20.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 264/91


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward ta’ eżenzjonijiet għan-negozjanti tal-komoditajiet”

[COM(2015) 648 final — 2015/0295 (COD)]

(2016/C 264/12)

Relaur:

is-Sur John WALKER

Nhar it-12 ta’ Jannar 2016 u nhar it-18 ta’ Jannar 2016, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward ta’ eżenzjonijiet għan-negozjanti tal-komoditajiet”

[COM(2015) 648 final – 2015/0295 (COD)].

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-13 ta’ April 2016.

Matul il-516-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-27 u t-28 ta’ April 2016 (seduta tas-27 ta’ April 2016), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’224 vot favur, 1 vot kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jaċċetta l-ħtieġa li jiġi emendat ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital u japprova l-emendi proposti.

1.2

Il-KESE huwa ħerqan li jagħti l-opinjoni tiegħu dwar ir-Regolament rivedut fi żmien debitu.

2.   Introduzzjoni

2.1

Il-paragrafi li ġejjin, li huma meħuda mill-Preambolu għall-abbozz ta’ Regolament, jispjegaw dan ir-rekwiżit b’mod konċiż.

2.2

Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 jagħti eżenzjoni lid-ditti tal-investiment li n-negozju ewlieni tagħhom ikun jikkonsisti b’mod esklussiv mill-forniment ta’ servizzi tal-investimenti jew minn attivitajiet relatati mal-istrumenti finanzjarji stabbiliti fil-punti 5, 6, 7, 9 u 10 tat-Taqsima C tal-Anness I tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li għalihom ma kinitx tapplika, fil-31 ta’ Diċembru 2006, id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (“negozjanti tal-komoditajiet”) minn rekwiżiti ta’ skoperturi kbar u minn rekwiżiti ta’ fondi proprji. Dawn l-eżenzjonijiet japplikaw sal-31 ta’ Diċembru 2017.

2.3

Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 jitlob ukoll mill-Kummissjoni li tħejji, sal-31 ta’ Diċembru 2015, rapport dwar reġim xieraq għas-superviżjoni prudenzjali tan-negozjanti tal-komoditajiet. Barra minn hekk, dak ir-Regolament jobbliga lill-Kummissjoni li tħejji rapport dwar reġim xieraq għas-superviżjoni prudenzjali b’mod ġenerali tad-ditti tal-investiment sal-istess data. Fejn xieraq, dawk ir-rapporti għandhom jiġu segwiti bi proposti leġiżlattivi.

2.4

Ir-reviżjoni tat-trattament prudenzjali tad-ditti tal-investiment (“rieżami tad-ditti tal-investiment”), inklużi n-negozjanti tal-komoditajiet, bħalissa huwa għaddej iżda għadu ma tlestiex. Il-finalizzazzjoni tar-rieżami u l-adozzjoni ta’ xi leġiżlazzjoni ġdida li tista’ tkun meħtieġa fid-dawl ta’ dak ir-rieżami mhux se tiġi konkluża qabel il-31 ta’ Diċembru 2017.

2.5

Taħt ir-reġim eżistenti, wara l-31 ta’ Diċembru 2017, in-negozjanti tal-komoditajiet li se jkunu soġġetti għar-rekwiżiti ta’ skoperturi kbar u tar-rekwiżiti tal-fondi proprji. Dan jista’ jġegħelhom biex iżidu b’mod sinifikanti l-ammont ta’ fondi proprji li huma jkunu jeħtieġu sabiex ikomplu bl-attivitajiet tagħhom u dan jista’ għalhekk iżid il-kosti relatati tat-twettiq ta’ dawk l-attivitajiet.

2.6

Id-deċiżjoni li jiġu applikati rekwiżiti ta’ skoperturi kbar u rekwiżiti ta’ fondi proprji għan-negozjanti tal-komoditajiet ma għandhiex tkun riżultat ta’ eżenzjoni li tkun skadiet. Minflok, dik id-deċiżjoni għanda tkun waħda immotivata bir-reqqa, ibbażata fuq il-konklużjonijiet tar-rieżami tad-ditti tal-investiment, u espressa b’mod ċar fil-leġiżlazzjoni.

2.7

Għandu għalhekk jiġi stabbilit limitu ta’ żmien ġdid sa meta japplikaw l-eżenzjonijiet. Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 għandu jiġi emendat kif meħtieġ,

3.   Il-perspettiva tal-KESE

3.1

Il-KESE jaċċetta l-fatt li r-Regolament ma fih xejn aktar minn emenda li tibdel id-data ta’ skadenza, skont il-paragrafu 2.7 hawn fuq, mill-31 ta’ Diċembru 2017 għall-31 ta’ Diċembru 2020.

3.2

Il-KESE jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma kenitx f’pożizzjoni li tirrispetta l-iskadenzi, imsemmija fil-paragrafu 2.4 hawn fuq, ffissati minnha stess. Madankollu, huwa tal-fehma li r-rekwiżiti prudenzjali għandhom ikunu stabbiliti permezz ta’ analiżi u reviżjoni dettaljati. L-eżenzjonijiet disponibbli bħalissa għal sensara ta’ komoditajiet m’għandhomx jitneħħew sempliċiment minħabba li data ta’ skadenza arbitrarja ma ġietx rispettata.

Brussell, is-27 ta’ April 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS