Akkumulazzjoni
Sabiex ikun magħruf jekk prodott ġiex ittrasformat biżżejjed fil-pajjiż sieħeb, huwa importanti li jkun magħruf meta l-materjali u l-inputs użati jistgħu jitqiesu bħala li joriġinaw fl-UE jew fil-pajjiż sieħeb kummerċjali. Ir-regoli preferenzjali tal-oriġini tal-UE jinkludu l-kunċett ta’ akkumulazzjoni, li jippermettilek bħala importatur jew esportatur, taħt ċerti kundizzjonijiet, li tikkunsidra materjali mhux oriġinarji importati minn pajjiżi terzi jew ipproċessar imwettaq f’pajjiż mhux sieħeb, bħala li joriġinaw fl-UE jew f’pajjiż sieħeb kummerċjali. Hemm tliet tipi ta’ akkumulazzjoni użati fl-arranġamenti preferenzjali tal-UE. It-tliet tipi jvarjaw fl-għadd ta’ pajjiżi involuti fl-operazzjoni, u t-tipi ta’ materjali – oriġinarji jew mhux oriġinarji – li jistgħu jiġu akkumulati.
A) Akkumulazzjoni bilaterali
Akkumulazzjoni bilaterali tinvolvi żewġ partijiet: l-UE u l-pajjiż sieħeb. Dan jippermetti l-użu ta’ materjali li joriġinaw fl-UE bħala materjali li joriġinaw fil-pajjiż sieħeb u viċi versa. Din il-kumulazzjoni tapplika għall-arranġamenti preferenzjali kollha tal-UE.
Akkumulazzjoni bilaterali tapplika għat-tliet regoli ewlenin deskritti fit-taqsima dwar oġġetti ttrasformati biżżejjed kif ġej:
- Jekk tiġi applikata r-regola tal-“valur miżjud”, l-akkumulazzjoni bilaterali tippermettilek teskludi l-valur tal-materjali li joriġinaw fil-parti l-oħra mil-limitu perċentwali massimu ta’ materjali mhux oriġinarji.
- Jekk tiġi applikata r-regola tal-“bidla fil-klassifikazzjoni tariffarja”, ma għandekx għalfejn tivverifika jekk kienx hemm bidla fil-klassifikazzjoni tariffarja tal-materjali li joriġinaw fil-parti l-oħra.
- Jekk tiġi applikata r-regola tal-“manifattura minn ċerti prodotti”, ma għandekx għalfejn tivverifika jekk il-materjali li joriġinaw fil-parti l-oħra jirreferux għal stadju aktar tard tal-produzzjoni.
B) Akkumulazzjoni djagonali
L-akkumulazzjoni djagonali hija simili għall-akkumulazzjoni bilaterali iżda tintuża fi ftehimiet relatati ma’ aktar minn żewġ pajjiżi. Dan jippermetti l-użu ta’ materjali li joriġinaw f’pajjiż definit (kif imsemmi fid-dispożizzjoni ta’ akkumulazzjoni rilevanti) għajr il-pajjiżi sħab bħala materjali oriġinarji. Akkumulazzjoni djagonali tista’ tiġi applikata biss għal prodotti li joriġinaw f’pajjiż definit u li mbagħad jiġu pproċessati aktar.
Akkumulazzjoni djagonali tapplika għat-tliet regoli ewlenin deskritti fit-taqsima tal-oġġetti ttrasformati biżżejjed kif ġej:
- Jekk tiġi applikata r-regola tal-“valur miżjud”, l-akkumulazzjoni djagonali tippermettilek teskludi l-valur tal-materjali li joriġinaw fil-pajjiż definit mil-limitu perċentwali massimu tal-materjali mhux oriġinarji.
- Jekk tintuża r-regola tal-“bidla fil-klassifikazzjoni tariffarja”, ma għandekx għalfejn tivverifika jekk kienx hemm bidla fil-klassifikazzjoni tariffarja tal-materjali li joriġinaw fil-pajjiż definit.
- Jekk tiġi applikata r-regola tal-“manifattura minn ċerti” prodotti, ma għandekx għalfejn tivverifika jekk il-materjali li joriġinaw fil-pajjiż definit jirreferux għal stadju aktar tard tal-produzzjoni.
C) Akkumulazzjoni sħiħa
Akkumulazzjoni sħiħa mhux biss tqis il-materjali li joriġinaw fl-UE jew f’pajjiż definit (kif imsemmi fid-dispożizzjoni rilevanti dwar l-akkumulazzjoni), iżda tippermetti wkoll li l-inputs li ma joriġinawx jingħaddu mal-kontenut oriġinarju.
Akkumulazzjoni sħiħa tapplika għat-tliet regoli ewlenin deskritti fit-taqsima tal-oġġetti ttrasformati biżżejjed kif ġej:
- Jekk tiġi applikata r-regola tal-“valur miżjud”, l-akkumulazzjoni sħiħa tippermettilek teskludi l-valur tal-materjali mhux oriġinarji użati f’pass tal-produzzjoni f’parti oħra mil-limitu perċentwali massimu ta’ materjali mhux oriġinarji.
- Jekk tiġi applikata r-regola tal-“bidla fil-klassifikazzjoni tariffarja”, ma għandekx għalfejn tivverifika jekk kienx hemm bidla fil-klassifikazzjoni tariffarja tal-materjali użati fi stadju tal-produzzjoni f’parti oħra.
- Jekk tintuża r-regola tal-“manifattura minn ċerti prodotti”, ma għandekx għalfejn tivverifika jekk il-materjali użati fi stadju ta’ produzzjoni f’parti oħra jirreferux għal stadju aktar tard tal-produzzjoni.
Ftakar li jekk l-ipproċessar imwettaq fil-pajjiż sieħeb tiegħek jaqa’ sempliċiment taħt il-lista ta’ operazzjonijiet minimi, l-akkumulazzjoni ma tistax tiġi applikata.