6.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 161/27


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-ħolqien tal-impjiegi permezz tat-tagħlim u t-taħriġ vokazzjonali tul il-ħajja: ir-rwol tad-dinja ekonomika fil-qasam tal-edukazzjoni fl-UE” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2013/C 161/05

Relatur: is-Sinjura DRBALOVÁ

Nhar it-12 ta’ Lulju 2012, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Il-ħolqien tal-impjiegi permezz tat-tagħlim u t-taħriġ vokazzjonali tul il-ħajja: ir-rwol tad-dinja ekonomika fil-qasam tal-edukazzjoni fl-UE.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-26 ta’ Frar 2013.

Matul l-488 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-20 u l-21 ta’ Marzu 2013 (seduta tal-20 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni bi 83 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 6 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew janalizza l-approċċ attiv tal-impjegaturi (employers) u tal-intraprendituri fir-rigward tal-mobilizzazzjoni fl-Ewropa kollha bil-għan li jiġi appoġġjat l-iżvilupp tal-kompetenzi u tal-adattament tagħhom għall-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol bil-għan li jerġa’ jiġi ġġenerat it-tkabbir, jinħolqu l-impjiegi u b’mod partikolari titjieb is-sitwazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol.

1.2

L-edukazzjoni u t-taħriġ huma attivitajiet onerużi li jinvolvu ammont kbir ta’ benefiċjarji. Jeżistu diversi modi għall-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ kondiviżjoni ta’ dawn l-ispejjeż fl-Ewropa kollha. Jeħtieġ li f’dan ir-rigward jiġu involuti l-impjegaturi skont il-prattiki u s-sitwazzjoni ta’ kull Stat Membru.

1.3

Il-Kumitat jappella lill-impjegaturi u lill-intraprendituri sabiex jappoġġjaw il-prinċipju ta’ sħubija u l-kooperazzjoni tal-partijiet interessati kollha involuti fir-riformi tas-sistemi tal-edukazzjoni, tas-sistemi tat-taħriġ vokazzjonali u fl-iżvilupp tal-istrateġiji tat-tagħlim tul il-ħajja. F’dan il-kuntest il-Kumitat jirrikonoxxi r-rwol li jaqdi d-djalogu soċjali kif ukoll ir-riżultati li nkisbu s’issa mill-kooperazzjoni tal-imsieħba soċjali fil-livelli kollha.

1.4

Bil-għan li tinżamm u tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-industrija fl-Ewropa, il-Kumitat jappella lill-impjegaturi u lill-intraprendituri sabiex jipparteċipaw fit-titjib tal-immaġni tal-industrija, tas-suġġetti tekniċi u tal-kompetenzi xjentifiċi u tekniċi (1), janalizzaw, jantiċipaw u jxandru l-bżonnijiet ta’ kull wieħed mis-setturi u b’hekk jikkontribwixxu b’mod attiv sabiex il-kompetenzi jikkorrespondu aktar mal-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol.

1.5

L-impjegaturi u l-organizzazzjonijiet tal-intrapriżi għandhom jirrispettaw il-bżonnijiet speċifiċi tal-mikrointrapriżi u tal-intrapriżi żgħar, fid-dawl tal-kapaċità kbira tagħhom li joħolqu l-impjiegi, u fl-istess ħin għandhom jgħinuhom jistabbilixxu rapporti dedikati biex ikunu jistgħu jippreżentaw fid-dettall il-mod kif jaħdmu dawn l-intrapriżi li huma aktar flessibbli u dinamiċi.

1.6

Il-Kumitat jirrakkomanda lill-intrapriżi u lill-atturi l-oħra tad-dinja tax-xogħol sabiex jikkooperaw mill-qrib mal-iskejjel u l-istituzzjonijiet edukattivi u jipparteċipaw b’mod attiv fit-tfassil tal-kurrikuli u tas-sillabi ta’ tagħlim u taħriġ vokazzjonali sabiex ikunu ffukati fuq ir-riżultati mistennija. Din il-kooperazzjoni għandha tagħmel parti wkoll mit-taħriġ prattiku mogħti lill-għalliema fil-qafas tat-tagħlim vokazzjonali.

1.7

Il-Kumitat jemmen li kooperazzjoni aktar effikaċi tal-intrapriżi mas-servizzi pubbliċi u privati tal-impjieg twassal għal konsistenza akbar bejn it-taħriġ fl-intrapriżi u l-prinċipji ta’ politika attiva tal-impjieg, u għalhekk tiżdied il-parteċipazzjoni fit-taħriġ tul il-ħajja.

1.8

Fil-kuntest tal-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati proposta, l-impjegaturi u l-intraprendituri għandhom jimpenjaw ruħhom sabiex jappoġġjaw apprendistati ta’ kwalità u jtejbu l-immaġni u l-attraenza tal-apprendistati fl-Ewropa. Għandhom jieħdu r-responsabbiltà li joħolqu numru biżżejjed ta’ postijiet għat-trainees u l-apprendisti abbażi tas-sistemi doppji li jorbtu t-tagħlim skolastiku mal-prattiki tal-intrapriżi, kif ukoll li joħolqu modi oħra ta’ kif jinkisbu l-ħiliet prattiċi u l-għarfien. Għal dan il-għan, madankollu, jeħtieġ li jinħolqu l-kundizzjonijiet adegwati għall-intrapriżi fil-livell nazzjonali kif ukoll li jkun hemm strumenti ta’ motivazzjoni.

1.9

Il-Kumitat jinnota s-sehem li jagħtu l-impjegaturi fil-kuntest tas-sħubija soċjali għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ strumenti Ewropej, bħall-QEK (2), l-ESCO (3), l-ECVET (4), il-EUROPASS u oħrajn fil-livell ta’ kull pajjiż. Il-Kumitat jibqa’ jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa assoluta li dawn l-istrumenti jiġu adattati għall-kundizzjonijiet tal-mikrointrapriżi, l-intrapriżi żgħar u tal-artiġjanat.

1.10

Il-Kumitat jitlob ukoll lill-impjegaturi u lill-intrapriżi sabiex jisfruttaw il-potenzjal tan-nisa u jħeġġuhom jistudjaw is-suġġetti xjentifiċi sabiex tiżdied l-impjegabbiltà tagħhom u tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

1.11

Il-Kumitat iħeġġeġ lill-impjegaturi u lill-intrapriżi sabiex jużaw il-fondi strutturali Ewropej b’mod aktar effikaċi, bħall-FEŻR, il-FAEŻR u fuq kollox il-FSE (5) tal-ġenerazzjoni l-ġdida, kif ukoll l-Erasmus għal Kulħadd. Fl-istess ħin jitlob li jiżdiedu r-riżorsi tal-programmi COSME u HORIZON.

2.   Introduzzjoni

2.1

Din l-Opinjoni ssegwi direttament l-opinjonijiet tal-Kumitat dwar l-Istrateġija Ewropa 2020 u l-inizjattivi ewlenin rilevanti (6), kif ukoll l-opinjonijiet tiegħu li jindirizzaw l-iżvilupp tal-ħiliet u r-rwol tal-edukazzjoni u t-taħriġ (7).

2.2

Din l-Opinjoni tirrispondi b’mod pożittiv għat-talba tal-Kummissjoni Ewropea (8) biex jinħolqu sħubijiet b’saħħithom ta’ fiduċja bejn il-partijiet interessati kollha; hi tirrispetta r-rwol tas-soċjetà ċivili u l-awtonomija tal-imsieħba soċjali (9) u tikkomplementa l-opinjonijiet tal-Kumitat f’dan il-qasam (10).

2.3

Din l-Opinjoni tal-KESE għandha l-għan li tenfasizza l-kontribut attiv tal-impjegaturi u tal-intraprendituri fl-implimentazzjoni tal-miżuri adottati fil-livell tal-UE fil-qasam tal-impjiegi, l-edukazzjoni u l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ. Għalhekk dan jinvolvi, sa ċertu punt, it-tqabbil tal-politiki u l-miżuri adottati mar-realtajiet u l-esiġenzi tal-prattika tal-intrapriżi. L-intrapriżi tal-Ewropa jaqdu rwol deċiżiv sabiex is-suq tax-xogħol joħroġ mill-kriżi (11).

2.4

L-Ewropa għandha tattiva l-fatturi kollha ta’ tkabbir; fosthom hemm il-forza tax-xogħol kwalifikata, li permezz tal-istruttura u d-daqs tagħha, tindirizza l-bżonnijiet attwali tas-suq tax-xogħol. Għalhekk l-attenzjoni għandha ddur ukoll fuq il-kompetenzi prattiċi fuq il-post tax-xogħol (ir-riżultati), it-taħriġ vokazzjonali, it-tagħlim u s-suġġetti tekniċi.

2.5

Matul dawn l-aħħar snin, il-KESE saħħaħ l-attività tiegħu sabiex jappoġġja rabta aktar effikaċi bejn is-sistemi tal-edukazzjoni u l-bżonnijiet tad-dinja tax-xogħol (12) u b’hekk tiżdied l-impjegabbiltà tal-ħaddiema, jitjieb l-aċċess tal-intrapriżi għal forza tax-xogħol aktar kwalifikata u jitnaqqsu d-diffikultajiet marbutin mat-tranżizzjoni mill-iskola għall-ħajja tax-xogħol. Il-Kumitat fassal għadd ta’ rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-impjegaturi u lill-intraprendituri, fosthom:

li jipparteċipaw, fil-kuntest tan-negozjati tripartitiċi mal-gvern u tad-djalogu soċjali, fir-riformi tas-suq tax-xogħol u fil-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni;

li jipparteċipaw b’mod konġunt fit-tfassil tal-previżjonijiet tal-bżonnijiet futuri tas-suq tax-xogħol;

li jikkontribwixxu għat-tfassil ta’ strateġiji effikaċi ta’ tagħlim tul il-ħajja;

li flimkien mal-atturi l-oħra tad-dinja tax-xogħol titnieda u tiġi kkonsolidata l-kooperazzjoni tal-intrapriżi mal-iskejjel u l-istituzzjonijiet edukattivi;

li jiġi promoss ir-rikonoxximent tar-riżultati tal-edukazzjoni mhux formali u informali;

li jikkooperaw mal-istituzzjonijiet attivi fis-suq tax-xogħol, partikolarment mas-servizzi pubbliċi u privati għall-impjieg u li jinvolvu ruħhom b’mod attiv fis-sistemi ta’ orjentazzjoni vokazzjonali għaż-żgħażagħ u għal dawk li qegħdin ifittxu xogħol;

li titjieb l-immaġni b’mod partikolari tas-setturi industrijali u jiġu offruti aktar postijiet għat-taħriġ permezz ta’ apprendistati u opportunitajiet għal esperjenza prattika ta’ xogħol u traineeships;

li jiġu assigurati apprendistati għall-għalliema u għall-ħarrieġa (trainers);

li jikkooperaw mal-familji u l-individwi sabiex l-ambizzjonijiet tagħhom jiġu adattati għall-bżonnijiet reali tal-intrapriżi;

li jinħolqu l-istrutturi u l-kundizzjonijiet li jippermettu li l-ħaddiema jgħaddu l-għarfien u l-esperjenzi tagħhom lill-apprendisti u lit-trainees jew li temporanjament isiru għalliema fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali;

li jikkontribwixxu sabiex tiżdied il-mobbiltà tal-ħaddiema, l-istudenti u l-ħarrieġa bejn is-sistemi differenti ta’ edukazzjoni u s-sistemi ta’ taħriġ vokazzjonali, kif ukoll bejn il-pajjiżi differenti (bl-użu tal-istrumenti bħall-EQF, l-ECVET, l-EQAVET, il-Europass, eċċ.);

li jipparteċipaw fl-inizjattivi favur l-introduzzjoni ta’ qafas ta’ kwalifiki nazzjonali u ta’ qafas ta’ professjonijiet nazzjonali;

li jużaw il-fondi Ewropej sabiex jappoġġjaw l-edukazzjoni u l-mobbiltà tal-istudenti fl-Ewropa;

li jiġi promoss il-volontarjat fl-edukazzjoni u fit-taħriġ tal-apprendisti;

li jintużaw b’mod effikaċi l-mezzi tal-Fondi Strutturali u b’mod partikolari tal-FSE.

3.   Inizjattivi li għaddejjin bħalissa fil-livell tal-UE

3.1

L-aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi tenfasizza l-bżonn li jsir investiment fis-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali, jiġu antiċipati l-ħiliet meħtieġa u jitjieb it-tagħlim tul il-ħajja u tipproponi li jitfasslu strateġiji globali f’dan ir-rigward.

3.2

L-inizjattiva Żgħażagħ mobbli (sic., attivi)  (13) tenfasizza edukazzjoni ta’ kwalità, integrazzjoni b’suċċess fis-suq tax-xogħol u aktar mobbiltà. Hija tipproponi li jitjiebu l-attrazzjoni, id-diversità tal-offerta u l-kwalità tat-tagħlim u tat-taħriġ vokazzjonali, li jitjieb l-aċċess għall-apprendistati ta’ kwalità għolja u li l-intrapriżi jitħeġġu jilqgħu tajjeb liż-żgħażagħ.

3.3

Il-Komunikazzjoni bit-titolu “Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi” (14) għandha l-għan li toħloq l-impjiegi b’mod partikolari fis-setturi li joffru possibbiltajiet kbar ta’ tkabbir, li jiġġedded id-dinamiżu tas-swieq tax-xogħol, li tiġi żviluppata l-edukazzjoni tul il-ħajja, li tiġi asssigurata s-sigurtà fl-impjiegi u jinħolqu opportunitajiet għaż-żgħażagħ.

3.4

Fid-dawl taż-żieda fil-qgħad u tkabbir ekonomiku dgħajjef fil-perjodu attwali, hemm bżonn urġenti li nkunu kapaċi nużaw opportunitajiet ġodda ta’ tagħlim, inklużi dawk li mhumiex parti mis-sistema formali. Għal din ir-raġuni, ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali (15) tikkostitwixxi kontribut fil-livell tal-UE sabiex jiġu aċċellerati r-riformi.

3.5

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar “Reviżjoni tal-Edukazzjoni: Ninvestu fil-ħiliet għal eżiti soċjoekonomiċi aħjar” (16) tinkludi għadd ta’ proposti konkreti u ta’ approċċi innovattivi anke fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, tat-tagħlim u tal-appoġġ għall-edukazzjoni, l-intraprenditorjat u l-mobbiltà. Is-sistemi Ewropej tat-tagħlim u t-taħriġ vokazzjonali għandhom jinsistu sabiex isiru mexxejja globali, kemm fir-rigward tal-istandards kif ukoll permezz tal-prestazzjoni attwali tagħhom (17).

3.6

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tema “Inressqu ż-Żgħażagħ lejn l-Impjiegi” (18) hija bbażata fuq il-proposti li tressqu s’issa, bħall-qafas Ewropew ta’ kwalità għall-apprendistati (19) u l-garanzija għaż-żgħażagħ u tirrakkomanda l-ħolqien ta’ Alleanza Ewropea għall-Apprendistati (20).

3.7

“Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Intraprenditorija 2020 – Tkebbis mill-ġdid tal-ispirtu tal-intraprendenza fl-Ewropa” jkopri l-edukazzjoni u t-taħriġ tal-intraprendituri u l-implimentazzjoni ta’ inizjattiva pan-Ewropea sabiex jinkisbu ħiliet intraprenditorjali (21), bil-għan li jiġu żviluppati l-għarfien, il-ħiliet u l-kapaċitajiet intraprenditorjali.

4.   Ir-rwol tal-impjegaturi u l-intraprendituri

4.1

L-impenji biex tissaħħaħ il-pożizzjoni fl-Ewropa tal-industrija u tas-servizzi relatati jirrikjedu bidla fl-istruttura tal-kwalifiki u tal-ħiliet korrespondenti fis-setturi kollha abbażi ta’ riżultati definiti b’mod ċar.

4.2

Ir-ristrutturar f’għadd ta’ setturi, li huwa karatteristika naturali tal-ekonomiji dinamiċi, iwassal għal telf ta’ impjiegi iżda fl-istess ħin joħloqhom ukoll. Madankollu, in-numru ta’ impjiegi ġodda huwa ħafna anqas minn dak tal-impjiegi li jintilfu (22). Għall-impjegaturi, dan ifisser li, f’kooperazzjoni mal-gvernijiet u fil-kuntest tad-djalogu soċjali, ikunu jistgħu jantiċipaw u jiġġestixxu l-bidliet b’tali mod li jiġu limitati l-konsegwenzi soċjali u jiżdied l-effett pożittiv tar-ristrutturar. Dan ifisser ukoll li konsegwentement ikollhom jipparteċipaw fl-investimenti fl-edukazzjoni u l-kwalifikazzjoni mill-ġdid.

4.3

Għalhekk huwa neċessarju li jiġu antiċipati l-bżonnijiet futuri tas-suq tax-xogħol. Anke jekk l-istudji internazzjonali speċjalizzati juru li huwa diffiċli ħafna li jiġu antiċipati b’mod kredibbli l-bżonnijiet fit-tul tas-suq tax-xogħol, minħabba n-natura dinamika ħafna tal-iżvilupp globali, l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi u tal-intrapriżi, fil-kuntest tad-djalogu soċjali, iridu jwettqu analiżijiet fuq perjodu qasir u dak medju ta’ kull settur, jidentifikaw id-differenzi reġjonali u jirreaġixxu għall-bżonnijiet li jinbidlu tal-intrapriżi fir-rigward tal-forza tax-xogħol ikkwalifikata. Dawn l-analiżijiet u l-previżjonijiet jikkonċernaw l-entitajiet ekonomiċi kollha, inklużi l-kooperattivi u l-artiġjanat.

4.3.1

L-aħjar approċċ huwa li jiġu stabbiliti objettivi strateġiċi u jitfasslu pjani ta’ azzjoni. Pjani ta’ azzjoni bħal dawn ġeneralment jinvolvu li tissaħħaħ il-kummerċjalizzazzjoni f’settur speċifiku, jiġi propost kunċett edukattiv u jiġu definiti l-esiġenzi, tiġi kondiviża responsabbiltà konġunta u li l-Istat u l-partijiet interessati l-oħra jiġu involuti fl-edukazzjoni u t-taħriġ tal-gradwati minn lat ekonomiku, tiġi żviluppata l-kooperazzjoni bejn l-intrapriżi, l-iskejjel u partijiet interessati oħra sabiex tiġi stabbilita r-rabta bejn it-teorija u l-prattika, jinħolqu skemi ta’ taħriġ għall-istudenti fl-intrapriżi u li tiġi żviluppata kultura tal-mobbiltà tal-intrapriża.

4.3.1.1

L-approċċ edukattiv jista’ jinkludi li tiġi vvalutata l-kwalità tal-gradwati f’suġġetti differenti relatati ma’ settur speċifiku, li jiġu speċifikati l-professjonijiet li jistgħu jiġu assigurati permezz tal-kwalifikazzjoni mill-ġdid, li jkun hemm kooperazzjoni bejn is-setturi mal-fergħat industrijali l-oħra, li tiġi stabbilita lista ta’ skejjel sekondarji u primarji li jikkooperaw, li jiġu involutil-esperti fl-għoti ta’ pariri dwar il-karrieri, u li jiġu organizzati sondaġġi dwar il-motivazzjoni u l-ideat tal-istudenti tal-aħħar snin dwar il-karriera professjonali tagħhom.

4.3.1.2

Huwa importanti li jkun hemm it-taħriġ tal-istudenti fl-intrapriżi. Dan ifisser, fost affarijiet oħra, li jiġu stabbiliti programmi għal dan il-għan, il-kumpaniji jiġu ppreparati sabiex jinvolvuhom fl-attività tal-intrapriżi u jiġu stabbiliti regoli sabiex tiġi evalwata l-effikaċja tat-taħriġ tal-istudenti. Ikun tajjeb li l-intrapriżi jappoġġjaw il-mobbiltà tal-istudenti u tal-apprendisti u li jorganizzaw programmi ta’ skambju.

4.3.1.3

L-edukazzjoni u t-taħriġ huma attivitajiet onerużi li jinvolvu ammont kbir ta’ benefiċjarji (23). Is-setgħat pubbliċi jassumu responsabbiltà konsiderevoli għall-kofinanzjament tal-għajnuna għall-adulti biex dawn ikunu jistgħu jiksbu l-ħiliet fundamentali, kif ukoll il-ħiliet u l-kwalifiki meħtieġa biex jidħlu għall-ewwel darba jew mill-ġdid fis-suq tax-xogħol. Wieħed jistenna li l-impjegaturi jassumu l-akbar responsabbiltà finanzjarja tal-iżvilupp tal-ħiliet marbuta ma’ kompitu speċifiku. Filwaqt li l-individwi għandhom jassumu wkoll ir-responsabbiltà tal-impjegabbiltà tagħhom stess u jiżviluppaw din il-kapaċità u l-ħiliet professjonali tagħhom.

4.3.1.4

F’diversi Stati Membri, il-gvern jipparteċipa b’mod konġunt fl-implimentazzjoni ta’ programmi edukattivi u ta’ kwalifikazzjoni mill-ġdid, inkluż b’mod finanzjarju. Din ir-responsabbiltà pubblika hija inevitabbli u ser ikun possibbli li titjieb billi jiġu garantiti l-opportunitajiet ta’ finanzjament mill-fondi Ewropej jew l-opportunitajiet li l-proġetti jiġu użati u jintrabtu flimkien. Madankollu, il-finanzjament mis-sorsi pubbliċi fl-ebda każ ma jista’ jissostitwixxi r-responsabbiltà tal-partijiet interessati kollha, u b’mod partikolari dik tal-impjegaturi.

4.4

Fil-kuntest tad-djalogu soċjali, jeħtieġ li l-impjegaturi jkunu involuti b’mod aktar effikaċi fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki nazzjonali tal-edukazzjoni li għandhom l-għan li jtejbu l-aċċess għall-edukazzjoni preprimarja u jimmodernizzaw u jirriabilitaw it-tagħlim u t-taħriġ vokazzjonali fil-livell sekondarju u terzjarju.

4.4.1

Sistema ta’ kwalità tajba u aċċessibbli għall-kura tat-tfal qabel jibdew l-iskola tagħmel parti mit-taħriġ inizjali. L-impjegaturi jistgħu jikkooperaw mal-faċilitajiet preprimarji u jħeġġu l-iżvilupp tat-talenti, pereżempju permezz ta’ ġugarelli tekniċi f’firxa wiesgħa ta’ suġġetti, f’kooperazzjoni maċ-ċentri speċjalizzati u l-ġenituri.

4.4.2

Ikun utli li t-tagħlim ikopri, sa mill-iskola primarja, ħiliet prattiċi bażiċi għal firxa wiesgħa ta’ professjonijiet, inklużi l-professjonijiet tekniċi, u jinkludi l-perspettivi tal-fergħat differenti tal-industrija u tas-servizzi u l-esiġenzi attwali fir-rigward tal-għarfien u l-kompetenzi. Mingħajr progress fil-qasam tal-ħiliet prattiċi u fis-suġġetti xjentifiċi u tekniċi ser ikun diffiċli li jittejbu t-tagħlim u t-taħriġ vokazzjonali u l-apprendistati. Dan jista’ jkun wieħed mill-modi kif tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol tal-lum il-ġurnata.

4.4.3

L-aktar studju reċenti tas-Cedefop (24) wera li għadd ta’ pajjiżi Ewropej diġà adottaw miżuri sabiex it-tagħlim u t-taħriġ vokazzjonali jsiru aktar attraenti. Madankollu, dan l-istħarriġ juri li mhux qed isir biżżejjed sforz f’numru ta’ oqsma prinċipali, b’mod partikolari fir-rigward tat-titjib tal-pont bejn it-tagħlim u t-taħriġ vokazzjonali u l-edukazzjoni għolja, ir-reviżjoni u l-modernizzazzjoni tas-sillabi tat-tagħlim, it-titjib tal-infrastruttura tal-edukazzjoni vokazzjonali u ċ-ċentri ta’ taħriġ, il-promozzjoni tal-aċċess għal gruppi speċifiċi, l-implimentazzjoni ta’ tibdil strutturali u t-titjib tal-kooperazzjoni fost il-livelli differenti, it-titjib fis-sistema tal-apprendistati u b’mod partikolari involviment ikbar tal-impjegaturi u tal-imsieħba soċjali.

4.4.4

Il-kapaċità tal-istituzzjonijiet Ewropej tal-edukazzjoni għolja sabiex jaqdu r-rwol tagħhom fis-soċjetà u sabiex jikkontribwixxu għall-prosperità tal-Ewropa għadha mhux sfruttata biżżejjed (25). L-ekonomija tal-għarfien għandha bżonn persuni li għandhom it-taħlita tajba ta’ ħiliet: ħiliet trasversali, ħiliet diġitali għall-era diġitali, kreattività u adattabbiltà kif ukoll għarfien sod tas-suġġett magħżul. Għalhekk huwa importanti li l-iskejjel u l-intrapriżi, magħżula b’mod adegwat, jikkooperaw ukoll fil-livell tat-tagħlim superjuri. L-impjegaturi ma jistgħux jistennew li l-iskejjel jipproduċu gradwati magħmulin bil-qies għalihom. Huma jridu, fid-dawl tal-ħiliet tagħhom, jikkooperaw fil-kurrikuli u jżidu l-livell ta’ tagħmir fl-iskejjel. Fl-istess ħin, madankollu, hemm bżonn li tiġi rispettata l-awtonomija tal-iskejjel li jwettqu kompiti importanti oħra għas-soċjetà kollha.

4.5

In-nuqqas ta’ ħiliet fis-suġġetti xjentifiċi u tekniċi xi darba ser ikun wieħed mill-ostakli prinċipali għat-tkabbir ekonomiku. Il-forza tax-xogħol qiegħda tixjiħ. Il-bidla tal-ġenerazzjonijiet hija realtà għal għadd ta’ professjonijiet relatati ma’ dawn l-oqsma hekk kif il-ħaddiema bl-esperjenza jitilqu l-kumpanija sabiex jirtiraw. Ser jgħaddu s-snin qabel is-sistemi tal-iskejjel ikunu adattaw b’tali mod li s-suq tax-xogħol ikollu ħaddiema kwalifikati fl-oqsma tekniċi li għandhom bżonn b’tant urġenza.

4.5.1

Għal din ir-raġuni, l-impjegaturi jridu jiġġieldu kontra l-ħrafa li dawn il-ħiliet xjentifiċi m’għandhomx futur. Huma jridu juru li anzi l-iżvilupp ta’ dawn is-suġġetti fl-iskejjel fil-livelli kollha ser ifisser aktar opportunitajiet fil-futur u aktar flessibbiltà biex wieħed jibni karriera. Huma jridu jinfurmaw aktar dwar il-ħiliet futuri li għandhom bżonn l-intrapriżi u jridu jikkontribwixxu għat-taħriġ tul il-ħajja tal-għalliema (26).

4.5.2

Madankollu ma nistgħux nitfgħu t-tort biss fuq is-sistemi edukattivi. L-impjegaturi jridu jbassru l-iżviluppi futuri fil-ħin adegwat, jindirizzaw l-isfidi globali u teknoloġiċi, jimmodernizzaw is-siti tal-produzzjoni u joħolqu possibbiltajiet ta’ impjieg għall-gradwati bil-għan li jiksbu ħiliet ta’ livell globali.

