19.6.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 160/8 |
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni prattika tal-iskema ta' sostenibbiltà tal-UE għal bijokarburanti u bijolikwidi u dwar ir-regoli tal-għadd għal bijokarburanti
2010/C 160/02
1. L-ISKEMA TA' SOSTENIBBILTÀ TAL-UE GĦAL BIJOKARBURANTI U BIJOLIKWIDI
Bil-politika l-ġdida tal-UE dwar l-enerġija minn sorsi rinnovabbli, l-UE introduċiet l-aktar skema komprensiva u avvanzata vinkolanti tat-tip tagħha fid-dinja kollha. Din se tapplika għall-bijokarburanti u bijolikwidi prodotti domestikament u dawk importati. Dawn il-kriterji ta' sostenibbiltà huma stipulati fid-Direttiva dwar l-Enerġija minn Sorsi Rinnovabbli, adottata fl-2009. (1) Għall-bijokarburanti, id-direttiva dwar il-kwalità tal-fjuwil tistabbilixxi l-kriterji korrispondenti. (2)
Din il-Komunikazzjoni tistipula kif l-Istati Membri u l-operaturi ekonomiċi jistgħu jimplimentaw fil-prattika l-kriterji ta' sostenibbiltà u r-regoli tal-għadd għal bijokarburanti Direttiva dwar l-Enerġija minn Sorsi Rinnovabbli. Din il-Komunikazzjoni mhijiex ta' natura vinkolanti. Hija mfassla sabiex tassisti lill-Istati Membri u biex tiffaċilita l-implimentazzjoni konsistenti tal-kriterji ta' sostenibbiltà. Hija akkumpanjata minn Komunikazzjoni dwar skemi volontarji u valuri awtomatiċi u minn linji gwida tal-Kummissjoni għall-kalkolu tal-ħażniet tal-karbonju tal-art.
1.1. Daħla għal din il-Komunikazzjoni
Il-kriterji ta' sostenibbiltà japplikaw għall-bijokarburanti/bijolikwidi prodotti fl-UE u għall-bijokarburanti/bijolikwidi importati.
L-Istati Membri huma responsabbli biex jiżguraw li l-kriterji ta' sostenibbiltà jintlaħqu meta l-bijokarburanti/bijolikwidi:
(1) |
jistgħu jingħaddu biex jintlaħqu l-miri tagħhom tal-enerġija rinnovabbli skont id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (3); |
(2) |
jintużaw għall-konformità mal-obbligi tal-enerġija rinnovabbli (4); |
(3) |
jirċievu appoġġ finanzjarju għall-konsum tagħhom (5); |
(4) |
jgħinu biex tintlaħaq il-mira tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Karburant għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra (il-bijokarburanti biss) (6); |
(5) |
jirċievu investiment u/jew għajnuna operattiva skont il-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-istat għall-ħarsien tal-ambjent (il-bijokarburanti biss) (7); |
(6) |
jitqiesu skont id-dispożizzjonijiet għall-vetturi li jaħdmu b'karburant alternattiv tar-Regolament dwar is-CO2 minn vetturi tal-passiġġieri (“E85” bijoetanol biss) (8). |
Din il-Komunikazzjoni hija akkumpanjata bil-linji gwida tal-Kummissjoni għall-kalkolu tal-ħażniet tal-karbonju tal-art (9) – dokument vinkolanti adottat skont il-punt 10 tal-Anness V għad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli; u b'Komunikazzjoni dwar l-iskemi volontarji u l-valuri awtomatiċi (10).
Din il-Komunikazzjoni tuża n-numri tal-artikoli tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli biex tirreferi għal dispożizzjonijiet speċifiċi. It-tabella tindika fejn jinsabu id-dispożizzjonijiet korrispondenti għal bijokarburanti fid-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Karburanti. Ir-referenzi f'din il-Komunikazzjoni għal “id-Direttiva” jirreferu għad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli. Meta d-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Karburanti jkollha dispożizzjoni korrispondenti, japplikaw ugwalment għal dik id-Direttiva.
Tabella: Artikoli u annessi msemmija f'din il-Komunikazzjoni
Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli |
Direttiva dwar il-Kwalità tal-Karburanti |
Artikolu 2: Definizzjonijiet |
mhux inkluż |
Artikolu 5: Kalkolu tas-sehem ta' enerġija minn sorsi rinnovabbli |
mhux inkluż |
Artikolu 17: Kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijokarburanti u bijolikwidi |
Artikolu 7b: Kriterji ta' sostenibbiltà għall-bijokarburanti |
Artikolu 18: Verifika tal-konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijokarburanti u bijolikwidi |
L-Artikolu 7c: Verifika tal-konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijokarburanti |
Artikolu 19: Kalkolu tal-impatt tal-gassijiet b'effett ta' serra tal-bijokarburanti u bijolikwidi oħra |
Artikolu 7d: Kalkolu tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra tul iċ-ċiklu tal-ħajja mill-bijokarburanti |
Artikolu 21: Dispożizzjonijiet speċifiċi relatati mal-enerġija minn sorsi rinnovabbli għat-trasport |
mhux inkluż |
Artikolu 24: Pjattaforma ta' trasparenza (11) |
mhux inkluż (12) |
Anness III: Kontenut ta’ enerġija fil-karburanti għat-trasport |
mhux inkluż |
Anness V: Regoli għall-kalkolu tal-impatt tal-gassijiet b'effett ta' serra tal-bijokarburanti, bijolikwidi u l-komparaturi tal-karburant fossili tagħhom |
Anness IV: Regoli għall-kalkolu tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra tul fiċ-ċiklu tal-ħajja mill-bijokarburanti |
2. AMBITU U APPLIKAZZJONI TAL-KRITERJI TA' SOSTENIBBILTÀ
Id-Direttiva fiha l-kriterji ta' sostenibbiltà relatati mal-iffrankar tal-gassijiet b'effett ta' serra (13), l-art b’valur għoli ta’ bijodiversità (14), l-art b’ħażna għolja ta’ karbonju (15) u l-prattiki agroambjentali (16). Dawn il-kriterji ta' sostenibbiltà jridu jintlaħqu għall-finijiet elenkati fit-Taqsima 1. Dan ifisser li l-kriterji ma japplikawx għal bijokarburanti/bijolikwidi kollha, imma għal dawk biss li huma koperti b'dawn il-finijiet – għalkemm attwalment dawn jinkludu l-maġġoranza l-kbira tagħhom.
2.1. Kriterji relatati mal-iffrankar tal-gassijiet b'effett ta' serra u mal-art
L-Istati Membri għandhom jitolbu lill-operaturi ekonomiċi biex juru li l-bijokarburanti u l-bijolikwidi konċernati huma konformi mal-kriterji ta' sostenibbiltà relatati mal-iffrankar ta' gassijiet b'effett ta' serra u mal-art (17). L-operaturi ekonomiċi għandhom tliet metodi biex iwettqu dan:
(1) |
Billi jipprovdu lill-awtorità nazzjonali rilevanti b'dejta, f'konformità mar-rekwiżiti li l-Istati Membri stipulaw (“sistema nazzjonali”; l-Istati Membri kollha għandhom jipprovdu waħda) (18); |
(2) |
Bl-użu ta' “skema volontarja” li l-Kummissjoni rrikonoxxiet għal dan il-fini (19); |
(3) |
Skont it-termini ta' ftehim bilaterali jew multilaterali konkluż mill-Unjoni u li l-Kummissjoni rrikonoxxiet għal dan il-fini (20). |
Jistgħu jintużaw metodi differenti biex tintwera l-konformità ma' kriterji differenti.
L-Istati Membri jeħtieġ li jiddefinixxu liema huma l-operaturi ekonomiċi li jeħtieġ li jippreżentaw it-tagħrif konċernat. Il-biċċa l-kbira tal-karburanti huma soġġetti għad-dazju tas-sisa li jitħallas meta jinħareġ għall-konsum (21). L-għażla ovvja hi li r-responsabbiltà għall-preżentazzjoni tat-tagħrif dwar il-bijokarburanti titqiegħed fuq l-operatur ekonomiku li jħallas id-dazju. F'dan il-waqt it-tagħrif fir-rigward tal-kriterji ta' sostenibbiltà tul il-katina kollha tal-karburanti għandu jkun disponibbli (22).
Għall-bijolikwidi u għal ċerti bijokarburanti, eż. dawk użati fil-flotot jew mezzi tal-avjazzjoni li jkollhom rotta stabbilita, jistgħu jkunu meħtieġa dispożizzjonijiet separati biex jiġi identifikat l-operatur ekonomiku responsabbli.
L-Istati Membri għandhom jesiġu li l-operaturi ekonomiċi jagħmlu arranġamenti għal standard xieraq ta' verifika indipendenti tat-tagħrif ippreżentat (23). Meta l-operaturi ekonomiċi jużaw skema volontarja jew ftehim bilaterali/multilaterali rikonoxxut mill-Kummissjoni biex juru l-konformità mal-kriterji ta' sostenibbiltà, din tkun diġà twettqet permezz tar-rikonoxximent. Meta l-operaturi ekonomiċi jsegwu proċedura stipulata fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-Istati Membri jkunu mistiedna li jagħmlu użu mir-rekwiżiti fir-rigward tal-istandard ix-xieraq ta' verifika indipendenti u s-sistema ta' bilanċ tal-massa (24) fit-Taqsima 2.2 tal-Komunikazzjoni dwar skemi volontarji u valuri awtomatiċi (25).
2.2. Rekwiżiti agrikoli u ambjentali u standards għall-bdiewa tal-UE (26)
Il-kriterju relatat mar-rekwiżiti u l-istandards agrikoli u ambjentali għall-bdiewa tal-UE japplika biss għall-bijokarburanti/bijolikwidi prodotti minn materja prima li toriġina mill-UE. B'differenza mill-kriterji l-oħra, il-verifika ta' konformità għal dan il-kriterju mhijiex indirizzata fid-Direttiva (27). L-Istati Membri jistgħu jiġu mistennija li jafdaw fuq is-sistemi ta' kontroll eżistenti (28) biex jiġi żgurat li l-bdiewa jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti. Jekk hemm bdiewa fuq it-territorju tagħhom li jipproduċu materja prima għal bijokarburanti/bijolikwidi iżda mhumiex koperti b'dawn is-sistemi ta' kontroll, l-Istati Membri huma meħtieġa li jinkluduhom.
Jekk sistema ta' kontroll tikxef ksur ta' dan il-kriterju, l-Istat Membru jeħtieġ li jiżgura li dan jitqies għall-finijiet elenkati fit-Taqsima 1.
2.3. Materjali koperti
Kif stipulat fid-Direttiva, “bijokarburant” tfisser karburant likwidu jew fi stat ta' gass għat-trasport prodott minn bijomassa. “Bijolikwidi” tfisser karburant likwidu prodott minn bijomassa għal finijiet ta' enerġija għajr dawk ta' trasport (29). Dan tal-aħħar jinkludi biss il-karburanti likwidi. Dan ifisser li l-kriterji ta' sostenibbiltà japplikaw għal bijogass għat-trasport u mhux għal bijogass użat għat-tisħin jew l-elettriku.
Għalkemm jissemmew ħafna tipi ta' bijokarburanti fid-Direttiva (30), dawn l-elenki qegħdin hemm biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tad-Direttiva u mhumiex eżawrjenti. Il-bijokarburanti u l-bijolikwidi li mhumiex elenkati jistgħu jgħinu wkoll biex jintlaħqu l-miri tad-Direttiva.
Huwa meqjus li t-terminu “bijolikwidi” jinkludi likwidi viskużi bħal żejt mormi tat-tisjir, xaħmijiet ta' annimali, żejt tal-palm, raża likwida mhux maħduma u żift taż-żejt tat-tall.
Għall-bijokarburanti/bijolikwidi prodotti minn skart, u minn residwi għajr mill-agrikoltura, akkwakultura, residwi tas-sajd jew il-forestrija, japplika biss il-kriterju relatat mal-iffrankar ta’ gassijiet b'effett ta' serra (31). Fit-Taqsima 5 hemm indirizzat x'jikkostitwixxi skart jew residwu. Ir-residwi tal-agrikoltura, l-akkwakultura, is-sajd u l-forestrija huma residwi li huma prodotti direttament mill-agrikoltura, is-sajd, l-akkwakultura u l-forestrija; ma jinkludux residwi minn industriji jew ipproċessar relatati.
2.4. Armonizzar tal-kriterji ta' sostenibbiltà
Il-kriterji ta' sostenibbiltà tad-Direttiva huma armonizzati kompletament f'livell Komunitarju u ġew adottati skont l-Artikolu 95 (is-suq intern) tat-Trattat tal-KE. Għalhekk, l-Istati Membri ma jistgħux jistipulaw kriterji addizzjonali tagħhom stess għall-finijiet ta' punt (1) sa (4) elenkati fit-Taqsima 1 (32). Dan ifisser li l-Istati Membri ma jistgħux, għal dawk il-finijiet, jeskludu bijokarburanti/bijolikwidi fuq bażi ta' sostenibbiltà oħra għajr tal-kriterji ta' sostenibbiltà stipulati fid-Direttiva (33). Madankollu, meta wħud mill-bijokarburanti/bijolikwidi jkunu aktar ta' benefiċċju minn oħrajn kif ukoll ogħla biex tipproduċihom, l-iskemi ta' appoġġ nazzjonali jistgħu jqisu l-ispejjeż ogħla ta' produzzjoni (34).
2.5. Publikazzjoni ta' tagħrif dwar is-sostenibbiltà
L-Istati Membri għandhom jirċievu t-tagħrif mill-operaturi ekonomiċi dwar il-konformità mal-kriterji ta' sostenibbiltà. Għandhom jirċievu wkoll it-tagħrif dwar il-pajjiż tal-oriġini tal-karburanti għat-trasport bit-triq kollha, fossili u rinnovabbli, u minn fejn inxtraw (35). Skont id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, ma hemmx rekwiżit għall-Istati Membri biex jagħmlu t-tagħrif disponibbli għall-pubbliku, u lanqas ma huma pprojbiti li jagħmlu dan. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jippubblikaw tagħrif bħal dan biex iwettqu dan b'mod konsistenti għall-karburanti kollha. Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, jekk Stat Membru jiddeċiedi li jippubblika tagħrif bħal dan għandu jqis il-possibbiltà tan-natura kummerċjali sensittiva tat-tagħrif speċifiku ta' impriża f'dak ir-rigward.
Il-Kummissjoni se tippubblika t-tagħrif kollu li wasal mill-Istati Membri għall-bijokarburanti u l-bijolikwidi dwar il-pjattaforma ta' trasparenza fil-qosor (36).
3. KALKOLU TAL-IMPATT TAL-GASSIJIET B'EFFETT TA' SERRA
Id-Direttiva tirrikjedi l-iffrankar ta' 35 % tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra (li jiżdied għal 50 % f'Jannar 2017, u 60 % f'Jannar 2018 għall-impjanti li jkunu bdew il-produzzjoni fl-2017 jew wara) (37). Fiha hemm metodoloġija għall-kalkolu ta' dan l-iffrankar (“valur reali”) kif ukoll “valuri awtomatiċi”, inklużi “valuri awtomatiċi diżaggregati”, li jistgħu jintużaw f'ċerti każijiet biex tintwera l-konformità mal-kriterju.
3.1. Eċċezzjoni li tikkonċerna l-impjanti li kienu operattivi fit-23 ta’ Jannar 2008
Il-bijokarburanti/bijolikwidi prodotti minn impjanti li kienu operattivi fit-23 Jannar 2008 huma eżentati milli jikkonformaw mal-kriterju dwar l-iffrankar tal-gassijiet b'effett ta' serra sal-1 ta’ April 2013 (38), sabiex eż. pjanti tal-etanol tal-qamħ bil-linjite bħala karburant tal-proċess u mtieħen taż-żejt tal-palm mingħajr il-qbid tal-metan jingħataw iż-żmien biex jadattaw il-proċess tagħhom. It-terminu “impjant” jinkludi kull impjant tal-ipproċessar użat fil-proċess tal-produzzjoni. Ma għandux jinftiehem li jinkludi l-faċilitajiet ta' produzzjoni li setgħu ġew miżjuda intenzjonalment fil-katina ta' produzzjoni biss biex jikkwalifikaw għall-eżenzjoni prevista f'din id-dispożizzjoni. Jekk tal-anqas waħda minn dawn l-impjanti tal-ipproċessar użati fil-katina tal-produzzjoni kienet operattiva mhux aktar tard mit-23 ta' Jannar 2008 il-kriterju tal-iffrankar ta' mhux inqas minn 35 % ta' gassijiet b'effett ta' serra jibda japplika biss mill-1 ta' April 2013.
3.2. Valuri awtomatiċi
Id-Direttiva fiha “valuri awtomatiċi” li jistgħu jintużaw mill-operaturi ekonomiċi biex jipprovdu evidenza ta' konformità mal-kriterju tal-iffrankar tal-gassijiet b'effett ta' serra (39). L-Anness I għal din il-Komunikazzjoni jagħti gwida dwar meta jistgħu jintużaw il-valuri awtomatiċi, inkluż meta jkunu jistgħu jintużaw il-kumbinazzjonijiet ta' valuri awtomatiċi diżaggregati u valuri reali (40).
Il-valuri awtomatiċi jistgħu jiġu aġġornati mill-Kummissjoni. Il-proċess tal-aġġornament tal-valuri awtomatiċi huwa indirizzat fil-Komunikazzjoni dwar skemi volontarji u valuri awtomatiċi.
Id-Direttiva fiha wkoll “valuri tipiċi” għall-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra mill-bijokarburanti (41). Dawn il-valuri ma jistgħux jintużaw minn operaturi ekonomiċi. Jistgħu jintużaw mill-Istati Membri fir-rapportar kull sentejn lill-Kummissjoni dwar il-progress fil-promozzjoni u l-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (42).
3.3. Kalkolu ta' valur reali
Il-valuri reali għall-iffrankar tal-gassijiet b'effett ta' serra dejjem jistgħu jintużaw indipendentament jekk jeżistix valur awtomatiku għall-bijokarburant/bijolikwidu kkonċernat. Il-Parti C tal-Anness V għad-Direttiva fiha r-regoli għall-kalkolu ta' valur reali.
Ma jidhirx neċessarju li jiġi inkluż fil-kalkolu, il-kontenuti tad-dħul li jkollhom ftit jew xejn effett fuq ir-riżultat, bħal kimiki użati f'ammonti żgħar matul l-ipproċessar (43).
Għall-kalkolu tal-emissjonijiet minn “kultivazzjoni”, il-metodu jippermetti l-użu ta' medji (għal żona ġeografika partikolari) bħala alternattiva għall-valuri reali (44). Dan ikun partikolarment siewi għall-għalf fejn ma jeżisti l-ebda valur awtomatiku u għar-reġjuni tal-UE fejn l-użu ta' valuri awtomatiċi mhuwiex permess għal ċertu għalf (45). L-Istati Membri jistgħu jfasslu elenki ta' valuri medji bħal dawn; jistgħu jiġu inkorporati fi skemi volontarji li jindirizzaw l-impatt tal-emissjoni tal-gassijiet b'effett ta' serra (46).
Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tippubblika fuq il-pjattaforma ta' trasparenza tagħha, eżempji annotati tal-kalkoli ta' valuri reali kif ukoll sett ta' valuri standard, li ġejjin mill-gruppi tad-dejta użati biex jistabbilixxu l-valuri awtomatiċi, li jistgħu jintużaw għal xi wħud mill-koeffiċjenti użati fil-kalkolu ta' valuri attwali.
Aktar elementi dwar il-metodoloġija għall-kalkolu tal-impatt tal-gassijiet b'effett ta' serra jinsabu fl-Anness II għal din il-Komunikazzjoni.
4. KONFORMITÀ MAL-KRITERJI RELATATI MAL-ART
Id-Direttiva tidentifika kategoriji ta' art b’valur għoli ta’ bijodiversità (47). Il-materja prima għal bijokarburanti/bijolikwidi ma għandhiex tittieħed minn din l-art.
Id-Direttiva tidentifika kategoriji ta' art b’valur għoli ta’ ħażniet ta’ karbonju (48). Jekk f'Jannar 2008 l-art kienet taqa′ taħt waħda minn dawn il-kategoriji u issa ma għadhiex, il-materja prima għall-bijokarburanti/bijolikwidi ma għandhiex tittieħed mill-art.
Għal xi wħud minn dawn il-kriterji d-Direttiva tippermetti għal eċċezzjonijiet, ladarba tiġi pprovduta ċerta evidenza.
Jekk l-art tappartjeni għal aktar minn waħda minn dawn il-kategoriji tal-art, japplikaw il-kriterji rilevanti kollha. L-eliġibbiltà għal eċċezzjoni skont waħda minn dawn il-kriterji ma tfissirx eċċezzjoni minn kriterji applikabbli oħra.
4.1. Art b’valur għoli ta’ bijodiversità
Il-materja prima ma għandhiex tinkiseb minn foresta primarja u art (primarja) oħra bis-siġar; żoni nominati għal ħarsien tan-natura; u artijiet bil-ħaxix li għandhom bijodiversità għolja (49). Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li fl-2010 tistabilixxi l-kriterji u l-firxiet ġeografiċi biex jiġu ddeterminati liema artijiet bil-ħaxix jistgħu jitqiesu bħala artijiet bil-ħaxix li għandhom bijodiversità għolja (50).
Fil-każ ta' artijiet bil-ħaxix mhux naturali li għandhom bijodiversità għolja, hemm possibbiltà ta' eċċezzjoni meta tiġi pprovduta l-evidenza li l-ħsad tal-materja prima huwa meħtieġ biex jiġi ppreżervat l-istatus tal-art bil-ħaxix taż-żona. Fil-każ ta' żoni ta' ħarsien tan-natura, hemm possibbiltà ta' eċċezzjoni meta tiġi pprovduta l-evidenza li l-produzzjoni tal-materja prima ma interferixxietx mal-fini tal-ħarsien tan-natura kkonċernat (51). Il-Kummissjoni hija konxja li s-CEN, il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni, qiegħed jaħdem dwar il-kwistjoni ta' liema tip ta' evidenza għandha tiġi provduta.
Id-Direttiva tinkludi proċedura li skontha ż-żoni ġodda ta' ħarsien tan-natura jistgħu jitqiesu wara deċiżjoni tal-Kummissjoni (52). Attwalment ma hemmx żoni bħal dawn rikonoxxuti. Meta jsiru deċiżjonijiet biex jiġu rikonoxxuti żoni, it-tagħrif dwar dawn id-deċiżjonijiet għandu jkun disponibbli fuq il-pjattaforma ta' trasparenza tal-Kummissjoni.
4.2. Art b’valur għoli ta’ ħażniet ta’ karbonju
Il-materja prima ma għandhiex tiġi akkwistata minn art mistagħdra; żoni kontinwament ifforestati; żoni b’kopertura ta' ħaxix bejn 10-30 %; u art tal-peat – jekk l-istatus tal-art inbidel meta jitqabbel mal-istatus tagħha f'Jannar 2008 (53).
B′hekk jekk il-materja prima tittieħed minn art li kienet art mistgħdra (54) f'Jannar 2008 u għadha art mistgħdra meta ttieħdet il-materja prima, l-użu ta' materja bħal din ma jkunx ksur tal-kriterju.
It-terminu “status” jirreferi għal kategoriji fiżiċi ddefiniti fid-Direttiva.
It-tibdil fl-użu tal-art li mhuwiex inkluż f'dan il-kriterju xorta għandu jitqies fil-kalkolu tal-impatt tal-gassijiet b'effett ta' serra (ara l-Anness II).
4.2.1. Żoni kontinwament ifforestati (55);
Qabel ma jiġi kkunsidrat il-kunċett ta' “żona kontinwament ifforestata”, ta' min jiftakar li kull tibdil fl-użu tal-art għandu jiġi kkunsidrat fil-kalkolu tal-impatt tal-gassijiet b'effett ta' serra (56), filwaqt li potenzjalment jeħtieġ li jiġi kkunsidrat skont l-intestaturi ta' politiki oħrajn apparti din id-Direttiva.
It-terminu “żona kontinwament ifforestata” huwa ddefinit fid-Direttiva bħala art fuq firxa ikbar minn ettaru b’siġar ogħla minn ħames metri u b’kopertura ta’ aktar minn 30 %, jew siġar li jistgħu jilħqu dawk il-limiti in situ. Dan ma jinkludix art li hi prinċipalment taħt użu agrikolu jew urban (57).
4.2.2. Żoni b'kopertura ta' ħaxix ta' 10-30 % (58)
Għal art li hi simili għal żoni kontinwament ifforestati iżda għandha kopertura ta' ħaxix bejn 10 % u 30 %, hemm il-possibbiltà ta' eċċezzjoni meta tiġi pprovduta evidenza li l-impatt ta' gassijiet b'effett ta' serra (59), inklużi t-tibdiliet kollha minn Jannar 2008 fil-ħażna tal-karbonju taż-żona kkonċernata, jissodisfa l-limitu x-xieraq għall-kriterju tal-iffrankar tal-gassijiet b'effett ta' serra.
4.2.3. Art tal-peat (60)
Għal bijokarburanti/bijolikwidi prodotti minn bijomassa mkabbra fuq art li kienet art tal-peat f'Jannar 2008, hemm possibbiltà ta' eċċezzjoni jekk tiġi pprovduta l-evidenza li:
— |
il-ħamrija kienet imnixxfa kompletament f'Jannar 2008; jew |
— |
ma jkunx sarilha tnixxif minn Jannar tal-2008. |
Dan ifisser li għall-art tal-peat li kienet tnixxfet parzjalment f'Jannar 2008, tnixxif sussegwenti aktar profond, li jaffettwa lill-ħamrija li ma kenitx tnixxfet kompletament, ikun jikkostitwixxi ksur tal-kriterju.
Il-peat innifsu mhuwiex meqjus bijomassa (61).
4.3. Għoti ta' evidenza ta' konformità
L-evidenza ta' konformità tal-kriterji relatati mal-art tista' tieħu ħafna forom, inklużi ritratti mill-ajru, stampi bis-satellita, mapep, annotazzjonijiet/databases tar-reġistru tal-artijiet (62), u stħarriġ tas-sit.
L-evidenza tista' tkun “pożittiva” jew “negattiva”.
Pereżempju, il-konformità mal-kriterju dwar il-“foresta primarja” tista' tintwera permezz ta':
— |
ritratt mill-ajru tal-art, fejn tintwera li se titħawwel bil-kannamieli (pożittiv); jew |
— |
mappa tal-foresti primarji kollha fir-reġjun, fejn tintwera li l-art li mhijiex inkluża fihom (negattiva). |
Il-kriterji jirreferu għall-istatus tal-art f'Jannar 2008. Iżda mhuwiex eskluż l-użu ta' evidenza aktar bikrija. Pereżempju, jekk jintwera li l-art kienet-art tar-raba’ ftit qabel l-2008, eż. fl-2005, dan ikun biżżejjed biex tintwera l-konformità ma' xi wħud mill-kriterji jew il-kriterji kollha relatati mal-art.
Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni tippubblika, fuq il-pjattaforma ta' trasparenza tagħha, gwida għall-operaturi ekonomiċi għall-identifikazzjoni tal-kategoriji tal-art ikkonċernati.
5. REGOLI TAL-GĦADD GĦAL BIJOKARBURANTI
5.1. Kalkolu ta' karburanti li parzjalment jiġu minn sorsi mhux rinnovabbli
Uħud mill-karburanti jikkonsistu biss parzjalment minn materjal rinnovabbli. Għal xi wħud minn dawn, bħall-ETBE, l-Anness III tad-Direttiva jindika liema persentaġġ tal-karburant huwa rinnovabbli għall-fini tal-miri tal-kontabbiltà. (63) Għal karburanti bħal dawn li mhumiex elenkati fl-Anness III, inklużi l-karburanti prodotti bi proċessi flessibbli li mhux dejjem jagħtu kunsinni bl-istess taħlita ta' sorsi, tista' titfassal analoġija b'mod xieraq mir-regola għall-elettriku ġġenerat f’impjanti multikombustibbli (li jużaw aktar minn tip wieħed ta' karburant): “il-kontribut ta’ kull sors ta’ enerġija għandu jkun ikkalkulat fuq il-bażi tal-kontenut tiegħu ta’ enerġija” (64).
Għall-finijiet ta' konformità mal-kriterju ta' sostenibbiltà dwar l-iffrankar ta' gassijiet b'effett ta' serra, il-parti tal-karburanti dderivata mill-bijomassa msemmija fil-paragrafu preċedenti għandha tilħaq il-limitu x-xieraq. Għal xi wħud, bħall-ETBE, id-Direttiva tagħti valuri awtomatiċi.
Il-persentaġġi fl-Anness III tad-Direttiva japplikaw ukoll meta jiġi ddeterminat jekk il-karburanti li jkun fihom bijokarburanti jkunu jeħtieġu li dan ikun indikat fil-postijiet ta’ bejgħ (65). Pereżempju, petrol li jkollu 20 % ETBE ma għandux jeħtieġ indikazzjoni speċifika għax inqas minn 10 % ġej minn sorsi rinnovabbli.
5.2. Kalkolu doppju ta' bijokarburanti
Xi wħud mill-bijokarburanti jiġu kkalkulati għal darbtejn għal finijiet ta' konformità mal-mira ta' 10 % għas-sehem ta' enerġija fil-forom kollha ta' trasport fl-2020 u għal konformità mal-obbligi nazzjonali ta’ enerġija rinnovabbli (66). Il-bijokarburanti l-oħra kollha għandhom jiġu kkalkolati darba. Meta l-bijokarburanti jiġu prodotti parzjalment biss minn materjali li jiġu kkalkolati għal darbtejn, il-kalkolu doppju japplika biss għal dik il-parti biss tal-bijokarburant (67).
Il-bijokarburanti li jiġu kkalkolati għal darbtejn jinkludu dawk li ġejin minn skart u residwi.
Id-Direttiva nnifisha ma għandhiex id-definizzjonijiet ta' “skart” u “residwi”. Il-Kummissjoni tikkunsidra li dawn il-kunċetti għandhom jiġu interpretati f'konformità mal-għanijiet tad-Direttiva:
— |
għall-kalkolu doppju: diversifikazzjoni tal-għalf (68); |
— |
għall-metodoloġija ta' gassijiet b'effett ta' serra: l-ebda emissjoni ma hija allokata għal prodotti sekondarji li ma jkunux fil-mira tal-produzzjoni, bħat-tiben fil-każ tal-produzzjoni tal-qamħ (69). |
F′dan il-kuntest skart jista' jfisser kull sustanza jew oġġett li d-detentur jarmi jew għandu l-intenzjoni jew huwa meħtieġ li jarmi (70). Il-materja prima li tkun ġiet immodifikata intenzjonalment biex tgħodd bħala skart (eż. billi jiżdied il-materjal tal-iskart ma' materjal li ma kienx skart) ma għandhiex tiġi kkunsidrata li tikkwalifika.
F′dan il-kuntest ir-residwi jistgħu jinkludu:
— |
residwi tal-agrikoltura, l-akkwakultura, is-sajd u l-forestrija; u |
— |
residwi mill-ipproċessar. |
Residwu mill-ipproċessar huwa sustanza li mhijiex il-prodott(i) finali direttament mixtieq mill-proċess ta' produzzjoni. Mhuwiex għan primarju tal-proċess ta' produzzjoni u l-proċess ma jkunx ġie mmodifikat b'mod deliberat biex jipproduċih.
Eżempji ta' residwi jinkludu gliċerina mhux raffinata, żift taż-żejt tat-tall u demel.
(1) L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2009/28/KE.
(2) L-Artikolu 7b tad-Direttiva 98/70/KE kif emendata mid-Direttiva 2009/30/KE.
(3) L-Artikolu 17(1)(a). Bħala segwitu tal-ambitu ta' “konsum finali tal-enerġija” skont ir-Regolament (KE) Nru 1099/2008 dan jinkludi l-bijokarburanti użati fl-avjazzjoni internazzjonali (meta jinbiegħu fi Stat Membru), iżda mhux fit-trasport marittimu internazzjonali.
(4) Artikolu 17(1)(b). Kif iddefinit fl-Artikolu 2(l) tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli.
(5) Artikolu 17(1)(c). Tipikament bħala parti minn skema ta' appoġġ nazzjonali.
(6) L-Artikolu 7a tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Karburant.
(8) Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 443/2009.
(9) ĠU L 151, 17.6.2010, p. 19.
(10) Ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.
(11) Onlajn fuq:http://ec.europa.eu/energy/renewables/transparency_platform/transparency_platform_en.htm
(12) Meta d-dokumenti jkunu rilevanti għad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Karburanti, il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tippubblikahom ukoll fuq il-websajt tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Karburanti.
(13) Artikolu 17(2).
(14) Artikolu 17(3).
(15) Artikolu 17(4) u (5).
(16) Artikolu 17(6).
(17) Artikolu 18(1).
(18) Artikolu 18(3).
(19) Artikolu 18(4) it-tieni subparagrafu; Artikolu 18(7).
(20) Artikoli 18(4) l-ewwel subparagrafu; Artikolu 18(7).
(21) Cf. Id-Direttiva 2008/118/KE u d-Direttiva 2003/96/KE.
(22) L-unika eċċezzjoni tista' tkun l-emissjonijiet ta' gass b'effett serra mid-distribuzzjoni tal-karburant (jekk huma meħtieġa għall-kalkolu ta' valur attwali). Ikun xieraq li jintuża koeffiċjent standard għal din.
(23) Artikolu 18(3).
(24) Artikolu 18(1).
(25) Differenza importanti hija li skont skema volontarja, bħala regola ġenerali skema volontarja għandha tiżgura li l-operaturi ekonomiċi jiġu vverifikati qabel ma jingħatalhom permess biex jipparteċipaw fl-iskema. Ma hemmx bżonn għal rekwiżit bħal dan fis-sistemi nazzjonali, li skonthom ikun xieraq ukoll li tipprovdi għal talbiet ad hoc minn operaturi ekonomiċi.
(26) Artikolu 17(6).
(27) Cf. Artikolu 18(1).
(28) Skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009).
(29) Artikolu 2.
(30) Eż. fl-Annessi III u V.
(31) Cf, Artikolu 17(1).
(32) Għall-finijiet ta' punt (5) u (6) elenkati fit-Taqsima 1 din il-kwistjoni mhijiex rilevanti.
(33) Artikolu 17(8).
(34) Cf. Premessi 89 u 95 tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli kif ukoll il-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-istat għall-ħarsien ambentali.
(35) Artikolu 7a(1)(a) tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Karburanti.
(36) Artikolu 18(3).
(37) Artikolu 17(2).
(38) Artikolu 17(2), l-aħħar subparagrafu.
(39) Anness V.
(40) Wieħed għandu jinnota li fil-kalkolu tal-valuri awtomatiċi (diżaggregati) tqieset l-allokazzjoni tal-emissjonijiet għal prodotti sekondarji.
(41) Anness V.
(42) Cf. Artikolu 22(2).
(43) Huwa rilevanti li wieħed jinnota li ċ-ċifri għall-iffrankar tal-gassijiet b'effett ta' serra jiżdiedu jew jitnaqqsu għall-eqreb punt perċentwali.
(44) Cf. Punt 6 Parti C tal-Anness V.
(45) Cf. Artikolu 19(2) u (3).
(46) Cf. Artikolu 18(4).
(47) Artikolu 17(3).
(48) Artikolu 17(4) u (5).
(49) Artikolu 17(3).
(50) Id-dokumenti pubbliċi ta’ konsultazzjoni huma disponibbli fi: http://ec.europa.eu/energy/renewables/consultations/2010_02_08_biodiverse_grassland_en.htm
(51) Artikolu 17(3)(b); applikabbli kemm għal (i) kif ukoll għal (ii) tiegħu.
(52) Artikolu 17(3)(b)(ii).
(53) Artikolu 17(4) u 17(5).
(54) Artikolu 17(4)(a).
(55) Artikolu 17(4)(b).
(56) Cf. Anness II ta' din il-Komunikazzjoni.
(57) L-art li hi għall-użu agrikolu f′dan il-kuntest tirreferi għal formazzjonijiet ta' siġar f'sistemi ta' produzzjoni agrikola, bħall-pjantaġġuni tas-siġar tal-frott, il-pjantaġġuni tal-palmi taż-żejt u s-sistemi tal-agriforestrija meta l-uċuħ ikunu kibru taħt kopertura tas-siġar.
(58) Artikolu 17(4)(c).
(59) Parti C tal-Anness V.
(60) Artikolu 17(5).
(61) Cf. Artikolu 2.
(62) Eż. is-Sistema Integrata ta' Amministrazzjoni u Kontroll (IACS) għall-Politika Agrikola Komuni tal-UE.
(63) Artikolu 5(5).
(64) Artikolu 5(3).
(65) Artikolu 21(1).
(66) Artikolu 21(2).
(67) Dik il-parti li tkun is-sehem fiżiku (is-“sistema ta’ bilanċ tal-massa” għall-kriterji ta' sostenibbiltà ma tapplikax għal din id-dispożizzjoni).
(68) Cf, Premessi 89 tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli.
(69) Cf. Punt 18, Parti C tal-Anness V.
(70) Inklużi l-materjali li għandhom jiġu rtirati mis-suq għal raġunijiet ta' saħħa jew sikurezza.
ANNESS I
Metodi għall-kalkolu tal-impatt tal-gassijiet b'effett ta' serra
ANNESS II
Metodoloġija għall-kalkolu tal-impatt tal-gassijiet b'effett ta' serra: elementi ulterjuri
L-iffrankar tal-emissjonijiet minn akkumulazzjoni tal-karbonju mill-ħamrija permezz ta’ ġestjoni agrikola mtejba (Punt 1, parti C, Anness V)
“Ġestjoni agrikola mtejba” tista' tinkludi prattiki bħal:
— |
trasferiment għal inqas ħrit jew ma jsir ebda ħrit; |
— |
newbiet imtejba tal-uċuħ u/jew uċuħ, inkluża l-ġestjoni tar-residwu tal-uċuħ; |
— |
ġestjoni mtejba tal-fertilizzant jew id-demel; |
— |
użu ta' sustanza li ttejjeb il-ħamrija (eż. kompost). |
L-iffrankar ta' emissjonijiet minn titjib bħal dan jista' jiġi kkunsidrat jekk tiġi pprovduta l-evidenza li żdied il-karbonju mill-ħamrija, jew tiġi pprovduta evidenza solida u verifikabbli li b'mod raġjonevoli jkun mistenni li żdied, matul il-perjodu li fih tkun ġiet ikkultivata l-materja prima konċernata (1).
L-iffrankar tal-emissjonijiet f'termini ta' g CO2eq/MJ jista' jiġi kkalkolat permezz ta' formola bħal dik fil-punt 7 tal-metodu, billi jinbidel id-diviżur “20” bil-perjodu (fi snin) tal-kultivazzjoni tal-uċuħ ikkonċernati.
Kultivazzjoni (punt 6)
Il-kontenut ta' dħul/varjabbli li jaffettwa l-emissjonijiet mill-kultivazzjoni tipikament jinkludi żerriegħa, karburant, fertilizzant, pestiċida, produzzjoni, u emissjonijiet ta' N2O mill-qasam. L-użu taċ-ċiklu tal-karbonju qasir tad-dijossidu tal-karbonju fil-pjanti mhuwiex qed jitqies hawn; sabiex jibbilanċja dan, l-emissjonijiet mill-karburant li qed jintuża mhumiex qed jitqiesu fil-punt 13.
Il-metodoloġija għal “kultivazzjoni” tippermetti – bħala alternattiva għall-valuri reali – l-użu ta' medji għal żoni ġeografiċi iżgħar minn dawk użati għall-kalkolu tal-valuri awtomatiċi. Il-valuri awtomatiċi ġew ikkalkulati għal livell globali (b'eċċezzjoni waħda). Madankollu, fi ħdan l-UE, id-Direttiva tippreżenta restrizzjonijiet fuq l-użu tagħhom. Dawn ir-restrizzjonijiet joperaw fil-livell taż-żoni ta' NUTS 2 (2). B'segwitu ta' dan jidher li fl-UE, il-medji għandhom ikunu għaż-żoni ta' NUTS 2 jew għal livell ifjen. Livell bħal dan ikun loġikament xieraq ukoll barra l-UE.
Emissjonijiet ta' N2O (punt 6)
Mod xieraq kif jitqiesu l-emissjonijiet ta' N2O mill-ħamrija hu permezz tal-metodoloġija tal-IPCC, inklużi dawk li huma deskritti hemm kemm bħala emissjonijiet ta' N2O “diretti” kif ukoll dawk “indiretti” (3). It-tliet livelli tal-IPCC jistgħu jintużaw minn operaturi ekonomiċi. Il-livell 3, li jiddependi fuq kejl u/jew mudellar iddettaljat, jidher aktar rilevanti għall-kalkolu tal-valuri tal-kultivazzjoni “reġjonali” (cf, Taqsima 3.3 ta' din il-Komunikazzjoni) milli għall-kalkoli oħra ta' valuri reali.
Tibdil fl-użu tal-art (punti 7 u 10)
It-tibdil fl-użu tal-art għandu jinftiehem li jirreferi għal tibdiliet f'termini ta' kopertura tal-art bejn is-sitt kategoriji tal-art użati mill-IPCC (l-art tal-foresta, artijiet bil-ħaxix, art tar-raba’, i.e. uċuħ multiannwali li z-zokk ewlieni tagħhom normalment ma jinħasadx kull sena bħall-imsaġar ta' newba qasira u l-palm taż-żejt (4). Dan ifisser, pereżempju, li tibdil minn artijiet bil-ħaxix għal art tar-raba’ huwa tibdil fl-użu tal-art, filwaqt li tibdil minn wiċċ wieħed (bħal qamħirrun) għal ieħor (bħal żerriegħa tal-kolza) mhuwiex. Artijiet bil-ħaxix jinkludu art mhux maħduma (i.e. art li tħalliet tistrieħ għal sena jew ħafna snin qabel terga’ tiġi kkultivata). Tibdil fl-attivitajiet ta' ġestjoni, fil-prattika ta' ħrit jew fil-prattika tal-kontenut tad-dħul tad-demel mhuwiex meqjus bħala tibdil fl-użu tal-art.
Il-linji gwida għall-kalkolu tal-ħażniet tal-karbonju tal-art (5) jipprovdu spjegazzjoni dettaljata tal-kalkolu. Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tippubblika fil-pjattaforma ta' trasparenza tagħha eżempju annotat għall-kalkolu tal-emissjonijiet minn tibdiliet tal-ħażniet tal-karbonju tal-art b'riżultat ta' tibdil fl-użu tal-art.
Intensità tal-emissjoni tan-netwerk tal-elettriku (punt 11)
Id-Direttiva tirrikjedi l-użu tal-intensità tal-emissjoni medja għal “reġjun definit”. Fil-każ tal-UE l-aktar għażla loġika hija l-UE kollha. Fil-każ ta' pajjiżi terzi, fejn normalment in-netwerks ikunu inqas konnessi minn pajjiż għall-ieħor, il-medja nazzjonali tista' tkun l-għażla x-xierqa.
Allokazzjoni ta’ enerġija (punti 17 u 18)
Il-valur ta’ tisħin iktar baxx użat fl-applikazzjoni ta' din ir-regola għandu jkun dak tal-prodott/prodott sekondarju sħiħ, mhux tal-frazzjoni niexfa biss tiegħu. Madanakollu, f'ħafna każijiet, partikolarment fir-rigward tal-prodotti kważi niexfa, dan li ssemma l-aħħar jista' jagħti riżultat li jkun approssimazzjoni xierqa.
Peress li s-sħana ma għandhiex valur ta' tisħin iktar baxx, ma jistgħux jiġu allokati emissjonijiet għaliha fuq dik il-bażi.
Ma għandha tiġi allokata l-ebda emissjoni għar-residwi tal-uċuħ agrikoli u tal-ipproċessar, peress li huma meqjusa li ma jipproduċux emissjonijiet sal-punt tal-ġbir tagħhom (6), u lanqas għall-iskart. Aktar dettalji dwar l-iskart u r-residwi jinsabu fit-Taqsima 5.2.
L-allokazzjoni għandha tiġi applikata direttament wara prodott sekondarju (sustanza li normalment tkun tista' tinħażen jew li tkun kummerċjabbli) u prodott ta' bijokarburant/bijolikwidu/intermedju jkunu prodotti fi stadju ta' proċess. Dan jista' jkun stadju ta' proċess f'impjant li warajh jitwettaq l-ipproċessar ulterjuri aktar 'l isfel fil-katina, (downstream) għal kull prodott. Madankollu, jekk l-ipproċessar fin-naħa t' isfel tal-katina tal-prodotti/prodotti sekondarji kkonċernati jkun interkonness (permezz ta' ċirkwiti ta' feedback ta' materjal jew enerġija) ma' kwalunkwe parti aktar 'il fuq fil-katina tal-ipproċessar, is-sistema titqies bħala “raffinerija” (7) u l-allokazzjoni tiġi applikata fil-punti fejn kull prodott ma jkollux l-ipproċessar ulterjuri fin-naħa t' isfel tal-katina li jkun interkonness permezz ta' ċirkwiti ta' feedback ta' materjal jew enerġija ma' kwalunkwe parti aktar 'il fuq fil-katina tal-ipproċessar.
Elettriku minn sħana u enerġija kkombinati (CHP) (punt 16)
Ir-regola ġenerali tal-allokazzjoni fil-punt 17 ma tapplikax għall-elettriku minn impjant CHP meta s-CHP jaħdem b' 1) karburanti fossili; 2) bijoenerġija, meta din ma tkunx prodott sekondarju mill-istess proċess; jew 3) residwi tal-uċuħ agrikoli, anki meta jkunu prodott sekondarju mill-istess proċess. Minflok, tapplika r-regola fil-punt 16 kif ġej:
(a) |
Meta s-CHP jipprovdi sħana mhux biss lill-proċess ta' bijokarburant/bijolikwidu iżda wkoll għal finijiet oħra, id-daqs tas-CHP għandu jitnaqqas nozzjonalment – għall-kalkolu – għad-daqs li hu meħtieġ biex jipprovdi biss is-sħana meħtieġa għall-proċess ta' bijokarburant/bijolikwidu. Il-ħruġ primarju tal-elettriku tas-CHP għandu jitnaqqas nozzjonalment b'mod proporzjonali. |
(b) |
Għall-ammont ta' elettriku li jifdal - wara dan l-aġġustament nozzjonali u wara li jiġu koperti l-ħtiġijiet interni elettriċi reali – għandu jiġi assenjat kreditu ta' gassijiet b'effett ta' serra li għandu jitnaqqas mill-emissjonijiet tal-ipproċessar. |
(c) |
L-ammont ta' dan il-benefiċċju huwa daqs l-emissjonijiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja attribwiti lill-produzzjoni ta' ammont ugwali ta' elettriku mill-istess tip ta' karburant f'impjant tal-elettriku. |
Komparatur tal-karburant fossili (punt 19)
Il-komparatur tal-karburant fossili li għandu jintuża attwalment għall-bijokarburanti huwa 83,8 g CO2eq/MJ. Dan il-valur għandu jiġi preċedut minn “l-aħħar emissjonijiet medji reali disponibbli mill-parti fossili tal-konsum tal-petrol u d-diżil fil-Komunità” meta dak it-tagħrif isir disponibbli mir-rapporti ppreżentati skont id-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Karburant (8).
Dak ir-rappurtar għandu jsir kull sena, u jibda bir-rapport għas-sena 2011. Jekk ikun possibbli li jsir il-kalkolu, il-Kummissjoni tippubblika l-valur ġdid għall-komparatur tal-karburant fossili fuq il-pjattaforma ta' trasparenza flimkien ma' data li minnha ċ-ċifra tista' titqies “disponibbli” u għandha tintuża. Il-Kummissjoni se tqis dan l-aħħar aġġornament fl-emenda li jmiss tagħha tal-valuri tipiċi u awtomatiċi fid-Direttiva.
(1) Il-kejl ta' karbonju mill-ħamrija jista' jikkostitwixxi evidenza bħal din, eż. permezz tal-ewwel kejl qabel dak tal-kultivazzjoni u dawk sussegwenti f'intervalli regolari b'ħafna snin bejn kull wieħed. F'każ bħal dan, qabel ma jkun disponibbli t-tieni kejl, iż-żieda fil-karbonju mill-ħamrija tista' tiġi stmata permezz ta' bażi xjentifika rilevanti. Mit-tieni kejl 'il quddiem, il-kejl jkun jikkostitwixxi l-bażi biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta' żieda fil-karbonju, il-ħamrija u d-daqs tagħha.
(2) Artikolu 19(2) u (3). Dawn ir-reġjuni huma speċifikati fl-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1059/2003. Il-mapep interattivi tar-reġjuni huma disponibbli fi: http://ec.europa.eu/eurostat/ramon/nuts/home_regions_en.html
(3) Cf. Il-Linji Gwida għall-2006 tal-IPCC għall-Inventarji Nazzjonali tal-Gassijiet b'Effett ta' Serra, Volum 4, Kapitolu 11 http://www.ipcc-nggip.iges.or.jp/public/2006gl/pdf/4_Volume4/V4_11_Ch11_N2O&CO2.pdf
(4) Minħabba li art bħal din għandha karatteristiċi kemm tal-art tar-raba’ kif ukoll tal-art tal-foresta.
(5) ĠU L 151, 17.6.2010, p. 19.
(6) Bl-istess mod, meta dawn il-materjali jintużaw bħala għalf ma jipproduċux emissjonijiet sal-punt tal-ġbir tagħhom.
(7) Cf. l-aħħar subparagrafu tal-Punt 18, Parti C tal-Anness V.
(8) Skont l-Artikolu 7a tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Karburant fornituri ta' karburant/enerġija (tat-triq) maħtura mill-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet maħtura dwar: 1) il-volum totali ta' kull tip ta' karburant/enerġija fornuta, filwaqt li jindikaw minn fejn inxtraw u l-oriġini tagħhom; u 2) l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra tul iċ-ċiklu tal-ħajja għal kull unità ta' enerġija.