28.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 364/124


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Il-mument tal-Ewropa: Tiswija u Tħejjija għall-Ġenerazzjoni li Jmiss”

(COM(2020) 456 final)

“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni. Il-baġit tal-UE jmexxi l-pjan ta' rkupru għall-Ewropa”

(COM(2020) 442 final)

“Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi Strument ta' Rkupru tal-Unjoni Ewropea insostenn tal-irkupru wara l-pandemija tal-COVID-19”

(COM(2020) 441 final/2 — 2020/0111 (NLE))

“Proposta emendata għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027”

(COM(2020) 443 final — 2018/0166 (APP))

“Proposta emendata għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar is-sistema ta' Riżorsi Proprji tal-Unjoni Ewropea”

(COM(2020) 445 final — 2018/0135 (CNS))

“Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE, EURATOM) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014–2020”

(COM(2020) 446 final — 2020/0109 (APP))

“Proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni fih u t-tixrid tiegħu, Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-programm speċifiku li jimplimenta Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali, Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi r-regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li jridu jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill”

(COM(2020) 459 final — 2018/0224 COD)

(2020/C 364/17)

Relatur ġenerali:

Petru Sorin DANDEA

Relatur ġenerali:

Tommaso DI FAZIO

Relatur ġenerali:

Petr ZAHRADNÍK

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 17.6.2020 (COM(2020) 459 final — 2018/0224 COD)

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 10.6.2020 (COM(2020) 459 final — 2018/0224 COD)

Kummissjoni Ewropea, 17.6.2020:

COM(2020) 441 final/2 — 2020/0111 (NLE)

COM(2020) 442 final

COM(2020) 443 final — 2018/0166 (APP)

Kummissjoni Ewropea, 2.7.2020:

COM(2020) 445 final — 2018/0135 (CNS)

COM(2020) 446 final — 2020/0109 (APP)

COM(2020) 456 final

Bażi legali

Artikoli 43(2), 173(3), 182(1), 188 u 304 tat-TFUE

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Deċiżjoni tal-Bureau

9.6.2020

Adottata fil-plenarja

16.7.2020

Sessjoni plenarja Nru

553

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

206/4/5

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE huwa konxju tal-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali gravi tal-pandemija tal-COVID-19 għall-Istati Membri kollha. Huwa għalhekk li jappoġġja bil-qawwa l-proposta tal-Kummissjoni — Next Generation EU — bħala għodda speċifika għal irkupru rapidu u effettiv. Il-Kummissjoni qieset id-dissimetriji ekonomiċi u soċjali kkawżati mill-miżuri adottati wara l-kriżi tal-2008 u bbażat l-azzjonijiet tagħha fuq il-prinċipju tas-solidarjetà bejn il-pajjiżi kollha, mingħajr ma ġie eskluż l-ebda pajjiż. Il-Kummissjoni qed tmur lura għall-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni Ewropea kif miktub fit-Trattat fundatur, li hija qed timplimenta b'mod deċiżiv.

1.2.

Il-KESE huwa konxju sew tas-sitwazzjoni ekonomika straordinarja u serja kkawżata mill-pandemija u jaqbel mas-sett ta' miżuri adottati biex itaffu l-impatti negattivi fuq il-prestazzjoni ekonomika. L-effetti jvarjaw, inkluż mhux biss xokk bla preċedent fid-domanda u tnaqqis fil-likwidità, iżda wkoll sospensjoni tal-ktajjen tal-provvista u problemi serji min-naħa tal-provvista, fejn il-ktajjen tal-provvista ġew interrotti u ħafna kumpaniji ffaċċjaw problemi bil-komponenti, bil-forza tax-xogħol, bil-materja prima, eċċ., u kellhom iwaqqfu l-proċessi tal-produzzjoni tagħhom għal din ir-raġuni. F'dan is-sens, il-miżuri pprovduti jridu jkunu eċċezzjonali u l-KESE jitlob li jkunu komprensivi ħafna.

1.3.

Għalhekk, il-KESE jilqa' d-deċiżjoni li l-Unjoni tiġi pprovduta b'għodda finanzjarja sostanzjali li tippermetti lill-Istati Membri kollha jiksbu rkupru ekonomiku u soċjali fil-pront u effettiv. Il-KESE jilqa' wkoll b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi l-fond straordinarju ta' rkupru b'kull ma huwa meħtieġ biex l-ekonomija tal-Unjoni terġa' tingħata l-ħajja u, barra minn hekk, biex tiġi affermata mill-ġdid il-pożizzjoni kompetittiva tagħha fil-livell globali, flimkien mal-kisbiet soċjali li huma karatteristiċi tal-Unjoni Ewropea, li jrid jibqgħu wkoll objettiv essenzjali.

1.4.

Il-KESE jħares b'mod pożittiv ħafna lejn iż-żewġ deċiżjonijiet ewlenin tal-Kummissjoni. L-ewwel wieħed huwa li jiddaħħal strument straordinarju għall-irkupru finanzjarju bħala parti mill-qafas finanzjarju pluriennali. Il-QFP huwa strument li r-regoli proċedurali tiegħu huma aċċettati mill-Istati Membri kollha, li ħadem tajjeb għal żmien twil, u li għalhekk huwa kompletament funzjonali. It-tieni deċiżjoni ewlenija hija li jiżdied id-dejn komuni, li jitħallas lura fuq perjodu twil ta' żmien, u li jiġi evitat li l-piż finanzjarju straordinarju jaqa' direttament fuq l-Istati Membri fuq perjodu qasir ta' żmien, li kollha kemm huma — mingħajr eċċezzjonijiet — sa ċertu punt qed ibatu mill-effetti ekonomiċi u soċjali negattivi tal-pandemija.

1.5.

It-tieni deċiżjoni wasslet lill-Kummissjoni biex titlob awtorizzazzjoni biex tibbenefika mill-klassifikazzjoni tal-kreditu għolja tal-Unjoni Ewropea fis-suq finanzjarju sabiex tiġbor, f'segmenti suċċessivi, self Ewropew komuni fit-tul ħafna b'rati tal-imgħax baxxi għall-Istati Membri kollha. L-isforz finanzjarju għandu jgħin biex l-ekonomija Ewropea terġa' tingħata l-ħajja malajr kemm jista' jkun, terġa' tinkiseb il-fiduċja u tinbena Unjoni aktar sostenibbli u ġusta.

1.6.

Il-KESE jilqa' ż-żewġ deċiżjonijiet ewlenin adottati minħabba li, kif ġie ddikjarat ripetutament fid-dokumenti leġislattivi u mhux leġislattivi li ġew ippreżentati, l-ekonomiji tal-Istati Membri ma jistgħux jibqgħu jirreżistu l-effetti negattivi tal-kriżi waħedhom minħabba li huma kollha dipendenti ħafna fuq xulxin minħabba l-ħafna snin ta' konsolidazzjoni tas-suq uniku, li kellu l-effett pożittiv maħsub mill-fundaturi tal-UE u t-Trattati fundaturi.

1.7.

B'mod ġenerali, fil-kuntest usa' tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) kollu, il-Programm Next Generation UE jagħti sinjal dwar kif għandhom jiġu mobilizzati u utilizzati r-riżorsi finanzjarji komuni tal-UE fil-futur. Barra minn hekk, għalkemm l-ammont totali ta' EUR 750 biljun jista' jidher enormi, dan żgur mhuwiex lil hinn mill-mezzi ekonomiċi tal-UE (huwa ugwali għal 4,1 % biss tal-prodott domestiku gross (PDG) tal-UE fl-2019), u jista' jitħallas lura kompletament sal-2058.

1.8.

Il-KESE japprezza l-approċċ innovattiv u oriġinali li l-Kummissjoni Ewropea qiegħda tieħu biex iżżid il-bażi fiskali tal-UE minn 1,1 % tal-PDG tal-UE għal madwar 1,7 % f’termini komparabbli, jew saħansitra aktar jekk ikun meħtieġ fil-futur. Il-KESE jqis li dan ir-rispons huwa sinjal ta' kif ir-riżorsi finanzjarji komuni tal-UE jistgħu jiġu mobilizzati u utilizzati b'mod modern fil-futur.

1.9.

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon kbir il-fatt li l-istrument il-ġdid propost għandu jkun ikkoordinat mill-qrib mal-proċess tas-Semestru Ewropew, li wera l-vijabbiltà tiegħu, u jappoġġja l-proposta li l-Istati Membri jispeċifikaw il-ħtiġijiet tagħhom fil-pjani nazzjonali ta' rkupru u reżiljenza.

1.10.

Il-KESE jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal baġit tal-UE li għandu l-għan li jintroduċi riżorsi proprji ġenwini addizzjonali bbażati fuq taxxi differenti (dħul mill-iskema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet, mit-tassazzjoni diġitali, mid-dħul tal-kumpaniji kbar). B'mod partikolari, il-KESE jindika li l-appoġġ finanzjarju enormi meħtieġ mill-Istati Membri tal-UE biex tingħeleb il-kriżi ekonomika għandu jkun akkumpanjat minn proġett ta' riforma fiskali aktar ambizzjuż — Unjoni Fiskali — bil-għan li jiġi stabbilit reġim tat-taxxa armonizzat ibbażat fuq il-prinċipji ta' kompetizzjoni ġusta u tas-solidarjetà u li jiġu evitati d-distorsjonijiet u d-diskriminazzjonijiet li jeżistu fil-pajjiżi tal-UE li wasslu għal imġiba opportunistika kemm fl-Istati kif ukoll fil-kontribwenti individwali u li dgħajfu l-unità tas-suq uniku.

1.11.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tħejji dokument ta' sfond konsenswali u appoġġjat bil-qawwa dwar ir-riżorsi finanzjarji proprji tal-UE; il-KESE jifhem il-perjodu twil taż-żmien għall-ħlas lura tan-Next Generation EU, iżda s-soluzzjoni finali dwar ir-riżorsi proprji trid tiġi adottata sew qabel dik id-data.

1.12.

Il-KESE jitlob bil-qawwa li l-miżuri proposti mill-Kummissjoni jsiru operattivi malajr kemm jista' jkun, peress li l-fattur taż-żmien huwa essenzjali. Għalhekk jappella lill-Kunsill biex jilħaq kunsens mingħajr dewmien billi jipperswadi lil dawk l-Istati Membri li bħalissa qed jopponu l-pjan tal-valur tal-unità u l-koeżjoni f'dan iż-żmien diffiċli u jfakkarhom li l-pajjiżi kollha, mingħajr eċċezzjonijiet, huma interdipendenti ekonomikament u soċjalment.

1.13.

Fl-aħħar nett, il-KESE jixtieq jinnota li l-kriżi għal darb'oħra enfasizzat il-ħtieġa li jitħaffu r-riformi li saru għaż-żona tal-euro u li jingħelbu l-limitazzjonijiet li għadhom jimpedixxu integrazzjoni ġenwina ekonomika, soċjali, fiskali u politika. Din hija xi ħaġa li l-KESE diġà enfasizza matul il-kriżi finanzjarja preċedenti li faqqgħet fl-2008.

2.   Sommarju tal-proposta tal-Kummissjoni

2.1.

Bħala rispons għall-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali immedjati tagħha, fis-27 ta' Ġunju 2020, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet strument temporanju ta' rkupru ta' EUR 750 biljun, imsejjaħ Next Generation EU, biex tingħata spinta lill-kapaċità finanzjarja tal-baġit tal-UE.

2.2.

L-istrument għall-irkupru huwa inkorporat fil-qafas finanzjarju pluriennali msaħħaħ ta' bejn l-2021 u l-2027 biex l-investiment jgħaddi malajr fejn hu l-aktar meħtieġ, jissaħħaħ is-suq uniku, tiżdied il-kooperazzjoni f'oqsma bħas-saħħa u l-ġestjoni tal-kriżijiet, u biex l-Unjoni tiġi attrezzata b'baġit fit-tul biex jiġu xprunati t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u tinbena ekonomija aktar ġusta u reżiljenti.

2.3.

Il-pjan ta' rkupru jikkonsisti f'element ta' għotja ta' EUR 440 biljun li se jitqassam bejn l-intestaturi kollha tal-baġit. Barra minn hekk, se jiġu pprovduti EUR 60 biljun f'garanziji. Madwar EUR 250 biljun se jingħataw lill-Istati Membri bħala self.

2.4.

Sabiex tiffinanzja l-miżuri ta' rkupru proposti, il-Kummissjoni se tissellef sa EUR 750 biljun fis-swieq finanzjarji f'isem l-Unjoni, għal miżuri ta' rkupru matul il-perjodu ta' bejn l-2021 u l-2024.

2.5.

Biex tagħmel dan possibbli, il-Kummissjoni se tuża l-marġni ta' manuvra — id-differenza bejn il-limitu massimu tar-riżorsi proprji tal-baġit fit-tul (l-ammont massimu ta' fondi li l-Unjoni tista' titlob mill-Istati Membri biex tkopri l-obbligi finanzjarji tagħha) u l-limitu massimu tal-infiq attwali (il-limitu massimu tal-pagament tal-QFP).

2.6.

Il-limitu massimu tar-riżorsi proprji għandu jiżdied fuq bażi eċċezzjonali u temporanja b'0,6 punti perċentwali. Din iż-żieda se tiżdied mal-limitu massimu permanenti tar-riżorsi proprji — 1,4 % tal-introjtu nazzjonali gross tal-UE, li huwa propost minħabba inċertezzi ekonomiċi u l-Brexit. Iż-żieda ta' 0,6 punti perċentwali se tiskadi meta l-fondi kollha jkunu tħallsu lura u l-obbligazzjonijiet kollha ma jkunux għadhom jeżistu.

2.7.

Bil-marġni ta' manuvra tal-baġit tal-UE bħala garanzija, l-UE se tkun tista' toħroġ dejn b'termini relattivament vantaġġjużi meta mqabbla ma' ħafna Stati Membri individwali. Il-fondi miġbura sejrin jitħallsu lura mill-baġits futuri tal-UE li jibdew wara l-2027 u sa mhux aktar tard mill-2058, mill-baġits futuri tal-UE. Is-self se jitħallas lura mill-Istati Membri li jkunu ssellfu.

2.8.

Billi l-element ta' self jikkonsisti f'EUR 250 biljun, l-UE kollettivament trid tħallas lura EUR 500 biljun permezz tal-mekkaniżmu tar-riżorsi proprji (madankollu, l-UE hija responsabbli wkoll għal inadempjenzi ta' self mill-Istati Membri fuq il-EUR 250 biljun li jifdal).

2.9.

Biex jiġi ffaċilitat il-ħlas lura tal-finanzjament tas-suq li jkun sar u biex tkompli titnaqqas il-pressjoni fuq il-baġits nazzjonali, il-Kummissjoni se tipproponi riżorsi proprji ġodda addizzjonali — minbarra dawk diġà proposti — fi stadju aktar tard tal-perjodu finanzjarju ta' bejn l-2021 u l-2027. Dawn se jkunu marbutin mill-qrib mal-prijoritajiet tal-UE (it-tibdil fil-klima, l-ekonomija ċirkolari u t-tassazzjoni ġusta).

2.10.

L-użu tal-flus mill-pakkett għall-irkupru huwa mibni fuq tliet pilastri.

2.10.1.

PILASTRU 1 — Nappoġġjaw lill-Istati Membri biex jirkupraw, isewwu u joħorġu aktar b'saħħithom mill-kriżi: Dan jinkludi firxa ta' strumenti biex jappoġġjaw l-investiment u r-riformi fl-Istati Membri, b'enfasi fuq fejn l-impatt tal-kriżi u l-ħtiġijiet ta' reżiljenza huma l-akbar:

Faċilità ġdida għall-Irkupru u għar-Reżiljenza ta' EUR 560 biljun li għandha tintuża għal investimenti u riformi għall-irkupru u għar-reżiljenza;

l-inizjattiva REACT-EU se tipprovdi EUR 55 biljun ta' finanzjament addizzjonali għall-politika ta' koeżjoni bejn issa u l-2022;

tibdil fil-Fond Soċjali Ewropew Plus;

proposta biex jissaħħaħ il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta sa EUR 40 biljun;

proposta biex jissaħħaħ il-baġit għall-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali b'EUR 15-il biljun.

2.10.2.

PILASTRU 2 — Inqajmu l-ekonomija u ngħinu biex l-investiment privat jerġa' jibda jiċċaqlaq:

Strument ġdid ta' Appoġġ għas-Solvenza se juża l-garanzija baġitarja tal-UE biex jimmobilizza riżorsi privati biex jappoġġja b'mod urġenti l-ekwità ta' kumpaniji Ewropej vijabbli mis-setturi ekonomiċi kollha;

InvestEU msaħħa, li hija unikament adatta biex timmobilizza l-investiment u tappoġġja l-politiki tal-Unjoni matul l-irkupru f'oqsma bħall-infrastruttura sostenibbli, l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni;

fi ħdan l-InvestEU, il-Kummissjoni qed tipproponi li toħloq Faċilità għall-Investiment Strateġiku biex iżżid ir-reżiljenza tal-Ewropa billi tibni awtonomija strateġika fil-ktajjen ta' provvista vitali fil-livell Ewropew.

2.10.3.

PILASTRU 3 — Nitgħallmu mill-kriżi u nindirizzaw l-isfidi strateġiċi tal-Ewropa

programm ġdid dwar is-Saħħa, EU4Health, ta' EUR 9,4 biljun biex jiġi żgurat li l-Unjoni tkun mgħammra bil-kapaċitajiet kritiċi biex tirreaġixxi malajr għall-kriżijiet futuri;

żieda ta' EUR 2 biljun għar-rescEU, il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili;

tisħiħ ta' Orizzont Ewropa għal EUR 94,4 biljun;

żieda tal-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali għal EUR 86 biljun, permezz ta' Garanzija ġdida għall-Azzjoni Esterna, u EUR 1 biljun addizzjonali għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli;

żieda ta' EUR 5 biljun għall-Istrument għall-Għajnuna Umanitarja.

2.11.

Minbarra t-tisħiħ taħt in-Next Generation EU, il-Kummissjoni tipproponi li ssaħħaħ aktar programmi sabiex ikunu jistgħu jaqdu r-rwol sħiħ tagħhom biex l-Unjoni ssir aktar reżiljenti u biex jiġu indirizzati l-isfidi relatati mal-pandemija u l-konsegwenzi tagħha:

il-Programm Ewropa Diġitali; il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa; il-Programm għas-Suq Uniku u l-programmi li jappoġġjaw il-kooperazzjoni fl-oqsma tat-tassazzjoni u d-dwana; Erasmus Plus; Ewropa Kreattiva; il-Politika Agrikola Komuni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd; il-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil u l-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri; il-Fond għas-Sigurtà Interna; l-assistenza ta' qabel l-adeżjoni tal-Unjoni.

2.12.

Il-fond għall-irkupru huwa inkluż fl-istruttura tal-baġit tal-UE. B'riżultat ta' dan, l-iżborż se jkun jeħtieġ il-programmazzjoni u huwa marbut mas-Semestru Ewropew (u għalhekk il-kondizzjonalità makroekonomika). Huwa marbut ukoll mas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll baġitarji tal-Kummissjoni Ewropea, u japplika l-kontroll baġitarju tal-Parlament Ewropew.

2.13.

Biex tagħmel tajjeb għall-perijodu tranżitorju sakemm tiġi rratifikata d-Deċiżjoni emendata dwar ir-riżorsi proprji, u biex il-fondi meħtieġa jkunu disponibbli għall-ħaddiema, in-negozji u l-Istati Membri diġà fl-2020, il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll li taġġusta l-baġit attwali għall-perjodu fit-tul għas-snin 2014-2020 sabiex ikun hemm aktar infiq fl-2020.

2.14.

L-istrateġija tal-UE għat-tkabbir, il-Patt Ekoloġiku Ewropew — inkluż il-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta propost f'Jannar — u l-istrateġiji diġitali u industrijali tal-Unjoni huma vitali għall-irkupru sostenibbli tal-UE u għadhom fil-qalba tal-proposti tal-Kummissjoni peress li huma kruċjali biex l-ekonomija tagħna timxi 'l quddiem u tħejji il-futur għall-ġenerazzjoni li jmiss. Għalhekk, l-investimenti u r-riformi biex dawn jiġu avvanzati se jkollhom jiġu inklużi fil-pjani nazzjonali ta' rkupru u reżiljenza.

2.15.

Għalkemm f'Mejju 2018, il-Kummissjoni pproponiet li jiġu eliminati l-korrezzjonijiet kollha fuq in-naħa tad-dħul (mekkaniżmi ta' korrezzjoni), minħabba l-impatt ekonomiku tal-pandemija tal-COVID-19, il-Kummissjoni issa tieħu l-pożizzjoni li t-tneħħija gradwali tal-mekkaniżmi ta' korrezzjoni u l-pjan ta’ rkupru jistgħu jinvolvu żidiet sproporzjonati fil-kontribuzzjonijiet għal ċerti Stati Membri fil-baġit fit-tul li jmiss. Biex dan jiġi evitat, il-Kummissjoni tipproponi li l-mekkaniżmi ta' korrezzjoni attwali jitneħħew b'mod gradwali fuq perjodu itwal ta' żmien.

2.16.

Il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-UE kontra nuqqasijiet ġeneralizzati fl-istat tad-dritt tibqa' karatteristika prinċipali tal-pakkett ta' rkupru.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Fir-rigward tal-preżentazzjoni dwar il-pjan ta' rkupru li l-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen għamlet lill-Parlament Ewropew fis-27 ta' Mejju 2020, il-KESE japprezza b'mod partikolari u jaqbel mal-motivazzjonijiet profondi u sinifikanti li wasslu għan-Next Generation EU. Dan l-istrument huwa patt ġust bejn il-ġenerazzjonijiet li se joħloq Unjoni Ewropea msaħħa u orjentata lejn il-futur. Se jkollha l-għodod xierqa biex tkun aktar b'saħħitha u aktar koeżiva sabiex il-ġenerazzjonijiet futuri jibbenefikaw ħafna minnha, minflok ma jitgħabbew biss bil-piż tad-dejn fit-tul ħafna li nħoloq illum.

3.2.

Il-KESE jikkwota r-raġunijiet li ġejjin b'mod partikolari għaliex il-proposta hija straordinarja, anke revoluzzjonarja:

għall-ewwel darba, ir-riżorsi baġitarji tal-UE għandhom jaħdmu b'dejn impliċitu, li għandu jitħallas lura matul it-30 sena li ġejjin;

għall-ewwel darba, ir-riżorsi se jisselfu fis-swieq finanzjarji u s-soluzzjoni se tkun ittestjata fis-suq; matul dan iż-żmien, is-somma totali hija garantita mill-UE kollha kemm hi;

is-soluzzjoni tista' twassal għal żieda futura fir-riżorsi proprji tal-UE u għal tnaqqis korrispondenti fid-dipendenza diretta tagħha fuq il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri;

dan għandu jżid ukoll il-bażi finanzjarja tal-Unjoni minn 1,1 % tal-PDG tal-UE, kif inhi bħalissa, għal madwar 1,7 % f'termini komparabbli;

is-soluzzjoni hija ta' appoġġ kbir, mhux biss għal dawk affettwati direttament mill-pandemija, iżda wkoll għal dawk li jeħtieġu l-assistenza bir-riformi strutturali tagħhom;

il-proposta tiddependi ħafna fuq l-użu tal-istrumenti finanzjarji, li se jiżguraw ridistribuzzjoni aktar effiċjenti tar-riżorsi.

3.3.

F'dan l-istadju huwa meħtieġ li jiġu evitati riperkussjonijiet negattivi reċiproċi billi tintwera solidarjetà mal-pajjiżi l-aktar milquta mill-pandemija u/jew ma' ekonomiji aktar dgħajfa minħabba l-iżbilanċi u l-limitazzjonijiet attwali taż-żona tal-euro.

3.4.

Il-KESE jirrikonoxxi l-avviż tal-Programm tan-Next Generation EU kif ukoll il-proposta li saret fil-proposta magħmula fil-proposta emendata għal QFP 2021-2027 biex tiżdied il-bażi fiskali (baġitarja) tal-UE u tiġi adattata għall-ħtiġijiet urġenti attwali. Il-miżuri fiskali proposti jikkomplementaw ukoll il-passi li diġà ttieħdu fil-politiki monetarji u strutturali kif ukoll fl-oqfsa regolatorji.

3.5.

F'għadd ta' opinjonijiet preċedenti, u b'mod partikolari fl-Opinjoni tiegħu tal-2018 dwar il-QFP 2021-2027, il-KESE appella għal baġit qawwi tal-UE u biex l-UE tkun mgħammra bir-riżorsi finanzjarji biex twassal b'mod kredibbli fl-aġenda politika tal-UE (1).

3.6.

F'termini ta' finanzjament tal-baġit tal-UE, il-KESE u l-Parlament Ewropew ilhom jitolbu ammont kbir biżżejjed ta' riżorsi proprji awtonomi, trasparenti u ġusti, u għal bidla lil hinn mid-dominanza tal-kontribuzzjonijiet ibbażati fuq l-introjtu nazzjonali gross (ING). Il-KESE jappoġġja s-sejbiet tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji, presedut minn Mario Monti (2). Il-metodi biex jiżdied id-dħul għandhom jikkomplementaw u jsaħħu l-objettivi tal-politika tal-UE. Għalhekk, il-KESE jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal riżorsi proprji ġenwini addizzjonali (3).

3.7.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tfassal dokument ta' sfond ta' politika u test tal-fattibbiltà għar-riżorsi finanzjarji proprji. Il-KESE jifhem li se jgħaddi ftit żmien qabel ma tiġi adottata soluzzjoni finali. Madankollu, ikun utli ħafna jekk tiġi eliminata l-inċertezza ta' bħalissa dwar il-mod ta' finanzjament tal-baġit tal-UE. Mingħajr soluzzjoni, dan il-kunċett kollu huwa vulnerabbli ħafna.

3.8.

Il-KESE jieħu nota tal-proposta tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-pjan ta' rkupru biex jiġu eliminati b'mod gradwali l-mekkaniżmi ta' korrezzjoni attwali għal ċerti Stati Membri kontributuri netti fuq perjodu ta' żmien itwal minn dak propost fl-2018. Madankollu, il-KESE jżomm il-pożizzjoni li esprima fl-Opinjonijiet reċenti tiegħu, fejn fl-aħħar mill-aħħar jitlob li jintemmu l-mekkaniżmi ta' korrezzjoni kollha (4).

3.9.

Minħabba li Next Generation EU ġie nkluż fil-baġit tal-UE, dan se jinvolvi rabta mas-Semestru Ewropew — f'termini ta' kundizzjonalità — u mas-sistema ta' ġestjoni u kontroll tal-Kummissjoni, li hija wkoll taħt il-kontroll tal-Parlament Ewropew. Il-KESE jindika li kunflitti potenzjali bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni jew bejn il-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew jistgħu jwasslu għal dewmien sinifikanti fl-iżborż tal-fondi.

3.10.

Il-KESE jemmen li jeħtieġ li l-Istati Membri jtejbu b'mod sinifikanti l-kapaċità tal-programmazzjoni tagħhom jekk fl-ewwel tliet snin tal-qafas finanzjarju l-ġdid se jitqassmu EUR 165 biljun f'fondi addizzjonali u jintużaw b'mod effettiv. Il-Kumitat jirrakkomanda wkoll li l-Kummissjoni tikkunsidra li tagħmel ir-regoli aktar flessibbli sabiex tappoġġja lill-Istati Membri fil-programmazzjoni addizzjonali meħtieġ.

3.11.

Il-KESE jilqa' l-ittra mibgħuta mill-presidenti tal-gruppi politiċi ewlenin tal-Parlament Ewropew li fiha huma jħeġġu lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill jilħqu ftehim malajr abbażi tal-proposta tal-Kummissjoni. Il-KESE jaqbel ukoll mar-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-15 ta' Mejju 2020, li fiha l-Parlament jappoġġja pakkett ta' rkupru ta' EUR 2 triljun biex jiġu indirizzati r-riperkussjonijiet tal-COVID-19 (5).

3.12.

Il-KESE jirrikonoxxi li l-pakkett biex jiġi stabbilit Strument għall-Irkupru u jitfassal il-QFP 2021-2027 skont il-ħtiġijiet tal-perjodu ta' wara l-COVID-19 huwa meqjus bħala pass straordinarju fil-finanzjament tal-UE, iżda huwa wkoll neċessarju u urġenti. Il-politika baġitarja tal-UE fiċ-ċirkostanzi attwali ma kinetx tkun flessibbli biżżejjed u ma setgħetx tappoġġja kwalunkwe azzjoni li tista' b'mod viżibbli tgħin biex tissolva s-sitwazzjoni ta' kriżi.

3.13.

Il-KESE jifhem ukoll li l-proposta hija l-aħjar waħda li tista' ssir fiċ-ċirkostanzi politiċi attwali.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Fir-rigward tal-Faċilità għall-Irkupru u għar-Reżiljenza, il-KESE japprezza ħafna r-rabta proposta mal-proċess tas-Semestru Ewropew kif ukoll il-Pjani ta' Rkupru u Reżiljenza li jistgħu jkunu l-bażi u l-punt ta' riferiment għall-finanzjament.

4.2.

Fir-rigward tal-inizjattiva REACT-EU, il-KESE jilqa' mhux biss iż-żieda pjuttost b'saħħitha fil-bażi tal-politika ta' koeżjoni, iżda wkoll ir-regoli eċċezzjonali ta' flessibbiltà mfassla biex jipprovdu appoġġ sinifikanti għal oqsma fil-bżonn u prijoritajiet urġenti.

4.3.

Il-KESE jappoġġja wkoll bis-sħiħ żieda kbira fl-allokazzjoni tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-passi proposti fil-pilastri l-oħra tal-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta. L-iskema mfassla issa tista' b'mod aktar faċli u robust tappoġġja l-bidla strutturali lejn attivitajiet ekonomiċi ġodda u aktar diversifikati, li hija parti kruċjali tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

4.4.

Sabiex nerġgħu lura għas-sitwazzjoni ekonomika ta' qabel il-kriżi, huwa importanti ħafna li jinħolqu kundizzjonijiet favorevoli għall-investimenti privati. Il-KESE jilqa' l-proposta li jiġi stabbilit Strument ta' Appoġġ għas-Solvenza, li għandu jgħin negozji b'saħħithom milquta mill-pandemija.

4.5.

Il-KESE japprezza l-kontenut tat-tieni pilastru tal-Programm Next Generation UE, li jiffoka fuq l-irkupru tal-attività ta' investiment, li se jiġi appoġġjat minn strumenti finanzjarji innovattivi.

4.6.

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-kontenut tat-tielet pilastru tal-Programm Next Generation UE, li jindirizza kwistjonijiet li s'issa kienu prinċipalment ir-responsabbiltà tal-Istati Membri.

4.7.

Il-KESE jemmen li l-istruttura tal-programm Next Generation UE hija bbilanċjata tajjeb u tindirizza l-ħtiġijiet li għandhom jiġu ssodisfati mir-riżorsi komuni tal-UE, filwaqt li tirrispetta wkoll il-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Brussell, is-16 ta’ Lulju 2020.

Luca JAHIER

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  ĠU C 440, 6.12.2018, p. 106, ĠU C 81, 2.3.2018, p. 131, ĠU C 75, 10.3.2017, p. 63ĠU C 34, 2.2.2017, p. 1.

(2)  FUTURE FINANCING: Final report and recommendations of the High-Level Group on Own Resources December 2016 https://ec.europa.eu/budget/mff/hlgor/library/reports-communication/hlgor-report_20170104.pdf

(3)  ĠU C 440, 6.12.2018, p. 106ĠU C 81, 2.3.2018, p. 131.

(4)  ĠU C 440, 6.12.2018, p. 106.

(5)  http://www.europarl.europa.eu/doceo/document/TA-9-2020-0124_MT.html