Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

1 Introduzzjoni

Il-prijoritajiet superviżorji għall-2025-27 jirriflettu l-istrateġija fuq terminu medju tas-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE għat-tliet snin li ġejjin. Dawn jiġu stabbiliti mill-Bord Superviżorju tal-BĊE, jiġu riveduti kull sena, u huma bbażati fuq valutazzjoni komprensiva tar-riskji u l-vulnerabbiltajiet ewlenin għall-entitajiet taħt superviżjoni. Huma jqisu wkoll l-eżitu tal-Proċess Superviżorju ta’ Rieżami u Evalwazzjoni (SREP),[1] kif ukoll il-progress meta mqabbel mal-prijoritajiet tas-snin preċedenti. Jappoġġaw l-allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi superviżorji disponibbli u jistgħu jiġu aġġustati b’mod flessibbli jekk dan ikun iġġustifikat minn bidliet fix-xenarju tar-riskju.

Matul is-sena li għaddiet, is-settur bankarju Ewropew wera reżiljenza fid-dawl ta’ ambjent estern inċert u wera l-kapaċità tiegħu li jkompli jappoġġa l-irkupru ekonomiku. Il-banek Ewropej qed jirrapportaw pożizzjonijiet b’saħħithom ta’ kapital u likwidità. Il-kwalità tal-assi tagħhom baqgħet ġeneralment reżiljenti għall-ambjent makrofinanzjarju aktar diffiċli, bil-profittabbiltà tagħhom tilħaq l-ogħla livelli li dehru mill-bidu tas-superviżjoni bankarja Ewropea, b’mod partikolari bħala riżultat ta’ rati tal-imgħax ogħla.

Minkejja r-robustezza tal-karti tal-bilanċ u l-profili tar-riskju tal-banek, hija meħtieġa prudenza minħabba t-tensjonijiet ġeopolitiċi persistentement għoljin u l-inċertezza assoċjata dwar il-prospetti makroekonomiċi. Filwaqt li l-entitajiet taħt superviżjoni s’issa kienu kapaċi jifilħu għax-xokkijiet ġeopolitiċi reċenti, appoġġati fost l-oħrajn mir-reżiljenza wiesgħa tal-ekonomija reali, huwa kruċjali li l-banek jibqgħu viġilanti u li jivvalutaw regolarment l-implikazzjonijiet li avvenimenti bħal dawn jista’ potenzjalment ikollhom għan-negozju, l-operazzjonijiet u l-profil tar-riskju tagħhom. F’dan il-kuntest, l-indirizzar tan-nuqqasijiet fl-oqfsa ta’ ġestjoni tar-riskju ta’ kreditu tal-banek jibqa’ prijorità, speċjalment fir-rigward tal-identifikazzjoni bikrija tal-kwalità tal-assi li qed tiddeterjora u l-użu ta’ livelli prudenti ta’ provviżjonament. Barra minn hekk, it-tisħiħ tal-oqfsa ta’ reżiljenza operazzjonali tal-banek huwa kruċjali, sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tagħhom li jifilħu għal kwalunkwe tfixkil operazzjonali li jirriżulta minn avvenimenti għal għarrieda. In-natura trasversali tax-xokkijiet ġeopolitiċi titlob strateġija superviżorja olistika u enfasi speċjali fuq il-kapaċità tal-banek li jifilħu għal xokkijiet bħal dawn fil-qafas tal-prijoritajiet superviżorji.

Fl-istess ħin, il-banek għandhom ikomplu jsaħħu l-isforzi tagħhom biex jindirizzaw b’mod effettiv in-nuqqasijiet materjali identifikati mis-superviżuri f’ċikli preċedenti, u jirrimedjawhom fil-ħin. F’oqsma li fil-passat kienu soġġetti għal skrutinju superviżorju mill-qrib, l-isforzi tas-superviżuri se jiffukaw fuq ir-rimedju effettiv u f’waqtu tal-banek tan-nuqqasijiet identifikati. Dan huwa partikolarment minnu għall-aggregazzjoni tad-data dwar ir-riskju u r-rapportar tar-riskju (RDARR) – fejn, minkejja l-involviment fit-tul mas-superviżuri u t-titjib rikonoxxut, xi banek għadhom ma indirizzawx nuqqasijiet kbar. Barra minn hekk, il-konformità sħiħa mal-aspettattivi superviżorji fir-rigward tal-ġestjoni mill-banek tar-riskji relatati mal-klima u mal-ambjent (C&E) se tibqa’ prijorità.

Fl-aħħar nett, bl-avvanzi teknoloġiċi li qed isiru prijorità għall-futur tas-settur bankarju, huwa essenzjali li l-banek isaħħu l-isforzi ta’ diġitalizzazzjoni tagħhom u jiżguraw ġestjoni prudenti tar-riskji li jirriżultaw mill-adozzjoni ta’ teknoloġiji ġodda. Filwaqt li l-entitajiet taħt superviżjoni qed jagħmlu progress f’dan il-qasam sabiex iżidu l-kapaċità tagħhom li jikkompetu b’suċċess fil-futur, jeħtieġ li jkunu ppreparati għal riskji ġodda li jirriżultaw mid-diġitalizzazzjoni tal-operazzjonijiet u tas-servizzi tagħhom. Dan se jgħinhom iżidu s-sostenibbiltà tal-mudelli tan-negozju tagħhom u jippermettilhom jaħsdu l-benefiċċji tat-teknoloġiji innovattivi.

F’dan l-isfond, il-prijoritajiet superviżorji għall-2025-27 jiffukaw fuq ir-reżiljenza tal-banek għal theddid makrofinanzjarju immedjat u xokkijiet ġeopolitiċi severi (Prijorità 1), l-importanza ta’ rimedju f’waqtu ta’ nuqqasijiet materjali magħrufa (Prijorità 2) u l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-isfidi li jirriżultaw mit-trasformazzjoni diġitali u minn teknoloġiji ġodda (Prijorità 3). Kull prijorità timmira sett speċifiku ta’ vulnerabbiltajiet fis-settur bankarju – imsejħa “vulnerabbiltajiet prijoritizzati” – li għalihom ġew stabbiliti objettivi strateġiċi ddedikati u ġew żviluppati programmi ta’ ħidma. Il-kontrodipendenzi bejn ir-riskji huma riflessi fit-tfassil ta’ dawk il-programmi ta’ ħidma, li għandhom l-għan li jsaħħu kemm l-effiċjenza kif ukoll l-effettività tal-involviment tas-superviżuri mal-banek. Il-Figura 1 telenka ħames vulnerabbiltajiet ewlenin fil-banek u l-enfasi speċjali fuq ir-riskji ġeopolitiċi li dawk it-tliet prijoritajiet ġenerali jfittxu li jindirizzaw.

Figura 1

Prijoritajiet superviżorji għall-2025-27, li jindirizzaw il-vulnerabbiltajiet identifikati fil-banek

Sors: Il-BĊE.
Noti: Din il-figura turi t-tliet prijoritajiet superviżorji għall-perjodu 2025-27 u l-vulnerabbiltajiet korrispondenti li l-banek huma mistennija jindirizzaw matul it-tliet snin li ġejjin. Is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE se twettaq attivitajiet immirati li jivvalutaw, jimmonitorjaw u jsegwu l-vulnerabbiltajiet identifikati. It-taqsima fuq in-naħa tal-lemin tal-figura turi l-kategorija ta’ riskju ġenerali li hija assoċjata ma’ kull vulnerabbiltà.

L-għan ewlieni tal-ippjanar strateġiku tas-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE huwa li tiġi żviluppata strateġija b’saħħitha għat-tliet snin li ġejjin. Il-prijoritajiet superviżorji jippromwovu l-effettività u l-konsistenza fil-ħidma tal-ippjanar tat-Timijiet Superviżorji Konġunti u jappoġġaw l-allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi, f’konformità mal-livelli korrispondenti ta’ tolleranza tar-riskju. Huma jgħinu wkoll lis-superviżuri nazzjonali jistabbilixxu l-prijoritajiet tagħhom stess għas-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet inqas sinifikanti b’mod proporzjonat. Il-komunikazzjoni trasparenti tal-prijoritajiet tiċċara l-aspettattivi superviżorji għall-banek, ittejjeb l-impatt li s-superviżjoni għandha f’termini ta’ żieda ulterjuri fir-reżiljenza tas-settur bankarju, u tgħin biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi.

