RAPPORT dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-Abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 5/2024 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2024 - aġġustament fl-approprjazzjonijiet ta’ pagament, aġġornament tad-dħul u aġġornamenti tekniċi oħra

22.11.2024 - (14477/2024 – C10‑0186/2024 – 2024/0252(BUD))

Kumitat għall-Baġits
Rapporteur: Siegfried Mureşan

Proċedura : 2024/0252(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A10-0017/2024
Testi mressqa :
A10-0017/2024
Dibattiti :
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-Abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 5/2024 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2024 - aġġustament fl-approprjazzjonijiet ta’ pagament, aġġornament tad-dħul u aġġornamenti tekniċi oħra

(14477/2024 – C10‑0186/2024 – 2024/0252(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni[1], u b’mod partikolari l-Artikolu 44 tiegħu,

 wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2024, adottat b’mod definittiv fit-22 ta’ Novembru 2023[2],

 wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027[3],

 wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda[4],

 wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 tal-14 ta’ Diċembru 2020 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom[5],

 wara li kkunsidra l-Abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 5/2024, adottat mill-Kummissjoni fl-10 ta’ Ottubru 2024 (COM(2024)0650),

 wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-Abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 5/2024, adottata mill-Kunsill fil-5 ta’ Novembru 2024 u mibgħuta lill-Parlament fit-12 ta’ Novembru 2024 (14477/2024 – C10-0186/2015.

 wara li kkunsidra l-Artikoli 96 u 98 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A10-0017/2024),

A. billi l-għan tal-Abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 5/2024 huwa li jsiru aġġustamenti fl-infiq, b’mod partikolari fir-rigward tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament, u li jiġi aġġornat id-dħul għall-baġit tal-Unjoni;

B. billi, b’rabta mal-infiq, l-Abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 5/2024 jimplika żieda netta ta’ EUR 44,5 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u EUR 2,95 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ pagament; billi, minħabba n-nuqqas ta’ kwalunkwe marġni disponibbli taħt l-Intestaturi 2b, 5 u 7 tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP), huwa propost li jiġu mobilizzati EUR 7,2 miljun oħra mill-Istrument ta’ Flessibbiltà u EUR 68,5 miljun addizzjonali li għandhom jintużaw mill-kompartiment (a) tal-Istrument ta’ Marġini Uniku;

C. billi, fuq in-naħa tad-dħul, l-Abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 5/2024 idaħħal fil-baġit tal-2024 multi u penali definittivi mħallsa sa Ottubru 2024, li jammontaw għal EUR 2,82 biljun, li jfisser li huma meħtieġa kontribuzzjonijiet addizzjonali tal-ING ta’ EUR 139,9 miljun biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta’ pagament;

D. billi l-Abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 5/2024 jintroduċi wkoll linji baġitarji ġodda ta’ dħul u nfiq għall-Mekkaniżmu ta’ Kooperazzjoni ta’ Self għall-Ukrajna, li skontu l-appoġġ se jiġi pprovdut permezz ta’ self isservizzjat u mħallas lura minn flussi futuri ta’ dħul minn assi sovrani Russi immobilizzati;

1. Jieħu nota tal-Abbozz ta’ baġit emendatorju 5/2024, kif imressaq mill-Kummissjoni;

2. Jilqa’ ż-żieda fil-ħtiġijiet ta’ pagament għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), flimkien ma’ dawk għall-Politika Agrikola Komuni fit-Trasferiment Globali (DEC 11/24), bħala sinjal li l-implimentazzjoni tal-programm qed taqbad ir-ritmu wara bidu kajman inkwetanti fil-perjodu 2021-2027;

3. Jinnota bi pjaċir li l-bidliet fir-regoli introdotti mill-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP) – bi prefinanzjament eċċezzjonali u kofinanzjament volontarju ta’ 100 % – kellhom impatt pożittiv fuq l-implimentazzjoni tal-FEŻR, li jfisser li l-Istati Membri qed jonfqu flus favur l-objettivi ta’ STEP; iqis, barra minn hekk, li ż-żieda fil-pagamenti fl-2024 għandha tgħin biex tittaffa l-pressjoni fuq il-pagamenti bejn l-2025 u l-2027;

4. Jinnota li ż-żieda fil-ħtiġijiet ta’ pagament hija kważi kompletament koperta permezz tad-dħul mill-multi u l-penali, b’mod partikolari l-multa tal-kompetizzjoni ta’ EUR 2,4 biljun imposta fuq Google għal ksur tal-antitrust;

5. Itenni l-ħtieġa ta’ dħul sostenibbli fit-tul għall-baġit tal-Unjoni, li ġie mġebbed ħafna biex jirreaġixxi għal diversi kriżijiet f’dawn l-aħħar snin; jiddeplora, għalhekk, in-nuqqas ta’ progress fil-Kunsill dwar ir-riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji f’konformità mal-pjan direzzjonali fil-Ftehim Interistituzzjonali; ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu b’appoġġ għall-proposti emendati tal-Kummissjoni u jħeġġeġ lill-Kunsill u l-Istati Membri jadottaw dawk il-proposti malajr sabiex jiżdiedu r-riżorsi proprji disponibbli għall-baġit tal-Unjoni; ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu li ilu jħaddan li l-multi u l-imposti għandhom jintużaw bħala dħul supplimentari għall-baġit tal-Unjoni;

6. Jilqa’ l-inklużjoni ta’ linji baġitarji ta’ dħul u nfiq għall-Mekkaniżmu ta’ Kooperazzjoni ta’ Self għall-Ukrajna; jissottolinja l-importanza ta’ appoġġ finanzjarju sostnut lill-Ukrajna f’kuntest fejn il-finanzjament fl-ambitu tal-Faċilità għall-Ukrajna u l-arranġamenti eżistenti ta’ assistenza makrofinanzjarja (AMF) ma jilħqux il-ħtiġijiet;

7. Ifakkar li s-self addizzjonali tal-AMF se jiġi sottoskritt mill-marġni ta’ manuvra tal-baġit u jtenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tipprovdi lill-awtorità baġitarja d-dettalji dwar l-aggregazzjoni tal-obbligazzjonijiet għall-marġni ta’ manuvra kontinġenti fuq l-operazzjonijiet ta’ għoti u ta’ teħid b’self; jistenna li l-Kummissjoni tipprovdi lill-Parlament u lill-Kunsill l-informazzjoni kollha meħtieġa skont id-dikjarazzjoni tagħha annessa mar-Regolament (UE) 2024/2773 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[6];

8. Jieħu nota tal-aġġustament tas-salarji ogħla milli kien ibbaġitjat għall-2024, li għandu impatt kemm fuq ir-remunerazzjoni kif ukoll fuq il-pensjonijiet, b’numru ogħla milli previst ta’ pensjonanti ġodda fl-2024 li jkompli jżid l-ispejjeż tal-pensjonijiet; jilqa’ l-fatt li kważi l-ispejjeż addizzjonali kollha fl-istituzzjonijiet ġew koperti permezz ta’ riallokazzjonijiet interni u li għalhekk ir-rikors għall-Istrument ta’ Marġini Uniku huwa kkontrollat;

9. Jissottolinja li l-aġġustament tas-salarji jaffettwa wkoll lill-aġenziji deċentralizzati, li ilhom jitħabtu ma’ inflazzjoni ogħla mid-deflatur ta’ 2 % li bih żiedu l-baġits annwali tagħhom u huma partikolari peress li l-kostijiet tal-persunal u operattivi jirrappreżentaw porzjon kbir tan-nefqa tagħhom; jilqa’ l-fatt li l-aġenziji li ma setgħux isibu r-riżorsi permezz ta’ riallokazzjonijiet jaraw żieda ta’ 1,7 % fil-kontribuzzjoni tal-Unjoni; itenni li t-trattament attwali tal-baġits tal-aġenziji deċentralizzati jirrikjedi aktar riflessjoni bħala parti mit-tħejjijiet tal-Kummissjoni għall-QFP ta’ wara l-2027;

10. Jinnota ż-żieda fl-approprjazzjonijiet għall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA) biex tkopri ż-żieda fl-ispejjeż għalkemm jinsab imħasseb dwar it-tnaqqis korrispondenti fl-approprjazzjonijiet għall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil (EUAA); jilqa’ l-fatt li l-EUAA ġiet imsaħħa bħala parti mir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-QFP sabiex tkun tista’ twettaq kompiti ġodda f’konformità mal-implimentazzjoni tal-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil; jistieden lill-Kummissjoni taħdem mill-qrib maż-żewġ aġenziji biex tiżgura li huma mgħammra biex iwettqu l-kompiti tagħhom bis-sħiħ u jassorbu l-approprjazzjonijiet assenjati lilhom;

11. Jilqa’ l-approprjazzjonijiet addizzjonali għall-Aġenzija tal-UE għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) fl-2024 wara l-attakk ċibernetiku ta’ Ġunju 2024 fuq l-aġenzija; jinsisti fuq il-ħtieġa li jinsiltu tagħlimiet u li jiġi pprovdut aktar appoġġ tekniku lil aġenziji u istituzzjonijiet oħra mis-Servizz taċ-Ċibersigurtà għall-entitajiet tal-Unjoni (CERT-UE), fid-dawl tat-theddida għolja taċ-ċibersigurtà u sabiex jiġi żgurat li attakk ieħor ma jikkomprometti l-ebda aġenzija jew istituzzjoni tal-Unjoni;

12. Jissottolinja l-importanza tal-Awtorità għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus li għadha kif ġiet stabbilita fil-qafas rivedut kontra l-ħasil tal-flus fil-livell tal-Unjoni; huwa għalhekk imħasseb ħafna dwar id-dewmien fil-fażi tal-istabbiliment, b’mod partikolari fir-rigward tar-reklutaġġ;

13. Jilqa’ l-fatt li, bir-riformulazzjoni tar-Regolament Finanzjarju issa fis-seħħ, huwa possibbli li jiġi inkluż dħul negattiv fil-baġit għall-pagament ta’ imgħax kumpensatorju f’kawżi tal-qorti mitlufa; jinnota li l-Kummissjoni bħalissa qed tistabbilixxi l-ammont preċiż ta’ tali mgħax u jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi din l-informazzjoni lill-awtorità baġitarja malajr kemm jista’ jkun fl-2025;

14. Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 5/2024;

15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tiddikjara li l-baġit emendatorju Nru 5/2024 ġie adottat b’mod definittiv u biex tiżgura li jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.


 

ANNESS: ENTITAJIET JEW PERSUNI LI R-RAPPORTEUR IRĊIEVA KONTRIBUT MINGĦANDHOM

F’konformità mal-Artikolu 8 tal-Anness I tar-Regoli ta’ Proċedura, ir-rapporteur jiddikjara li rċieva kontribut mill-entitajiet jew il-persuni li ġejjin fit-tħejjija tar-rapport, sal-adozzjoni tiegħu fil-kumitat:

Entità u/jew persuna

Council of the European Union

European Commission

Il-lista ta’ hawn fuq hija mfassla taħt ir-responsabbiltà esklużiva tar-rapporteur.

Meta persuni fiżiċi jkunu identifikati fil-lista b’isimhom, bil-funzjoni tagħhom jew bit-tnejn li huma, ir-rapporteurjiddikjara li ppreżenta lill-persuni fiżiċi kkonċernati l-Avviż tal-Parlament Ewropew Nru 484 dwar il-Protezzjoni tad-Data (https://www.europarl.europa.eu/data-protect/index.do), li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet applikabbli għall-ipproċessar tad-data personali tagħhom u d-drittijiet marbuta ma’ dak l-ipproċessar.

 

 


 

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

21.11.2024

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

23

2

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Georgios Aftias, Isabel Benjumea Benjumea, Tomasz Buczek, Tamás Deutsch, Angéline Furet, Thomas Geisel, Jean-Marc Germain, Sandra Gómez López, Fabienne Keller, Janusz Lewandowski, Giuseppe Lupo, Ignazio Roberto Marino, Fernando Navarrete Rojas, Matjaž Nemec, Danuše Nerudová, Ruggero Razza, Bogdan Rzońca, Hélder Sousa Silva, Nicolae Ştefănuță, Carla Tavares, Nils Ušakovs, Auke Zijlstra

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Moritz Körner, Tiago Moreira de Sá

Sostituti (skont l-Artikolu 209(7)) preżenti għall-votazzjoni finali

Christophe Bay, Udo Bullmann, Andrzej Buła, Gheorghe Falcă, Ştefan Muşoiu, Jan-Christoph Oetjen

 


 

VOTAZZJONI FINALI B’SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

23

+

ECR

Ruggero Razza, Bogdan Rzońca

PPE

Georgios Aftias, Isabel Benjumea Benjumea, Andrzej Buła, Gheorghe Falcă, Janusz Lewandowski, Fernando Navarrete Rojas, Danuše Nerudová, Hélder Sousa Silva

Renew

Fabienne Keller, Moritz Körner, Jan-Christoph Oetjen

S&D

Udo Bullmann, Jean-Marc Germain, Sandra Gómez López, Giuseppe Lupo, Ştefan Muşoiu, Matjaž Nemec, Carla Tavares, Nils Ušakovs

Verts/ALE

Ignazio Roberto Marino, Nicolae Ştefănuță

 

2

-

NI

Thomas Geisel

PfE

Auke Zijlstra

 

5

0

PfE

Christophe Bay, Tomasz Buczek, Tamás Deutsch, Angéline Furet, Tiago Moreira de Sá

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 

Aġġornata l-aħħar: 25 ta' Novembru 2024
Avviż legali - Politika tal-privatezza