Brussell, 8.9.2021

COM(2021) 750 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL EMPTY

Rapport ta' Prospettiva Strateġika 2021














Il-kapaċità u l-libertà tal-UE li taġixxi


I.INTRODUZZJONI

L-Unjoni Ewropea qed tħejji triq strateġika biex issir l-ewwel kontinent newtrali għall‑klima sal-2050, filwaqt li taħtaf l-opportunitajiet tal-era diġitali, tibni ekonomija għas-servizz tan-nies, tippromwovi l-istil ta’ ħajja Ewropew, issaħħaħ il-karatteristika unika tagħna ta’ tmexxija globali responsabbli, u trawwem, tipproteġi u ssaħħaħ id-demokrazija tagħna.

L-aċċess miftuħ, kif ukoll il-kooperazzjoni internazzjonali u multilaterali bbażata fuq ir-regoli, huma għażliet strateġiċi. Dawn jistimolaw il-prosperità, il-ġustizzja, l-istabbiltà, il-kompetittività u d-dinamiżmu fl-UE u lil hinn minnha. L-istorja tal-proġett Ewropew turi l-benefiċċji ta’ interdipendenza ġestita tajjeb u ta’ awtonomija strateġika miftuħa fuq il-bażi ta’ valuri kondiviżi, ta’ koeżjoni, ta’ governanza multilaterali b’saħħitha u ta’ kooperazzjoni bbażata fuq ir-regoli. Il-pandemija serviet biss biex issaħħaħ il-każ favur il-kooperazzjoni internazzjonali biex jiġu indirizzati l-isfidi globali.

Dan ir-Rapport ta’ Prospettiva Strateġika tal-2021 jippreżenta perspettiva li tħares lejn il-futur u multidixxiplinari dwar il-kapaċità u l-libertà tal-UE li tieħu azzjoni fid-deċennji li ġejjin. Huwa bbażat fuq proċess ta’ prospettiva transsettorjali mmexxi mill-esperti 1 , u jippreżenta xejriet, inċertezzi u għażliet globali li se jsawru l-futur tal-Ewropa. Ir-rapport jipprovdi l-kuntest għal risponsi possibbli permezz ta’ politiki. Huwa jibni fuq ir-Rapport ta’ Prospettiva Strateġika tal-2020 2 , li introduċa r-reżiljenza bħala boxxla ġdida għat-tfassil tal-politika tal-UE.

It-Taqsima II tidentifika xejriet strutturali globali importanti lejn l-2050 li se jaffettwaw il-kapaċità u l-libertà tal-UE li tieħu azzjoni: it-tibdil fil-klima u sfidi ambjentali oħra; l-iperkonnettività diġitali u t-trasformazzjonijiet teknoloġiċi; il-pressjoni fuq id-demokrazija u fuq il-valuri; il-bidliet fl-ordni globali u fid-demografija. It-Taqsima III tistabbilixxi għaxar oqsma li fihom l-UE tista’ ssaħħaħ l-awtonomija strateġika miftuħa u t-tmexxija globali tagħha. Ir-rapport jenfasizza li l-kapaċità u l-libertà futuri tal-UE li tieħu azzjoni se jiddependu fuq jekk l-UE hijiex kapaċi tagħmel għażliet ambizzjużi llum, iggwidati mill-valuri u mill-interessi tagħha, fl-oqsma ta’ politika identifikati.

II.XEJRIET GLOBALI EWLENIN

1.It-tibdil fil-klima u sfidi ambjentali oħra

It-tibdil fil-klima diġà kellu impatt fuq kull reġjun fid-dinja b’modi bla preċedent u irriversibbli 3 . Bit-trajettorja attwali, it-tisħin globali x’aktarx li se jaqbeż il-1,5℃ fl-għoxrin sena li ġejjin u jersaq lejn iż-2℃ sal-2050 4 . L-ewwel sena waħda b’temperatura globali f’dan il-livell tista’ sseħħ saħansitra fil-ħames snin li ġejjin. Kull 0,5℃ addizzjonali se jżidu l-intensità u l-frekwenza ta’ eventi ta’ temp estrem, nixfiet, nirien mhux ikkontrollati jew għargħar, inkluż f’postijiet fejn dawn ma kinux komuni fil-passat. It-temperaturi dejjem jogħlew ifissru wkoll aktar tidwib tas-silġ u livelli ogħla tal-baħar. Dawn il-bidliet se jkollhom konsegwenzi sinifikanti fuq l-ambjent, fuq is-saħħa, fuq is-sigurtà tal-ikel u tal-ilma, u fuq is-sikurezza u fuq l-iżvilupp tal-bniedem. Matul l-aħħar għaxar snin, eventi relatati mat-temp wasslu għall-ispostament stmat ta’ madwar 23 miljun persuna fis-sena bħala medja, u l-pressjonijiet tal-migrazzjoni se jkomplu jiżdiedu. Sal-2050, aktar minn 200 miljun persuna jistgħu jkunu jeħtieġu l-għajnuna umanitarja kull sena parzjalment minħabba diżastri relatati mal-klima 5 .

Il-pressjoni fuq is-sigurtà tal-ilma u tal-ikel se tkompli tikber. Xi partijiet mill-Ewropa diġà jinsabu taħt livelli ta’ stress idriku minn medji sa għoljin (Illustrazzjoni 1), u dan huwa mistenni li jiżdied maż-żmien. L-iskarsezza tal-ilma se ssir partikolarment problematika fil-viċinat tan-Nofsinhar tal-UE, fejn potenzjalment tista’ taggrava l-kunflitti u l-pressjoni fuq il-migrazzjoni. Din il-kwistjoni tista’ taffettwa wkoll lill-UE b’mod indirett, permezz ta’ insigurtà tal-ikel u xokkijiet fil-prezzijiet. Aktar minn 40 % tal-importazzjonijiet agrikoli tal-UE jistgħu jsiru vulnerabbli ħafna għan-nixfiet sal-2050 6 , ħaġa li se żżid il-kompetizzjoni għall-ilma u għall-art fertili. B’mod ġenerali, l-impatt tan-nixfiet fuq l-ekonomija tal-UE jista’ jilħaq aktar minn EUR 65 biljun fis-sena sal-2100 7 . Iż-żoni tal-attività agrikola mhux se jimxu lejn it-Tramuntana, minħabba li t-temperaturi medji ogħla fit-Tramuntana tal-Ewropa se jkunu akkumpanjati mir-riskju ta’ aktar mewġ kiesaħ ikkawżat minn Kurrent tal-Golf imdgħajjef.

Illustrazzjoni 1: L-istress idriku, il-kunflitti u l-migrazzjoni 8

 

L-isfidi ambjentali jmorru ferm lil hinn mit-tibdil fil-klima, b’sitwazzjoni partikolarment allarmanti rigward it-telfien tal-bijodiversità u t-tibdil fiċ-ċiklu tan-nitroġenu. L-ekosistemi naturali tal-UE jinsabu taħt pressjonijiet kumulattivi mhux biss mit-tibdil fil-klima, iżda wkoll mit-tniġġis, mill-użu tal-art, mill-estrazzjoni tar-riżorsi, mill-ispeċijiet invażivi u mit-telfien tad-dakkara. Barra minn hekk, l-attivitajiet tal-bniedem biddlu sostanzjalment iċ-ċiklu tan-nitroġenu, prinċipalment minħabba l-użu agrikolu tiegħu. L-iskala ta’ din il-bidla hija ferm akbar mill-modifika taċ-ċiklu tal-karbonju li tirriżulta mill-emissjonijiet ta’ gassijiet serra 9 . Din taffettwa l-ilma ħelu, iż-żoni kostali u s-saħħa tal-bniedem. Sfidi ambjentali bħal dawn għandhom konsegwenzi ekonomikċi li spiss ma jiġux ikkunsidrati: huwa stmat li madwar EUR 3,5-18,5 triljun kull sena ntilfu globalment f’servizzi tal-ekosistema mill-1997 sal-2011 minħabba bidliet fil-kopertura tal-art, u li kien hemm telf stmat ta’ madwar EUR 5,5-10,5 triljun kull sena minħabba d-degradazzjoni tal-art 10 .

Hemm interkonnessjoni importanti bejn it-tibdil fil-klima, it-telfien tal-bijodiversità, id-degradazzjoni ambjentali u s-saħħa pubblika. It-telfien tal-bijodiversità, il-pressjoni fuq il-ħabitats tal-annimali, l-użu eċċessiv tal-antibijotiċi, ir-riskji relatati mar-riċerka bijoloġika ta’ mikrobi b’patoġeniċità għolja, stili ta’ ħajja mhux tajbin għas-saħħa – dawn il-fatturi kollha jżidu l-probabbiltà ta’ pandemiji jew ta’ mard fil-futur. Ir-riżultati se jaffettwaw lill-bnedmin, l-għelejjel ewlenin u s-saħħa tal-annimali. L-isfidi jinkludu mard infettiv, reżistenza avvanzata għall-antimikrobiċi, mard li ma jitteħidx (kanċer, dijabete jew obeżità), u problemi tas-saħħa mentali. Barra minn hekk, bit-tibdil fil-klima ċertu mard (il-malarja jew id-dengue) se jsir aktar prevalenti aktar fit-Tramuntana 11 .

2.L-iperkonnettività diġitali u t-trasformazzjonijiet teknoloġiċi

Biex tkun sovrana teknoloġikament u diġitalment, l-UE se jkollha bżonn tappoġġa l-iżvilupp u l-adozzjoni ta’ għarfien u ta’ teknoloġiji ċċentrati fuq il-bniedem. L-UE hija attur b’saħħtu f’termini tal-għarfien u tal-innovazzjoni: hija responsabbli għal kważi 20 % tal-attività totali ta’ riċerka u ta’ żvilupp, tal-pubblikazzjonijiet u tal-privattivi fid-dinja 12 . Madankollu, għadha lura meta mqabbla mal-kompetituri globali fl-investiment privat fir-riċerka u f’indikaturi oħra. L-UE għandha diskrepanza fil-prestazzjoni meta mqabbla mal-Awstralja, mal-Kanada, mal-Ġappun, mal-Korea t’Isfel u mal-Istati Uniti. Mill-2014 ’l hawn, il-pożizzjoni tagħha tjiebet meta mqabbla mal-Awstralja, mal-Kanada, mal-Brażil, mal-Indja, mar-Russja u mal-Afrika t’Isfel iżda marret għall-agħar meta mqabbla mal-Ġappun, mal-Korea t’Isfel, mal-Istati Uniti u maċ-Ċina. 

Minkejja l-inċertezza li takkumpanja t-teknoloġiji emerġenti, huwa ċar li għadd ta’ innovazzjonijiet rivoluzzjonarji jistgħu jkunu kruċjali għat-tranżizzjonijiet doppji u għall-kompetittività 13 . L-UE hija promotur tat-teknoloġija fil-manifattura avvanzata u l-materjali, bid-ditti tagħha jipprovdu ħafna abilitanti kritiċi għal-linji tal-produzzjoni globali. Għandha pożizzjoni ewlenija fil-mobbiltà intelliġenti u sostenibbli futura u fit-teknoloġiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Il-kapaċitajiet tal-UE fl-intelliġenza artifiċjali, fil-big data u fir-robotika huma simili għal dawk tal-Ġappun, iżda jeħtieġ li toqrob aktar lejn il-mexxejja: l-Istati Uniti u ċ-Ċina. Fit-teknoloġiji kwantistiċi ewlenin, bħalissa l-Istati Uniti, il-Ġappun u ċ-Ċina jinsabu fuq quddiem nett 14 . Sal-2025, l-UE se jkollha l-ewwel kompjuter tagħha b’aċċellerazzjoni kwantistika u jekk dan ikun akkumpanjat minn investiment ekwivalenti, jista’ jkun fuq quddiem nett tal-kapaċitajiet kwantistiċi sal-2030 15 .

Teknoloġiji promettenti oħra jinkludu l-mikroelettronika, materjali ġodda għall-elettronika bijodegradabbli, l-elettronika flessibbli u stampata, u teknoloġiji bbażati fuq materjal 2D bħall-grafen. Barra minn hekk, ħafna teknoloġiji pilota għandhom potenzjal għoli ta’ dekarbonizzazzjoni. Dawn jinkludu l-idroġenu nadif, il-fjuwils b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, il-qbid u l-ħżin/l-użu tal-karbonju, il-batteriji sostenibbli tal-ġenerazzjoni li jmiss, it-teknoloġiji u l-materjali b’bażi bijoloġika, l-ikkrekkjar tal-metan 16 , is-superkonduttività ta’ temperatura għolja, l-enerġija ġeotermali u mill-oċeani avvanzata, il-ġenerazzjoni tal-enerġija eolika f’altitudni għolja, u r-reatturi nukleari avvanzati bbażati fuq il-fużjoni 17 . Diversi soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura, bħar-riforestazzjoni fuq skala kbira, ukoll għandhom potenzjal kbir f’dan il-kuntest.

Lil hinn minn teknoloġiji speċifiċi, l-iperkonnettività qed tmexxi t-trasformazzjoni. Din tirriżulta f’żieda fil-konverġenza tal-industriji, tal-prodotti, tat-teknoloġiji u tas-servizzi. L-għadd ta’ apparati konnessi globalment jista’ jiżdied minn 30,4 biljun apparat fl-2020 għal 200 biljun fl-2030. Il-konnettività akbar tal-oġġetti, tal-postijiet u tan-nies se tirriżulta fi prodotti, f’servizzi, f’mudelli tan-negozju, f’xejriet tal-ħajja u f’xejriet tax-xogħol ġodda. Fl-istess ħin, tirriżulta f’riskju akbar ta’ attakki ċibernetiċi u qtugħ tan-network, kemm fid-dinja diġitali kif ukoll f’dik fiżika, eż. infrastrutturi essenzjali bħall-gassdotti u l-isptarijiet. Tista’ żżid ukoll it-theddida tat-telf u s-serq tal-proprjetà intellettwali u tad-data. L-iperkonnettività kompliet taċċellera bil-pandemija u l-impatt soċjali tagħha jeħtieġ li jiġi mmonitorjat bir-reqqa.

Madankollu, it-teknoloġiji ġodda u l-iperkonnettività mhumiex mingħajr sfidi. Ċerti impjiegi se jintilfu minħabba l-awtomatizzazzjoni 18 . Fl-UE biss fl-2018, madwar 14 % tal-ħaddiema adulti nstabu li qed jiffaċċjaw riskji għoljin ħafna ta’ awtomatizzazzjoni 19 . Fil-futur, 50 % tal-impjiegi attwali madwar id-dinja jistgħu jiġu awtomatizzati 20 , b’differenzi sinifikanti bejn il-pajjiżi u s-setturi 21 . Se jitfaċċaw impjiegi ġodda, iżda dawn se jkunu jeħtieġu ħiliet ġodda. Jekk ma jiġux indirizzati, dawn ix-xejriet jistgħu jwasslu għall-erożjoni tad-drittijiet soċjali fundamentali, u għal aktar inugwaljanzi u dipendenzi fi ħdan u bejn l-istati. Barra minn hekk, it-tranżizzjoni diġitali tista’ żżid l-iskart-e, u żżid id-domanda għall-enerġija jew għall-użu ta’ riżorsi rari 22 .

3.Il-pressjoni fuq il-mudelli demokratiċi tal-governanza u l-valuri

L-UE hija l-akbar grupp ta’ demokraziji fid-dinja, iżda l-governanza demokratika qed tonqos fil-livell globali. L-2020 kienet il-15-il sena konsekuttiva ta’ tnaqqis fid-drittijiet politiċi u fil-libertajiet ċivili fil-livell globali 23 , aggravat mill-pandemija tal-coronavirus f’ħafna reġjuni. 34 % tal-popolazzjoni tad-dinja jgħixu f’pajjiżi fejn il-governanza demokratika qed tonqos u 4 % biss jgħixu f’pajjiżi li qed isiru aktar demokratiċi 24 . Il-kontestazzjoni ġeopolitika 25 , il-polarizzazzjoni u t-tensjonijiet interstatali x’aktarx li se jippersistu fid-deċennji li ġejjin. Jekk l-erożjoni tal-governanza demokratika li għaddejja bħalissa tkompli, din se taffettwa kemm lid-demokraziji stabbiliti kif ukoll lil dawk emerġenti. Il-prestazzjoni fit-tul tas-sistemi demokratiċi tiddependi fuq il-kapaċitajiet tagħhom li jadattaw għal realtajiet ġodda u li jibqgħu reżiljenti għall-isfidi interni u esterni.

Iż-żoni ta’ instabbiltà u ta’ kunflitt qrib l-UE u lil hinn minnha x’aktarx li se jippersistu u jistgħu saħansitra jiżdiedu. Kemm l-atturi statali kif ukoll dawk mhux statali x’aktarx li jsaħħu l-għodod ibridi tagħhom, inkluż l-użu ta’ teknoloġiji fixkiela, it-tixrid tad-diżinformazzjoni u l-miżinformazzjoni, l-operazzjonijiet tal-informazzjoni u l-influwenza kemm militari kif ukoll mhux militari. Ir-repressjoni tal-libertajiet u r-riformi demokratiċi, kif ukoll l-instabbiltà kontinwa fil-pajjiżi u r-reġjuni fil-viċinat qrib u aktar ’il bogħod tal-UE, bħall-Afganistan jew is-Sirja, se jkomplu jkollhom impatt fuq il-pressjoni migratorja.

Id-diżinformazzjoni fuq skala kbira, xprunata minn għodod ġodda u pjattaformi online, se toħloq sfidi dejjem akbar għas-sistemi demokratiċi u se tixpruna tip ġdid ta’ gwerra tal-informazzjoni. Il-pajjiżi, il-gruppi tal-kriminalità organizzata, in-negozji jew l-individwi jużaw dawn is-soluzzjonijiet biex ixerrdu d-diżinformazzjoni globalment jew jiksbu vantaġġi kompetittivi. Dan jista’ jhedded id-demokraziji tagħna, jippolarizza d-dibattiti, u jqiegħed is-saħħa, is-sigurtà u l-ambjent f’riskju.

4.Il-bidliet fl-ordni globali u fid-demografija

Il-popolazzjoni tad-dinja se tilħaq it-8,5 biljuni fl-2030 u d-9,7 biljuni fl-2050. It-tkabbir tal-popolazzjoni mhux se jkun uniformi. Se jistaġna f’ħafna ekonomiji avvanzati. Il-popolazzjoni tal-UE hija mistennija li tonqos għal ftit aktar minn 420 miljun, sehem ta’ 4,3 % tal-popolazzjoni globali. Fl-Asja, l-2040ijiet jistgħu jirrappreżentaw punt ta’ inflessjoni, li warajh il-popolazzjonijiet huma mistennija li l-ewwel jibbilanċjaw ruħhom u mbagħad jibdew jonqsu madwar nofs is-seklu, bl-Asja tal-Lvant tesperjenza tnaqqis demografiku rapidu 26 . Il-popolazzjoni tal-Afrika hija mbassra li se tespandi minn 1,2 biljun għal 1,8 biljun bejn l-2017 u l-2035 – meta madwar nofs il-popolazzjoni se tkun taħt l-età ta’ 21 sena. Fl-2050, l-Indja, iċ-Ċina, in-Niġerja, l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Pakistan se jkunu l-aktar pajjiżi popolati (Illustrazzjoni 2). It-tkabbir demografiku se jinfluwenza l-ambizzjonijiet ġeopolitiċi, iżda jista’ joħloq ukoll sfidi għas-sostenibbiltà jew għall-migrazzjoni. Sal-2050, il-popolazzjoni fl-età tax-xogħol se tonqos b’madwar 16 % fl-Ewropa u bi 17 % fiċ-Ċina, filwaqt li se tikber fl-Amerka ta’ Fuq u fl-Indja 27 . L-età medjana mbassra tal-popolazzjoni tal-UE se tiżdied minn 43,9 fl-2020 għal 48,2 sena sal-2050. Huma mbassra żidiet qawwija fil-proporzjonijiet ta’ dipendenza totali 28 għal ħafna żoni tal-UE. Jekk din ix-xejra tkompli, sal-2050 jista’ jkun hemm 135 persuna dipendenti li ma taħdimx għal kull 100 ħaddiem fl-UE 29 .

Illustrazzjoni 2: L-ishma mbassra tal-popolazzjoni globali 30

Id-deċennji li ġejjin se jkunu kkaratterizzati minn distribuzzjoni mill-ġdid dejjem akbar tal-qawwa globali, biċ-ċentru tal-gravità ġeoekonomiku tagħha jimxi lejn il-Lvant 31 . Il-pajjiżi tal-G7 (il-Kanada, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Ġappun, ir-Renju Unit, u l-Istati Uniti tal-Amerka) bħalissa jirrappreżentaw madwar 40 % tal-PDG globali, tnaqqis minn aktar minn 60 % fl-1975 32 . Is-sehem ekonomiku tas-“7 emerġenti” (il-Brażil, iċ-Ċina, l-Indja, l-Indoneżja, il-Messiku, ir-Russja, u t-Turkija) huwa ugwali għal madwar żewġ terzi ta’ dak tal-G7. Dan il-proporzjon se jiġi invertit fil-perjodu sal-2050. Iċ-Ċina hija mistennija ssir l-akbar ekonomija qabel tmiem dan id-deċennju, bl-Indja possibbilment taqbeż lill-UE fl-20 sena li ġejjin (Illustrazzjoni 3). Fl-istess ħin, it-tkabbir tal-PDG fil-pajjiżi emerġenti u fil-fażi tal-iżvilupp mhux neċessarjament jissarraf fi kwalità ta’ ħajja aħjar għaċ-ċittadini tagħhom, inkluż għal pajjiżi b’PDG per capita għoli 33 . Iż-żieda fl-inugwaljanzi u standards ambjentali u tax-xogħol aktar baxxi jibqgħu sfidi ewlenin għall-ekonomiji emerġenti.

Ir-rivalità globali u l-fraġilità x’aktarx li se jiżdiedu. Il-kompetizzjoni bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina tista’ ssir karatteristika li tiddefinixxi x-xenarju ġeopolitiku. It-tranżizzjoni enerġetika se tkompli tikkontribwixxi għar-ridistribuzzjoni tal-qawwa. L-esportaturi tal-fjuwils fossili bl-inqas ekonomiji diversifikati u/jew bl-aktar istituzzjonijiet dgħajfa se jkunu l-aktar affettwati. Min-naħa l-oħra, il-pajjiżi b’kapaċità kbira li jiġġeneraw u jesportaw l-enerġija rinnovabbli se jiggwadanjaw l-influwenza. L-UE tista’ tistenna tensjonijiet u kompetizzjoni avversa kontinwi (inkluż miċ-Ċina u r-Russja), li jeħtieġu politiki robusti għall-istabbiltà u għall-prosperità tal-proġetti, b’mod partikolari fil-viċinat tagħha. Jistgħu jinħolqu tensjonijiet ġodda mill-kompetizzjoni f’żoni kkontestati, bħall-ispazju jew l-Artiku. Iż-żieda fit-theddid mill-kriminalità organizzata, mill-korruzzjoni, mill-estremiżmu, mit-terroriżmu, u mit-theddid ibridu, inkluża l-istrumentalizzazzjoni tal-migrazzjoni għal skopijiet politiċi, għandhom dejjem aktar potenzjal li jheddu s-sigurtà tal-UE. 

Illustrazzjoni 3: L-ishma mbassra tal-PDG globali 34

Il-kompetizzjoni multidimensjonali u l-interdipendenzi profondi x’aktarx li se jkunu l-karatteristiċi li jiddefinixxu ordni globali dejjem aktar multipolari. Il-governanza globali u l-infrastruttura jinsabu f’riskju ta’ frammentazzjoni minħabba r-rivalitajiet intensifikati f’firxa ta’ oqsma. X’aktarx li se jitfaċċaw atturi aktar diversi u assertivi b’kapaċitajiet u aspirazzjonijiet dejjem akbar. Dawn jinkludu atturi mhux statali u intrastatali, kif ukoll movimenti transnazzjonali. Filwaqt li l-ebda attur wieħed mhu se jkun f’pożizzjoni li jiddomina r-reġjuni u l-oqsma tal-politika kollha 35 , se jkomplu jfeġġu u jevolvu dipendenzi u kapaċitajiet strateġiċi.

III.L-INDIRIZZAR TAL-ISFIDI U L-ISFRUTTAR TAL-OPPORTUNITAJIET GĦAT-TMEXXIJA GLOBALI TAL-UE

1.L-iżgurar ta’ sistemi tas-saħħa u tal-ikel sostenibbli u reżiljenti

Is-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-UE huma fost l-aktar avvanzati fid-dinja 36 , iżda s-sostenibbiltà u r-reżiljenza tagħhom jeħtieġ li jiżdiedu. Dan jinkludi investimenti f’mudelli innovattivi ta’ kura (eż. kura integrata, telemediċina), it-tisħiħ tal-forza tax-xogħol tal-kura tas-saħħa, l-enfasi fuq miżuri preventivi u l-indirizzar tal-komorbidità. Sabiex jiġi żgurat tixjiħ b’saħħa aħjar, l-istili ta’ ħajja aktar tajbin għas-saħħa u l-attività fiżika se jkollhom jingħaqdu ma’ alternattivi intelliġenti għall-kura fit-tul, bħal soluzzjonijiet ta’ mediċina mill-bogħod u robotika tal-kura fid-djar. It-teknoloġiji ġodda flimkien mal-politiki soċjali u tas-saħħa jistgħu jtaffu l-kostijiet addizzjonali assoċjati ma’ popolazzjoni li qed tixjieħ, filwaqt li jippermettu lill-anzjani u lill-persuni b’diżabilità jgħixu b’mod aktar awtonomu. L-interazzjoni online, il-monitoraġġ, u l-awtokura xierqa tal-pazjenti jistgħu jiġġeneraw iffrankar annwali ta’ sa EUR 120 biljun fl-infiq pubbliku fuq il-kura tas-saħħamadwar l-UE 37 . Spazju komuni Ewropew tad-data għas-saħħa jista’ jappoġġja l-iżvilupp u l-użu rapidi tal-mediċina personalizzata permezz ta’ deċiżjonijiet immexxija mid-data, u b’hekk itejjeb l-effettività u l-aċċessibbiltà tal-kura tas-saħħa.

Fil-bidu tal-pandemija, id-dipendenzi strateġiċi tal-UE fuq pajjiżi terzi għal oġġetti kritiċi, bħal preparazzjonijiet farmaċewtiċi, saru ovvji. Minn 5200 prodott importat, l-UE hija dipendenti ħafna fuq l-importazzjoni fir-rigward ta’ 137 f’“ekosistemi sensittivi” 38 , b’14-il prodott li jappartjenu għall-ekosistema tas-saħħa. Parti importanti mis-sustanzi attivi użati f’mediċini ġeneriċi tiġi mill-Indja u miċ-Ċina, kif ukoll il-maġġoranza tal-materja prima u tal-prodotti intermedji użati fil-farmaċewtiċi. Iż-żewġ pajjiżi qed isaħħu l-miżuri ambjentali u ta’ sikurezza tagħhom għas-settur kimiku, u ċ-Ċina qed tagħlaq xi impjanti tal-manifattura. Dan jista’ jkollu implikazzjonijiet fuq id-disponibbiltà u fuq il-prezzijiet tal-mediċini 39 . Filwaqt li l-UE għandha kapaċitajiet b’saħħithom li tipproduċi mediċini innovattivi, jeħtieġ li tiżgura s-sigurtà tal-provvista għal prodotti kritiċi mingħajr privattivi bi ktajjen tal-provvista partikolarment ikkonsolidati permezz ta’ sorsi alternattivi. Madankollu, il-ktajjen tal-provvista farmaċewtiċi huma kumplessi ħafna u jeħtieġu l-ogħla kwalità. Għalhekk, huma partikolarment vulnerabbli għal interruzzjonijiet fil-provvista. F’każ ta’ kriżi tas-saħħa pubblika jew ta’ interruzzjoni fil-provvista, mhuwiex possibbli li jiġu stabbiliti manifatturi alternattivi ta’ ċerti komponenti ewlenin fuq perjodu ta’ żmien qasir. Madankollu, id-disponibbiltà ta’ ċerti prodotti f’kull mument hija kruċjali għas-saħħa pubblika 40 . L-istabbiliment jew l-istabbiliment mill-ġdid tal-produzzjoni ta’ xi mediċini kritiċi u kontromiżuri mediċi fl-UE jistgħu jiġu appoġġjati mill-innovazzjoni fil-proċessi tal-manifattura biex tikkumpensa għal kostijiet tal-produzzjoni possibbilment ogħla fl-UE u biex tissaħħaħ il-pożizzjoni ewlenija fil-manifattura ekoloġika u diġitali tal-farmaċewtiċi.

Unjoni Ewropea tas-Saħħa ssaħħaħ il-kapaċità tal-UE li tindirizza kriżijiet ġodda tas-saħħa. Il-pandemija wriet il-ħtieġa ta’ rieżami sħiħ tal-istrutturi u l-mekkaniżmi tal-UE rilevanti għall-prevenzjoni u r-rispons għal theddid transfruntier għas-saħħa. Unjoni Ewropea tas-Saħħa aktar b’saħħitha tista’ ssaħħaħ it-tħejjija kollettiva tal-UE kontra theddid għas-saħħa kif ukoll ittejjeb il-koordinazzjoni fi żminijiet ta’ kriżi. L-Awtorità tal-UE għat-Tħejjija u għar-Rispons f’Każ ta’ Emerġenza tas-Saħħa (HERA) se tgħin biex jiġi antiċipat it-theddid transfruntier għas-saħħa u se tirfed it-tħejjija u r-rispons billi tiffoka fuq valutazzjonijiet antiċipatorji tat-theddid, previżjoni, informazzjoni dwar is-suq u analiżi tal-prospettivi ta’ patoġeni u ta’ teknoloġiji emerġenti. Dan l-għarfien se jgħin ukoll lil HERA tmexxi l-iżvilupp ta’ rapport annwali dwar l-Istat tat-Tħejjija. Fuq skala globali, jibqa’ importanti li jissaħħu t-tħejjija u r-rispons internazzjonali għal pandemiji futuri, b’mod partikolari billi tiġi rriformata l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u tissaħħaħ il-kapaċità tagħha li tindirizza emerġenzi tas-saħħa. Dan jinkludi wkoll li ssir ħidma lejn trattat internazzjonali dwar il-pandemiji 41 u li jissaħħu l-kapaċitajiet tal-manifattura lokali. Il-multilateraliżmu huwa l-uniku mod kif jiġi evitat li jerġgħu jseħħu kriżijiet simili fil-futur.

Filwaqt li s-sistemi tal-ikel tal-UE qed jitpoġġew dejjem aktar taħt sfida, teknoloġiji ġodda jistgħu jsaħħu s-sostenibbiltà u r-reżiljenza tagħhom. Matul il-pandemija, l-azzjoni tal-UE biex tiffaċilita l-moviment tal-ikel fis-suq uniku kollu u biex il-kummerċ globali jinżamm miftuħ kienet kruċjali. Madankollu, it-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni tan-natura jistgħu jfixklu l-provvista, id-domanda u l-kummerċ fir-reġjuni ewlenin li jipproduċu l-ikel, inkluża l-UE, u jikkawżaw varjabbiltà u żidiet qawwija fil-prezzijiet 42 li jista’ jkollhom impatti soċjoekonomiċi serji. Il-bidliet fid-domanda u fid-dieti se jkollhom influwenza wkoll. Pereżempju, l-avvanzi fin-nutriġenomika (li tgħaqqad il-ġenoma tal-bniedem man-nutrizzjoni u s-saħħa) se jwasslu għal dieti aktar personalizzati u għal ħtiġijiet ġodda tas-saħħa 43 . L-adozzjoni ta’ qafas leġiżlattiv għal sistemi tal-ikel sostenibbli se taċċellera u tiffaċilita t-tranżizzjoni u żżid is-sostenibbiltà tal-ikel. Innovazzjonijiet fixkiela, bħall-ikel ibbażat fuq l-insetti u l-algi, l-agrikoltura ċellulari, jew il-biedja fuq ġewwa 44 , jistgħu jbaxxu l-impronta ekoloġika tal-produzzjoni tal-ikel. Il-bijoteknoloġija, inklużi tekniki ġenomiċi ġodda, jista’ jkollha rwol ewlieni fl-iżvilupp ta’ modi innovattivi u sostenibbli għall-protezzjoni tal-ħsad mill-pesti, mill-mard u mill-effetti tat-tibdil fil-klima. Approċċ koerenti u sostenibbli għas-sistema kollha tal-ikel, mill-produzzjoni tal-ikel sat-tnaqqis tal-ħela tal-ikel, se jkun kruċjali.

2.L-iżgurar ta’ enerġija dekarbonizzata u affordabbli

L-iżgurar ta’ provvista suffiċjenti ta’ enerġija dekarbonizzata u affordabbli huwa kruċjali fit-triq lejn Ewropa aktar ekoloġika u diġitali. L-implimentazzjoni tal-objettivi ekoloġiċi tal-UE tfisser li sal-2050 aktar minn 80 % tal-konsum gross intern tal-enerġija jkun ġej minn sorsi b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, l-aktar minn sorsi rinnovabbli, filwaqt li l-użu ta’ fjuwils fossili għal skopijiet ta’ enerġija jaqa’ għal inqas minn 10 % 45 . It-tnaqqis tad-dipendenza tal-UE fuq il-fjuwils fossili jeħtieġ żieda fl-użu tal-enerġija rinnovabbli u diversifikazzjoni rapida tal-provvista tal-enerġija tal-UE. Dan jinvolvi wkoll l-iżvilupp ta’ infrastruttura tal-enerġija, grilji intelliġenti, u teknoloġiji u soluzzjonijiet ġodda b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent fl-UE u ma’ pajjiżi terzi sħab ewlenin. Fl-aħħar nett, dan jitlob li tiġi evitata r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Effiċjenza enerġetika akbar se tkun kruċjali biex jiġi evitat l-effett possibbli ta’ rebound hekk kif l-enerġija rinnovabbli ssir orħos u l-umanità tikkonsma aktar minnha. Biex jintlaħqu l-miri tal-Ftehim ta’ Pariġi u tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-intensità tal-enerġija fl-UE se jkollha tonqos b’mod qawwi, għal madwar nofs il-livelli tal-lum 46 , sal-2050.

L-ilħuq tal-objettiv tan-newtralità klimatika sal-2050 jista’ jgħin lill-UE tnaqqas id-dipendenza enerġetika tagħha minn madwar 60 % llum għal 15 % 47 . Dan għandu jiġi appoġġat minn progress sinifikanti fl-ekonomija ċirkolari. Unjoni tal-enerġija aktar profonda se tappoġġja d-dekarbonizzazzjoni, ittejjeb l-effiċjenza enerġetika, issaħħaħ is-suq intern tal-enerġija u żżid is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija. Il-mogħdijiet tat-tranżizzjoni u aġenda b’saħħitha għal investiment fl-infrastruttura sostenibbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-UE u lil hinn minnha joħolqu opportunitajiet ta’ investiment għan-negozji tal-UE. Dan jgħin ukoll biex tiġi żgurata l-koerenza tal-appoġġ pubbliku u r-riċerka u l-innovazzjoni sostnuti f’teknoloġiji u f’sorsi ġodda tal-enerġija nadifa, fejn is-settur privat ma jipprovdix f’oqsma ta’ falliment tas-suq. Se jkun importanti li tiżdied l-iskala tat-teknoloġiji emerġenti u li dawn isiru affordabbli u aċċessibbli għall-ekonomiji li qed jiżviluppaw biex tiġi żgurata l-adozzjoni tagħhom fuq skala kbira. B’mod parallel, ekonomija aktar ċirkolari u pprezzar realistiku tal-esternalitajiet inaqqsu l-konsum tal-enerġija fl-UE. 

Id-dekarbonizzazzjoni tal-enerġija se jkollha effetti fit-tul fuq id-dinamika ġeopolitika, filwaqt li jfeġġu dipendenzi strateġiċi ġodda u oħrajn jisparixxu. Dan se jkollu impatt kemm fuq l-ekonomiji li jipproduċu ż-żejt u l-gass kif ukoll fuq il-mexxejja fl-enerġija rinnovabbli. Se jkunu meħtieġa sforzi biex din it-tranżizzjoni ssir eħfef u biex jiġi ġestit it-tnaqqis fid-dħul fi stati produtturi vulnerabbli. Progress sinifikanti fit-tnaqqis tal-emissjonijiet assoċjati mill-produzzjoni (bħall-metan mill-gassijiet fossili) iwassal għal tranżizzjoni ordnata. It-teknoloġiji ġodda se jkunu kruċjali f’dan il-kuntest. Se jkun ta’ benefiċċju għall-UE li dawn isiru disponibbli u jkunu affordabbli, u dan jista’ jgħin lill-ekonomiji emerġenti jaqbżu l-infrastruttura bbażata fuq il-fjuwils fossili u jadottaw alternattivi b’użu inqas intensiv tal-karbonju. Dan it-tip ta’ kooperazzjoni joffri wkoll opportunitajiet ekonomiċi u ta’ konnettività għall-UE. Barra minn hekk, in-natura deċentralizzata tan-networks tal-enerġija futuri, flimkien ma’ kapaċitajiet għoljin ta’ ċiberdifiża, se tappoġġja r-reżiljenza tal-UE, bil-ġenerazzjoni tal-enerġija distribwita b’mod ħafna aktar wiesa’ milli hi fis-sistemi tal-enerġija ċentralizzati u aktar vulnerabbli tal-lum.

3.It-tisħiħ tal-kapaċità fil-ġestjoni tad-data, fl-intelliġenza artifiċjali u fit-teknoloġiji l-aktar avvanzati

Is-sovranità diġitali tal-UE se tiddependi fuq il-kapaċità li taħżen, testratta u tipproċessa d-data, filwaqt li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ fiduċja, ta’ sigurtà u ta’ drittijiet fundamentali. L-ekonomija diġitali, speċjalment l-proċessar tad-data, il-cloud computing u l-edge computing ta’ prestazzjoni għolja, jista’ jkollhom effett pożittiv fuq l-ekonomija u fuq il-kompetittività tal-UE 48 . Il-kumpaniji tal-UE u l-awtoritajiet tal-amministrazzjoni pubblika se jadottaw dejjem aktar l-analitika tad-data tal-utenti u tal-entitajiet, l-Internet tal-Oġġetti, u l-intelliġenza artifiċjali. Teknoloġiji bħal dawn għandhom applikazzjonijiet wiesgħa u varjati 49 . L-UE introduċiet objettivi ta’ investiment u strumenti ta’ finanzjament sinifikanti biex tippromwovi l-iżvilupp u l-użu ta’ teknoloġiji tal-cloud u edge tal-ġenerazzjoni li jmiss u fixkiela. Bl-użu dejjem akbar tad-data għal applikazzjonijiet industrijali u kummerċjali, approċċ strateġiku għall-iżvilupp u għall-varar ta’ sistemi industrijali tal-Internet tal-Oġġetti, tal-5G/6G, u tal-edge computing bil-kapaċità ta’ ġestjoni u ta’ analiżi malajr tal-big data se jkun kruċjali biex jintlaħqu l-objettivi tat-tranżizzjonijiet doppji.

Il-big data u l-analitika avvanzata qed jevolvu malajr, bl-Istati Uniti u biċ-Ċina fuq quddiem nett. Dawn jipprovdu indikaturi bikrija f’ħin reali ta’ kriżijiet possibbli, detezzjoni bikrija ta’ mard u detezzjoni fuq medda kbira tal-attività militari. L-użu ta’ tali analitika fit-teħid tad-deċiżjonijiet x’aktarx li se jiżdied. Minn perspettiva tal-UE, huwa importanti li dawn it-teknoloġiji jiġu żviluppati filwaqt li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali u l-valuri tal-UE, speċjalment fejn l-iżvilupp u l-adozzjoni tagħhom jiddependu fuq volumi kbar ħafna ta’ data, inkluża data personali. L-iżvilupp u l-adozzjoni ta’ teknoloġiji kritiċi jiddependu fuq volumi kbar ħafna ta’ data. Attwalment, id-data prodotta fl-UE hija fil-biċċa l-kbira maħżuna u pproċessata fi cloud storage operat minn fornituri li mhumiex fl-UE, li jagħmluha soġġetta għal ġurisdizzjonijiet ta’ pajjiżi terzi. Dan joħloq dipendenzi strateġiċi u riskji għaċ-ċibersigurtà, il-protezzjoni tad-data, l-aċċess u s-sigurtà. Jimplika wkoll li fornituri mhux tal-UE jibbenefikaw kummerċjalment mill-proċessar ta’ din id-data. L-UE għandha tibni kapaċitajiet biex taħżen id-data u tiżgura aċċess għal data miftuħa, sigura u trasparenti u disponibbiltà għolja ta’ konnessjoni bi klassifikazzjoni tad-data. Għandha tissalvagwardja wkoll il-vantaġġ ewlieni tagħha fl-iżvilupp u fl-użu ta’ intelliġenza artifiċjali affidabbli. Għandha tippromwovi l-istandards u l-valuri ma’ sħab fdati madwar id-dinja.

Fid-dawl taż-żieda esponenzjali fid-domanda għas-semikondutturi, l-UE jeħtieġ li tpoġġi lilha nnifisha f’pożizzjoni aktar soda fl-iżvilupp u fil-produzzjoni tat-teknoloġiji tal-ġenerazzjoni li jmiss. L-aċċess għas-semikondutturi jista’ jiġi kompromess minn kapaċità limitata ta’ produzzjoni, u n-nuqqasijiet jistgħu jaffettwaw ħafna l-kontinwità tal-operat ta’ industriji differenti. L-UE għandha punti tajbin notevoli u hija l-bażi ta’ fornitur kruċjali ta’ tagħmir tal-manifattura għall-manifatturi ewlenin kollha, iżda għadha lura fil-produzzjoni tal-proċessuri tal-ġenerazzjoni li jmiss u tas-semikondutturi avvanzati. It-Tajwan, iċ-Ċina, il-Korea t’Isfel 50 u l-Istati Uniti qed jinvestu ħafna biex iżidu l-produzzjoni domestika tagħhom tas-semikondutturi. Barra minn hekk, il-produtturi taċ-ċipep fit-Tajwan, fil-Korea t’Isfel, fil-Ġappun u fl-Istati Uniti ħabbru investimenti privati enormi f’kapaċitajiet tal-produzzjoni ġodda. Sabiex tibqa’ fit-tellieqa, l-UE jeħtieġ li tinvesti fil-kapaċitajiet għall-ġenerazzjoni li jmiss ta’ proċessuri u ta’ ċipep ta’ semikondutturi. Dan jeħtieġ skrinjar aktar strett tal-akkwiżizzjoni barranija tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni Ewropej, investimenti fir-riċerka u fl-iżvilupp, u l-istabbiliment ta’ kundizzjonijiet favorevoli tul il-katina tal-valur.

4.L-iżgurar u d-diversifikazzjoni tal-provvista ta’ materja prima kritika

Il-materja prima kritika hija essenzjali għat-tranżizzjonijiet doppji tal-UE. L-espansjoni tat-teknoloġiji ekoloġiċi, bħal dawk li jirfdu l-enerġija eolika u solari, il-ħżin domestiku tal-enerġija, u l-produzzjoni ta’ batteriji għall-vetturi elettriċi se jżidu d-domanda għal materja prima bħall-kobalt, il-litju, il-grafit, il-manganiż u n-nikil fl-għoxrin sena li ġejjin 51 . Madankollu, l-isfida tmur lil hinn mit-teknoloġiji ekoloġiċi. Pereżempju, is-settur għad-droni żgħar, li għalihom iċ-Ċina tipprovdi aktar minn terz tal-materja prima, huwa mistenni li jikber b’mod esponenzjali bejn issa u l-2030ijiet, b’potenzjal għoli għas-subsetturi ċivili u kummerċjali, u b’domanda li qed tiżdied b’mod qawwi għall-gallju, l-indju, l-iskandju u t-titanju, fost l-oħrajn. L-industrija tad-difiża tiddependi ħafna fuq materja prima kritika, pereżempju kważi nofs il-materja meħtieġa fil-produzzjoni tal-inġenji tal-ajru 52 tiġi minn pajjiżi mhux tal-UE. Iż-żieda fid-domanda għall-materja prima kritika hija mistennija li tikkoinċidi ma’ żieda fir-rieda tal-fornituri ewlenin (Illustrazzjoni 4) li jimponu restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni 53 .

Illustrazzjoni 4: Il-fornituri ewlenin tal-UE għall-materja prima kritika 54

Taħlita intelliġenti ta’ politiki industrijali, tar-riċerka u tal-kummerċ ma’ sħubijiet internazzjonali tista’ tiżgura provvista sostenibbli u diversa. L-UE qed tiffaċċja sfidi relatati mal-aċċess, id-diversifikazzjoni limitata, l-interruzzjonijiet fil-provvista u l-kapaċitajiet insuffiċjenti ta’ pproċessar, ta’ riċiklaġġ, ta’ raffinar u ta’ separazzjoni. L-UE jeħtieġ li tħejji għal erożjoni futura tas-sigurtà tal-provvista kritika minħabba fatturi ewlenin li jsawru l-ambjent ġeopolitiku: il-fraġilità tal-istat, il-koerċizzjoni ekonomika, u t-tibdil fil-klima. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-industrija tinsab fl-aħjar pożizzjoni biex tnaqqas id-dipendenzi strateġiċi billi tiddiversifika l-provvista, tagħmel użu akbar mill-materja prima sekondarja, u bis-sostituzzjoni. Madankollu, il-potenzjal għad-diversifikazzjoni tal-provvista għal ħafna materja prima kritika huwa pjuttost limitat minħabba sorsi ġeografikament limitati jew monopolji jew oligopolji de facto. L-isforzi tal-industrija biex tiżgura l-aċċess għall-materja prima kritika u tnaqqas id-domanda tagħha (permezz tal-effiċjenza, l-estensjoni tat-tul tal-ħajja tal-prodott u l-ekonomija ċirkolari) jeħtieġu strateġija ċara fit-tul. Fl-aħħar nett, jeħtieġ li jiġu esplorati modi ġodda ta’ akkwist, bħall-estrazzjoni minerarja minn qiegħ il-baħar u mill-ispazju, f’konformità mal-prinċipji u mal-impenji miftiehma internazzjonalment.

5.L-iżgurar tal-pożizzjoni ta’ min jidħol l-ewwel globalment fl-iffissar tal-istandards

L-UE tinsab f’kompetizzjoni għall-vantaġġ ta’ min jidħol l-ewwel fl-iffissar tal-istandards. Dan huwa partikolarment rilevanti fit-teknoloġiji emerġenti (u l-prodotti u s-servizzi relatati), bħall-intelliġenza artifiċjali, il-blockchain, il-kwantum, iċ-ċibersigurtà, id-data sensittiva u speċjalizzata (eż. fl-oqsma tas-saħħa u tal-ispazju), il-muniti diġitali u s-sustanzi kimiċi. Oqsma prijoritarji oħra jinkludu teknoloġiji ekoloġiċi bħall-idroġenu, il-ħżin tal-enerġija, it-teknoloġija eolika lil hinn mill-kosta u t-trasport sostenibbli. Is-sħab kummerċjali tagħna qed jieħdu azzjonijiet aktar assertivi f’termini ta’ ffissar ta’ standards, eż. iċ-Ċina qed taħdem fuq pjan ta’ “Standards taċ-Ċina 2035” biex tidentifika t-teknoloġiji tal-ġenerazzjoni li jmiss li tista’ timponi fuq il-140 pajjiż li jipparteċipaw fl-Inizjattiva tat-Triq tal-Ħarir (“Belt and Road”). Madankollu, il-kapitaliżmu tal-istat Ċiniż mhux dejjem ikun kompatibbli ma’ regolamentazzjoni globali miftuħa, ma’ standards iċċentrati fuq il-bniedem u ma’ valuri sostenibbli.

Ir-rekord tal-UE fl-istabbiliment ta’ regoli interni u standards internazzjonali de facto tipprovdi bażi soda biex tiġi indirizzata din l-isfida. L-hekk imsejjaħ “effett ta’ Brussell” 55 , fejn il-korporazzjonijiet multinazzjonali jikkonformaw mar-regolamentazzjoni fil-livell tal-UE, huwa prodott sekondarju tal-istrettezza ta’ dik ir-regolamentazzjoni u tad-daqs tas-suq uniku. Il-pożizzjoni kummerċjali tal-UE hija wkoll mutur ewlieni fis-setgħa regolatorja u tal-iffissar tal-istandards tagħha, inkluż fi swieq u f’teknoloġiji futuri ewlenin. L-UE hija l-akbar attur fil-kummerċ dinji u l-akbar sieħeb kummerċjali għal 74 pajjiż, aktar miċ-Ċina (66) u mill-Istati Uniti (31). Hija l-akbar sieħeb kummerċjali għall-Asja, għall-Afrika, għall-Istati Uniti, għall-Balkani tal-Punent u għall-viċinat tal-UE 56 . L-aċċettazzjoni internazzjonali tal-istandards tal-UE hija kruċjali għall-influwenza tagħha fl-ordni globali u fil-pożizzjoni ewlenija dwar it-tibdil fil-klima, is-sostenibbiltà u l-protezzjoni tal-konsumaturi, id-data personali u d-drittijiet fuq il-post tax-xogħol. Għal dan l-għan, l-UE se tkompli timpenja ruħha f’kooperazzjoni regolatorja attiva, filwaqt li tiżgura rwol ewlieni fl-organizzazzjonijiet internazzjonali li jistabbilixxu n-normi, bħall-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni.

6.Il-bini ta’ sistemi ekonomiċi u finanzjarji reżiljenti u li jibqgħu validi għall-futur

Ekonomija reżiljenti u stabbli hija kritika biex jiġu indirizzati l-isfidi fit-tul tal-UE. L-UE għandha tkompli żżid ir-reżiljenza u l-potenzjal tat-tkabbir tal-ekonomija tagħha billi tindirizza l-vulnerabbiltajiet li fadal sabiex tiffaċilita t-tranżizzjonijiet li għaddejjin u biex tkun tiflaħ għal xokkijiet futuri. Il-prinċipji fundamentali ekonomiċi solidi, il-produttività, l-investimenti u r-riformi se jiddeterminaw il-prestazzjoni ekonomika futura tal-UE, marbuta ma’ kundizzjonijiet ta’ finanzjament pożittivi għas-settur pubbliku u privat.

L-ekonomija soċjali tas-suq tal-Ewropa hija wkoll kruċjali għall-mudell demokratiku tagħha, billi tipproteġi lin-nies kontra r-riskji soċjali u l-konsegwenzi tagħhom. Is-suq uniku jagħti bażi b’saħħitha għall-irkupru u r-reżiljenza tal-industrija tal-UE, u biex jiġu ffaċilitati t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Sabiex jiġu aċċettati, dawn it-tranżizzjonijiet iridu jkunu ġusti u akkumpanjati minn konverġenza ekonomika u soċjali aktar b’saħħitha. Il-kriżi tal-COVID-19 enfasizzat l-importanza ta’ suq uniku miftuħ, kompetittiv u li jiffunzjona bis-sħiħ biex in-negozji jkunu jistgħu jikbru għall-iskala meħtieġa biex jikkompetu globalment.

Is-sistema finanzjarja tal-UE se tgħaddi minn tibdiliet profondi bħala riżultat tat-tibdil fil-klima, tal-bidliet teknoloġiċi u ta’ Brexit. Għalhekk, determinazzjoni politika sostnuta biex jitneħħew l-ostakli li fadal għall-integrazzjoni tas-suq u biex jiġu implimentati bis-sħiħ l-Unjoni tas-Swieq Kapitali u l-Unjoni Bankarja hija essenzjali biex jiġu ddiversifikati u approfonditi s-sorsi ta’ finanzjament għall-kumpaniji tal-UE, jittejbu l-opportunitajiet ta’ ffrankar għaċ-ċittadini tal-UE, tissaħħaħ il-kapaċità tal-UE li tassorbi x-xokkijiet u jiġu appoġġjati swieq finanzjarji domestiċi aktar b’saħħithom. Din tista’ tindirizza wkoll l-arbitraġġ regolatorju bejn l-Istati Membri u ma’ pajjiżi terzi fil-viċinat. Il-ħruġ tar-Renju Unit bħala ċentru finanzjarju ewlieni mill-UE jsaħħaħ il-ħtieġa li jkomplu jiġu approfonditi s-swieq kapitali tal-Unjoni, u s-swieq tal-UE wrew adattabilità u reżiljenza qawwija. Madankollu, għad hemm sfidi fuq terminu ta’ żmien medju għall-istabbiltà finanzjarja u r-reżiljenza. L-aktar importanti fost dawn hija li l-parteċipanti tas-suq tal-UE għad għandhom dipendenza eċċessiva fuq infrastruttura finanzjarja essenzjali barra mill-UE, li tista’ tamplifika r-riskji għall-istabbiltà finanzjarja. Barra minn hekk, il-kapaċità superviżorja fl-UE jeħtieġ li tkun strutturata b’mod adegwat fid-dawl tal-konfigurazzjoni mill-ġdid kontinwa tal-ktajjen tal-valur u r-rilokazzjoni tan-negozji lejn l-UE wara Brexit.

Is-sistema finanzjarja tal-UE għandha wkoll rwol ewlieni fil-finanzjament tat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima u r-reżiljenza kontra d-degradazzjoni ambjentali. L-UE se teħtieġ EUR 470 biljun f’investiment addizzjonali fis-sena biex tilħaq il-miri klimatiċi u ambjentali tagħha għall-2030, li se teħtieġ mobilizzazzjoni enormi tal-kapital privat. L-investituri istituzzjonali u fil-livell tal-konsumatur qed juru interess dejjem akbar fl-investiment sostenibbli, kif muri miż-żieda ta’ ħames darbiet fil-flussi kapitali netti attirati mill-fondi ta’ ekwità li jadottaw strateġiji ambjentali, soċjali u ta’ governanza (ESG) fl-10 xhur ta’ wara din l-adozzjoni, meta mqabbla mal-10 xhur ta’ qabel 57 . Trasparenza akbar tal-impronta ekoloġika tal-prodotti finanzjarji u tal-klassifikazzjonijiet, kif ukoll aċċess għal data affidabbli rilevanti għas-sostenibbiltà, se jkunu essenzjali għall-finanzjament ta’ tranżizzjoni ordnata u għall-prevenzjoni tal-“greenwashing”.

It-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali jistgħu jaffettwaw ukoll l-istabbiltà finanzjarja direttament minħabba eventi ta’ temp estrem aktar frekwenti u severi. Bħalissa 30 % biss tat-telf ekonomiku kollu huwa assigurat. L-investimenti f’attivitajiet u f’assi mhux sostenibbli huma dejjem aktar probabbli li jmorru ħażin u l-istabbiltà finanzjarja tista’ tiġi kompromessa f’każ ta’ reazzjoni diżordnata u f’daqqa għat-tranżizzjoni. Is-sistema finanzjarja tal-UE jeħtieġ li tintegra b’mod sistematiku r-riskji u l-impatti tas-sostenibbiltà fit-teħid ta’ deċiżjonijiet finanzjarji, u tintegra strateġiji fit-tul għall-ġestjoni tar-riskju u għall-finanzjament għal riskji ta’ diżastri.

L-era diġitali se tinfluwenza wkoll il-mezzi ta’ pagament u s-swieq kapitali, bi rwol dejjem akbar tal-kriptoassi u bl-iżvilupp ta’ muniti diġitali. Il-finanzi diġitali jistgħu joħolqu opportunitajiet ġodda għaċ-ċittadini u għan-negozji, iżda jeħtieġ li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-konsumatur. Huwa meħtieġ settur finanzjarju diġitali tal-UE b’saħħtu, kompetittiv, irregolat kif xieraq u supervizzat.

L-istabbiliment tar-renminbi diġitali Ċiniża qed jagħmel progress rapidu u pajjiżi oħra wkoll qed jaħdmu fuq il-muniti diġitali tagħhom stess. Il-muniti diġitali tal-banek ċentrali jkollhom impatt ukoll fuq il-mudell kurrenti tal-banek ċentrali, it-tmexxija tal-politika monetarja, u s-sistemi ta’ protezzjoni tal-konsumatur. Il-Bank Ċentrali Ewropew, flimkien mal-Kummissjoni, huwa impenjat b’mod attiv fil-ħidma fuq il-kunċett ta’ euro diġitali, li tista’ ġġib benefiċċji sinifikanti liċ-ċittadini u lin-negozji tal-UE. Madankollu, biex jiġu sfruttati l-benefiċċji ta’ euro diġitali pubbliku, huwa kruċjali li jiġu indirizzati l-isfidi potenzjali għall-politiki tal-UE, bħal dawk relatati mal-intermedjazzjoni u mal-istabbiltà finanzjarji.

Użu usa’ tal-euro fil-kummerċ u fis-servizzi internazzjonali, inkluż fis-swieq tal-enerġija, u soluzzjonijiet madwar l-UE għall-pagamenti istantanji jsaħħu l-influwenza strateġika tal-UE. Isaħħaħ ir-reżiljenza tal-UE, inkluż għall-applikazzjoni ekstraterritorjali tas-sanzjonijiet minn pajjiżi terzi. Jippermetti lill-UE tkompli tibbenefika mis-swieq finanzjarji internazzjonali, filwaqt li timmaniġġa r-riskji esterni u tevita d-dipendenzi strateġiċi. Fl-istess ħin, id-dgħufijiet fl-integrità tal-fornituri tas-servizzi, tas-swieq u tal-infrastrutturi ta’ pajjiżi terzi jistgħu joħolqu riskji.

L-UE jeħtieġ li tibqa’ fuq quddiem nett globalment fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u tiżgura salvagwardji xierqa kontra dawn l-għanijiet illeċiti.

7.L-iżvilupp u ż-żamma ta’ ħiliet u ta’ talenti li jaqblu mal-ambizzjonijiet tal-UE

Se jkunu meħtieġa risponsi ċari biex jiġu affaċċjati b’suċċess ix-xejriet demografiċi u biex jitneħħew id-diskrepanzi eżistenti fil-ħiliet fil-kuntest tat-tranżizzjonijiet doppji. Filwaqt li hija meħtieġa parteċipazzjoni akbar fil-forza tax-xogħol, il-politiki tas-suq tax-xogħol u dawk soċjali se jkollhom jiġu aġġustati sabiex tiġi evitata żieda fl-inugwaljanzi soċjoekonomiċi u jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, dħul diċenti u aċċess għas-sigurtà soċjali. Il-kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali hija kruċjali biex tiġi indirizzata din ir-realtà l-ġdida. Filwaqt li jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin u jiġu integrati fi ħdan politiki ta’ tixjiħ attiv, l-estensjoni tal-età effettiva tal-irtirar b’sena tista’ żżid erba’ miljun persuna fis-suq tax-xogħol 58 . Il-parteċipazzjoni akbar tan-nisa fil-forza tax-xogħol, permezz ta’ miżuri mmirati li jiżguraw l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, ukoll tappoġġja r-rati ta’ impjieg. Dan huwa partikolarment il-każ fl-Istati Membri b’rati ta’ parteċipazzjoni tan-nisa taħt il-medja tal-UE 59 . Il-parteċipazzjoni akbar fil-forza tax-xogħol iġġib benefiċċji ekonomiċi u soċjali madwar l-UE, eż. proporzjon aktar baxx ta’ persuni dipendenti li ma jaħdmux u parteċipazzjoni akbar fil-forza tax-xogħol. Barra minn hekk, approċċi ġodda għax-xejriet tax-xogħol jgħinu jtaffu l-iżvantaġġi tat-tixjiħ tal-popolazzjoni. Migrazzjoni legali ġestita tajjeb li tindirizza l-ħtiġijiet u d-diskrepanzi b’rabta mal-ħiliet, flimkien ma’ politiki effettivi ta’ integrazzjoni, tagħti kontribut importanti lis-suq tax-xogħol tal-UE. 

Iż-żgħażagħ jistħoqqilhom aċċess aħjar għal impjiegi ta’ kwalità. Se jkun meħtieġ appoġġ kontinwu għall-impjieg taż-żgħażagħ permezz ta’ skemi ta’ appoġġ immirati. Il-ġenerazzjoni li jmiss hija dejjem aktar lesta għat-tranżizzjoni diġitali 60 , għalkemm għad hemm l-isfida li jitneħħew id-diskrepanzi fil-ħiliet diġitali u li aktar nisa żgħażagħ jistudjaw is-suġġetti STEAM (ix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija, l-arti u l-matematika). L-iffaċilitar tat-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għall-impjieg, il-ħolqien ta’ impjiegi inizjali ta’ kwalità u l-involviment taż-żgħażagħ fid-djalogu politiku wkoll se jkunu kruċjali għaż-żgħażagħ li jidħlu fis-suq tax-xogħol.

L-isfruttar tal-opportunitajiet tax-xogħol tat-tranżizzjonijiet doppji se jeħtieġ azzjoni politika li tappoġġa t-tranżizzjoni lejn tipi ġodda ta’ impjiegi. Dan jinkludi appoġġ lir-reġjuni u lill-ħaddiema f’setturi li se jgħaddu minn tranżizzjoni u taħlita tajba ta’ appoġġ, ta’ inċentivi u ta’ kundizzjonijiet qafas għall-kumpaniji minn setturi tradizzjonali u ġodda. Se jkunu meħtieġa wkoll aġġustamenti fis-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, peress li r-rekwiżiti tal-ħiliet u l-livelli tal-edukazzjoni qed jiżdiedu b’rata mgħaġġla fl-ekonomija ekoloġika u diġitali, aktar mgħaġġla milli fl-ekonomija ġenerali 61 . Il-forza tax-xogħol futura tal-UE x’aktarx li se tkun edukata aħjar u aktar kapaċi tadatta għan-natura li qed tinbidel tax-xogħol u għall-intelliġenza awmentata. Sal-2050, 54 % tal-parteċipanti kollha fis-suq tax-xogħol huma mistennija li jkollhom edukazzjoni postsekondarja 62 . Il-kompetenzi STEAM, il-ħiliet u l-litteriżmu diġitali, flimkien ma’ għarfien espert speċifiku għas-settur biex tinkiseb it-tranżizzjoni ekoloġika (eż. fl-enerġija rinnovabbli, fl-ekonomija ċirkolari, f’teknoloġiji ekoloġiċi ġodda jew f’soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura) se jkunu indispensabbli għal suq tax-xogħol li jirnexxi u għall-integrazzjoni soċjali b’suċċess. Sabiex jiġi żgurat l-aċċess għall-ħiliet ta’ għada, is-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ tal-UE se jkollhom jibqgħu fuq quddiem nett fid-dinja. L-UE għandha tinċentiva wkoll aktar mit-talenti tagħha (fl-universitajiet, fl-istituzzjonijiet tar-riċerka jew fin-negozji) jibqgħu fl-Ewropa 63 u ttaffi l-eżodu ta’ mħuħ bejn l-Istati Membri u r-reġjuni.

8.It-tisħiħ tal-kapaċitajiet tas-sigurtà u tad-difiża u l-aċċess għall-ispazju

Hija meħtieġa azzjoni biex jittaffa r-riskju akbar ta’ kunflitt, ta’ instabbiltà interna u ta’ tfixkil tal-infrastrutturi kritiċi. L-UE jeħtieġ li tkompli jkollha rwol essenzjali fid-diplomazija preventiva u fl-appoġġ, fl-adattament u fit-titjib tal-għodod tagħha biex tiżgura l-effettività tal-azzjonijiet tagħha. Il-bini tal-fiduċja u l-koordinazzjoni fost l-Istati Membri, kif ukoll il-kapaċità li jiġu antiċipati aħjar ir-riskji, filwaqt li titgħallem mill-esperjenza, jistgħu jipprovdu lill-UE b’influwenza akbar u bil-kapaċità li taġixxi b’mod konġunt fuq kwistjonijiet tad-difiża u tas-sigurtà. L-UE għandha tkompli tappoġġja lill-Istati Membri biex jiżviluppaw għodod adegwati, inkluż biex jibnu r-reżiljenza u jirrispondu għat-theddid ibridu b’rispett sħiħ tal-qafas legali u etiku tal-UE. Iż-żieda fil-probabbiltà ta’ eventi ta’ temp estrem, pandemiji futuri jew diżastri naturali u kkawżati mill-bniedem oħra tafferma mill-ġdid il-ħtieġa ta’ rispons u kooperazzjoni tal-UE aktar b’saħħithom dwar il-protezzjoni ċivili, inkluż biex jittejbu l-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għal diżastri bħall-għargħar, in-nirien mhux ikkontrollati u l-mard infettiv 64 .

Biex ittejjeb il-kapaċitajiet u l-operazzjonijiet tad-difiża tagħha, l-UE għandha timpenja ruħha li tgħaqqad il-forzi u ssaħħaħ il-koerenza ta’ strumenti u inizjattivi ta’ kooperazzjoni stabbiliti riċentement. L-UE jeħtieġ li tiżgura l-kapaċità tagħha li tiddefendi - b’mod awtonomu jekk ikun meħtieġ - l-interessi essenzjali tas-sigurtà tagħha f’ambjent internazzjonali impenjattiv immarkat minn kompetizzjoni kbira għas-setgħa u minn tellieqa għat-tmexxija teknoloġika. Dan l-aħħar, l-UE għamlet progress fid-difiża permezz tat-tnedija ta’ diversi inizjattivi importanti. Il-vulnerabbiltajiet li fadal jinkludu livell relattivament baxx ta’ nefqa, il-frammentazzjoni tad-domanda u tal-provvista, u lakuni fir-riċerka, fl-innovazzjoni u fil-manifattura 65 . Fil-livell internazzjonali, filwaqt li tippromwovi ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli u tikkoopera bis-sħiħ man-NATO, l-UE se jkollha ttejjeb it-tħejjija tagħha għal dinja b’aktar kunflitti. L-iżvilupp ta’ kapaċitajiet ta’ difiża indiġeni se jżid il-kapaċità tal-UE li tippromwovi tali ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli, filwaqt li jsaħħaħ ir-rwol tal-Istati Membri tal-UE fin-NATO.

Huwa essenzjali li l-UE tappoġġa l-aċċess awtonomu, affidabbli u kosteffettiv għall-ispazju. It-teknoloġiji spazjali, flimkien mal-intelliġenza artifiċjali, huma mezzi strateġiċi biex jiġi miġġieled it-theddid u jiġu antiċipati riskji futuri, bħal theddid ibridu inkluż spjunaġġ ċibernetiku 66 . Dawn huma importanti għall-futur tal-komunikazzjonijiet tal-UE, tal-osservazzjoni tad-dinja, tal-manifattura, u tas-sigurtà, u huma ingredjent essenzjali tat-tranżizzjonijiet doppji. Jgħinu fil-monitoraġġ tat-tibdil fil-klima, tat-trasport, tas-sigurtà u tad-difiża u huma kruċjali għall-funzjonament tal-infrastruttura kritika u tat-teknoloġija. Barra minn hekk, l-adattament tal-ispazju għall-użu fil-gwerra mir-rivali tal-UE qed jiġi appoġġjat dejjem aktar minn teknoloġiji ġodda bħall-armi antisatellitari. Is-settur spazjali jikkontribwixxi EUR 46‑54 biljun għall-ekonomija tal-UE 67 u huwa mistenni li jikber globalment għal EUR 1 triljun sal-2040 68 . L-UE bħalissa hija mexxejja dinjija f’xi oqsma (eż. is-servizzi satellitari), filwaqt li oqsma oħra (eż. lanċjaturi spazjali u missjonijiet spazjali) huma ddominati mill-Istati Uniti, miċ-Ċina u mir-Russja, u dejjem aktar minn atturi privati. Nazzjonijiet oħra li jitilgħu fl-ispazju għandhom suq domestiku b’saħħtu ħafna – effettivament klijent li jipprovdi ankra għal volum konsiderevoli ta’ lanċjar (inkluż il-lanċjar għad-difiża u għas-sigurtà nazzjonali). Fin-nuqqas ta’ dan, il-kumpaniji lanċjaturi tal-UE jinsabu fi żvantaġġ kompetittiv fis-suq globali, u jiddependu fuq is-suq kummerċjali sa punt ħafna akbar mill-kompetituri miċ-Ċina, mir-Russja, mill-Istati Uniti, jew mill-Ġappun. 

