RAPPORT dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 6/2011 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011, Taqsima III – Il-Kummissjoni
25.11.2011 - (00000/2011 – C7‑0000/2011 – 2011/2267(BUD))
Kumitat għall-Baġits
Rapporteur: Sidonia Elżbieta Jędrzejewska
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 6/2011 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011, Taqsima III – Il-Kummissjoni
(00000/2011 – C7‑0000/2011 – 2011/2267(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 314 tiegħu, u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej[1], u b'mod partikolari l-Artikoli 37 u 38 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011, kif adottat b'mod definittiv fil-15 ta' Diċembru 2010[2],
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda[3],
– wara li kkunsidra l-Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 6/2011 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011, ippreżentat mill-Kummissjoni fit-18 ta' Ottubru 2011 (COM(2011)0674),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 6/2011, stabbilit mill-Kunsill fi ... 2011 (00000/2011 – C7-0000/2011),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 75b u 75e tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0407/2011),
A. billi l-Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 6/2011 għall-baġit ġenerali 2011 ikopri, fost affarijiet oħra, it-tisħiħ tal-approprjazzjonijiet għall-impenji fl-intestaturi 1 u 4 għal ammont rispettiv ta' EUR 3,25 miljun u EUR 113,4 miljun, żieda fl-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet biex tkopri l-bżonnijiet fl-intestatura 1 ta' ammont ta' EUR 550,3 miljun, u aġġornament tal-previżjonijiet tad-dħul;
B. billi l-Kunsill immodifika l-Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 6/2011 billi naqqas għal EUR 200 miljun it-total tat-tisħiħ nett f'approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet;
C. billi l-Parlament saħaq b'persistenza, matul il-proċedura baġitarja tal-2011 kollha, li l-livell kumplessiv ta' ħlasijiet sostnut mill-Kunsill u adottat għas-sena finanzjarja 2011 ma kienx biżżejjed u ma jkunx jippermetti li l-bżonnijiet maqbula biċ-ċar kollha jiġu sodisfatti;
D. billi ż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja qablu, matul il-konċiljazzjoni dwar il-baġit tas-sena finanzjarja 2011, fuq Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet li jimpenjaw lill-Parlament u lill-Kunsill "jevitaw kwalunkwe diskrepanza fl-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet";
E. billi wħud mill-bżonnijiet tal-ħlasijiet diġà ġew ittrattati parzjalment permezz tat-trasferiment globali fl-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet (DEC 34/2011) għal ammont totali ta' EUR 719,2 miljun, u billi l-Kummissjoni dalwaqt se jkollha tippreżenta trasferiment globali ġdid biex tittratta, kemm jista' jkun, il-bżonnijiet mhux koperti mill-ftehim dwar l-ABE 6/2011, jiġifieri 1 047 miljun li jiddekorru mit-18 ta' Novembru 2011, bil-għan li tonora l-obbligi ġuridiċi tal-Unjoni fil-qasam tal-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet;
F. billi ż-żieda proposta fl-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet ta' EUR 200 miljun tirrappreżenta biss parti limitata tal-bżonnijiet supplementari identifikati sa tmiem l-2011, li jammontaw għal EUR 1 642 miljun fit-18 ta' Novembru 2011;
G. billi t-tisħiħ fl-ambitu tal-intestatura 4 għall-assistenza finanzjarja favur il-Palestina, il-proċess ta' paċi u l-UNRWA, u għall-Miżuri ta' Akkumpanjament fis-settur tal-banana huwa ridistribwit mill-approprjazzjonijiet li baqgħu ma ntużawx fl-ambitu tal-Assistenza Makrofinanzjarja, u jifforma parti mill-ftehim li laħaq il-kumitat ta' konċiljazzjoni dwar il-baġit għas-sena finanzjarja 2012;
