16.2.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 56/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Lejn strateġija tal-UE għat-tisħiħ tal-ħiliet u l-kompetenzi ekoloġiċi għal kulħadd”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2021/C 56/01)

Relatur:

Tatjana BABRAUSKIENĖ

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

20.2.2020

Bażi legali

Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

 

 

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

11.11.2020

Adottata fil-plenarja

2.12.2020

Sessjoni plenarja Nru

556

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

241/4/8

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jenfasizza li r-responsabbiltà ambjentali hija l-obbligu ta’ kulħadd. L-iżvilupp ambjentali sostenibbli jeħtieġ bidla soċjali drastika, inkluż tibdil individwali u kollettiv fil-mentalità, l-imġiba, u l-istili ta’ ħajja tagħna, kif ukoll fl-organizzazzjoni soċjali, politika u ekonomika tal-pajjiżi u s-soċjetajiet tagħna.

1.2.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu strateġiji nazzjonali effettivi bl-involviment tal-imsieħba soċjali u l-partijiet interessati rilevanti biex jieħdu passi favur l-implimentazzjoni urġenti tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU li jitolbu li l-pajjiżi jieħdu azzjoni dwar edukazzjoni ta’ kwalità tajba li tkun inklużiva u ekwa (SDG 4) u dwar it-tibdil fil-klima (SDG 13). B’mod partikolari, il-mira 13.3 għandha l-għan li jittejbu l-edukazzjoni, is-sensibilizzazzjoni u l-kapaċitajiet umani u istituzzjonali rigward il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, l-adattament għalih, it-tnaqqis tal-impatt tiegħu u t-twissija bikrija. Il-mira 4.7 għandha l-għan li tiżgura li l-istudenti kollha jiksbu l-għarfien u l-ħiliet meħtieġa biex jippromovu l-iżvilupp sostenibbli”, li mhuwiex biss mezz biex jissaħħu l-ħiliet u biex tingħata spinta lill-ekonomija, iżda wkoll biex jitmexxew ’il quddiem l-għanijiet ta’ ċittadinanza u paċi globali. L-edukazzjoni taqdi rwol kruċjali f’din il-bidla, li tagħmel iżjed milli sempliċement tindirizza l-kwistjonijiet ambjentali f’kurrikulu kwalunkwe.

1.3.

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jimplimentaw l-ewwel prinċipju tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li jgħid li l-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja ta’ kwalità tajba u inklużivi għandhom ikunu dritt għal kulħadd fl-Ewropa, japplikawh biex tittejjeb il-provvista tal-ħiliet u l-kompetenzi ekoloġiċi għall-protezzjoni ambjentali u l-ħiliet, u ħiliet professjonali għal kulħadd biex tiġi appoġġjata l-implimentazzjoni ta’ dan il-prinċipju permezz ta’ finanzjament pubbliku sostenibbli, abbażi ta’ ftehim mal-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili.

1.4.

Il-KESE huwa tal-fehma li l-ħiliet ekoloġiċi, ir-responsabbiltà ambjentali u l-iżvilupp sostenibbli għandhom jiġu integrati ‘mod trasversali fi ħdan l-eżiti tat-tagħlim (għarfien, ħiliet, attitudnijiet u valuri) tat-tagħlim formali, informali u dak mhux formali tal-istudenti ta’ kull età f’kull settur tal-edukazzjoni, fl-apprendistati, u fl-iskemi ta’ taħriġ għall-impjegati fi ħdan is-setturi ekoloġiċi u lil hinn minnhom.

1.5.

Il-KESE jfakkar lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jorbtu aħjar il-politiki ambjentali mal-politiki dwar l-impjieg u l-edukazzjoni. Dan għandu jgħin ukoll biex issir enfasi fuq l-antiċipazzjoni tal-ħiliet u l-iżvilupp tal-ħiliet ta’ persuni qiegħda jew ta’ persuni li jkunu qed jaħdmu li t-taħriġ tagħhom għandu jkopri r-responsabbiltà ambjentali u jiffoka b’mod speċifiku fuq il-ħiliet ekoloġiċi. Għalhekk huwa essenzjali li jiġi żgurat li t-tibdil fil-klima fit-tagħlim jiġi allinjat ma’ kultura skolastika demokratika u ma’ ambjent ta’ tagħlim ta’ “kultura ekoloġika”, li hija l-esperjenza tal-ħolqien ta’ skejjel ekoloġiċi li, billi jkollhom infrastruttura adegwata li tħaddan kuxjenza dwar il-klima u li tippreserva l-ambjent, jitmexxew b’mod sostenibbli fi sħubija mal-partijiet interessati kollha fl-iskejjel u li jħejju lill-istudenti għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima bħala ċittadini attivi u fl-impjiegi futuri tagħhom.

1.6.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea twettaq riċerka fil-livell tal-UE dwar il-ħiliet ekoloġiċi u l-iżvilupp tal-kompetenzi fi ħdan l-Istati Membri u tibbaża l-istrateġija politika tagħha fuq tali riċerka. L-iskejjel huma sors kruċjali ta’ informazzjoni dwar kwistjonijiet ambjentali għall-istudenti speċjalment fl-era tal-Internet “li jaf kollox”, tal-midja soċjali u tal-aħbarijiet foloz. Madankollu, tinħtieġ aktar informazzjoni dwar il-politiki tal-Istati Membri tal-UE dwar l-integrazzjoni tas-sensibilizzazzjoni dwar it-tibdil fil-klima, ir-responsabbiltà ambjentali, u l-iżvilupp sostenibbli, bħala ħiliet u kompetenzi ekoloġiċi, fi ħdan il-politiki tal-edukazzjoni u l-kurrikuli edukattivi tal-edukazzjoni bikrija, l-edukazzjoni ġenerali u l-edukazzjoni għolja. Riċerka bħal din għandha tiffoka wkoll fuq il-ħiliet ekoloġiċi soċjali u professjonali u l-kompetenzi fis-settur tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET), is-settur tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali inizjali (IVET) u s-settur tal-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali kontinwi (CVET), u t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-persuni qiegħda u tal-ħaddiema.

1.7.

Il-KESE jfakkar li l-ħiliet u l-kompetenzi ekoloġiċi huma meħtieġa għaċ-ċittadini kollha, żgħar u kbar. Għalhekk, għandu jkun hemm aktar attenzjoni biex jiġu implimentati f’konformità mal-implimentazzjoni tal-Qafas ta’ Kompetenzi Ewlenin (1) għat-tipi kollha ta’ edukazzjoni u jintuża biex tittejjeb il-kompetenza taċ-ċittadinanza, li hija meħtieġa biex ikun hemm sens ta’ responsabbiltà għall-ambjent u l-kompetenza matematika u l-kompetenza fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija, li jeħtieġ li jappoġġjaw is-sostenibbiltà ambjentali, b’mod partikolari fir-rigward tal-progress xjentifiku u teknoloġiku. Barra minn hekk, il-ħiliet ekoloġiċi u l-kwistjonijiet ta’ responsabbiltà ambjentali għandhom jiġu integrati fis-suġġetti kollha, b’mod partikolari fil-ġeografija, l-etika u l-filosofija.

1.8.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon li l-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa tal-Kummissjoni Ewropea (2) (2020) tiffoka fuq il-ħiliet ekoloġiċi iżda jiddispjaċih li ma tipprovdix mira għall-pajjiżi dwar il-proporzjon tal-parteċipazzjoni tal-adulti f’taħriġ ta’ kwalità tajba u inklużiv f’tal-anqas il-ħiliet u l-kompetenzi ekoloġiċi bażiċi, mentri tissuġġerixxi mira għall-parteċipazzjoni fit-taħriġ għall-adulti fil-ħiliet diġitali bażiċi.

1.9.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Patt Ekoloġiku Ewropew (3) (2019) jippreżenta strateġija komprensiva tal-UE dwar il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-protezzjoni tal-ambjent sabiex tinkiseb newtralità klimatika tal-UE sal-2050, u l-fatt li ħabbret strateġiji differenti li se jiġu segwiti minn regolamenti, fondi u riformi nazzjonali futuri. Il-KESE jitlob lill-Istati Membri jistabbilixxu politiki nazzjonali li jiffukaw ukoll fuq l-edukazzjoni dwar ir-responsabbiltà ambjentali u l-ħiliet ekoloġiċi, u t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid proattivi biex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni ġusta għal ekonomija ekoloġika għal kulħadd, b’mod partikolari għall-ħaddiema f’setturi li sejrin lura. Il-KESE jfakkar li riformi bħal dawn għandhom isiru fi ħdan djalogu soċjali effettiv mat-trade unions tal-għalliema u tal-ħaddiema, ma’ min iħaddem u permezz ta’ konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet rilevanti tas-soċjetà ċivili.

1.10.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon is-suġġeriment tal-Patt Ekoloġiku Ewropew li jitwaqqaf “qafas ta’ kompetenza Ewropew” u jirrakkomanda li l-Kummissjoni tiżviluppah biex ikun applikabbli għat-tagħlim formali, informali u mhux formali skont il-“Metodu Miftuħ ta’ Kooperazzjoni”, li jkun jinvolvi rappreżentanti tal-ministeri tal-edukazzjoni, l-imsieħba soċjali mis-setturi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u partijiet interessati rilevanti oħra bħall-NGOs taż-żgħażagħ u dawk edukattivi.

1.11.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (4) u enfasizza li l-istrateġija industrijali trid tinkludi l-impatti fuq il-forza tax-xogħol, kif ukoll it-taħriġ, it-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema (5) u l-KESE jappoġġja d-dimensjoni reġjonali ta’ din l-istrateġija u l-governanza b’saħħitha tad-djalogu soċjali. Il-KESE jenfasizza li jeħtieġ ukoll li n-negozji jiżviluppaw ukoll strateġiji dwar il-protezzjoni ambjentali, li għalihom jinħtieġ ukoll l-iżvilupp tal-ħiliet għal min iħaddem.

1.12.

Il-KESE jitlob lill-presidenzi futuri tal-UE u lill-Kummissjoni Ewropea biex iżidu l-kooperazzjoni bejn il-Kunsill Edukazzjoni, il-Kunsill Impjiegi u l-Kunsill Ambjent sabiex dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-ogħla livell jorbtu l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima mal-importanza li jiġu pprovduti ħiliet u kompetenzi ekoloġiċi għall-etajiet kollha f’kull forma u tip tas-settur tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

1.13.

Il-KESE jitlob għal strateġija komprensiva fil-livell tal-UE, bħal rakkomandazzjoni tal-Kunsill, dwar it-titjib tal-edukazzjoni u t-taħriġ dwar il-ħiliet u l-kompetenzi ekoloġiċi, l-iżvilupp ta’ strateġiji tal-iskejjel ekoloġiċi, u t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid għall-adulti, fil-post tax-xogħol u lil hinn minnu, fil-ħiliet meħtieġa għall-protezzjoni tal-ambjent, għas-soċjetà u l-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija. Nissuġġerixxu li tali rakkomandazzjoni tal-Kunsill tkun tista’ tagħti segwitu għas-suġġerimenti tal-Aġenda l-ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa biex tiffoka fuq kif għandha tiġi żviluppata attitudni ekoloġika għal kulħadd, u tagħmel lir-responsabbiltà ambjentali kompetenza trasversali fl-edukazzjoni u t-taħriġ fi ħdan iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, u tiffoka fuq l-ugwaljanza fl-iżvilupp tal-ħiliet ekoloġiċi għall-etajiet kollha u b’mod speċjali għall-gruppi żvantaġġati mil-lat soċjoekonomiku. L-implimentazzjoni tal-istrateġija b’dan il-mod għandha tirrikjedi wkoll li dan it-titjib fl-edukazzjoni u t-taħriġ ikun akkumpanjat minn riżorsi tekniċi, finanzjarji u tal-persunal sostenibbli u adegwati u ffinanzjati mill-baġit pubbliku.

1.14.

Il-KESE jemmen li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu politiki u finanzjament komprensivi biex jappoġġjaw l-iżvilupp professjonali inizjali u kontinwu tal-għalliema u ta’ dawk li jħarrġu dwar il-protezzjoni ambjentali bħala tema trasversali għall-għalliema fis-suġġetti u l-livelli kollha u t-tipi ta’ edukazzjoni u taħriġ, kif ukoll taħriġ speċifiku dwar il-ħiliet u l-kompetenzi ekoloġiċi. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll l-għoti ta’ appoġġ professjonali adegwat għall-għalliema u l-ħarrieġa u jipprovdulhom materjali tat-tagħlim, għodod, metodi u prattiki ta’ struzzjoni rilevanti u aġġornati dwar dan is-suġġett.

1.15.

Il-KESE jfakkar li l-kisba ta’ ħiliet ekoloġiċi fil-post tax-xogħol iżżid ir-reżiljenza u l-adattabbiltà tal-ħaddiema, il-maniġers u l-partijiet interessati, u fl-istess ħin tikkontribwixxi għat-tkabbir ekoloġiku. Il-KESE jitlob li tiġi appoġġjata l-kollaborazzjoni u li jiġu kondiviżi r-riżorsi tal-kumpaniji (speċjalment l-SMEs) sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta’ taħriġ fir-rigward tal-ħiliet u l-kompetenzi ekoloġiċi personali u tekniċi.

1.16.

Il-KESE jitlob li jiġi żgurat finanzjament min-naħa tal-UE għall-ħiliet ekoloġiċi u l-kompetenza tal-protezzjoni ambjentali; pereżempju, Erasmus+, l-FSE+, il-Pakkett ta’ Rkupru, u l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta għandhom jiffukaw fuq l-għoti ta’ appoġġ finanzjarju għall-iżvilupp tal-ħiliet ekoloġiċi għall-istudenti kollha ta’ kull età.

1.17.

Il-KESE jappella għall-ekoloġizzazzjoni tas-Semestru Ewropew (6) u jitlob li l-Kummissjoni taħdem mal-ministeri tal-edukazzjoni, l-imsieħba soċjali rilevanti u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex ifasslu Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż għall-Istati Membri tal-UE dwar kif jista’ jissaħħaħ l-għoti tal-ħiliet u l-kompetenzi ekoloġiċi fil-livelli u t-tipi kollha tas-setturi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, mill-edukazzjoni bikrija tat-tfal sal-edukazzjoni għolja u t-tagħlim għall-adulti, u fl-istess ħin jitqies l-appoġġ effettiv għall-adulti fil-post tax-xogħol u lil hinn minnu.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

L-indirizzar tat-tibdil fil-klima għandu impatt enormi fuq il-kundizzjonijiet soċjali, l-edukazzjoni, l-impjieg u s-suq tax-xogħol. Is-sena 2019 fl-Ewropa kienet ikkaratterizzata minn mobilizzazzjonijiet taċ-ċittadini partikolarment importanti, b’mod partikolari mill-istudenti, li talbu lill-awtoritajiet pubbliċi jieħdu azzjoni urġenti u ambizzjuża biex jindirizzaw it-tibdil fil-klima. Ir-responsabbiltà ambjentali u l-ħiliet ekoloġiċi huma meħtieġa minn kulħadd, kemm mill-konsumaturi u ċ-ċittadini inġenerali, kif ukoll minn dawk li jfasslu l-politika, in-negozji u l-ħaddiema. Dawn jinħtieġu għal kull settur u attività, kemm fil-ħajja tax-xogħol (li tkopri l-kompiti mill-ippjanar u mill-innovazzjoni strateġiċi sax-xogħol fil-livell lokali fil-fabbriki u s-servizzi) kif ukoll fil-ħajja ta’ kuljum (rigward id-dar, it-trasport u l-konsum, pereżempju) prinċipalment bħala parti integrata ta’ kull professjoni, għalkemm ċerti impjiegi jistgħu jitqiesu bħala impjiegi “speċjalizzati fl-ambjent”.

2.2.

It-tfixkil fl-ekonomiji kkawżat mill-pandemija tal-COVID-19 m’għandux jagħmel il-politika dwar il-klima prijorità aktar baxxa għall-gvernijiet u n-nies fl-Ewropa. Il-politiċi, il-kumpaniji, dawk li jfasslu l-liġi u l-attivisti tal-Ewropa talbu lill-mexxejja tagħha biex jipprovdu investiment ekoloġiku sabiex jerġa’ jinbeda t-tkabbir wara l-pandemija tal-coronavirus. Is-suppożizzjoni hija li l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-promozzjoni tal-bijodiversità jikkontribwixxu għall-bini mill-ġdid ta’ ekonomiji ekonomiji aktar b’saħħithom. Il-pakketti ta’ stimulu fiskali wara l-COVID-19 se jipprovdu opportunità biex jingħata bidu għal irkupru trasformattiv u ekoloġiku bil-ħolqien ta’ impjiegi ekoloġiċi.

2.3.

B’mod parallel, kien hemm protesti mifruxa f’diversi pajjiżi minħabba riformi fiskali u soċjali perċepiti bħala inġusti minn parti mill-popolazzjonijiet tagħhom. Dawn l-iżviluppi reċenti juru l-urġenza u l-ħtieġa ta’ politiki ambizzjużi u sinifikanti dwar il-klima li għandhom ikunu inklużivi u ta’ appoġġ għall-iżjed reġjuni, setturi, ħaddiema u ċittadini b’mod ġenerali vulnerabbli. Dawn il-politiki dwar il-klima naturalment għandhom impatt fuq it-tagħlim formali, informali u mhux formali tal-istudenti kollha f’kull età u l-ħiliet ekoloġiċi ir-responsabbiltà ambjentali u l-iżvilupp sostenibbli għandhom jiġu integrati b’mod trasversali fir-riżultati tat-tagħlim (l-għarfien, il-ħiliet, l-attitudnijiet u l-valuri) ta’ kull settur tal-edukazzjoni, l-apprendistati, u l-provvediment ta’ taħriġ għall-impjegati fi ħdan is-setturi ekoloġiċi u lil hinn minnhom. Għandna nifhmu l-ħiliet u l-kompetenzi ekoloġiċi bħala dawk li huma meħtieġa mis-soċjetà u mill-ekonomija fir-rigward tar-rekwiżiti ambjentali. Il-kwistjonijiet ambjentali jkopru firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet, mit-tibdil fil-klima u t-tniġġis sar-riżorsi naturali u l-bijodiversità.

2.4.

L-edukazzjoni taqdi rwol kruċjali fis-sensibilizzazzjoni dwar l-isfidi ambjentali u biex issawwar l-attitudnijiet u l-imġiba li jistgħu jagħmlu differenza. Filwaqt li ħafna żgħażagħ ta’ 15-il sena jħossuhom pessimisti dwar il-futur tagħhom mill-perspettiva ambjentali (7), skont l-OECD (8), bosta pajjiżi diġà inkorporaw suġġetti ambjentali fil-kurrikuli tagħhom u qed janalizzaw kwistjonijiet bħar-riċiklaġġ, il-mudelli ta’ konsum ta’ kuljum u l-imġiba sostenibbli. L-iskejjel huma sors kruċjali ta’ informazzjoni dwar kwistjonijiet ambjentali għall-istudenti u post fejn jitħejjew ċittadini responsabbli u li jaħsbu b’mod kritiku b’għarfien u fehim tal-kawżi u l-konsegwenzi tal-problemi ambjentali, kif ukoll bl-għarfien, il-ħiliet u l-attitudnijiet meħtieġa biex jinstabu soluzzjonijiet aktar sostenibbli. Madankollu, tinħtieġ aktar informazzjoni dwar il-politiki tal-Istati Membri tal-UE dwar l-integrazzjoni tas-sensibilizzazzjoni dwar it-tibdil fil-klima, ir-responsabbiltà ambjentali, u l-iżvilupp sostenibbli, bħala ħiliet u kompetenzi ekoloġiċi, fil-kurrikuli tal-edukazzjoni tal-edukazzjoni bikrija, l-edukazzjoni ġenerali u l-edukazzjoni għolja.

2.5.

Il-ħiliet u l-kompetenzi ekoloġiċi huma meħtieġa għaċ-ċittadini kollha, żgħar u kbar. It-terminu ħiliet ekoloġiċi huwa trasversali u għandu x’jaqsmu mal-kapaċità li l-aspetti ambjentali jiġu integrati ma’ ħiliet oħra. Dan jeħtieġ komprensjoni u għarfien suffiċjenti dwar kwistjonijiet ambjentali iżda fl-istess ħin bażi soda tal-ħiliet ġenerali u l-ħiliet relatati max-xogħol. Il-Qafas ta’ Kompetenzi Ewlenin (9) isemmi li jeħtieġ lil-kompetenza matematika u l-kompetenza fix-xjenza, it-teknoloġija, u l-inġinerija jappoġġjaw is-sostenibbiltà ambjentali, b’mod partikolari fir-rigward tal-progress xjentifiku u teknoloġiku, u tinħtieġ il-kompetenza taċ-ċittadinanza biex iċ-ċittadini jkunu responsabbli għall-ambjent. Il-kompetenzi fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM) huma bażi importanti biex wieħed jifhem il-kwistjonijiet ambjentali kif ukoll biex jiġu żviluppati soluzzjonijiet għall-problemi. Kompetenzi bħall-ħsieb kritiku, il-kreattività u l-kollaborazzjoni/xogħol f’tim huma importanti wkoll biex jippermettu ċittadinanza li tkun konxja tal-aspett ambjentali u attiva.

2.6.

Skont l-OECD, filwaqt li fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi minoranza biss ta’ skejjel għandhom korsijiet iddedikati għall-ambjent, il-kwistjoni ħafna drabi tiġi diskussa bħala parti minn kurrikuli bażiċi oħra, u ħafna skejjel joffru attivitajiet barra l-ħinijiet tal-iskola li jiffukaw fuq l-ambjent (10). Madankollu, għad m’hemmx riċerka internazzjonali ddedikata dwar l-istrateġiji nazzjonali u l-kurrikuli dwar ix-xjenza ambjentali, l-attitudnijiet ambjentali u l-iżvilupp speċifiku tal-provvista ta’ ħiliet ekoloġiċi u l-valutazzjoni ta’ ħiliet bħal dawn. Għalhekk, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tinforza r-riċerka dwar il-ħiliet ekoloġiċi u l-iżvilupp tal-kompetenzi fi ħdan l-Istati Membri u tibbaża l-istrateġija tagħha fuq tali riċerka.

2.7.

L-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija tfisser il-produzzjoni ta’ prodotti u servizzi b’inqas enerġija, inqas materja prima u b’inqas emissjonijiet tal-karbonju. Din tapplika għall-attivitajiet ekonomiċi kollha fis-setturi kollha u l-ambitu tagħha jħaddan il-ħaddiema u l-konsumaturi (11). Il-bidla lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju timplika bidliet strutturali fis-setturi u l-okkupazzjonijiet hekk kif jitfaċċaw okkupazzjonijiet ekoloġiċi ġodda jew meta tikber id-domanda għalihom. Madankollu, l-iżjed ħaġa meħtieġa hija l-ekoloġizzazzjoni tal-okkupazzjonijiet diġà eżistenti. Dan jissarraf f’ħiliet ġodda li jitolbu aġġornamenti tal-kurrikulu jew saħansitra kwalifiki ġodda fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

2.8.

Kull professjoni għandha tqis l-aspetti ambjentali speċifiċi tagħha. Filwaqt li l-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija toħloq ħtiġijiet tal-ħiliet, b’mod partikolari f’setturi speċifiċi bħall-effiċjenza fl-enerġija u fir-riżorsi, il-kostruzzjoni jew il-manifattura, il-mixja lejn ekonomija ċirkolari toħloq ħtiġijiet ta’ ħiliet ekoloġiċi f’firxa wiesgħa ta’ industriji. Jeħtieġ li dawn il-ħiliet ġodda jiġu riflessi wkoll f’setturi tal-edukazzjoni differenti, inklużi l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV), li jvarjaw mill-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali inizjali (IVET) sal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali kontinwi (CVET), kif ukoll kurrikuli tal-apprendistati. Dawn il-ħiliet ekoloġiċi ġodda jistgħu jvarjaw minn ħiliet tekniċi u speċifiċi għall-impjiegi sa dawk “aktar personali”, bħall-użu responsabbli tar-riżorsi, li jistgħu jkunu rilevanti fl-okkupazzjonijiet, il-livelli tal-ġerarkija u s-setturi (12).

2.9.

Għad m’hemmx strateġija komprensiva fil-livell tal-UE, bħal rakkomandazzjoni tal-Kunsill, dwar it-titjib tal-edukazzjoni u t-taħriġ dwar il-ħiliet u l-kompetenzi ekoloġiċi, l-iżvilupp ta’ strateġiji tal-iskejjel ekoloġiċi, u t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid għall-adulti, fil-post tax-xogħol u lil hinn minnu, fil-ħiliet meħtieġa għall-protezzjoni tal-ambjent, għas-soċjetà u għall-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon li l-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa tal-Kummissjoni Ewropea (13) (2020) tiffoka fuq il-ħiliet ekoloġiċi iżda jiddispjaċih li ma tipprovdix mira għall-pajjiżi dwar il-proporzjon tal-adulti li għandhom tal-anqas il-ħiliet u l-kompetenzi ekoloġiċi bażiċi, mentri tissuġġerixxi mira għall-parteċipazzjoni fit-taħriġ għall-adulti fil-ħiliet diġitali bażiċi. Nipproponu li rakkomandazzjoni tal-Kunsill tkun tista’ tagħti segwitu għas-suġġerimenti tal-Aġenda l-ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa biex tiffoka fuq kif għandha tiġi żviluppata attitudni ekoloġika għal kulħadd, u tagħmel lir-responsabbiltà ambjentali kompetenza trasversali fl-edukazzjoni u t-taħriġ fi ħdan iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, u tiffoka fuq l-ugwaljanza fil-kisba tal-ħiliet ekoloġiċi għall-etajiet, il-ġeneri u l-gruppi żvantaġġati mil-lat soċjoekonomiku kollha.

2.10.

Il-bidla għal ekonomija ċirkolari u b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju inevitabbilment se tibdel l-istrutturi settorjali u okkupazzjonali u ġġib magħha opportunitajiet iżda wkoll sfidi, inklużi setturi li qed imorru lura u setturi li qed jiffaċċjaw ostakli ta’ reklutaġġ. Minn din il-perspettiva, approċċi mfassla apposta għal gruppi ta’ adulti aktar vulnerabbli, bħal dawk b’livell baxx ta’ ħiliet (14), iwasslu għal benefiċċji soċjoekonomiċi addizzjonali.

2.11.

Għandhom jiġu stabbiliti politiki u finanzjament komprensivi u finanzjament komprensivi biex jappoġġjaw l-iżvilupp professjonali inizjali u kontinwu tal-għalliema u ta’ dawk li jħarrġu dwar il-protezzjoni ambjentali bħala tema trasversali għall-għalliema fis-suġġetti u l-livelli kollha u t-tipi ta’ edukazzjoni u taħriġ, kif ukoll taħriġ speċifiku dwar il-ħiliet u l-kompetenzi ekoloġiċi. Għandhom jiġu żgurati wkoll l-għoti ta’ appoġġ professjonali adegwat għall-għalliema u l-ħarrieġa u materjali tat-tagħlim, għodod, metodi u prattiki ta’ struzzjoni rilevanti u aġġornati dwar dan is-suġġett.

2.12.

Skont riċerka li saret dan l-aħħar (15), il-programmi ta’ taħriġ għall-iżvilupp tal-ħiliet ta’ persuni qiegħda jew ta’ persuni li, b’mod ġenerali, rarament jaħdmu ikollhom enfasi speċifika fuq il-ħiliet ekoloġiċi, għalkemm l-organizzazzjonijiet tas-setturi u l-organizzazzjonijiet tal-karità/mingħajr skop ta’ qligħ xi drabi jkunu attivi fl-iżvilupp ta’ dawn il-ħiliet. Dan jista’ jirrifletti r-rabta dgħajfa identifikata bejn il-politiki marbutin mal-ambjent u dawk li għandhom x’jaqsmu mal-impjieg u l-ħiliet, inkluża l-antiċipazzjoni tal-ħiliet. Fil-pajjiżi eżaminati, il-ħiliet u l-impjiegi ekoloġiċi rarament ikunu l-uniku punt fokali tar-regolamenti, il-politiki u l-istrateġiji. Fl-istess ħin, is-sussidji u l-inċentivi mmirati lejn il-kumpaniji għall-iżvilupp tal-ħiliet ekoloġiċi huma rari.

3.   Kummenti speċifiċi

3.1.

Il-KESE josserva li l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU jitolbu azzjoni mill-pajjiżi dwar edukazzjoni ta’ kwalità tajba inklużiva u ekwa (SDG 4) u dwar it-tibdil fil-klima (SDG 13). B’mod partikolari, il-mira 13.3 għandha l-għan li jittejbu l-edukazzjoni, is-sensibilizzazzjoni u l-kapaċitajiet umani u istituzzjonali rigward il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, l-adattament għalih, it-tnaqqis tal-impatt tiegħu u t-twissija bikrija. Il-mira 4.7 għandha l-għan li tiżgura li l-istudenti kollha jiksbu l-għarfien u l-ħiliet meħtieġa biex jippromovu l-iżvilupp sostenibbli”, li mhuwiex biss mezz biex jissaħħu l-ħiliet u biex tingħata spinta lill-ekonomija, iżda wkoll biex jitmexxew ’il quddiem l-għanijiet ta’ ċittadinanza demokratika u paċi globali u attivi.

3.2.

Il-KESE jrmfasizza l-bżonn i jiġi implimentat l-ewwel prinċipju tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li jgħid li l-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja ta’ kwalità tajba u inklużivi għandhom ikunu dritt għal kulħadd fl-Ewropa, fil-kuntest tal-provvista tal-ħiliet u l-kompetenzi ekoloġiċi għal kulħadd biex tiġi appoġġjata l-implimentazzjoni ta’ dan il-prinċipju permezz ta’ finanzjament pubbliku sostenibbli, abbażi ta’ ftehim mal-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili.

3.3.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Patt Ekoloġiku Ewropew (16), ippubblikat fil-11 ta’ Diċembru 2019, jippreżenta strateġija komprensiva tal-UE dwar il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-protezzjoni tal-ambjent sabiex tinkiseb newtralità klimatika tal-UE sal-2050, u l-fatt li ħabbret strateġiji differenti li se jiġu segwiti minn regolamenti, fondi u riformi nazzjonali futuri. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon partikolari l-idea li l-Patt Ekoloġiku Ewropew jagħmel enfasi fuq il-fatt li: “L-iskejjel, l-istituti tat-taħriġ u l-universitajiet jinsabu f’pożizzjoni tajba biex jinvolvu l-iskulari, il-ġenituri u l-komunità b’mod ġenerali fil-bidliet meħtieġa għal tranżizzjoni b’suċċess.” Il-Patt Ekoloġiku Ewropew jenfasizza wkoll l-importanza tat-titjib proattiv tal-ħiliet u t-taħriġ ill-ġdid biex tiġi ffaċilitata t-tranżżizzjoni ġusta għal ekonomija ekoloġika għal kulħadd, b’mod partikolari għall-ħaddiema fis-setturi li sejrin lura.

3.4.

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew iħabbar il-pjan tal-Kummissjoni Ewropea li tħejji “qafas Ewropew ta’ kompetenza biex tiżviluppa u ivvaluta l-għarfien, il-ħiliet u l-attitudnijiet dwar it-tibdil fil-klima u l-iżvilupp sostenibbli. Se tipprovdi wkoll il-materjali ta’ appoġġ u tiffaċilita l-iskambju ta’ prattiki tajbin fin-networks tal-programmi għat-taħriġ tal-għalliema fl-UE.” Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon dan is-suġġeriment u jirrakkomanda li l-Kummissjoni tiżviluppa t-tip ta’ qafas tal-kompetenzi li jkun applikabbli għat-tagħlim formali, informali u mhux formali skont il-Metodu Miftuħ ta’ Kooperazzjoni, li jkun jinvolvi rappreżentanti tal-ministeri tal-edukazzjoni, l-imsieħba soċjali mis-setturi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u partijiet interessati rilevanti oħra bħall-NGOs taż-żgħażagħ u dawk edukattivi.

3.5.

Minn perspettiva ta’ tagħlim formali, il-ħiliet eoloġiċi u enfasi fuq it-tibdil fil-klima fit-tagħlim jimxu id f’id mal-idea li l-iskejjel jitmexxew b’mod aktar demokratiku, u ma’ ambjent ta’ tagħlim ta’ “kultura ekoloġika”, li qed twassal għall-ħolqien ta’ skejjel ekoloġiċi li, billi jkollhom infrastruttura adegwata li tħaddan kuxjenza dwar il-klima u li tippreserva l-ambjent, jitmexxew b’mod sostenibbli fi sħubija mal-komunità skolastika kollha u jħejju lill-istudenti għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima bħala ċittadini attivi u fl-impjiegi futuri tagħhom.

3.6.

Jeħtieġ li jiġu żviluppati ħiliet ekoloġiċi fi ħdan strateġiji nazzjonali attivi għall-edukazzjoni/taħriġ u l-ħiliet, f’kooperazzjoni mal-atturi rilevanti, bħala parti minn djalogu soċjali effettiv u f’konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili rilevanti inklużi l-istudenti, iż-żgħażagħ, l-għalliema, u l-organizzazzjonijiet tal-ġenituri sabiex tiġi promossa ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u soċjalment inklużiva. Jeħtieġ ukoll li dawn l-istrateġiji jissawru u jiġu aġġornati abbażi ta’ sistema effettiva ta’ antiċipazzjoni u tqabbil tal-ħiliet (17) li tinkorpora l-partijiet interessati rilevanti kollha, b’mod partikolari l-imsieħba soċjali u l-NGOs taż-żgħażagħ u dawk edukattivi, u tqis għanijiet politiċi oħra, bħal dawk rilevanti għall-edukazzjoni, l-impjieg, il-protezzjoni ambjentali, l-ekonomija ċirkolari u l-migrazzjoni. Dan jippermetti l-provvista f’waqtha u mmirata tal-edukazzjoni u t-taħriġ dwar ħiliet ekoloġiċi li jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-soċjetà u l-ekonomija. Fir-rigward tat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari bħala għan strateġiku għall-Istati Membri, it-trawwim tal-użu tal-ħiliet ekoloġiċi għandu jiġi allinjat ukoll ma’ strateġiji ta’ tkabbir nazzjonali sabiex jiġi żgurat li l-inizjattivi ta’ edukazzjoni u taħriġ jissodisfaw għanijiet strateġiċi nazzjonali.

3.7.

Minbarra l-edukazzjoni formali, l-ambjenti mhux formali jikkontribwixxu għall-edukazzjoni għaċ-ċittadinanza ambjentali billi jipprovdu l-opportunità u l-kundizzjonijiet li jippermettu liż-żgħażagħ jiksbu l-għarfien kif ukoll il-ħiliet, il-valuri, l-attitudnijiet u l-azzjonijiet favur l-ambjent meħtieġa biex isiru ċittadini ambjentali. Barra minn hekk, iċ-ċittadini ambjentali huma responsabiizzati u motivati li jipparteċipai fis-soċjetà bħala aġenti tal-bidla fid-direzzjoni li jsolvu l-problemi ambjentali kontemporanji, jimpedixxu l-ħolqien ta’ problemi ġodda, u jiksbu is-sostenibbiltà u jrawmu mill-ġdid ir-relazzjonijiet tagħna (tal-bniedem) man-natura. Il-pedagoġiji li jinkludu l-edukazzjoni bbażata fil-post, l-edukazjoni dwar l-ekoloġija ċivika, pedagoġija dwar il-ġustizzja ekoloġika, kompetenza mil-lat tal-azzjoni u tagħlim soċjoxjentifiku abbażi tar-riċerka jistgħu jikkontribwixxu biex jibnu l-kompetenzi taż-żgħażagħ għall-parteċipazzjoni ċivika profonda metieġa biex issir il-bidla ambjentali u soċjali (18). Għalhekk, huwa kruċjali li jiġu appoġġjati l-programmi u l-organizzazzjonijiet tal-edukazzjoni mhux formali permezz ta’ dawn il-metodi għat-titjib tal-ħiliet, peress li jikkomplementaw l-edukazzjoni formali fl-iskola.

3.8.

Abbażi tal-eżempju tal-ewwel laqgħa tal-Kunsill Konġunt bejn il-Ministri tal-finanzi u l-edukazzjoni fil-livell tal-UE fl-2019 (19), il-Kumitat jitlob lill-presidenzi futuri tal-UE u lill-Kummissjoni Ewropea biex iżidu l-kooperazzjoni fost il-Kunsill Edukazzjoni, il-Kunsill Impjieg u l-Kunsill Ambjent sabiex dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-ogħla livell jorbtu l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima mal-importanza li jiġu pprovduti l-ħiliet u l-kompetenzi ekoloġiċi għall-etajiet kollha.

3.9.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ukoll il-fatt li l-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (20) li fiha “[j]enfasizza li l-istrateġija industrijali trid tinkludi l-kunsiderazzjoni debita tal-impatti fuq il-forza tax-xogħol, kif ukoll tat-taħriġ, tat-taħriġ mill-ġdid u tat-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema (21); jitlob li l-Kummissjoni teżamina bir-reqqa d-dimensjoni reġjonali ta’ din l-istrateġija, b’tali mod li tiżgura li ħadd u l-ebda reġjun ma jitħalla jaqa’ lura; jinsisti li din l-istrateġija trid tinkludi djalogu soċjali li l-ħaddiema jkunu involuti fih bis-sħiħ.” Il-KESE jenfasizza li n-negozji jeħtieġ li jiżviluppaw ukoll strateġiji dwar il-protezzjoni ambjentali, li għalihom jinħtieġ ukoll l-iżvilupp tal-ħiliet għal min iħaddem.

3.10.

Ir-responsabbiltà ambjentali tibda billi tipprovdi informazzjoni lin-nies dwar liema soluzzjonijiet tekniċi għandhom jibdew jużaw għall-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija, il-ħajja privata, u l-unitajiet domestiċi. Għal dan, huwa kruċjali li jiddaħħlu fis-seħħ miżuri, sabiex il-kumpaniji, il-korpi pubbliċi u l-unitajiet domestiċi jkollhom soluzzjonijiet aktar ekoloġiċi, flimkien ma’ taħriġ dwar kif jintużaw dawn is-soluzzjonijiet teknoloġiċi permezz ta’ proċess ta’ tagħlim bil-prattika. Għalhekk, l-Istrateġija ta’ Tranżizzjoni Ġusta (22) għandha tappoġġja l-iżvilupp tal-kompeteni u l-ħiliet tal-adulti ta’ kull età fil-postijiet tax-xogħol u lil hinn minnhom u b’hekk tgħinhom jagħmlu għażliet u tranżizzjonijiet fil-karriera u li jsegwu mentalità sostenibbli fil-ħajja.

3.11.

L-ewwel prinċipju tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jeħtieġ li jsir realtà biex jiġi żgurat li l-adulti kollha jkollhom aċċess ugwali għal taħriġ u tagħlim tul il-ħajja ta’ kwalità tajba u inklużivi kemm fil-postijiet tax-xogħol kif ukoll lil hinn minnhom fir-rigward tal-ħiliet ekoloġiċi, il-kompetenzi, it-teknoloġiji ekoloġiċi, u l-ħiliet ekoloġiċi tekniċi u personali ta’ professjonijiet partikolari li jwasslu għar-rikonoxximent tat-taħriġ biex jittejjeb il-livell tal-kwalifiki. Jenħtieġ li jingħata appoġġ effettiv għat-titjib tal-għoti ta’ taħriġ dwar il-ħiliet ekoloġiċi u ħiliet għall-impjiegi ekoloġiċi għandhom jingħataw lil ħaddiema fi kwalunkwe livell ta’ ħiliet u fi kwalunkwe daqs ta’ kumpanija, irrispettivament mis-settur u ż-żona ġeografika li jaħdmu fihom. Tali appoġġ jeħtieġ li jiġi żviluppat bħala strateġija nazzjonali u settorjali, bl-involviment tal-Kunsilli tal-Ħiliet Settorjali u l-imsieħba soċjali, b’attenzjoni speċjali għall-kwalità tat-taħriġ tal-fornituri.

3.12.

Jeħtieġ li l-UE tagħti spinta lill-investiment tagħha biex tnaqqas l-emissjonijiet tal-karbonju u l-impronta tagħha permezz ta’ proġetti li jistgħu joħolqu wkoll impjiegi ta’ kwalità tajba. Il-finanzjament tal-ħiliet ekoloġiċi u l-kompetenza tal-protezzjoni ambjentali huwa essenzjali bħala parti mill-Erasmus+ biex jiġu appoġġjati l-proġetti ta’ kooperazzjoni taż-żgħażagħ u tal-edukazzjoni fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, il-mobilità u l-iskambju tal-istudenti, iż-żgħażagħ, u l-persunal dwar it-tagħlim, l-iżvilupp ta’ skejjel ekoloġiċi u t-taħriġ tal-għalliema. Il-KESE jinnota li l-Kummissjoni qed taħdem biex tipprovdi lill-Istati Membri b’riżorsi finanzjarji ġodda biex jagħmlu l-bini u l-operazzjonijiet tal-iskejjel aktar sostenibbli bil-għan li jiġu mobilizzati EUR 3 biljun f’investiment fl-infrastruttura tal-iskejjel fl-2020. Aħna nappoġġjaw l-idea li fondi oħra tal-UE, bħall-FSE +, il-Pakkett ta’ Rkupru, u l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta jiffukaw fuq l-għoti ta’ appoġġ finanzjarju għall-iżvilupp tal-ħiliet ekoloġiċi tal-istudenti ta’ kull età. Fl-istess ħin, jeħtieġ li jiġi żgurat investiment pubbliku sostenibbli fl-edukazzjoni u t-taħriġ (23).

3.13.

L-appoġġ għat-taħriġ tal-adulti huwa gwadann importanti għall-individwu, l-impjegatur u l-ekonomija kollha fi ħdan trasformazzjoni fundamentali tad-dinja tax-xogħol, prinċipalment xprunata mit-tibdil fil-klima. Il-finanzjament tat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol, bl-għajnuna tal-FSE +, ta’ fondi Ewropej oħra, tal-appoġġ nazzjonali tas-servizz pubbliku tal-impjiegi u tal-kontribuzzjoni tal-impjegaturi huwa tal-akbar importanza u jenħtieġ li jkun appoġġjat minn strateġiji effettivi ta’ taħriġ mill-ġdid u ta’ titjib tal-ħiliet. L-appoġġ għall-kollaborazzjoni u l-kondiviżjoni tar-riżorsi fost il-kumpaniji biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tat-taħriġ jistgħu jkunu ta’ għajnuna speċjalment għall-SMEs li ma jkollhomx il-ħin u r-riżorsi biex jipprovdu t-taħriġ waħedhom (24). Il-kisba ta’ ħiliet ekoloġiċi fil-post tax-xogħol iżżid ir-reżiljenza u l-adattabbiltà tal-ħaddiema, il-maniġers u l-partijiet interessati, u tikkontribwixxi għat-tkabbir ekoloġiku.

3.14.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kunsill Ambjent iltaqa’ fil-5 ta’ Marzu 2020 u ddiskuta l-Patt Ekoloġiku u L-ekoloġizzazzjoni tas-Semestru Ewropew (25) u jitlob li l-Kummissjoni taħdem mal-ministeri tal-edukazzjoni, l-imsieħba soċjali rilevanti u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jiddefinixxu Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż għall-Istati Membri tal-UE dwar kif jista’ jissaħħaħ l-għoti tal-ħiliet u l-kompetenzi ekoloġiċi fil-livelli u t-tipi kollha tas-setturi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, mill-edukazzjoni bikrija tat-tfal sal-edukazzjoni għolja u t-tagħlim għall-adulti, filwaqt li jitqies l-appoġġ effettiv għall-adulti fil-post tax-xogħol u lil hinn minnu.

Brussell, it-2 ta’ Diċembru 2020.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  ĠU C 189, 4.6.2018, p. 1.

(2)  COM(2020) 274 final.

(3)  COM(2019) 640 final.

(4)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew.

(5)  Enfasi miżjuda minna.

(6)  Kunsill Ambjent, 5 ta’ Marzu 2019.

(7)  OECD (2019), Avvisati, F., Is there a generational divide in environmental optimism?, PISA in Focus, Nru 95.

(8)  OECD (2014), Trends shaping education 2014 Spotlight 4.

(9)  ĠU C 189, 4.6.2018, p. 1.

(10)  OECD (2012), How “green” are today's 15-year-olds? PISA in Focus, Nru 15.

(11)  Eurofound (2011), Industrial relations and sustainability: the role of social partners in the transition towards a green economy.

(12)  Cedefop (2019), Skills for green jobs: 2018 update Rapport ta’ sinteżi Ewropew. Ir-riċerka tas-Cedefop tiddiskuti l-iżviluppi fil-Ġermanja, id-Danimarka, Spanja, l-Estonja, Franza u r-Renju Unit.

(13)  COM(2020) 274 final.

(14)  Ara Cedefop (2020), Empowering adults through upskilling and reskilling pathways, Volum 1: popolazzjoni adulta b’potenzjal għat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid, għal viżjoni komprensiva tal-adulti b’livell baxx ta’ ħiliet fl-UE 27 u fir-Renju Unit.

(15)  Cedefop (2019), Skills for green jobs: 2018 update Rapport ta’ sinteżi Ewropew. Din ir-riċerka tiddiskuti l-iżviluppi fil-Ġermanja, id-Danimarka, Spanja, l-Estonja, Franza u r-Renju Unit.

(16)  COM(2019) 640 final.

(17)  Għal aktar informazzjoni dwar l-antiċipazzjoni u t-tqabbil tal-ħiliet taħt sistema komprensiva għall-governanza tal-ħiliet, ara l-paġna web tas-Cedefop dwar l-antiċipazzjoni u t-tqabbil tal-ħiliet Għall-importanza li l-antiċipazzjoni tal-ħiliet ikollha fil-mira l-ħiliet ekoloġiċi, ara Cedefop (2019), Skills for green jobs: 2018 update.

(18)  Paraskeva-Hadjichambi D. et al. (2020) Educating for Environmental Citizenship in Non-formal Frameworks for Secondary Level Youth. In: Hadjichambis A. et al. (eds) Conceptualising Environmental Citizenship for 21st Century Education. Environmental Discourses in Science Education, vol. 4. Springer, Cham. (mhux disponibbli bil-Malti)

(19)  Sessjoni konġunta tal-Ministri tal-Edukazzjoni u l-Finanzi.

(20)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew.

(21)  Enfasi miżjuda minna.

(22)  Il-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta huwa parti mill-Pjan ta’ Investiment Ewropew għal Patt Ekoloġiku u se jimmobilizza mill-inqas EUR 100 biljun f’investimenti biex jipprovdi appoġġ immirat addizzjonali għall-iżjed reġjuni l-aktar milquta mit-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima u b’inqas kapaċità li jindirizzaw l-isfida.

(23)  ĠU C 262, 25.7.2018, p. 1.

(24)  Cedefop (2019), Skills for green jobs: 2018 update Ir-riċerka tiddiskuti l-iżviluppi fil-Ġermanja, id-Danimarka, Spanja, l-Estonja, Franza u r-Renju Unit.

(25)  Kunsill Ambjent, 5 ta’ Marzu 2019.