Is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE se tkompli timmonitorja u tivvaluta kemm (i) l-iżviluppi fir-riskji u l-vulnerabbiltajiet tal-entitajiet taħt superviżjoni kif ukoll (ii) il-progress li l-banek jagħmlu fl-implimentazzjoni tal-prijoritajiet superviżorji. Rieżamijiet regolari ta' dawk il-prijoritajiet strateġiċi se jippermettu lis-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE taġġusta l-fokus u l-attivitajiet tagħha jekk ikun meħtieġ, filwaqt li twieġeb b'mod flessibbli għall-bidliet fix-xenarju tar-riskju.

It-taqsimiet li ġejjin jipprovdu aktar dettalji dwar l-eżitu tal-eżerċizzju ta’ identifikazzjoni u valutazzjoni tar-riskju tal-2024 u jistabbilixxu l-prijoritajiet superviżorji u l-programmi ta’ ħidma sottostanti għall-2025-27. Se jitwettqu wkoll attivitajiet regolari oħra u se ssir ħidma ta’ segwitu fuq prijoritajiet tal-passat mis-superviżuri bħala parti mill-involviment kontinwu tagħhom mal-banek, li jikkomplementaw il-ħidma fuq it-tliet prijoritajiet għall-2025-27.

2 Valutazzjoni tar-riskju u prijoritajiet superviżorji għall-2025-27

2.1 Ambjent makroekonomiku u operazzjonali għal entitajiet taħt superviżjoni

Filwaqt li t-tkabbir reali tal-PDG fiż-żona tal-euro beda jirkupra gradwalment u l-pressjonijiet inflazzjonarji komplew jimmoderaw, il-prospettiva fuq terminu qasir għat-tkabbir għadha mrażżna u soġġetta għal inċertezza politika konsiderevoli fil-livell ġeopolitiku u dak tal-politika.[2] Ir-ritmu moderat tal-irkupru ekonomiku fiż-żona tal-euro matul l-2024 kien appoġġat prinċipalment mis-servizzi, filwaqt li s-settur tal-manifattura baqa’ dgħajjef ħafna.[3] Filwaqt li l-indikaturi reċenti jissuġġerixxu li t-tkabbir se jiddgħajjef fuq medda ta’ żmien qasir fil-kuntest ta’ inċertezza sinifikanti, it-tkabbir tal-PDG reali huwa istenni li jiżdied fuq medda ta’ żmien medju. L-irkupru huwa mistenni li jissaħħaħ minħabba żidiet fl-introjtu disponibbli reali tal-konsumaturi (li se jappoġġaw il-konsum privat), it-tisħiħ tad-domanda barranija u t-tnaqqis fradwali tal-effetti ta’ trażżin tal-issikkar tal-politika monetarja fil-passat. [4] Fl-istess ħin, l-inflazzjoni tal-HICP immoderat u hija mistennija tilħaq il-mira tagħha matul il-perjodu tat-tbassir. L-inflazzjoni ewlenija hija mbassra wkoll li tkompli tonqos, għalkemm għandha tibqa’ kemmxejn ogħla mill- inflazzjoni ewlenija tal-HICP fuq medda ta’ żmien qasir.

Ir-riskji għall-prospettiva tat-tkabbir għadhom ixaqilbu lejn in-negattiv fuq perjodu ta’ żmien medju minħabba l-livell ogħla ta’ inċertezza. Minkejja l-aspettattivi ta’ ritorn għal tkabbir moderat, il-probabbiltà li jseħħu avvenimenti negattivi tidher li hija ogħla milli kienet sena ilu, hekk kif ir-riskji ġeopolitiċi żdiedu.[5] It-tensjonijiet ġeopolitiċi li qed jiżdiedu (li jirriżultaw, pereżempju, mill-gwerra fl-Ukrajna u l-kunflitt fil-Lvant Nofsani) u x-xejriet dejjem jikbru ta’ deglobalizzazzjoni jistgħu jżidu l-prezzijiet tal-enerġija u l-kostijiet tal-merkanzija fuq terminu qasir u jfixklu l-kummerċ globali – li, min-naħa tiegħu, ikun ta’ piż fuq il-prospettiva tat-tkabbir għaż-żona tal-euro u jkebbes mill-ġdid il-pressjonijiet inflazzjonarji.[6] Sadanittant, avvenimenti estremi tat-temp u t-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju jistgħu jżidu l-inflazzjoni – b’mod partikolari l-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-ikel.[7]

Minbarra l-impatt tagħhom fuq il-prospettiva għat-tkabbir u l-inflazzjoni b’mod aktar wiesa’, ir-riskji ġeopolitiċi u l-isfidi strutturali li jirriżultaw mit-tranżizzjoni relatata mal-klima u t-trasformazzjoni diġitali tas-sistema finanzjarja huma mistennija wkoll li jkollhom effett dirett fuq is-settur bankarju. Ix-xokkijiet ġeopolitiċi jistgħu jaggravaw ir-riskji tal-governanza, operazzjonali u tal-mudell tan-negozju, b’mod partikolari permezz ta’ sanzjonijiet finanzjarji jew attakki ċibernetiċi. Barra minn hekk, jista’ jkun hemm konsegwenzi materjali għall-profili tar-riskju, speċjalment f’sitwazzjonijiet fejn il-banek ikollhom skoperturi kbar diretti jew indiretti fuq il-karta bilanċjali għal kontropartijiet affettwati mir-riskji korrispondenti. Fl-istess ħin, ir-rilevanza tar-riskji C&E għas-sistema finanzjarja u l-ekonomija usa’ kibru, u dan għen biex jissawru l-ambjenti operazzjonali tal-banek. Minħabba l-iskoperturi materjali tagħhom għal riskji fiżiċi u ta’ tranżizzjoni relatati mal-klima, il-banek jeħtieġ li jaġġustaw għall-impatt aktar profond tal-kriżijiet tas-C&E, li potenzjalment jistgħu jwasslu għal tranżizzjoni diżordinata u jkomplu jżidu l-ħsara fiżika.[8] Barra minn hekk, it-trasformazzjoni teknoloġika kontinwata tal-ekonomija tirrikjedi li l-banek jieħdu passi proattivi biex iħaffu l-isforzi ta’ diġitalizzazzjoni tagħhom, itejbu l-prattiki ta’ ġestjoni tar-riskju tagħhom u jindirizzaw il-kompetizzjoni dejjem tikber minn entitajiet mhux bankarji.

L-ipprezzar tar-riskju beninn li pprevala matul l-aħħar sena fis-swieq finanzjarji għandu l-potenzjal li jirriżulta f’bidliet f’daqqa fis-sentiment tas-suq u fir-rivalutazzjonijiet tal-prezzijiet tal-assi kkawżati minn sorpriżi negattivi. L-irkupru gradwali fl-attività ekonomika u l-aspettattivi ta’ taffija tal-politika monetarja rriżultaw f’aptit akbar għar-riskju, primjums tar-riskju aktar baxxi u diversi xhur ta’ volatilità relattivament baxxa tas-suq tal-ekwità. Dawn il-kundizzjonijiet, flimkien mal-inċertezza dwar it-triq futura tat-tkabbir u l-inflazzjoni fl-ekonomiji ewlenin tad-dinja, jistgħu jwittu t-triq għal korrezzjonijiet f’daqqa tal-prezzijiet tal-assi u volatilità ogħla fis-swieq finanzjarji globali jekk il-prospetti makroekonomiċi jmorru għall-agħar jew jimmaterjalizzaw xokkijiet ġeopolitiċi.[9] Il-bejgħ f’daqqa u b’ħajja qasira li deher fis-swieq finanzjarji globali fil-bidu ta’ Awwissu – b’sorpriżi ekonomiċi negattivi fl-Istati Uniti u tħassib dwar iż-żieda fir-rati tal-imgħax fil-Ġappun li wasslu għal reazzjoni f’daqqa ta’ riskju – jenfasizza dan il-punt.

