Il-Programm l-UE għas-Saħħa ġie adottat bħala rispons għall-pandemija tal-COVID-19 u biex tissaħħaħ it-tħejjija għall-kriżijiet fl-UE. Il-pandemija enfasizzat il-fraġilità tas-sistemi tas-saħħa nazzjonali. Il-Programm l-UE għas-Saħħa se jagħti kontribut għall-isfidi tas-saħħa fit-tul billi jibni sistemi tas-saħħa aktar b’saħħithom, aktar reżiljenti u aktar aċċessibbli.
Is-saħħa hi investiment u, b’baġit inizjali ta’ €5.3 biljun għall-perjodu 2021-27, imnaqqas għal €4.4 biljun wara r-reviżjoni tal-QFP tal-2021-2027, il-Programm l-UE għas-Saħħa hu appoġġ finanzjarju tal-UE mingħajr paragun fil-qasam tas-saħħa. Il-Programm l-UE għas-Saħħa hu messaġġ ċar li s-saħħa pubblika hi prijorità għall-UE u hu wieħed mill-istrumenti ewlenin biex titwitta t-triq għal Unjoni Ewropea tas-Saħħa.
Stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/522, il-Programm l-UE għas-Saħħa jġib valur miżjud tal-UE u jikkomplementa l-politiki tal-Istati Membri li jsegwu erba’ objettivi ġenerali li jirrappreżentaw l-ambizzjonijiet tal-programm u għaxar objettivi speċifiċi li jirrappreżentaw l-oqsma ta’ intervent:
- Titjib u trawwim tas-saħħa
- Il-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard, b’mod partikolari l-kanċer
- L-Inizjattivi u l-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tas-saħħa
- Protezzjoni tan-nies
- Il-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għal theddid transfruntier għas-saħħa
- Is-supplimentazzjoni tal-ħażniet nazzjonali ta’ prodotti essenzjali rilevanti għall-kriżijiet
- Il-ħolqien ta’ riżerva ta’ staff mediku, tal-kura tas-saħħa u ta’ appoġġ
- Aċċess għal prodotti mediċinali, apparat mediku u prodotti rilevanti għall-kriżijiet
- L-iżgurar li dawn il-prodotti jkunu aċċessibbli, disponibbli u affordabbli
- Insaħħu s-sistemi tas-saħħa
- It-tisħiħ tad-data dwar is-saħħa, l-għodod u s-servizzi diġitali, it-trasformazzjoni diġitali tal-kura tas-saħħa
- It-titjib tal-aċċess għall-kura tas-saħħa
- L-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-saħħa u t-teħid ta’ deċiżjonijiet ibbażat fuq l-evidenza
- Il-ħidma integrata fost is-sistemi nazzjonali tas-saħħa
Objettivi tal-Programm l-UE għas-Saħħa
Il-Programm l-UE għas-Saħħa u l-Unjoni Ewropea tas-Saħħa
Il-Programm l-UE għas-Saħħa se jwitti t-triq għal Unjoni tas-Saħħa Ewropea billi jinvesti fi prijoritajiet urġenti tas-saħħa:
- ir-rispons għall-kriżi tal-COVID-19 u t-tisħiħ tar-reżiljenza tal-UE għal theddid transfruntier għas-saħħa
- il-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer
- l-Istrateġija Farmaċewtika għall-Ewropa
Oqsma oħrajn, bħad-diġitalizzazzjoni tas-sistemi tas-saħħa, it-tnaqqis tan-numru ta’ infezzjonijiet reżistenti għall-antimikrobiċi u t-titjib tar-rati ta’ vaċċinazzjoni se jingħataw spinta wkoll.
L-UE se tespandi inizjattivi ta’ suċċess bħan-Networks Ewropej ta’ Referenza għal mard rari u tkompli ssegwi l-kooperazzjoni internazzjonali dwar theddid u sfidi globali għas-saħħa.
Programmi ta’ ħidma
Il-programm l-UE għas-Saħħa hu implimentat minn Programmi ta’ Ħidma annwali li jappoġġjaw firxa wiesgħa ta’ azzjonijiet li huma miġburin taħt erba’ “fergħat” ġenerali b’enfasi trasversali fuq il-kanċer.