4.5.3

L-impjegaturi jridu wkoll jiġġieldu kontra l-ħrafa li n-nisa mhumiex tajbin għal ċerti oqsma u jridu jisfruttaw aħjar il-potenzjal tan-nisa billi jappoġġjaw, pereżempju, l-iżvilupp tal-karriera, tat-talenti, l-iskemi tat-tutoring, l-isponsoring, it-taħriġ vokazzjonali u eżempji tal-aħjar prattika. Għadhom jeżistu differenzi kbar bejn it-tipi ta’ taħriġ għan-nisa u għall-irġiel. In-nisa għadhom mhux irrappreżentati biżżejjed fis-suġġetti xjentifiċi.

4.5.4

Fl-istess waqt li l-iskejjel tekniċi qegħdin jisparixxu, qed jisparixxu wkoll l-għalliema tat-taħriġ vokazzjonali. Għalhekk hemm bżonn li jiġi assigurat għadd biżżejjed ta’ għalliema u ħarrieġa ta’ kwalità. Dawn tal-aħħar iridu jkunu jafu bil-bżonnijiet dejjem jinbidlu tas-suq tax-xogħol u jkunu jafu jgħaddu l-għarfien tekniku tagħhom lill-istudenti tagħhom. Għandhom jitħeġġu t-tagħlim tul il-ħajja u l-iskemi ta’ taħriġ fl-intrapriżi għall-għalliema u l-ħarrieġa. Huwa għalhekk li l-impjegaturi għandhom jippermettu lill-persuni interessati u kapaċi fost il-persunal tagħhom li jsiru ħarrieġa fi ħdan l-intrapriża tagħhom għall-apprendisti u t-trainees, u joffrulhom it-taħriġ pedagoġiku u psikoloġiku rilevanti.

4.6

Fil-kuntest tas-sħubija soċjali hemm lok li qabel kollox l-impjegaturi jiġu involuti fit-tfassil ta’ strateġiji nazzjonali ta’ tagħlim tul il-ħajja u fil-ħolqien tal-qafas sabiex jiġu rikonoxxuti r-riżultati tat-taħriġ mhux formali u informali. Jeħtieġ li jiġu appoġġjati u rikonoxxuti l-kwalifiki u l-ħiliet miksubin permezz tat-taħriġ mhux formali u informali sabiex jiżdiedu l-ħiliet taż-żgħażagħ u r-rwol tagħhom fis-suq tax-xogħol. (27)  (28) Dawn l-istrateġiji ta’ tagħlim tul il-ħajja, b’mod parallel mal-istrateġiji ta’ żvilupp rurali, għandhom jagħtu l-possibbiltà lill-individwi interessati fiż-żoni rurali li jkomplu jistudawj u jiksbu kwalifiki ġodda.

4.6.1

L-impjegaturi għandhom dritt jistennew li s-sistema edukattiva tipprovdilhom gradwati li jkunu lesti jkomplu jitgħallmu u li għandhom firxa ta’ ħiliet li jistgħu jiġu applikati b’mod wiesa’, sabiex it-taħriġ tagħhom fuq il-post tax-xogħol la jkun twil u lanqas iqum il-flus u li fl-istess ħin jista’ jiġi kontinwament żviluppat permezz ta’ aktar taħriġ.

4.6.2

L-impjegaturi jridu jerfgħu r-responsabbiltà tagħhom għat-taħriġ vokazzjonali li jkun speċifiku għall-intrapriża jew li jkun marbut ma’ talba temporanja għal ħiliet f’ċerti impjiegi definiti b’mod aktar strett.

4.6.3

Barra minn hekk, il-mikrointrapriżi, l-intrapriżi żgħar u l-artiġjanat għandhom ħafna aktar bżonn ta’ sistema edukattiva dinamika u flessibbli, li hija kapaċi tirrispondi għall-bżonnijiet attwali tal-ħaddiema kemm ġodda kif ukoll anzjani, li jixtiequ jew għandhom bżonn ikomplu bl-edukazzjoni jew it-taħriġ tagħhom (tagħlim tul il-ħajja).

4.6.4

Ir-rata baxxa ta’ parteċipazzjoni fit-tagħlim tul il-ħajja hija spjegata wkoll min-nuqqas ta’ koerenza bejn it-taħriġ fl-intrapriża u l-prinċipji ta’ politika attiva tal-impjieg u bejn il-metodi attwali ta’ kwalifikazzjoni mill-ġdid u l-bżonnijiet tal-impjegaturi. In-nuqqasijiet li jeżistu fil-qasam tal-edukazzjoni avvanzata jillimitaw il-possibbiltà li jkun hemm adattament għar-ritmu aċċellerat tal-bidliet teknoloġiċi, li jittrasformaw it-tagħmir tekniku tal-intrapriżi u l-vantaġġi ekonomiċi komparattivi relatati.

4.6.5

Kooperazzjoni permanenti bejn l-impjegaturi u s-servizzi tal-impjiegi hija indispensabbli. Il-kapaċità, l-infrastruttura u l-metodoloġija tas-servizzi tal-impjiegi jikkostitwixxu element importanti fl-appoġġ għad-domanda għat-taħriġ kontinwu u jħallu impatt ukoll fuq l-offerta tat-taħriġ kontinwu.

4.7

Hemm diversi modi, li jvarjaw skont il-possibbiltajiet u l-prattiki nazzjonali, kif tista’ tissaħħaħ l-influwenza tal-impjegaturi fuq l-effiċjenza tas-sistema edukattiva sabiex jissaħħu t-tkabbir u l-impjiegi u tiġi adattata għall-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol.

4.7.1

Fil-kuntest tas-sħubija soċjali, l-impjegaturi jew jikkooperaw mal-iskejjel pubbliċi jew privati ta’ reġjun jew ta’ lokalità permezz ta’ fora konġunti ta’ skejjel u intrapriżi jew permezz ta’ kunsilli u ftehimiet reġjonali jew settorjali sabiex jiġu sostnuti l-impjiegi u l-ħiliet, jew jingħaqdu flimkien sabiex jistabbilixxu u jiġġestixxu skejjel jew stabbilimenti ta’ tagħlim jew jiftħu skejjel jew ċentri ta’ tagħlim intraprenditorjali tagħhom stess.

4.7.2

Dan jgħodd għat-tipi kollha ta’ entitajiet ekonomiċi, inklużi l-mikrointrapriżi, l-intrapriżi żgħar, il-kooperattivi u l-artiġjanat. Għalhekk dawn l-inizjattivi jridu jiġu żviluppati fl-aktar livell effikaċi sabiex jissaħħu l-effeti u għandhom jiġu organizzati f’kooperazzjoni mal-korpi tal-Istat u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, peress li huwa neċessarju li jitqies ukoll l-interess pubbliku, li jkun hemm involviment f’politika attiva tal-impjieg u jinżammu impjiegi ta’ kwalità u sostenibbli.

4.8

L-apprendistati fl-intrapriżi jagħmlu parti importanti mill-proċess tat-taħriġ.

4.8.1

L-impjegaturi jaraw l-apprendistati bħala proċess li l-għan tiegħu huwa li ż-żgħażagħ jiksbu l-esperjenza prattika u l-prattiki tax-xogħol. Huwa fl-interess tal-intrapriżi li tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni taż-żgħżażagħ mis-sistema edukattiva għas-suq tax-xogħol u li ma tiġix abbużata l-pożizzjoni tal-apprendisti billi jiġu offruti xogħol li jikkorrespondi mal-għan tat-tagħlim prattiku u billi jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet tax-xogħol korrespondenti.

4.8.2

Għal din ir-raġuni l-KESE japprova l-ħidma preparatorja tal-Pjan ta’ azzjoni għall-impjiegi taż-żgħażagħ li saret fil-kuntest tal-programm konġunt tal-imsieħba soċjali Ewropej (29), li fil-kuntest tal-prijoritajiet tiegħu definiti b’mod konġunt, ser jindirizza wkoll l-apprendistati, l-esperjenzi fuq il-post tax-xogħol u t-taħriġ.

4.9

L-għarfien u l-esperjenzi miksuba permezz ta’ tagħlim mhux formali u informali f’kuntest ta’ volontarjat jistgħu jżidu l-kreattività u l-kapaċità ta’ innovazzjoni tal-ħaddiema, u jikkontribwixxu sabiex tiżdied l-impjegabbiltà tagħhom u tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol. L-intrapriżi, fil-kuntest tal-istrateġiji tagħhom tar-responsabbiltà soċjali, jappoġġjaw l-attivitajiet volontarji tal-ħaddiema tagħhom. Madankollu, in-nuqqas ta’ qafas legali, ta’ strumenti ta’ evalwazzjoni u tar-rikonoxximent tal-ħiliet li jinkisbu b’dan il-mod, imma speċjalment l-ostakli finanzjarji u fiskali jimpedixxu lill-impjegaturi milli jappoġġjaw il-volontarjat b’mod sistematiku (30).

5.   Il-kontribut tal-impjegaturi għall-implimentazzjoni tal-istrumenti Ewropej fil-livell nazzjonali

5.1

Fil-kuntest tas-sħubija soċjali, l-impjegaturi jieħdu sehem fit-tfassil u t-twaqqif tal-prinċipji Ewropej komuni (f’oqsma bħall-għoti ta’ pariri jew l-identifikazzjoni u l-validazzjoni tal-edukazzjoni mhux formali u informali) u strumenti relatati (31) (QEK, ECVET, EQAVET, Europass). Dawn il-prinċipji u l-istrumenti għandhom l-għan li jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-mobbiltà tal-ħaddiema, l-istudenti u l-ħarrieġa bejn is-sistemi differenti ta’ edukazzjoni u s-sistemi ta’ taħriġ vokazzjonali, kif ukoll bejn il-pajjiżi differenti.

5.2

L-Istati Membri tal-UE adottaw il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK)  (32) , li jiddefinixxi tmien livelli ta’ kwalifiki abbażi tal-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi ġenerali. Hija r-responsabbiltà ta’ kull Stat Membru li jikklassifika kull waħda mill-kwalifiki f’wieħed minn dawn it-tmien livelli.

Permezz pereżempju tal-kumitati settorjali, u flimkien ma’ atturi oħra, ir-rappreżentanti tal-impjegaturi jistgħu jfasslu d-deskrizzjonijiet tal-kwalifiki li jikkorrespondu għall-postijiet tax-xogħol fis-settur tagħhom. Dawn l-oqfsa (klassifikazzjonijiet) nazzjonali ta’ kwalifiki, jew l-istandards tagħhom, huma bażi għat-tagħlim u kriterju għar-rikonoxximent tal-kwalifiki. Jikkostitwixxu wkoll il-bażi għat-tfassil tal-kurrikuli nazzjonali tal-iskejjel sekondarji kif ukoll tal-kurrikuli ta’ istituzzjonijiet oħra relatati. Għalhekk huwa possibbli li jinħolqu klassifikazzjonijiet nazzjonali tal-professjonijiet li jsegwu u jindirizzaw l-esiġenzi neċessarji għat-twettiq ta’ kull professjoni fis-suq tax-xogħol u b’hekk isiru sors essenzjali ta’ informazzjoni fil-qasam tar-riżorsi umani u tat-taħriġ vokazzjonali fil-livelli kollha.

5.3

Waħda mill-miżuri inklużi fil-programm għall-kompetenzi ġodda u għall-impjiegi kienet li sal-aħħar tal-2012 titlesta l-Klassifikazzjoni Ewropea tal-Ħiliet, il-Kompetenzi u l-Impjiegi (ESCO) fil-forma ta’ pjattaforma kondiviża għall-qasam tax-xogħol u għal dak tat-tagħlim u t-taħriġ vokazzjonali. Dan il-proġett għandu jissostitwixxi jew jikkompleta l-klassifikazzjonijiet settorjali nazzjonali u internazzjonali eżistenti u jikkostitwixxi strument li jiffaċilita l-ħolqien ta’ suq tax-xogħol dinamiku, ikkaratterizzat minn tranżizzjonijiet bla xkiel, speċjalment minn impjieg għal ieħor, jew mit-taħriġ għall-ewwel impjieg.

5.3.1

Madankollu, din il-klassifikazzjoni mhijiex rilevanti għall-mikrointrapriżi u l-intrapriżi żgħar peress li l-istandards tal-ESCO jassumu li l-persuni kollha li għandhom impjieg speċifiku u li għandhom l-istess kwalifiki jwettqu l-istess lista ta’ kompiti, tkun xi tkun l-intrapriża li jaħdmu fiha. Iżda llum, f’dinja tax-xogħol li qed tinbidel b’mod mgħaġġel b’teknoloġiji differenti, l-esiġenżi tal-klijenti, il-metodi tax-xogħol u d-disponibbiltà ta’ ħaddiema kompetenti kollha jfissru li t-tqassim tal-kompiti li jingħataw lill-ħaddiema jitlob li dawn il-ħaddiema jkunu flessibbli huma u jwettqu dawn il-kompiti u jkunu lesti jadattaw il-metodi tagħhom ta’ kif jaħdmu sabiex jirrispondu għall-bidliet permanenti ta’ dinja teknoloġika u tal-ICT li fiha joperaw l-intrapriżi fil-prattika.

5.3.2

Huwa essenzjali li l-impjegaturi u l-organizzazzjonijiet tal-intrapriżi jirrispettaw il-bżonnijiet speċifiċi tal-mikrointrapriżi u l-intrapriżi żgħar sabiex jgħinuhom ifasslu rapporti dedikati li jippermettulhom jippreżentaw fid-dettall il-mod li bih joperaw dawn l-intrapriżi li huma aktar flessibbli u dinamiċi. Dan ir-rapport irid jassigura li r-“riżultati” tiegħu jiġu espressi bħala kompiti u mhux bħala funzjonijiet ġeneriċi. Għalhekk huwa possibbli li t-taħriġ u l-kwalifiki jiġu żviluppati minn dan ir-rapport dwar il-kompiti u b’hekk jiġi prodott rendikont ċar tal-verifika mill-post tax-xogħol sal-kwalifiki finali.

5.4

L-impjegaturi, l-intrapriżi u l-atturi ekonomiċi l-oħra għandhom jużaw il-proġetti kollha ffinanzjati mill-baġits nazzjonali u mill-fondi strutturali tal-UE, partikolarment il-FSE u l-Erasmus għal Kulħadd. Fil-kuntest tal-politiki attivi tal-impjieg, l-Istati Membri attwalment qegħdin iniedu numru ta’ proġetti bil-għan li n-nies jibqgħu fl-impjieg tagħhom, jiġu aġġornati u jiżdiedu l-ħiliet tal-ħaddiema u tiġi promossa t-tranżizzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol (33). L-adozzjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid jawtorizza wkoll għadd ta’ programmi ġodda bil-għan li jiġu appoġġjati l-edukazzjoni, il-mobbiltà u l-innovazzjoni, bħall-Erasmus għal Kulħadd, COSME u Orizzont 2020

6.   Prospetti u sfidi tas-sistema doppja fl-Ewropa

6.1

Illum il-ġurnata, l-Ewropa qiegħda, bir-raġun, tpoġġi kull tama tagħha fil-promozzjoni u l-iżvilupp tas-sistema doppja. Jidher ċar ħafna li l-Istati Membri li japplikaw dawn is-sistemi fit-tul jiksbu riżultati tajbin u li r-rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ hija ħafna iktar baxxa mill-medja tal-UE (34).

6.2

Fl-Opinjoni tiegħu dwar il-“pakkett dwar l-impjiegi”, il-KESE jindika b’mod ċar li wieħed mill-modi biex jitnaqqas id-distakk bejn il-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol, l-edukazzjoni u l-istennijiet taż-żgħażagħ huwa billi jiġu appoġġjat l-iżvilupp ta’ dawn is-sistemi skolari ta’ apprendistat ta’ kwalità għolja ħafna.

6.3

L-istudju tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-sitwazzjoni tal-apprendistati fl-UE (35) jiġbed l-attenzjoni b’mod partikolari għal ċerti sfidi li għandhom jiġu indirizzati minn dawn is-sistemi ta’ apprendistat. Pereżempju huwa nnotat li l-vantaġġ ta’ tranżizzjoni rapida mill-iskola għad-dinja tax-xogħol huwa biss temporanju; fil-perjodu fit-tul, il-prospetti ta’ impjieg jidhru inqas evidenti. Kwistjoni oħra tikkonċerna l-livell li bih il-ħiliet u l-kwalifiki miksuba f’intrapriża jiġu “trasferiti” għal intrapriża oħra (fl-istess settur jew f’settur differenti).

6.4

Dan l-istudju jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-fatt li fl-2008, minħabba l-kriżi ekonomika dinjija, in-numru ta’ studenti fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali żdied iżda n-numru ta’ postijiet offruti għall-apprendistati u t-traineeships naqas f’ħafna Stati Membri minħabba klima kummerċjali instabbli. Din is-sitwazzjoni għalhekk twassal għall-mobilizzazzjoni tal-partijiet interessati kollha u tar-responsabbiltà konġunta tagħhom bil-għan li jinħolqu postijiet ġodda tal-apprendistat fl-intrapriżi jew soluzzjonijiet alternattivi appoġġjati mill-Istat.

6.5

L-istħarriġ ta’ BUSINESSEUROPE (36) dwar l-esperjenzi konkreti f’dan ir-rigward fil-livell ta’ kull Stat Membru wera l-approċċi differenti fit-tfassil ta’ skemi li jgħaqqdu t-tagħlim skolastiku mal-prattiki tal-intrapriżi. Dan wassal għal numru ta’ rakkomondazzjonijiet, inklużi dawk indirizzati lill-impjegaturi, b’mod partikolari:

biex jipparteċipaw fil-ġestjoni tas-sistema tal-apprendistati fil-qafas tas-sistema doppja u li jingħata kontribut għat-tfassil tal-programmi u l-adattament tagħhom maż-żmien, fattur importanti sabiex tiġi żgurata l-konsistenza tal-programmi mal-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol u fl-istess ħin jitqies il-bżonn li tiġi limitata l-burokrazija għall-intrapriżi;

li l-intrapriżi jinżammu infurmati dwar is-sistemi doppji u jitħeġġu jieħdu sehem fihom, li jipprovdulhom pariri u jippromovu l-kooperazzjoni fost l-intrapriżi.

6.6

Għal din ir-raġuni l-impjegaturi jilqgħu b’sodisfazzjon l-appell tal-Kummissjoni għal din l-alleanza sabiex jiġi appoġġjat l-iżvilupp tal-kwalità, sabiex tittejjeb l-immaġni tal-apprendistati fl-Ewropa u jsiru aktar attraenti. Huma lesti wkoll li jerfgħu r-responsabbiltà tagħhom għall-ħolqien ta’ apprendistati abbażi tas-sistemi doppji li jorbtu t-tagħlim skolastiku mal-prattiki tal-intrapriżi (37).

6.7

L-appoġġ għall-apprendistat joffri lill-impjegaturi mhux biss mezz vantaġġuż sabiex jevalwaw il-kandidati potenzjali qabel ma jiġu impjegati ħaddiema ġodda iżda jipprovdi wkoll vantaġġi ekonomiċi usa’ fit-tul, u fl-istess ħin jikkostitwixxi espressjoni tar-responsabbiltà soċjali.

Brussell, 20 ta’ Marzu 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Jiġifieri x-xjenza, is-suġġett tat-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika.

(2)  Il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki.

(3)  Il-Klassifikazzjoni Ewropea tal-Ħiliet, il-Kompetenzi u l-Impjiegi.

(4)  Is-Sistema Ewropea ta’ Krediti għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali, li tikkontribwixxi għall-validazzjoni, ir-rikonoxximent u l-akkumulazzjoni tal-ħiliet u l-għarfien relatat max-xogħol.

(5)  Jiġifieri: il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Soċjali Ewropew.

(6)  Fost oħrajn hemm COM(2010) 682 final, 23.11.2010, COM(2010) 477 final, 15.9.2010, u COM(2010) 614 final/3, 18.11.2010, eċċ.

(7)  Ara ĠU C 68, 6.3.2012, p. 1-10, ĠU C 318, 29.10.2011, p. 142-149, ĠU C 68, 6.3.2012, p. 11-14 , ĠU C 132, 3.5.2011, p. 55.

(8)  Ara COM(2012) 727 final.

(9)  F’dan ir-rigward ara l-ftehim qafas dwar is-swieq tax-xogħol inklużivi (2010) u l-qafas ta’ azzjonijiet għall-iżvilupp tal-ħiliet u l-kwalifiki tul il-ħajja kollha (2002).

(10)  Ara ĠU C 143, 22.5.2012, p. 94-101, ĠU C 318, 29.10.2011, p. 69-75 u ĠU C 11, 15.1.2013, p. 65–70.

(11)  ĠU C 11, 15.1.2013, p. 65–70.