2.2 Prijoritajiet superviżorji għall-2025-27

Prijorità 1: Il-banek għandhom isaħħu l-kapaċità tagħhom li jifilħu għat-theddid makrofinanzjarju immedjat u għal xokkijiet ġeopolitiċi severi

L-inċertezza persistenti madwar il-prospettiva makroekonomika u l-intensità dejjem akbar tat-theddid ġeopolitiku jiġġustifikaw skrutinju superviżorju akbar tal-kapaċità tal-banek li jifilħu għal kwalunkwe xokk relatat. Minħabba r-riskji negattivi persistenti għall-prospettiva tat-tkabbir taż-żona tal-euro u l-livelli għoljin ta’ inċertezza, huwa saħansitra aktar importanti li jitqiesu xenarji għajr il-linja bażi u li jiġu kkunsidrati trajettorji differenti għat-tkabbir ekonomiku u għar-rati tal-imgħax. Il-banek għandhom jindirizzaw b’mod effettiv in-nuqqasijiet identifikati fl-oqfsa ta’ ġestjoni tar-riskju ta’ kreditu tagħhom, jidentifikaw kwalunkwe deterjorament fil-kwalità tal-assi fil-ħin u jżommu livelli ta’ provviżjonament adegwati. L-iżviluppi makroekonomiċi jistgħu jaffettwaw ir-riskju tal-iskoperturi tal-banek għal korporazzjonijiet mhux finanzjarji, pereżempju intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs). Barra minn hekk, jistgħu jaffettwaw ir-riskji minn skoperturi għal istituzzjonijiet finanzjarji mhux bankarji, inkluż minn effetti konsegwenzjali ta’ xokkijiet għal dan is-settur. Għalhekk, dawn il-kwistjonijiet se jibqgħu wkoll il-fokus tal-ħidma superviżorja futura.

Minħabba n-natura trasversali tagħhom, ir-riskji ġeopolitiċi jistgħu jirriżultaw fi żviluppi makrofinanzjarji negattivi u jħallu impatt fuq l-ambjent operattiv usa’ għall-banek. Dawn jistgħu joħolqu theddid dirett għar-reżiljenza operazzjonali tal-banek, speċjalment meta jirriżultaw f’żieda fir-riskji tal-IT u taċ-ċibersigurtà, u b’hekk jitolbu sforzi superviżorji ffukati fis-snin li ġejjin biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet relatati. Filwaqt li jiġu rikonoxxuti l-ħafna kanali ta’ trażmissjoni differenti għar-riskji ġeopolitiċi, is-superviżuri se jimplimentaw diversi inizjattivi mmirati biex iqajmu kuxjenza u jsaħħu r-reżiljenza tal-banek għal dawn ix-xokkijiet. L-eżerċizzju tat-test tal-istress tal-2025 mal-UE kollha, li qiegħed jiġi kkoordinat mill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), huwa inizjattiva waħda bħal din.

Vulnerabbiltà prijoritizzata: Nuqqasijiet fl-oqfsa tal-ġestjoni tar-riskju ta’ kreditu

Objettiv strateġiku: Il-banek għandhom jidentifikaw id-deterjoramenti fil-kwalità tal-assi fil-ħin u jsarrfuhom f’dispożizzjonijiet prudenti u f’livelli ta’ kapital. Huma għandhom iżidu l-isforzi tagħhom biex jindirizzaw in-nuqqasijiet rilevanti identifikati mis-superviżuri taħt il-prijoritajiet tas-snin preċedenti b’mod f’waqtu u effettiv.

S’issa, l-unitajiet domestiċi u d-ditti Ewropej urew reżiljenza qawwija għall-kundizzjonijiet makroekonomiċi li qed jinbidlu u l-bidla lejn rati tal-imgħax ogħla. Karti tal-bilanċ b’saħħithom u l-irkupru ekonomiku gradwali fiż-żona tal-euro qed jgħinu biex jiġu appoġġati l-prospetti għall-kumpaniji, filwaqt li s-swieq tal-proprjetà immobbli residenzjali huma mistennija li jibqgħu reżiljenti, appoġġati minn qgħad baxx, żidiet fil-pagi reali u aspettattivi ta’ aktar tnaqqis fir-rati tal-imgħax. Madankollu, is-self improduttiv (NPLs) tal-banek beda jiżdied, għalkemm b’pass pjuttost kajman, bi żviluppi aktar evidenti li qed jiġu osservati għal portafolli li huma aktar vulnerabbli għall-ambjent makrofinanzjarju attwali – b’mod partikolari l-proprjetà immobbli kummerċjali u l-portafolli tal-SMEs. Minkejja din ix-xejra, il-proporzjonijiet ta’ kopertura tal-banek komplew jonqsu, anke għal segmenti aktar riskjużi, xprunati parzjalment mid-disponiment kontinwat tagħhom ta’ NPLs ta’ legat. Iż-żidiet bil-mod fil-proporzjonijiet ta’ kopertura għal NPLs ġodda u self bi prestazzjoni baxxa (Stadju 2)[10] għalhekk iqajmu tħassib li l-provvedimenti tal-banek jistgħu ma jirriflettux b’mod adegwat ir-riskji emerġenti potenzjali jew ir-riskji negattivi li jirriżultaw mill-perspettiva ekonomika dgħajfa u mill-ambjent ġeopolitiku diffiċli.

Tabilħaqq, ix-xogħol superviżorju enfasizza nuqqasijiet persistenti fl-oqfsa tal-IFRS 9 tal-banek, li juri li xi banek għadhom qed jonqsu milli jikkonformaw mal-aspettattivi superviżorji f’dan il-qasam. Matul l-aħħar sentejn, is-superviżuri wettqu żewġ valutazzjonijiet orizzontali li jiffukaw fuq il-kapaċità tal-banek li jaqbdu r-riskji emerġenti permezz tal-mudelli tat-telf ta’ kreditu mistenni tagħhom. Dawn il-valutazzjonijiet juru li l-banek għamlu avvanzi fir-rigward tal-qbid ta’ riskji ġodda, b’mod partikolari għar-riskji C&E. Madankollu, il-progress b’xi riskji emerġenti, bħar-riskji ġeopolitiċi, ma kienx adegwat.[11] Is-superviżuri komplew ukoll iwettqu spezzjonijiet fuq il-post (OSIs) li jħarsu lejn ir-riskju ta’ kreditu, filwaqt li għamlu sejbiet f’xi istituzzjonijiet fir-rigward ta’ kwistjonijiet bħall-parametri tal-mudell tat-telf ta’ kreditu mistenni, id-defiċits ta’ stadji u ta’ provviżjonament. L-SREP tal-2024 enfasizza wkoll nuqqasijiet persistenti f’oqsma bħall-provviżjonament, l-oriġinazzjoni tas-self, il-klassifikazzjoni u r-(ri)valwazzjoni kollaterali.[12]

Fil-futur, is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE se tkompli timmonitorja l-kapaċità tal-banek li jidentifikaw deterjoramenti fil-kwalità tal-assi fil-ħin u li jużaw prattiki ta’ provviżjonament adegwati. F’dan il-kuntest, is-superviżuri se jiffukaw fuq l-użu ta’ sovrappostazzjonijiet u l-kopertura ta’ riskji ġodda, inklużi riskji ġeopolitiċi. Fil-fażi ta’ segwitu, is-superviżuri se jkomplu jinvolvu ruħhom mal-banek biex jiżguraw rimedju effettiv u f’waqtu tas-sejbiet identifikati f’ċikli superviżorji preċedenti, bl-użu tal-miżuri kollha disponibbli biex jintlaħaq dan l-objettiv.[13] B’mod parallel, l-OSIs fil-mira se jkomplu jiffokaw fuq mudelli u politiki ta’ provviżjonament tal-kreditu fil-portafolli tal-SMEs, tal-bejgħ bl-imnut u tal-proprjetà immobbli kummerċjali, fost l-oħrajn. Is-superviżuri se jivvalutaw ukoll l-identifikazzjoni bikrija tal-banek u l-ġestjoni ta’ diffikultajiet potenzjali tal-mutwatarji f’portafolli vulnerabbli, b’mod partikolari permezz ta’ rieżami mmirat tal-portafolli tal-SMEs tal-banek.

Attivitajiet ewlenin bħala parti mill-programm ta’ ħidma għal dawn il-prijoritajiet superviżorji

  • Fażi ta’ segwitu tar-rieżami fil-mira tal-IFRS 9 li tiffoka, fost l-oħrajn, fuq l-użu ta’ sovrappostazzjonijiet u l-kopertura ta’ riskji ġodda (inklużi riskji ġeopolitiċi). Is-superviżuri se jimmonitorjaw il-progress tal-banek b’sejbiet identifikati qabel, isegwu r-rimedju tagħhom u jużaw miżuri ta’ eskalazzjoni fejn meħtieġ.
  • Kontinwazzjoni ta’ OSIs tar-riskju ta’ kreditu, b’enfasi fuq staging kollettiv tal-IFRS 9 u l-provviżjonament għal korporattivi/SMEs, portafolli ta’ proprjetà immobbli fil-livell tal-konsumatur u kummerċjali, inklużi valwazzjonijiet kollaterali.
  • Rieżami mmirat tal-portafolli tal-SMEs, b’enfasi fuq l-identifikazzjoni bikrija u t-trattament ta’ diffikultà potenzjali tal-mutwatarji, il-mudelli tal-SMEs u l-governanza tal-esponiment għall-SMEs.

Vulnerabbiltà prijoritizzata: Nuqqasijiet fl-oqfsa ta’ reżiljenza operazzjonali fir-rigward tal-esternalizzazzjoni tal-IT u r-riskji għas-sigurtà tal-IT/ċibernetiċi

Objettiv strateġiku: Il-banek għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti legali li jirriżultaw mill-Att dwar ir-Reżiljenza Operazzjonali Diġitali (DORA) fir-rigward tal-ġestjoni tar-riskji tal-ICT, ir-rapportar tal-inċidenti, l-ittestjar tar-reżiljenza operazzjonali diġitali u l-fornituri terzi ta’ servizzi. Jenħtieġ li jżidu l-isforzi tagħhom biex jindirizzaw in-nuqqasijiet identifikati qabel fil-ħin u b’mod effettiv, b’mod partikolari fir-rigward tal-ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà u tal-esternalizzazzjoni.

Iż-żieda fit-theddid ċibernetiku u d-dipendenza fuq fornituri terzi komuni ta’ servizzi jkomplu joħolqu sfidi kbar għall-banek. L-għadd ta’ inċidenti ċibernetiċi sinifikanti rrapportati minn entitajiet taħt superviżjoni żdied fl-2023 u baqa’ f’livelli simili fl-ewwel tliet trimestri tal-2024. Id-diġitalizzazzjoni kontinwata tas-servizzi u tal-operazzjonijiet tal-banek u l-eskalazzjoni tat-tensjonijiet ġeopolitiċi (li żiedet ir-riskju ta’ attakki minn gruppi affiljati mal-istat)[14] it-tnejn kienu fatturi ewlenin fiż-żieda qawwija fl-inċidenti ċibernetiċi matul dawn l-aħħar għoxrin sena.[15] Barra minn hekk, il-banek qed jirrapportaw dipendenza akbar fuq fornituri terzi għal funzjonijiet kritiċi, bi kważi l-istituzzjonijiet kollha jużaw servizzi tal-cloud għal attivitajiet kritiċi esternalizzati.[16] Livelli għoljin ta’ konċentrazzjoni fl-użu ta’ fornituri terzi tal-IT jistgħu jkomplu jaggravaw il-kontaġju u jżidu l-impatt sistemiku potenzjali tal-inċidenti ċibernetiċi.[17]

Il-punteġġi SREP mhux sodisfaċenti għar-riskju operazzjonali u l-eżiti tal-ħidma superviżorja fl-oqsma tar-reżiljenza ċibernetika u l-ġestjoni tal-esternalizzazzjoni jikkonfermaw in-nuqqasijiet fl-oqfsa operazzjonali tal-banek u l-ħtieġa li jsir progress fir-rimedju tagħhom. Fl-SREP tal-2024, ir-riskju operazzjonali kompla jkun il-qasam bl-agħar punteġġ medju, bl-elementi relatati mal-ICT ikunu l-ixprun ewlieni.[18] Fil-qasam tal-esternalizzazzjoni, is-superviżuri sabu li aktar minn 10 % tal-kuntratti li jkopru funzjonijiet kritiċi mhumiex konformi mar-regolamenti rilevanti.[19] F’dan il-kuntest, jenħtieġ li l-banek jivvalutaw ir-riskji ta’ konċentrazzjoni fir-rigward ta’ fornituri, postijiet ġeografiċi (fid-dawl tar-riskji ġeopolitiċi akbar) u funzjonalitajiet speċifiċi u jimmaniġġjaw dawk ir-riskji kif xieraq, kif ukoll jivvalutaw u jimmaniġġjaw ir-riskju ta’ effetti kaskata potenzjali f’diversi setturi minħabba n-natura interkonnessa tan-networks bankarji.

It-test tal-istress tar-reżiljenza ċibernetika tal-2024 wera li l-banek ġeneralment għandhom fis-seħħ oqfsa ta’ rispons u rkupru ta’ livell għoli. Madankollu, dak l-eżerċizzju tat-test tal-istress żvela wkoll oqsma ewlenin fejn kien meħtieġ titjib, inklużi l-oqfsa tal-kontinwità tal-operat, l-ippjanar tar-rispons għall-inċidenti, is-sigurtà ta’ riżerva u l-ġestjoni ta’ fornituri terzi.[20] Għalhekk, is-superviżuri se jsegwu n-nuqqasijiet relatati mal-kapaċità tal-banek li jirkupraw minn attakk ċibernetiku ta’ suċċess.[21] F’dan l-isfond, is-superviżuri se jkomplu bl-isforzi li saru f’dawn l-aħħar snin, filwaqt li jwettqu rieżamijiet u inizjattivi mmirati biex jivvalutaw ir-reżiljenza operazzjonali tal-banek u l-konformità tagħhom mal-aspettattivi superviżorji u r-rekwiżiti regolatorji korrispondenti (b’mod partikolari r-rekwiżiti skont id-DORA, li se japplikaw minn Jannar 2025).

Attivitajiet ewlenin bħala parti mill-programm ta’ ħidma għal dawn il-prijoritajiet superviżorji

  • Ġbir ta’ data dwar fornituri terzi tal-ICT biex jiġu identifikati rabtiet bejn entitajiet taħt superviżjoni u fornituri terzi, riskji potenzjali ta’ konċentrazzjoni, u dgħufijiet fl-arranġamenti ta’ esternalizzazzjoni tal-banek
  • Rieżamijiet immirati tal-oqfsa tal-ġestjoni tar-riskju għall-esternalizzazzjoni tar-riskji u tal-oqfsa tar-reżiljenza ċibernetika u l-kontrolli tar-riskji
  • Ħidma ta’ segwitu dwar is-sejbiet mit-test tal-istress tar-reżiljenza ċibernetika
  • OSIs immirati dwar ir-riskju operazzjonali u l-oqfsa tar-reżiljenza tal-IT
  • Implimentazzjoni tad-DORA fil-qafas superviżorju

Fokus speċjali: L-inkorporazzjoni tal-ġestjoni tar-riskji ġeopolitiċi fil-prijoritajiet superviżorji

L-eskalazzjoni reċenti tat-tensjonijiet ġeopolitiċi tirrikjedi li l-banek jadottaw ġestjoni tar-riskju u kontrolli tar-riskji robusti u titlob skrutinju superviżorju akbar fuq terminu qasir u medju.

