16.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 286/121


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Unjoni ta’ ugwaljanza: Pjan ta’ azzjoni tal-UE għall-ġlieda kontra r-razziżmu 2020-2025”

[COM(2020) 565 final]

(2021/C 286/21)

Relatur: Cristian PÎRVULESCU

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 27.11.2020

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Deċiżjoni tal-Bureau

1.12.2020

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

16.4.2021

Adottata fil-plenarja

27.4.2021

Sessjoni plenarja Nru

560

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

192/2/9

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ l-pjan ta’ azzjoni tal-UE għall-ġlieda kontra r-razziżmu 2020-2025 ippreżentat mill-Kummissjoni Ewropea u jittama li se jgħin kemm lill-istituzzjonijiet tal-UE kif ukoll lil dawk tal-Istati Membri jġeddu l-isforzi tagħhom fil-ġlieda kontra r-razziżmu u forom oħra ta’ diskriminazzjoni strutturali.

1.2.

Il-pjan huwa rilevanti u f’waqtu. L-iżvilupp tal-kriżi epidemjoloġika tal-COVID-19 ħoloq sfidi ġodda fir-rigward tal-inklużjoni u l-promozzjoni tad-diversità. Gruppi diġà emarġinati, bħall-migranti, esperjenzaw tbatija medika, soċjali u ekonomika kbira. Fi żminijiet ta’ kriżi, l-attitudnijiet u l-azzjonijiet diskriminatorji għandhom it-tendenza li jsiru aktar prevalenti.

1.3.

Anke qabel il-kriżi tal-COVID-19, is-sitwazzjoni tal-minoranzi u l-gruppi vulnerabbli fl-UE kienet qed tiddeterjora. L-attitudnijiet kontra l-migranti saru aktar mifruxa, imbuttati ’l quddiem minn mexxejja u partiti mmexxija mill-elettorat li jinstigaw sentimenti anti-Musulmani, u anti-Afrikani u anti-Asjatiċi. Il-minoranzi storiċi bħar-Rom saru dejjem aktar il-miri ta’ mibegħda motivata mir-razziżmu. Il-popolazzjoni Lhudija fl-Ewropa saret inqas u inqas sikura, u dan ġab lura memorji koroh tal-antisemitiżmu krudili li ħakem lill-kontinent qabel it-Tieni Gwerra Dinjija.

1.4.

F’dan l-isfond, il-pjan għandu l-għan li jissemplifika l-azzjonijiet leġiżlattivi, politiċi u baġitarji. Filwaqt li l-pjan jiġbor flimkien l-istrumenti kollha disponibbli, xi drabi jidher li huwa nieqes mill-ambizzjoni u l-profondità storika. L-approċċ tiegħu huwa prudenti wisq, filwaqt li s-sitwazzjoni fir-realtà qiegħda tmur għall-agħar malajr. Il-KESE jixtieq jenfasizza li l-azzjoni biex jiġu miġġielda d-diskriminazzjoni, ir-razziżmu, il-ksenofobija u tipi oħra ta’ intolleranza fil-livell Ewropew hija responsabbiltà ċara mnaqqxa fid-dokumenti fundaturi tal-UE. Mhijiex xi ħaġa fakultattiva u t-tqassim tar-responsabbiltajiet bejn l-UE u l-awtoritajiet nazzjonali ma għandux isir il-bażi għall-kompjaċenza u n-nuqqas ta’ azzjoni. Tħassib speċifiku huwa dwar kif l-Istati Membri kollha tal-UE għandhom jiġu konvinti biex jipparteċipaw f’dan l-isforz u tiġi żgurata l-kooperazzjoni attiva ta’ diversi korpi, istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet fil-livell nazzjonali.

1.5.

Il-KESE jappoġġja t-tfassil ta’ leġiżlazzjoni ġdida biex jissaħħaħ ir-rwol tal-korpi nazzjonali għall-ugwaljanza.

1.6.

Il-KESE jħeġġeġ ukoll lill-Kunsill jadotta l-proposta tal-Kummissjoni tal-2008 għall-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-persuni, irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali.

1.7.

Id-Deċiżjoni Qafas dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija permezz tal-liġi kriminali, att leġiżlattiv ewlieni, teħtieġ valutazzjoni komprensiva tal-implimentazzjoni tagħha.

1.8.

L-ispazju online qed jissostitwixxi dejjem aktar l-isfera pubblika tradizzjonali. Huwa wkoll l-ispazju użat minn xi mexxejja, gruppi u organizzazzjonijiet għall-promozzjoni ta’ attitudnijiet razzisti u diskriminatorji. Fit-tfassil tal-politiki u l-proċeduri, għandha ssir enfasi aktar b’saħħitha fuq it-tixrid organizzat tad-diskors ta’ mibegħda u kif dan għandu jiġi organizzat b’mod xieraq.

1.9.

Sfortunatament, fl-aħħar deċennju rajna numru sinifikanti ta’ gruppi u organizzazzjonijiet li b’mod miftuħ iħaddnu ideat, simboli u azzjonijiet li joriġinaw mill-faxxiżmu Ewropew ta’ bejn iż-żewġ gwerer. Fl-aħħar deċennju dawn imxew mix-xifer tal-ispazju pubbliku għaċ-ċentru tiegħu, inkluż permezz tal-mobilizzazzjoni online. Dawn ġew imħeġġa wkoll minn żviluppi politiċi barra mill-Ewropa – gvernijiet ta’ stati kbar li ħadu pożizzjonijiet nazzjonalisti u konservattivi fil-politika interna u esterna. Din il-mobilizzazzjoni l-ġdida għandha tiġi indirizzata kif xieraq, mhux biss permezz ta’ azzjonijiet leġiżlattivi u punittivi, li jistgħu jaslu tard wisq, iżda permezz ta’ azzjonijiet diretti u deċiżivi li jindirizzaw il-kawżi ewlenin tar-radikalizzazzjoni tal-lemin.

1.10.

Il-KESE jilqa’ l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ippreżentat mill-Kummissjoni, u jittama li se jappoġġja bil-qawwa l-ugwaljanza fis-suq tax-xogħol, inkluż għal persuni bi sfond ta’ minoranza razzjali jew etnika. Aħna nittamaw ukoll li l-impenji soċjali tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri jiġu rispettati fiż-żminijiet ekonomiċi diffiċli li ħolqot l-epidemija tal-COVID-19.

1.11.

Il-KESE jistenna bil-ħerqa l-istrateġija komprensiva tal-Kummissjoni dwar id-drittijiet tat-tfal ippjanata għall-2021. Aħna nittamaw li l-istrateġija tinkludi azzjonijiet li jittrattaw ir-razziżmu u d-diskriminazzjoni, iżda wkoll rabtiet ma’ politiki u riżorsi li jistgħu jimmitigaw l-effetti negattivi tal-epidemija u t-tfixkil li din toħloq.

1.12.

Hija meħtieġa rivalutazzjoni komprensiva tal-politika tas-saħħa tal-UE u tal-Istati Membri, bil-għan li jiġi żgurat l-aċċess għal servizzi ta’ kwalità għolja għall-persuni kollha u speċjalment għal dawk li ġejjin minn gruppi vulnerabbli u ta’ minoranza. Dan jinkludi finanzjament aħjar tas-servizzi, l-iżvilupp ta’ infrastruttura tas-saħħa pubblika fir-reġjuni kollha, speċjalment f’żoni ifqar, l-iżvilupp ta’ servizzi tas-saħħa primarji u l-għoti ta’ servizzi abbażi tal-ħtiġijiet u d-drittijiet tal-pazjenti. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali lid-drittijiet, id-dinjità u l-benessri taċ-ċittadini anzjani li jsibu ruħhom iżolati fid-djar tal-kura matul il-pandemija tal-COVID-19.

1.13.

L-għeruq storiċi tar-razziżmu għandhom ikunu soġġetti għal interess u azzjoni mġedda, speċjalment fil-qasam tal-edukazzjoni. Għandhom jiġu żviluppati kurrikuli u kotba ġodda u organizzati programmi ta’ taħriġ għall-għalliema u l-edukaturi bl-appoġġ tal-UE. Għandu jiġi promoss approċċ interdixxiplinari għall-istorja u l-wirt komuni Ewropew fil-livelli sekondarji u terzjarji tal-edukazzjoni.

1.14.

Il-KESE jingħaqad mal-Kummissjoni fl-inkoraġġiment tal-Istati Membri kollha biex jiżviluppaw u jadottaw pjani ta’ azzjoni nazzjonali kontra r-razziżmu u d-diskriminazzjoni razzjali. Madwar nofs l-Istati Membri biss għandhom pjani bħal dawn, li juri livell varjabbli ta’ interess u impenn min-naħa tal-gvernijiet tal-Istati Membri. Il-KESE jistenna bil-ħerqa li jiġu identifikatiprinċipji ta’ gwida komuni għall-pjani ta’ azzjoni nazzjonali mistennija fl-2021 u huwa lest li jikkontribwixxi għall-isforz.

1.15.

Il-KESE jittama li l-isforzi magħmula mill-organizzazzjonijiet tan-negozju u l-kumpaniji individwali biex joħolqu u jżommu ambjent tax-xogħol inklużiv għall-impjegati tagħhom, irrispettivament mis-sess, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon, l-età, id-diżabilità jew l-orjentazzjoni sesswali jissaħħu aktar. Ambjent tax-xogħol inklużiv jinkludi wkoll djalogu soċjali reali u rappreżentanza robusta tal-impjegati. Aħna nistennew bil-ħerqa x-Xahar tal-Karta Ewropea dwar id-Diversità 2021 u t-tnedija tas-sett ta’ għodod online biex jgħin lill-kumpaniji jivvalutaw id-diversità interna u l-istrateġiji ta’ diversità tagħhom.

1.16.

Il-finanzjament għall-azzjonijiet biex jiġu miġġielda r-razziżmu u d-diskriminazzjoni jidher ġeneruż. Dan jinkludi l-qafas finanzjarju pluriennali (QFP), il-programm il-ġdid dwar iċ-ċittadini, l-ugwaljanza, id-drittijiet u l-valuri, Orizzont Ewropa, u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza l-ġdida. Abbażi ta’ evalwazzjoni ġenerali tal-azzjonijiet li saru sa issa, il-gvernijiet tal-Istati Membri jidhru li għandhom interess limitat fl-aċċess ta’ diversi riżorsi u fil-ħidma kontra r-razziżmu u d-diskriminazzjoni. Il-KESE jqis li d-dispożizzjonijiet baġitarji per se mhumiex biżżejjed u għandha tiġi stabbilita sistema ta’ inċentivi.

1.17.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni li taħdem mal-partiti politiċi Ewropej, in-Network Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet, is-soċjetà ċivili u l-akkademja biex ittejjeb il-parteċipazzjoni skont il-pjan ta’ azzjoni għad-demokrazija Ewropea. Il-KESE huwa lest li jikkontribwixxi għall-ħidma u jġib il-perspettiva u l-għarfien espert tiegħu stess.

1.18.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tintegra aħjar diversi pjani li għandhom konverġenzi sinifikanti f’dawk li huma objettivi u strumenti. Aħna nissuġġerixxu l-integrazzjoni tal-Pjan kontra r-Razziżmu, l-istrateġija għall-implimentazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija u r-Rapport dwar l-Istat tad-Dritt. Filwaqt li nirrikonoxxu l-fatt li dawn il-pjani jirrappreżentaw oqsma ta’ politika distinti, għandna wkoll nidentifikaw elementi u sinerġiji komuni.

1.19.

Wieħed mill-pilastri ta’ politiki effettivi fl-oqsma tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem huwa soċjetà ċivili vibranti, organizzata tajjeb u assertiva li hija attiva fil-livelli kollha, jiġifieri l-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej. Għalhekk, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija komprensiva għas-soċjetà ċivili Ewropea biex tgħinha twettaq il-missjoni demokratika tagħha.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.   L-indirizzar tar-razziżmu u d-diskriminazzjoni razzjali permezz tal-leġiżlazzjoni: rieżami u azzjoni

2.1.1.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni komprensiva tal-qafas legali eżistenti malajr kemm jista’ jkun. Il-monitoraġġ tat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE huwa kruċjali għall-iżgurar ta’ azzjoni effettiva kontra d-diskriminazzjoni. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkludi fil-valutazzjoni l-pożizzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-imsieħba soċjali u l-gruppi komunitarji l-aktar esposti kif ukoll il-korpi nazzjonali għall-ugwaljanza. L-organizzazzjonijiet li jaħdmu direttament mal-gruppi affettwati għandhom ikunu involuti wkoll.

2.1.2.

Il-KESE jistenna bil-ħerqa r-rapport ta’ monitoraġġ dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali li huwa mistenni fl-2021 u jilqa’ enfasi possibbli fuq ir-regolamentazzjoni tal-infurzar tal-liġi. Huwa jħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni tuża b’mod proattiv il-proċeduri ta’ ksur meta jkun meħtieġ.

2.1.3.

Il-KESE jappoġġja t-tfassil ta’ leġiżlazzjoni ġdida biex jissaħħaħ ir-rwol tal-korpi nazzjonali għall-ugwaljanza. Huwa ta’ dispjaċir li istituzzjonijiet importanti bħal dawn għandhom konfigurazzjonijiet ta’ poter u funzjonijiet li huma varjati wisq, meta huma responsabbli għall-għoti ta’ assistenza indipendenti lill-vittmi ta’ diskriminazzjoni, jippromovu l-ugwaljanza, iwettqu stħarriġiet indipendenti, u joħorġu rapporti u rakkomandazzjonijiet indipendenti. Huwa assolutament essenzjali li r-rwoli tagħhom jiġu riveduti u jkomplu jissaħħu.

2.1.4.

Il-KESE jħeġġeġ ukoll lill-Kunsill jadotta l-proposta tal-Kummissjoni tal-2008 għall-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-persuni, irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali (1).

2.1.5.

Id-Deċiżjoni Qafas dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija permezz tal-liġi kriminali (2), att leġiżlattiv ewlieni, teħtieġ valutazzjoni komprensiva tal-implimentazzjoni tagħha. Kif iddikjarat fil-proposta, hemm tħassib serju dwar il-punt sa fejn il-kodiċijiet kriminali nazzjonali jikkriminalizzaw b’mod korrett id-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda, tħassib li għandu wkoll il-Kumitat.

2.1.6.

Ta’ tħassib partikolari hija l-proliferazzjoni ta’ diskors ta’ mibegħda fl-ispazju online (3). Għalkemm id-Deċiżjoni Qafas tirrikjedi li l-Istati Membri jikkriminalizzaw l-inċitament pubbliku għall-vjolenza jew il-mibegħda għar-raġunijiet ta’ kulur, reliġjon, dixxendenza jew oriġini nazzjonali, razzjali jew etnika, hemm nuqqasijiet sinifikanti biex ir-regola tiġi applikata fil-prattika. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom iqisu l-prinċipju tal-libertà tal-kelma u jiddefinixxu f’aktar dettall il-kontenut tal-imġiba illegali online. Fl-istess ħin, iridu jikkooperaw mal-pjattaformi tat-teknoloġija tal-informazzjoni sabiex jirregolaw l-aċċess u jistabbilixxu regoli aktar ċari għall-moderazzjoni u t-tneħħija tal-kontenut. Hemm progress fir-rigward tal-konformità volontarja tal-fornituri tal-pjattaforma u t-tneħħija tal-kontenut illegali iżda huwa meħtieġ sforz kontinwu biex jinżamm il-pass mal-iżviluppi fl-ispazju online.

2.1.7.

L-ispazju online qed jissostitwixxi dejjem aktar l-isfera pubblika tradizzjonali. Huwa l-ispazju li fih isseħħ il-maġġoranza tal-interazzjoni soċjali, għal varjetà ta’ ħtiġijiet u għanijiet, mix-xiri ta’ prodotti u servizzi, divertiment, informazzjoni, edukazzjoni, konsum kulturali, għall-mobilizzazzjoni ċivika u politika. Huwa spazju wiesa’, fejn l-iżvilupp tat-teknoloġija u s-servizzi jmexxi ’l quddiem il-konfini tas-soċjabbiltà u l-interazzjonijiet. Huwa wkoll l-ispazju favorit għall-mexxejja politiċi, il-gruppi u l-organizzazzjonijiet biex jippromovu l-valuri u l-ideoloġiji tagħhom, jinteraġixxu mal-pubbliku u jimmobilizzaw għall-azzjoni (4). Uħud minnhom ipoġġu attitudnijiet razzisti u diskriminatorji fiċ-ċentru tal-azzjoni politika u l-mobilizzazzjoni tagħhom. Fit-tfassil tal-politiki u l-proċeduri, għandha ssir enfasi aktar b’saħħitha fuq it-tixrid organizzat tad-diskors ta’ mibegħda u dwar l-indirizzar tiegħu kif xieraq.

2.1.8.

Sfortunatament, fl-aħħar deċennju rajna numru sinifikanti ta’ gruppi u organizzazzjonijiet li b’mod miftuħ iħaddnu ideat, simboli u azzjonijiet li joriġinaw mill-faxxiżmu Ewropew ta’ bejn iż-żewġ gwerer. Dawn jinkludu partiti fil-parlamenti nazzjonali, partiti ekstraparlamentari, movimenti politiċi u milizzji, li kollha għandhom l-għeruq tagħhom f’kultura politika ta’ mibegħda u diskriminazzjoni. Fl-aħħar deċennju dawn imxew mix-xifer tal-ispazju pubbliku għaċ-ċentru tiegħu, inkluż permezz tal-mobilizzazzjoni online. Dawn ġew imħeġġa wkoll minn żviluppi politiċi barra mill-Ewropa – gvernijiet ta’ stati kbar li ħadu pożizzjonijiet nazzjonalisti u konservattivi fil-politika interna u esterna. Din il-mobilizzazzjoni l-ġdida għandha tiġi indirizzata kif xieraq, mhux biss permezz ta’ azzjonijiet leġiżlattivi u punittivi, li jistgħu jaslu tard wisq, iżda permezz ta’ azzjonijiet diretti u deċiżivi li jindirizzaw il-kawżi ewlenin tar-radikalizzazzjoni tal-lemin.

2.1.9.

Kif iddikjarat fil-proposta, uħud mill-Istati Membri ħadu azzjoni biex jipprojbixxu gruppi razzisti u s-simboli tagħhom, spiss skont il-leġiżlazzjoni dwar reati ta’ mibegħda, diskors ta’ mibegħda jew terroriżmu, jew stabbilew sanzjonijiet kriminali marbuta maċ-ċaħda ta’ reati kontra l-umanità u/jew il-perjodu Nażist jew Faxxist kif ukoll il-propaganda għal gruppi terroristi. Dan huwa pass fid-direzzjoni t-tajba iżda hija meħtieġa aktar azzjoni. Il-pajjiżi kollha għandhom jiżviluppaw reazzjonijiet nazzjonali għall-estremiżmu vjolenti. U l-approċċ tagħhom għandu jiġi ffaċilitat permezz ta’ azzjoni konġunta fil-livell tal-UE. Il-KESE jistenna bil-ħerqa r-rapport tal-Kummissjoni dwar ir-reazzjonijiet nazzjonali għall-estremiżmu vjolenti. Aħna nħeġġu lill-Kummissjoni taħdem mill-qrib mhux biss mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, li s-soltu jingħataw il-kompitu tal-monitoraġġ tal-estremiżmu vjolenti, iżda wkoll mal-korpi nazzjonali għall-ugwaljanza, l-istituzzjonijiet indipendenti tal-għassa, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (inklużi l-komunitajiet reliġjużi), l-imsieħba soċjali, il-midja u l-universitajiet. Il-KESE huwa lest li jikkontribwixxi l-għarfien espert tiegħu għall-iżvilupp ta’ pjani konġunti tal-UE għall-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti. L-azzjonijiet għandhom jimmiraw mhux biss lejn il-każijiet viżibbli u ta’ stadju aktar tard tal-estremiżmu vjolenti, iżda l-kawżi ewlenin u l-ambjenti abilitanti li wasslu għar-radikalizzazzjoni u l-azzjoni.

2.1.10.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jikkunsidraw li jirratifikaw mingħajr dewmien il-Konvenzjoni 190 (2019) tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, l-ewwel trattat internazzjonali li jikkundanna b’mod ċar kull forma ta’ vjolenza u fastidju fid-dinja tax-xogħol. Bħala tali, dan għandu effett fuq ir-razza, il-ġeneru u kull tip ieħor ta’ fastidju u diskriminazzjoni.

2.2.   Lil hinn mil-leġiżlazzjoni tal-UE – nagħmlu aktar biex nindirizzaw ir-razziżmu fil-ħajja ta’ kuljum

2.2.1.

Il-KESE jilqa’ l-enfasi l-ġdida fuq il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi. L-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi qed jaħdmu kuljum fil-komunitajiet Ewropej kollha u jistgħu jkunu atturi ewlenin fil-ġlieda kontra r-razziżmu, il-ksenofobija u d-diskriminazzjoni. Sfortunatament, l-edukazzjoni u t-taħriġ tal-persunal ġeneralment ma jkoprux id-demokrazija, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-diskriminazzjoni. F’xi każijiet, il-persunal tal-infurzar tal-liġi nnifsu jiżviluppa attitudnijiet razzisti, ksenofobiċi u diskriminatorji, u fl-agħar xenarju possibbli jkun marbut ma’ gruppi esterni li jippromovu dawn l-ideat. Aħna nilqgħu l-ħidma li saret mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) u l-Aġenzija għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) biex jiġu żviluppati riżorsi u għodod ta’ taħriġ iżda dan mhuwiex biżżejjed. In-numru ta’ benefiċjarji potenzjali tal-edukazzjoni u t-taħriġ huwa madwar mijiet ta’ eluf. Għalhekk, il-kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet nazzjonali tat-taħriġ għandha tiżdied b’mod sinifikanti, b’aktar riżorsi ddedikati għat-taħriġ fil-livell tal-UE u dak nazzjonali. Il-FRA u s-CEPOL jistgħu wkoll iħeġġu lill-istituti nazzjonali tat-taħriġ jikkooperaw mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-universitajiet sabiex jadattaw aħjar il-kontenut tat-taħriġ għall-ispeċifiċitajiet nazzjonali.

2.2.2.

Il-KESE jilqa’ l-impenn qawwi tal-Kummissjoni biex tiġġieled id-diskriminazzjoni, l-inugwaljanzi fl-aċċess għall-impjiegi, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-akkomodazzjoni permezz ta’ programmi ta’ politika u ta’ finanzjament. Għalhekk, aħna nilqgħu l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ippreżentat mill-Kummissjoni, u nittamaw li se jappoġġja bil-qawwa l-ugwaljanza fis-suq tax-xogħol, inkluż għal persuni bi sfond ta’ minoranza razzjali jew etnika. Aħna nittamaw ukoll li l-impenji soċjali tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri jiġu rispettati fiż-żminijiet ekonomiċi diffiċli li ħolqot l-epidemija tal-COVID-19.

2.2.3.

Il-KESE jilqa’ l-ħsieb li jintużaw in-Next Generation EU, l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku u l-baġit ġenerali għall-2021-2027 biex tiġi promossa l-inklużjoni soċjali, jiġu żgurati opportunitajiet indaqs għal kulħadd u tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni. Il-kriżi tal-COVID-19, bl-impatt sproporzjonat tagħha fuq il-persuni vulnerabbli u ta’ minoranza, ħolqot il-ħtieġa li tiġi żviluppata l-infrastruttura u li jkun hemm aċċess ugwali għas-suq tax-xogħol, il-kura tas-saħħa u dik soċjali, l-akkomodazzjoni u servizzi ta’ edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità għolja, mhux segregati u inklużivi.

2.2.4.

Il-kriżi tal-COVID-19 aggravat il-problemi ta’ gruppi vulnerabbli u ta’ minoranza b’rabta mas-suq tax-xogħol. Persuni bi sfond ta’ minoranza jesperjenzaw diffikultajiet biex isibu impjieg u, anke meta jkollhom wieħed, jesperjenzaw diffikultajiet biex jitħallsu skont il-livell edukattiv u tal-ħiliet tagħhom. L-effett ekonomiku tal-pandemija, b’sensji fuq skala kbira u aktar deterjorament tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-pagi, qed jolqot b’mod aktar qawwi lill-gruppi vulnerabbli u ta’ minoranza. Aħna nistennew bil-ħerqa l-pjan ta’ azzjoni dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali sabiex tiġi indirizzata aħjar id-diskriminazzjoni fil-qasam tal-impjiegi.

2.2.5.

Il-COVID-19 kellha wkoll effett negattiv fuq l-edukazzjoni. L-għeluq tal-iskejjel li kien hemm fl-2020 – u li probabbilment se jkompli fl-2021 ukoll – fixkel proċess edukattiv li diġà ma kienx inklużiv biżżejjed. Anke qabel il-pandemija, it-tfal u ż-żgħażagħ minn gruppi vulnerabbli u ta’ minoranza kienu jitilqu mill-iskola kmieni jew ma jipparteċipawx b’mod sħiħ fil-proċess edukattiv. Sal-punt li kienu qed jipparteċipaw fl-edukazzjoni, it-tfal bi sfond ta’ minoranza kienu soġġetti għal diskriminazzjoni u bullying, li l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea ma tirrikonoxxix bis-sħiħ. L-iskejjel mhumiex biss istituzzjonijiet edukattivi; fihom u madwarhom huma pprovduti diversi servizzi, mill-għoti ta’ ikel għall-monitoraġġ tas-saħħa u l-għajnuna u l-prevenzjoni tal-abbuż mill-ġenituri u l-komunità. Iċ-ċaqliq tat-tagħlim online kienet soluzzjoni ta’ emerġenza. F’ħafna każijiet, dan ħoloq ostaklu ieħor għat-tfal vulnerabbli u tal-minoranzi peress li ma kellhomx apparat xieraq u konnessjoni tal-Internet. Malli l-iskejjel ikunu jistgħu jerġgħu jinfetħu, hija meħtieġa azzjoni diretta u b’saħħitha biex jinbeda t-tagħlim ta’ rimedju u l-forniment tas-servizzi. Il-KESE jistenna bil-ħerqa l-istrateġija komprensiva tal-Kummissjoni dwar id-drittijiet tat-tfal ippjanata għall-2021. Aħna nittamaw li l-istrateġija tinkludi azzjonijiet li jittrattaw ir-razziżmu u d-diskriminazzjoni, iżda wkoll rabtiet ma’ politiki u riżorsi li jistgħu jimmitigaw l-effetti negattivi tal-epidemija u t-tfixkil li din toħloq.

2.2.6.

Il-KESE jilqa’ n-Network ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni u jittama li l-attivitajiet tiegħu jiġu appoġġjati u żviluppati aktar, speċjalment fir-rigward tal-edukazzjoni.

2.2.7.

F’termini ta’ saħħa, il-COVID-19 kellha impatt sinifikanti. L-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa li jsofru l-persuni b’minoranza razzjali jew etnika marru għall-agħar. Aħna nħeġġu lill-Pjattaforma tal-Politika tas-Saħħa tal-UE tindirizza bis-sħiħ il-kwistjoni tat-tnaqqis tal-inugwaljanzi abbażi tal-oriġini razzjali jew etnika. L-UE trid tagħmel ħafna aktar biex tiżgura li ċ-ċittadini u r-residenti tal-UE jkollhom aċċess għal servizzi mediċi ta’ kwalità għolja matul u wara l-pandemija. L-isforzi tal-UE biex tipprovdi tagħmir mediku u, fi stadju aktar tard, aċċess għall-vaċċini, għandhom jitfaħħru u jitħeġġu. Iżda hija biss rivalutazzjoni komprensiva tal-politika tas-saħħa tal-UE u tal-Istati Membri li tista’ ssolvi l-problema tal-aċċess u l-kwalità fuq perjodu medju u twil ta’ żmien għall-persuni kollha u speċjalment għal dawk li jagħmlu parti minn gruppi vulnerabbli u ta’ minoranza. Dan jinkludi finanzjament aħjar tas-servizzi, l-iżvilupp ta’ infrastruttura tas-saħħa pubblika fir-reġjuni kollha, speċjalment f’żoni ifqar, l-iżvilupp ta’ servizzi tas-saħħa primarji u l-għoti ta’ servizzi abbażi tal-ħtiġijiet u d-drittijiet tal-pazjenti.

2.2.8.

Hija meħtieġa aktar azzjoni fir-rigward tal-akkomodazzjoni. Kif iddikjarat fil-proposta, id-diskriminazzjoni fis-suq tal-akkomodazzjoni ssaħħaħ is-segregazzjoni, b’effett indirett f’termini ta’ edukazzjoni jew opportunitajiet ta’ impjieg u, f’każ ta’ familji bit-tfal, għandha impatt detrimentali sinifikanti fuq l-iżvilupp tat-tfal. L-epidemija tal-COVID-19 enfasizzat il-ħtieġa ta’ azzjoni biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-akkomodazzjoni. Il-prevenzjoni tal-infezzjoni u forom severi tal-marda tiddependi mill-kundizzjonijiet ġenerali tas-saħħa iżda wkoll mill-aċċess għall-infrastruttura tal-ilma u tas-sanità. L-akkomodazzjoni segregata, speċjalment f’żoni ifqar, għandha tkun prijorità. Għalkemm il-fondi għall-appoġġ ta’ azzjonijiet ta’ akkomodazzjoni mhux segregati u l-iżgurar ta’ aċċess għal servizzi bażiċi inklużivi u ta’ kwalità għolja huma disponibbli permezz tal-politika ta’ koeżjoni, mhuwiex ċar jekk l-awtoritajiet nazzjonali u lokali humiex lesti li jaċċessawha.

2.3.   Razziżmu strutturali — l-indirizzar tal-problema sottostanti

2.3.1.

Il-ġlieda kontra l-isterjotipi u s-sensibilizzazzjoni dwar il-passat hija tal-akbar importanza għal kontinent mingħajr razziżmu u diskriminazzjoni. L-għeruq storiċi tar-razziżmu għandhom ikunu soġġetti għal interess u azzjoni mġedda, speċjalment fil-qasam tal-edukazzjoni. Aħna nilqgħu l-ħidma tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-istorja u t-tagħlim tal-istorja. Madankollu, l-għodod ipprovduti ma jintużawx b’mod regolari għat-tagħlim tal-istorja fuq skala kbira. F’din id-direzzjoni hija meħtieġa azzjoni aktar miftiehma u deċiżiva. Għandhom jiġu żviluppati kurrikuli u kotba ġodda u organizzati programmi ta’ taħriġ għall-għalliema u l-edukaturi bl-appoġġ tal-UE. Għandu jiġi promoss approċċ interdixxiplinari għall-istorja u l-wirt komuni Ewropew fil-livelli sekondarji u terzjarji tal-edukazzjoni. Enfasi fuq l-edukazzjoni, formali u mhux formali, hija l-pedament ta’ kwalunkwe politika effettiva kontra r-razziżmu u d-diskriminazzjoni.

2.3.2.

Ir-rwol tas-settur kreattiv huwa importanti ħafna wkoll, billi jaġixxi bħala pont bejn il-gruppi soċjali. L-empatija u s-solidarjetà huma valuri li jiffurmaw il-bażi ta’ soċjetà inklużiva. Għalhekk, aħna nilqgħu l-enfasi ta’ Ewropa Kreattiva u programmi oħra fuq proġetti li jfittxu li jneħħu l-ostakli u jinkoraġġixxu l-inklużjoni soċjali u l-parteċipazzjoni ta’ gruppi sottorappreżentati u żvantaġġati.

2.3.3.

Il-ħidma mal-ġurnalisti hija wkoll f’waqtha u rilevanti. Aħna nappoġġjaw l-isforz tal-Kummissjoni biex tiġi żviluppata sensiela ta’ seminars dwar l-isterjotipi razzjali u etniċi, li jlaqqgħu flimkien ġurnalisti, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u rappreżentanti ta’ persuni bi sfond razzjali jew etniku minoritarju. Il-KESE huwa lest li jikkontribwixxi għal dawn l-isforzi.

2.3.4.

Il-KESE jħeġġeġ lill-KE u lill-Istati Membri biex jaħdmu fuq metodoloġija komuni għall-ġbir ta’ data rilevanti, inkluża data diżaggregata skont l-oriġini etnika u razzjali. Il-metodoloġija għandha ssegwi l-prinċipji stabbiliti mill-Konferenza Dinjija tan-NU Kontra r-Razziżmu, id-Diskriminazzjoni Razzjali, il-Ksenofobija u l-Intolleranza Relatata tal-2002 u mill-Programm ta’ Azzjoni ta’ Durban – il-ġbir ta’ data diżaggregata fl-istatistika dwar il-popolazzjoni għandha tinġabar bil-kunsens espliċitu ta’ dawk li wieġbu, abbażi tal-awtoidentifikazzjoni tagħhom u konsistenti mal-istandards tad-drittijiet tal-bniedem li jipproteġu l-privatezza. Il-KESE jqis li l-ħidma mwettqa mill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali fil-qasam tal-ġbir tad-data mhijiex biżżejjed u għandhom jiġu organizzati sforzi simili fil-livell tal-Istati Membri.

2.3.5.

Il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ prattika tajba, f’termini ta’ involviment mal-livell lokali (bliet) u l-livell tal-viċinat/komunitarju, fejn ir-razziżmu strutturali huwa marbut mal-ħajja ta’ kuljum u max-xogħol, bil-għan li jitrawwem kuntest ta’ tolleranza interkulturali.

2.4.   Qafas għat-twassil: l-użu sħiħ tal-għodod tal-UE

2.4.1.

Il-KESE jingħaqad mal-Kummissjoni fl-inkoraġġiment tal-Istati Membri kollha biex jiżviluppaw u jadottaw pjani ta’ azzjoni nazzjonali kontra r-razziżmu u d-diskriminazzjoni razzjali. Madwar nofs l-Istati Membri biss għandhom pjani bħal dawn, li juri livell varjabbli ta’ interess u impenn min-naħa tal-gvernijiet tal-Istati Membri (5). Il-KESE jistenna bil-ħerqa li jiġu identifikatiprinċipji ta’ gwida komuni għall-pjani ta’ azzjoni nazzjonali mistennija fl-2021 u huwa lest li jikkontribwixxi għall-isforz. L-oqsma ta’ politika enfasizzati fil-pjan ta’ azzjoni attwali (il-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni u r-rwol tal-korpi għall-ugwaljanza; id-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda; it-tfassil illegali ta’ profili mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi; ir-riskji maħluqa minn teknoloġiji ġodda; l-isterjotipi u s-sensibilizzazzjoni storika; l-aċċess ugwali għall-edukazzjoni, l-impjieg, il-kura tas-saħħa, l-akkomodazzjoni, l-integrazzjoni tat-tħassib dwar l-ugwaljanza fil-livell nazzjonali; l-involviment tal-livelli reġjonali u lokali; il-finanzjament għall-ġlieda kontra r-razziżmu; il-ġbir tad-data, id-djalogu mas-soċjetà ċivili) huma strutturati u komprensivi sew. Tħassib speċifiku huwa dwar kif l-Istati Membri kollha tal-UE għandhom jiġu konvinti biex jipparteċipaw fl-isforz u tiġi żgurata l-kooperazzjoni attiva ta’ diversi korpi, istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet fil-livell nazzjonali.

2.4.2.

Il-KESE jittama li jissaħħu aktar l-isforzi magħmula mill-organizzazzjonijiet tan-negozju u l-kumpaniji individwali biex joħolqu u jżommu ambjent tax-xogħol inklużiv għall-impjegati tagħhom, irrispettivament mis-sess, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon, l-età, id-diżabilità jew l-orjentazzjoni sesswali (6). Ambjent tax-xogħol inklużiv jinkludi wkoll djalogu soċjali reali u rappreżentanza robusta tal-impjegati. Aħna nistennew bil-ħerqa x-Xahar tal-Karta Ewropea dwar id-Diversità 2021 u t-tnedija tas-sett ta’ għodod online biex jgħin lill-kumpaniji jivvalutaw id-diversità interna u l-istrateġiji ta’ diversità tagħhom.

2.4.3.

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-impenn tal-Kummissjoni li tiżgura li l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni għal raġunijiet speċifiċi, u kif dawn jikkoinċidu ma’ raġunijiet oħra ta’ diskriminazzjoni, bħas-sess, id-diżabilità, l-età, ir-reliġjon jew l-orjentazzjoni sesswali, tkun integrata fil-politiki, fil-leġiżlazzjoni u fil-programmi ta’ finanzjament kollha tal-UE.

2.4.4.

Il-finanzjament għall-azzjonijiet biex jiġu miġġielda r-razziżmu u d-diskriminazzjoni jidher ġeneruż. Dan jinkludi l-qafas finanzjarju pluriennali (QFP), il-programm il-ġdid dwar iċ-ċittadini, l-ugwaljanza, id-drittijiet u l-valuri, l-Orizzont Ewropa, u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza l-ġdida. Abbażi ta’ evalwazzjoni ġenerali tal-azzjonijiet li saru sa issa, il-gvernijiet tal-Istati Membri jidhru li għandhom interess limitat fl-aċċess ta’ diversi riżorsi u fil-ħidma kontra r-razziżmu u d-diskriminazzjoni. Il-KESE jqis li d-dispożizzjonijiet baġitarji per se mhumiex biżżejjed u għandha tiġi stabbilita sistema ta’ inċentivi. Raġuni ewlenija għall-interess limitat tista’ tkun in-natura politika sensittiva tal-azzjonijiet u l-mobilizzazzjoni politika tal-mexxejja, l-organizzazzjonijiet u l-gruppi radikali kontra dawn l-azzjonijiet.

2.4.5.

Il-ġlieda kontra r-razziżmu u d-diskriminazzjoni fil-politiki esterni hija wkoll prijorità, speċjalment f’dinja severament milquta mill-epidemija tal-COVID-19. Il-KESE jittama li l-valuri tal-ġlieda kontra r-razziżmu, in-nondiskriminazzjoni u l-ugwaljanza jiġu appoġġjati bis-sħiħ permezz tal-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali, b’kooperazzjoni mal-gvernijiet u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali mill-pajjiżi msieħba tiegħu (7).

2.5.   Azzjoni pożittiva mill-UE: nisimgħu u nieħdu azzjoni

2.5.1.

Il-parteċipazzjoni demokratika u r-rappreżentazzjoni ta’ gruppi suxxettibbli għall-marġinalizzazzjoni, bħal nies bi sfond razzjali jew etniku ta’ minoranza, għadhom mhumiex biżżejjed fil-biċċa l-kbira tal-partijiet tal-Ewropa. Għalhekk, il-KESE jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li taħdem mal-partiti politiċi Ewropej, in-Network Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet u s-soċjetà ċivili biex ittejjeb il-parteċipazzjoni skont il-pjan ta’ azzjoni għad-demokrazija Ewropea. Il-KESE huwa lest li jikkontribwixxi għall-ħidma u jġib il-perspettiva u l-għarfien espert tiegħu stess. Waħda mill-prijoritajiet tkun li jitneħħew diversi sfidi legali u amministrattivi, ostakli għall-aċċessibbiltà u diffikultajiet istituzzjonali li jiffaċċjaw in-nies li huma lesti li jinvolvu ruħhom fil-politika fil-livelli kollha. Prijorità oħra tkun il-ħidma mal-partiti u l-inkoraġġiment tagħhom biex jibnu kostitwenzi politiċi aktar varjati u inklużivi, u jippromovu l-mexxejja u l-kandidati bi sfond ta’ minoranza/minn gruppi vulnerabbli.

2.5.2.

Il-KESE jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni li tiltaqa’ regolarment mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali attivi fil-ġlieda kontra r-razziżmu fil-livelli Ewropej, nazzjonali u lokali biex tevalwa l-progress fil-ġlieda kontra r-razziżmu. Il-KESE huwa lest li jipparteċipa fid-djalogu. Huwa importanti li l-atturi reliġjużi jiġu inklużi f’dan il-proċess.

2.5.3.

Il-KESE jilqa’ l-ħatra ppjanata tal-Kummissjoni ta’ koordinatur għall-ġlieda kontra r-razziżmu. Il-koordinatur se jinteraġixxi mal-Istati Membri, il-Parlament Ewropew, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-imsieħba soċjali u l-akkademja biex jissaħħu r-reazzjonijiet ta’ politika fil-qasam tal-ġlieda kontra r-razziżmu.

2.5.4.

Il-KESE jistenna bil-ħerqa s-summit ippjanat tal-Kummissjoni kontra r-razziżmu. Is-summit se jiġi organizzat biex jikkoinċidi mal-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali fil-21 ta’ Marzu 2021 u dan il-jum se jiġi mfakkar kull sena mill-Kummissjoni.

2.5.5.

Il-ħidma tal-Kummissjoni biex tippromovi d-diversità u tiżgura post tax-xogħol mingħajr diskriminazzjoni u inklużiv għall-persuni kollha, irrispettivament mill-oriġini razzjali jew etnika jew il-kulur tal-ġilda tagħhom, hija milqugħa u tistabbilixxi standard tajjeb ħafna għall-operat tal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE.

Brussell, is-27 ta’ April 2021.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  COM(2008) 426 final.

(2)  ĠU L 328, 6.12.2008, p. 55.

(3)  L-ispazju online huwa wkoll dejjem aktar immirat mill-istati li qed ifittxu strateġiji mhux konvenzjonali biex jinfluwenzaw l-opinjoni pubblika.

(4)  Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tintegra aħjar dan il-pjan ta’ azzjoni mal-Istrateġija Diġitali Ewropea.

(5)  Skont ir-rapport tal-FRA tal-2020 (Ġunju 2020, FRA) 15-il Stat Membru kellhom pjani kontra r-razziżmu, id-diskriminazzjoni razzjali/etnika u l-intolleranza relatata fl-2019: il-Belġju, il-Kroazja, ir-Repubblika Ċeka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja, il-Litwanja, in-Netherlands, il-Portugall, is-Slovakkja, l-Iżvezja u Spanja. Ir-Renju Unit kellu wieħed iżda ħareġ mill-UE fl-1 ta’ Jannar 2021.

(6)  Skont il-proposta, attwalment hemm karti tad-diversità f’24 Stat Membru b’iżjed minn 12 000 firmatarju (kumpaniji, istituzzjonijiet pubbliċi, organizzazzjonijiet non-governattivi, universitajiet, trade unions) u b’kollox iżjed minn 16-il miljun impjegat.

(7)  ĠU C 110, 22.3.2019, p. 163.