It-Trattati u l-Parlament Ewropew
L-ewwel Trattat li ġie ffirmat fl-1951 stabbilixxa l-Assemblea Parlamentari, li iktar tard saret magħrufa bħala l-Parlament Ewropew. L-għan tat-Trattat oriġinali kien li sitt pajjiżi, li preċedentement kienu fi gwerra, jibdew jaħdmu flimkien biex jiksbu objettivi komuni.
Trattati sussegwenti żiedu oqsma ġodda fejn dawn setgħu jaħdmu flimkien, jew kienu maħsuba biex itejbu l-ħidma tal-istituzzjonijiet tal-UE hekk kif is-sħubija fl-UE kibret minn 6 pajjiżi għal 27. Pereżempju, il-politika agrikola ġiet introdotta fit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u t-Trattat ta’ Nizza rriforma l-istruttura istituzzjonali tal-UE.
Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Awdituri jeżerċitaw is-setgħat tagħhom skont it-Trattati. Il-Kummissjoni hija meqjusa bħala “l-Gwardjan tat-Trattati”.
Kif jitfasslu t-Trattati Ewropej
Meta jkun se jitfassal Trattat ġdid, jew ikun se jiġi emendat Trattat eżistenti, titħejja Konferenza Intergovernattiva, li matulha jiltaqgħu l-gvernijiet tal-Istati Membri. Il-Parlament jiġi kkonsultat u jagħti l-opinjoni tiegħu dwar it-Trattat waqt li jkun qiegħed jieħu forma u jiġi żviluppat.
Aktar setgħat għall-Parlament
Ma' kull Trattat ġdid, il-Parlament kiseb iktar setgħat demokratiċi, superviżorji u leġiżlattivi ma’ kull Trattat ġdid. Permezz tat-Trattat ta’ Brussell (iffirmat fl-1975), il-Parlament kiseb id-dritt li fl-aħħar ta’ kull sena jiskrutinizza l-kontijiet tal-UE, u jevalwa jekk il-Kummissjoni tkunx nefqet il-baġit tal-UE b’mod għaqli u korrett.
L-Att Uniku Ewropew (Trattat iffirmat fl-1986) żguraw li l-kunsens tal-Parlament ikun obbligatorju qabel ma pajjiż ġdid ikun jista' jissieħeb fl-UE. It-Trattat ta’ Amsterdam (iffirmat fl-1997) ta pożizzjoni ferm iktar b’saħħitha lill-Parlament fil-koleġiżlazzjoni mal-Kunsill dwar firxa sħiħa ta’ oqsma li huma soġġetti għal-liġi tal-UE (il-protezzjoni tal-konsumatur, l-abbiltà li persuna taħdem legalment f’pajjiż ieħor u kwistjonijiet ambjentali, biex insemmu xi wħud).
L-iktar Trattat riċenti, it-Trattat ta’ Lisbona, daħal fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 2009.
Huwa saħħaħ il-Parlament Ewropew, ta lill-parlamenti nazzjonali iktar responsabilità biex jiddeterminaw il-kors tal-politika Ewropea, u ppermetta li ċ-ċittadini tal-UE jkollhom is-setgħa ta’ inizjattiva. It-Trattat ta' Liżbona kompla jżid is-setgħat tal-Parlament bħala koleġiżlatur rikonoxxut kompletament b’aktar setgħat baġitarji. Huwa ta wkoll lill-Parlament rwol prinċipali fl-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea.