Is-sostenibbiltà fil-Parlament Ewropew: kif innaqqsu l-impronta ambjentali tagħna?
Il-Parlament Ewropew huwa impenjat li juża r-riżorsi b’mod responsabbli u jnaqqas l-impronta ambjentali tiegħu. Mill-konsum tal-enerġija għall-emissjonijiet tal-karbonju, il-mobbiltà, l-ilma u l-iskart, il-Parlament stabbilixxa l-aħjar prattiki biex inaqqas l-impatt ambjentali tiegħu u jikkontribwixxi għal futur aktar sostenibbli.
Bħala parti minn dan l-impenn, il-Parlament ilu rreġistrat taħt l-Iskema ta’ Ġestjoni u Verifika Ambjentali (EMAS) mill-2007, bl-għan li jtejjeb kontinwament ir-riżultati ambjentali tiegħu.
Aqra aktar dwar l-impenji ta’ sostenibbiltà tal-Parlament fil-Politika Ambjentali tiegħu jew skopri aktar dwar iċ-ċertifikazzjoni EMAS.
Il-kisbiet ewlenin fit-tnaqqis tal-impatt ambjentali tal-Parlament Ewropew
Il-Parlament Ewropew għamel progress kbir minn meta l-EMAS ġiet introdotta fit-tliet postijiet tax-xogħol tiegħu.
Aktar ċifri u analiżi fil-fond dwar il-prestazzjoni tal-Parlament jistgħu jinstabu fl-aħħar Dikjarazzjoni Ambjentali.
Effiċjenza enerġetika
Il-Parlament Ewropew jistinka biex juża l-enerġija bl-aktar mod effiċjenti:
- 100% tal-elettriku mixtri jinkiseb minn sorsi ekoloġiċi ċċertifikati.
- 473 MWh tal-enerġija użata hija rinnovabbli u ġġenerata fuq il-post minn pannelli fotovoltajċi.
Approċċ ċirkolari
Il-Parlament Ewropew stabbilixxa għadd ta’ miżuri għall-użu mill-ġdid sostenibbli tar-riżorsi tiegħu:
- It-tagħmir tal-IT (bħal PCs, laptops, skrins) u l-għamara użati jingħataw lill-organizzazzjonijiet tal-karità għall-użu mill-ġdid.
- Il-Parlament inaqqas l-iskart tiegħu stess u jtejjeb ir-rati ta’ riċiklaġġ, billi jistabbilixxi ħames kontenituri ta’ kompartimenti tal-iskart u jadatta l-flussi tal-iskart għal rekwiżiti nazzjonali differenti.
- Il-bijoskart tal-Parlament ilu jsir bijogass mill-2013, li jista’ jintuża għall-produzzjoni tas-sħana u l-elettriku.
- Fl-2016, il-Parlament sar l-ewwel istituzzjoni tal-UE li implimenta programm komprensiv ta’ donazzjoni tal-ikel li jagħti l-ikel żejjed lill-organizzazzjonijiet tal-karità.
Akkwist pubbliku sostenibbli
L-akkwist pubbliku huwa l-proċess li permezz tiegħu l-Parlament jixtri oġġetti u servizzi, mill-provvisti tal-uffiċċju sal-kiri ta’ kuntratturi.
Il-linji gwida u l-korsijiet ta’ taħriġ jgħinu lill-persunal tal-Parlament jagħżel prodotti u servizzi b’impatt ambjentali baxx, kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, akkwist etiku, u durabbiltà mtejba.
Mobbiltà sostenibbli
Fil-Parlament Ewropew, kulħadd huwa mħeġġeġ jadotta drawwiet li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent bħal modi sostenibbli ta’ vjaġġar lejn ix-xogħol u lura.
Fl-2023, 30% tal-persunal mar ix-xogħol bir-rota jew bil-mixi u kien hemm aktar minn 2,100 post tal-parkeġġ tar-roti fit-tliet postijiet tax-xogħol tal-Parlament Ewropew. Il-Parlament Ewropew fi Brussell huwa ċċertifikat bħala impjegatur li jiffavorixxi l-użu tar-roti.
Is-sostenibbiltà fl-uffiċċji ta’ kollegament tal-Parlament Ewropew
L-għan tat-titjib tal-prestazzjoni ambjentali mhuwiex limitat għall-postijiet tax-xogħol ewlenin tal-Parlament fi Brussell, Strażburgu u l-Lussemburgu. F’kull pajjiż tal-UE, hemm uffiċċju ta’ kollegament tal-Parlament Ewropew, li jinvolvi ruħu ma’ organizzazzjonijiet u ċittadini fil-livell lokali.
Għal aktar informazzjoni dwar kif il-Parlament Ewropew japplika s-sostenibbiltà fil-postijiet tax-xogħol tiegħu, ikkuntattja lill-Unità tal-EMAS u s-Sostenibbiltà fuq emas@europarl.europa.eu.