Appoġġ għad-demokrazija madwar id-dinja 

Sudan 

Il-Parlament Ewropew jappoġġa d-demokrazija madwar id-dinja.

L-appoġġ attiv tal-isforzi internazzjonali tal-Unjoni Ewropea għall-promozzjoni tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem huwa wieħed mir-responsabbiltajiet ewlenin tal-Parlament Ewropew, stabbiliti fit-trattati kostituttivi tal-UE.

Din il-ħidma tibbenefika wkoll liċ-ċittadini tal-UE, li darhom tissaħħaħ grazzi għal dinja aktar ġusta u stabbli.

Grupp responsabbli

Il-Parlament Ewropew ħoloq grupp responsabbli ta' MEPs li jmexxu l-ħidma tal-Parlament dwar id-demokrazija lil hinn mill-fruntieri tal-UE.

Dan il-grupp, li jinkludi l-presidenti ta' diversi kumitati rilevanti, jiżgura li l-isforzi kollha tal-kollegi tagħhom f'dan il-qasam ikunu koerenti u effettivi.

Osservazzjoni tal-elezzjonijiet

Minħabba li l-elezzjonijiet joħolqu demokraziji u jżidu l-fiduċja tal-pubbliku fl-istituzzjonijiet, il-Parlament Ewropew huwa impenjat li jappoġġa elezzjonijiet ħielsa u ġusti.

Għal aktar minn 30 sena l-Parlament osserva elezzjonijiet f'pajjiżi barra l-UE. Aktar minn 170 delegazzjoni għall-osservazzjoni tal-elezzjonijiet fuq perjodu qasir ivvjaġġaw lejn pajjiżi differenti madwar id-dinja.

Bosta minn dawn l-assenjamenti jsaħħu proġetti ta' osservazzjoni fit-tul organizzati mill-UE u l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.

Meta l-MEPs jagħmlu parti minn dan l-isforz, iġibu magħhom għarfien dirett tal-kampanji politiċi u l-proċessi elettorali. Dan joffri kredibbiltà – u viżibilità – għall-evalwazzjoni finali.

Medjazzjoni u inkoraġġiment tad-djalogu

L-UE qiegħda taħdem biex tipprevjeni l-kunflitti qabel ma jseħħu, tintervjeni meta l-kriżijiet jeskalaw u tappoġġa l-paċi u d-demokrazija wara li jbattu l-kunflitti.

L-MEPs jikkontribwixxu għal dan l-isforz billi

  • ikunu medjaturi bejn il-membri ta' parlamenti barranin,
  • jgħinu lill-partiti politiċi jevitaw il-kunflitti,
  • jippromwovu d-djalogu bejn il-partiti u l-bini ta' kunsens,
  • jorganizzaw avvenimenti internazzjonali ddedikati għall-medjazzjoni u l-prevenzjoni tal-kunflitti.

Tisħiħ ta' parlamenti oħra

Il-Parlament Ewropew jipprovdi programmi għal parlamenti u parlamentari madwar id-dinja.

Il-programmi ta' appoġġ jikkonċentraw fuq il-viċinat tal-UE u ċerti pajjiżi fl-Afrika, fl-Asja u fl-Amerka Latina, kif ukoll fuq il-parlamenti reġjonali.

Il-programmi jfittxu li

  • jsaħħu l-funzjonijiet prinċipali tal-parlamenti – li jirrappreżentaw liċ-ċittadini, imexxu l-gvern u jfasslu l-liġijiet,
  • jirriformaw l-istituzzjonijiet parlamentari,
  • jikkondividu l-aħjar prattiki parlamentari.

Il-Parlament Ewropew irid jindirizza wkoll lill-ġenerazzjonijiet futuri ta' rappreżentanti eletti.

Enfasi fuq ix-xlokk tal-Ewropa

Il-Parlament Ewropew għandu programm speċifiku għall-parlamenti tat-Turkija u l-Balkani tal-Punent (Albanija, Bożnija-Ħerzegovina, Il-Maċedonja ta’ Fuq, Montenegro, Serbja u Kosovo).

It-tisħiħ tal-parlamenti nazzjonali tar-reġjun u inkoraġġiment għal kooperazzjoni bejniethom imexxu 'l quddiem id-demokrazija fir-reġjun. Huwa għandu rwol ukoll fil-proċess ta' tkabbir tal-UE, li jirrikjedi li pajjiżi li jissieħbu fl-UE jkollhom istituzzjonijiet demokratiċi b'saħħithom.

Il-membri parlamentari lokali u l-uffiċjali ċivili jibbenefikaw mill-programmi tal-Parlament Ewropew.