiku dejjem għandu jkun dak ta’ “min iniġġes iħallas”. Dan ifisser li min – legalment – iwettaq attivitajiet ta’ ħsara għall-ambjent ikollu jħallas l-ispejjeż marbuta. B’hekk il-pass tal-“internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni” li talab kemm-il darba l-KESE ikun pass li jittieħed fil-livell globali u jitfassal b’konformità mal-prinċipiji tal-WTO. Il-prinċipju “il-pubbliku jħallas” m’għandux jieħu post il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” f’sitwazzjoni fejn dawk li jħallsu t-taxxi jew inkella l-amministrazzjoni pubblika jkollhom iħallsu sabiex ma ssirx ħsara fuq l-ambjent.
1.5. Il-pajjiżi li jixtiequ jisfruttaw l-istrumenti finanzjarji biex jiġġieldu d-deforestazzjoni jew id-degradazzjoni tal-foresti għandhom jiddikjaraw b’mod ċar li mhumiex interessati “fil-bejgħ tal-indulġenzi” iżda fl-iżvilupp sostenibbli. Il-ġlieda kontra l-qtugħ illegali tas-siġar u l-industrija illegali tal-injam għandha tkun l-ewwel prova tagħhom. Ma jagħmilx sens li nagħtu flus lill-pajjiżi li m’għandhom l-ebda ħajra li jiġġieldu l-qtugħ illegali tas-siġar, bil-għajnuna tal-UE jew mingħajrha.
1.6. Minkejja li l-miżuri individwali li tixtieq tintroduċi l-UE sabex issolvi din il-problema globali għadhom ma ġewx żviluppati sal-aħħar, diġà juru biċ-ċar li l-biċċa l-kbira tagħhom ser ikunu miżuri volontarji (1). Madanakollu jidher ċar li l-komunità internazzjonali, li hija bbażata fuq il-liberalizzazzjoni u l-globalizzazzjoni, malajr tistabbilixxi l-limiti tagħha f’dak li għandu x’jaqsam mal-ġlieda globali kontra l-isfruttament ekoloġiku u soċjali. Għad m’hemmx strumenti globali u effettivi biżżejjed għalhekk nitolbu lill-UE sabiex għall-inqas tiżgura li fil-qafas tal-WTO, l-inizjattivi li jittieħdu f’dan il-qasam ma jitqiesux bħala “ostakli kummerċjali”.
1.7. Il-KESE lest li jilqa’ dan l-approċċ volontarju mandanakollu jistenna li l-UE twettaq reviżjoni ta’ nofs it-term wara mhux aktar tard minn tliet snin sabiex teżamina jekk il-miżuri kellhomx effett u jekk l-għanijiet humiex qed jintlaħqu. Jekk ir-reviżjoni tikkonkludi li d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti għadha għaddejja għandna nieħdu miżuri aktar stretti.
1.8. Is-sistemi ta’ ċertifikazzjoni jistgħu jkunu mezz inizjali ta’ kif niksbu titjib. Dawn m’għandhomx japplikaw għall-injam u l-prodotti tal-injam importati kollha biss iżda anki għall-prodotti oħra tar-reġjuni rilevanti (pereżempju, l-għalf jew il-bijomassa għall-produzzjoni tal-enerġija).
1.9. Il-KESE huwa tal-fehma li d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti huma eżempju li juri li, għall-inqas fir-reġjuni kkonċernati, il-politika tal-iżvilupp falliet. Ma ġewx żviluppati mudelli innovattivi, sostenibbli u adattati għar-reġjuni li setgħu ħarsu lir-riżorsi naturali mill-istati li jinsabu fihom illum. Madanakollu qatt ma huwa tard wisq li nippromovu approċċi ġodda flimkien mal-popolazzjoni lokali u għall-ġid tagħha. Il-kunsiderazzjonijiet strateġiċi tal-Kummissjoni għandhom jinkludu inizjattivi adattati għall-iżvilupp ta’ strutturi demokratiċi u l-appoġġ tas-soċjetà ċivili. Il-KESE lest li jagħti l-għajnuna tiegħu sabiex dan ikun jista’ jseħħ.
2. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea
2.1. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni mhijiex ibbażata fuq il-foresti tal-UE. Hija tindirizza l-kwistjoni ta’ kif fil-ġejjieni ser inħarsu aħjar il-foresti li mhumiex koperti minn ftehimiet internazzjonali bħal pereżempju fil-qafas tal-bidla fil-klima.
2.2. Skont l-istimi tal-FAO, kull sena jintilfu madwar 13-il miljun ettaru ta’ foresti, żona ta’ madwar id-daqs tal-Greċja. 96 % tad-deforestazzjoni reċenti seħħet f’reġjuni tropikali u l-ikbar telf nett ta’ kopertura forestali bejn l-2000 u l-2005 ġie rreġistrat f’għaxar pajjiżi (2).
2.3. Id-deforestazzjoni sseħħ minħabba fatturi kumplessi u differenti iżda fl-istess ħin sempliċi. Fi wħud mill-istqarrijiet tagħha l-Kummissjoni tinnota li ċerti prattiki li mhumiex sostenibbli jistgħu jrendu profitt kbir mil-lat ekonimiku. Hija tgħid pereżempju li: “Il-foresti jinqerdu għaliex iktar irendi u jwassal għall-qligħ malajr li l-art tintuża għal għanijiet oħra milli li l-foresti jinżammu bla mittiefsa”u li“l-użi alternattivi ta’ art b’valur għoli tas-suq li jispiċċaw iħallu l-qligħ, bħal fil-każ tal-kisba tal-komoditajiet, jipprovdu l-inċentivi għad-deforestazzjoni”. Hija tistqarr ukoll li “għandu jkun espliċitament rikonoxxut li waħda mill-kawżi ewlenin tad-deforestazzjoni hija waħda ekonomika”.
2.4. Il-Komunikazzjoni tgħid ukoll li l-iżvilupp li sar fl-infrastruttura huwa kawża oħra tad-deforestazzjoni kontinwa. Dwar dan il-Kummissjoni tistqarr li: “Il-kawża tal-qiegħ l-aktar importanti hija l-governanza ineffettiva, marbuta ma’ politiki tal-użu tal-art li ma jkunux infurzati sew u reġimi inċerti dwar is-sjieda tal-art”.
2.5. Dan l-iżvilupp għandu bosta konsegwenzi:
— |
Id-deforestazzjoni hekk kif inhi deskritta fit-test tal-Kummissjoni tikkawża madwar 20 % tal-emissjonijiet globali tad-dijossidu tal-karbonju (CO2) u s’issa għadhom ma jeżistux mekkaniżmi li jtaffu l-impatt kbir ta’ dan il-fattur fuq il-bidla fil-klima. Huwa proprju dan il-fattur li tfittex li tindirizza l-Kummissjoni b’kunsiderazzjoni tal-konferenza dwar il-klima mistennija li ssir f’Kopenhagen lejn l-aħħar tas-sena. |
— |
Madanakollu l-Kummissjoni tiċċara wkoll il-fatt li din mhijiex kwistjoni li tolqot il-ħarsien tal-klima biss. Madwar nofs l-ispeċijiet dinjija tal-pjanti u l-amminali jinsabu fil-foresti tropikali. Jekk inwaqqfu d-deforestazzjoni inkunu qed nagħtu kontribut importanti sabiex inwaqqfu wkoll it-telf tal-bijodiversità, li huwa impenn ieħor tal-komunità internazzjonali. |
— |
Il-Komunikazzjoni tiġbed l-attenzjoni lejn id-diversi konsegwenzi soċjali negattivi li jista’ jkollhom id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti mhux fiż-żoni żvantaġġati biss iżda anki fost il-popli indiġeni li qed jitilfu l-ambjent naturali tagħhom. |
2.6. Il-Komunikazzoni tippreżenta wkoll kalkoli tal-valur ekonomiku tal-foresti tropikali. Hija tgħid ukoll li, skont tbassir li sar, jekk ir-rati tad-deforestazzjoni jibqgħu kif inhuma 5 % tal-PGD ser jintilef sal-2050 (3) u tinnota wkoll il-potenzjal li jeżisti fit-tnaqqis tal-gassijiet b’effett ta’ serra li jista’ jinkiseb għal prezz relattivament baxx għal kull tunnellata ta’ CO2 li tiġi ffrankata.
2.7. Il-Kummissjoni tistqarr biċ-ċar li “Issa ż-żmien għal azzjoni deċiżiva”. Hija tistipula l-għan li t-telf“globali tal-foresti jitwaqqaf sa mhux aktar tard mill-2030 u titnaqqas id-deforestazzjoni tropikali grossa b’mill-inqas 50 % sal-2020 meta mqabbel mal-livelli attwali.” Dan huwa l-għan li tixtieq tippreżenta l-Kumissjoni fin-negozjati ta’ wara Kyoto.
2.8. Fil-qosor, il-Kummissjoni temmen fl-importanza li nħarsu r-riżorsi tal-foresti globali u temmen li l-Ewropa “għandha tkun minn ta’ quddiem fit-tfassil tar-reazzjoni politika globali għad-deforestazzjoni.”
2.9. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ssemmi diversi oqsma li fihom l-UE tista’ tagħti kontribut fil-qafas tal-politika stabbilita:
— |
Minn naħa l-Komunikazzjoni tippreżenta bosta mezzi għall-promozzjoni sostenibbli tal-injam u tal-prodotti tal-injam. Din kwistjoni ċentrali għax l-UE hija konsumatur ewlieni tal-injam u l-prodotti tal-injam. Fl-2005 biss, ġew importati 83 miljun m3 ta’ injam u prodotti tal-injam fis-suq tal-UE, esklużi l-polpa u l-karta. Il-Kummissjoni tbassar li 19 % tal-injam impurtat huwa injam ikkultivat illegalment. |
— |
Min-naħa l-oħra tgħid li għandha ssir aktar ħidma biex jiġi evalwat aħjar l-impatt li għandhom il-politiki tal-UE li għandhom x’jaqsmu ma’ prodotti li mhumiex tal-injam fuq il-foresti. Hija tinnota pereżempju li: “Hemm għadd ta’ rabtiet bejn id-domanda għall-komoditajiet agrikoli u l-pressjonijiet fuq l-użu tal-art.” Għalhekk tistqarr li ser twettaq studji “tal-impatt tal-konsum tal-UE fuq l-ikel impurtat u l-komoditajiet li mhumiex tal-ikel (eż. laħam, fażola tas-soja, żejt tal-palm, metalli minerali) li x’aktarx jikkontribwixxu għad-deforestazzjoni”. Permezz ta’ dawn l-istudji jistgħu jitqiesu l-għażliet ta’ politika li jeżistu sabiex jitnaqqas dan l-impatt. |
2.10. Flimkien mal-politika li teżisti, il-Komunikazzjoni tiġbed l-attenzjoni lejn l-ammont, is-sorsi ta’ finanzjament u l-mekkaniżmi li jeżistu u li jistgħu jintużaw fil-ġlieda kontra d-deforestazzjoni.
— |
Il-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni jikkonkludi li hemm bżonn ta’ bejn EUR 15 u EUR 25 biljun fis-sena sabiex id-deforestazzjoni titnaqqas bin-nofs sal-2020. L-UE tassumi li “fil-pajjiżi żviluppati jeħtieġ li jiġu allokati riżorsi konsiderevoli sabiex tiġi affrontata d-deforestazzjoni”. |
— |
Il-Komunikazzjoni tqis id-diversi mekkaniżmi ta’ finanzjament li jistgħu jiġu żviluppati. Ir-rikonoxximent tal-krediti tal-foresti fis-sistema tal-UE tal-iskambju tal-emissjonijiet (ETS) mhijiex sistema realistika bħalissa għax l-emissjonijiet mid-deforestazzjoni huma bejn wieħed u ieħor tliet darbiet ogħla mill-ammont tal-emissjonijiet regolati mill-ETS tal-UE. Ladarba jiġu stabbiliti u interkonnessi sistemi ta’ skambju tal-emissjonijiet globali, jibda jagħmel aktar sens li jintużaw il-krediti tal-foresta għall-iffinanzjar tal-ħarsien tal-foresti. |
— |
Sehem kbir mill-finanzjament tal-UE jista’ jiġi mid-dħul tal-irkant tal-kwoti fi ħdan l-UE ETS. Jekk 5 % tad-dħul mill-irkant jintuża għall-isforzi globali għall-ġlieda kontra d-deforestazzjoni, jistgħu jinġabru bejn EUR 1,5 u 2,5 biljun sal-2020. |
2.11. Fil-kuntest tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCC), għall-perijodu 2013-2020, l-UE qed taħdem lejn l-għan li tistabbilixxi skema ta’ inċentivi appoġġjata fil-livell internazzjonali sabiex titnaqqas id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti fil-pajjiżi żviluppati.
— |
Din l-iskema tista’ tinkludi t-twaqqif ta’ Mekkaniżmu Globali tal-Karbonju tal-Foresti li jippermetti lill-pajjiżi żviluppati li jagħtu s-sehmhom biex jilħqu l-għan tat-tnaqqis tal-emissjonijiet li ġie stabbilit fil-livell globali billi jieħdu azzjoni sabiex inaqqsu l-emissjonijiet li jirriżultaw mid-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti; id-dettalji istituzzjonali u operattivi għadhom iridu jitfasslu. |
— |
L-inklużjoni tad-deforestazzjoni fis-swieq tal-karbonju hija l-għan stabbilit fuq tul ta’ żmien. |
3. Kummenti ġenerali
3.1. Il-Kumitat jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u l-fatt li l-UE tixtieq taqdi rwol mexxej biex issib soluzzjoni għal problema magħrufa li ilha tiġi diskussa snin twal. In-negozjati li jmiss bil-għan li jsir ftehim dwar il-klima huma l-qafas tajjeb sabiex dan ikun jista’ jseħħ.
3.2. Il-KESE jemmen li hija ħasra kbira li s’issa l-komunità internazzjonali m’għamlet kważi xejn biex tindirizza d-deforestazzjoni. Kien hemm bosta raġunijiet li jiġġustifikaw azzjoni f’dan ir-rigward. It-telf tal-bijodiversità minħabba d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti, il-qerda tar-riżorsi naturali li jiddependu minnhom il-popli indiġeni, l-isfruttament tal-ħaddiema u t-tkeċċija tal-bdiewa ż-żgħar mill-artijiet tal-antenati tagħhom mhumiex fenomeni ġodda. Il-ħarsien tal-klima hija biss opportunità oħra li nittrattaw problema antika b’enerġija ġdida.
3.3. Sa ċertu punt il-KESE jifhem il-punt tal-Kummissjoni li l-Komunikazzjoni “mhix maħsuba biex tagħti tweġibiet definittivi lill-bosta kwistjoniiet marbuta mad-deforestazzjoni”. Madankollu huwa jistenna li l-Kummissjoni ma tkomplix twarrab lit-tema. Wasal iż-żmien li tieħu azzjoni.
3.4. Il-Kumitat jilqa’ l-istqarrijiet ċari tal-Kummissjoni dwar x’qed joħloq d-deforestazzjoni. Il-Kummissjoni tistqarr l-problema tal-użu ħażin tal-art ġejja l-iżjed minn interessi ekonomiċi fuq tul qasir ta’ żmien. Ir-reġimi inċerti dwar is-sjieda tal-art u sistemi amministrattivi ineżistenti, dgħajfa fejn jidħol l-infurzar tal-liġijiet jew saħansitra korrotti qed jikkawżaw qerda problematika ħafna mil-lat globali u li ma tqis xejn il-ħtiġijiet tal-popolazzjoni lokali.
3.5. Il-KESE jagħraf li l-popli ta’ kull reġjun fid-dinja jeħtieġu perspettivi ta’ żvilupp ekonomiku. Il-Kumitat innifsu ilu snin li ħoloq djalogu mill-qrib mal-gruppi tas-soċjetà ċivili, pereżempju ma’ dawk tal-Amerika Ċentrali u Latina, l-Indja u ċ-Ċina, sabiex jinstabu soluzzjonijiet xierqa. Madanakollu d-degradazzjoni u l-qerda tal-foresti li tiddiskuti l-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha m’għandhom x’jaqsmu xejn ma’ żvilupp reġjonali xieraq. Is-sitwazzjoni hija waħda ta’ sfruttament tan-nies u tal-ambjent mingħajr l-ebda kunsiderazzjoni ta’ żvilupp sostenibbli.
3.6. F’pajjiżi li qed jesperjenzaw deforestazzjoni fuq skala kbira, ħafna bdiewa qed jaqtgħu s-siġar u jqabbdu l-foresti sabiex ikunu jistgħu jużaw l-art għall-ħrit jew għat-trobbija tal-annimali. Din il-ħela tar-riżorsi naturali mhijiex sostenibbli u hija kkawżata minn tqassim tal-art inġust u n-nuqqas ta’ xi tip ta’ politika agrikola f’dawn l-oqsma.
3.7. F’dawn il-postijiet l-użu tal-art ħafna drabi jitmexxa minn grupp żgħir ta’ nies jew kumpaniji globali li jagħmlu profitt kbir minn fuq dahar l-ambjent, il-klima, il-bijodiversità u l-popolazzjoni lokali u jħallu warajhom art meqruda. Bosta eżempji pożittivi (4) juru madanakollu li jeżistu soluzzjonijiet oħra u li r-riżorsi lokali jistgħu jintużaw b’mod sostenibbli u jservu b’hekk ta’ sorsi ta’ qligħ u possibbiltajiet ta’ żvilupp għall-popolazzjoni lokali. Dawn l-eżempji jistħoqqilhom appoġġ.
3.8. Minkejja li l-impatt tal-qerda jinħass l-aktar fil-livell lokali, il-bidla fil-klima u t-telf tal-bijodiversità iħallu l-impatt globali tagħhom ukoll. Dan ifisser li l-qerda tolqotna lkoll u għalhekk kollha għandna nagħtu sehmna sabiex insolvu l-problema.
3.9. Ftit li xejn jagħmel sens li l-pajjiżi żviluppati jippuntaw subgħajhom lejn is-sitwazzjoni drammatika fil-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw. Is-sitwazzjoni hija problema tagħna wkoll: ħafna mill-prodotti – materja prima mhux maħduma, prodotti fil-fażi bikrija tal-ipproċessar – ma jinbigħux lokalment iżda ġeneralment il-bogħod, fil-pajjiżi żviluppati. Id-domanda għal dawn il-prodotti “rħas” teżisti anki fl-Ewropa.
3.10. Nilqgħu għalhekk il-fatt li l-Kummissjoni tindirizza b’kollox dawn it-tliet kwistjonijiet:
1. |
X’sehem għandha l-UE fil-qerda li qed isseħħ f’dawn il-postijiet (u kif jista’ jitnaqqas)? |
2. |
L-UE (u l-Istati Membri tagħha) kif tista’ tagħti kontribut fil-prevenzjoni tal-prattiki illegali jiġifieri l-qerda li ma sseħħx fl-interess tal-pajjiż ikkonċernat? X’jista’ jsir sabiex niżviluppaw prattiki tal-użu tal-art ibbażati fuq il-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-bżonnijiet tal-popolazzjoni lokali? |
3. |
Kif nistgħu niżviluppaw mekkaniżmi ta’ finanzjament li jneħħu l-pressjoni minn fuq id-deforestazzjoni? |
3.11. Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni, flimkien ma’ istituzzjonijiet oħra qed taħdem bis-sħiħ sabiex issaħħaħ id-dibattitu dwar il-bidla fil-klima u l-ħarsien tal-bijodiversità permezz tal-fatti ekonomiċi. Fost l-eżempji ewlenin ta’ dan insibu r-Rapport ta’ Stern li jiċċara l-fatt li bidla ambizzjuża ser tiswilna ħafna anqas mill-ispejjeż li ser ikollna nħallsu jekk ma nindirizzawx il-bidla fil-klima u r-Rapport ta’ Sukhdev li jissemma fid-dokument tal-Kummissjoni u li jiġbor il-valur ekonomiku ta’ bijodiversità sana.
3.12. Madanakollu dawn l-istudji u l-kalkoli huma eżempju ieħor tal-fatt li l-valur ekonomiku li jiddeskrivu jeżisti biss fil-karti. u la jżidu l-PGD, la jirriflettu ruħhom fil-bilanċ ekonomiku tal-kumpaniji u lanqas ma jistgħu jiġu skambjati fil-borża. Għall-kuntrarju, l-eżempju tad-deforestazzjoni juri biċ-ċar id-distakk kbir li jeżisti bejn il-profitt fuq tul qasir ta’ żmien (li huwa l-kawża tad-deforestazzjoni) u l-interessi dejjiema tal-ekonomija sħiħa (fejn il-foresti jitħarsu sabiex jipproteġu l-klima u l-bijodiversità tal-foresti).
3.13. L-isfruttament fil-ħela tar-riżorsi tagħna qed iseħħ minn fuq dahar il-ġid komuni ta’ kulħadd. L-ikbar sfida tagħna hija għalhekk li nwettqu l-“internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni” u b’hekk nippromovu l-prinċipju li tant ilu jiġi reklamant ta’ “min iniġġes iħallas” sabiex jintlaqa’ aħjar. L-istudji li semmejna u ċ-ċifri li jinsabu fir-rapport tal-Kummissjoni jindikaw is-somma involuta.
3.14. Il-KESE jagħraf li, hekk kif għamlet il-Kummissjoni fid-dokument tagħha, jeħtieġ li jingħataw l-inċentivi sabiex tieqaf id-deforestazzjoni. Huwa jemmen madanakollu li għandu jiġi osservat il-prinċipju importanti li l-fondi pubbliċi ma jingħatawx lill-kumpaniji jew lill-individwi bħala inċentiv li huwa ta’ ħsara kollettiva. Jeħtieġ li dejjem isir sforz sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet qafas globali li permezz tagħhom jistgħu jiġu evitati u eliminati l-azzjonijiet li huma ta’ ħsara. Dan prinċipju li għandha tħaddan l-UE anki matul in-negozjati ta’ Kopenhagen. Fejn issir xi ħsara għandna nirrispondu permezz tal-applikazzjoni konsistenti tal-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” u mhux “tal-pubbliku jħallas” sabiex ma ssirx ħsara.
3.15. Il-pajjiżi li fil-futur jixtiequ jisfruttaw l-istrumenti finanzjarji sabiex jiġġieldu d-deforestazzjoni jew id-degradazzjoni tal-foresti għandhom jiddikjaraw b’mod ċar li mhumiex interessati “fil-bejgħ tal-indulġenzi” iżda fl-iżvilupp sostenibbli dejjiemi. Il-ġlieda kontra l-qtugħ illegali tas-siġar u l-industrija illegali tal-injam tista’ tkun “l-ewwel prova” tagħhom. Il-pajjiżi kkonċernati jeħtieġ li jiċċaraw il-fatt li huma, bil-għajnuna tal-gvern jew mingħajrha, jixtiequ li jaħdmu tassew sabiex jeqirdu dawn il-prattiki illegali. Il-KESE jemmen li huwa importanti ħafna li jenfasizza li l-għan huwa li jinqerdu l-prattiki illegali u mhux li jiġu legalizzati. Fih innifsu pass bħal dan jista’ jtejjeb is-sitwazzjoni b’mod sinifikanti.
3.16. Min-naħa l-oħra l-pajjiżi kkonċernati għandhom juru biċ-ċar li huma interessati jieħdu azzjoni innovattiva, sostenibbli u xierqa għar-reġjun kontra d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti.
4. Kummenti speċifiċi
4.1. Ħafna drabi l-istqarrijiet tal-Kummissjoni kienu vagi kemm minħabba nuqqas ta’ għarfien jew nuqqas ta’ data speċifika kif ukoll minħabba li l-kunċetti li ġew ippreżentati għadhom ma ġewx żviluppati biżżejjed.
4.2. Jekk l-UE ma taħdimx iktar sabiex tiżviluppa mezzi ta’ kif tiġġieled id-degradazzjoni tal-foresti, ser tispiċċa fil-periklu li tiġi akkużata b’nuqqas ta’ interess.
4.3. L-amministraturi u l-politiċi tagħna ilhom żmien twil jaraw foresti jinqerdu u prodotti illegali jaslu fil-portijiet Ewropej. Minkejja li l-oriġini tal-kunsinna diffiċli tiġi traċċata minħabba li, pereżempju, il-materjal ikkonċernat ikun ġie inkorportat fi prodotti oħra jew għax ikunu ntużaw kodiċi differenti, s’issa jidher li ftit li xejn kien hemm rieda li tinstab soluzzjoni. Il-KESE jistenna li l-UE tagħmel sforz ferm ikbar sabiex tindirizza din il-kwistjoni ċentrali u globali. Ftit ilu l-KESE laqa’ l-fatt li l-UE ser tibrojbixxi l-prodotti tal-foki minkejja li l-gvern Kanadiż bil-liġi jippermetti l-kaċċa tal-foki. Is-soċjetà ċivili tistenna azzjoni simili fir-rigward tal-foresti.
4.4. Il-Komunikazzjoni lanqas ma hija speċifika dwar kemm l-ammont ta’ għalf impurtat fl-UE qed jikkawża direttament jew indirettament id-deforestazzjoni (5). Din il-kwistjoni kemm il-darba ħolqot dibattitu kontroversjali u l-Komunikazzjoni tirreferi għaliha wkoll (Punt 2.9). Il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni sabiex l-istudju li tistqarr li ser twettaq “tal-impatt tal-konsum tal-UE fuq l-ikel impurtat u l-komoditajiet li mhumiex tal-ikel (eż. laħam, fażola tas-soja, żejt tal-palm, metalli minerali) li x’aktarx jikkontribwixxu għad-deforestazzjoni” twettqu kemm jista’ jkun malajr sabiex tiċċara l-kwistjoni.
4.5. Fil-fehma tal-Kumitat, hekk kif l-UE żviluppat kriterji tas-sostenibbiltà għall-produzzjoni tal-materjali bażiċi mill-agrokarburanti, hekk ukoll għandha tagħmel għall-għalf, l-injam, il-prodotti tal-injam eċċ. Minkejja li għadna rridu naraw jekk ir-reġimi inċerti dwar is-sjieda tal-art u sistemi amministrattivi dgħafja hux ser iħalluna nibnu u nimplimentaw ftehim ta’ monitoraġġ kontinwu tal-kriterji tas-sostenibbiltà, il-kriterji innifishom huma approċċ importanti u tajjeb. Sabiex il-kriterji tas-sostenibbiltà jkunu effettivi jeħtieġ li jiġu introdotti fir-regoli tal-kummerċ dinji b’mod vinkolanti.
4.6. Id-deforestazzjoni hija eżempju ta’ kif il-komunità internazzjonali li hija bbażata fuq il-liberalizzazzjoni u l-globalizzazzjoni malajr tistabbilixxi l-limiti tagħha f’dak li għandu x’jaqsam mal-ġlieda globali kontra l-isfruttament ekoloġiku u soċjali. Għad m’hemmx strumenti globali u effettivi biżżejjed, għalhekk nitolbu lill-UE sabiex għall-inqas tiżgura li fil-qafas tal-WTO, l-inizjattivi li jittieħdu f’dan il-qasam ma jitqiesux bħala “ostakli kummerċjali.”
4.7. Il-Kumitat jifhem il-fatt ukoll li għad m’hemmx kunċetti ċari fir-rigward tal-finanzjament tal-miżuri f’dan il-qasam. In-negozjati dwar il-ħarsien tal-klima għandhom jintużaw għal dan il-għan.
4.8. Madanakollu, fil-futur l-approċċ m’għandux ikun ibbażat fuq trasferiment tal-flus skont kriterji partikolari (ara fuq). Qabel ma nkunu nistgħu nikkonkludu n-negozjati b’suċċess, il-pajjiżi kkonċernati għandhom jistabbilixxu l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex tinstab soluzzjoni għall-problema. Mingħajr drittijiet tal-parteċipazzjoni demokratiċi u li jaħdmu, li jippermettu lill-popolazzjoni lokali li ssemma’ leħinha dwar l-iżvilupp fir-reġjun, mingħajr rikonoxximent tad-drittijiet tal-popli indiġeni (li jammontaw għal madwar 60 miljun) u tal-bdiewa ż-żgħar u mingħajr sistemi amministrattivi li jaħdmu mingħajr korruzzjoni, ser ikun impossibbli li nwaqqfu l-isfruttament illegali u li niżviluppaw strateġiji xierqa ta’ żvilupp sabiex niġġilduh. Dwar dan, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ma ssemmi kważi xejn u dan għandu jitqies bħala punt dgħajjef tagħha.
4.9. Il-KESE huwa tal-fehma li d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti b’xorti ħażina huma eżempju li juri li, għall-inqas fir-reġjuni kkonċernati, il-politika tal-iżvilupp falliet. Ma ġewx żviluppati mudelli innovattivi, sostenibbli u xierqa għar-reġjuni li setgħu ħarsu lir-riżorsi naturali mill-istat li jinsabu fih illum. Madanakollu qatt ma huwa tard wisq li nippromovu approċċi ġodda flimkien mal-popolazzjoni lokali u għall-ġid tagħha. Il-kunsiderazzjonijiet strateġiċi tal-Kummissjoni għandhom jinkludu inizjattivi xierqa għall-iżvilupp ta’ strutturi demokratiċi u l-appoġġ tas-soċjetà ċivili. Il-KESE lest li jagħti l-għajnuna tiegħu sabiex dan ikun jista’ jseħħ.
Brussell, l-14 ta’ Mejju 2009.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq tal-Komunità l-injam u prodotti tal-injam”, Opinjoni tal-KESE dwar din il-proposta NAT/420 APA R/CESE 543/2009.
(2) Il-Brażil, l-Indoneżja, is-Sudan, Myanmar, iż-Żambja, it-Tanżanija, in-Niġerja, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, iż-Żimbabwe, il-Venezwela.
(3) Reviżjoni ta’ nofs it-term L-ekonomija tal-ekosistimei u l-bijodiversità (TEEB), is-Sur Pavan Sukhdev.
(4) Pereżempju l-proġett ta’ kooperazzjoni bejn l-Università ta’ Hohenheim (il-Ġermanja) u l-Universita Statali ta’ Leyte (il-Filippini) intitolat “Rainforestation farming”. Għal aktar informazzjoni: http://troz.uni-hohenheim.de/innovations/InnovXtr/RFFS/.
(5) L-istess jgħodd ukoll għall-agrokarburanti eċċ.