- It-tħejjija għall-kriżi
- Il-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard
- Is-sistemi tas-saħħa u l-forza tax-xogħol tal-kura tas-saħħa
- Id-diġitali
Il-programm jipprovdi finanzjament lil entitajiet eliġibbli, organizzazzjonijiet tas-saħħa u NGOs minn pajjiżi tal-UE, jew pajjiżi mhux tal-UE assoċjati mal-programm.
Atturi involuti
Saret konsultazzjoni mmirata mal-Partijiet ikkonċernati mit-30/03/2023 sat-22/05/2023. Fid-09/06/2023 ġie organizzat avveniment għall-Partijiet ikkonċernati. B’riżultat ta’ dan ġew prodotti d-dokumenti li ġejjin:
- Konsultazzjoni tal-Partijiet Ikkonernati tal-Programm l-UE għas-Saħħa – Rapport
- Konsultazzjoni tal-Partijiet Ikkonernati tal-Programm l-UE għas-Saħħa – Rapport
Ħafna atturi huma meħtieġa biex il-Programm l-UE għas-Saħħa jsir realtà:
- Il-pajjiżi tal-UE jiġu kkonsultati dwar il-prijoritajiet u l-orjentazzjonijiet strateġiċi tal-programm u jaħdmu flimkien mal-Kummissjoni fil-“Grupp ta’ Tmexxija tal-Programm l-UE għas-Saħħa” biex jiżguraw il-konsistenza u l-komplementarjetà mal-politiki nazzjonali tas-saħħa. Huma jipprovdu l-opinjoni tagħhom fil-Kumitat tal-programm l-UE għas-Saħħa qabel l-adozzjoni tal-programmi ta’ ħidma annwali.
- Il-pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm l-UE għas-saħħa jipparteċipaw fil-proċess ta’ konsultazzjoni u josservaw il-ħidma tal-Grupp ta’ Tmexxija tal-Programm l-UE għas-saħħ u tal-Kumitat tal-Programm. Huma jibbenefikaw mill-finanzjament bħal kwalunkwe pajjiż ieħor tal-UE.
- Il-partijiet ikkonċernati, inklużi r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u l-assoċjazzjonijiet tal-pazjenti, l-akkademiċi u l-organizzazzjonijiet tal-professjonisti tal-kura tas-saħħa, jipprovdu kontribut dwar il-prijoritajiet u l-orjentazzjonijiet strateġiċi u dwar il-ħtiġijiet li jridu jiġu indirizzati permezz tal-programm ta’ ħidma annwali.
- Il-Parlament Ewropew hu infurmat dwar il-progress tal-ħidma preparatorja u l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.
- Il-Kummissjoni Ewropea tħejji, tadotta u timplimenta l-programmi ta’ ħidma annwali, u timmonitorja u tirrapporta dwar il-progress fir-rigward tal-ilħuq tal-objettivi tal-programm. Hi tista' tfittex l-opinjonijiet ta' aġenziji deċentralizzati rilevanti u ta' esperti indipendenti fil-qasam tas-saħħa dwar kwistjonijiet tekniċi jew xjentifiċi ta' rilevanza għall-implimentazzjoni tal-programm.
- L-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għas-Saħħa u għall-Qasam Diġitali (HaDEA) timplimenta l-programm.
Pajjiżi mhux membri tal-UE assoċjati
In-Norveġja, l-Iżlanda, l-Ukrajna, il-Moldova, il-Montenegro u l-Bożnija-Ħerzegovina huma assoċjati mal-Programm l-UE għas-Saħħa.
L-assoċjazzjoni u l-parteċipazzjoni tan-Norveġja u l-Iżlanda (pajjiżi tal-EFTA) fil-Programm l-UE għas-Saħħa huma rregolati mill-Protokoll 31 dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3). Il-Kummissjoni Ewropea ffirmat ftehim ta’ assoċjazzjoni mal-awtoritajiet mill-Ukrajna, mill-Moldova, mill-Montenegro u mill-Bożnija-Ħerzegovina li se jiftaħ l-aċċess għall-finanzjament tal-UE għal dawn il-pajjiżi.
Finanzjament u Offerti
L-opportunitajiet ta’ finanzjament taħt il-Programm l-UE għas-Saħħa jiġu ppubblikati mill-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għas-Saħħa u għall-Qasam Diġitali (HaDEA). Jekk jogħġbok żur ta’ spiss il-paġni tal-HaDEA dwar sejħiet għal proposti u sejħiet għal offerti.
Sinerġiji u komplementarjetà ma’ fondi oħrajn
L-isfidi tas-saħħa huma ta’ natura trasversali. Il-Programm l-UE għas-Saħħa jaħdem flimkien ma’ programmi, politiki, strumenti u azzjonijiet oħrajn tal-Unjoni:
- Il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) biex jiġu appoġġjati l-gruppi vulnerabbli fl-aċċess għall-kura tas-saħħa
- Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali biex tittejjeb l-infrastruttura tas-saħħa reġjonali
- Orizzont Ewropa għar-riċerka dwar is-saħħa
- Il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili/rescEU biex jinħolqu riżervi għal provvisti mediċi ta’ emerġenza
- L-Ewropa Diġitali u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa biex tinħoloq l-infrastruttura diġitali meħtieġa għall-għodod tas-saħħa diġitali
- Il-Programm InvestEU
- Il-Programm tas-Suq Uniku
- Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza
- Erasmus+
- L-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza
Monitoraġġ u evalwazzjoni tal-programmi
Qafas ta’ evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-monitoraġġ tal-programmi
Il-qafas ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-Programmi tal-UE għas-Saħħa (PPMEF) jinkludi l-loġika ta’ intervent, sett ta’ indikaturi sodi għall-ġbir tad-data, l-arranġamenti ta’ monitoraġġ, rapportar u evalwazzjoni, u l-ġestjoni tad-data, tal-informazzjoni u tal-għarfien. Il-PPMEF tal-UE għas-Saħħa ġie żviluppat f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni tar-Regolament UE għas-Saħħa.
Il-monitoraġġ u r-rappurtar annwali tal-prestazzjoni tal-Programmi
Id-Dikjarazzjoni tal-Prestazzjoni tal-Programmi, bħala parti miċ-ċiklu tal-ippjanar strateġiku u tal-ipprogrammar tal-Kummissjoni, hija għodda ewlenija għar-rappurtar annwali dwar ir-riżultati miksuba, l-isfidi ffaċċjati u l-oqsma li jistgħu jittejbu. Dan jinkludi eżempji konkreti ta’ kisbiet, ir-raġunament u t-tfassil tal-programm ta’ ħidma annwali, il-kontribuzzjoni għall-prijoritajiet ġenerali tal-Kummissjoni, u l-implimentazzjoni u l-eżiti tal-prestazzjoni tal-baġit.
- Il-PPS tal-EU4Health ippubblikat fl-2024
- Il-PPS tal-EU4Health ippubblikat fl-2023
- Il-PPS tal-EU4Health ippubblikat fl-2022
Evalwazzjoni interim u finali
Il-Kummissjoni Ewropea se twettaq evalwazzjoni interim u finali tal-Programm UE għas-Saħħa. Il-Kummissjoni se tippubblika u tikkomunika l-konklużjonijiet tal-evalwazzjonijiet interim u finali, akkumpanjati mill-osservazzjonijiet tagħha, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.
Aktar informazzjoni
- Regolament (UE) 2021/522 li jistabbilixxi Programm għall-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa (il-“Programm l-UE għas-Saħħa”) għall-perjodu 2021-2027
- Stqarrija għall-istampa: Il-Kummissjoni sodisfatta bid-dħul fis-seħħ tal-programm l-UE għas-Saħħa
- Mistoqsijiet u Tweġibiet: Il-Programm l-UE għas-Saħħa 2021-2027
- Stqarrija għall-istampa: Il-Kummissjoni sodisfatta bil-ftehim politiku dwar l-UE għas-Saħħa
- Proposta tal-programm l-UE għas-Saħħa (u l-annessi)
- MEMO tal-programm l-UE għas-Saħħa
- Skeda informattiva dwar l-UE għas-Saħħa
- Pjan ta’ rkupru għall-Ewropa
- Komunikazzjoni dwar il-QFP 2021-2027
Programmi tas-Saħħa preċedenti
Mill-2003, il-programmi tas-saħħa tal-UE ġġeneraw għarfien u evidenza bħala bażi għat-tfassil infurmat tal-politika u għal aktar riċerka. Dan jinkludi l-aħjar prattiki, għodod, u metodoloġiji li huma ta’ benefiċċju kemm lill-komunità tas-saħħa pubblika kif ukoll liċ-ċittadini direttament (eż. it-titjib tat-testijiet dijanjostiċi, l-appoġġ lill-pajjiżi tal-UE fl-iżvilupp ta’ pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali dwar il-kanċer, it-titjib tal-kura tal-pazjenti).