B’riflessjoni tan-natura trasversali tar-riskji ġeopolitiċi, ir-reżiljenza, l-istrateġiji u l-ġestjoni tar-riskju tal-banek se jiġu vvalutati permezz ta’ firxa ta’ attivitajiet. L-ewwel nett, ir-riskju ġeopolitiku huwa kopert mill-attivitajiet ta’ prijorità msemmija hawn fuq relatati mal-ġestjoni mill-banek tar-riskju ta’ kreditu u tar-riskju operazzjonali. Is-superviżuri se jivvalutaw ukoll il-proċessi tal-ġestjoni tar-riskju u l-oqfsa tal-aptit għar-riskju li l-banek jużaw biex jimmonitorjaw u jimmitigaw ir-riskji ġeopolitiċi. Dan se jsir permezz ta’ eżerċizzji mmirati ta’ valutazzjoni komparattiva dwar l-aptit għar-riskju u l-kultura tar-riskju, b’enfasi fuq ir-riflessjoni tal-implikazzjonijiet li r-riskji ġeopolitiċi għandhom għall-oqfsa tal-identifikazzjoni tar-riskju u tal-aptit għar-riskju tal-banek. Barra minn hekk, ir-riskji ġeopolitiċi se jkunu komponent ewlieni tat-test tal-istress tal-2025 fl-UE kollha, li se jinkludi analiżi esploratorja tax-xenarji li tivvaluta l-kapaċità tal-banek li jimmudellaw ir-riskju ta’ kreditu tal-kontroparti waqt li jkunu taħt stress.

Sabiex isaħħu l-fehim tagħhom ta’ kif il-banek jindirizzaw ir-riskji ġeopolitiċi u jiċċaraw ulterjorment l-aspettattivi superviżorji f’dan il-qasam, is-superviżuri se jirrieżaminaw il-prattiki attwali, filwaqt li jiffokaw fost l-oħrajn fuq l-oqfsa tal-ġestjoni tar-riskju, l-ippjanar tal-kapital u tal-likwidità, u l-ittestjar intern tal-istress.

Prijorità 2: Il-banek għandhom jirrimedjaw nuqqasijiet materjali persistenti b’mod effettiv u f’waqtu

Il-bidla progressiva fil-fokus mill-identifikazzjoni tar-riskju għar-rimedju tar-riskju hija karatteristika essenzjali tal-istrateġija superviżorja għall-MSU kollu. Għaldaqstant, il-banek b’nuqqasijiet materjali mhux solvuti se jintalbu jżidu l-isforzi tagħhom biex jikkonformaw bis-sħiħ mal-aspettattivi superviżorji u jimplimentaw pjanijiet ta’ azzjoni ta’ rimedju sodi fil-ħin. Il-ħidma superviżorja estensiva mwettqa fis-snin preċedenti rriżultat fl-identifikazzjoni ta’ nuqqasijiet kbar f’termini ta’ (i) l-istrateġiji tan-negozju tal-banek u l-ġestjoni tar-riskji C&E u (ii) il-kapaċitajiet RDARR tagħhom. Fl-isfond tar-riskji emerġenti (inklużi r-riskji ġeopolitiċi), huwa tal-akbar importanza li l-banek ikollhom fis-seħħ oqfsa RDARR adegwati u effettivi biex jiżguraw teħid ta’ deċiżjonijiet f’waqtu u tmexxija strateġika effettiva. Filwaqt li s-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE tirrikonoxxi li diġà sar progress kbir f’dan ir-rigward, il-proċess ta’ rimedju għadu ma tlestiex u se jirrikjedi ħidma ta’ segwitu fiċ-ċikli superviżorji li ġejjin.

Vulnerabbiltà prijoritizzata: Nuqqasijiet fl-istrateġiji tan-negozju u fil-ġestjoni tar-riskju fir-rigward tar-riskji relatati mal-klima u dawk ambjentali

Objettiv strateġiku: Il-banek għandhom jikkonformaw bis-sħiħ mal-aspettattivi superviżorji relatati mal-ġestjoni tar-riskji C&E, kif ukoll mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-pakkett bankarju l-ġdid CRR3/CRD6 (inklużi dawk relatati mal-pjanijiet ta’ tranżizzjoni prudenzjali), u għandhom jindirizzaw in-nuqqasijiet identifikati fil-ħin.

Il-kapaċità tal-banek li jimmaniġġaw b’mod adegwat ir-riskji ta’ C&E tibqa’ għolja fuq l-aġenda superviżorja minħabba ż-żieda fir-riskji fiżiċi u ta’ tranżizzjoni u l-fatt li l-banek għadhom ma jikkonformawx bis-sħiħ mal-aspettattivi superviżorji assoċjati, u r-rekwiżiti l-ġodda li jirriżultaw mid-dħul fis-seħħ tal-pakkett bankarju l-ġdid fl-2025. Ir-riskji fiżiċi li qed jiżdiedu jirriflettu ż-żieda kontinwata fit-temperaturi globali (bl-2024 mistennija tkun l-aktar sena sħuna rreġistrata) u l-fatt li l-għadd ta’ diżastri relatati mal-klima (bħal nirien fil-foresti u għargħar) żdied f’dawn l-aħħar snin. Fl-istess ħin, il-progress bil-mod lejn l-ilħuq ta’ objettivi ta’ żero netti qed iqajjem tħassib dwar ir-riskji ta’ tranżizzjoni. Perċentwal kbir ta’ kumpaniji elenkati globali mhumiex allinjati mal-perkors biex it-tisħin globali jitnaqqas għal 2°C jew inqas.[22] Meta wieħed iħares lejn is-settur bankarju, valutazzjoni reċenti turi li 90 % tal-banek mistħarrġa għadhom mhumiex allinjati mal-objettivi klimatiċi tal-UE, u dan jesponihom mhux biss għal livelli ogħla ta’ riskju ta’ kreditu iżda wkoll, fost affarijiet oħra, għal riskji legali fin-nuqqas ta’ użu ulterjuri ta’ prattiki tajbin biex jiġu indirizzati dawn ir-riskji.[23] Fl-istess ħin, 70 % tal-banek Ewropej huma esposti għal riskji għar-reputazzjoni minħabba r-riskju ta’ litigazzjoni relatata mal-ambjent.[24]

Il-valutazzjonijiet superviżorji juru li l-banek għadhom fil-proċess li jikkonformaw mal-aspettattivi superviżorji rigward il-ġestjoni tar-riskji C&E.[25] Il-biċċa l-kbira – iżda mhux kollha – tal-banek taħt is-superviżjoni tal-BĊE għamlu sforzi sinifikanti biex javvanzaw il-valutazzjonijiet tal-materjalità tagħhom sad-data ta’ skadenza ta’ Marzu 2023. Għal dawk li ma għamlux dan, il-BĊE kompla jżid is-sellum ta' eskalazzjoni u ħareġ deċiżjonijiet superviżorji vinkolanti, bil-potenzjal li jimponi pagamenti perjodiċi ta' penali jekk il-banek jonqsu milli jikkonformaw sad-dati ta' skadenza speċifikati.[26] Valutazzjoni f’Diċembru 2023 – l-iskadenza stabbilita għall-inkorporazzjoni tar-riskji C&E fil-governanza, l-istrateġiji u l-ġestjoni tar-riskju tal-banek – uriet li l-oqfsa fundamentali għar-riskji C&E kienu ġeneralment fis-seħħ, iżda kienu neqsin f’għadd ta’ banek (fejn is-superviżuri issa qed jieħdu azzjoni ta’ segwitu). Fl-istess ħin, id-dgħufijiet li jfixklu l-ġestjoni adegwata tar-riskji C&E għadhom prevalenti. Dawn ġew ikkomunikati f’aktar ittri ta’ feedback lill-banek, u l-BĊE jkompli jimmonitorja mill-qrib il-progress tal-istituzzjonijiet rilevanti. Is-superviżuri se jimmonitorjaw mill-qrib l-aderenza tal-banek mal-iskadenza finali ta’ tmiem l-2024 għal konformità sħiħa mal-aspettattivi superviżorji, inkluż fir-rigward tal-integrazzjoni fil-proċess ta’ valutazzjoni interna tal-adegwatezza tal-kapital u l-ittestjar tal-istress.

