Il-Baġit: Kif il-Parlament Ewropew bjagħme l-aħjar użu mill-finanzjament annwali tiegħu
Bis-saħħa tal-baġit annwali tiegħu, il-Parlament kapaċi jsostni l-ħidma tal- Membri tiegħu u jopera b'24 lingwa differenti. Dan il-baġit jirrappreżenta 20 % tan-nefqa amministrattiva totali tal-istituzzjonijiet tal-UE, li rispettivament tirrappreżenta biss 1.2 % tal-baġit ġenerali tal-UE. Il-maġġoranza l-kbira tal-finanzjament tal-UE tiġi investita direttament fl-Istati Membri.
Kif jiġi deċiż il-baġit
Normalment, il-proċedura biex jitfassal il-baġit tal-Parlament tibda fi Frar. Is-Segretarju Ġenerali jressaq proposta, fejn jiddefinixxi l-prijoritajiet u r-riżorsi għas-sena ta' wara. Il-Bureau, li huwa magħmul mill-President u l-14-il Viċi President, juża din il-proposta bħala l-bażi biex jadotta l-abbozz preliminari tal-estimi u jippreżentah lill-Kumitat għall-Baġits.
Wieħed mill-membri tal-Kumitat - magħruf bħala r-rapporteur dwar il-baġit - jinħatar biex ifassal rapport li jiddeskrivi l-prijoritajiet ta' ħidma tal-Parlament u jipproponi kemm għandhom jintefqu flus fuqhom. L-ewwel, il-Kumitat għall-Baġits jivvota dwar ir-rapport u mbagħad jivvotaw dwaru l-Membri kollha tal-PE waqt sessjoni plenarja, normalment f'April. Dawn l-estimi mbagħad jiġu inkorporati fl-abbozz ta' baġit tal-UE għas-sena ta' wara, li jiġi emendat u adottat mill-Membri tal-PE waqt sessjoni plenarja sa mhux aktar tard minn Diċembru.