L-UE għandha tirrikonoxxi l-infrastruttura spazjali tal-UE bħala strateġika u timmassimizza l-benefiċċji ta’ teknoloġiji ġodda, bħal lanċjaturi avvanzati, nanosatelliti, robotika, kostellazzjonijiet kbar, operazzjonijiet fl-orbita jew applikazzjonijiet ibbażati fuq il-kwantum (eż. għal komunikazzjonijiet siguri u għall-osservazzjoni tad-Dinja għal konnettività sigura). Għandha tħejji ruħha wkoll għal attivitajiet spazjali ġodda u tippromwovi servizzi fl-orbita jew ċentri tad-data spazjali, filwaqt li tibni fuq l-għarfien espert tagħha f’oqsma fejn għandha kapaċità industrijali kompetittiva, bħat-telekomunikazzjoni u l-osservazzjoni tad-Dinja.

9.Il-ħidma mas-sħab globali biex jiġu promossi l-paċi, is-sigurtà u l-prosperità għal kulħadd

Il-multilateraliżmu jrid jadatta biex jibqa’ adattat għall-iskop tiegħu. Il-pandemija tal-COVID-19 u l-emerġenza klimatika huma illustrazzjonijiet perfett tal-ħtieġa ta’ soluzzjonijiet multilaterali u ta’ kooperazzjoni globali kkoordinata dwar it-tħejjija u r-rispons għall-kriżijiet. Fiż-żewġ każijiet, l-appoġġ għall-pajjiżi sħab l-inqas żviluppati jew l-aktar fraġli huwa essenzjali biex jingħelbu l-isfidi li ġejjin, u biex ħadd ma jitħalla jibqa’ lura. Multilateraliżmu verament inklużiv u f’network 69 huwa l-uniku triq ’il quddiem. Din hija r-raġuni għaliex l-UE ħadet impenn li tistinka għal ordni globali bbażat fuq ir-regoli bin-Nazzjonijiet Uniti fil-qalba tagħha. Dan se jinvolvi l-preservazzjoni ta’ dak li jaħdem tajjeb, ir-riforma ta’ dak li jeħtieġ li jinbidel, u l-estensjoni ta’ governanza globali effettiva għal oqsma ġodda. L-UE għandha tagħti bidu għaldiskussjonijiet dwar ir-riformi meħtieġa fil-governanza globali, u tiffaċilitahom. Għandha tappoġġa r-riforma li għaddejja tan-NU abbażi ta’ sett ċar ta’ regoli u ta’ valuri. It-treġġigħ lura tal-funzjonalità sħiħa tas-sistema ta’ soluzzjoni tat-tilwim huwa wkoll prijorità urġenti fil-modernizzazzjoni meħtieġa tal-funzjonijiet kollha tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) biex jiġi żgurat li din tkun tista’ tindirizza l-isfidi tal-kummerċ globali. Il-governanza tal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, bħall-Bank Dinji, il-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Bank tal-Iżvilupp Ġdid 70 , għandha tirrifletti aħjar l-isfidi reġjonali u globali emerġenti. Il-governanza ekonomika globali għandha tindirizza l-effetti sekondarji mhux mixtieqa tal-politiki monetarji, fiskali u makroekonomiċi fuq is-swieq emerġenti.

Azzjoni aktar assertiva se tkun kruċjali fil-ġlieda kontra l-azzjoni koerċittiva jew is-sanzjonijiet ekstraterritorjali imposti minn pajjiżi terzi. Il-kummerċ miftuħ u l-investiment huma waħda mill-aspetti b’saħħithom fundamentali tal-UE, iżda l-UE se jkollha tiġġieled il-pressjoni ekonomika u taġixxi fejn is-soluzzjoni tat-tilwim skont il-ftehim tad-WTO jew il-ftehimiet bilaterali jeħlu. Strumenti aktar b’saħħithom ta’ difiża tal-kummerċ jeħtieġ li jipproteġu lill-operaturi tal-UE minn prattiki kummerċjali inġusti u jevitaw li jimminaw il-prijoritajiet strateġiċi tal-UE. Ir-riskji potenzjali għas-sigurtà jew għall-ordni pubbliku li jirriżultaw mill-akkwiżizzjoni jew il-kontroll ta’ negozju, infrastruttura jew teknoloġija partikolari jitolbu mekkaniżmu ta’ skrinjar sħiħ għall-investiment dirett barrani u miżuri biex jiġu indirizzati l-effetti potenzjali ta’ distorsjoni tas-sussidji barranin. Il-krediti għall-esportazzjoni tal-UE jistgħu jiżguraw kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fi swieq mhux tal-UE li fihom il-kompetituri barranin qegħdin ikollhom dejjem aktar appoġġ finanzjarju mill-gvernijiet tagħhom.

L-UE se jkollha ssaħħaħ u tiżviluppa wkoll koalizzjonijiet u sħubijiet strateġiċi kif ukoll ibbażati fuq il-kwistjonijiet ma’ pajjiżi u ma’ reġjuni speċifiċi. L-alleanza Trans-Atlantika mogħtija ħajja ġdida, l-integrazzjoni tal-Balkani tal-Punent, il-kooperazzjoni aktar mill-qrib mat-Turkija u mal-pajjiżi tal-viċinat, is-sħubija strateġika mal-Afrika, il-konnettività fir-reġjun Indo-Paċifiku u l-istabbiltà fl-Asja Ċentrali lkoll huma prijoritajiet ġeopolitiċi. Iċ-Ċina hija fl-istess ħin sieħeb ta’ kooperazzjoni għal ċerti objettivi komuni, sieħeb tan-negozjati, kompetitur ekonomiku, u rivali sistemiku. Il-preżenza dejjem akbar taċ-Ċina fid-dinja, inkluż fl-Ewropa, trid tkun akkumpanjata minn teħid ta’ aktar responsabbiltajiet għaż-żamma tal-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli, kif ukoll aktar reċiproċità, nondiskriminazzjoni u ftuħ fis-sistema domestika tagħha 71 . Fir-rigward tar-Russja, l-UE jeħtieġ li tkompli l-approċċ tagħha bbażat fuq il-prinċipji li tiddefendi l-interessi tagħha u tippromwovi l-valuri bbażati fuq l-implimentazzjoni tal-ħames prinċipji miftiehma 72 . L-UE jeħtiġilha tinsisti li t-tmexxija Russa turi impenn aktar kostruttiv u twaqqaf l-azzjonijiet kontra l-UE u l-Istati Membri tagħha u l-pajjiżi terzi sħab. Dan huwa indispensabbli biex iddur ir-rota attwali improduttiva u potenzjalment perikoluża u f’din ir-relazzjoni importanti. Il-kooperazzjoni mal-G7 u mal-G20 se tibqa’ importanti wkoll.

L-UE għandha ssaħħaħ is-sħubijiet tagħha mal-organizzazzjonijiet internazzjonali li huma ċentrali għall-istabbiltà Ewropea u globali. Hija laħqet livelli mingħajr preċedent fil-kooperazzjoni tagħha mal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO), il-qofol tad-difiża Ewropea 73 . Is-sħubija bejn l-UE u n-NATO hija pilastru indispensabbli tad-difiża tal-UE u se tkompli tissaħħaħ 74 . L-UE għandha wkoll tkompli ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa dwar kwistjonijiet ta’ interess komuni, u tkompli bir-relazzjoni mill-qrib mal-Kunsill tal-Ewropa li ssaħħaħ ir-rispett komuni tagħna għad-drittijiet tal-bniedem, għad-demokrazija u għall-istat tad-dritt. Il-kooperazzjoni interreġjonali ma’ organizzazzjonijiet bħall-Unjoni Afrikana, il-Komunità ta’ Stati tal-Amerika Latina u tal-Karibew u l-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tal-Asja tax-Xlokk tipprovdi lievi importanti għall-iżvilupp u għall-istabbiltà reġjonali, u tgħin tavvanza l-aġenda globali tal-UE. L-UE se jkollha bżonn ukoll tiżviluppa pożizzjoni koerenti fir-rigward ta’ atturi internazzjonali oħra u ssegwi b’mod attiv il-kooperazzjoni ma’ sħab lesti li jaħdmu fuq soluzzjonijiet komuni għall-isfidi globali, u b’mod paċifiku u sostenibbli timmaniġġa l-beni komuni globali (eż. l-oċeani, l-ispazju).

L-UE tinsab lesta li tmexxi koalizzjonijiet globali dwar l-azzjoni klimatika u ambjentali. Bil-Patt Ekoloġiku Ewropew 75 u bl-inizjattivi ewlenin tagħha, bħall-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %” 76 , l-UE qed issegwi trasformazzjoni tal-ekonomija u politiki komprensivi dwar il-klima, il-bijodiversità u l-ambjent 77 . L-UE hija impenjata li tara jsiru realtà l-Ftehim ta’ Pariġi, l-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tagħha u l-Qafas tal-Bijodiversità għal Wara l-2020. Il-kisba tagħhom qed tiġi mxekkla dejjem aktar mill-konsegwenzi tal-kriżi tal-COVID-19. Pereżempju, il-pandemija tista’ treġġa’ lura snin ta’ progress fl-iżvilupp fl-Afrika, fejn il-pajjiżi diġà qed jonfqu medja ta’ 30 % tad-dħul tagħhom fuq il-ħlas tad-dejn (żieda minn 20 % qabel) 78 . Peress li l-UE tirrappreżenta biss 8 % tal-emissjonijiet globali tal-gassijiet serra, u b’85 % tat-tkabbir tal-PDG dinji mistennija li jiġu minn postijiet oħra sal-2024 79 , l-aġenda interna ambizzjuża tal-UE jeħtieġ li tkun akkumpanjata minn kooperazzjoni globali ugwalment ambizzjuża. Il-punt sa fejn l-ekonomiji u s-soċjetajiet emerġenti b’mod partikolari jistgħu jisseparaw l-iżvilupp uman u ekonomiku mill-produzzjoni intensiva fl-użu tar-riżorsi u mill-emissjonijiet ta’ gassijiet serra se jkun deċiżiv. L-UE għandha tkompli taqdi rwol importanti fil-massimizzazzjoni tal-appoġġ għat-tranżizzjoni fil-livell globali, minbarra li tirnexxi fit-trasformazzjoni tagħha stess. L-UE għandha ssaħħaħ id-diplomazija ekoloġika komprensiva mmexxija mill-UE bi prijorità mogħtija lit-tibdil fil-klima u lill-azzjoni ambjentali, b’mod partikolari skont il-qafas tal-Konferenzi tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u organizzazzjonijiet multilaterali rilevanti oħra.

Għandhom jiġu inkorporati “aġendi tal-konnettività” 80 fis-sħubijiet strateġiċi tal-UE. Dawn huma parti mis-sett ta’ għodod ġeopolitiċi. L-Istati Uniti għandhom l-Att BUILD u l-Ġappun għandu s-Sħubija għall-Infrastruttura ta’ Kwalità. Permezz tal-Inizjattiva tat-Triq tal-Ħarir (“Belt and Road”) tagħha, iċ-Ċina qed tavvanza l-interessi ekonomiċi, politiċi u ta’ sigurtà tagħha madwar id-dinja, inkluż fl-Ewropa. Fl-Afrika, iċ-Ċina kienet bil-bosta l-akbar żviluppatur tal-infrastruttura matul l-aħħar għaxar snin, b’ammont stmat ta’ 10 000 kumpanija Ċiniża li joperaw fil-kontinent. Wara t-tnedija tan-Network Blue Dot mal-Ġappun u l-Awstralja, l-Istati Uniti ressqet l-inizjattiva “Bini mill-Ġdid ta’ Dinja Aħjar” (B3W) fil-kuntest tal-G7. Iċ-Ċina u l-Istati Uniti tal-Amerka għandhom approċċi differenti, iżda t-tnejn jinsabu quddiem l-UE fl-influwenza tagħhom fuq l-infrastrutturi tal-internet u dawk li jiddependu fuqhom. L-UE għandha esperjenza fl-iżvilupp tal-konnettività u tista’ tibni fuq esperjenzi promettenti ta’ sħubija mal-Ġappun u mal-Indja. Madankollu, filwaqt li l-UE stabbilixxiet l-ewwel elementi kostitwenti ta’ strateġija tal-UE dwar il-konnettività 81 , jeħtieġ li din tiġi żviluppata aktar u tiġi allinjata mar-realtajiet li qed jevolvu malajr. B’mod partikolari, l-UE tista’ tiffoka fuq it-trasport sostenibbli, networks tal-infrastruttura diġitali reżiljenti u siguri, u konnettività tal-informazzjoni pervażiva, li huma bbażati wkoll fuq l-ispazju. Approċċ ta’ Tim Ewropa 82 se jkun kruċjali biex tinkiseb l-iskala neċessarja ta’ implimentazzjoni.

Il-governanza internazzjonali tal-oċeani hija qasam dejjem aktar strateġiku. L-oċeani huma regolatur essenzjali tal-klima, u jipproduċu nofs l-ossiġenu fl-atmosfera tad-dinja u jassorbu 25 % tal-emissjonijiet tas-CO2 . Għandhom ekosistema fraġli li hija sors ta’ ikel nutrittiv u 4.5 miljun impjieg dirett fl-UE. L-impatti kumulattivi tal-estrazzjoni tar-riżorsi u tat-tniġġis żdiedu, b’31 % tal-istokkijiet globali tal-ħut mistada żżejjed u b’4.8 sa 12.7 miljun tunnellata ta’ skart tal-plastik jidħlu fl-oċean kull sena 83 . Bil-popolazzjoni tad-dinja li mistennija tiżdied, il-pressjoni tal-bniedem fuq l-oċean se tintensifika, u se titlob governanza aktar effettiva, trasversali u integrata tal-oċeani mibnija fuq kooperazzjoni b’saħħitha.

Biex jiġi kkonsolidat ir-rwol tal-UE bħala attur globali ewlieni dwar id-drittijiet tal-bniedem, is-sħubijiet ma’ pajjiżi u organizzazzjonijiet li għandhom l-istess valuri demokratiċi huma kruċjali. Id-difiża tad-drittijiet tal-bniedem teħtieġ l-użu tal-għodod kollha disponibbli, inkluż ir-Reġim Globali tal-UE ta’ Sanzjonijiet tad-Drittijiet tal-Bniedem, id-djalogi politiċi u dwar id-drittijiet tal-bniedem, is-sħubijiet strateġiċi ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali u l-impenn proattiv f’fora internazzjonali. Titlob ukoll l-involviment aktar qawwi tas-settur privat biex tiġi promossa mġiba responsabbli fin-negozju. Sabiex jiġu promossi globalment id-demokrazija u l-prosperità, l-edukazzjoni għandha tkun ukoll fil-qalba tal-politika internazzjonali segwita mill-UE flimkien mas-sħab tagħha.

10.It-tisħiħ tar-reżiljenza tal-istituzzjonijiet

L-istituzzjonijiet u l-amministrazzjonijiet pubbliċi jeħtieġ li jkunu risponsivi għat-tħassib tas-soċjetà u effettivi fit-twettiq tal-politiki. Iż-żieda fil-polarizzazzjoni turi l-ħtieġa ta’ governanza parteċipattiva u inklużiva biex jissaħħu l-fiduċja u l-leġittimità fil-livelli kollha. L-istituzzjonijiet u l-proċessi jeħtieġ li jżidu r-reżiljenza, jadattaw u jinnovaw tagħhom biex ilaħħqu ma’ sfidi ġodda u jwasslu r-riżultati liċ-ċittadini. Forom ġodda ta’ demokrazija parteċipattiva, teknoloġiji ġodda, parteċipazzjoni ċivika u innovazzjonijiet fil-livell taċ-ċittadini, bħal fil-kuntest tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa 84 , jistgħu jżidu l-parteċipazzjoni politika u jsaħħu r-reżiljenza tas-sistemi demokratiċi tagħna.

Il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni u l-iżgurar tal-libertà tal-espressjoni, id-dibattiti demokratiċi pluralistiċi u inklużivi u l-libertà tal-midja fl-UE u lil hinn minnha se jiddependu fuq l-iżvilupp kontinwu ta’ oqfsa u ta’ prattiki komuni. Is-sħubijiet ma’ atturi globali pubbliċi u privati oħrajn se jkunu essenzjali biex jiġi żgurat rispons aktar robust u effettiv. Dawn iridu jimxu id f’id mal-promozzjoni ta’ elezzjonijiet ħielsa u ġusti u mal-protezzjoni tal-libertà u tal-pluraliżmu tal-media.

L-implikazzjonijiet tax-xejriet attwali u futuri se jeħtieġu risponsi ta’ politika rapidi. L-inċertezza, il-volatilità, il-kumplessità u l-ambigwità se jkollhom jiġu mħaddna u mmaniġġati. L-iżvilupp ta’ kapaċitajiet ta’ prospettiva strateġika jista’ jgħin biex jiġu vvalutati r-riskji imminenti u biex ikun hemm tħejjija aħjar għall-indirizzar tal-kriżijiet u tal-opportunitajiet li jinqalgħu. In-Network ta’ Prospettiva tal-UE tal-Ministri għall-Futur, u l-iżvilupp relatat tal-kapaċitajiet ta’ previżjoni fil-livell nazzjonali, se jkunu qed jikkontribwixxu għal dan.

Tħejjija akbar tfisser ukoll monitoraġġ aħjar tar-reżiljenza biex tkun tiflaħ għall-isfidi u tgħaddi minn tranżizzjonijiet b’mod sostenibbli, ġust u demokratiku. Id-dashboards tar-reżiljenza 85 żviluppati mill-Kummissjoni (f’kooperazzjoni mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati), kif imħabbra fir-Rapport ta’ Prospettiva Strateġika tal-2020, huma pass importanti lejn approċċ aktar integrat għall-kejl tal-benesseri lil hinn mill-PDG. L-approċċ multidimensjonali tagħhom jitfa’ dawl fuq l-isfidi u l-opportunitajiet li ġejjin, u jgħin biex tiġi nnavigata t-trasformazzjoni tas-soċjetà lejn perkors ta’ żvilupp aktar sostenibbli. Id-dashboards tar-reżiljenza se jikkontribwixxu wkoll għall-valutazzjoni ex post tal-istrateġija Ewropea għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż fir-rigward ta’ atturi globali ewlenin oħra.

IV.IT-TWITTIJA TAT-TRIQ GĦALL-POLITIKI TA’ GĦADA

L-ordni globali emerġenti qed isir dejjem aktar multipolari u kkontestat. Filwaqt li ma nistgħux inkunu ċerti dwar dak li se jiġri fil-futur, huwa f’idejna li naħdmu lejn l-aktar xenarju favorevoli biex nippreservaw u nsaħħu l-kapaċità u l-libertà tal-UE li tieħu azzjoni, abbażi ta’ fehim ċar tax-xejriet kbar, tal-inċertezzi u tal-opportunitajiet. Din il-Komunikazzjoni hija l-bażi ta’ viżjoni fit-tul komuni tal-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE fit-triq lejn l-2050, li tenfasizza l-ħtieġa ta’ aktar koerenza tul iż-żmien u bejn l-aġendi tal-politika domestika u esterna f’għaxar oqsma ta’ azzjoni (Illustrazzjoni 5).



Illustrazzjoni 5: Implikazzjonijiet ewlenin għall-kapaċità u għal-libertà tal-UE li tieħu azzjoni.

Fost l-oħrajn, l-UE se tfittex b’mod determinat li tikseb newtralità klimatika sal-2050 u se żżid it-tmexxija globali tagħha f’dan ir-rigward. Ekonomija aktar ċirkolari se tkun imħaddma minn enerġija dekarbonizzata, minn teknoloġiji ekoloġiċi u diġitali, u mill-aqwa talent. It-tranżizzjonijiet doppji se jsaħħu l-kompetittività, jiġġeneraw opportunitajiet ekonomiċi u soċjali, u jikkontribwixxu għall-ordni globali, filwaqt li jnaqqsu d-dipendenzi strateġiċi. Futur diġitalment iperkonness, immexxi mill-big data, mill-intelliġenza artifiċjali u mill-qabża kwantistika mhux se jkun lineari u se jkun miżgħud inċertezzi. Minħabba l-impatti profondi u diversi tiegħu fost is-setturi, it-territorji u fi ħdan is-soċjetà, il-progress teknoloġiku jeħtieġ li jkun appoġġat minn ekonomija soċjali tas-suq b’saħħitha u minn suq uniku kompetittiv. Jeħtieġ ukoll approċċ antiċipatorju u inklużiv għall-edukazzjoni u t-taħriġ, li jagħti s-setgħa lin-nies biex jinnavigaw il-bidla b’mod kunfidenti. It-tħeġġiġ u l-iffaċilitar tal-parteċipazzjoni se jagħtu wkoll ħajja ġdida lid-demokraziji.

Filwaqt li ssegwi t-tmexxija globali lejn l-2050, l-UE mhux se tingħalaq fiha nnifisha iżda se tibqa’ soda fil-prinċipji u fil-valuri tagħha u se tkun rapida fl-imġiba tagħha. Bħala pilastru globali interkonness f’dinja multipolari, se tisfrutta kontinwament is-sħubijiet internazzjonali mill-qrib tagħha biex tippromwovi l-paċi, l-istabbiltà u l-prosperità, filwaqt li tippreżenta pożizzjoni magħquda kontra atturi ostili u sfidi komuni. Se tassumi t-tmexxija fil-kooperazzjoni multilaterali effettiva, filwaqt li tipproteġi liċ-ċittadini tal-UE u l-ekonomija minn prattiki inġusti u abbużivi. L-UE se żżomm il-wegħda li tikseb it-tranżizzjonijiet doppji b’mod ġust u demokratiku sabiex tipprovdi lill-ġenerazzjoni li jmiss ta’ Ewropej bil-kapaċità u bil-libertà li jagħżlu l-perkors tagħhom stess.

Ir-Rapport ta’ Prospettiva Strateġika li jmiss se jiffoka fuq fehim aħjar tat-twaħħid tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, jiġifieri kif jistgħu jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku, inkluż permezz tal-użu ta’ teknoloġiji emerġenti.

(1)

     Il-Komunikazzjoni tibni fuq ir-rapport taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) dwar “ix-xjenza għall-politika”: JRC (2021), Shaping & securing the EU’s Open Strategic Autonomy by 2040 and beyond. Il-proċess ta’ prospettiva kien jinkludi konsultazzjonijiet mal-Istati Membri u diskussjonijiet mas-sħab fis-Sistema Ewropea ta’ Analiżi tal-Istrateġiji u l-Politiki, analiżi tal-letteratura, stħarriġ Delphi (li kien jinvolvi s-servizzi tal-Kummissjoni, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-partijiet ikkonċernati rilevanti mill-akkademja, mill-industrija, mis-soċjetà ċivili, mill-amministrazzjoni pubblika u minn istituzzjonijiet internazzjonali) u żvilupp ta’ xenarji. Barra minn hekk, il-ħidma li għaddejja fuq id- dashboards tar-reżiljenza , kif ukoll attivitajiet oħra ta’ prospettiva, għenu biex tiġi infurmata l-analiżi tal-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE.

(2)

     Rapport tal-Prospettiva Strateġika tal-2020: Inwittu t-triq lejn Ewropa iktar reżiljenti (COM(2020) 493).

(3)

     IPCC (2021), Climate change 2021: The Physical Science Basis. Contribution of Working Group I to the Sixth Assessment Report of the Intergovernmental Panel on Climate Change.

(4)

     L-Organizzazzjoni Meteoroloġika Dinjija (2021), WMO global annual to decadal climate update.

(5)

     Il-Kumitat Internazzjonali tas-Soċjetajiet tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs Qamar l-Aħmar (2019), The Cost of Doing Nothing.

(6)

     Ercin, E., Veldkamp, T.I.E. u Hunink, J. (2021), Cross-border climate vulnerabilities of the European Union to drought (Nat Commun 12, 3322).

(7)

     Naumann, G., Cammalleri, C., Mentaschi, L. et al. Increased economic drought impacts in Europe with anthropogenic warming. Nat. Clim. Chang. 11, 485–491 (2021).

(8)

     Il-Kummissjoni Ewropea (2021); *Dan l-indikatur juri kemm jinġibed ilma ħelu mill-attivitajiet ekonomiċi, meta mqabbel mar-riżorsi tal-ilma ħelu rinnovabbli totali disponibbli. **Proġett ta’ Data dwar il-Postijiet u l-Eventi tal-Kunflitti Armati, bit-tipi ta’ eventi inklużi: battalji, splużjonijiet/vjolenza mill-bogħod, vjolenza kontra l-popolazzjoni ċivili. Data tas-sors: JRC, GADM, IOM, ACLED.

(9)

     L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (2019), The European environment - state and outlook 2020. 

(10)

     COM(2021) 380.

(11)

     Kyle J. Foreman et al. (2018), Forecasting life expectancy, years of life and all‑cause and cause‑specific formality for 250 causes of death: reference and alternative scenarios for 2016-2040 for 195 countries and territories (The Lancet).

(12)

     L-UE hija responsabbli għall-akbar sehem ta’ applikazzjonijiet għal privattivi madwar id-dinja f’teknoloġiji avvanzati tal-manifattura u fl-Internet tal-Oġġetti għall-mobbiltà. Il-Kummissjoni Ewropea (2020), Il-prestazzjoni tal-UE fix-xjenza, ir-riċerka u l-innovazzjoni fl-2020.

(13)

     SWD(2021) 352.

(14)

     L-Istati Uniti tal-Amerka qed tinvesti aktar minn EUR 1 biljun fil-perjodu 2019-2028 u ċ-Ċina qed tibni Laboratorju Nazzjonali għax-Xjenzi tal-Informatika Kwantistika li jiswa EUR 9 biljun. JRC (2021), Shaping and securing the EU’s Open Strategic autonomy by 2040 and beyond.

(15)

     COM(2021) 118.

(16)

     Gass serra b’effett serra 25 darba ogħla minn dak tad-diossidu tal-karbonju.

(17)

     Il-Forum Ekonomiku Dinji (2015) Scaling technologies to decarbonise energy. Il-ġenerazzjoni tal-enerġija nukleari bbażata fuq il-fużjoni tista’ tgħin biex tissolva l-problema tal-iskart radjuattiv li jirriżulta mill-enerġija nukleari bbażata fuq il-fissjoni.

(18)

     Il-Forum Ekonomiku Dinji (2020), The future of jobs report 2020.

(19)

     Pouliakas K. (2018), Determinants of automation risks in the labour market, a skills-needs approach, IZA Institute of Labour Economics.

(20)

     Sors: Il-Kummissjoni Ewropea.

(21)

     OECD (2021), What happened to jobs at risk of automation, policy brief on the future of work.

(22)

     Il-Parlament Ewropew, L-iskart-e fl-UE: fatti u ċifri (infografika).

(23)

     Freedom House, Freedom in the World 2021.

(24)

     Alizada N., Cole R., Gastaldi L., Grahn S., Hellmeier S., Kolvani P., Lachapelle J., Lührmann A., Maerz S. F., Pillai S., Lindberg S. I.. 2021. Autocratization Turns Viral. Democracy Report 2021. L-Università ta’ Gothenburg: L-Istitut V-Dem.

(25)

     Ara, pereżempju, Sharon Lecocq (2020), EU foreign policy and hybrid actors in the Middle East: ready for geopolitical contestation?, Global Affairs, 6:4-5, 363-380, DOI: 10.1080/23340460.2021.1872401.

(26)

     NU (2019), World population prospects.

(27)

     JRC (2021), Shaping & securing the EU’s Open Strategic Autonomy by 2040 and beyond.

(28)

   Il-proporzjon ta’ dipendenza totali jirrelata n-numru ta’ individwi li x’aktarx se jkunu dipendenti fuq l-appoġġ ta’ oħrajn għall-għajxien ta’ kuljum tagħhom – iż-żgħar u l-anzjani – man-numru ta’ dawk l-individwi li huma kapaċi jipprovdu dan l-appoġġ (Eurostat).

(29)

     JRC (2019), Demographic scenarios for the EU: migration, population and education.

(30)

     NU (2019), World population prospects.

(31)

     Dan diġà qed jinħass f’organizzazzjonijiet internazzjonali, fejn l-ekonomiji emerġenti qegħdin isawru dejjem aktar il-politika.

(32)

     L-UE hija wkoll membru “mhux enumerat” tal-G7. Billi tipparteċipa f’din il-kooperazzjoni bħala organizzazzjoni supranazzjonali, ma titqiesx f’dan il-paragun.

(33)

     L-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem inħoloq biex jenfasizza li n-nies u l-kapaċitajiet tagħhom għandhom ikunu l-kriterji finali għall-valutazzjoni tal-iżvilupp ta’ pajjiż, u mhux it-tkabbir ekonomiku waħdu.

(34)

     Iċ-ċifri jikkorrispondu għall-ishma tal-PDG nominali, imkejjel f’dollari attwali tal-Istati Uniti. Dawn inkisbu mill-aħħar projezzjonijiet fit-tul tal-OECD (Economic Outlook 103, Lulju 2018). Bl-aġġustament tal-PPP, it-tkabbir taċ-Ċina u tal-Indja huwa aktar mgħaġġel. Il-PDG aġġustat taċ-Ċina diġà huwa ogħla minn dak tal-Istati Uniti jew tal-UE u l-Indja se taqbiżhom sal-2040. Dan huwa dovut għall-fatt li l-konverġenza ekonomika għandha t-tendenza li timplika żieda fil-prezzijiet lokali (tas-servizzi, pereżempju), u għalhekk l-aġġustament tal-PPP iżid il-PDG tal-ekonomiji emerġenti meta mqabbla mal-ekonomiji żviluppati. It-tqabbil tal-PDG reali bejn dawn l-erba’ eżempji huwa simili għal dawk ibbażati fuq il-PDG nominali.

(35)

     Il-Kunsill Nazzjonali tal-Intelligence tal-Istati Uniti (2021), Global trends 2040. Ippubblikat kull erba’ snin mill-1997, ir-rapport jivvaluta x-xejriet u l-inċertezzi ewlenin li se jsawru l-ambjent strateġiku tal-Istati Uniti fl-20 sena li ġejjin. Is-Sistema Ewropea ta’ Analiżi tal-Istrateġiji u l-Politiki ġiet ikkonsultata fit-tħejjija tal-aħħar edizzjoni.

(36)

     Il-Kummissjoni Ewropea (2020), Rapport dwar l-impatt tat-tibdil demografiku.

(37)

     COM(2021) 118.

(38)

     SWD(2021) 352. L-Istrateġija Industrijali Ġdida aġġornata tidentifika għadd ta’ oqsma fejn id-dipendenza tal-UE fuq għadd limitat ta’ fornituri hija l-aktar prominenti, li huma definiti bħala “ekosistemi sensittivi” (eż. l-ajruspazju u d-difiża, l-elettronika, is-saħħa, eċċ.). L-SWD ħabbar it-tieni stadju tar-rieżami tad-dipendenzi potenzjali u l-monitoraġġ perjodiku tad-dipendenzi attwali u futuri tal-UE.

(39)

     Il-Kummissjoni Ewropea (2020), il-bullettin Foresight ON health.

(40)

     Pereżempju, id-dipendenza kbira tal-UE fuq il-plażma mill-Istati Uniti, b’mod partikolari fejn ma hemmx fornituri oħra, timmina l-kapaċitajiet tas-saħħa u l-kapaċità tagħha li tirreaġixxi f’każ ta’ kriżijiet ġodda tas-saħħa pubblika.

(41)

     L-UE u grupp ta’ pajjiżi mir-reġjuni kollha tad-WHO żviluppaw koalizzjoni qabel l-74 sessjoni tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa f’Mejju 2021 biex jistabbilixxu proċess lejn konvenzjoni tad-WHO, ftehim jew strument internazzjonali ieħor dwar it-Tħejjija u r-Rispons għall-Pandemiji.

(42)

     Il-Kummissjoni Ewropea (2021), il-bullettin Foresight ON synergies between civil, defence and space industries.

(43)

     L-Istitut Fraunhofer għar-Riċerka dwar is-Sistemi u l-Innovazzjoni (2019), 50 trends influencing Europe’s food sector by 2035.

(44)

     Il-Kummissjoni Ewropea (2020), il-bullettin Foresight ON health.

(45)

     It-tisħiħ tal-ambizzjoni klimatika tal-Ewropa għall-2030 Ninvestu f’futur newtrali għall-klima għall-benefiċċju tal-popli tagħna, SWD(2020)176.

(46)

     L-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Rinnovabbli (2018) Global energy transformation: a roadmap to 2050.

(47)

     Sors: Eurostat.

(48)

     L-effett tal-ekonomija diġitali fuq il-PDG u fuq l-produttività għadu s-suġġett ta’ dibattiti. Skont simulazzjonijiet makroekonomiċi riċenti, il-kontribuzzjoni addizzjonali kumulattiva għall-PDG tat-teknoloġiji diġitali ġodda sal-2030 tista’ tammonta għal EUR 2,2 triljun fl-UE, żieda ta’ 14,1 % mill-2017 (DĠ CNECT (2020) It-tiswir tat-trasformazzjoni diġitali fl-Ewropa). Fl-istess ħin, xi ekonomisti jinnotaw li t-teknoloġiji ġodda ftit għandhom effett fuq il-PDG u fuq il-produttività.

(49)

     Pereżempju, il-mobbiltà multimodali konnessa u awtomatizzata u l-kondiviżjoni bla xkiel tad-data jistgħu jappoġġaw il-moviment aktar sostenibbli ta’ persuni u oġġetti, inaqqsu ħafna l-fatalitajiet u l-korrimenti fit-toroq, u jtejbu l-kwalità tal-ħajja u l-effiċjenza tas-sistemi tat-trasport.

(50)

     Iċ-Ċina qed tinvesti aktar minn USD 200 biljun skont il-pjan “Made in China 2025”, bl-ambizzjoni li sal-2025 tikseb awtonomija ta’ 70 % fil-manifattura taċ-ċipep. Il-Korea t’Isfel qed tippjana li tinvesti USD 450 biljun fis-semikondutturi sal-2030 b’enfasi fuq it-teknoloġiji tal-manifattura. Il-kumpanija tal-manifattura tas-semikondutturi Tajwaniża TSMC se tinvesti aktar minn USD 100 biljun fi tliet snin fl-espansjoni tal-kapaċità tal-produzzjoni.

(51)

     Il-Kummissjoni Ewropea (2020), Il-materja prima kritika għat-teknoloġiji u s-setturi strateġiċi fl-UE – studju ta’ prospettiva.

(52)

     Materja prima kritika bħall-manjeżju, in-nijobju, il-ġermanju, il-borati, il-kobalt u l-berillju u elementi tal-materjali tal-art rari, bħad-disprożju, is-samarju, in-neodimju, il-praseodimju, u l-ittriju.

(53)

     Il-Kummissjoni Ewropea (2021), Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Materja Prima, it-3et Edizzjoni.

(54)

     JRC (2021), Shaping and securing the EU’s Open Strategic autonomy by 2040 and beyond.

(55)

     Bradford A. (2020), The Brussels effect – how the European Union rules the world.

(56)

     COM(2021) 66.

(57)

     Rieżami Ewropew tal-Istabbiltà Finanzjarja u l-Integrazzjoni (EFSIR), SWD(2021) 113. 

(58)

     Il-Kummissjoni Ewropea (2020), Employment and social developments in Europe.

(59)

     Il-livelli attwali jvarjaw minn 47.5 % sa 79.3 %, ara COM(2020) 152.

(60)

     Il-proporzjon ta’ adulti żgħażagħ b’ħiliet diġitali ogħla minn dawk bażiċi huwa ta’ aktar minn 50 % u dan qed jiżdied; ara l-ħidma li għaddejja tal-JRC fuq id-dashboard tar-“reżiljenza diġitali”, ibbażata fuq id-data tal-Eurostat (ħiliet diġitali) u d-data ta’ PREDICT CORE (postijiet disponibbli f’teknoloġiji avvanzati).

(61)

     Il-Kummissjoni Ewropea (2019), Employment and Social Developments in Europe.

(62)

     JRC (2019), Demographic scenarios for the EU: migration, population and education.

(63)

     PPMI, IDEA Consult u WIFO (2020), L-istudju MORE4, Support data collection and analysis concerning mobility patterns and career paths of researchers.

(64)

     Skont il-Mekkaniżmu tal-UE attwali tal-Protezzjoni Ċivili, l-Istati Membri tal-UE u l-Iżlanda, in-Norveġja, is-Serbja, il-Maċedonja ta’ Fuq, il-Montenegro, u t-Turkija jikkooperaw dwar il-protezzjoni ċivili biex itejbu l-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għad-diżastri. Il-monitoraġġ kostanti miċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tar-Reazzjoni f’każ ta’ Emerġenza jiżgura l-użu rapidu tal-appoġġ ta’ emerġenza permezz ta’ rabta diretta mal-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni ċivili. Timijiet u tagħmir speċjalizzati, bħal ajruplani tat-tifi tan-nirien fil-foresti, timijiet tat-tiftix, tas-salvataġġ u mediċi jistgħu jiġu mmobilizzati fi żmien qasir għall-iskjerament ġewwa u barra l-UE biex jappoġġjaw l-isforzi ta’ rispons tal-pajjiżi affettwati mid-diżastri.

(65)

     L-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (2020), Ir-rapport CARD.

(66)

     NATO (2020), Science & technology trends 2020-2040: exploring the S&T edge.

(67)

     Il-Kummissjoni Ewropea (2020), il-bullettin Foresight ON security.

(68)

     Morgan Stanley (2016), The space economy’s next giant leap.

(69)

     Ara, pereżempju, https://www.un.org/sg/en/content/sg/speeches/2020-09-21/remarks-general-assembly-ceremony-marking-the-75th-anniversary-of-the-united-nations .

(70)

     Il-Bank tal-Iżvilupp Ġdid għandu l-għan li jimmobilizza r-riżorsi għal proġetti ta’ żvilupp fil-BRICS, fl-ekonomiji emerġenti u fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

(71)

     Il-Kummissjoni Ewropea, (2019), UE-Ċina: perspettiva strateġika.

(72)

     Ara JOIN(2021) 20.

(73)

     Is-sitt rapport ta’ progress dwar l-implimentazzjoni tas-sett komuni ta’ proposti approvati mill-Kunsilli tal-UE u tan-NATO fis-6 ta’ Diċembru 2016 u fil-5 ta’ Diċembru 2017 (Ġunju 2021).

(74)

     NATO (2021), L-istqarrija tas-Summit ta’ Brussell.

(75)

     COM(2020) 640.

(76)

     COM(2021) 550.

(77)

     L-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-UE tnaqqsu b’24 % bejn l-1990 u l-2019, filwaqt li l-ekonomija kibret b’madwar 60 % fl-istess perjodu. Il-Kummissjoni Ewropea (2019) , Ir-rekord tal-UE dwar l-azzjoni klimatika.

(78)

     JRC (2021), Shaping and securing the EU’s Open Strategic autonomy by 2040 and beyond.

(79)

     COM(2021) 66.

(80)

     Il-konnettività tista’ tiġi ddefinita bħala li tressaq lill-pajjiżi, is-soċjetajiet u n-nies eqreb lejn xulxin. Din tinkludi rabtiet soċjokulturali fiżiċi u istituzzjonali, ftehimiet settorjali kif ukoll kooperazzjoni regolatorja u teknika f’setturi konkreti bħat-trasport, l-enerġija u dak diġitali.

(81)

     L-approċċ tal-UE għall-konnettività ġie stabbilit fil-Komunikazzjoni Konġunta “Konnessjoni bejn l-Ewropa u l-Asja - Elementi fundamentali għal Strateġija tal-UE”, JOIN(2018) 31.

(82)

     Tim Ewropa jikkonsisti fl-UE, fl-Istati Membri u fin-networks diplomatiċi tagħha, fl-istituzzjonijiet finanzjarji li jinkludu l-banek nazzjonali tal-iżvilupp u l-aġenziji ta’ implimentazzjoni, kif ukoll il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp.

(83)

     L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (2019), The European environment - state and outlook 2020.

(84)

      https://futureu.europa.eu/  

(85)

      https://ec.europa.eu/info/strategy/strategic-planning/strategic-foresight/2020-strategic-foresight-report/resilience-dashboards_en ; id-dashboards tar-reżiljenza huma għodod ta’ monitoraġġ għall-valutazzjoni tal-vulnerabbiltajiet u tal-kapaċitajiet tal-UE u tal-Istati Membri f’erba’ dimensjonijiet: soċjali u ekonomiċi, ekoloġiċi, diġitali u ġeopolitiċi.