Il-Parlament Ewropew fi Strażburgu – Barra s-sessjoni plenarja
Merħba fis-sede uffiċjali tal-Parlament Ewropew! Iż-żjarat kollha jinkludu l-Emiċiklu, il-Parlamentarium Simone Veil, kif ukoll wirjiet permanenti u temporanji.
Iż-żjarat huma bla ħlas, idumu madwar 60 minuta u huma disponibbli bl-24 lingwa uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea. Ma hemmx bżonn tibbukkja minn qabel, iżda nirrakkomandaw li tagħmlu dan għall-gruppi.
Iż-żjarat mingħajr gwida għall-viżitaturi
Il-viżitaturi individwali u l-gruppi jistgħu jiġu fil-ħinijiet tal-ftuħ indikati hawn taħt. Iż-żjara ssir bl-użu tal-applikazzjoni “EP Visit Strasbourg”, li hija disponibbli fl-24 lingwa fuq l-App Store u Google Play jew tista’ tintuża fuq apparati pprovduti fuq il-post. F’każ ta’ domanda kbira, jaf ma jkunx hemm apparati disponibbli għal kulħadd. Jekk jiġri hekk, il-membri tal-persunal ikunu għad-dispożizzjoni tal-viżitaturi biex iwieġbu mistoqsijiet u jitkellmu dwar il-Parlament Ewropew bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż. Nistednuk iġġib il-headphones tiegħek.
Il-ħinijiet tal-ftuħ
Matul is-sessjonijiet plenarji, il-ħinijiet tal-ftuħ ikunu differenti.
Mit-Tnejn sal-Ġimgħa: | Is-Sibt | |
---|---|---|
09:00 – 18:00 | 09:30 − 12:00; 13:00 − 18:00 |
L-aħħar dħul 17:00.
Il-binja tkun magħluqa nhar ta' Ħadd u fil-ġranet li ġejjin – 2024: 01-05/01, 20/02, 29/03, 01/04, 26/04, 01/05, 9/05, 20/05, 15/08, 01/11, 23/12-03/01/2025.
Iż-żjarat bi gwida għall-gruppi
Il-gruppi (20 persuna jew aktar) jistgħu jibbukkjaw żjara bi gwida. Iż-żjarat bi gwida huma disponibbli bl-Ingliż, bil-Franċiż jew bil-Ġermaniż. Parti miż-żjara tista’ ssir bl-użu tal-applikazzjoni “EP Visit Strasbourg”, li hija disponibbli fl-24 lingwa fuq l-App Store u Google Play jew tista’ tintuża fuq apparati pprovduti fuq il-post.
Trid tibbukkja ż-żjara tal-inqas jumejn minn qabel, iżda tista' tibbukkjaha minn 6 xhur qabel.
Il-Mafkar Alsace-Moselle f'Schirmeck
Il-gruppi li jżuru l-Parlament Ewropew fi Strażburgu jistgħu jżuru wkoll il-Mafkar Alsace-Moselle f'Schirmeck bla ħlas matul l-istess ġimgħa taż-żjara tagħhom. Biex jibbenefikaw minn dħul bla ħlas, il-gruppi jridu jippreżentaw il-konferma tal-booking. Jekk iż-żjara ma tkunx ġiet ibbukkjata minn qabel, il-gruppi jistgħu jitolbu għal ċertifikat waqt iż-żjara tagħhom fil-Parlament Ewropew.
L-avvenimenti u l-wirjiet
Minbarra ż-żjara tal-Emiċiklu, li hi żjara li mhux ta' min jitlifha, waqt iż-żjara tiegħek tista' tesplora wirjiet permanenti u temporanji, jew tieħu sehem f'wieħed mill-ħafna avvenimenti li jseħħu fil-Parlament Ewropew matul is-sena kollha.
L-aċċessibbiltà
Il-Parlament Ewropew huwa impenjat li jtejjeb kostantement l-aċċess għall-persuni b'diżabilità. Jekk inti jew xi ħadd mill-grupp tiegħek għandkom bżonn assistenza speċjali, jekk jogħġbok avża lis-servizz tal-viżitaturi minn qabel:
Il-faċilitajiet
Mit-Tnejn sal-Ġimgħa jkun hemm kafetterija miftuħa fiż-żona tal-viżitaturi.
Sigurtà
Is-sigurtà u s-sikurezza huma prijoritajiet għall-Parlament Ewropew. Għal dik ir-raġuni, hemm fis-seħħ għadd ta’ miżuri ta’ sigurtà fil-binjiet tagħna u madwarhom. Sabiex niżguraw żjara sikura għal kulħadd, nistednuk taqra u tikkonforma ma’ dawn il-miżuri:
- Huwa meħtieġ dokument tal-identità validu (karta tal-ID jew passaport) biex tidħol fil-binjiet tal-Parlament Ewropew. Jekk irreġistrajt minn qabel u pprovdejt id-dettalji tad-dokument tal-identità tiegħek, trid iġġib dan l-istess dokument lill-Parlament dakinhar taż-żjara tiegħek.
- Fotokopji tal-karti tal-identità u tal-liċenzji tas-sewqan mhumiex aċċettati.
- Minorenni taħt l-14-il sena jeħtiġilhom ikunu akkumpanjati minn adult.
- Il-viżitaturi u l-basktijiet kollha jista’ jsirilhom kontrolli tas-sigurtà bħalma jsiru fl-ajruporti qabel ma jitħallew jidħlu. L-armi tan-nar, is-sustanzi splussivi jew fjammabbli, l-isprays tal-bżar, oġġetti li jaqtgħu u oġġetti oħra li jistgħu jitqiesu bħala armi huma pprojbiti. Skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, ċerti oġġetti pprojbiti jistgħu jingħataw lill-pulizija.
- L-ebda trolley, bagalja, jew bagalja kbira oħra mhuma permessi fil-binjiet.
- L-annimali huma permessi fil-bini biss bħala gwidi mħarrġa għall-persuni neqsin mid-dawl jew biex jassistu lill-persuni b’mobbiltà mnaqqsa.
- Jekk ikun inħareġ pass ta’ aċċess, il-viżitaturi jridu jilbsuh b’mod viżibbli waqt li jkunu fil-binjiet tal-Parlament.
- Ir-ritratti u l-iffilmjar huma permessi fiż-żona tal-viżitaturi, iżda huma pprojbiti fiż-żona tas-sigurtà u fil-gallerija tal-Emiċiklu waqt is-sessjonijiet plenarji u anki fir-ristoranti u l-barijiet. Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkonsulta r-Regoli li Jirregolaw ir-Reġistrazzjonijiet fil-Binjiet tal-Parlament Ewropew.
- Jekk jibda jdoqq l-allarm tan-nar, oħroġ mill-bini immedjatament mingħajr ma tiġri u segwi l-istruzzjonijiet mogħtija mill-persunal tas-sigurtà u l-voluntiera tal-evakwazzjoni.
- Għal kwalunkwe emerġenza tas-sikurezza, ċempel 33112 minn kwalunkwe telefown intern.
- Xi oqsma huma soġġetti għal sorveljanza bil-vidjo skont il-Politika ta’ Protezzjoni bil-Vidjos tal-Parlament Ewropew.
- Il-maskra tal-wiċċ mhix obbligatorja. Jekk jixtiequ, il-viżitaturi jistgħu jilbsuha.
- Jekk ma tkunx qed tħossok tajjeb, jekk jogħġbok ibqa’ d-dar u pposponi ż-żjara tiegħek. Nieħdu pjaċir nilqgħuk lura meta tħossok aħjar.
Aġġornata l-aħħar: 10/2024