15.1.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 14/105 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill — Teħid ta’ deċiżjonijiet aktar effiċjenti u demokratiku fil-qasam tal-politika tal-enerġija u tal-klima tal-UE”
(COM(2019) 177 final)
(2020/C 14/15)
Relatur: Baiba MILTOVIČA
Korelatur: Dumitru FORNEA
Konsultazzjoni |
Kummissjoni Ewropea, 3.6.2019 |
Bażi legali |
L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
Sezzjoni kompetenti |
It-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni |
Adottata fis-sezzjoni |
11.9.2019 |
Adottata fil-plenarja |
26.9.2019 |
Sessjoni plenarja Nru |
546 |
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
136/39/11 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 Konklużjonijiet
1.1.1 |
Il-Komunikazzjoni tikkomplementa r-raba' rapport dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija. Din tiffoka fuq il-qafas leġislattiv għal teħid tad-deċiżjonijiet aktar demokratiku fil-politika tal-UE dwar l-enerġija u l-klima kif ukoll tipproponi li ssir bidla minn unanimità għal votazzjoni b'maġġoranza kkwalifikata (bil-proċedura leġislattiva ordinarja li takkumpanjaha) fir-rigward tal-kwistjonijiet tat-taxxa b'rabta mal-enerġija. |
1.1.2 |
Il-KESE jilqa' l-proposta biex jintużaw il-klawsoli passerelle bil-għan li jiġu stabbiliti maġġoranza kkwalifikata fil-Kunsill u sistema ta' teħid tad-deċiżjonijiet b'mod konġunt flimkien mal-Parlament Ewropew. F'din l-istruttura ġdida, il-KESE jista' jaqdi rwol importanti biex jappoġġja t-trilogu u għandu jiġi involut.
Filwaqt li jappoġġja l-Komunikazzjoni, il-KESE jqis li governanza effiċjenti tal-istrateġija dwar il-klima u l-enerġija u koerenza akbar fil-leġislazzjoni tal-UE dwar it-tassazzjoni fuq l-enerġija għandhom iqisu t-tħassib tal-kumpaniji, il-ħaddiema u partijiet ikkonċernati oħra Ewropej. L-involviment u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, l-appoġġ tal-Istati Membri u l-qbil u l-impenn tal-imsieħba soċjali huma importanti għas-suċċess ta’ dan il-proċess. |
1.1.3 |
Il-KESE jitlob lill-UE biex, hi u tuża l-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata, tibqa' impenjata lejn il-prinċipju tas-sussidjarjetà, u fl-oqsma li ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklużiva tagħha, tiffoka fuq l-oqsma fejn l-għanijiet komuni ma jistgħux jintlaħqu b'mod aktar effettiv fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali. |
1.1.4 |
Il-KESE huwa konxju tan-natura potenzjalment kontroversjali ta’ ċerti tipi ta’ tassazzjoni fuq l-enerġija li qed jiġu kkunsidrati. Għalhekk aħna nirrakkomandaw bis-sħiħ li l-Kummissjoni tikkjarifika li approċċ simili għal dak espress fil-Komunikazzjoni COM(2019) 8 “Lejn teħid ta’ deċiżjonijiet aktar effiċjenti u demokratiku fil-qasam tal-politika tat-tassazzjoni tal-UE” japplika f’dan il-każ ukoll, b’tali mod li l-oqsma ta’ tassazzjoni l-inqas kontroversjali jiġu identifikati għal kunsiderazzjoni fl-ewwel istanza. |
1.1.5 |
Il-KESE jiddispjaċih li l-Komunikazzjoni COM (2019) 177 ma tespandix fuq it-tipi potenzjali ta’ deċiżjonijiet tat-taxxa speċifiċi li jistgħu jiġu diskussi taħt il-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tirrettifika dan. |
1.1.6 |
Huwa meħtieġ approċċ sensittiv li jaqbel maċ-ċirkustanzi u jinħtieġu passi lokali biex tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta sabiex il-ħaddiema, il-konsumaturi u l-komunitajiet ma jitħallewx lura. F’każijiet bħal dawn, miżuri ġodda ta’ tassazzjoni fuq l-enerġija jistgħu jeħtieġu finanzjament ta’ kumpens mill-UE biex jikkumpensa għall-ħsara soċjali u ekonomika kkawżata. |
1.2 Rakkomandazzjonijiet
1.2.1 |
Il-Komunikazzjoni dwar il-proċeduri tat-taxxa b'rabta mal-enerġija għandha tkun:
|
1.2.2 |
Il-Kummissjoni tista' taġixxi billi tuża l-poteri li għandha attwalment qabel ma ssir kwalunkwe talba biex l-Istati Membri jċedu s-sovranità (permezz tal-klawsola passarelle speċifika jew dik ġenerali), speċifikament billi:
|
1.2.3 |
Għandu jingħata impetu ġdid lill-politika industrijali tal-UE billi jiġu sfruttati l-investimenti fl-enerġija nadifa li saru matul dawn l-aħħar ftit snin. L-appoġġ lill-kumpaniji tal-UE f'dan ir-rigward jgħin biex ikompli jissaħħaħ il-prodott domestiku gross, jinħolqu impjiegi u introjtu, u għalhekk jiġu ġestiti b'mod aktar effettiv iż-żidiet mistennija fl-ispejjeż tal-enerġija. |
1.2.4 |
Il-Kummissjoni għandha ttejjeb il-miżuri għad-disinn tas-suq bħall-inklużjoni tal-appoġġ ulterjuri għall-kooperattivi tal-enerġija 'on-demand' jew il-possibbiltà li n-netwerks tad-distribuzzjoni lokali jiġu muniċipalizzati mill-ġdid, u tagħmel rieżami tal-mod li bih jiġi organizzat ix-xogħol tagħha, pereżempju billi jitqiesu mill-ġdid l-istruttura u l-għadd ta' aġenziji tal-UE involuti fit-tfassil tal-politika dwar l-enerġija.
F’dan ir-rigward, il-KESE jista' jipprovdi aktar kontribut biex jiġi ddeterminat jekk il-konsumaturi u l-komunitajiet, in-negozji u l-ħaddiema Ewropej għandhomx diġà l-għodod biex jieħdu f'idejhom is-sjieda tat-tranżizzjoni tal-enerġija sabiex jissaħħu l-għanijiet tal-Unjoni tal-Enerġija. Dan jista’ jsir permezz ta’ Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE dwar id-disinn il-ġdid tas-suq tal-enerġija. |
1.2.5 |
L-ispiża tal-enerġija għandha impatt dirett u immedjat fuq il-kumpaniji, il-ħaddiema, il-konsumaturi u l-ħajja tan-nies kollha, u b’hekk il-konsegwenzi ta’ inizjattiva żbilanċjata dwar it-tassazzjoni fuq l-enerġija għandhom jitqiesu bir-reqqa. F’dan il-kuntest, il-KESE jilqa’ d-dikjarazzjoni tal-President tal-Kummissjoni li jmiss dwar taxxa ġdida fuq il-karbonju fil-fruntieri biex tiġi żgurata l-kompetittività tal-kumpaniji Ewropej fis-suq globali u biex tiġi evitata r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Huma meħtieġa miżuri li jappoġġjaw it-tranżizzjoni lejn produzzjoni tal-enerġija aktar sostenibbli u li jgħinu lil ħafna gruppi soċjali biex ilaħħqu mat-tranżizzjoni tal-enerġija. F’każ ta’ telf ta’ impjiegi, għandhom jiġu pprovduti opportunitajiet ġodda, u għandhom jiġu offruti lill-ħaddiema involuti r-rikwalifikazzjoni professjonali u soluzzjonijiet oħra nnegozjati. |
2. Introduzzjoni
2.1 |
Il-Komunikazzjoni tindirizza t-tassazzjoni fuq l-enerġija u r-riforma tat-Trattat Euratom, li ż-żewġ kwistjonijiet huma marbuta mill-qrib mas-sovranità. Din hija kwistjoni kontroversjali, u t-talbiet biex isiru trasferimenti tas-sovranità f'qasam tassew sensittiv bħat-tassazzjoni f'dan il-mument partikolari jirrikjedu approċċ għaqli. Kif enfasizzat il-Kummissjoni fid-dokument tagħha bit-titlu “Riforma tat-taxxa fuq l-enerġija għandha tirrifletti kunsiderazzjonijiet ta’ ekwità soċjali” (punt 2.3), kwalunkwe tassazzjoni fuq enerġija li tniġġes aktar tista’ tagħmel ħsara direttament lill-partijiet l-aktar dgħajfa tas-soċjetà. Għalhekk, din il-miżura tista’ tiġi esperjenzata minn ħafna ċittadini Ewropej bħala piż addizzjonali, u l-KESE huwa għalhekk kuntent li l-Kummissjoni tirrikonoxxi s-sensittività tal-kwistjoni. Il-KESE jirreferi għall-ħafna Opinjonijiet li ppubblika b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar kif għandha tiġi indirizzata din il-problema.
Il-ħtieġa għal governanza aktar effiċjenti tal-istrateġija dwar il-klima u l-enerġija u koerenza akbar fil-leġislazzjoni tal-UE konsegwentement iġġib magħha l-ħtieġa li jsir dibattitu ħafna aktar intensiv, fil-livelli kollha tas-soċjetà, dwar il-mod li bih jittieħdu d-deċiżjonijiet dwar it-tassazzjoni fuq l-enerġija, filwaqt li jitqies it-tħassib tan-negozji u tal-ħaddiema Ewropej u ta’ partijiet ikkonċernati oħra, inklużi l-konsumaturi. L-għodda adatta għal dan hija Djalogu dwar l-Enerġija effettiv mas-soċjetà ċivili organizzata fil-livell tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali. |
2.2 |
Fl-aħħar nett, wieħed għandu jżomm f'moħħu li filwaqt li għal dawn l-aħħar 20 sena l-politika dwar l-enerġija fl-UE kienet marbuta mill-qrib mal-politika ambjentali tagħha, sal-2020 se tidħol f'fażi oħra b'miri usa', li għandhom jiġu kkunsidrati mill-perspettiva tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli. L-enerġija hija wkoll fil-qalba tal-politika industrijali u l-investimenti tal-UE applikati matul dawn l-aħħar ftit snin fl-ekonomija tal-enerġija nadifa issa jistgħu jagħtu riżultati billi jippromovu l-kumpaniji tal-UE f’diversi setturi innovattivi madwar id-dinja. |
3. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni
3.1 |
Il-Kummissjoni ħejjiet din il-Komunikazzjoni biex titlob li ssir bidla minn unanimità għal votazzjoni b'maġġoranza kkwalifikata (bil-proċedura leġislattiva ordinarja ta' akkumpanjament) fir-rigward tal-kwistjonijiet tat-taxxa b'rabta mal-enerġija. |
3.2 |
Il-Komunikazzjoni għandha wkoll l-għan li tiżviluppa obbligu ta' rendikont demokratiku aktar b'saħħtu skont it-Trattat Euratom, li ma jpoġġix lill-Parlament Ewropew fuq l-istess livell bħal ma jagħmel it-Trattat ta' Lisbona. |
3.3 |
Il-Komunikazzjoni tiddeskrivi l-qafas rilevanti attwali: minbarra l-votazzjoni normali b'maġġoranza kkwalifikata (l-Artikoli 194(1) u (2) l-ewwel paragrafu, tat-TFUE) u d-dritt espliċitu tal-Istati Membri biex jiddeterminaw ċerti politiki dwar l-enerġija (l-Artikolu 194(2) it-tieni paragrafu, tat-TFUE), fil-qasam tal-enerġija hija meħtieġa l-unanimità tal-Kunsill biex jiġu adottati dispożizzjonijiet li primarjament huma ta' natura fiskali (l-Artikolu 194(3) tat-TFUE), simili għal kif meħtieġ għall-miżuri ambjentali b'rabta mat-taxxa (l-Artikolu 192(2) tat-TFUE). |
3.4 |
Il-Kummissjoni tqis li l-bidla lejn teħid tad-deċiżjonijiet b'maġġoranza kkwalifikata hija essenzjali sabiex tiġi ffinalizzata t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u jintlaħqu l-miri tal-enerġija u l-klima għall-2030, kif ukoll fid-dawl tal-influwenza rilevanti u dejjem akbar li t-taxxa u l-imposti għandhom fuq il-prezzijiet tal-enerġija. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li r-rekwiżit tal-unanimità s'issa għamilha impossibbli biex isir rieżami tal-Direttiva Qafas dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija tal-2003 (1), li fil-parti l-kbira tagħha hija bbażata fuq preżunzjonijiet skaduti u mhijiex xprunata mill-objettivi tal-enerġija nadifa:
Barra minn hekk, il-Kummissjoni temmen li l-eżenzjonijiet mit-taxxa/it-tnaqqis tat-taxxa speċifiċi għas-settur (fis-settur tal-avjazzjoni, dak marittimu u tat-trasport tal-merkanzija bit-triq u f'dawk agrikoli/tas-sajd u għal industriji intensivi fl-enerġija) jdgħajfu l-inċentivi għal effiċjenza enerġetika akbar. |
3.5 |
Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-Komunikazzjoni hija maħsuba biex twitti t-triq għar-rieżami tad-Direttiva tal-2003, bl-għan li:
|
3.6 |
Sabiex jintlaħaq l-objettiv ta' votazzjoni b'maġġoranza kkwalifikata, il-Komunikazzjoni tippreżenta żewġ għażliet, li t-tnejn li huma jevitaw il-ħtieġa li jiġi emendat it-TFUE u li ma jħallu l-ebda impatt fuq il-kondiviżjoni attwali tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri; b'mod speċifiku, l-użu jew tal-klawsola passarelle speċifika stabbilita fit-titolu tal-ambjent (l-Artikolu 192(2) tat-TFUE) li jagħmilha possibbli biex jintlaħaq l-għan proċedurali għal miżuri dwar it-tassazzjoni fuq l-enerġija li huma primarjament ta' natura ambjentali, jew tal-klawsola passarelle ġenerali skont l-Artikolu 48(7) tat-TUE għal miżuri dwar it-taxxa li b'mod ġenerali hija aktar imfassla għall-għanijiet dwar l-enerġija. Fiż-żewġ każijiet, ikun f'idejn il-Kunsill li jiddeċiedi dwar il-bidla minn unanimità għal maġġoranza kkwalifikata. |
3.7 |
Fl-aħħar, il-Komunikazzjonijiet huma maħsuba biex jixprunaw l-iżvilupp ta' obbligu ta' rendikont demokratiku fil-qafas tat-Trattat Euratom, li jkopri kwistjonijiet sensittivi ta' interess ġenerali, b'mod partikolari permezz tal-involviment propost kemm tal-Parlament Ewropew (li attwalment qed jiġi biss ikkonsultat, iżda mhux fir-rigward tal-konklużjoni tat-trattati internazzjonali) kif ukoll tal-Parlamenti nazzjonali. |
3.8 |
Il-kontenut tat-Trattat Euratom mhux se jiġi mmodifikat, apparti li jiġu estiżi d-drittijiet għall-informazzjoni tas-soċjetà ċivili, tiġi żgurata konsultazzjoni transkonfinali bejn l-Istati Membri fejn ikun hemm impatt transkonfinali potenzjali, jiġi żgurat involviment aktar b'saħħtu f'tali każijiet tal-Grupp ta' Regolaturi Ewropew dwar is-Sikurezza Nukleari (ENSREG) u tittejjeb il-kapaċità ta' rispons għall-aċċidenti nukleari. Għalhekk, se jkun meħtieġ li dan jiġi rieżaminat taħt il-proċedura ta' reviżjoni ordinarja tat-Trattati skont l-Artikolu 48 tat-TUE. |
4. Kummenti ġenerali
4.1 |
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon din il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea biex tintroduċi votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata fil-qasam tat-tassazzjoni fuq l-enerġija sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tat-tibdil fil-klima. Jappoġġja wkoll rwol aktar b'saħħtu għall-Parlament Ewropew u l-Parlamenti nazzjonali (bħalissa mhux involuti) fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fi ħdan il-Euratom, kif ukoll il-proposta tal-Kummissjoni biex jiżdied l-involviment tas-soċjetà ċivili fit-tfassil tal-politiki dwar l-enerġija nukleari, għalkemm il-Komunikazzjoni nnifisha bilfors tieħu approċċ fit-tul fir-rigward ta' dawn l-iżviluppi. Il-KESE jitlob li tiġi stabbilita rabta aktar mill-qrib bejn ir-rapporti futuri dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija u l-istrateġija fuq perjodu medju għall-2030 u dik fit-tul proposta għall-2050. |
4.2 |
Filwaqt li jirrikonoxxi li għandhom jittieħdu miżuri immedjati (peress li sostanzjalment aktar minn 80 % tal-emissjonijiet tas-CO2 huma dovuti għall-produzzjoni u l-użu tal-enerġija), il-KESE jistieden lill-UE tibqa’ impenjata lejn il-prinċipju tas-sussidjarjetà, meta tuża l-istrument ta’ votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata, u fl-oqsma li mhumiex fil-kompetenza esklużiva tagħha, għandha tiffoka fuq oqsma fejn l-għanijiet komuni ma jistgħux jintlaħqu b’mod aktar effettiv fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali. L-istess japplika għall-prinċipju tal-proporzjonalità, skont liema l-kontenut u l-forma tal-azzjoni tal-UE m'għandhomx imorru lil hinn mill-għanijiet stabbiliti fit-Trattati (2). |
4.3 |
Il-KESE jinnota bi tħassib li fil-Komunikazzjoni COM (2019) 177 ma jissemmiex l-approċċ gradwali msemmi fil-Komunikazzjoni COM (2019) 8 “Lejn teħid ta’ deċiżjonijiet aktar effiċjenti u demokratiku fil-qasam tal-politika tat-tassazzjoni tal-UE” li tagħmel il-każ għal tranżizzjoni gradwali f’erba’ passi lejn votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata skont il-proċedura leġislattiva ordinarja f’ċerti oqsma ta’ politika komuni tal-UE dwar it-tassazzjoni (3). Il-KESE huwa konxju tan-natura potenzjalment kontroversjali ta’ ċerti tipi ta’ tassazzjoni fuq l-enerġija li qed jiġu kkunsidrati. Għalhekk aħna nirrakkomandaw bil-qawwa li l-Kummissjoni tikkjarifika li f’dan il-każ ukoll tapplika approċċ simili, b’tali mod li l-oqsma ta’ tassazzjoni l-inqas kontroversjali jiġu identifikati biex jiġu eżaminati fl-ewwel istanza. |
4.4 |
Il-KESE jiddispjaċih li l-Komunikazzjoni COM (2019) 177 ma tespandix fuq it-tipi potenzjali ta’ deċiżjonijiet tat-taxxa speċifiċi li jistgħu jiġu diskussi taħt il-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tirrettifika dan. Il-KESE jkun ikkonċernat jekk jittieħdu deċiżjonijiet fil-livell tal-UE dwar it-tassazzjoni tal-enerġija li jikkawżaw effetti distributtivi negattivi, bħaż-żieda fil-faqar enerġetiku, pereżempju billi jitneħħew is-sussidji fuq il-kontijiet tal-enerġija għall-konsumaturi l-anqas sinjuri. Hemm kwistjonijiet sensittivi li jaffettwaw lill-Istati Membri b’mod differenti skont id-dipendenza tagħhom fuq il-karburanti fossili u d-disponibbiltà ta’ alternattivi. Huwa meħtieġ approċċ sensittiv li jaqbel maċ-ċirkustanzi u jinħtieġu passi lokali biex tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta sabiex il-ħaddiema, il-konsumaturi u l-komunitajiet ma jitħallewx lura. F’każijiet bħal dawn, miżuri ġodda ta’ tassazzjoni fuq l-enerġija jistgħu jeħtieġu finanzjament ta’ kumpens mill-UE biex jikkumpensa għall-ħsara soċjali u ekonomika kkawżata. |
4.5 |
Il-prezzijiet tal-enerġija li qed jiżdiedu b'rata aktar mgħaġġla mill-baġits tal-familji, l-inugwaljanza fl-introjtu madwar l-Ewropa u l-ispejjeż imġarrba mit-tranżizzjoni tal-enerġija (id-deċentralizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tas-swieq tal-elettriku u tal-gass) jiddeterminaw il-livell sa fejn il-faqar enerġetiku huwa preżenti f'soċjetà (4). L-Indiċi Ewropew tal-Faqar Enerġetiku (EEPI) jagħti punteġġi u jikklassifika l-progress tal-Istati Membri biex itaffu l-faqar enerġetiku domestiku u tat-trasport (5), u l-Komunikazzjoni, abbażi tas-sejbiet tal-Osservatorju Ewropew tal-Faqar Enerġetiku, għandha tkun marbuta ma’ pjan ta' azzjoni Ewropew bl-għan li jelimina l-faqar enerġetiku billi jindirizza l-kawżi ewlenin tiegħu (6). Kif imsemmi fl-opinjonijiet preċedenti tal-KESE (7), “L-effikaċja fl-enerġija u n-nuqqas ta’ konsum mhumiex sors ta’ enerġija” u għalhekk ma jistgħux isolvu waħedhom il-problemi marbuta mat-tibdil fil-klima, is-sigurtà tal-provvista u l-faqar enerġetiku. |
4.6 |
Il-konsumaturi mhumiex qed jiksbu s-sehem ġust tagħhom mill-isforzi tal-UE fil-qasam tal-enerġija minħabba d-diżakkoppjament tas-swieq tal-operaturi u tal-konsumaturi (8): minħabba għadd ta' fatturi (bħas-separazzjoni (unbundling) tad-distribuzzjoni tardiva, il-piż tas-sussidji, u r-rata għolja tal-falliment ta' bejjiegħa bl-imnut ġodda), il-prezzijiet li storikament kienu qed jonqsu fis-swieq tal-operaturi wara l-liberalizzazzjoni mhumiex qed jiġu mgħoddija lis-swieq tal-konsumaturi;
Il-livelli tal-ħlasijiet mitluba lill-utenti tal-enerġija fl-UE huma diġà għoljin ħafna (9). Minħabba l-fatt li madwar 40 % tal-prezz finali tal-elettriku li jitħallas mill-konsumaturi Ewropej huwa magħmul minn taxxi u imposti, huwa d-dmir tal-Kummissjoni li twettaq valutazzjoni tal-impatt dwar l-effetti prospettivi tal-prezzijiet tal-enerġija, fosthom fir-rigward tal-effetti tal-armonizzazzjoni tat-taxxa fuq l-aktar unitajiet domestiċi foqra. |
4.7 |
Mingħajr ma tiġi abbandunata r-rabta mal-politika ambjentali, koordinazzjoni aktar mill-qrib ma' politika industrijali usa' u żvilupp ekonomiku sussegwenti x'aktarx jippermettu wkoll li:
|
4.8 |
Skont l-Artikolu 192(2) tat-TFUE dwar il-klawsola passerelle speċjali u l-Artikolu 48(7) TUE dwar il-klawsola passerelle ġenerali, l-iżvilupp ta’ Unjoni tal-Enerġija vera jeħtieġ jimxi id f'id mat-trasferiment tas-sovranità. |
4.9 |
Minkejja l-progress li sar tul is-snin fil-qasam tal-enerġija, parzjalment minħabba l-politiki tal-UE (bħaż-żieda fil-kapaċità tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli) u parzjalment minħabba fatturi internazzjonali (bħal termini aktar flessibbli għall-provvista tal-LNG, l-indiċjar tal-faħam u prezzijiet aktar baxxi), xi problemi (inklużi dawk ewlenin elenkati hawn taħt fil-punt 4.11), għadhom qed ixekklu l-iżvilupp ulterjuri ta' suq verament uniku tal-enerġija u qed iċaħħdu lill-konsumaturi minn sehem ġust mill-benefiċċji. |
4.10 |
L-ostakli ewlenin jinkludu l-iżvilupp limitat ta’ kapaċità ta' interkonnessjoni transkonfinali, speċjalment fis-settur tal-elettriku, minħabba deċiżjonijiet nazzjonali u minħabba dewmien fl-azzjoni tal-Unjoni Ewropea biex tintlaħaq il-mira tal-interkonnessjoni tal-elettriku ta’ 10 % sal-2010 u ta’ 15 % sal-2030 (miri li huma diġà limitati ħafna, insuffiċjenti u mhux vinkolanti) (11). |
4.11 |
Il-kunsens soċjali għandu jkun fost il-prijoritajiet ewlenin, kif turi d-data l-aktar riċenti li 4-8 % tal-baġit tal-konsum tal-unitajiet domestiċi tal-UE tat-Tramuntana/tal-Punent jintefaq fuq l-enerġija, meta mqabbel ma’ 10-15 % għall-familji tal-UE Ċentrali/tal-Lvant (12). Minkejja li jintefaq ukoll ammont kbir fuq il-"faqar enerġetiku" indikat bħala prijorità soċjali ġdida li għandu jiġi miġġieled fi kwalunkwe livell nazzjonali u Ewropew, dan xorta waħda għadu jeżisti. |
5. Kummenti speċifiċi
5.1 |
L-enerġija hija sistema riġida li fiha l-infrastruttura u l-bidliet regolatorji jieħdu għaxar snin biex jiġu implimentati bis-sħiħ, filwaqt li l-kompetizzjoni tibqa' attiva (kif jidher ċar mill-pannelli solari Ċiniżi u ż-żieda fil-kompettività tal-industrija tal-vetturi elettriċi). Huwa meħtieġ mudell tal-politiki dwar l-enerġija kompletament ġdid u usa', inkluż pereżempju l-kisba ta' valur miżjud għall-kumpaniji tal-UE mir-riċerka li titwettaq dwar il-kontinwità tal-enerġija b'rabta mar-REN, jew il-promozzjoni tagħhom f'setturi bħall-karozzi elettriċi, il-batteriji relatati tal-aħħar ġenerazzjoni jew it-turbini tar-riħ fejn hemm vantaġġ kompetittiv. |
5.2 |
It-tfassil u l-implimentazzjoni komplementari tal-politika dwar l-enerġija mill-Kummissjoni f'forma ta' pjan direzzjonali huma meħtieġa peress li l-politika dwar l-enerġija hija aktar minn taxxi, u tinkludi fi kwalunkwe każ taxxi fuq l-attivitajiet tal-enerġija kif ukoll fuq il-prodotti tal-enerġija. L-esperjenza preċedenti f'oqsma oħra turi li t-trasferiment tas-sovranità mingħajr ma jkun hemm fis-seħħ Unjoni vera u kompluta jista' jwassal għal nuqqas ta' qbil b'saħħtu (kif kien il-każ fir-rigward tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja). |
5.3 |
L-ispiża tal-enerġija għandha impatt dirett u immedjat fuq il-kumpaniji u l-ħajja tan-nies kollha, u b'hekk il-konsegwenzi ta' inizjattiva żbilanċjata dwar it-tassazzjoni fuq l-enerġija għandhom jitqiesu bir-reqqa. F’dan il-kuntest, u abbażi tal-valutazzjoni tal-impatt soċjali u ekonomiku neċessarju, il-KESE jilqa’ d-dikjarazzjoni tal-President tal-Kummissjoni li jmiss dwar taxxa ġdida fuq il-karbonju fil-fruntieri biex tiġi żgurata l-kompetittività tal-kumpaniji Ewropej fis-suq globali u biex tiġi evitata r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. F’każ ta’ telf ta’ impjiegi, għandhom jiġu pprovduti opportunitajiet ġodda, u għandhom jiġu offruti lill-ħaddiema involuti r-rikwalifikazzjoni professjonali u soluzzjonijiet oħra nnegozjati. |
5.4 |
Filwaqt li tqis id-distorsjoni possibbli tas-suq intern dovuta għal-livelli differenti tat-tassazzjoni fuq l-enerġija bbażata fuq il-fjuwils fossili, il-Kummissjoni għandha tqis li l-ftehimiet ta' kummerċ ħieles jista' jkollhom impatt simili permezz tal-effetti ta' dumping tad-diversi oqfsa legali tal-pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija u l-kompetizzjoni. Is-setturi tal-attività tal-UE bħalma huma t-trasport bl-ajru, bl-ilma u bit-triq, l-agrikoltura/is-sajd u l-industriji intensivi fl-enerġija li jinsabu fil-mira tal-miżuri proposti dwar it-tassazzjoni jistgħu jiġu affettwati. Għalhekk, fin-negozjati kummerċjali bilaterali u multilaterali l-UE għandha tirrikjedi b'mod sistematiku ekwivalenza tar-rekwiżiti tal-leġislazzjoni soċjali u ambjentali tagħha għall-prodotti importati (13). |
Brussell, is-26 ta’ Settembru 2019.
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Luca JAHIER
(1) ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.
(2) SOC/626 Il-klawżola passarelle (Ara paġġġna 87 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(3) ĠU C 353, 18.10.2019, p. 90.
(4) ĠU C 198, 10.7.2013, p. 1.
(5) L-Indiċi Ewropew tal-Faqar Enerġetiku (EEPI) https://www.openexp.eu/sites/default/files/publication/files/european_energy_poverty_index-eepi_en.pdf.
(6) ĠU C 341, 21.11.2013, p. 21.
(7) ĠU C 345, 13.10.2017, p. 120.
(8) ĠU C 383, 17.11.2015, p. 84.
(9) COM(2019) 1 final.
(10) Fir-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, il-Parlament Ewropew wissa li l-istrateġija tad-dekarbonizzazzjoni tista' tikkawża wkoll "żieda qawwija fil-faqar enerġetiku" (14 ta’ Marzu 2013, ir-Riżoluzzjoni dwar il-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050) u stieden għalhekk lill-Kummissjoni biex "telimina d-diskrepanzi bejn il-politika soċjali u l-politika dwar l-enerġija" (14 ta' April 2016, ir-Riżoluzzjoni dwar "L-ilħuq tal-mira tal-ġlieda kontra l-faqar fid-dawl tal-ispejjeż li qed jiżdiedu għall-familji").
(11) Skont il-Grupp ta' Esperti tal-Kummissjoni, dan il-livell qed jonqos b'mod gradwali u xi Stati Membri mhux se jilħqu l-mira ta' 10 % fl-2020, Towards a sustainable and integrated Europe (Lejn Ewropa sostenibbli u integrata), Report of the Commission Expert Group on electricity interconnection targets, November 2017, page 25. Ara wkoll ĠU C 383, 17.11.2015, p. 84.
(12) COM(2019) 1 final.
APPENDIĊI
L-emendi li ġejjin inċaħdu waqt id-diskussjoni iżda rċevew aktar minn kwart tal-voti mixħuta:
Point 4.5
Ħassar il-punt:
Skont l-Artikolu 192(2) tat-TFUE dwar il-klawsola passerelle speċjali u l-Artikolu 48(7) TUE dwar il-klawsola passerelle ġenerali, l-iżvilupp ta’ Unjoni tal-Enerġija vera jeħtieġ jimxi id f'id mat-trasferiment tas-sovranità.
Voti favur |
: |
73 |
Voti kontra |
: |
91 |
Astensjonijiet |
: |
11 |
Punt 1.1.2
Ibdel it-test kif ġej:
Il-KESE jilqa’ dibattitu dwar l-użu tal-klawsoli l-proposta biex jintużaw il-klawsoli passerelle bil-għan li jiġu stabbiliti maġġoranza kkwalifikata fil-Kunsill u sistema ta' teħid tad-deċiżjonijiet b'mod konġunt flimkien mal-Parlament Ewropew. F'din l-istruttura ġdida, il-KESE jista' jaqdi rwol importanti biex jappoġġja t-trilogu u għandu jiġi involut.
Filwaqt li jappoġġja d-diversi fehmiet espressi fil-Komunikazzjoni, il-KESE jqis li governanza effiċjenti tal-istrateġija dwar il-klima u l-enerġija u koerenza akbar fil-leġislazzjoni tal-UE dwar it-tassazzjoni fuq l-enerġija għandhom iqisu t-tħassib tal-kumpaniji, il-ħaddiema u partijiet ikkonċernati oħra Ewropej. L-involviment u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, l-appoġġ tal-Istati Membri u l-qbil u l-impenn tal-imsieħba soċjali huma importanti għas-suċċess ta’ dan il-proċess.
Voti favur |
: |
65 |
Voti kontra |
: |
105 |
Astensjonijiet |
: |
9 |