H. billi parti miż-żieda fid-dħul tirriżulta minn multi u mgħax minn ħlasijiet tardivi li jammontaw għal EUR 435 miljun, jiġifieri mill-infurzar tal-politika ta' kompetizzjoni;
1. Jieħu nota tal-Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 6/2011 u tar-rivalutazzjonijiet sussegwenti li wasslu għall-aġġornament tal-bżonnijiet f'approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet u riallokazzjonijiet possibbli f'approprjazzjonijiet għall-impenji;
2. Josserva li l-Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 6/2011, kif emendat mill-Kunsill, jirrifletti l-ftehim li laħaq il-kumitat ta' konċiljazzjoni, li jkopri kemm il-baġit għas-sena finanzjarja 2012 kif ukoll l-Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 6/2011;
3. Jiddispjaċih ferm tal-klima ta' sfiduċja prevalenti waqt in-negozjati bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fir-rigward tal-entità tal-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet addizzjonali meħtieġa għall-2011 biex il-Kummissjoni tkun tista' tonora l-obbligi ġuridiċi tal-Unjoni; jitlob lill-Kummissjoni tikkomunika liż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja u lill-pubbliku ġenerali, liema huma l-konsegwenzi ta' tali ftehim dwar l-implimentazzjoni tal-programmi kurrenti; jinsab partikolarment imħasseb bl-effetti ta' din id-deċiżjoni fuq it-tmexxija tal-Fondi strutturali u ta' koeżjoni fl-Istati Membri, flimkien ma' programmi ewlenin fl-ambitu tal-intestatura "Tkabbir sostenibbli";
4. Jenfasizza li l-approċċ segwit mill-Kunsill huwa f'kuntrast mal-proċessi tas-Semestru Ewropew u jkun jeħtieġ li jiġi mmirat tt-tisħiħ tal-governanza ekonomika Ewropea kapaċi tiġġenera sinerġiji u l-kumplementarjetajiet bejn il-baġit tal-Unjoni u l-baġits nazzjonali; jinsab saħansitra iktar imħasseb bil-pożizzjoni tal-Kunsill billi, biex l-Unjoni tirkupra mill-kriżi ekonomika u soċjali attwali, ikun jeħtieġ li jiġu promossi investimenti lunġimiranti;
5. Jesprimi d-disponibilità tiegħu li jipparteċipa, flimkien mal-Kunsill u mal-Kummissjoni, f'eżerċizzju ta' valutazzjoni intiż li jittrattata nuqqasijiet u lakuni potenzjali fl-implimentazzjoni tal-programmi multiannwali li għaddejjin bħalissa, partikolarment fl-ambitu tal-intestaturi 1a u 1b.
6. Itenni l-konvinzjoni soda tiegħu li parti mid-dħul li jirriżulta minn multi u mgħax minn ħlasijiet tardivi, jiġifieri mill-infurzar tal-politika ta' kompetizzjoni, li hija kompetenza esklużiva tal-Unjoni, għandhom jerġgħu jitqiegħdu direttament u jiġu reinvestiti fil-baġit tal-Unjoni u mhux imroddija lura lill-Istati Membri fil-kuntest tal-bilanċ;
7. Japprova, mingħajr emenda, il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 6/2011 u jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiddikjara li l-Baġit emendatorju Nru 6/2011 ġie adottat b'mod definittiv u biex jagħmel l-arranġamenti għall-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
23.11.2011 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
28 5 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Reimer Böge, Lajos Bokros, Andrea Cozzolino, Jean-Luc Dehaene, James Elles, Göran Färm, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazábal Rubial, Ivars Godmanis, Estelle Grelier, Monika Hohlmeier, Sidonia Elżbieta Jędrzejewska, Anne E. Jensen, Sergej Kozlík, Jan Kozłowski, Alain Lamassoure, Giovanni La Via, Vladimír Maňka, Barbara Matera, Nadezhda Neynsky, Dominique Riquet, László Surján, Helga Trüpel, Derek Vaughan, Angelika Werthmann |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Antonello Antinoro, Maria Da Graça Carvalho, Frédéric Daerden, Derk Jan Eppink, Paul Rübig, Peter Šťastný, Georgios Stavrakakis |
||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Matthias Groote, Bernadette Vergnaud |
||||