Il-valutazzjonijiet superviżorji u l-OSIs se jkomplu jitfgħu dawl fuq l-adegwatezza tal-istrateġiji tal-banek u fuq il-ġestjoni tar-riskji tas-C&E, u l-konformità tagħhom mal-bidliet regolatorji li ġejjin. Il-valutazzjoni tad-divulgazzjonijiet tal-Pilastru 3 tal-entitajiet taħt superviżjoni enfasizzat lok sostanzjali għal titjib.[27] Hekk kif il-prattiki ta’ divulgazzjoni tal-banek jimmaturaw, is-superviżuri se jkomplu jirrieżaminaw u jivvalutaw l-adegwatezza ta’ dawk il-prattiki fuq bażi regolari. Il-pakkett bankarju li jmiss tas-CRR3/CRD6 se jimponi obbligi ta’ divulgazzjoni aktar stretti u se jirrikjedi li l-banek jiżviluppaw pjanijiet ta’ tranżizzjoni prudenzjali li għandhom jiġu rieżaminati mis-superviżuri f’konformità mal-linji gwida li ġejjin tal-EBA. Barra minn hekk, ir-riskji C&E se jkomplu jiġu vvalutati permezz tal-OSIs. Dawn se jitwettqu kemm fuq bażi awtonoma kif ukoll bħala parti minn ċerti spezzjonijiet speċifiċi għar-riskju, u s-superviżuri se jwettqu analiżi profonda tal-kapaċità tal-banek li jindirizzaw ir-riskji reputazzjonali u ta’ litigazzjoni.

Attivitajiet ewlenin bħala parti mill-programm ta’ ħidma għal dawn il-prijoritajiet superviżorji

  • Monitoraġġ tal-allinjament sħiħ mal-aspettattivi superviżorji u l-implimentazzjoni tal-iskala ta’ eskalazzjoni
  • Valutazzjoni orizzontali tal-konformità tal-banek mar-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni tal-Pilastru 3 relatati mar-riskji ambjentali, soċjali u relatati mal-governanza (ESG)
  • Impenji profondi dwar il-kapaċità tal-banek li jindirizzaw ir-riskji ta’ reputazzjoni u ta’ litigazzjoni assoċjati ma’ impenji relatati mas-C&E
  • Rieżami tal-ippjanar tat-tranżizzjoni tal-banek f’konformità mal-mandati mistennija mis-CRD6
  • OSIs immirati fuq aspetti ta’ C&E, jew fuq bażi awtonoma jew bħala parti mir-rieżamijiet ippjanati tar-riskji individwali (eż. riskji tal-kreditu, operazzjonali u tal-mudell tan-negozju)

Vulnerabbiltà prijoritizzata: Nuqqasijiet fl-aggregazzjoni u fir-rapportar tad-data dwar ir-riskju

Objettiv strateġiku: Il-banek għandhom iżidu l-isforzi tagħhom biex jirrimedjaw in-nuqqasijiet li ilhom jeżistu fl-oqfsa RDARR tagħhom u jallinjaw il-prattiki tagħhom mal-aspettattivi superviżorji. Jekk il-banek jonqsu milli jissodisfaw l-aspettattivi superviżorji, dan jista’ jwassal għal miżuri ta’ eskalazzjoni.

Il-progress fl-indirizzar tan-nuqqasijiet li ilhom jeżistu fl-oqfsa tal-RDARR għadu mhuwiex suffiċjenti. Għadd sinifikanti ta’ entitajiet taħt superviżjoni għadhom mhumiex kompletament konformi mal-aspettattivi superviżorji u mal-prinċipji għall-aggregazzjoni effettiva tad-data dwar ir-riskju u r-rapportar tar-riskju tal-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja. L-SREP tal-2024, ir-rieżami mmirat tal-kapaċitajiet tal-RDARR u l-kampanja fuq il-post enfasizzaw dgħufijiet relatati ma’ (i) l-involviment u l-għarfien espert tal-korpi maniġerjali, (ii) il-komprensività tal-oqfsa tal-RDARR, (iii) l-adegwatezza tal-arkitettura tad-data u tal-infrastruttura tal-IT, (iv) sistemi tal-IT kumplessi u frammentati, u (v) il-ġestjoni tal-kwalità tad-data.

F’konformità mal-prijoritajiet superviżorji tas-sena l-oħra, is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE se tintensifika l-isforzi tagħha biex tiżgura li l-entitajiet taħt superviżjoni jaderixxu mal-aspettattivi superviżorji stabbiliti fil-“Guide on effective risk data aggregation and risk reporting”. tagħha. Is-superviżuri se jkomplu jżidu l-pressjoni fuq il-banek li jonqsu milli jirrimedjaw in-nuqqasijiet sal-iskadenzi stabbiliti, billi jagħmlu użu sħiħ mis-sett ta’ għodod ta’ eskalazzjoni superviżorja (inklużi sanzjonijiet) kif xieraq.[28] Din l-istrateġija ta’ rimedju se tkopri ċ-ċirkostanzi individwali tal-banek u se tkun imfassla għall-materjalità tan-nuqqasijiet mhux solvuti tagħhom, il-pożizzjoni tagħhom fiċ-ċiklu ta’ rimedju u r-rekord tagħhom fl-indirizzar tat-tħassib superviżorju. Is-superviżuri se jkomplu wkoll ir-rieżami mmirat tagħhom tal-kapaċitajiet tal-RDARR u se jwettqu OSIs immirati, filwaqt li jinvolvu ruħhom mill-qrib mal-banek meta jiġu identifikati nuqqasijiet.

Attivitajiet ewlenin bħala parti mill-programm ta’ ħidma għal dawn il-prijoritajiet superviżorji

  • Ħidma ta’ segwitu dwar ir-rieżami mmirat tal-prattiki tal-RDARR u l-aderenza mal-aspettattivi superviżorji stabbiliti fil- “Guide on effective risk data aggregation and risk reporting”, u r-rimedju ta’ sejbiet identifikati qabel, filwaqt li jsir użu sħiħ mill-għodod ta’ eskalazzjoni disponibbli fejn meħtieġ
  • OSIs immirati li jħarsu lejn kwistjonijiet ġenerali ta’ governanza u infrastruttura tal-IT, kapaċitajiet ta’ aggregazzjoni tad-data ta’ riskju u prattiki ta’ rapportar tar-riskju
  • Rapport ta’ Ġestjoni dwar il-Governanza tad-Data u l-Kwalità tad-Data – kwestjonarju annwali li għandu l-għan li jiżgura li l-korpi maniġerjali tal-banek ikunu responsabbli b’mod adegwat għar-rapportar intern, finanzjarju u superviżorju

Prijorità 3: Il-banek għandhom isaħħu l-istrateġiji ta’ diġitalizzazzjoni tagħhom u jindirizzaw l-isfidi emerġenti li jirriżultaw mill-użu ta’ teknoloġiji ġodda

Il-banek jiffaċċjaw ħafna xejriet strutturali u fit-tul, u d-diġitalizzazzjoni hija waħda minnhom. L-avvanzi teknoloġiċi qed isawru mill-ġdid b’mod rapidu ħafna industriji, inkluż is-settur bankarju, u joħolqu ħafna opportunitajiet ġodda ta’ negozju, iżda wkoll sfidi u riskji ġodda għall-operaturi stabbiliti. It-trasformazzjoni diġitali saret prijorità għal ħafna banek fi sforz biex jibqgħu kompetittivi, u huwa essenzjali li dawk il-banek ikollhom salvagwardji adegwati fis-seħħ biex jillimitaw ir-riskji potenzjali li jirriżultaw minn dawk il-prattiki u teknoloġiji ġodda tan-negozju. F’dan il-kuntest, ix-xenarju ta’ theddid ċibernetiku diffiċli għandu wkoll rwol ewlieni, peress li l-progress fil-qasam tad-diġitalizzazzjoni jista’ jimmina r-reżiljenza operazzjonali tal-banek. Fuq medda twila ta’ żmien, id-diġitalizzazzjoni hija mistennija li ssaħħaħ il-kompetittività tal-banek, ittejjeb il-mudelli tan-negozju tagħhom u tagħmilhom aktar reżiljenti għall-kompetizzjoni minn barra s-settur bankarju.

