RAPPORT dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju - definizzjoni tal-qafas wara l-2015
6.5.2013 - (2012/2289(INI))
Kumitat għall-Iżvilupp
Rapporteur: Filip Kaczmarek
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju - definizzjoni tal-qafas wara l-2015
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti tat-8 ta' Settembru 2000,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni bit-titolu "Keeping the promise: United to achieve the Millennium Development Goals", adottata mill-Assemblea Ġenerali waqt il-Laqgħa Plenarja ta' Livell Għoli tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju fil-65 sessjoni tagħha fl-2010,
– wara li kkunsidra r-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa organizzata f'Pekin f'Settembru 1995, id-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni adottati f'Pekin u d-dokumenti sussegwenti li rriżultaw adottati fis-Sessjonijiet Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Pekin +5, Pekin +10 u Pekin +15 dwar aktar azzjonijiet u inizjattivi għall-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni u tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Pekin , adottati fid-9 ta' Ġunju 2000, fil-11 ta' Marzu 2005 u fit-2 ta' Marzu 2010 rispettivament, fejn l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jieħdu azzjoni għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fi tnax-il qasam differenti,
– wara li kkunsidra l-Programm ta' Azzjoni ta' Istanbul għall-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati għad-Deċennju 2011-2020,
– wara li kkunsidra l-implimentazzjoni tal-Programm ta' Azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (ICPD) li ttieħdet deċiżjoni dwarha fil-Kajr fl-1994, fejn ġie rikonoxxut li s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi huma fundamentali biex jinkiseb l-iżvilupp sostenibbli,
– wara li kkunsidra l-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP) bit-titolu "Beyond the Midpoint: Achieving the Millennium Development Goals", li ġie ppubblikat f'Jannar 2010,
– wara li kkunsidra r-Rapport dwar l-Iżvilupp tal-Bniedem 2010, tal-UNDP, bit-titolu "The Real Wealth of Nations: Pathways to Human Development",
– wara li kkunsidra r-Rapport tan-NU: "L-Ugwaljanza bejn is-Sessi: Tabella tal-Progress 2012", li jevalwa t-titjib fir-rigward tal-aspetti relatati mal-ugwaljanza bejn is-sessi tat-tmien MDGs,
– wara li kkunsidra r-Rapport dwar l-Iżvilupp tal-Bniedem tal-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP) 2011,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni finali adottata fil-Konferenza tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (Rio+20) li saret f'Rio de Janeiro, il-Brażil, mill-20 sat-22 ta' Ġunju 2012,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-eliminazzjoni ta' kull forma ta' diskriminazzjoni kontra n-nisa (CEDAW) adottata fl-1979 mill-Assemblea Ġenerali tan-NU, li tiddefinixxi dak li jikkostitwixxi diskriminazzjoni kontra n-nisa u tistabbilixxi aġenda għal azzjoni nazzjonali biex tali diskriminazzjoni tintemm,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-qafas ġuridiku tad-drittijiet tal-bniedem,
– wara li kkunsidra l-ħidma tas-System Task Team tan-NU dwar l-Aġenda għall-Iżvilupp tan-NU wara l-2015, immexxi b'mod konġunt mid-Dipartiment għall-Affarijiet Eknomiċi u Soċjali tan-NU (UN DESA) u l-UNDP, bl-appoġġ tal-aġenziji kollha tan-NU u b'konsultazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti,
– wara li kkunsidra r-Rapport ta' Ġunju 2012 tan-NU lis-Segretarju Ġenerali tan-NU bit-titolu "Realizing the future we want for all",
– wara li kkunsidra l-ħidma tal-Grupp ta' Livell Għoli ta' Persuni Eminenti tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar l-Aġenda għall-Iżvilupp wara l-2015 u l-eżitu tal-konferenza Rio+20,
– wara li kkunsidra l-Kunsens ta' Monterrey adottat fil-Konferenza Internazzjonali dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp li saret f'Monterrey, fil-Messiku, bejn it-18 u t-22 ta' Marzu 2002,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni u l-pjan ta' azzjoni adottati fil-Forum ta' Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna għall-Iżvilupp li saret f'Busan f'Diċembru 2011,
– wara li kkunsidra id-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna u l-Aġenda ta' Accra għall-Azzjoni,
– wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp[1] u l-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar il-Komplementarjetà u t-Tqassim tax-Xogħol fil-Politika dwar l-Iżvilupp[2],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 7 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jafferma mill-ġdid li l-UE għandha tiżgura l-konsistenza bejn il-politiki u l-attivitajiet tagħha, b'kont meħud tal-objettivi kollha tagħha,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 208 TFUE, li jistabblixxi li "l-Unjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-objettivi ta' koperazzjoni għall-iżvilupp fl-implimentazzjoni tal-politika li x'aktarx tolqot lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw",
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-12 ta' April 2005 bit-titolu "Il-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp" (COM(2005)0134), u l-konklużjonijiet tal-Kunsill bit-titolu "Il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp", it-3166 laqgħa tal-Kunsill "Affarijiet Barranin" tal-14 ta' Mejju 2012,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bit-titolu, "Qafas ta' politika tal-UE biex jgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jindirizzaw l-isfidi fil-qasam tas-sigurtà tal-ikel" (COM(2010)127),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-31 ta' Marzu 2010, bit-titolu "Għajnuna Umanitarja tal-Ikel" (COM(2010)0126),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-3 ta' Ottubru 2012 bit-titolu "L-approċċ tal-UE għar-reżiljenza: Nitgħallmu mill-kriżijiet tas-sigurtà tal-ikel", (COM(2012)0586),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-12 ta' Marzu 2013 bit-titolu, "Intejbu n-Nutrizzjoni Materna u dik tat-Tfal fl-Assistenza Esterna Qafas Politiku tal-UE" (COM(2013)0141),
– wara li kkunsidra r-Rapport Ewropew dwar l-Iżvilupp tad-19 ta' Settembru 2008 bit-titolu "L-Għanijiet ta' Żvilupp għall-Millennju - il-punt f'nofs triq: Fejn ninsabu u fejn sejrin?",
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-27 ta' Frar 2013 dwar 'Ħajja diċenti għal kulħadd: Neqirdu l-faqar u nagħtu lid-dinja futur sostenibbli' (COM(2013)0092),
– wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Strument ta' Sħubija għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi, (COM(2011)0843, SEC(2011)1475, SEC(2011)1476),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-7 ta' Diċembru 2011 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp (COM(2011)0840),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tad-29 ta' Lulju 2011 bit-titolu "Baġit għall-Ewropa 2020" (COM(2011)0500) u d-dokument ta' ħidma tal-Kummissjoni tal-istess data bit-titolu "Baġit għall-Ewropa 2020: is-sistema ta' finanzjament attwali, sfidi li qed niffaċċjaw, riżultati tal-konsultazzjoni tal-partijiet interessati u d-diversi għażliet dwar l-elementi orizzontali u settorjali ewlenin" (SEC(2011)0868),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill tas-7 ta' Diċembru 2011 bit-titolu "Ewropa Globali: Approċċ Ġdid għall-iffinanzjar tal-azzjoni esterna tal-UE" (COM(2011)0865),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-7 ta' Diċembru 2011 bit-titolu "Preparazzjoni tal-qafas finanzjarju multiannwali dwar il-finanzjament tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku u l-Pajjiżi u t-Territorji ekstra-Ewropej għall-perjodu mill-2014 sal-2020 (il-11-il Fond-Ewropew għall-Iżvilupp)" (COM(2011)0837),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Appoġġ tal-UE għal Bidla Sostenibbli f'Soċjetajiet fi Tranżizzjoni, it-3218-il laqgħa tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin tal-31 ta' Jannar 2013,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill bit-titolu "Inżidu l-impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla", it-3166 laqgħa tal-Kunsill "Affarijiet Barranin" tal-14 ta' Mejju 2012,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-12 ta' Settembru 2012 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "L-għeruq ta' demokrazija u żvilupp sostenibbli: il-kooperazzjoni tal-Ewropa mas-Soċjetà Ċivili fir-relazzjonijiet esterni" (COM(2012)0492),
– wara li kkunsidra l-konsultazzjonijiet pubbliċi tal-Kummissjoni dwar it-tħejjija ta' pożizzjoni tal-UE "Lejn Qafas għall-Iżvilupp għal wara l-2015"[3], li saru mill-15 ta' Ġunju 2012 sal-15 ta' Settembru 2012 u kienu miftuħa għall-partijiet interessati, l-individwi, l-organizzazzjonijiet (governattivi/mhux governattivi, parlamentari, akkademiċi, tas-settur privat, eċċ.) u l-pajjiżi kollha,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-21 ta' April 2010 bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni tal-UE fuq tnax-il punt b'sostenn għall-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju" (COM(2010)0159),
– wara li kkunsidra r-rapport fuq inizjattiva proprja tad-19 ta' Mejju 2010 dwar "Il-progress li sar sabiex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju: reviżjoni ta' nofs it-terminu bi preparazzjoni għal-laqgħa ta' livell għoli tan-NU f'Settembru 2010" (2010/2037(INI)),
– wara li kkunsidra l-istudju ta' Jannar 2013 bit-titolu "l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju u lil hinn mill-2015 – impenn tal-UE b'saħħtu",
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0165/2013),
A. billi l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs) wasslu għal sensibilizzazzjoni dwar il-fatt li t-tmiem tal-faqar globali huwa sfida urġenti u prijorità għal azzjoni globali permezz tas-sett limitat ta' objettivi konkreti u marbuta biż-żmien; billi, sentejn 'il bogħod mid-data fil-mira tal-2015 għall-MDGs, sar progress sinifikanti: l-objettiv tat-tnaqqis tal-faqar estrem bin-nofs intlaħqet, kif ukoll dak li jitnaqqas bin-nofs il-proporzjon ta' persuni nieqsa minn aċċess li wieħed jista' jiddependi fuqu għal sorsi mtejba tal-ilma għax-xorb, u l-kundizzjonijiet ta' aktar minn 200 miljun persuna li jgħixu fil-bassifondi tjiebu, ir-rata ta' iskrizzjoni ta' tfal bniet fl-iskola primarja issa laħqet dik tas-subien u jista' jidher progress li qed jaċċelera fit-tnaqqis fir-rata ta' mortalità tat-tfal u dik materna; billi, madankollu, l-MDGs attwali ma jindirizzawx b'mod adegwat il-kawżi primarji tal-faqar bħall-inugwaljanzi fi ħdan u fost il-pajjiżi, l-esklużjoni soċjali, il-bijodiversità u l-governanza;
B. billi l-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp, iffirmat mill-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew, huwa acquis comunautaire; dan ifakkar l-importanza u l-kamp ta' applikazzjoni ta' dan id-dokument, li jħaddan il-Pjan Direzzjonali Ewropew għall-Iżvilupp, kif ukoll l-acquis u l-linji gwida li joriġinaw minnu;
C. billi l-MDGs għenu fid-definizzjoni tal-faqar bħala privazzjoni multidimensjonali fil-ħajja tan-nies, li tkopri l-edukazzjoni, is-saħħa, l-ambjent, l-ikel, l-impjiegi, l-akkomodazzjoni u l-ugwaljanza bejn is-sessi;
D. billi għad hemm sfidi globali u mistennija jiżdiedu – faqar, ġuħ, nutrizzjoni ħażina, nuqqas ta' aċċess għal sanità adegwata u sikura u nuqqas ta' iġjene, livelli insuffiċjenti ta' edukazzjoni primarja u sekondarja ta' kwalità, rata ta' qgħad għolja – b'mod partikolari l-qgħad fost iż-żgħażagħ, nuqqas ta' protezzjoni soċjali u rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inugwaljanzi, inkluża l-inugwaljanza bejn is-sessi, kif ukoll id-degrad ambjentali u t-tibdil fil-klima - li jħeġġu l-bżonn li jinstabu modi ta' żvilupp ġodda li jistgħu jwasslu għal żvilupp inklużiv u sostenibbli għal kulħadd;
E. billi kważi biljun persuna fid-dinja mhumiex mitmugħa biżżejjed u aktar minn 200 miljun huma mingħajr impjieg; billi 28 % tal-popolazzjoni globali biss hija koperta minn sistemi komprensivi tal-protezzjoni soċjali, u dan jirrifletti livelli għoljin ta' impjieg informali u billi huwa stmat li 1.4 biljun persuna m'għandhomx aċċess għal servizzi tal-enerġija suffiċjenti, li jostakola l-kapaċità tagħhom li jegħlbu l-faqar;
F. billi l-problema tan-nutrizzjoni ħażina fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw toqtol madwar 2.6 miljun tifel u tifla fis-sena u minħabba l-effetti tat-tibdil fil-klima, in-numru ta' dawk li mhumiex mitmugħa biżżejjed mistenni li jiżdied;
G. billi huwa stmat li 140 miljun tifla se jkunu tfal diġà miżżewġa sal-2020 jekk ir-rati attwali ta' żwieġ f'età bikrija jibqgħu l-istess;
H. billi tliet kwarti tal-persuni foqra fid-dinja jgħixu f'pajjiżi b'introjtu medju u, skont l-Indikaturi tal-Iżvilupp Dinji tal-2008 tal-Bank Dinji, l-inugwaljanzi fl-introjtu u l-ġid fi ħdan il-pajjiżi żdiedu sa mill-bidu tas-snin tmenin, inkluż fil-pajjiżi b'introjtu għoli; billi n-nuqqas ta' sigurtà fl-introjtu u fl-impjiegi żdiedet ukoll minħabba xejriet tal-globalizzazzjoni bbażati fuq l-esternalizzazzjoni u protezzjoni tax-xogħol aktar dgħajfa;
I. billi huwa mbassar li fl-2015 aktar minn 600 miljun persuna se jkunu għadhom jużaw sorsi tal-ilma mhux imtejba li jkollhom riskju għas-saħħa u li biljun persuna, li minnhom 70 % se jkunu nisa, se jkunu qed jgħixu b'inqas minn USD 1.25 kuljum, speċjalment f'għadd ta' pajjiżi Afrikani, iżda wkoll f'pajjiżi b'ekonomiji emerġenti, u, jekk ix-xejriet preżenti jibqgħu l-istess, l-objettiv tal-MDG li jitnaqqas bin-nofs il-proporzjon ta' persuni li qed jgħixu mingħajr servizzi sanitarji bażiċi mhix se tintlaħaq sal-2049; billi attwalment kważi 200 miljun persuna huma mingħajr impjieg, madwar 74 miljun minnhom huma fl-età ta' bejn il-15 u l-24 sena u 20 % biss tal-popolazzjoni dinjija għandha kopertura tas-sigurtà soċjali adegwata, filwaqt li aktar minn nofs m'għandha l-ebda tip ta' kopertura; billi jekk l-2015 tiġi ddikjarata bħala s-Sena Ewropea għall-Iżvilupp, dan se jgħin biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku fl-Ewropa dwar l-importanza tal-MDGs il-ġodda;
J. billi l-kriżi globali tal-ikel, tal-enerġija u dik finanzjarja tal-2007-2010, flimkien mat-tnaqqis ekonomiku u t-tibdil fil-klima, enfasizzaw il-fraġilità tas-sistemi globali tal-provvista tal-ikel u esponew fallimenti tas-swieq finanzjarji u tal-prodotti bażiċi tal-mekkaniżmi ta' governanza globali;
K. billi t-tħassib dwar is-sostenibbiltà, inkluża l-ħtieġa urġenti li jitnaqqsu l-emissjonijiet globali ta' gass b'effett ta' serra u li jinkisbu ġestjoni u governanza aktar ekwi u sostenibbli tar-riżorsi naturali, jirrappreżenta l-isfida ewlenija għal aġenda ta' trasformazzjoni;
L. billi d-Dikjarazzjoni dwar id-Dritt għall-Iżvilupp tal-1986 tafferma l-iżvilupp bħala dritt fundamentali tal-bniedem; billi d-Dikjarazzjoni timpenja ruħha lejn approċċ "ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem", ikkaratterizzat mill-kisba tad-drittijiet tal-bniedem kollha (ekonomiċi, soċjali, kulturali, ċivili u politiċi), u billi d-Dikjarazzjoni timpenja ruħha wkoll li ssaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali;
M. billi l-kisba tal-MDGs qabel id-data ta' skadenza se tiddependi ħafna fuq l-ilħuq tas-Sħubija Globali għall-Iżvilupp, u billi l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom iżommu mal-impenji tagħhom u m'għandhomx jippermettu l-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali twaqqaf il-progress li sar;
N. billi l-Artikolu 208 TFUE jistabbilixxi li t-tnaqqis, u fuq perjodu ta' żmien twil, il-qerda tal-faqar, huwa l-objettiv primarju tal-politika għall-iżvilupp tal-UE;
O. billi 50 sena ta' politika għall-iżvilupp immexxija mid-donaturi ħolqot dipendenza eċċessiva[4];
P. billi n-NU qed jaħdmu mill-qrib mal-partijiet interessati kollha, b'mod inklużiv, sabiex jinbena l-momentum iġġenerat mill-MDGs u biex titkompla aġenda għall-iżvilupp ambizzjuża wara l-2015, li għandha tkun ibbażata fuq għajnuna ta' kwalità aħjar, koordinament imtejjeb u rispett għall-prinċipji tal-koerenza politika;
Q. billi l-impenn tal-UE li tiżgura l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp (PCD), skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew fl-2005, ġie mtenni fil-konklużjonijiet tagħha tal-14 ta' Mejju 2012[5]
R. billi l-UE, bħala l-akbar donatur tad-dinja, hija determinata li tikseb l-MDGs fil-ħin u hija impenjata sew fin-negozjati dwar l-aġenda għall-iżvilupp wara l-2015;
S. billi l-Parlament Ewropew jagħti rilevanza partikolari lil dan il-proċess u jqis li l-UE għandha taħdem bħala xprun għall-qafas għal wara l-2015;
T. billi għadd sinifikanti ta' stati fraġli jew milquta minn konflitti ma laħqu l-ebda mira tal-MDGs[6];
U. billi n-nuqqas ta' paċi, sigurtà, demokrazija, rispett għad-drittijiet tal-bniedem u stabbiltà politika, flimkien mal-korruzzjoni u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, jipprevjenu lill-pajjiżi foqra milli jilħqu l-potenzjal ta' żvilupp tagħhom;
V. billi 75 % tal-persuni foqra tad-dinja jgħixu f'pajjiżi b'introtju medju (MICs), minkejja t-tkabbir ekonomiku tagħhom u billi s-sitwazzjoni speċifika tal-MICs għalhekk m'għandhiex tiġi injorata meta jiġu riveduti l-MDGs, filwaqt li jittieħed kont tal-prinċipju ta' differenzazzjoni kif miftiehem fl-aġenda għall-iżvilupp il-ġdida;
I. Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju u sfidi ġodda
1. Jafferma li l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju definiti fis-sena 2000 jidhru fost il-ħafna suċċessi fil-pajjiżi b'introjtu medju u pajjiżi li qed jiżviluppaw u li dawn ir-riżultati għandhom jiġu analizzati tajjeb għall-qafas futur sabiex jinkisbu aktar riżultati globali u sostenibbli;
2. Jenfasizza li x-xenarju globali nbidel b'mod drammatiku matul dan l-aħħar deċennju, bħan-natura tal-faqar, hekk kif differenzi u inugwaljanza dejjem akbar bejn u fi ħdan il-pajjiżi qed isiru kwistjoni prinċipali fil-kuntest tal-qerda tal-faqar;
3. Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li għalkemm xi pajjiżi li qed jiżviluppaw saru donaturi, dawn għadhom qed jiffaċċjaw livelli ta' inugwaljanza li qed ikomplu jiżdiedu, u li jistgħu jitqabblu ma' dawk ta' pajjiżi oħra li qed jiżviluppaw; jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li, fost affarijiet oħrajn, it-tibdil fil-klima, in-nuqqas ta' sigurtà tal-ikel, il-migrazzjoni, il-qgħad, it-tibdil demografiku, il-korruzzjoni, ir-restrizzjonijiet fir-riżorsi, it-tkabbir mhux sostenibbli, il-kriżijiet finanzjarji u ekonomiċi u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem iwasslu għal sfidi kumplessi u interrelatati;
4. Ifakkar li d-degrad ambjentali jipperikola l-ilħuq tal-MDGs, inkluż l-objettiv li jinqered il-faqar estrem u l-ġuħ; b'mod partikolari, ifakkar li l-inugwaljanzi u l-ġlied persistenti fuq riżorsi skarsi huma fost il-katalizzaturi ewlenin tal-konflitti, il-ġuħ, in-nuqqas ta' sigurtà u l-vjolenza, li min-naħa tagħhom huma fatturi ewlenin li jżommu lura l-iżvilupp tal-bniedem u l-isforzi sabiex jinkiseb żvilupp sostenibbli; jitlob l-adozzjoni ta' approċċ aktar olistiku li jirrifletti l-eżitu u s-segwitu tal-Konferenza Rio+20 dwar l-Iżvilupp Sostenibbli;
5. Jenfasizza l-ħtieġa għal koerenza bejn il-politiki kummerċjali tal-UE u l-politiki tagħha dwar l-iżvilupp, b'mod partikolari fir-rigward tar-reġjuni ultraperiferiċi;
6. Iħeġġeġ lill-UE tmexxi b'vuċi waħda u b'saħħitha waqt id-diskussjonijiet dwar il-qafas għal wara l-2015 u sa ma jsir is-Samit tan-NU, u tadotta pożizzjoni komuni, effikaċi u ambizzjuża dwar il-prinċipji u l-għanijiet li għandhom ikunu parti mill-qafas ta' żvilupp ġdid għal wara l-2015; jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li, fl-istess ħin, għandu jkun hemm qafas uniku, komprensiv u integrat, b'punti ta' riferiment ċari, li jinkorpora l-kwistjonijiet ewlenin dwar l-iżvilupp u s-sostenibilità, u li dan il-qafas għandu jkollu natura universali u globali, u jippromwovi l-prosperità, id-drittijiet tal-bniedem u l-benessri għal kulħadd, u dan ifisser l-involviment dirett u attiv tal-pajjiżi kollha fil-ħolqien u l-implimentazzjoni tiegħu, u li tingħata attenzjoni lir-rwol u r-responsabbiltà ta' pajjiżi aktar sinjuri – lil hinn mill-finanzjament – fis-suċċess tiegħu;
7. Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li s-sħubija globali għall-iżvilupp għandha tiġi orjentata mill-ġdid biex tqis il-kuntest mibdul u għandha tkun marbuta mill-qrib mad-dimensjonijiet il-ġodda tal-aġenda għal wara l-2015; jenfasizza li sħubija globali għall-iżvilupp imfassla u msaħħa mill-ġdid se tkun fundamentali għall-implimentazzjoni tal-aġenda għal wara l-2015 u biex tiżgura mekkaniżmi ta' responsabbiltà effikaċi fil-livelli kollha;
8. Iqis li dan l-approċċ unifikat jirrikjedi koordinament adegwat bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha qabel jiġi ppreżentat fis-Samit tal-Ħarifa ta' New York, kif ukoll viżibilità għolja matul il-proċess ta' negozjati taħt it-tmexxija tal-Kummissarju Ewropew għall-Iżvilupp; jistieden lill-UE, li hija l-akbar donatur fid-dinja, tiżvolġi r-rwol tagħha bis-sħiħ bħala l-attur ewlieni fl-aġenda għal wara l-2015;
9. Jitlob li l-għanijiet tal-qafas ta' żvilupp għal wara l-2015 jinkludu l-MDGs kif ukoll l-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli (SDGs) u jippromwovu l-prosperità u l-benessri għal kulħadd, inklużi gruppi żvantaġġati, bħal nisa, tfal, anzjani u persuni b'diżabbiltajiet; jenfasizza li għandu jkun hemm flessibbiltà ġenwina skont il-kapaċitajiet biex jiġu stabbiliti objettivi nazzjonali bl-involviment dirett u attiv ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw u sħab fl-iżvilupp, speċjalment is-soċjetà ċivili; jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li pajjiżi sinjuri għandhom jimpenjaw ruħhom ħafna, kemm b'rabta mal-iżvilupp tagħhom stess, kif ukoll b'rabta mal-politiki tagħhom li jaffettwaw lil pajjiżi oħrajn;
10. Jenfasizza li n-nuqqas ta' progress fuq dawk l-MDGs li jirrigwardaw il-pożizzjoni tan-nisa hu kkawżat mhux biss minn ostakoli finanzjarji jew tekniċi, iżda partikolarment minn nuqqas ta' rieda politika;
II. Qerda tal-faqar
11. Iħeġġeġ b'urġenza sabiex il-qerda tal-faqar, li huwa l-objettiv primarju tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE, u l-kisba tal-iżvilupp soċjali u ambjentali sostenibbli fi ħdan il-limiti tal-pjaneta għandhom ikunu l-prijoritajiet globali imperattivi għall-aġenda għall-iżvilupp għal wara l-2015;
12. Jenfasizza li l-inugwaljanza tostakola l-iżvilupp ekonomiku u l-isforzi għat-tnaqqis tal-faqar; b'mod partikolari jfakkar li livelli għoljin ta' inugwaljanza jagħmluha diffiċli li jitfasslu sistemi tal-assistenza soċjali b'bażi wiesgħa ridistributtivi u sostenibbli mil-lat fiskali, li huma bbażati fuq prinċipji tas-solidarjetà soċjali, filwaqt li livelli għoljin ta' inugwaljanza jistgħu jgħollu l-livelli ta' kriminalità jew jikkawżaw konflitti vjolenti, speċjalment f'soċjetajiet multietniċi; jemmen li l-kawżi strutturali tal-faqar jeħtieġ li jiġu indirizzati sabiex issir bidla reali fis-soċjetà;
13. Jirrikonoxxi l-modi kif l-iżvilupp u l-qerda tal-faqar huma marbuta mal-isfidi tal-paċi u s-sigurtà, l-ambjent, id-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn is-sessi, id-demokrazija u l-governanza tajba; għalhekk, jitlob approċċ imġedded għall-qerda tal-faqar li jkun jikkunsidra l-importanza tal-iżvilupp u t-tkabbir ekonomiċi u inklużivi, it-tqassim mill-ġdid tal-ġid permezz ta' mezzi baġitarji, ix-xogħol deċenti, it-taħriġ professjonali effiċjenti, is-sostenibbiltà ambjentali, id-drittijiet tal-bniedem u l-governanza tajba;
14. Jitlob sabiex ''l-aġenda għal wara l-MDG' tkun ibbażata fuq id-Dikjarazzjoni dwar id-Dritt għall-Iżvilupp tal-1986, li mhux biss tikkonferma l-iżvilupp bħala dritt tal-bniedem fundamentali, iżda tirreferi wkoll għall-iżvilupp bħala proċess;
15. Jitlob biex l-integrazzjoni tas-sessi tiġi inkorporata f'approċċ orjentat lejn it-tkabbir sabiex jintemm il-faqar u li l-ugwaljanza bejn is-sessi tiġi inkluża fil-programmi, il-politiki u l-istrateġiji kollha tal-UE u fil-qafas għal wara l-2015;
16. Jenfasizza li s-sens ta' inklużjoni huwa kunċett dinamiku li jmur lil hinn minn strateġija "li tiffavorixxi l-foqra", u jimplika enfasi usa' sabiex jiġu inklużi popolazzjonijiet vulnerabbli f'għajxien prekarju, li jirrikjedi li l-istrateġija għall-iżvilupp tkun ibbażata fuq il-qafas makroekonomiku; iqis li d-definizzjoni tal-indikaturi kwalitattivi se tkun essenzjali għall-monitoraġġ kemm tal-grad safejn il-progress għall-iżvilupp huwa inklużiv u sostenibbli, u ta' kemm il-ħtiġijiet ta' dawk il-gruppi l-aktar fil-bżonn u vulnerabbli qed jiġu indirizzati;
17. Jitlob, f'dan ir-rigward, definizzjoni usa' tal-faqar minn dik ibbażata fuq il-prodott domestiku gross (PDG) biss; jenfasizza li l-medji globali u nazzjonali jeskludu numru kbir ta' foqra fid-dinja;
Saħħa, nutrizzjoni, edukazzjoni u protezzjoni soċjali
18. Jirrikonoxxi li l-indirizzar tan-nutrizzjoni ħażina tat-tfal u tal-ommijiet teħtieġ strateġiji għall-iżvilupp fuq perjodu twil, li jiffukaw fuq setturi li jinfluwenzaw in-nutrizzjoni ħażina, bħas-saħħa, l-edukazzjoni, l-ilma u s-sanità, u l-agrikoltura;
19. Ifakkar li l-multidimensjonalità tal-benessri tal-bniedem jeħtieġ li tiġi rikonoxxuta bis-sħiħ; ifakkar f'dan ir-rigward, li s-saħħa, in-nutrizzjoni, il-protezzjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-edukazzjoni huma katalizzaturi ewlenin għall-qerda tal-faqar u l-iżvilupp ekonomiku inklużiv;
20. Jenfasizza l-importanza li jitnaqqsu d-differenzi bejn is-sessi, l-ewwel nett fil-qasam edukattiv, bil-ħsieb li tiżdied il-kwalità medja ta' kapital uman, u t-tieni nett fis-saħħa, biex isir progress aħjar fit-titjib tas-saħħa materna u fit-tnaqqis tar-rati ta' mortalità fost it-tfal;
21. Jitlob lill-UE tiddefendi bil-qawwa d-dritt għall-ogħla standard ta' saħħa possibbli, inklużi s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi u l-integrazzjoni tal-HIV/AIDS, fost l-oħrajn permezz tal-għoti ta' ppjanar tal-familja volontarju, l-abort sikur u l-kontraċettivi;
22. Jenfasizza li l-qafas tal-MDG għal wara l-2015 jinkludi għan speċifiku dwar l-eliminazzjoni tal-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa;
23. Jenfasizza li l-aċċess għal kopertura tas-saħħa universali (UHC) – li jinkludi kemm trattament u kemm approċċ preventiv –, l-aċċess universali għal ikel sustanzjuż adegwat, u edukazzjoni ta' kwalità għolja għal kulħadd u fil-livelli kollha li jippermettu l-impjieg għandhom jiġu kkunsidrati bħala l-għanijiet ewlenin tal-aġenda għal wara l-2015;
24. Jinsisti li l-qafas għal wara l-2015 għl-kura tas-saħħa ta' kwalità b'enfasi fuq il-promozzjoni tas-saħħa, il-prevenzjoni u interventi ta' kura inklużi s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi u HIV/AIDS bħala elementi ewlenin, u t-tieni nett, passi prattiċi sabiex jiġu stabbiliti sistemi ta' kura tas-saħħa bażika li jiżguraw il-prevenzjoni, it-trattament, il-kura u l-appoġġ għall-persuni kollha, inklużi l-aktar gruppi emarġinati u żvantaġġati bħal minoranzi, priġunieri, migranti u persuni mhux dokumentati, dawk li joffru servizzi sesswali u persuni li jieħdu d-drogi;
25. Jitlob li tittieħed azzjoni globali aċċelerata biex titnaqqas il-mortalità materna, tat-trabi u tat-tfal, u jtenni l-importanza ewlenija ta' aċċess universali għall-kura tas-saħħa riproduttiva;
26. Jitlob li jkompli jingħata appoġġ għar-riċerka dwar programmi aktar effikaċi u sostenibbli ta' prevenzjoni u trattament, inkluża r-riċerka u l-iżvilupp fir-rigward ta' forom effikaċi ta' interventi mediċi, fosthom vaċċini, mediċini u dijanjostika;
27. Jinnota li n-nisa għandhom rwol kruċjali fil-qasam tan-nutrizzjoni u tas-sigurtà tal-ikel, billi huma responsabbli għal 80 % tal-agrikoltura fl-Afrika, minkejja li sa issa kważi qatt ma jkunu jistgħu ikunu s-sidien tal-artijiet li jikkultivaw; jenfasizza li l-eliminazzjoni tal-ġuħ konsegwentement tiddependi fuq l-għajnuna biex il-bdiewa żgħar jingħataw lok jipproduċu biżżejjed ikel għalihom u għall-familji tagħhom; jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-parti l-kbira tal-bdiewa żgħar huma nisa; jitlob għal approċċ sensittiv għall-kwistjonijiet relatati mas-sessi li jkun integrat fl-elementi kollha tal-programmazzjoni għas-sigurtà tal-ikel; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi evitata u trattata n-nutrizzjoni ħażina b'interventi msejsa fuq il-provi, li jagħtu prijorità lin-nisa tqal u lit-tfal żgħar;
28. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu mfassla u implimentati programmi tas-saħħa għat-tisħiħ tas-sistemi tas-saħħa, filwaqt li jitqies il-fatt li l-kriżi ekonomika dinjija xekklet il-progress fir-rigward tal-HIV/AIDs, it-tuberkolożi, il-malarja u mard tropikali li ma jingħatax attenzjoni;
29. Jisħaq fuq l-importanza tal-għan ta' saħħa materna mtejba fir-rigward tat-tnaqqis tar-rata ta' mortalità materna u l-kisba ta' aċċess universali għas-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva u għall-ippjanar tal-familja; jisħaq fuq l-importanza tal-edukazzjoni u tas-sensibilizzazzjoni fil-qasam tas-saħħa sesswali u riproduttiva bħala parti integrali mill-aġenda tas-saħħa tal-mara;
30. Jistqarr li jeħtieġ tingħata attenzjoni partikolari lill-edukazzjoni għaż-żewġ sessi dwar kwistjonijiet tal-ġeneru sa mill-bidu tal-edukazzjoni tagħhom l-iskola, bil-għan li l-imġiba u l-istereotipi soċjali jinbidlu gradwalment u li l-ugwaljanza bejn is-sessi ssir prinċipju bażiku tas-soċjetà fil-pajjiżi kollha tad-dinja;
31. Iħeġġeġ l-għoti ta' għajnuna umanitarja tal-UE li tikkontribwixxi għall-ilħuq tal-MDGs, u li din għandha tkun effettivament indipendenti mir-restrizzjonijiet fuq l-għajnuna umanitarja imposti mill-Istati Uniti jew donaturi oħra, b'mod partikolari billi jkun żgurat aċċess għall-abort għal nisa u bniet vittmi ta' stupru f'konflitti armati;
32. Jirrikonoxxi li opportunitajiet ta' xogħol deċenti jippermettu lil unitajiet domestiċi foqra joħorġu mill-faqar u huma mezzi ewlenin għall-individwi u l-familji sabiex jiksbu stima tagħhom infushom, sens ta' appartenenza f'komunità u mod kif jagħtu kontribut produttiv; jitlob biex impjieg sħiħ u produttiv u xogħol deċenti jkunu għan ċentrali tal-aġenda għall-iżvilupp għal wara l-2015 u jitlob li dan l-għan jiġi appoġġat permezz tal-implimentazzjoni ta' bażijiet ta' protezzjoni soċjali nazzjonali mfassla tajjeb għat-tnaqqis tal-faqar u r-reżiljenza;
33. Jinsisti li l-informazzjoni dwar is-saħħa u l-edukazzjoni huma elementi ewlenin biex ikun hemm saħħa pubblika aħjar;
34. Jinsisti b'urġenza li għandha tingħata wkoll attenzjoni speċjali lill-ġlieda kontra mard li ma jitteħidx bħall-kanċer;
35. Jitlob biex il-qafas tal-MDG għal wara l-2015 iġib 'il quddiem l-għoti ta' setgħa lin-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi billi jnaqqas id-differenzi fil-livelli kollha tal-edukazzjoni b'objettivi speċifiċi inklużi l-aċċess universali għal edukazzjoni ta' kwalità u t-tkomplija tagħha (fil-livell primarju, sekondarju u ogħla) u taħriġ vokazzjonali f'ambjent ta' politika għall-ħolqien tal-impjiegi għaż-żgħażagħ, l-eliminazzjoni tal-illitteriżmu fost in-nisa, aċċess għal edukazzjoni sesswali komprensiva fl-iskola u lil hinn minnha;
III. Governanza tajba
36. Jenfasizza li l-qafas ta' żvilupp sostenibbli għal wara l-2015 jeħtieġ ir-rispett għall-prinċipju ta' governanza demokratika u tad-drittijiet tal-bniedem, istituzzjonijiet u msieħba effikaċi, trasparenti u responsabbli fil-livelli kollha u soċjetà ċivili li tkun ingħatat is-setgħa u li tkun involuta sistematikament fil-proċess demokratiku; jinsisti li l-qafas għandu jkun immexxi mill-kunċetti ewlenin tad-demokrazija parteċipattiva u ċ-ċittadinanza effikaċi permezz tal-eżerċizzju sħiħ u akbar tad-drittijiet ċiviċi u politiċi;
37. Jistieden lill-UE tikkondividi l-esperjenza u l-għarfien espert tagħha mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw billi tipprovdi aċċess għal għarfien f'oqsma rilevanti bħall-iżvilupp sostenibbli, speċjalment billi tisfrutta l-esperjenza ta' tranżizzjoni tal-Istati Membri tal-UE;
38. Iqis li n-negozjati u d-dibattitu li għaddejjin għandhom ikunu strutturati b'mod li jiżgura li fil-qafas ta' żvilupp il-ġdid jiġi rifless u mfittex impenn ċar lejn il-governanza demokratika;
39. Jenfasizza li t-tibdil fil-klima, il-kriżi reċenti fil-prezzijiet tal-ikel u l-kriżi finanzjarja globali jistgħu kollha jkunu marbuta man-nuqqas ta' governanza globali adegwata; jenfasizza għaldaqstant, li l-governanza globali għandha tkun l-ingredjent fundamentali tal-Aġenda għall-Iżvilupp għal wara l-2015;
40. Jiddeplora n-nuqqas ta' koerenza bejn l-istituzzjonijiet ta' governanza globali, b'mod partikolari fir-rigward tal-arkitetturi multilaterali għall-kummerċ, il-finanzi u dawk ambjentali; iqis li, filwaqt li n-nuqqasijiet ta' governanza globali wasslu sabiex il-pajjiżi jfittxu soluzzjonijiet reġjonali bħala mod kif iwieġbu għall-ħtiġijiet tal-iżvilupp speċifiċi għar-reġjun, tali arranġamenti jeħtieġu koordinament sabiex jiġu evitati l-frammentazzjoni fil-politiki u n-nuqqas ta' koerenza ma' reġimi multilaterali u standards internazzjonali; b'mod usa', iqis li hija meħtieġa azzjoni fil-livell globali biex tgħin l-isforzi nazzjonali;
41. Jinnota li, għalkemm il-format tal-qafas tal-MDG ippermetta l-istabbiliment ta' għanijiet konkreti u marbuta biż-żmien u miri li jistgħu jiġu mmonitorjati minn indikaturi statistikament robusti, teżisti nuqqas ta' sjieda ta' dawn l-għanijiet; f'dan il-kuntest iwissi kontra approċċ wieħed tajjeb għal kulħadd u jemmen li l-għanijiet u l-objettivi globali għandhom ikunu mfassla apposta u adattati għall-kuntesti nazzjonali u reġjonali u l-kundizzjonijiet inizjali;
42. Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-awtoritajiet fil-livelli kollha jaqdu rwol kruċjali f'aġenda għall-iżvilupp sostenibbli billi jipparteċipaw f'dibattiti politiċi, jibdlu l-impenji f'leġiżlazzjoni, iżommu lill-gvernijiet responsabbli għall-politiki soċjali, ambjentali u ġudizzjarji tagħhom, u jibnu fuq il-prinċipju ta' sjieda;
43. Iħeġġeġ b'urġenza lill-komunità internazzjonali tagħti attenzjoni speċjali lill-ħolqien ta' ambjent li jippermetti u parteċipattiv li fih l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ), is-settur privat, il-fondazzjonijiet filantropiċi u sħab indipendenti fl-iżvilupp oħra, kif ukoll il-parlamenti nazzjonali u l-awtoritajiet fil-livell lokali, nazzjonali u reġjonali jkunu jistgħu jassumu r-responsabbiltajiet tagħhom għat-tfassil tal-politiki u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħhom, u b'hekk jaqdu rwol xieraq fil-qafas għal wara l-2015
44. Jinsisti wkoll li ż-żgħażagħ, speċjalment il-bniet u t-tfajliet, għandhom jingħataw il-possibbiltà li jkollhom rwol ewlieni fil-qafas għal wara l-2015, filwaqt li jfakkar li l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-governanza jista' jkollha benefiċċji kbar, inklużi t-trawwim tal-istrutturi u l-proċessi demokratiċi għat-teħid tad-deċiżjonijiet u t-titjib fil-benessri taż-żgħażagħ u l-komunitajiet tagħhom;
Approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem
45. Jitlob sabiex il-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem isostnu l-qafas għal wara l-2015, li għandu jindirizza, b'mod partikolari, kwistjonijiet ta' inugwaljanza, prattiki tradizzjonali li jagħmlu l-ħsara, diskriminazzjoni, vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, il-parteċipazzjoni u l-għoti ta' setgħa lil persuni emarġinati u żvantaġġati fis-soċjetà, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lid-drittijiet taż-żgħażagħ, in-nisa, il-migranti, il-persuni li għandhom l-HIV, il-persuni li jġarrbu diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta, il-persuni LGBT u persuni b'diżabilitajiet;
46. Jitlob, f'dan ir-rigward, għal għan uniku biex jindirizza l-inugwaljanzi persistenti li qed jiffaċċjaw in-nisa u l-bniet, li jrawwem ir-rieda politika, ir-riżorsi u s-sjieda meħtieġa biex tinħoloq azzjoni sostenibbli u effikaċi;
47. Jenfasizza li l-Aġenda għall-Iżvilupp tan-NU għal wara l-2015 trid twieġeb għal approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem, li jħaddan drittijiet soċjali u ekonomiċi, filwaqt li jinkludi wkoll drittijiet ċivili u politiċi relatati mal-paċi u s-sigurtà, kif ukoll id-dritt għall-iżvilupp;
48. Jirrakkomanda l-ħolqien ta' għan ta' ugwaljanza ġenerali;
49. Iħeġġeġ lill-UE tappoġġa l-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-bini tar-rieda politika tagħhom u fiż-żieda tal-isforzi biex itejbu l-livell ta' implimentazzjoni tal-istrumenti ġuridiċi għad-drittijiet tal-bniedem biex jipprojbixxu d-diskriminazzjoni jew kull ostakolu u dispożizzjoni punittiva legali, tal-politika jew regolatorja bbażati fuq l-età, il-ġeneru, ir-razza, l-etnija, il-kasta, il-kultura, ir-reliġjon, it-twemmin, l-istat ċivili, id-diżabilità, l-istatus tal-HIV, l-oriġini nazzjonali, l-istatus ta' migrazzjoni, il-ħiliet fil-lingwi, l-orjentament sesswali, l-identità tal-ġeneru jew fatturi jew status oħrajn; iħeġġeġ ukoll lill-UE tappoġġa l-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-introduzzjoni ta' bażijiet ta' protezzjoni soċjali adegwati;
50. Iħeġġeġ lill-pajjiżi kollha jirratifikaw il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) tan-NU biex tkun promossa l-ugwaljanza bejn is-sessi;
Paċi, sigurtà u żvilupp
51. Jinsisti li l-konflitt armat u s-sitwazzjonijiet ta' wara konflitt huma xi wħud mill-ostakoli ewlenin għall-iżvilupp u t-tnaqqis tal-faqar u jheddu d-demokrazija; jinsisti wkoll li l-paċi u s-sigurtà, l-iżvilupp u d-drittijiet tal-bniedem huma interkonnessi u jinfurzaw lil xulxin; b'hekk iħeġġeġ lill-Unjoni tagħmel użu mill-istrumenti kollha rilevanti bħad-Dikjarazzjoni Internazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem jew dawk provduti fil-qafas tal-Ftehim ta' Cotonou sabiex isaħħu l-prevenzjoni tal-konflitti;
52. Jitlob, f'dan ir-rigward, għall-prijoritizzazzjoni tal-bini tal-kapaċità fi stati milquta minn konflitti u dawk fraġli; huwa tal-fehma li s-sħubijiet internazzjonali effikaċi, l-iskambju tal-għarfien u metodi għall-iżvilupp tal-kapaċità bbażati fuq l-esperjenza ta' tranżizzjoni tal-Istati Membri tal-UE, li jibnu fuq il-mudell tal-Ftehim Ġdid għal Impenn fi Stati Fraġli li tnieda matul ir-Raba' Forum ta' Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna f'Busan, huma meħtieġa għall-istabbilizzazzjoni u l-iżvilupp ta' dawn l-Istati;
53. Jistieden lill-UE tkompli tinvolvi ruħha ħafna fi stati fraġli, billi tirreaġixxi b'mod integrat b'rabta mal-politiki ta' żvilupp, tipprovdi għajnuna umanitarja u tikkontribwixxi għat-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri, il-prevenzjoni tal-konflitti u l-bini tal-istat;
54. Iqis li l-qafas għal wara l-2015 għandu jirrifletti l-għanijiet ta' konsolidament tal-paċi u bini tal-istat (PBSB) miftiehma f'Busan;
55. Jinsisti li l-prevenzjoni tal-vjolenza u d-diskriminazzjoni, speċjalment il-vjolenza sesswali kontra l-bniet u n-nisa, għandhom jiġu indirizzati fil-qafas għal wara l-2015 u li għandhom jiġu stabbiliti jew imsaħħa s-sistemi ta' protezzjoni komprensivi aċċessibbli għal kulħadd;
IV. Sostenibbiltà
56. Jistieden lill-UE tikkontribwixxi, b'mod inklużiv u trasparenti, għat-tisħiħ tal-koerenza bejn l-SDGs fl-oqsma soċjali u ambjentali u l-għanijiet ta' żvilupp għal wara l-2015;
57. Jenfasizza li r-riżultat finali għandu jkun "aġenda ta' żvilupp waħda", li tevita d-duplikazzjoni tal-isforzi u r-riżorsi; jisħaq fuq il-fatt li, minħabba li l-kwistjonijiet ambjentali u ta' żvilupp normalment jiġu indirizzati separatament fil-livell globali, l-UE għandha tfittex modi ġodda biex tegħleb din id-diviżjoni u tibni rabtiet bejn dawk l-oqsma li huma interkonnessi mill-qrib, inkluż minn perspettiva istituzzjonali;
58. Jenfasizza li s-sostenibbiltà hija sfida globali, fejn in-nuqqas tagħha x'aktarx li jhedded id-dimensjonijiet kollha tal-iżvilupp tal-bniedem; b'mod partikolari, jirrikonoxxi r-rabtiet inseparabbli bejn l-ikel, l-aċċess sostenibbli u sikur għall-enerġija, l-ilma, l-użu sostenibbli tal-art, l-użu effiċjenti tar-riżorsi naturali, il-protezzjoni tal-ekosistemi tal-baħar u ta' ekosistemi oħrajn u l-bijodiversità, id-deforestazzjoni u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, l-adattament għad-diżastri u t-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri, il-produzzjoni u l-konsum sostenibbli, l-inklużjoni soċjali u x-xogħol deċenti fil-qafas ta' kontra l-faqar;
59. Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-aċċess universali għall-ilma għax-xorb u s-sanità, bħala servizz soċjali bażiku u orizzontali sabiex jinkisbu l-għanijiet kollha, u servizzi tal-enerġija moderni, affidabbli, bi prezzijiet raġonevoli, favur il-klima u sostenibbli għal kulħadd jikkostitwixxu katalizzatur ewlieni tal-qerda tal-faqar u t-tkabbir inklużiv;
60. Jenfasizza li s-sigurtà tal-enerġija teħtieġ implimentazzjoni ta' strateġiji bbażati fuq id-diversifikazzjoni ta' sorsi, inklużi l-enerġija solari, il-protezzjoni tal-ekosistemi u r-riżorsi naturali, it-tnaqqis tar-riskji ta' diżastru, il-ġestjoni integrata tar-riżorsi tal-ilma, u t-titjib tas-swieq, l-infrastruttura u miżuri regolatorji.
61. Jitlob ukoll azzjoni konkreta fil-promozzjoni u l-iżvilupp ta' ekosistemi tal-baħar b'saħħithom, sajd u akkwakultura sostenibbli, li jista' jkollhom rwol importanti fis-sigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni u fl-agrikoltura sostenibbli;
62. Jenfasizza kemm hu importanti li l-prinċipju ta' differenzazzjoni mħaddan fl-aġenda għall-iżvilupp il-ġdida jiġi implimentat kif xieraq; iħeġġeġ lil pajjiżi b'ekonomiji emerġenti jassumu r-responsabbiltà tagħhom fir-ridistribuzzjoni tad-dħul bejn iċ-ċittadini tagħhom permezz tal-baġit tal-istat sabiex jeliminaw l-ispariġġ tal-faqar;
V. Noqorbu lejn pożizzjoni tal-UE dwar il-qafas għall-iżvilupp għal wara l-2015
Il-finanzjament tal-MDGs għal wara l-2015
63. Ifakkar dwar l-impenn li sar biex jiġi allokat 0.7 % tal-introjtu nazzjonali gross (ING) lill-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) sal-2015; jinsisti li dan il-livell għandu jinżamm f'qafas futur u jistieden lill-Istati Membri kollha jintroduċu dan permezz ta' leġiżlazzjoni vinkolanti u jadottaw kalendarji tal-baġit pluriennali sabiex jilħqu dan il-objettiv;
64. Jenfasizza l-importanza li jkun hemm baġit tal-UE li kapaċi jindirizza l-isfidi li qed tiffaċċja, speċjalment fi żminijiet ta' kriżi u partikolarment f'termini ta' finanzjament għall-iżvilupp; f'dan ir-rigward u sabiex il-baġit tal-UE ma jibqax soġġett għall-kwistjoni unika tal-livell ta' approprjazzjonijiet ta' pagament, jitlob għall-ħolqien ta' riżorsi proprji, bħal taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji, li parti minnhom għandhom jiddaħħlu fl-Intestatura IV tal-baġit tal-UE;
65. Jinsisti biex il-finanzjament għall-ġlieda kontra l-effetti tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalihom tiegħu jkunu tassew addizzjonali għall-impenji eżistenti; jistieden għalhekk lill-UE tipproponi li jkunu disponibbli sorsi ta' finanzjament oħrajn minbarra l-ODA għall-finanzjament għall-klima, filwaqt li d-diskussjonijiet għal wara l-2015 jitħallew jikkjarifikaw ir-rwoli tal-ODA u tal-finanzjament għall-adattament fil-qerda sostenibbli tal-faqar;
66. Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ id-diskussjonijiet mal-partijiet interessati kollha dwar il-mekkaniżmi ta' finanzjament sabiex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet finanzjarji f'xenarju ta' żvilupp wara l-2015;
67. Ifakkar li, matul il-Forum ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp tan-NU tal-2012, il-ħtieġa għal aktar koordinament aktar milli kompetizzjoni bejn il-mekkaniżmi differenti tal-għajnuna u d-donaturi kienet enfasizzata b'mod ċar. jistieden lill-UE tippromwovi aġenda għall-effikaċja tal-għajnuna peress li l-UE u l-Istati Membri għandhom responsabbiltà konġunta li jnaqqsu l-frammentazzjoni tal-għajnuna;
Mekkaniżmi finanzjarji innovattivi
68. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli taħdem flimkien ma' donaturi oħrajn fil-livell globali fuq l-iżvilupp ulterjuri ta' mekkaniżmi ta' finanzjament innovattivi għall-iżvilupp, peress li flimkien ma' sħubijiet ġodda, dawk se jaqdu rwol kruċjali f'ambjent ta' żvilupp ġdid, u se jikkomplementaw sorsi u kompromessi oħrajn dwar il-finanzjament għall-iżvilupp sostenibbli; ifakkar lill-Istati Membri tal-UE li qablu li jistabbilixxu taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji biex jiddedikaw parti minn dawk il-fondi għall-iżvilupp sostenibbli u għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;
69. Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-UE għandha tippromwovi approċċ integrat u komplementari għall-finanzjament, inkluż permezz ta' sħubijiet pubbliċi-privati;
70. Jistieden lill-UE tħeġġeġ l-akkwist pubbliku soċjali, etiku u favur l-ambjent fil-livell internazzjonali bħala għodda għall-implimentazzjoni tal-qafas għal wara l-2015;
71. Jistieden lill-UE tevalwa kif xieraq il-mekkaniżmu ta' kombinament ta' self u għotjiet – b'mod partikolari f'termini tal-iżvilupp u l-addizzjonalità finanzjarja, it-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, is-sjieda lokali u r-riskju ta' dejn – qabel ma tkompli tiżviluppa l-kombinament ta' self u għotjiet biex tagħti spinta lir-riżorsi finanzjarji għall-iżvilupp u biex tippromwovi l-mikrokreditu; jistieden lill-Kummissjoni tippubblika linji gwida u kriterji preċiżi li jkunu bbażati fuq strateġiji armonizzati għat-tnaqqis tal-faqar u li jkollhom impatt ta' żvilupp sostenibbli ċar meta jiġu implimentati dawn l-arranġamenti l-ġodda;
It-tisħiħ tad-dħul nazzjonali permezz ta' tassazzjoni effikaċi u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni
72. Itenni t-talba tiegħu li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus, ir-rifuġji fiskali, il-flussi illegali tal-kapital u l-istrutturi tat-taxxa li huma ta' ħsara ssir l-aktar prijorità importanti tal-aġenda tal-UE fl-istituzzjonijiet internazzjonali ta' finanzjament u żvilupp sabiex il-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikunu jistgħu jżidu d-dħul nazzjonali tagħhom;
73. Jenfasizza l-ħtieġa urġenti għal aktar mobilizzazzjoni ta' riżorsi interni u għalhekk jistieden lill-UE u lill-komunità internazzjonali jżidu l-appoġġ tagħhom għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw f'dak li għandu x'jaqsam mal-istabbiliment ta' politika fiskali effikaċi u bażi tat-taxxa sostenibbli, kif ukoll fit-tisħiħ tal-kapaċità, tal-ħiliet u l-kwalifiki tal-amministrazzjonijiet tagħhom bl-għan li jiġu indirizzati flussi finanzjarji illegali, l-evitar tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi, u li jitjieb il-ġbir tat-taxxi;
74. Ifakkar li l-kwalità tar-rapportar finanzjarju hija kruċjali biex l-evażjoni tat-taxxa tiġi miġġielda b'mod effikaċi; għalhekk, jenfasizza l-importanza ta' trasparenza sħiħa fir-rapportar korporattiv ta' profitti u taxxi mħallsa, speċjalment minn – iżda mhux biss – kumpaniji involuti fl-isfruttament ta' riżorsi naturali; jitlob għalhekk lill-Kummissjoni tippromwovi l-inklużjoni ta' rekwiżit fl-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju tal-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà li l-korporazzjonijiet multinazzjonali kollha jirrappurtaw l-introjtu tagħhom u t-taxxa li ħallsu abbażi ta' kull pajjiż individwalment; ifakkar li dan ir-rekwiżit huwa konsistenti mal-ħtieġa li tittejjeb ir-responsabbiltà soċjali korporattiva tal-impriżi multinazzjonali;
Mekkaniżmi ta' monitoraġġ u indikaturi
75. Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li nersqu lejn taħlita adegwata ta' kejl kwantitattiv u kwalitattiv għall-iżvilupp;
76. Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li huwa meħtieġ sett ġdid ta' indikaturi minbarra l-PDG sabiex jinkisbu l-prosperità u l-iżvilupp u jingħelbu sfidi soċjali u ambjentali ġodda, u għalhekk dawn għandhom jinkludu indikaturi bħall-indiċi tal-iżvilupp tal-bniedem, il-proporzjon tal-faqar, l-indiċi tal-ispariġġ tal-faqar u l-koeffiċjent Gini;
77. Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li indikaturi ċari u li jistgħu jitkejlu, inklużi l-prodotti u r-riżultati, huma kruċjali għall-monitoraġġ u r-rapportar dwar il-progress miksub fir-rigward ta' oqsma bħall-qerda tal-faqar u l-iżvilupp ekonomiku u soċjali, u għandhom jinkludu l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-impjieg, il-protezzjoni soċjali (eż. l-aċċess għall-kura tas-saħħa u l-pensjonijiet, il-protezzjoni kontra r-riskji tal-qgħad, u l-protezzjoni kontra t-tiċħid tal-għajxien speċjali tan-nisa, it-tfal u l-anzjani), id-diżabbiltà, il-migrazzjoni u l-istatus ta' minoranza;
78. Jistieden lill-UE tiżviluppa xenarji bażi, indikaturi u objettivi rilevanti għall-kejl tal-impatt tal-PCD;
Settur privat
79. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu implimentati il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; f'dan il-kuntest, jistieden lill-pajjiżi kollha jistabbilixxu qafas regolatorju tan-negozju ġenwin, il-promozzjoni ta' impjieg sħiħ u produttiv u xogħol deċenti, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-istandards tal-ILO, it-trasparenza u standards soċjali u ambjentali;
80. Iqis l-għan prinċipali tal-appoġġ lis-settur privat għandu jkun li joħroġ lill-persuni f'pajjiżi li qed jiżviluppaw mill-faqar u li jgħin fit-tisħiħ tas-settur privat fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, peress li n-nuqqas ta' dan jirriżulta fi żvilupp u tkabbir mhux ibbilanċjat;
81. Iħeġġeġ lill-kumpaniji bbażati fl-UE b'faċilitajiet tal-produzzjoni f'pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom tar-rispett tad-drittijiet u l-libertajiet tal-bniedem, l-istandards soċjali u ambjentali, l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-istandards fundamentali tax-xogħol, il-ftehimiet internazzjonali u l-ħlas ta' taxxi b'mod trasparenti;
82. Jiġbed l-attenzjoni lejn l-importanza tal-protezzjoni tal-proprjetà privata sabiex isir titjib f'ambjent ta' investiment u fl-istat tad-dritt;
83. Jenfasizza li, għalkemm is-settur privat jaqdi rwol kruċjali fl-ekonomija, hija r-responsabbiltà ewlenija tal-Istat li jipprovdi servizzi bażiċi ta' kwalità liċ-ċittadini tiegħu, u li b'hekk jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-faqar;
84. Jenfasizza li dawk involuti fis-settur pubbliku u dak privat iridu jsibu modi ġodda biex jikkombinaw l-interessi, il-kapaċitajiet u l-isforzi tagħhom sabiex jikkontribwixxu għall-kisba tal-aġenda għal wara l-2015;
85. Jenfasizza li t-tkabbir u l-iżvilupp ekonomiku għandhom ikunu sostenibbli, inklużivi u jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni, il-ħolqien ta' impjiegi deċenti u l-inklużjoni soċjali għal kulħadd sabiex jippermettu lil pajjiżi li qed jiżviluppaw jittrasformaw l-ekonomiji tagħhom; jitlob l-istabbiliment ta' bażijiet ta' protezzjoni soċjali definiti fil-livell nazzjonali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u biex tintemm kwalunkwe forma ta' tħaddim tat-tfal;
86. Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-Kummerċ Ġust huwa sħubija kummerċjali bbażata fuq id-djalogu, it-trasparenza u r-rispett, li l-għan tagħha huwa li tinkiseb aktar ekwità fil-kummerċ internazzjonali[7]; huwa tal-fehma li l-Kummerċ Ġust huwa eżempju ta' sħubija ta' suċċess bejn ħafna partijiet interessati mid-dinja kollha u fi stadji differenti tal-katina tal-provvista, li jiżgura aċċess għas-swieq għal produtturi żvantaġġati, jiggarantixxi għajxien sostenibbli, jirrispetta l-istandards tax-xogħol, jelimina t-tħaddim tat-tfal u jħeġġeġ il-biedja u l-prattiki ta' produzzjoni sostenibbli mil-lat ambjentali;
Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp (PCD) u koordinament fost id-donaturi
87. Jistieden lill-UE, filwaqt li tiżgura li l-PCD tiġi inkorporata bis-sħiħ fil-qafas għal wara l-2015, tkompli tagħti attenzjoni partikolari lill-oqsma ta' prijorità li ġejjin: il-kummerċ u l-finanzi, is-saħħa u l-edukazzjoni, it-tibdil fil-klima, ir-riżorsi naturali, l-agrikoltura, is-sajd, il-kura tas-saħħa, in-nutrizzjoni u s-sigurtà tal-ikel, il-migrazzjoni, l-enerġija, il-politiki ta' paċi u sigurtà u d-drittijiet tal-bniedem;
88. Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-kummerċ jista' jkun katalizzatur fundamentali għat-tnaqqis tal-faqar, li jwassal għal aktar ekwità u trasparenza u li jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli tal-bniedem u t-tkabbir ekonomiku; iħeġġeġ lill-UE, f'dan ir-rigward, tiżgura li l-politika kummerċjali tagħha tkun koerenti mal-għanijiet ta' żvilupp tal-UE;
89. Huwa tal-fehma li, filwaqt li l-MDGs ċertament kisbu suċċess fis-sens li ngħatat aktar attenzjoni lill-għajnuna għall-iżvilupp, enfasi fuq l-għajnuna biss hija wisq limitata; jikkunsidra li huwa meħtieġ approċċ ġdid li jinkludi governanza tajba, b'enfasi qawwija fuq il-koerenza tal-politika għall-iżvilupp u l-forniment ta' beni pubbliċi globali;
90. Jemmen li aġenda għall-iżvilupp għal wara l-2015 teħtieġ li tidentifika beni pubbliċi globali essenzjali, tistabbilixxi kif jiġu ffinanzjati u tispeċifika liema istituzzjonijiet globali jistgħu jitqiesu responsabbli għall-forniment tagħhom;
91. Huwa tal-fehma li l-PCD għandha tmur lil hinn minn perspettiva li wieħed ma jagħmilx ħsara, kemm fl-Ewropa kif ukoll barra l-Ewropa, lejn approċċ aktar integrat fejn il-kummerċ internazzjonali, l-ambjent u l-arkitettura finanzjarja internazzjonali jiġu mifhuma bħala politiki pubbliċi globali li jgħinu fit-tisħiħ tal-objettivi globali tal-iżvilupp; jappoġġa, f'dan il-kuntest, l-idea tal-istabbiliment ta' Kunsill Ekonomiku Globali fil-kuntest tas-Sistema tan-Nazzjonijiet Uniti;
92. Jindika li l-PCD tista' tikseb riżultati reali u effikaċi biss permezz ta' sforz kollettiv u l-involviment attiv ta' pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw, l-ekonomiji emerġenti u l-organizzazzjonijiet internazzjonali;
93. Jenfasizza li l-qafas ta' żvilupp futur għandu jinkludi referenza għall-għajnuna u l-kunċett ta' "effikaċja tal-iżvilupp"; b'mod partikolari, huwa tal-fehma li jekk l-"effikaċja tal-għajnuna" tinbidel f'aġenda tal-"effikaċja tal-iżvilupp", dan jimplika taħlita ta' għajnuna għall-iżvilupp, assistenza għall-forniment ta' beni pubbliċi globali u l-adattament tal-istrutturi ta' governanza globali eżistenti sabiex tiżdied il-kapaċità tagħhom li jwieġbu għal sfidi globali;
94. Iħeġġeġ lill-UE taġixxi bħala xprun, billi tiżgura l-komplementarjetà u d-diviżjoni tax-xogħol fil-proċess ta' żvilupp b'mod inklużiv u trasparenti, inkluż permezz ta' aktar użu tal-programmazzjoni konġunta;
Gwida komprensiva lejn qafas għall-iżvilupp għal wara l-2015
95. Jilqa' l-komunikazzjoni ambizzjuża u attraenti tal-Kummissjoni tas-27 ta' Frar 2013 bit-titolu "Ħajja deċenti għal kulħadd";
96. Jenfasizza li l-prinċipji li ġejjin għandhom jiġu kkunsidrati fid-definizzjoni ta' pożizzjoni koerenti tal-UE bl-għan li jiġi negozjat qafas għall-iżvilupp ġdid:
a. it-tfassil tal-aġenda għall-iżvilupp għal wara l-2015 għandu jirrifletti realtajiet globali, reġjonali, nazzjonali u lokali u sfidi ġodda;
b. id-definizzjoni tal-aġenda futura għandha tkun iggwidata mill-parteċipazzjoni sħiħa u s-sjieda tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u dawk b'introjtu medju, filwaqt li r-responsabbiltajiet u l-piżijiet ġodda ġġenerati jeħtieġ li jiġu kondiviżi b'mod ugwali iżda wkoll ġust bejn il-pajjiżi kollha;
c. l-aġenda futura għandha tkun ambizzjuża, universali, ta' natura globali, multidimensjonali u flessibbli, b'objettivi mfassla għal kull pajjiż li jkunu sempliċi, konċiżi, orjentati lejn l-azzjoni, faċli biex jiġu kkomunikati, u adattati għall-kuntesti lokali, nazzjonali u reġjonali, b'għadd limitat ta' objettivi konkreti u għanijiet li jistgħu jitkejlu;
d. huwa essenzjali li jiġu rispettati l-prinċipji ta' responsabbiltà reċiproka, l-obbligu ta' rendikont, it-trasparenza, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, is-sjieda, il-governanza tajba, l-istat tad-dritt, il-paċi u s-sigurtà, l-ekwità u l-ġustizzja, u l-ugwaljanza bejn is-sessi, u li jiġi żgurat li dawn jiġu integrati fl-aġenda futura ;
e. is-suċċess tal-għanijiet futuri huwa ddeterminat mill-kapaċità tal-pajjiżi kollha li qed jiżviluppaw li jwettqu r-responsabbiltà tagħhom għall-benessri taċ-ċittadini tagħhom, li joħorġu l-aktar nies vulnerabbli mill-faqar, li jiġġieldu l-inugwaljanza u fl-istess ħin isostnu l-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem;
f. għandha tingħata attenzjoni partikolari liż-żieda mgħaġġla fl-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti ta' setgħa lil bniet u nisa fil-livelli kollha tas-soċjetà;
g. jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-qafas il-ġdid għandu jgħaqqad flimkien id-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-iżvilupp sostenibbli;
h. huwa indispensabbli li jiġu mobilizzati r-riżorsi finanzjarji kollha possibbli u l-mekkaniżmi ta' finanzjament innovattiv għall-iżvilupp, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari: i) lill-ġlieda kontra l-korruzzjoni, ir-rifuġji fiskali, l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa u l-flussi illegali tal-kapital; ii) lir-responsabbiltà ta' ekonomiji emerġenti fl-aġenda għall-iżvilupp, filwaqt li tiġi inkoraġġita wkoll il-kooperazzjoni Nofsinhar-Nofsinhar u dik trijangolari; iii) lit-titjib tal-mekkaniżmi ta' monitoraġġ; iv) lill-ODA; u v) lill-PCD;
i. għandu jkun żgurat li l-qafas il-ġdid se jkun jinkludi wkoll sħab lil hinn mil-livell tal-gvern nazzjonali sabiex jipprovdu ambjent li jippermetti l-appoġġ għal sjieda demokratika reali u għal soċjetà ċivili;
j. il-PCD se tkun assolutament kruċjali għas-suċċess ta' qafas futur, u se tqis in-natura li tinbidel tal-faqar u l-impatt tal-politiki nazzjonali fil-kuntest globali;
k. huma meħtieġa mekkaniżmi ċari tal-obbligu ta' rendikont sabiex ikun żgurat li l-pajjiżi jwettqu l-impenji tagħhom u jirreaġixxu b'mod effikaċi għall-faqar u l-isfidi ta' sostenibbiltà li se jkun qed jindirizza l-qafas għal wara l-2015;
97. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.
- [1] ĠU C 46, 24.2.2006, p. 1.
- [2] Konklużjonijiet tal-Kunsill 9558/07, 15.5.2007.
- [3] http://ec.europa.eu/europeaid/what/millenium-development-goals/index_en.htm
- [4] http://www.ecdpm-talkingpoints.org/african-consultations-post2015-development-agenda.
- [5] Dok. 9317/12.
- [6] OECD et al, 2011, 'Conflict, fragility and armed violence are major factors preventing the achievement of the MDGs'.
- [7] Kif definit fil-Karta dwar il-Prinċipji ta' Kummerċ Ġust tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ Ġust.
NOTA SPJEGATTIVA
MDGs - Kisbiet u Sfidi Ġodda
F'Settembru 2000, in-NU adottaw Dikjarazzjoni tal-Millennju, segwita mill-istabbiliment ta' objettivi konkreti u marbuta biż-żmien li kellhom jintlaħqu sal-2015.
Sar progress konsiderevoli fil-kisba tal-MDGs: l-objettiv li l-faqar estrem jitnaqqas bin-nofs intlaħaq, kif ukoll dak li jitnaqqas bin-nofs il-proporzjon ta' persuni nieqsa minn aċċess li wieħed jista' jiddependi fuqu għal sorsi mtejba tal-ilma għax-xorb, u l-kundizzjonijiet ta' aktar minn 200 miljun persuna li jgħixu f'bassifondi tjiebu. Esperjenzajna progress mgħaġġel fit-tnaqqis tal-mortalità fost it-tfal u materna. Sar ukoll progress fir-rigward tal-għan li jitjieb l-aċċess għall-edukazzjoni primarja. B'mod ġenerali, l-MDGs kisbu suċċess f'livell politiku, u pprovdew bażi għall-mobilizzazzjoni tal-attività politika u l-opinjoni pubblika fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' żvilupp.
Madankollu, ninsabu sentejn 'il bogħod mid-data tal-iskadenza, u għad fadal ħafna xi jsir. Nies mid-dinja kollha qed ikomplu jsofru l-faqar, il-ġuħ, l-inugwaljanza u l-insigurtà. Huwa stmat li 1.3 biljun persuna għadhom qed jgħixu f'faqar estrem u għad fadal ħafna sfidi biex jinkisbu l-MDGs.
Għalfejn dan id-dokument huwa neċessarju?
Din is-sena in-NU se jwettqu reviżjoni tal-progress tal-MDGs attwali u se jibdew bit-tħejjijiet għal qafas għall-iżvilupp għal wara l-2015.
Ir-rapporteur iqis li l-UE teħtieġ tkun impenjata bis-sħiħ f'dan id-dibattitu, b'pożizzjoni koordinata, l-aktar dwar is-segwitu tal-Konferenza Rio+20 u dwar il-proċess ta' tħejjija għall-Avveniment Speċjali ta' Settembru dwar l-MDGs.
Filwaqt li l-Kummissjoni dalwaqt se tadotta Komunikazzjoni li se tiġbor flimkien is-segwitu għall-Konferenza Rio+20, ir-reviżjoni tal-MDGs u l-qafas għall-iżvilupp għal wara l-2015, dan ir-rapport għandu l-għan li jikkontribwixxi għal dan il-proċess. Huwa intiż biex jenfasizza xi elementi u prinċipji sostantivi li għandhom jiġu kkunsidrati fit-tfassil ta' qafas globali għall-futur.
I. Lezzjonijiet li tgħallimna u approċċ imġedded f'xenarju globali diffiċli
Jeħtieġ li nikkunsidraw il-lezzjonijiet li ttieħdu mill-MDGs attwali u, fl-istess ħin, inżommu f'moħħna li x-xenarju globali nbidel b'mod drammatiku matul dan l-aħħar deċennju: il-faqar qed jassumi dimensjonijiet ġodda, id-differenzi bejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw żdiedu, diversi pajjiżi saru donaturi, filwaqt li oħrajn, li qed jiffaċċjaw livelli għoljin ta' inugwaljanza, qed ikomplu jkunu vulnerabbli ħafna għal xokkijiet minħabba kriżijiet (tibdil fil-klima, kriżijiet tal-ikel, tibdil demografiku, rifuġjati, eċċ.). Dawn l-isfidi huma interkonnessi u jeħtieġ li jiġu indirizzati mill-pajjiżi kollha flimkien.
Ambjent globali li qed jinbidel malajr jeħtieġ approċċ komprensiv u effikaċi fil-politika għall-iżvilupp tal-UE.
II. Oqsma prijoritarji għal azzjoni: il-qerda tal-faqar u l-iżvilupp sostenibbli
Hemm rabta kruċjali bejn il-qerda tal-faqar u s-sostenibbiltà ambjentali. Mhuwiex possibbli li jiġi eliminat il-faqar mingħajr ma jiġu indirizzati, fost l-oħrajn, it-tibdil fil-klima, id-degradazzjoni tas-sorsi tal-ilma ħelu u t-telf tal-bijodiversità, li kollha kemm huma għandhom impatt negattiv fuq l-ifqar popolazzjonijiet. Għalhekk, il-qerda tal-faqar u l-kisba tal-iżvilupp sostenibbli għandhom ikunu oqsma ta' prijorità tal-qafas il-ġdid, sabiex tkun żgurata ħajja deċenti għal kulħadd. Barra minn hekk, peress li l-qerda tal-faqar hija multidirezzjonali, id-definizzjoni tagħha għandha titwessa' u ma titqiesx biss bħala s-sempliċi kwistjoni ta' limitu monetarju.
Saħħa u edukazzjoni
Kif ġie enfasizzat fl-eżitu tal-Konferenza Rio+20, l-UE għandha tqis is-saħħa u l-edukazzjoni bħala elementi integrali tal-iżvilupp sostenibbli u wkoll bħala katalizzaturi ewlenin tal-qerda tal-faqar u t-tkabbir ekonomiku. L-aċċessibbiltà għal standard aħjar ta' edukazzjoni sekondarja għandha twassal għal żieda fl-opportunitajiet ta' impjieg. Biex ikompli jiġi eliminat il-ġuħ filwaqt li titjieb is-sigurtà tal-ikel, l-ewwel għandna nilħqu l-għan li nipprovdu standards ewlenin fl-edukazzjoni, in-nutrizzjoni, u l-ilma nadif. Għandha tingħata wkoll attenzjoni speċjali lill-ġlieda kontra mard li ma jitteħidx bħall-kanċer.
III. Governanza tajba
Il-Konferenza Rio+20 għamlitha ċara li biex jintlaħqu l-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli neħtieġu istituzzjonijiet fil-livelli kollha, li jkunu effikaċi, trasparenti, responsabbli u demokratiċi. Għalhekk, impenn ċar għall-governanza demokratika għandu jiġi rifless fil-qafas il-ġdid.
L-indirizzar ta' dan l-objettiv ifisser li l-parlamenti għandhom jaqdu rwol fil-bini ta' sjieda ta' politiki għall-iżvilupp sostenibbli, jorganizzaw dibattiti ta' politika u jiżguraw li l-impenji għall-iżvilupp internazzjonali u l-politiki għall-iżvilupp sostenibbli jsiru parti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.
OSĊ li tkun ingħatat is-setgħa hija element kruċjali ta' kull sistema demokratika. L-OSĊ għandhom rwol kruċjali: fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki; fil-promozzjoni ta' żvilupp ekwu u sostenibbli; fir-riżoluzzjoni tal-konflitti; u fit-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont. Fin-negozjati għal qafas għal wara l-2015, l-UE għandha tappoġġa bil-qawwa lill-kisba ta' ambjent li jippermetti l-funzjonament tal-OSĊ.
Approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem
Il-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem għandhom ikunu fil-qalba tal-qafas għal wara l-2015 minħabba n-natura universali tagħhom. Dawn għandhom jiġu rikonoxxuti fil-livelli nazzjonali u internazzjonali u jeħtieġ li jiġu rispettati mhux biss mill-pubbliku, iżda wkoll mis-settur privat.
Paċi, sigurtà u żvilupp
Il-konflitt armat u s-sitwazzjonijiet ta' wara l-konflitt huma xi wħud mill-ostakoli ewlenin għall-iżvilupp. Biljun u nofs persuna jgħixu fi stati fraġli jew milquta minn konflitti li ma laħqu l-ebda MDG[1]. Dawn il-pajjiżi għalhekk jeħtieġu attenzjoni speċjali. Il-progress fil-kisba tal-MDGs twaqqaf fil-pajjiżi kkaratterizzati minn nuqqas kbir ta' sigurtà u vulnerabbiltà. Ir-rapporteur iqis li l-kapaċità ta' pajjiżi f'sitwazzjoni ta' wara konflitt li jiksbu kwalunkwe għan għandha tingħata prijorità f'qafas għall-iżvilupp futur, filwaqt li dak li jkun iżomm f'moħħu l-għanijiet ta' Konsolidamenti tal-Paċi u Bini tal-Istat miftiehma f'Busan.
IV. Sostenibbiltà ambjentali
Ir-rapporteur huwa tal-opinjoni li hemm ħtieġa li jiġu integrati tliet dimensjonijiet ta' żvilupp sostenibbli – ekonomiku, soċjali u ambjentali – peress li dawn jindirizzaw aħjar il-benessri tal-persuni.
Jidher li hemm kunsens mifrux li t-tibdil fil-klima jaffettwa l-kisba tal-għanijiet ta' żvilupp attwali u futuri.
Biex tiġi indirizzata kif suppost din it-theddida kbira, ir-rapporteur iqis li n-negozjati dwar it-tibdil fil-klima fl-ambitu tal-Konvenzjoni ta' Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima jistgħu jipprovdu perspettivi utli, l-aktar dwar il-prinċipji ta' responsabbiltajiet komuni iżda differenzjati[2].
Ir-rapporteur iqis li l-Istati Membri tan-NU għandhom jindirizzaw bi preċiżjoni l-kwistjoni tal-allokazzjoni tar-riżorsi dwar il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, sabiex jiżguraw progress kontinwu fir-rigward tal-qerda tal-faqar. L-UE jeħtieġ li tappoġġa konverġenza bejn ir-riżultati u r-rakkomandazzjonijiet li jirriżultaw mill-Grupp ta' Livell Għoli tan-NU u l-Grupp ta' Ħidma tan-NU (OWG) dwar l-SDG.
L-UE għandha tappoġġa l-użu ta' SDGs konċiżi u d-definizzjoni ta' objettivi konkreti, bħal dawk għall-enerġija, l-ilma, l-użu sostenibbli tal-art, l-effiċjenza tar-riżorsi, il-protezzjoni tal-baħar u l-bijodiversità. Kif nafu, l-ilma huwa ċentrali għas-sostenibbiltà tal-iżvilupp u huwa relatat direttament ma' parti sinifikanti mill-isfidi globali ewlenin.
Is-servizzi enerġetiċi sostenibbli jikkontribwixxu għall-qerda tal-faqar, itejbu s-saħħa, isalvaw il-ħajjiet u jagħtu kontribut fundamentali għall-produzzjoni. Is-sigurtà enerġetika teħtieġ implimentazzjoni ta' strateġiji bbażati fuq id-diversifikazzjoni ta' sorsi u rotot, il-protezzjoni tal-ekosistemi u r-riżorsi naturali, it-tnaqqis tar-riskji ta' diżastru, il-ġestjoni integrata tar-riżorsi tal-ilma, it-titjib tas-swieq u tal-infrastruttura.
V. Noqorbu lejn pożizzjoni tal-UE dwar il-Qafas għall-Iżvilupp għal Wara l-2015
Finanzi
Meta jiġi kkunsidrat il-fatt li qafas ġdid se jkun primarjament mibni fuq kompromessi politiċi, diskussjonijiet inklużivi dwar il-politika dwar il-mezzi biex jiġu ffinanzjati l-objettivi ta' żvilupp sostenibbli wara l-2015 huma indispensabbli bejn il-Kummissjoni u l-partijiet interessati kollha rilevanti.
Ir-rapporteur itenni li matul il-Forum ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp tan-NU tal-2012, il-ħtieġa għal aktar koordinament bejn il-mekkaniżmi differenti tal-għajnuna u d-donaturi kienet enfasizzata b'mod ċar. L-ODA, l-investiment dirett barrani (IDB), il-kummerċ, id-dejn, it-tibdil fil-klima, it-trasferiment tat-teknoloġija, l-ambjent tan-negozju u l-politiki tal-akkwist tal-aġenziji tal-għajnuna għandhom jiġu allinjati biex jippromwovu żvilupp aħjar.
Mekkaniżmi finanzjarji innovattivi
Ir-rapporteur jemmen li l-mobilizzazzjoni tas-sorsi finanzjarji kollha, inkluż mis-settur privat, hija kruċjali biex jintlaħqu l-għanijiet ta' żvilupp għal wara l-2015. F'dan ir-rigward, l-iżvilupp ulterjuri tal-kombinament ta' self u għotjiet jista' jagħti spinta lir-riżorsi finanzjarji għall-iżvilupp.
Aspett ieħor li jeħtieġ attenzjoni speċjali f'dan il-kuntest, huwa d-dipendenza fuq l-għajnuna. Huwa ta' importanza suprema li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jintroduċu politiki fiskali b'mekkaniżmi ta' tassazzjoni effikaċi sabiex jappoġġaw l-iżvilupp f'perspettiva fit-tul.
It-tisħiħ tad-dħul nazzjonali permezz ta' tassazzjoni effikaċi u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni
Bħalissa, il-livelli tal-ġbir tad-dħul f'pajjiżi li qed jiżviluppaw huma pjuttost baxxi meta mqabbla mal-medja globali. Fil-biċċa l-kbira dan huwa minħabba sistemi ta' taxxa nazzjonali u amministrazzjoni ineffiċjenti. Barra minn hekk, il-kwistjoni ta' flussi finanzjarji illegali ta' madwar tmien darbiet id-daqs tal-ODA qed jaħarbu minn dawn il-pajjiżi kull sena permezz tal-evażjoni tat-taxxa u l-frodi. L-istimi juru li madwar USD 160 biljun jiġu mobilizzati fi dħul nazzjonali kull sena li kieku dawn il-flussi finanzjarji illegali kellhom jiġu ntaxxati.
Huwa partikolarment rilevanti li l-UE tkompli tappoġġa l-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-ġbir tad-dħul tagħhom u fit-tisħiħ tas-sistemi ta' taxxa nazzjonali.
L-indirizzar tal-kwistjoni tal-korruzzjoni u l-impatt tagħha fuq il-politika ta' żvilupp jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jiżviluppaw leġiżlazzjoni li tkun tirrikjedi li l-kumpaniji taż-żejt, tal-gass u tal-minjieri jippubblikaw il-pagamenti li jagħmlu lill-gvernijiet.
Mekkaniżmi ta' monitoraġġ u indikaturi
Indikaturi ċari u trasparenti huma kruċjali, jew biex jitwettaq monitoraġġ tal-progress, jiġi promoss l-obbligu ta' rendikont, issir sensibilizzazzjoni jew jiġu enfasizzati l-aħjar prattiki tal-pajjiżi. L-UE, l-aġenziji tan-NU u l-organizzazzjonijiet internazzjonali jeħtieġ li jadottaw taħlita adegwata ta' kriterji tal-kejl u indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi. Mekkaniżmu multidimensjonali għandu jkun kapaċi jivvaluta u jikkunsidra suġġetti rilevanti, bħall-iżvilupp sostenibbli, il-faqar, l-inugwaljanza, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-effikaċja tal-għajnuna.
Settur privat
Ir-rapporteur huwa tal-opinjoni li s-settur privat għandu jkun impenjat bħala sieħeb fl-iżvilupp. Settur privat b'saħħtu u kompetittiv huwa kruċjali għall-kisba tat-tnaqqis tal-faqar, peress li dan joħloq opportunitajiet ta' xogħol produttivi u deċenti u joħloq effett ta' lieva fuq il-finanzjament addizzjonali għat-tkabbir sostenibbli u inklużiv.
Madankollu, ambjent li jippermetti s-settur privat jiżviluppa huwa kruċjali, inkluż l-istabbiliment ta' qafas regolatorju tan-negozju ċar u effikaċi b'kodiċi ta' kondotta li tiżgura r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-protezzjoni tas-saħħa u l-ambjent.
Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp (PCD) u koordinament fost id-donaturi
In-nuqqas ta' koordinament bejn id-donaturi u l-koerenza bejn il-politiki, jiġġenera spejjeż mhux neċessarji li jirriżultaw f'effetti negattivi u huwa ta' ħsara għal politiki li nkella jkunu sinifikanti. Għalhekk, huwa assolutament kruċjali li l-UE tikkunsidra l-objettivi tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp fil-politiki kollha li timplimenta, li x'aktarx jaffettwaw il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, skont il-bażi ġuridika li tinsab fit-Trattat ta' Lisbona u fil-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp.
VI. Konklużjonijiet
Pożizzjoni kkoordinata u koerenti tal-UE dwar il-qafas għall-iżvilupp għal wara l-2015 hija assolutament vitali, u tqis il-proċess ta' tħejjija tal-Avveniment Speċjali tal-Assemblea Ġenearli tan-NU li jmiss, inkella jista' jkun hemm riskju serju ta' nuqqas ta' momentum.
Kif qal is-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon, il-kisba tal-MDGs sal-2015 hija sfida iżda possibbli. Il-kriżijiet ekonomiċi attwali li qed jolqtu ħafna mid-dinja żviluppata m'għandhomx jitħallew inaqqsu r-ritmu tal-progress li sar. Għandna nibnu fuq is-suċċessi li diġà nkisbu s'issa. L-UE teħtieġ li tilħaq pożizzjoni koerenti, billi tibni fuq il-qafas tal-MDGs u riżultati futuri fir-rigward tal-SDGs. Ir-rapporteur jappoġġa qafas responsabbli u komprensiv għal wara l-2015, li se jkun ibbażat fuq prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza, in-nondiskriminazzjoni, is-sostenibbiltà, il-governanza tajba u l-koerenza tal-politika għall-iżvilupp, bl-objettiv li tinħoloq dinja ġusta u sostenibbli li fiha kull bniedem ikun jista' jikseb id-drittijiet tiegħu u jgħix ħieles mill-faqar.
OPINJONI tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (27.3.2013)
għall-Kumitat għall-Iżvilupp
dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju – definizzjoni tal-qafas wara l-2015
(2012/2289(INI)) Il-Parlament Ewropew,
Rapporteur għal opinjoni: Anne Delvaux
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Millennju tat-8 ta' Settembru 2000,
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Programm għall-Iżvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP) bl-isem "Beyong the Midpoint: Achieving the Millenium Development Goals", ippubblikat f'Jannar 2010,
– wara li kkunsidra r-Rapport dwar l-Iżvilupp tal-Bniedem 2010, tal-UNDP, bit-titolu "The Real Wealth of Nations: Pathways to Human Development",
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) tat-18 ta' Diċembru 1979,
– wara li kkunsidra r-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa organizzata f'Beijing f'Settembru 1995, id-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni adottati f'Beijing u d-dokumenti ta' eżitu sussegwenti adottati mis-Sessjonijiet Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Beijing+5, +10 u +15 dwar aktar azzjonijiet u inizjattivi għall-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni u tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing, adottati fid-9 ta' Ġunju 2000, fil-11 ta' Marzu 2005 u fit-2 ta' Marzu 2010 rispettivament, fejn l-Istati Membri impenjaw irwieħhom li jieħdu azzjoni għall-promozzjoni tal-ugwaljanza tal-ġeneri bejn in-nisa u l-irġiel fi tnax-il qasam differenti,
– wara li kkunsidra r-Rapport tan-NU: "L-Ugwaljanza bejn is-Sessi: Tabella tal-Progress 2012”, li jevalwa t-titjib fit-tmien MDGs fir-rigward tal-aspetti relatati mal-ġeneri,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, bit-titolu “Pjan ta' Azzjoni tal-UE bi tnax-il punt biex jiġu appoġġati l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju” (COM(2010)0159 finali),
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tat-8 ta' Marzu 2010 dwar il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-Għoti tas-Setgħa lin-Nisa fl-Iżvilupp 2010-2015 (SEC(2010)0265), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2010 li japprovaw dak il-pjan ta' azzjoni Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Ġunju 2010 dwar 'Il-progress li sar sabiex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju: reviżjoni ta' nofs it-terminu bi tħejjija għal-laqgħa ta' livell għoli tan-NU f'Settembru 2010[1],
– wara li kkunsidra l-Programm ta' Azzjoni adottata fil-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (ICPD) fejn il-komunità dinjija rrikonoxxiet u tenniet li s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet riproduttivi huma fundamentali għall-iżvilupp sostenibbli,
A. billi ħafna mill-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju, b'mod speċjali dawk relatati mat-tnaqqis tal-faqar, l-edukazzjoni tat-tfal u t-tnaqqis tal-mortalità tal-omm, diffiċli jintlaħqu sakemm l-istrateġiji għall-ilħuq tagħhom ma jiffukawx fuq il-familja;
B. billi żewġ Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju jikkonċernaw lin-nisa speċifikament: il-promozzjoni tal-ugwaljanza tal-ġeneri u l-għoti ta' setgħa lin-nisa (MDG 3) u t-titjib tas-saħħa tal-omm (MDG 5); billi tliet għanijiet oħra jikkontribwixxu direttament għat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien tan-nisa u l-bniet: l-ilħuq ta' edukazzjoni primarja universali (MDG 2), tnaqqis tal-mortalità fost it-tfal (MDG 4) u l-ġlieda kontra l-HIV/AIDS, malarja u mard ieħor (MDG 6);
C. billi sentejn qabel l-iskadenza tal-2015 għall-ilħuq tal-MDGs, fil-livell globali n-nisa għadhom ifqar mill-irġiel; billi minkejja li aktar bniet qed jattendu l-iskola primarja, għad baqa' differenzi konsiderevoli fil-livell sekondarju; billi minkejja li 20 % tal-Membri Parlamentari fid-dinja huma nisa, bir-rata ta' progress attwali se jgħaddu 40 sena qabel tinkiseb rappreżentazzjoni ġusta;
D. billi diversi studji juru li meta n-nisa jingħataw edukazzjoni u jkunu jistgħu jaqilgħu introjtu u jikkontrollawh huma, dan iwassal għal għadd ta' riżultati favorevoli: tnaqqis tal-mortalità tal-ommijiet u tat-trabi, titjib f'saħħet in-nisa u t-tfal u tan-nutrizzjoni tagħhom, żieda fil-produttività agrikola, mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, tnaqqis fir-ritmu taż-żieda demografika, espansjoni tal-ekonomiji u interruzzjoni taċ-ċikli ta' faqar;
1. Iħeġġeġ lin-NU taċċelera l-progress fl-avvanzar tal-aġenda għall-iżvilupp u ssaħħaħ l-importanza mogħtija lid-drittijiet tan-nisa u lill-ugwaljanza tal-ġeneri billi tagħmilhom is-suġġett ta' diversi għanijiet speċifiċi u miftiehma globalment fil-qafas tal-MDGs ta' wara l-2015 u tenfasizza l-istatus tagħhom bħala kwistjonijiet transversali fi ħdan il-programmi ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp kollha kemm huma;
2. Iqis li hija ħasra li l-qafas tal-MDGs attwali ma rnexxilux jindirizza b'mod effettiv il-kawżi strutturali sottostanti tal-inugwaljanza bejn il-ġeneri u l-forom multipli u inkroċjati ta'diskriminazzjoni li jġarrbu n-nisa u l-bniet madwar id-dinja; jirrikonoxxi li n-nisa għandhom ikunu parteċipanti ċentrali fl-iżvilupp tal-qafas għal wara l-2015, iżda wkoll atturi ċentrali fl-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tiegħu; jistieden lill-Kummisjoni u lill-Istati Membri jenfasizzaw il-ħtieġa li l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel tiġi identifikata bħala għan minnu nnifsu u prekundizzjoni għall-kisba ta' għanijiet tal-iżvilupp oħra;
3. Jenfasizza li l-politiki ffukati fuq il-familja b'appoġġ għal ġenituri li jaħdmu wrew li kienu ta' valur kif ukoll effiċjenti f'ħafna oqsma tal-iżvilupp soċjali, u li l-ilħuq tal-MDGS jiddependi fuq kemm il-familji għandhom is-setgħa li jikkontribwixxu għalih;
4. Iħeġġeġ lin-NU tikkunsidra d-dispożizzjonijiet orjentati lejn il-familja stabbiliti fid-dokumenti ta' eżitu tal-konferenzi u tas-samits ewlenin tan-NU tad-deċennji li għaddew u ta' dawn li se jsiru fis-snin li ġejjin, għax ir-riżultati ta' dawk il-konferenzi jipprovdu qafas għall-ilħuq tal-għanijiet għall-iżvilupp miftiehma internazzjonalment, inklużi l-MDGs, u jiggwidaw l-isforzi internazzjonali għall-ilħuq tagħhom;
5. Iħeġġeġ lin-NU, fl-evalwazzjoni post-2015 tal-MDGs, biex tibbaża b'mod sistematiku fuq l-indiċi tal-inugwaljanza tal-ġeneru (Gender Inequality Index - GII) definita mill-UNDP fir-rapport tiegħu dwar l-iżvilupp tal-bniedem tal-2010, għax dan hu l-indiċi l-aktar rappreżentattiv u komplut tas-sitwazzjoni fir-rigward tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri għal pajjiż speċifiku, f'termini kwantitattivi u kwalitattivi; jindika li dan irid jevalwa aktar mill-qrib ir-raġunijiet għalfejn il-progress fit-titjib tas-saħħa tal-omm kien relattivament żgħir meta wieħed iqabblu ma' dak ta' MDGs oħra, u li l-miri u l-indikaturi għall-għanijiet tal-ġejjieni jrid jirriflettu b'mod ġenwin l-ostakoli li jiffaċċaw in-nisa u l-bniet (pereżempju l-aċċess għall-edukazzjoni lil hinn minn sempliċi reġistrazzjoni tal-bidu) u għandhom ikunu diżaggregati skont il-ġeneri biex ikun żgurat li ċerti taqsimiet tal-popolazzjoni ma jibqgħux lura;
6. Jitlob li l-qafas ta' wara l-2015 tal-MDGs jiffoka fuq għanijiet ambizzjużi fir-rigward tad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri f'termini ta' għoti ta' setgħa u ta' benessri tan-nisa, parteċipazzjoni sħiħa u indaqs tan-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet fil-ħajja pubblika f'kull sfera - politika, ekonomika, soċjali jew ambjentali, il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa, l-aċċess għall-edukazzjoni (primarja, sekondarja, edukazzjoni għolja) u taħriġ ta' kwalità, il-promozzjoni ta' kopertura tas-saħħa universali permezz ta' sistemi tas-saħħa li pubbliċi u b'xejn fil-punt tal-użu, aċċess għal faċilitajiet tal-mikrokreditu biex jiġu miġġielda l-faqar u l-esklużjoni soċjali, aċċess għal kura tas-saħħa effettiva u ta' kwalità, aċċess universali u titjib fir-rigward tas-saħħa u tad-drittijiet sesswali u riproduttivi, il-kwalità u l-istabilità tal-impjiegi, salarji indaqs, l-iżvilupp tal-karriera, ir-rappreżentanza tan-nisa fil-ħajja politika u ekonomika, u d-drittijiet tal-proprjetà u tal-wirt;
7. Jitlob lill-Kummissjoni u lin-NU jiżguraw li l-qafas għall-iżvilupp ta' wara l-2015 jirrikonoxxi u jimplimenta l-ogħla standard ta' saħħa possibbli, inkluża s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, bħala dritt fundamentali tal-bniedem u jinkludi miri bħall-aċċess għal servizzi tas-saħħa, kura kif ukoll informazzjoni bi prezz li jintlaħaq, aċċessibbli u aċċettabbli tul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja; hu tal-fehma li dan għandu jinkludi: aċċess għall-kontraċettivi, b'mod speċjali għal nisa mhux miżżewġa u nisa żgħażagħ; prevenzjoni, appoġġ u trattament fir-rigward tal-abort mhux sikur, l-HIV u infezzjonijiet oħra trażmessi sesswalment u vjolenza abbażi tal-ġeneru; kura u servizzi ta' qabel u wara t-twelid, u servizzi kunfidenzjali u aċċessibbli għaż-żgħażagħ;
8. Jitlob li l-qafas tal-MDGs ta' wara l-2015 jelimina kull forma ta' vjolenza u prattiki dannużi kontra n-nisa u l-bniet: il-fastidju, l-istupru u l-abbuż sesswali, il-prostituzzjoni furzata, l-iskjavitù, l-isfruttament, il-qtil, il-mutilazzjoni ġenitali femminili, iż-żwieġ imġiegħel, il-vjolenza domestika, eċċ.; jenfasizza li r-rispett tad-drittijiet tan-nisa, inklużi d-drittijiet sesswali u riproduttivi tagħhom, u s-salvagwardja tar-rispett tad-dinjità umana tagħhom huma fundamentali għall-prevenzjoni tal-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru u għall-ġlieda kontriha, għall-għoti ta' protezzjoni u counselling adegwati lill-vittmi, u għall-iżgurar li l-awturi ta' tali vjolenza jiġu kkastigati; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel il-ġlieda kontra l-impunità tal-awturi ta' tali vjolenza waħda mill-prijoritajiet tal-politika tagħha ta' għajnuna għall-iżvilupp; jitlob li fid-definizzjoni ġejjiena tal-MDGs jitqies l-objettiv speċifiku tal-ġlieda kontra kull tip ta' vjolenza kontra n-nisa, permezz tal-inklużjoni ta' mira speċifika għall-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet;
9. Jenfasizza l-ħtieġa li jibqgħu jiġu kundannati u kkastigati l-mutilazzjoni ġenitali, id-delitti tal-unur, iż-żwiġijiet imġiegħla bikrija u kwalunkwe forma oħra ta' vjolenza, u b'mod partikolari l-vjolenza domestika, imwettqa fost l-oħrajn f'isem ir-reliġjon;
10. Jistieden lin-NU biex fil-qafas ta' wara l-2015 tiffoka fuq sinerġija bejn il-kunsiderazzjoni tad-drittijiet sesswali u riproduttivi u l-kisba ta' MDGs oħra bħall-edukazzjoni tal-bniet u l-għoti ta' setgħa lin-nisa, biex b'hekk ikun promoss l-aċċess għal servizzi tal-ippjanar tal-familja, b'mod speċjali f'żoni rurali;
11. Jitlob li l-qafas tal-MDGs ta' wara l-2015 jiżgura approċċ parteċipattiv u qafas ta' responsabbilizzazzjoni sod imsejjes fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji tal-ugwaljanza u tal-ekwità, permezz tal-ħolqien ta' miżuri u mekkaniżmi li jsegwu r-responsabbilizzazzjoni politika, programmatika u finanzjarju tal-impenji magħmula għad-drittijiet tal-bniedem;
12. Jitlob li tittieħed azzjoni globali aċċellerata biex titnaqqas il-mortalità materna, tat-trabi u tat-tfal, u jtenni l-importanza ewlenija ta' aċċess universali għall-kura tas-saħħa riproduttiva;
13. Jitlob li jkompli jingħata appoġġ għar-riċerka għal programmi aktar effettivi u sostenibbli ta' prevenzjoni u trattament, inkluża r-riċerka u l-iżvilupp fir-rigward ta' forom effettivi ta' interventi mediċi, fosthom vaċċini, mediċini u djanostiċi;
14. Jitlob li d-dispożizzjonijiet ta' qafas ta' wara l-2015 jinvolvu bis-sħiħ l-assoċjazzjonijiet tan-nisa fid-definizzjoni u fit-tfassil tal-kontenut tal-MDGs il-ġodda kif ukoll l-implimentazzjoni tagħhom, filwaqt li jibbażaw fuq l-aspettattivi u tal-esperjenzi tagħhom;
15. Jinnota li n-nisa għandhom rwol kruċjali fil-qasam tan-nutrizzjoni u tas-sigurtà tal-ikel, billi huma responsabbli għal 80 % tal-agrikoltura fl-Afrika, minkejja li sa issa kważi qatt ma jkunu jistgħu ikunu s-sidien tal-artijiet li jikkultivaw; jenfasizza li l-eredikazzjoni tal-ġuħ konsegwentement tiddependi fuq l-għajnuna biex il-bdiewa żgħar jingħataw lok jipproduċu biżżejjed ikel għalihom u għall-familji tagħhom; jindika li l-parti l-kbira tal-bdiewa żgħar huma nisa; jitlob għal approċċ sensittiv għall-ġeneri integrat fl-elementi kollha tal-programmazzjoni għas-sigurtà tal-ikel; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi prevenuta u trattata l-malnutrizzjoni b'interventi msejsa fuq l-evidenza, li jagħtu prijorità lin-nisa tqal u lit-tfal żgħar;
16. Iħeġġeġ lin-NU tieħu approċċ imsejjes fuq id-drittijiet tal-bniedem, meta tivvaluta l-MDGs wara l-2015, u tiżgura li jinħolqu miżuri legali u ta' infurzar biex jipproteġu d-drittijiet tan-nisa, mingħajr ebda diskriminazzjoni, koerċizzjoni jew vjolenza għall-ebda raġuni, indipendentement mill-età, sess, razza, etniċità, kultura, reliġjon, status taż-żwieġ, diżabilità, status tal-HIV, oriġini nazzjonali, status tal-migrazzjoni, ħiliet lingwistiċi, orjentazzjoni sesswali, identità tal-ġeneru jew fatturi jew status oħra permezz ta' leġiżlazzjoni adegwata; hu tal-fehma li jridu jitneħħaw l-ostakoli u d-dispożizzjonijiet punittivi legali, tal-politika jew regolatorja, bħal pereżempju l-projbizzjoni li tfajliet adoloxxenti tqal jattendu l-iskola;
17. Jenfasizza l-ħtieġa li tkun provduta edukazzjoni bażika ta' kwalità għall-popolazzjonijiet marġinalizzati, u b'mod partikolari għal dawk minn żoni rurali jew milquta mill-konflitti, u għat-tfal b'diżabilità u għat-tfal ħaddiema;
18. Iħeġġeġ li jsiru sforzi ulterjuri għall-integrazzjoni tad-dimensjoni tal-ġeneri fil-politiki u l-programmi kollha ta' assistenza barranija, fosthom dawk immirati lejn l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni u l-vjolenza kontra n-nisa; jitlob għall-finanzjament ta' strateġiji tal-ugwaljanza tal-ġeneri f'kull aġenzija tal-assistenza għall-iżvilupp, fosthom finanzjament għal organizzazzjonijiet tan-nisa lokali li jiffokaw fuq l-għoti ta' setgħa għan-nisa u l-bniet;
19. Jitlob li ssir aktar riċerka dwar ir-rabtiet bejn il-pornografija tat-tfal u u l-adulti u l-impatt li jkollha fuq il-bniet, in-nisa, is-subien u l-irġiel, kif ukoll ir-relazzjoni bejn il-pornografija u l-vjolenza sesswali, u li jittieħdu miżuri konkreti biex dawn jiġu miġġielda;
20. Iħeġġeġ lill-pajjiżi kollha jirratifikaw il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) tan-NU biex tkun promossa l-ugwaljanza tal-ġeneri;
21. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu mfassla u implimentati programmi tas-saħħa għat-tisħiħ tas-sistemi tas-saħħa, filwaqt li jitqies il-fatt li l-kriżi ekonomika dinjija xekklet il-progress fir-rigward tal-HIV/AIDs, it-tuberkolożi, il-malarja u mard tropikali li ma jingħatax attenzjoni;
22. Jisħaq fuq l-importanza tal-għan ta' saħħa materna mtejba fir-rigward tat-tnaqqis tar-rata ta' mortalità materna u l-kisba ta' aċċess universali għas-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva u għall-ippjanar tal-familja; jisħaq fuq l-importanza tal-edukazzjoni u tal-qawmien ta' kuxjenza fil-qasam tas-saħħa sesswali u riproduttiva bħala parti integrali mill-aġenda tas-saħħa tal-mara;
23. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, b'kunsiderazzjoni tan-natura transversali tal-għanijiet tal-ugwaljanza tal-ġeneri u n-nondiskriminazzjoni abbażi tas-sess, iżidu l-ammont ta' għajnuna għall-iżvilupp allokati lill-programmi ffokati fuq dawn l-għanijiet biex tkun żgurata l-integrazzjoni ta' din id-dimensjoni f'kull stadju tal-programmazzjoni tal-għajnuna għall-iżvilupp (identifikazzjoni, tfassil, twettiq u evalwazzjoni);
24. Jenfasizza l-importanza tal-ugwaljanza tal-ġeneri f'termini ta' għoti ta' setgħa lin-nisa fit-tfassil u l-ilħuq tal-MDGs kollha; jisħaq li l-programmi speċifiċi għall-għoti ta' setgħa lin-nisa, l-indipendenza soċjali u ekonomika tagħhom u n-nondiskriminazzjoni huma meħtieġa biex tkun żgurata l-ugwaljanza tal-ġeneri u biex jintlaħqu l-MDGs;
25. Itenni b'qawwa l-fehma li esprima f'riżoluzzjonijiet oħra, li skont il-Programm ta' Azzjoni adottat fil-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (ICPD), l-għan tal-programmi dwar l-ippjanar tal-familja għandu jkun li jippermettu lill-koppji u lill-individwi jieħdu deċiżjonijiet ħielsa, responsabbli u infurmati dwar il-kwistjoni tat-tfal, u li jagħmlu disponibbli għalihom firxa sħiħa ta' metodi sikuri, effettivi u aċċettabbli tal-ippjanar tal-familja tal-għażla tagħhom, mingħajr ebda forma ta' koerċizzjoni; jistieden lill-Istati Membri, l-Unjoni u n-NU jadottaw dan l-approċċ fil-qafas tal-MDGs ta' wara l-2015;
26. Jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jintroduċu approċċ ta' 'integrazzjoni tal-familja' fl-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-MDGs għall-wara l-2015, skont il-politiki definiti skont taħt is-sistema adottata min-NU[2];
27. Jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li l-progress fuq l-MDG 2 li jikkonċerna l-edukazzjoni kien moderat; josserva b'mod partikolari li aktar bniet qed jirċievu edukazzjoni primarja; jisħaq li jeħtieġ isiru sforzi ulterjuri biex ikun żgurat li l-bniet jattendu l-iskola primarja sal-aħħar u jiksbu aċċess għall-edukazzjoni sekondarja u għolja;
28. Jistqarr li jeħtieġ tingħata attenzjoni partikolari lill-edukazzjoni għaż-żewġ sessi dwar kwistjonijiet tal-ġeneru mill-bidu tal-iskolarizzazzjoni tagħhom, bil-għan li l-imġiba u l-istereotipi soċjali jinbidlu gradwalment u li l-ugwaljanza tal-ġeneri ssir prinċipju bażiku tas-soċjetà fil-pajjiżi kollha tad-dinja;
29. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkludu fil-ftehimiet bilaterali tagħhom ma' pajjiżi mhux membri, klawżoli vinkolanti li jipprojbixxu kull tip ta' diskriminazzjoni abbażi ta' sess, l-istat ċivili u età, kif ukoll diversi prattiki reliġjużi jew tradizzjonali inklużi, fosthom il-mutilazzjoni ġenitali, il-ġeneroċidju, id-delitti tal-unur, il-ħtif, ir-reklużjoni illegali tan-nisa u ż-żwieġ imġiegħel;
30. Jitlob li l-qafas tal-MDGs ta' wara l-2015 jingħata riżorsi finanzjarji adegwati maħsuba għall-iżvilupp, infiq għall-ambjent u favur il-fqar biex jintlaħqu l-għanijiet; isostni li d-donaturi jeħtieġ jonoraw l-impenji finanzjarji li ilhom stabbiliti, fosthom l-impenn li jagħtu 0.7 % tal-introjtu nazzjonali gross bħala għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp, fil-qafas ta' wara l-2015, u għandhom jinvestu biex jiżdied l-introjtu minn sorsi ta' finanzjament innovattivi kif ukoll itemmu darba għal dejjem l-evażjoni u l-evitar tat-taxxi;
31. Itenni mill-ġdid l-importanza li tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni tan-nisa, li m'għandhomx jitqiesu sempliċement bħala parti vulnerabbli tal-popolazzjoni, iżda wkoll bħala faċilitaturi attivi tal-politiki għall-iżvilupp; jenfasizza wkoll il-kompetenzi ppruvati tan-nisa fir-riżoluzzjoni tal-problemi u tal-konflitti, u jħeġġeġ għaldaqstant lill-Kummissjoni u lill-pajjiżi kollha biex isaħħu r-rwol tan-nisa fil-gruppi ta' azzjoni u fil-gruppi ta' ħidma;
32. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jitkellmu b'leħen wieħed fin-negozji li se jsiru dalwaqt u jinkludu r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew fil-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-qafas tal-MDGs ta' wara l-2015;
33. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jappoġġaw l-għoxrin anniversarju tas-Sena Internazzjonali tal-Familja, li ħabtet tant qrib tas-sena ta' mira għall-MDGs, għax dan l-anniversarju joffri opportunità ta' ffukar mill-ġdid fuq ir-rwol tal-familji bħala parti minn approċċ integrat u komprensiv għall-iżvilupp;
34. Jenfasizza li n-nuqqas ta' progress fuq dawk l-MDGs li jirrigwardaw il-pożizzjoni tan-nisa hu kkawżat mhux biss minn ostakoli finanzjarji jew tekniċi iżda partikolarment minn nuqqas ta' rieda politika;
35. Iħeġġeġ l-għoti ta' għajnuna umanitarja tal-UE li tikkontribwixxi għall-ilħuq tal-MDGs u li tkun effettivament indipendenti mir-restrizzjonijiet fuq l-għajnuna umanitarja imposti mill-Istati Uniti u donaturi oħra, b'mod partikolari billi jkun żgurat aċċess għall-abort għal nisa u bniet vittmi ta' stupru f'konflitti armati.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
20.3.2013 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
25 0 1 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Edit Bauer, Marije Cornelissen, Edite Estrela, Iratxe García Pérez, Mikael Gustafsson, Lívia Járóka, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Silvana Koch-Mehrin, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Astrid Lulling, Norica Nicolai, Angelika Niebler, Siiri Oviir, Antonyia Parvanova, Raül Romeva i Rueda, Marc Tarabella, Britta Thomsen, Anna Záborská, Inês Cristina Zuber |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Minodora Cliveti, Silvia Costa, Anne Delvaux, Mariya Gabriel, Mojca Kleva Kekuš, Katarína Neveďalová, Angelika Werthmann |
||||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
23.4.2013 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
20 4 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Michael Cashman, Ricardo Cortés Lastra, Nirj Deva, Leonidas Donskis, Charles Goerens, Eva Joly, Filip Kaczmarek, Gay Mitchell, Norbert Neuser, Bill Newton Dunn, Andreas Pitsillides, Jean Roatta, Michèle Striffler, Alf Svensson, Keith Taylor, Patrice Tirolien, Ivo Vajgl, Anna Záborská, Iva Zanicchi |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Enrique Guerrero Salom, Cristian Dan Preda, Judith Sargentini, Jan Zahradil |
||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Victor Boştinaru |
||||