(12)  Il-KESE nieda għadd ta’ azzjonijiet ibbażati fuq l-eżempji tajba tal-kooperazzjoni tal-iskejjel u l-intrapriżi, ir-rabta bejn it-taħriġ vokazzjonali u l-prattika kif ukoll fuq l-appoġġ għall-intraprendituri żgħażagħ: Nunc Thermo Fisher Scientific, Roskilde, id-Danimarka, fis-6 ta’ Frar 2012“Mill-iskola għax-xogħol”; Skola politeknika ta’ Guarda, il-Portugall, fil-5 ta’ Ġunju 2012“Forum għall-millenju l-ġdid”. Il-KES ta’ Versailles, Franza, fid-29 ta’ Awwissu 2012, konferenza tematika dwar “Iż-żgħażagħ Ewropej: ġenerazzjoni li tittama jew ġenerazzjoni li taqta’ qalba?”, kif ukoll il-fora dwar l-appoġġ għall-intraprendituri żgħażgħagħ u għall-intraprendituri nisa.

(13)  Ara: COM(2010) 477 final, 15.9.2011

(14)  Ara: COM(2012) 173 final, 18.4.2012.

(15)  Ara: COM(2012) 485 final, 5.9.2012, “Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali”.

(16)  Ara: COM(2012) 669 final, “Reviżjoni tal-Edukazzjoni: Ninvestu fil-ħiliet għal eżiti soċjoekonomiċi aħjar”.

(17)  SWD(2012) 375 final, “Vocational education and training for better skills, growth and jobs” (L-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali sabiex jitjiebu l-ħiliet, it-tkabbir u l-impjiegi).

(18)  COM(2012) 727, “Inressqu ż-Żgħażagħ lejn l-Impjiegi”, inkluż id-dokument SWD(2012) 406 dwar il-Qafas ta’ Kwalità għall-Iskemi ta’ Taħriġ.

(19)  B’konformità mal-Artikolu 153(5) tat-TFUE, it-tieni stadju tal-konsultazzjoni tal-imsieħba soċjali Ewropej bdiet fil-5 ta’ Diċembru 2012.

(20)  Fl-10 u l-11 ta’ Diċembru ltaqgħu xi ministri tal-edukazzjoni f’Berlin u, bil-għan li jappoġġjaw l-Alleanza, adottaw memorandum li jinkludi 10 proposti konkreti ta’ miżuri għat-tisħiħ tal-attrazzjoni u l-kwalità tat-tagħlim u t-taħriġ vokazzjonali, u biex jiżviluppaw is-sistemi doppji.

(21)  COM(2012) 795 final, “Pjan ta’ azzjoni dwar l-intraprenditorija 2020 – Tkebbis mill-ġdid tal-ispirtu tal-intraprendenza fl-Ewropa”, 9 ta’ Jannar 2013.

(22)  Il-Monitor Ewropew tar-Ristrutturar tal-Eurofound irreġistra, minn Lulju sa Settembru 2012, 274 każ ta’ ristrutturar, li jirrappreżentaw telf ta’ 105 076 impjieg u l-ħolqien ta’ 30 520 impjieg ġdid.

(23)  Ara: http://adult-learning-investment.eu/docs/BackgroundReport.pdf (mhux disponibbli bil-Malti).

(24)  Workshop tad-9 u l-10 ta’ Ottubru 2012, “Attractive vocational education and training: what really matters” (Edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali attraenti: l-aktar aspetti importanti), studju ta’ SKOPE, Università ta’ Oxford, ara www.cedefop.org.

(25)  Ara: COM(2011) 567 final, 20.9.2011, “Insostnu t-tkabbir u l-impjiegi – aġenda għall-immodernizzar tas-sistemi ta’ edukazzjoni għolja fl-Ewropa”.

(26)  Ara l-pubblikazzjoni ta’ BUSINESSEUROPE: “Plugging the skills gap: the clock is ticking” (Innaqsu d-distakk tal-ħiliet: iż-żmien ma jistenna lil ħadd), 2011.

(27)  Cedefop: Il-linji gwida Ewropej għall-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali.

(28)  Ara ĠU C 181, 21.6.2012, p. 154: “il-KESE jitlob definizzjoni operazzjonali u ċara ta’ tagħlim tul il-ħajja u aktar politiki mmirati għat-titjib tal-aċċessibilità għal kull grupp ta’ dawk li qed jitgħallmu.”

(29)  Ara l-programm ta’ ħidma pluriennali konġunt tal-imsieħba soċjali Ewropej għall-2012-2014, li jipprevedi t-tfassil ta’ qafas ta’ azzjoni għall-impjiegi taż-żgħażagħ.

(30)  Ara: COM(2011) 568 final, 20.9.2011, “Komunikazzjoni dwar il-Politiki tal-UE u l-Volontarjat”.

(31)  Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK), Sistema Ewropea ta’ Krediti għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ECVET), Qafas Ewropew ta’ Referenza tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (EQAVET), EUROPASS (għadd ta’ dokumenti li jappoġġjaw l-impjiegi u l-mobbiltà ġeografika).

(32)  Ir-rapport reċenti (tal-2012) dwar l-implimentazzjoni tal-proċess ta’ Bologna juri li hemm biss numru żgħir ta’ Stati Membri tal-UE li diġà implimentaw bi sħiħ il-kwalifiki nazzjonali kompatibbli mal-qafas Ewropew inkwistjoni.

(33)  Fir-Repubblika Ċeka dan jinkludi proġetti bħal “L-edukazzjoni hija opportunità”, “Nitgħallmu għat-tkabbir” jew “Apprendistati fl-intrapriżi”.

(34)  F’dan ir-rigward nistgħu nagħtu eżempju ta’ prattika tajba: is-seminar konġunt ta-Rappreżentanza Permanenti tal-Awstrija għall-UE u l-Kamra Ekonomika Awstrijaka, li sar fi Brussell, nhar it-3 ta’ Diċembru 2012 dwar “Sistema doppja: il-mudelli li jaħdmu”, bħala l-kontribut tal-impjegaturi għad-dibattitu Ewropew u nazzjonali dwar il-prospetti tal-impjieg għaż-żgħażagħ fl-Ewropa.

(35)  Ara l-istudju tal-Kummissjoni dwar “Apprenticeship supply in the Member States of the European Union” (Il-provvista ta’ postijiet ta’ apprendistat fl-Istati Membri tal-UE), Jannar 2012, IKEI Research & Consultancy, http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=738&langId=en&pubId=6633&type=2&furtherPubs=no (mhux disponibbli bil-Malti).

(36)  Ara l-pubblikazzjoni ta’ BUSINESSEUROPE “Creating opportunities for youth: How to improve the quality and image of apprenticeships” (Il-ħolqien ta’ opportunitajiet għaż-żgħażagħ: kif jistgħu jitjiebu l-kwalità u l-immaġni tal-apprentistati), Marzu 2012.

(37)  Fil-livell dinji, dan l-impenn jista’ jikkostitwixxi proġett komuni – IOE-BIAC “Alleanza dinjija għall-Apprendistat”.