Brussell, 16.1.2018

COM(2018) 26 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar l-implimentazzjoni tal-politika ta' standardizzazzjoni tal-UE u l-kontribut tal-istandards Ewropej għall-politiki tal-UE

{SWD(2018) 15 final}


Introduzzjoni

Il-pajsaġġ ekonomiku qed jinbidel fl-UE u fost l-imsieħba kummerċjali internazzjonali tagħha. Il-konfini bejn il-manifattura tradizzjonali, id-diġitalizzazzjoni u s-servizzi huma dejjem anqas ċari u s-soluzzjonijiet diġitali qegħdin jiġu dejjem aktar integrati fil-ktajjen ta' valur industrijali globali. Quddiem dawn l-isfidi, il-Kummissjoni jenħtieġ li tirrifletti din ir-realtà ekonomika fil-prijoritajiet ta' standardizzazzjoni tagħha għall-politiki u l-leġiżlazzjonijiet Ewropej, flimkien mal-imsieħba interistituzzjonali. F'Ġunju 2016, fil-Komunikazzjoni "Standards Ewropej għas-Seklu 21" (minn hawn 'il quddiem "il-Komunikazzjoni") 1 , il-Kummissjoni ppreżentat viżjoni ġdida għas-Sistema Ewropea ta' Standardizzazzjoni (ESS) biex tilqa' għal dawn l-isfidi.

Il-viżjoni l-ġdida, spjegata fil-Komunikazzjoni tmur lil hinn mill-mod tradizzjonali ta' kif jiġu ttrattati l-istandards fil-livell tal-UE li qabel kien ikun limitat għal appoġġ tekniku għall-ħtiġijiet ta' armonizzazzjoni fl-UE. Il-viżjoni l-ġdida tiffoka fuq il-kontribuzzjoni tal-istandardizzazzjoni għall-isfidi soċjetali u għall-politiki Ewropej bħall-promozzjoni tal-innovazzjoni, iż-żieda fil-kwalità u fis-sikurezza, it-tisħiħ tal-impjiegi u tat-tkabbir, l-appoġġ lill-ktajjen ta' valur globali u l-iżvilupp tas-Suq Uniku.

Minbarra dan l-appoġġ estiż lill-politika, il-Komunikazzjoni introduċiet ukoll inizjattivi ġodda sabiex dawn l-għanijiet jinkisbu fl-ESS. Dan jinkludi b'mod partikolari l-Inizjattiva Konġunta dwar l-Istandardizzazzjoni 2 (JIS) u l-proposta 3 għat-tnedija ta' djalogu interistituzzjonali mal-koleġiżlaturi. Barra minn hekk, f'April 2016 il-Kummissjoni stabbiliet il-prijoritajiet għall-istandardizzazzjoni tal-ICT, u pproponiet azzjonijiet konkreti fil-Komunikazzjoni tagħha dwar il-Prijoritajiet tal-Istandardizzazzjoni tal-ICT għas-Suq Uniku Diġitali (minn hawn 'il quddiem il-"Komunikazzjoni tal-ICT") 4 fuq il-bażi ta' approċċ strateġiku fuq żewġ pilastri. Fl-ewwel pilastru l-Kummissjoni identifikat ħames oqsma ta' prijorità fejn l-azzjoni hija kkunsidrata aktar urġenti. Fit-tieni pilastru, il-Kummissjoni pproponiet proċess ta' livell għoli sabiex tikseb l-azzjonijiet, tieħu kont tal-progress fuq ir-riżultati – u fejn meħtieġ – tadatta l-prijoritajiet 5 .

Wieħed mill-aktar prinċipji importanti tal-istandardizzazzjoni huwa t-trasparenza li tirrikjedi l-istabbiliment ta' għodda għall-komunikazzjoni u l-qsim ta' informazzjoni mal-partijiet interessati. Fl-istandardizzazzjoni Ewropea, dan intlaħaq s'issa permezz tal-programm ta' ħidma annwali tal-Unjoni għall-istandardizzazzjoni Ewropea 6 (AUWP) u l-Pjan Rikorrenti 7 għall-Istandardizzazzjoni tal-ICT 8 .

Dan ir-rapport għandu l-għan li jispjega kif l-azzjonijiet u l-atturi individwali tal-AUWPs preċedenti, il-Komunikazzjoni dwar il-Prijoritajiet tal-Istandardizzazzjoni tal-ICT għas-Suq Uniku Diġitali (minn hawn 'il quddiem il-"Komunikazzjoni dwar l-ICT") 9 u l-JIS s'issa kkontribwew għall-għanijiet stipulati mill-Komunikazzjoni. Huwa maqsum f'żewġ partijiet; waħda tkopri l-elementi ta' politika ta' din il-viżjoni ġdida u l-oħra tirrigwarda l-kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati. Huwa akkumpanjat minn Dokument ta' Ħidma tal-Persunal li jispjega l-progress tal-azzjonijiet differenti tal-AUWPs imsemmija qabel u attivitajiet oħrajn kontinwi. Dan ir-rapport huwa maħsub sabiex jappoġġja d-djalogu interistituzzjonali previst fil-Komunikazzjoni, li l-Kummissjoni se tfittex mal-koleġiżlaturi matul ix-xhur segwenti bl-għan li tibni l-pedamenti għall-ħidma fl-AUWP tal-2019.

Elementi ta' politika tal-viżjoni l-ġdida 

1.Il-promozzjoni tal-innovazzjoni

L-istandards huma motivatur rikonoxxut tal-innovazzjoni 10 . Strument ewlieni tal-innovazzjoni fil-proċess ta' standardizzazzjoni huwa t-tfassil tad-data xjentifika u teknika rilevanti, magħrufa aħjar bħala r-riċerka pre-normattiva, li twassal għall-abbozzar ta' standard. Ir-Regolament UE Nru 1025/2012 11 (minn hawn 'il quddiem "ir-Regolament") stabbilixxa l-qafas wara li kiber il-kontribut tal-istandardizzazzjoni għall-innovazzjoni fl-Ewropa. Sa mill-2016, flimkien ma' partijiet ikkonċernati oħrajn fil-qafas tal-azzjoni tal-JIS, il-Kummissjoni intensifikat l-attenzjoni tagħha fuq dan l-għan billi rabtet ir-riċerka u l-innovazzjoni mal-istandardizzazzjoni 12 .

L-iżgurar ta' interazzjoni mill-qrib u f'waqtha bejn ir-riċerka u żvilupp (R&Ż) u l-istandardizzazzjoni huwa fattur ewlieni li jgħin biex l-oġġetti innovattivi jilħqu s-suq. L-Orizzont 2020 ġedded ukoll l-attenzjoni tiegħu fuq ir-relazzjoni bejn il-proġetti ta' riċerka tiegħu u l-proċess ta' standardizzazzjoni, speċifikament billi integra l-attivitajiet ta' standardizzazzjoni fil-proġetti ta' riċerka u billi rrikonoxxa l-potenzjal tagħhom biex jagħtu spinta lill-impatt tar-riċerka u tar-riżultati tar-R&Ż. Għadd ta' attivitajiet pre-normattivi li jappoġġjaw l-apparat mediku, il-protezzjoni ambjentali, id-dekarbonizzazzjoni, l-effiċjenza fl-enerġija u l-metroloġija qed jiġu mfassla taħt proġetti tal-Orizzont 2020 għal Sistemi ta' Trasport Intelliġenti Kooperattivi (C-ITS), iċ-ċibersigurtà u l-privatezza diġitali 13 , in-Nanoteknoloġiji, il-Materjali Avvanzati, il-Bijoteknoloġija, l-Enerġija li tinkludi ċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu, is-Soċjetajiet sikuri u l-Manifattura u l-Ipproċessar Avvanzati.

Ir-riċerka pre-normattiva kontinwa wkoll qed tikkontribwixxi għal skemi ta' ċertifikazzjoni armonizzati ta' prodotti u sistemi ta' sigurtà.

Il-Kummissjoni qed taħdem mal-Organizzazzjonijiet Ewropej għall-Istandardizzazzjoni (ESOs) u ma' Organizzazzjonijiet Oħrajn li Jiżviluppaw l-Istandards (SDOs), fora u konsorzji u partijiet ikkonċernati rilevanti rigward miżuri possibbli li jtejbu l-ekosistema tal-istandardizzazzjoni tal-ICT. Dan jinkludi l-promozzjoni tal-interazzjoni bejn komunitajiet ta' sors miftuħ u ta' standardizzazzjoni u d-definizzjoni ta' qafas ta' liċenzjar Ewropew ibbilanċjat, ċar u prevedibbli għal Privattivi Essenzjali għal Standard (PES). Il-Kummissjoni ppubblikat komunikazzjoni dwar dan f'Novembru 2017 14 .

Il-Kummissjoni tuża b'mod wiesa' l-Orizzont 2020 sabiex tiffinanzja proġetti ta' riċerka u innovazzjoni li jikkontribwixxu għall-istandardizzazzjoni u qed taħdem mal-ESOs rigward azzjonijiet li jnaqqsu d-distakk bejn ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-istandardizzazzjoni. Is-sħubijiet pubbliċi-privati (PPPs) tal-Orizzont 2020 huma essenzjali għall-iżvilupp ta' elementi kostitwenti ewlenin tat-teknoloġija diġitali. Proġetti pilota fuq skala kbira jħejju tnedija wiesgħa permezz ta' bankijiet tat-testijiet, faċilitajiet ta' sperimentazzjoni u linji pilota, li jiġġeneraw għarfien u jikkontribwixxu fil-proċessi ta' standardizzazzjoni. Abbażi ta' inputs preliminari mill-Istati Membri u mill-industrija, ġew identifikati inizjattivi ta' pjattaformi industrijali għal "fabbriki intelliġenti konnessi", "is-saħħa u l-kura", "agrikoltura intelliġenti", "mobilità konnessa u awtomatizzata", "enerġija intelliġenti", kif ukoll għal data industrijali trasversali u pjattaformi "Internet tal-oġġetti".

Skont il-Komunikazzjoni dwar l-istrateġija tal-Unjoni għal mobbiltà b’emissjonijiet baxxi 15 , “L-istandardizzazzjoni u l-interoperabbiltà huma kruċjali biex jieħdu l-aħjar mill-iskala tas-suq intern, b’mod speċjali għall-elettromobbiltà u l-ostakli għall-iċċarġjar tal-vetturi elettriċi madwar l-UE għandhom jiġu eliminati.” Il-Kummissjoni waslet biex tadotta l-ewwel fost numru ta' Regolamenti Delegati tal-Kummissjoni li jissupplimentaw u/jew jaġġornaw ir-referenzi għall-istandards imsemmija fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, stipulati fl-Anness II għad-Direttiva 2014/94/UE "dwar l-installazzjoni ta' infrastruttura tal-karburanti alternattivi"

2.Inżidu l-kwalità, is-sikurezza, is-sigurtà, u s-sostenibbiltà tal-oġġetti u s-servizzi

Politika ta' standardizzazzjoni effiċjenti tikkontribwixxi għat-twettiq tar-rekwiżiti legali tas-sikurezza billi tiżviluppa speċifikazzjonijiet tekniċi avvanzati rilevanti u tipprovdi metodi ta' ttestjar aċċettati komunement biex titkejjel il-konformità tal-oġġetti u tas-servizzi mal-valuri preskritti għall-kwalità, is-sigurtà, is-sikurezza, l-enerġija u l-effiċjenza tal-materjali. L-għanijiet ta' kwalità, sigurtà, sikurezza u sostenibbiltà ġeneralment jikkomplementaw lil xulxin, iżda f'ċerti każijiet jistgħu jkunu wkoll f'kunflitt. Il-kisba tal-għanijiet tal-ħidma għall-istandardizzazzjoni b'mod kemm jista' jkun bilanċjat u li jsaħħaħ b'mod reċiproku hija sfida kontinwa.

2.1.Kwalità

Biex tgħin ittejjeb il-kwalità tas-servizzi, il-Kummissjoni talbet lill-Organizzazzjonijiet Ewropej għall-Istandardizzazzjoni (ESOs) 16 jiżviluppaw standards Ewropej f'oqsma bħas-servizzi postali, fejn l-istandards ikkontribwew għall-iżvilupp tas-settur tal-konsenja tal-pakketti, kif ukoll standards ta' servizz orizzontali li s-CEN qed jiżviluppa sabiex jgħin lill-fornituri tas-servizzi, eż. il-kejl tal-prestazzjoni tagħhom.

Fil-metroloġija, standards Ewropej mitluba dan l-aħħar 17 huma mistennija li jtejbu l-kwalità tal-kejl speċjalment għall-kejl speċifiku tal-ilma u tal-enerġija termali, kif ukoll il-produzzjoni deċentralizzata ta' elettriku rinnovabbli u t-trażmissjoni tal-enerġija minn u lejn vetturi elettriċi.

2.2.Sikurezza

Is-sikurezza hija qasam ewlieni għall-istandardizzazzjoni Ewropea. Din tikkorrispondi għal madwar 60 % tat-talbiet tal-Kummissjoni għall-istandardizzazzjoni, riflessjoni tal-impatt tas-sikurezza fuq il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini tal-UE. Il-leġiżlazzjoni armonizzata tal-UE, kif ukoll id-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti 18 , li jiżguraw is-sikurezza ta' mijiet ta' prodotti fis-swieq tal-UE, jiddependu fuq standards armonizzati u standards oħrajn li jappoġġjaw lil-leġiżlazzjoni tal-UE 19 biex jiżguraw il-konformità mar-rekwiżiti tas-sikurezza tal-leġiżlazzjoni.

Standards maħruġa reċentement jappoġġjaw l-armonizzazzjoni f'firxa wiesgħa ta' oqsma bħas-sikurezza tat-tfal u t-tagħmir ta' protezzjoni personali. Standard Ewropew li ġie adottat dan l-aħħar għas-sikurezza tat-tfal jispeċifika r-rekwiżiti ta' sikurezza tal-lighters li ma jippermettux lit-tfal iħaddmu l-mekkaniżmu ta' tqabbid. Barra minn hekk standards li għadhom kemm ġew adottati dwar it-trasportaturi tat-trabi jiżguraw li t-tfal ma jkunux jistgħu jaqbdu l-komponenti. Fl-aħħar nett, l-istandardizzazzjoni stabbiliet rekwiżiti tekniċi għall-protetturi tal-għajnejn mil-laser li jipproteġu lill-ħaddiema minn espożizzjoni aċċidentali għar-radjazzjoni tal-laser f'tagħmir ta' protezzjoni personali.

2.3.Sigurtà 

Fid-dawl tal-iżviluppi kemm teknoloġiċi kif ukoll politiċi internazzjonali, is-sikurezza qed issir qasam ta' politika ta' prijorità dejjem akbar għall-UE. Fil-kuntest tas-sigurtà, mill-2016 il-Kummissjoni identifikat ħtiġijiet ta' standardizzazzjoni fl-oqsma tal-ġestjoni ta' kriżijiet u fid-difiża kimika, bijoloġika, radjoloġika u nukleari, u talbet lis-CEN jiżviluppa standards rilevanti. Barra minn hekk, inbdiet riċerka pre-normattiva permezz tal-Orizzont 2020 f'għadd ta' oqsma li jinvolvu theddid għas-sigurtà, bħat-theddid radjoloġiku u nukleari għal infrastrutturi kritiċi. Fl-ICT, il-Kummissjoni nediet ukoll talba ta' standardizzazzjoni għall-privatezza fid-disinn sabiex tgħin lill-manifatturi jikkunsidraw il-kwistjonijiet ta' protezzjoni tad-data b'mod konsistenti.

2.4.Sostenibilità

Is-sostenibbiltà ilha għan prominenti tal-istandardizzazzjoni Ewropea. Huma meħtieġa standards għall-implimentazzjoni ta' prijoritajiet ewlenin tal-UE bħalma hija l-politika dwar l-Unjoni tal-Enerġija, u l-istrateġija tagħha għar-riċerka u l-innovazzjoni – Aċċellerazzjoni tal-Innovazzjoni għall-Enerġija 20  - li tkopri l-azzjonijiet li jindirizzaw il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, id-dekarbonizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija. Fl-2016 21  u fl-2017 22  il-Kummissjoni talbet lill-ESOs ifasslu standards għal: is-sistemi ta' mmaniġġjar ambjentali, l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ, l-idrokarburi poliaromatiċi, il-ġestjoni ambjentali, l-ekodisinn u t-tikkettar tal-enerġija, id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra, l-applikazzjoni tal-pestiċidi, it-tagħmir għall-irkupru tal-fwar, il-batteriji, l-idroġenu ekoloġiku, il-komposti organiċi volatili, iż-żjut piroliżi, l-alka, iż-żieda fil-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini, it-tnedija ta' infrastruttura ekoloġika, il-kwalità tal-arja u t-tnaqqis tal-emissjonijiet. Dawn it-talbiet ġew ibbażati fuq l-oqfsa legali u politiċi eżistenti, u jaderixxu mal-kriterji stabbiliti f'dawk l-oqfsa. Biex jitneħħew l-ostakli għat-teknoloġiji li ma jagħmlux ħsara lill-klima fis-setturi tar-refriġerazzjoni, tal-kundizzjonament tal-arja, tal-pompi tas-sħana u tar-ragħwa, il-Kummissjoni talbet lis-CEN u lis-CENELEC jiżviluppaw l-istandards Ewropej rilevanti.

3.Nabilitaw l-impjiegi u t-tkabbir 

L-istandardizzazzjoni hija proċess minn isfel għal fuq li jiġbor flimkien lir-rappreżentanti industrijali, governattivi, xjentifiċi, u partijiet ikkonċernati oħrajn, u b'hekk twassal għal livell għoli ta' aċċettazzjoni ta' standards fost il-partijiet ikkonċernati. Għall-UE, l-istandards u l-istandardizzazzjoni huma assi strateġiċi ċari li jiżguraw il-kompetittività tal-UE u huma għodod ewlenin għall-promozzjoni tal-innovazzjoni u l-progress fis-Suq Uniku. Huwa komunement aċċettat li l-istandards u l-istandardizzazzjoni għandhom rwol essenzjali fl-appoġġ lit-tkabbir ekonomiku permezz tar-rwol tagħhom fit-tisħiħ tal-produttività u l-kompetittività u fl-inkoraġġiment tal-innovazzjoni u tal-prosperità. Jipprovdu wkoll mezzi biex l-UE tibqa' fit-tmexxija tal-iżvilupp tekniku u tal-kummerċ globali.

Għalkemm l-istudji nazzjonali li għamlu Franza, il-Ġermanja u r-Renju Unit u oħrajn 23 jindikaw il-kontribuzzjoni tal-istandards u tal-istandardizzazzjoni għall-kompetittività tan-negozji tal-UE, l-effetti tal-istandards u tal-istandardizzazzjoni ma jidhrux faċilment fuq skala Ewropea usa'. Din kienet kwistjoni li reġgħet ħarġet waqt id-diskussjoni fil-kuntest tal-JIS sabiex tittejjeb il-bażi tal-evidenza taċ-ċiklu ta' governanza annwali dwar il-politika ta' standardizzazzjoni tal-UE.

Il-Kummissjoni rrikonoxxiet l-importanza ta' fehim aktar fil-fond tal-impatti ekonomiċi u soċjetali tal-istandards u tal-istandardizzazzjoni u tispjega l-intenzjoni tagħha li tniedi studju fl-AUWP għall-2017 24 . Is-suġġett huwa vast u hemm sfidi metodoloġiċi fil-kejl tal-impatti (ekonomiċi) tal-istandards u tal-istandardizzazzjoni, kif ukoll fil-ġbir tad-data li tippermetti l-monetizzazzjoni tal-impatti tal-istandards u tal-istandardizzazzjoni u l-esternalitajiet tagħhom fil-livelli makroekonomiċi, settorjali u tal-kumpaniji. Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, din is-sena l-Kummissjoni nediet studju ta' fattibbiltà f'kooperazzjoni mal-Korpi Nazzjonali tal-Istandards u parteċipanti oħrajn fl-azzjoni rispettiva tal-JIS li tkopri dan l-istudju 25 . L-iskop tagħha huwa li tevalwa l-valutazzjoni ulterjuri f'każ li jsir tal-istudju eventwali.

4.L-appoġġ lill-ktajjen ta' valur globali

L-ESS għandha rwol ewlieni fl-għajnuna lin-negozji u lill-SMEs Ewropej biex jespandu l-attivitajiet tagħhom lil hinn mill-Ewropa u fl-assigurazzjoni tal-kwalità u tas-sikurezza ta' prodotti u servizzi importati. Dan huwa ssimplifikat bi ftehimiet bejn l-ESOs u l-organizzazzjonijiet ta' standardizzazzjoni internazzjonali bħall-ISO 26 , l-IEC 27  kif ukoll sħubiji globali bħall-Proġett ta' Sħubija tat-Tielet Ġenerazzjoni (3GPP) 28 u l-organizzazzjoni oneM2M 29 . Mill-2016, il-Kummissjoni qed taħdem ukoll fuq il-promozzjoni tal-mudell regolatorju Ewropew appoġġjat minn standards volontarji u r-rabta tiegħu mal-istandardizzazzjoni internazzjonali f'pajjiżi terzi, skont il-qafas tal-JIS. 30 Il-Kummissjoni bdiet ukoll djalogi diretti mal-ISO u mal-IEC bl-għan li timmassimizza l-adozzjoni ta' standards Ewropej u internazzjonali identiċi filwaqt li tassigura l-ogħla protezzjoni għall-konsumaturi Ewropej.

L-istandardizzazzjoni hija komponent ewlieni tan-negozjati tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles tal-UE (FTA) ma' pajjiżi terzi. Il-Kummissjoni tfittex l-impenn tal-imsieħba tagħha biex jużaw standards internazzjonali avvanzati bħala bażi għar-regolamenti li jaffettwaw prodotti u servizzi ewlenin, sabiex tiżgura s-sikurezza u s-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE kif ukoll ittejjeb il-kompetittività internazzjonali tan-negozji tal-UE. Negozjati reċenti ta' Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles fejn l-istandardizzazzjoni kellha post prominenti jinkludu l-ftehimiet tal-UE mal-Kanada (CETA, li daħal fis-seħħ b'mod provviżorju fil-21 ta' Settembru 2017), ma' Singapore u l-Vjetnam (in-negozjati ntemmu) u mal-Ġappun (intlaħaq ftehim fil-prinċipju dwar l-elementi ewlenin).

Sabiex jaħtfu aħjar l-opportunitajiet li joffru l-akbar swieq emerġenti, żewġ esperti tal-istandardizzazzjoni tal-UE (iffinanzjati b'mod konġunt mill-Kummissjoni, mill-EFTA u mit-tliet ESOs) issekondati ċ-Ċina u l-Indja wettqu attivitajiet biex iqajmu kuxjenza dwar is-sistemi ta' standardizzazzjoni rispettivi u pprovdew għarfien dwar ir-regoli u s-suq f'oqsma rilevanti speċifiċi tas-suq. Hekk kif il-fażi attwali tal-proġett tal-Espert Ewropew tal-Istandardizzazzjoni Ssekondat iċ-Ċina (SESEC) tiġi fi tmiemha f'Diċembru 2017, il-Kummissjoni qiegħda taħdem flimkien mal-imsieħba tagħha fil-proġett fuq it-tiġdid tiegħu li jibda mill-2018.

Fir-rigward tal-firxa internazzjonali tal-Istandardizzazzjoni Ewropea fl-ICT, azzjoni ta' kooperazzjoni u appoġġ tal-Orizzont 2020 flimkien mal-azzjonijiet tal-Istrument tal-Politika Barranija se jgħinu biex tissaħħaħ il-preżenza tal-UE billi jitwaqqaf osservatorju tal-attivitajiet globali tal-istandardizzazzjoni tal-ICT u faċilità ta' finanzjament li jappoġġjaw il-parteċipazzjoni tal-esperti Ewropej dwar l-istandardizzazzjoni internazzjonali tal-ICT u jippromwovu l-istandardizzazzjoni Ewropea f'reġjuni oħrajn.

L-istandardizzazzjoni relatata mas-sigurtà hija parti mid-diskussjonijiet fil-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti li għandhom l-għan li jsaħħu l-preżenza tal-UE u l-impenn tal-partijiet ikkonċernati Ewropej fi kwistjonijiet relatati mas-sigurtà.

Il-kontinent Afrikan ukoll jippreżenta opportunitajiet ġodda għall-kooperazzjoni fl-istandardizzazzjoni. L-Istrateġija Konġunta bejn l-Afrika u l-UE tista' toffri qafas għall-iżvilupp ta' sistema ta' standardizzazzjoni pan-Afrikana bħala kontribut tekniku għall-integrazzjoni tas-suq pan-Afrikan. Fl-2016 il-Kummissjoni appoġġjat il-kooperazzjoni tas-CEN u tas-CENELEC mal-Organizzazzjonijiet ta' Standardizzazzjoni Afrikani (ARSO, AFSEC) bl-għan li l-istandardizzazzjoni tkun element ċentrali fil-pjan direzzjonali tas-Summit UE-Afrika ta' Novembru 2017. Suq Uniku Afrikan appoġġjat mill-mudell Ewropew ta' standardizzazzjoni huwa vantaġġ ċar għaż-żewġ imsieħba.

5.Il-prevenzjoni ta' frammentazzjoni għalja fis-suq uniku

Kull standard Ewropew jissostitwixxi standard wieħed jew grupp ta' standards nazzjonali f'kull Stat Membru bi standard wieħed. Dan jagħmel il-ħajja tan-negozji u taċ-ċittadini aktar faċli billi jgħin fil-ħolqien ta' servizzi pubbliċi moderni u jnaqqas il-piż amministrattiv u l-ispejjeż tal-konformità. It-traspożizzjoni nazzjonali f'waqtha tal-istandards Ewropej u r-referenzi tagħhom (fejn japplika) f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠUUE) hija meħtieġa biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tas-suq. Ir-rata medja tat-traspożizzjoni nazzjonali tal-istandards Ewropej (ENs b'appoġġ għal-leġiżlazzjoni u għall-politiki tal-UE u ENs oħrajn) fl-UE28 hija madwar 99 % (li tvarja minn 93 % sa 100 % għal kull Stat Membru).

Il-bidliet leġiżlattivi introdotti fl-2013, b'mod partikolari obbligi ġodda tal-Kummissjoni relatati mal-verifika tal-istandards armonizzati żviluppati mill-ESOs, influwenzaw il-proċess tal-pubblikazzjoni tar-referenzi għall-istandards armonizzati fil-ĠUUE. Dan imbagħad wassal għal numru akbar ta' referenzi mhux iċċitati. B'hekk diversi partijiet ikkonċernati fl-istandardizzazzjoni lmentaw li s-sitwazzjoni kienet qed toħloq inċertezza legali u spejjeż addizzjonali bla bżonn għall-industriji Ewropej. Is-sitwazzjoni ġiet riveduta fl-2017 fil-qafas tal-programm dwar l-idoneità u l-prestazzjoni tar-regolamentazzjoni (REFIT) tal-Kummissjoni bl-għan li jiġi indirizzat l-istokk kurrenti ta' standards armonizzati mhux iċċitati u li l-proċess ta' referenza jsir aktar trasparenti u responsabbli. Fuq il-bażi tar-rakkomandazzjonijiet tal-Pjattaforma REFIT 31 , il-Kummissjoni u l-Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni żviluppaw u qablu dwar pjan ta' azzjoni għall-pubblikazzjoni f'waqtha tar-referenzi tal-istandards armonizzati fil-ĠUUE 32 .

Ħidma mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati

Il-Kummissjoni hija konxja li mhux biżżejjed li sempliċement tistabbilixxi prijoritajiet. Is-suċċess jiddependi wkoll fuq impenn ta’ livell għoli għall-istandardizzazzjoni minn bażi wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati li tinkludi lill-industrija, lill-organizzazzjonijiet li jiffissaw l-istandards, lill-komunità tar-riċerka, lil istituzzjonijiet tal-UE u amministrazzjonijiet nazzjonali oħra.

Standard huwa r-riżultat ta' kooperazzjoni volontarja bejn l-imsieħba f'relazzjoni kummerċjali li għandha l-għan li tiżviluppa speċifikazzjoni teknika bbażata fuq il-prinċipji tat-trasparenza, l-aċċess miftuħ, l-inklużività, l-imparzjalità u l-kunsens fost il-partijiet ikkonċernati. Ir-Regolament dwar l-istandardizzazzjoni Ewropea 33 jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' konsultazzjoni wiesgħa u jitlob li ssir konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet ikkonċernati kollha, qabel l-adozzjoni tal-AUWP. Jinkoraġġixxi wkoll il-parteċipazzjoni attiva tal-organizzazzjonijiet Ewropej li jirrappreżentaw lill-SMEs, lill-konsumaturi u lill-interessi ambjentali u soċjali.

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li t-tnaqqis tal-fruntieri tradizzjonali bejn l-ICT, il-prodotti u s-servizzi jirrikjedi impenn, kooperazzjoni tajba u fiduċja reċiproka fost id-diversi partijiet ikkonċernati. Fil-qasam tal-istandardizzazzjoni tal-ICT, il-Kummissjoni ltaqgħet b'mod regolari mal-partijiet ikkonċernati permezz ta' Sħubiji Pubbliċi-Privati 34 u permezz tal-ESOs, sabiex tiddiskuti l-implimentazzjoni tad-diversi azzjonijiet proposti. Il-Pjattaforma Ewropea ta’ bosta Partijiet Ikkonċernati dwar l-Istandardizzazzjoni tal-ICT, li ssegwi l-progress tal-azzjonijiet tal-Komunikazzjoni f'laqgħat regolari, tlaqqa' lill-Istati Membri, organizzazzjonijiet Ewropej u internazzjonali ta' standardizzazzjoni, fora, konsorzji, u organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-industrija u lill-SMEs u rappreżentanti tas-soċjetà.

Il-Kummissjoni saħħet ir-relazzjonijiet tagħha mad-diversi partijiet ikkonċernati tal-ESS u qed tipprova ttejjeb il-funzjonalità u l-effiċjenza tagħha skont il-JIS. Barra minn hekk, il-Kummissjoni żammet kuntatt u djalogu regolari ma' istituzzjonijiet Ewropej oħrajn matul is-sena li għaddiet. B'mod partikolari, il-Kummissjoni kienet involuta mill-qrib fil-konsultazzjonijiet li wasslu għar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2017 dwar l-istandards Ewropej għas-Seklu 21 35 . Il-Kummissjoni bdiet ukoll u stabbiliet il-prattika ta' djalogi strutturali kontinwi mat-tliet Organizzazzjonijiet Ewropej għall-Istandardizzazzjoni sabiex tiżgura kooperazzjoni ta' kwalità għolja u komunikazzjoni bla xkiel.

1.Inizjattiva Konġunta dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea

Sal-lum il-JIS ġiet iffirmata minn 104 parteċipant li jfisser livell għoli ta' impenn minn kull segment tal-ESS. Wara l-iffirmar tal-JIS mill-partijiet ikkonċernati fit-13 ta' Ġunju 2016 f'Amsterdam u dak tal-Istati Membri fid-29 ta' Settembru 2016, il-Kummissjoni organizzat bosta laqgħat tal-grupp ta' tmexxija tal-JIS sabiex tirfina l-ħmistax-il azzjoni miftiehma 36 . Il-membri tal-grupp ta' tmexxija huma prinċipalment firmatarji tal-JIS li kienu involuti fit-tħejjija tagħha. Għal kull azzjoni, il-firmatarji tal-JIS offrew li jikkontribwixxu u l-mexxejja ġew assenjati.

Sa issa, ix-xogħol fil-gruppi ta' azzjoni individwali tal-JIS iffoka fuq l-iżvilupp tal-elementi sostantivi għal kull azzjoni. F'dan l-istadju għad ma kienx hemm ftehim dwar skedi ta' żmien. Aktar ċarezza dwar il-kontenut tal-azzjonijiet tippermetti l-iżvilupp ta' skedi ta' żmien u stadji importanti għar-riżultati f'kull azzjoni.

2.Inklużività

Il-Kummissjoni fformalizzat is-sħubija pubblika-privata tagħha mal-organizzazzjonijiet tal-Anness III (SBS, ANEC, ETUC u ECOS) 37 li jirrappreżentaw rispettivament lill-SMEs, lill-konsumaturi, lill-ħaddiema u lill-interessi ambjentali fl-istandardizzazzjoni billi ffirmaw erba' ftehimiet qafas ta' sħubija differenti. Dan jiżgura konsistenza u stabbiltà f'termini ta' finanzjament u monitoraġġ tal-attivitajiet.

Minbarra l-kontribuzzjoni finanzjarja, il-Kummissjoni tieħu azzjonijiet biex tiżgura l-preżenza u l-parteċipazzjoni effettiva tal-organizzazzjonijiet tal-Anness III bħall-Kumitat dwar l-Istandards (osservaturi), il-JIS (imsieħba), il-Pjattaforma ta’ bosta Partijiet Interessati dwar l-Istandardizzazzjoni tal-ICT 38 f'laqgħat u avvenimenti importanti u f'laqgħat bejn il-Kummissjoni u l-ESOs.

Sabiex jiġi żgurat approċċ koerenti lejn l-appoġġ lill-interessi tal-SMEs, tal-konsumaturi, tal-ħaddiema u l-interessi ambjentali u soċjetali fil-proċess ta' standardizzazzjoni, CEN/CENELEC stabbilew żewġ gruppi ta' ħidma, il-Grupp ta' Ħidma tal-SMEs u l-Grupp tal-Partijiet Ikkonċernati tas-Soċjetà. Il-membri huma l-organizzazzjonijiet tal-Anness III– l-SBS tal-ewwel u l-ANEC, ECOS u l-ETUC tat-tieni. Dawn iż-żewġ gruppi ta' ħidma jiddiskutu suġġetti bħall-aċċess għall-istandards, it-tqajjim tal-kuxjenza, it-taħriġ u l-appoġġ għall-parteċipazzjoni fix-xogħol tal-istandardizzazzjoni fuq livell tekniku. Bħala riżultat, diġà ġew żviluppati għadd ta' għodod bħal sett ta' għodod online għall-SMEs u l-mekkaniżmu tal-opinjoni għall-partijiet ikkonċernati soċjetali.

Ir-Regolament dwar l-Istandardizzazzjoni jagħmel enfasi partikolari 39 fuq l-involviment tan-negozji ż-żgħar fil-proċess tal-iżvilupp tal-istandards, bil-mira li jipproduċi standards faċli għall-SMEs li jistgħu jnaqqsu l-ispejjeż u jiftħu s-swieq. Bil-ħsieb ta' dan l-objettiv u bħala parti ewlenija tal-Programm ta' Ħidma tagħha għall-2017, l-SBS żviluppat strateġija fit-tul għall-SMEs fl-istandardizzazzjoni għall-perjodu 2018-2021. Din l-istrateġija tistabbilixxi l-miri u l-azzjonijiet għall-SMEs fl-istandardizzazzjoni bl-għan li tiżgura li l-istandards żviluppati huma kompatibbli mal-SMEs, skont il-prinċipju "Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir".

L-inklużività hija wieħed mis-suġġetti tal-Istrateġija fit-Tul tal-Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjoni (ETSI) u hija indirizzata fil-kuntest tal-grupp tiegħu "L-ETSI fil-Pajsaġġ Ewropew tal-Istandardizzazzjoni". Id-diskussjonijiet f'dan il-grupp wasslu għat-tnedija tal-programm ta' Appoġġ u Inklużività tal-Partijiet Soċjetali (3SI), li jipprevedi sett ta' azzjonijiet imfassla biex itejbu l-inklużività u jżidu l-viżibbiltà, l-għarfien u l-involviment tal-organizzazzjonijiet tal-Anness III fl-ETSI. L-organizzazzjonijiet kollha tal-Anness III huma membri sħaħ tal-ETSI.

Konklużjoni

Dan ir-rapport huwa maħsub biex jappoġġja d-djalogu interistituzzjonali dwar l-istandardizzazzjoni li għadu kemm ġie introdott fil-livell tal-UE, kif imħabbar fil-Komunikazzjoni tal-1 ta' Ġunju 2016. Huwa intenzjonat li jibda dibattitu mal-koleġiżlaturi, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, kif ukoll mal-KESE u mal-Kumitat tar-Reġjuni, u jipprovdi gwidi għall-prijoritajiet ta' standardizzazzjoni futuri u li se jikkontribwixxu għall-aġenda dwar l-impjiegi, it-tkabbir u l-kompetittività. Dan id-djalogu interistituzzjonali qed jiġi organizzat skont il-Ftehim Interistitizzjonali l-ġdid bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet 40 .

Huwa essenzjali li jkun hemm kooperazzjoni mill-qrib mal-koleġiżlaturi dwar il-formulazzjoni tal-prijoritajiet tal-AUWP 2019 biex dan jiġi implimentat b'suċċess. Prijoritajiet politiċi stabbiliti b'mod konġunt għall-istandardizzazzjoni Ewropea jtejbu s-simplifikazzjoni tax-xogħol tal-istandardizzazzjoni fi proċessi leġiżlattivi futuri. Il-kisba tal-miri tal-politika Ewropea għall-istandardizzazzjoni tirrikjedi fehim komuni u l-parteċipazzjoni attiva tal-atturi kollha tal-ESS: it-titjib tal-inklużività, iż-żieda tal-għarfien tal-importanza tal-istandardizzazzjoni fl-ekonomija u fis-soċjetà, it-titjib tal-proċeduri għall-valutazzjoni tal-istandards armonizzati 41 , l-implimentazzjoni tal-ħames prijoritajiet ta' standardizzazzjoni tal-ICT u l-indirizzar tal-ostakli fis-settur tas-servizzi.

(1)   COM(2016)0358 final
(2) C(2016)3211 Il-JIS tistipula viżjoni komuni għall-istandardizzazzjoni Ewropea sabiex tipprijoritizza u timmodernizza s-sistema Ewropea attwali ta' standardizzazzjoni, kif ukoll biex isir sforz għal twassil f'waqtu tar-riżultati ta' standardizzazzjoni. Din tappoġġja l-aspetti rilevanti tal-għaxar Prijoritajiet tal-Kummissjoni Ewropea u għanijiet ta' politika oħrajn, filwaqt li tirrispetta b'mod ċar id-distribuzzjoni tal-kompetenzi differenti bejn l-UE u l-Istati Membri. Jenħtieġ ukoll tkompli tippermetti lill-UE ssaħħaħ l-impetu tagħha fil- globali
(3) ara paġna 4 f'COM(2016)0358 final
(4) COM (2016) 176 final
(5) Il-progress huwa rrapportat fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal mehmuż.
(6) ippubblikat kull sena f'Lulju, l-aħħar verżjoni COM(2017)453
(7) http://ec.europa.eu/growth/content/2017-rolling-plan-ict-standardisation-released-0_en
(8) Il-Pjan Rikorrenti għall-Istandardizzazzjoni tal-ICT huwa ppubblikat mill-Kummissjoni kull sena sabiex tikkonsolida d-diversi ħtiġijiet ta' standardizzazzjoni tal-ICT b'appoġġ għall-politiki tal-UE f'dokument uniku. Dan jindirizza kemm lill-Organizzazzjonijiet Ewropej għall-Istandardizzazzjoni (ESOs) u l-korpi internazzjonali u globali tal-istandards li jistgħu jwieġbu għall-azzjonijiet proposti u jappoġġjaw l-għanijiet ta' politika rispettivi b'riżultati ta' standardizzazzjoni.
(9) COM (2016) 176 final
(10) COM(2011) 311 finali
(11) Ara l-Art.5(2), l-Art. 9 u l-Art.15(1)c
(12) JIS, Azzjoni 2
(13) COM(2017) 477 final/2.
(14) COM(2017) 712 final.
(15)  COM(2016) 501 final.
(16) CEN — Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni, CENELEC — Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika u ETSI — Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjoni
(17) Għal dettalji, ara d-dokument ta' ħidma tal-Persunal ta' akkumpanjament.
(18) Id-Direttiva 2001/95/KE
(19) Bħall-istandards imsemmija f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea skont id-Direttiva 2001/95/KE
(20) COM(2016) 763
(21) COM(2016) 357
(22) COM(2017) 453
(23)  DIN (2000): Economic Benefits of Standardisation, 3 volumes (Benefiċċji Ekonomiċi tal-Istandardizzazzjoni, 3 volumi). Berlin: Beuth. (Aġġornament 2011), DTI (2005): The Empirical Economics of Standards (L-Ekonomija Empirika tal-Istandards), DTI ECONOMICS PAPER Nru. 12. Londra u AFNOR (2009) The Economic Impact of Standardisation – Technological Change, Standards and Long-Term Growth in France (L-Impatt Ekonomiku tal-Istandardizzazzjoni - Tibdil Teknoloġiku, Standards u Tkabbir għall-Perjodu fit-Tul fi Franza). Franza. Pariġi.
(24) COM(2016) 357
(25) Azzjoni 1: Studju dwar l-impatti ekonomiċi u soċjetali kif ukoll l-aċċess għall-istandards fl-Istati Membri tal-UE u tal-EFTA
(26) Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Istandardizzazzjoni
(27) Il-Kummissjoni Elettroteknika Internazzjonali
(28) http://www.3gpp.org/
(29) http://www.onem2m.org/
(30) JIS, Azzjoni 13
(31) https://ec.europa.eu/info/law/law-making-process/overview-law-making-process/evaluating-and-improving-existing-laws/reducing-burdens-and-simplifying-law/refit-platform_mt
(32) ara l-pjan ta' azzjoni fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal mehmuż.
(33) L-Art. 8(5) u l-premessa 31 tar-Regolament UE Nru 1025/2012
(34) jiġifieri, 5G PPP, AIOTI, BDVA, ECSO
(35) http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+TA+P8-TA-2017-0278+0+DOC+XML+V0//MT&language=MT
(36) L-inizjattivi huma maqsuma fit-tliet kategoriji li ġejjin: (I) Għarfien, edukazzjoni u fehim dwar is-Sistema ta' Standardizzazzjoni Ewropea, (II) Koordinazzjoni, trasparenza u inklużività, (III) Kompetittività u dimensjoni internazzjonali.
(37) L-istandards għan-negozji ż-żgħar , il-vuċi tal-konsumaturi Ewropej fil-qasam tal-istandardizzazzjoni , il-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trejdjunjins u l-Organizzazzjoni Ambjentali taċ-Ċittadini Ewropej fil-qasam tal-Istandardizzazzjoni
(38) https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/european-multi-stakeholder-platform-ict-standardisation
(39) Ara l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012.
(40) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1-14.
(41) u standards oħrajn li jappoġġjaw il-leġiżlazzjoni tal-UE