L-avvanzi rapidi osservati fil-qasam tat-teknoloġija – bħall-ħolqien ta’ intelliġenza artifiċjali (IA) ġenerattiva – u ż-żidiet qawwija li dehru fl-użu ta’ tali teknoloġija fil-banek (bl-IA tintuża, pereżempju, kemm f’ambjenti prudenzjali kif ukoll f’dawk mhux prudenzjali) jeħtieġu approċċ strutturat. Is-superviżuri bankarji jeħtieġ li jiżviluppaw strateġiji mmirati sabiex jifhmu aħjar ir-reazzjonijiet tal-banek għax-xejriet strutturali li jsawru l-futur tas-settur tagħhom, bħall-pjattaformi diġitali, is-sħubijiet strateġiċi u l-użu tal-IA. Għalhekk, il-BĊE jippromwovi ġestjoni adegwata tar-riskji assoċjati mad-diġitalizzazzjoni u l-adozzjoni tal-aħjar prattiki tal-industrija.

Vulnerabbiltà prijoritizzata: Nuqqasijiet fl-istrateġiji ta’ trasformazzjoni diġitali

Objettiv strateġiku: Il-banek għandhom isaħħu l-istrateġiji ta’ diġitalizzazzjoni tagħhom u l-pjanijiet ta’ eżekuzzjoni relatati sabiex jimmitigaw kif xieraq ir-riskji sottostanti, inklużi r-riskji li jirriżultaw mill-użu ta’ teknoloġiji ġodda/avvanzati bħas-servizzi tal-cloud u l-IA.

L-entitajiet taħt superviżjoni bbenefikaw minn livelli għoljin rekord ta’ profittabbiltà, xprunati primarjament mill-bidla minn ambjent ta’ rata tal-imgħax baxxa għal rati tal-imgħax pożittivi, li tat spinta lill-marġnijiet tal-imgħax netti. Il-banek ingranaw introjti ogħla filwaqt li rnexxielhom jillimitaw iż-żidiet fil-kostijiet, u b’hekk tejbu l-kosteffiċjenza (kif rifless fit-tnaqqis reċenti fil-proporzjon tal-kost mal-introjtu). Madankollu, dan it-titjib huwa fil-biċċa l-kbira marbut ma’ fatturi eżoġeni relatati mal-ambjent makrofinanzjarju li fih joperaw il-banek, filwaqt li għad hemm sfidi strutturali relatati mal-mudelli tan-negozju tal-banek. F’dan l-isfond, l-entitajiet taħt superviżjoni jistgħu jiġu mħeġġin jisfruttaw dawn il-profitti mhux mistennija biex ikomplu javvanzaw id-diġitalizzazzjoni tagħhom u jżidu l-qafas ta’ reżiljenza operazzjonali tagħhom.

F'dawn l-aħħar snin, is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE tat prijorità lill-valutazzjoni tar-riskji relatati mad-diġitalizzazzjoni tas-settur bankarju. L-attivitajiet superviżorji bħall-intelligence tas-suq, ir-rieżamijiet immirati u l-OSIs ippermettewlha tieħu rendikont tal-prattiki tajbin tal-banek u tidentifika aspetti importanti għal tmexxija sostenibbli, regolata tajjeb u konxja mir-riskji tad-diġitalizzazzjoni tal-banek. F’Lulju 2024, is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE ppubblikat rapport dwar il-kriterji ewlenin ta’ valutazzjoni u l-prattiki tajbin fil-qasam tad-diġitalizzazzjoni,[29] u dan jagħti lis-superviżuri l-pedamenti li jeħtieġu biex jistabbilixxu qafas ta’ valutazzjoni olistiku għad-diġitalizzazzjoni. Għall-ġejjieni, is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE se tkompli bl-isforzi tagħha f'dan il-qasam, billi twettaq OSIs immirati u rieżamijiet li jiffukaw fuq teknoloġiji ewlenin, każijiet ta' użu u linji ta' negozju bil-għan li tkompli tapprofondixxi l-fehim tagħha u tkompli tirfina l-approċċ superviżorju tagħha. Is-superviżuri se jinvolvu ruħhom mal-banek sabiex isegwu s-sejbiet tagħhom, wara approċċ ta’ eskalazzjoni stabbilit b’mod ċar.

Attivitajiet ewlenin bħala parti mill-programm ta’ ħidma għal dawn il-prijoritajiet superviżorji

  • Attivitajiet immirati li jiffukaw fuq l-impatt li l-attivitajiet diġitali tal-banek għandhom fuq il-mudelli/strateġiji tan-negozju tagħhom u r-riskji li jirriżultaw mill-użu ta’ teknoloġiji innovattivi
  • OSIs immirati dwar it-trasformazzjoni diġitali, li jħarsu kemm lejn l-aspetti relatati mal-IT kif ukoll dawk relatati mal-mudell tan-negozju tal-istrateġiji tal-banek

2.3 Attivitajiet superviżorji ulterjuri u ħidma ta’ segwitu fuq prijoritajiet tal-passat

Minbarra l-prijoritajiet superviżorji li ġew deskritti għall-2025-27, is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE se tkompli twettaq attivitajiet regolari u ad hoc oħrajn.

Attivitajiet ta’ rimedju ta’ segwitu mwettqa bħala parti minn ħidma superviżorja regolari

B’rieżamijiet superviżorji estensivi li twettqu fis-snin preċedenti, xi prijoritajiet tal-passat issa laħqu stadju matur fejn l-enfasi superviżorja tinbidel mill-identifikazzjoni ta’ vulnerabbiltajiet ewlenin għar-rimedju attwali tas-sejbiet korrispondenti. Din it-taqsima tħares lejn il-progress li nkiseb matul dawn l-aħħar ftit snin u tenfasizza oqsma fejn għadha meħtieġa attenzjoni, li se tiġi segwita permezz ta’ attivitajiet superviżorji regolari.

Matul l-aħħar tliet snin, is-superviżuri ffukaw fuq l-oqfsa ta’ ġestjoni tar-riskju ta’ kreditu tal-banek. Saret enfasi partikolari fuq ir-reżiljenza tal-portafolli li huma aktar sensittivi għas-sitwazzjoni makrofinanzjarja u/jew esposti għar-riskju ta’ rifinanzjament, bħall-portafolli tal-proprjetà immobbli residenzjali u kummerċjali. B’riżultat ta’ dan, il-banek tejbu l-kapaċità tagħhom li jittrattaw żieda potenzjali fl-għadd ta’ debituri f’diffikultà fil-portafolli tal-proprjetà immobbli. Madankollu, xi banek għad għandhom aktar xogħol xi jwettqu sabiex, pereżempju, jikkonformaw bis-sħiħ mal-linji gwida tal-EBA dwar l-oriġinazzjoni u l-monitoraġġ tas-self, iqisu b’mod adegwat ir-riskji ta’ rifinanzjament tal-mutwatarji u jaġġornaw il-valutazzjonijiet tal-kollateral fil-ħin. Barra minn hekk, is-superviżuri komplew iwettqu rieżamijiet tal-mudelli interni, li rriżultaw fi stokk kbir ta’ sejbiet u miżuri relatati ma’ mudelli interni bbażati fuq il-klassifikazzjonijiet.

Ir-rieżami mmirat tal-ġestjoni tar-riskju ta’ kreditu tal-kontroparti li twettaq fl-2022 u d-diversi OSIs li twettqu f’dawn l-aħħar ftit snin identifikaw vulnerabbiltajiet materjali fil-prattiki tal-ġestjoni tar-riskju tal-banek (ittestjar tal-istress, proċess u dokumentazzjoni tal-ġestjoni tal-inadempjenza, eċċ.). Wara dak ir-rieżami mmirat, il-banek inkwistjoni ppreżentaw pjanijiet ta’ azzjoni mmirati bi skadenza ta’ tmiem l-2025 għar-rimedju finali. Barra minn hekk, f’Ottubru 2023, il-BĊE ppubblika gwida dwar prattiki sodi fil-governanza u fil-ġestjoni tar-riskju ta’ kreditu tal-kontroparti.[30]

Fl-2024, twettqet ukoll ħidma superviżorja sostanzjali biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fl-oqfsa tal-ġestjoni tal-assi u tal-obbligazzjonijiet (ALM). Twettqu rieżamijiet immirati li jħarsu lejn l-ippjanar ta’ kontinġenza tal-likwidità u l-kapaċitajiet tal-ottimizzazzjoni tal-kollateral, il-fattibbiltà tal-pjanijiet ta’ finanzjament, il-governanza u l-istrateġiji tal-ALM, u r-riskji tar-rata tal-imgħax u tal-firxa tal-kreditu. Dawn wasslu għall-identifikazzjoni ta’ nuqqasijiet fost l-oħrajn (i) fil-valutazzjoni tal-kollateral u l-monetizzazzjoni (eliġibbiltà mhux magħrufa tal-kollateral mill-bank ċentrali, żmien ottimist iżżejjed għal-likwidità, eċċ.); (ii) is-suppożizzjonijiet użati fl-immudellar tal-projezzjonijiet għad-depożiti (tkabbir tad-depożiti futur ottimist iżżejjed, dipendenza fuq suppożizzjonijiet ta’ mmudellar simplistiku, eċċ.); (iii) il-proċessi tal-ittestjar retrospettiv, tal-validazzjoni u tar-rikalibrar tal-mudelli ALM; u (iv) oqfsa ġenerali ta’ governanza tal-ALM (governanza tad-data, adattabbiltà tas-sistemi ta’ informazzjoni, kalibrazzjoni tal-limiti fid-dikjarazzjonijiet tal-aptit għar-riskju, eċċ.).

L-indirizzar tan-nuqqasijiet fil-funzjonament tal-korpi maniġerjali tal-banek ilu prijorità superviżorja mill-2020. L-attivitajiet superviżorji (li inkludew rieżamijiet immirati tal-effettività u d-diversità tal-korpi maniġerjali, l-OSIs u l-eżerċizzji annwali tal-ġbir tad-data) kixfu dgħufijiet ewlenin u mmappjaw il-progress li sar fl-indirizzar tagħhom. Minkejja xi progress fil-qasam tad-diversità, xi banek għadhom juru dgħufijiet fir-rigward tal-adegwatezza kollettiva (inkluż fir-rigward tal-għarfien espert tal-IT u l-indipendenza tal-bord), l-ippjanar tas-suċċessjoni, u l-funzjonament u l-kompożizzjoni tal-kumitati. L-għarfien minn din l-analiżi informa l-aġġornament tal-“Guide on governance and risk culture”, tal-BĊE, li għandha tiġi ppubblikata fil-bidu tal-2025 u tiddeskrivi l-aspettattivi superviżorji għall-banek.

Fil-futur, is-superviżuri se jiffukaw fuq il-konsolidazzjoni u r-rimedju tas-sejbiet eżistenti fl-oqsma ta’ hawn fuq, bil-għan li tiġi żgurata konformità sħiħa mal-aspettattivi superviżorji u regolatorji. Is-superviżuri se jsegwu l-eżiti tal-attivitajiet superviżorji u se jinvolvu ruħhom mal-banek rilevanti fuq bażi individwali sabiex jindirizzaw kwistjonijiet pendenti (speċjalment kwistjonijiet li ilhom jeżistu). Jekk l-isforzi ta’ rimedju ma jkunux f’waqthom jew suffiċjenti, is-superviżuri jistgħu jużaw strateġiji ta’ eskalazzjoni, billi jagħmlu użu sħiħ mis-sett ta’ għodod superviżorji disponibbli għalihom jekk ikun meħtieġ.

Il-Bank Ċentrali Ewropew, 2024

Indirizz postali: 60640 Frankfurt am Main, Il-Ġermanja
Telefon +49 69 1344 0
Sit elettroniku www.bankingsupervision.europa.eu

Id-drittijiet kollha huma riżervati. Ir-riproduzzjoni għal skopijiet edukattivi u mhux kummerċjali hija permessa diment li s-sors jiġi rikonoxxut.

Għal terminoloġija speċifika jekk jogħġbok irreferi għall-glossarju tal-MSU (disponibbli bl-Ingliż biss).

HTML ISBN 978-92-899-6907-9, ISSN 2599-8420, doi:10.2866/1264891 QB-01-24-029-EN-Q


  1. Ara Aggregated results of the 2024 SREP, BĊE, Diċembru 2024.

  2. Ara “Eurosystem staff macroeconomic projections for the euro area”, BĊE, Diċembru 2024.

  3. Ara “Eurosystem staff macroeconomic projections for the euro area”, BĊE, Diċembru 2024.

  4. Ara “Eurosystem staff macroeconomic projections for the euro area”, BĊE, Diċembru 2024.

  5. Ara Financial Stability Review, BĊE, Novembru 2024.

  6. Ara d-dikjarazzjoni tal-politika monetarja tal-BĊE tat-12 ta’ Settembru 2024.

  7. Ara l-Economic Bulletin, Ħarġa 7, BĊE, 2024.

  8. Ara “Sustainable finance: from ‘eureka!’ to action”, diskors minn Frank Elderson fis-Sustainable Finance Lab Symposium on Finance in Transition, 4 ta’ Ottubru 2024.

  9. Ara Financial Stability Review, BĊE, Novembru 2024.

  10. Ara “Same same but different: credit risk provisioning under IFRS 9”, Serje ta’ Dokumenti ta’ Ħidma, Nru 2841, BĊE, 2023.

  11. Ara “IFRS 9 overlays and model improvements for novel risks”, BĊE, Lulju 2024.

  12. Ara “Aggregated results of the 2024 SREP”, BĊE, Diċembru 2024.

  13. Ara wkoll it-Taqsima 2.3 għal informazzjoni dwar attivitajiet superviżorji oħrajn ippjanati u kontinwati fir-rigward tar-riskju ta’ kreditu.

  14. Ara l-intervista ta’ Anneli Tuominen ma’ Börsen-Zeitung fil-21 ta’ Novembru 2023.

  15. Ara l-Global Financial Stability Report, IMF, April 2024.

  16. Ara “Rise in outsourcing calls for attention”, Newsletter ta’ Superviżjoni, BĊE, Frar 2024.

  17. Ara l-Global Financial Stability Report, IMF, April 2024.

  18. Ara “Aggregated results of the 2024 SREP”, BĊE, Diċembru 2024.

  19. Ara “Rise in outsourcing calls for attention”, Newsletter ta’ Superviżjoni, BĊE, Frar 2024.

  20. Ara “Global rifts and financial shifts: supervising banks in an era of geopolitical instability”, diskors minn Claudia Buch fit-tmien konferenza annwali tal-BERS dwar “New Frontiers in Macroprudential Policy”, 26 ta’ Settembru 2024.

  21. Ara “ECB concludes cyber resilience stress test”, stqarrija għall-istampa, BĊE, 26 ta’ Lulju 2024.

  22. Ara n-Net-Zero Tracker tal-Istitut tas-Sostenibbiltà tal-MSCI.

  23. Ara Risks from misalignment of banks’ financing with the EU climate objectives BĊE, Jannar 2024.

  24. Ara “‘Failing to plan is planning to fail’ – why transition planning is essential for banks”, The Supervision Blog, BĊE, 23 ta’ Jannar 2024.

  25. Kif stabbilit fil-“Guide on climate-related and environmental risks” tal-BĊE tal-2020.

  26. Ara wkoll “You have to know your risks to manage them – banks’ materiality assessments as a crucial precondition for managing climate and environmental risks”, The Supervision Blog, BĊE, 8 ta’ Mejju 2024, u “Nature-related risk: legal implications for central banks, supervisors and financial institutions”, diskors minn Frank Elderson fil-Konferenza Legali tas-SEBĊ 2024, 6 ta’ Settembru 2024.

  27. Ara “ESG data quality: Pillar 3 disclosures in focus”, Supervision Newsletter, BĊE, Frar 2024.

  28. Ara “Risk data aggregation and risk reporting: ramping up supervisory effectiveness”, The Supervision Blog, ECB, 15 ta’ Marzu 2024.

  29. Ara “Digitalisation: key assessment criteria and collection of sound practices”, BĊE, 2024.

  30. Ara “Sound practices in counterparty credit risk governance and management”, BĊE, Ottubru 2023.

Il-Whistleblowing (l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta)