RAPPORT L-Innovazzjoni għal Tkabbir Sostenibbli: Bijoekonomija għall-Ewropa
14.6.2013 - (2012/2295(INI))
Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
Rapporteur: Paolo Bartolozzi
- MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
- NOTA SPJEGATTIVA
- OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp
- OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
- OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
- OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali
- RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
L-Innovazzjoni għal Tkabbir Sostenibbli: Bijoekonomija għall-Ewropa
Il-Parlament Ewropew,
- wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Ninnovaw għal Tkabbir Sostenibbli: Bijoekonomija għall-Ewropa" (COM(2012)0060)",
- wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem "EWROPA 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv' COM(2010)2020)",
- wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Mejju 2012 dwar Ewropa li tuża r-riżorsi b'effiċjenza[1],
- wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Naffrontaw l-isfidi fis-swieq tal-prodotti bażiċi u dawk marbuta mal-materja prima" (COM(2011)0025) u r-riżoluzzjoni tiegħu dwar din il-komunikazzjoni[2],
- wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-presidenza tal-Kunsill tar-Renju Unit tal-2005 ("The Knowledge-Based Bio-Economy in Europe"), tal-Ġermanja fl-2007 ("En route to the Knowledge based Bio-Economy") u tal-Belġju fl-2010 ("The Knowledge Based Economy in Europe: achievements and challenges"),
- wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
- wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel kif ukoll l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp, tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7-0201/2013),
A. billi l-popolazzjoni dinjija prevista li se tiżdied minn 7 biljun ruħ għal 9 biljun ruħ sal-2050, li se jwassal għal żieda ta' madwar 70 % fid-domanda għall-prodotti tal-ikel u tqiegħed pressjoni kbira fuq ir-riservi tal-ilma;
B. billi l-iskarsezza tar-riservi naturali fid-dinja, il-pressjoni li qed tiżdied fuq il-materja prima rinnovabbli u l-effetti dinjin tat-tibdil fil-klima jitolbu minna li nużaw ir-riżorsi b'aktar effiċjenza;
C. billi approċċ fuq żmien fit-tul, innovattiv u effiċjenti jiggarantixxi mhux biss sostenibilità akbar iżda wkoll appoġġ għall-iżvilupp rurali u reġjonali, it-tnaqqis potenzjali tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra, sostenibilità akbar taċ-ċirku produttiv iżda wkoll it-tixrid tal-innovazzjoni industrijali ma' tul il-katina tal-valur kollha;
D. billi t-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli ssaħħaħ il-kompetittività tal-industrija u tal-qasam agrikolu Ewropej, iżżid it-tkabbir ekonomiku u, għaldaqstant, tippromwovi żieda sinifikanti fil-livelli tal-impjieg Ewropej;
E. billi s-suċċess tal-bijoekonomija fl-Ewropa jiddependi fuq id-disponibilità ta' stokkijiet tal-ikel immaniġġjati u mkabbra b'mod sostenibbli (mill-biedja, mill-forestrija u mill-iskart bijodegradabbli);
F. billi l-bijoekonomija tal-UE diġà għandha fatturat ta' kważi EUR 2 triljun, u huwa mistenni li jkun hemm tkabbir sinifikanti mill-produzzjoni primarja sostenibbli, l-ipproċessar tal-ikel, il-bijoteknoloġija industrijali u l-bijoraffineriji;
Kummenti ġenerali
1. Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "L-Innovazzjoni għal Tkabbir Sostenibbli: Bijoekonomija għall-Ewropa" u l-pjan ta' azzjoni għall-implimentazzjoni tal-istrateġija dwar il-bijoekonomija li jinsab fiha;
2. Iqis li l-bijoekonomija tippermetti l-produzzjoni ta' komoditajiet industrijali u tal-konsumatur bi spejjeż aktar baxxi, b'użu inqas tal-enerġija u toħloq anqas tniġġis ambjentali;
3. Huwa wkoll tal-fehma li t-tranżizzjoni lejn bijoekonomija intelliġenti, sostenibbli u inklużiva għandha tkun ibbażata mhux biss fuq il-produzzjoni ta' riżorsi naturali rinnovabbli b'impatt ambjentali baxx, iżda wkoll fuq l-użu sostenibbli tagħhom mil-lat ekoloġiku, ekonomiku u soċjali, filwaqt li jinżamm l-użu tar-riżorsi bijotiċi fil-konfini tat-tiġdid ekosistemiku;
4. Jenfasizza l-urġenza li tittieħed azzjoni immedjata biex jiġu appoġġati l-innovazzjoni u l-investiment f’tekniki ġodda u mudelli kummerċjali u li jinħolqu l-inċentivi li jwasslu għal benefiċċji fit-tul għall-ekonomija; jenfasizza r-rwol ewlieni tas-settur privat biex ikun hemm tkabbir ekonomiku sostenibbli;
5. Huwa tal-fehma li l-bijoekonomija hija kundizzjoni essenzjali biex jinkisbu l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020 u, aktar speċifikament, tal-inizjattivi "Unjoni ta' Innovazzjoni" u "Ewropa li tuża r-Riżorsi b'Effiċjenza";
6. Jilqa' l-appoġġ tal-Kummissjoni għal bidla radikali fl-approċċ tal-UE għall-produzzjoni, il-konsum, l-ipproċessar, il-ħażna, ir-riċiklaġġ u r-rimi ta' riżorsi bijoloġiċi;
7. Jirrimarka li filwaqt li 22 miljun persuna diġà huma impjegati fil-bijoekonomija, kwantità li tammonta għal 9 % tal-impjieg totali fl-UE, il-bijoekonomija għandha l-potenzjal li timpjega miljuni aktar;
8. Jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li toħloq task force u pjan direzzjonali dwar il-bijoindustriji li fih jiġi enfasizzat il-kontribut li r-riżorsi rinnovabbli u l-bijoteknoloġiji jistgħu joffru lill-iżvilupp sostenibbli u jħeġġeġ lir-reġjuni u lill-operaturi jiżviluppaw innovazzjonijiet ġodda għas-settur tal-bijoekonomija;
9. Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali u reġjonali dwar il-bijoekonomija u jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta rapport darbtejn fis-sena lill-Parlament dwar l-implimentazzjoni ta' bijoekonomija;
10. Jenfasizza li l-UE hija mexxej dinji f'diversi oqsma tal-bijoxjenza u l-bijoteknoloġiji; huwa tal-fehma li t-tranżizzjoni lejn il-bijoekonomija tippermetti li l-Ewropa twettaq passi importanti 'l quddiem f'termini tal-ekonomija b'użu baxx tal-karbonju, ta' innovazzjoni u kompetittività u ssaħħaħ ir-rwol tagħha fix-xena internazzjonali;
11. Jenfasizza l-importanza u l-potenzjal enormi tal-effiċjenza tal-enerġija u tar-riżorsi; jenfasizza l-ħtieġa li "għandu jiġi prodott aktar b'anqas" ħalli l-bijoekonomija tibqa' sostenibbli;
12. Huwa tal-fehma li bijoekonomija għall-Ewropa m'għandhiex sempliċiment tissostitwixxi l-ekonomija attwali bbażata fuq il-fjuwils fossili jew tirrepeti l-imġiba ta' ħela u x-xejriet ta' konsum attwali iżda għandha tevolvi f'mudell aktar effiċjenti u sostenibbli li jqis il-ġestjoni soċjali u ambjentali ma' tul il-katini tal-valur kollha bbażati fuq il-bijoekonomija;
13. Jilqa' r-reviżjoni li għaddejja bħalissa tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-bijofjuwils sabiex jitnaqqsu l-effetti negattivi tal-bidla indiretta fl-użu tal-art (Indirect Land Use Change - ILUC), u jitħeġġeġ is-suq għall-bijofjuwils aktar avvanzati, kif ukoll l-iżvilupp tagħhom, li permezz tagħhom jkun jista' jsir użu akbar ta' materja prima mhux tal-ikel, bħal pereżempju l-iskart, ir-residwi u l-materjali linjoċellulożiċi u ċellulożiċi;
14. Ifakkar li l-fatturi ILUC għall-bijokarburanti u l-bijolikwidi, kif ukoll il-kriterji ta' sostenibilità vinkolanti għall-użu ta' bijomases solidi u tal-gass, għandhom ikunu inklużi fid-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli u fid-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Karburanti; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi Direttiva Qafas dwar il-Bijomassa li tkopri l-applikazzjonijiet kollha tal-bijomases (enerġija, karburanti, materjali u prodotti kimiċi) u l-introduzzjoni ta' ġerarkija tal-bijomases;
Investimenti fir-riċerka, l-innovazzjoni u l-ħiliet
15. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli l-isforzi tagħha fir-riċerka u l-koordinazzjoni tal-iżvilupp mal-fruntieri tal-Istati Membri u mas-setturi varji, u jenfasizza b'mod partikolari, il-ħtieġa ta' riċerka fil-valutazzjoni ta' konfini ta' sostenibilità tar-riżorsi bijotiċi, filwaqt li jitqiesu l-funzjonijiet ekosistemiċi u l-katini naturali tal-ikel kif ukoll id-domanda tal-bniedem għall-ikel;
16. Jitlob għal aktar riċerka dettaljata biex jiġu stabbiliti l-opportunitajiet soċjali u ambjentali kif ukoll il-kostijiet potenzjali tal-bijoekonomija minħabba l-impatti potenzjali differenti u l-metodi żbaljati possibbli tal-isfruttament tal-bijoekonomija, fir-rigward tal-użu ta' riżorsi naturali skarsi, ir-riskju ta' ħsara għall-ambjentu t-telf tal-bijodiversità u l-opportunità għall-konservazzjoni;
17. Jappoġġja l-ħolqien ta' Panil tal-Bijoekonomija ta' esperti biex jgħin ħalli jiżdiedu s-sinerġiji u l-koerenza bejn il-politiki u l-inizjattivi, u Osservatorju tal-Bijoekonomija, sabiex jitħeġġeġ it-tagħlim reċiproku, billi jiġi żgurat skambju kontinwu ta' għarfien u tagħrif bejn istituti ta' riċerka, kumpaniji, istituzzjonijiet, universitajiet, operaturi reġjonali, bdiewa u ċittadini f'żoni rurali, u jitħaffef l-iżvilupp ta' qafas ġuridiku li jżid u jiffaċilita r-riċerka, l-applikazzjonijiet tagħha u l-kummerċjalizzazzjoni tal-innovazzjonijiet;
18. Ifakkar l-importanza tal-applikazzjoni tal-prinċipju prekawzjonarju fl-użu tal-bijoteknolioġiji, speċjalment fl-oqsma tal-manipulazzjoni ġenetika tal-organiżmi u l-bijoloġija sintetika;
19. Huwa tal-fehma li jeħtieġ li jinħolqu programmi ta' informazzjoni u taħriġ multidixxiplinarji u intersettorjali biex is-sejbiet tar-riċerka jitpoġġew għad-dispożizzjoni tal-partijiet interessati, inklużi l-konsumaturi, u jinħolqu l-opportunitajiet biex jiżdiedu l-kuxjenza u l-parteċipazzjoni;
20. Jappella għall-eliminazzjoni tal-ostakoli eżistenti għall-innovazzjoni ma' tul il-katina tal-valur, l-aktar bi proċeduri ta' approvazzjoni tal-UE li jkunu rapidi u bbażati fuq data xjentifika għall-prodotti bijoteknoloġiċi kif ukoll aċċess aktar rapidu għas-suq;
21. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri prattiċi ta' ambitu reġjonalment komprensiv biex tippromwovi l-produzzjoni u l-konsum ta' prodotti tal-bijoekonomija fil-livell reġjonali;
22. Jenfasizza li l-bijoekonomija teħtieġ li jiġu żviluppati aktar u/jew integrati ħiliet ġodda, għarfien ġdid u dixxiplini ġodda biex jindirizzaw bidliet soċjetali relatati mal-bijoekonomija kif ukoll biex jappoġġaw il-kompetittività, it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi, jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-industrija u jiżguraw tlaqqigħ aħjar bejn il-ħiliet u l-impjiegi;
23. Jenfasizza li l-bijoekonomija teħtieġ għarfien tal-ogħla livell u forza tax-xogħol kompetenti; isostni li huwa neċessarju li jiġi previst taħriġ vokazzjonali u edukazzjoni superjuri fir-reġjuni tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi tar-reġjuni; jirrimarka li s-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ fuq firxa wiesgħa fir-reġjuni jistimulaw ukoll l-espansjoni tan-negozju;
24. Jilqa' l-baġit ta' EUR 4.5 biljun propost mill-Kummissjoni fil-Programm ta' Qafas għar-Riċerka (Orizzont 2020) tagħha u jittama li dan il-baġit ikun disponibbli għas-setturi u l-istrumenti kollha tal-bijoekonomija, u għall-finijiet tal-perfezzjoni ulterjuri tal-innovazzjonijiet, inkluża r-riċerka dwar il-limiti ekosistemiċi, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-bijomaterjali;
25. Huwa tal-fehma li l-bijoraffineriji bbażati fuq bijomaterjali sostenibbli lokali li ma jkunux prodotti minflok ikel jew minflok ma jintużaw għal skopijiet aktar importanti, huma għodda importanti biex jiġu implimentati proċessi virtwużi tal-konverżjoni ta' impjanti li m'għadhomx jintużaw u biex terġa' tingħata ħajja lil inħawi milquta mill-kriżi permezz ta' proċessi innovattivi u investimenti maħsuba biex joħolqu ekonomija ċirkulari, filwaqt li jawgura li dan ir-rwol jibqa' jitħeġġeġ;
26. Jenfasizza li jeħtieġ li jkun hemm kwantitajiet suffiċjenti ta' materja prima sostenibbli sabiex il-bijoraffineriji fl-Ewropa jiffunzjonaw b'suċċess; jirrimarka li dan ikun jeħtieġ ukoll it-titjib tal-infrastrutturi għall-ħżin u t-trasport u l-iżvilupp tal-loġistiki meħtieġa;
27. Jirrimarka li hemm biss għadd limitat ta' faċilitajiet ta' dimostrazzjoni fl-Ewropa u li jinħtieġu investimenti akbar sabiex jinżamm ir-rwol mexxej tal-industriji Ewropej fis-settur tal-bijoraffineriji; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw attivitajiet pilota u ta' dimostrazzjoni biex jittejbu l-prodotti u l-proċessi;
28. Jenfasizza li l-politiki tal-bijoekonomija jridu jitfasslu aħjar biex jiżguraw użu kaskata tal-bijomassa; f'dan ir-rigward jitlob għall-iżvilupp ta' strument legali li jwitti t-triq għal użu aktar effiċjenti u sostenibbli ta' din ir-riżorsa prezzjuża; jenfasizza li tali strument għandu jistabbilixxi prinċipju ta' użu kaskata fil-"piramida tal-bijomassa", billi jqis il-partijiet differenti tagħha u jsaħħaħha fl-ogħla livelli tagħha; jinnota li tali approċċ iwassal għal użu ġerarkiku, intelliġenti u effiċjenti tal-bijomassa, għal applikazzjonijiet li jżidu l-valur u għall-appoġġ ta' miżuri bħal koordinazzjoni tar-riċerka mal-katina tal-valur sħiħa;
Interazzjoni msaħħa fost il-politiki u involviment akbar tal-partijiet interessati
29. Iqis li huwa neċessarju li jiġi żgurat approċċ integrat, koerenti, intersettorjali u multidixxiplinarji għall-bijoekonomija, u jitlob għall-armonizzazzjoni tal-politiki differenti tal-UE involuti u l-prinċipji ta' gwida relatati – bħall-prinċipju prekawzjonarju – fis-setturi varji (il-pjan direzzjonali tal-Effiċjenza tar-Riżorsi, l-Unjoni għall-Innovazzjoni, l-Inizjattiva dwar il-Materja Prima, Orizzont 2020, il-Programm ta' Azzjoni dwar l-Ambjent 2020, il-Koeżjoni, il-Politika Agrikola Komuni u l-Politika Komuni tas-Sajd, id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart u d-Direttiva dwar l-Imballaġġ, u miżuri speċifiċi dwar il-bijomassa); iqis ukoll li huwa neċessarju li jiġi stabbilit ambjent uniformi, fuq tul ta' żmien twil, stabbli u regolatorju, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll nazzjonali, li jfittex li jippromwovi u jżid l-investimenti għall-bijoekonomija fl-Ewropa;
30. Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel dispożizzjonijiet għal-strumenti finanzjarji ħalli tappoġġja investimenti prekummerċjali, tbiddel is-sejbiet tar-riċerka f'suċċessi kummerċjali u tippermetti lill-kumpaniji innovattivi, speċjalment l-SMEs, biex isibu strumenti finanzjarji u ta' appoġġ oħrajn li jħeġġu l-iżvilupp tal-bijoekonomija, per eżempju permezz tal-użu tal-Fondi Reġjonali u Strutturali u l-faċilitajiet tal-qsim tar-riskji tal-Bank Ewropew tal-Investiment, permezz ta' koerenza miżjuda bejn il-fondi ta' riċerka u innovazzjoni differenti tal-UE, u permezz tat-twaqqif ta' one-stop shop għal informazzjoni dwar l-inizjattivi kollha relatati mal-ekonomija u bbażati fuq il-bijo bil-għan li jintlaħaq l-akbar impatt possibbli; jirrikonoxxi d-diffikultà, u r-riskji finanzjarji, assoċjati mal-kummerċjalizzazzjoni tal-innovazzjonijiet tal-bijoekonomija u mat-tqegħid tagħhom fis-suq;
31. Jitlob li tiġi żviluppata l-infrastruttura industrijali u jiġu ottimizzati l-katini tal-provvista għall-prodotti bijoloġiċi f'żoni rurali u kostali bl-għan li jinħolqu impjiegi ġodda fl-agrikoltura, il-forestrija u l-akkwakultura; jitlob li l-finanzjament għall-iżvilupp rurali tal-UE jkun disponibbli għal dan l-għan u li dan isir b'tali mod li jnaqqas aktar milli jżid, id-dannu għall-ambjent u t-telf tal-bijodiversità;
32. Jappella għal azzjoni mmirata u konkreta sabiex jitnaqqsu l-kumplessità u t-tul tal-proċeduri burokratiċi ta' awtorizzazzjoni li jikkumplikaw il-proċessi ta' żvilupp tal-bijoraffineriji u li jistgħu jinkoraġġixxu t-trasferiment ta' teknoloġiji innovattivi u avvanzati barra l-UE;
33. Japprova l-użu tal-formula tas-Sħubija Pubblika Privata (PPP), filwaqt li jieħu tagħlimiet adegwati mill-problemi li ħarġu f'applikazzjonijiet preċedenti tal-istess formula f'setturi oħra, jistieden lill-Kummissjoni talloka riżorsi adegwati għall-iżvilupp u t-tkabbir ta' dawn is-sħubiji, fit-twemmin li dan huwa mezz ewlieni li jippermetti l-ħolqien ta' ktajjen ta' valur ġodda, billi jissaħħu l-ktajjen eżistenti u jiġi ffaċilitat l-investiment f'teknoloġiji u f'prototipi li jistgħu jittrasferixxu r-riżultati tar-riċerka fis-swieq;
34. Jaqbel mal-ħtieġa ta' approċċ f'diversi livelli, u jappella li tingħata attenzjoni dejjem akbar lid-dimensjoni reġjonali u lokali tal-bijoekonomija u lil inizjattivi minn isfel għal fuq; jilqa' t-twaqqif ta' pjattaformi tal-bijoekonomija, fil-livell reġjonali, nazzjonali u tal-UE, li se jkunu jistgħu jkejlu l-progress imwettaq f'settur partikolari u jippermettu li jseħħ skambju ta' għarfien u tal-aħjar prattiki, bil-għan li l-iżviluppi tal-bijoekonomija jseħħ b'mod ugwali fl-UE kollha; barra minn hekk jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi wkoll esperti fil-qasam u fid-dixxiplini kollha interessati kif ukoll rappreżentanti tal-konsumaturi u taċ-ċittadini; jirrimarka li l-ekonomiji reġjonali għandhom rwol ċentrali fil-kisba ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv;
35. Jemmen li l-inizjattivi minn isfel għal fuq huma importanti fil-ħolqien ta' soċjetà bbażata fuq il-prodotti bijoloġiċi u li approċċ xprunat min-negozju u mid-domanda, flimkien ma' approċċ immexxi mill-gvern, huma kruċjali; iqis li għandhom jiġu pprovduti l-possibilitajiet adegwati għall-inizjattivi reġjonali; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja tali netwerks u clusters bil-ħsieb li tippromwovi l-iskambju ta' esperjenzi;
It-tisħiħ tas-swieq u tal-kompetittività
36. Jistieden lill-Kummissjoni tiffoka l-appoġġ finanzjarju fuq l-innovazzjoni b'konformità mal-Unjoni għall-Innovazzjoni, fosthom il-prijoritajiet ta' Orizzont 2020, filwaqt li tħeġġeġ is-sejbiet tar-riċerka għall-kummerċjalizzazzjoni, bil-għan li tagħlaq l-hekk imsejjaħ divarju tal-"wied tal-mewt" tas-settur tar-riċerka fl-Ewropa;
37. Iqis li hemm numru ta' għodod eċċellenti (akkwist pubbliku, standardizzazzjoni, inċentivi fiskali, sistemi ta' ċertifikazzjoni u ta' tikkettjar speċifiċi) li jistgħu jiggarantixxu provvista suffiċjenti ta' prodotti b'bażi bijoloġika li jkunu sostenibbli u ta' kwalità għolja kif ukoll jipprovdu sistemi ta' produzzjoni effiċjenti mil-lat ta' riżorsi; jemmen li jeħtieġ li jkun hemm riforma tal-leġiżlazzjoni attwali; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa kriterji ta' sostenibilità għall-użu tal-bijomassa li fuqhom għandhom jiġu bbażati wkoll għodod li joħolqu s-suq;
38. Jagħmel enfasi fuq il-fatt li bijoekonomija dipendenti fuq l-isfruttament ta' riżorsi bijoloġiċi, minflok enerġija fossili, trid tkun iggwidata minn qafas politiku sod li jqis mhux biss il-vijabilità ekonomika, iżda wkoll fatturi ta' sostenibilità soċjali u ekoloġika;
39. Huwa tal-fehma li huwa essenzjali li l-konsumaturi jiġu involuti u mgħarrfa dwar l-għażla ta' prodotti u servizzi b'bażi bijoloġika; jittama, f'dan ir-rigward, li jkun hemm standardizzazzjoni ta' din il-produzzjoni fl-UE abbażi ta' biżżejjed kriterji ta' sostenibilità, u li din titqies bħala strument li jippromwovi suq Ewropew vantaġġuż ta' dawn il-prodotti;
40. Jemmen li t-tul tal-ħajja tal-prodotti bbażati fuq il-bijoloġija ma jistax jitnaqqas b'mod artifiċjali; il-prodott għandu jitfassal għall-itwal ħajja possibbli;
41. Jenfasizza li l-bijoekonomija se tagħti kontribut sinifikanti lill-iżvilupp tal-inħawi rurali u tax-xtut; huwa tal-fehma li s-sinerġija u kooperazzjoni mill-qrib ma' tul il-katina tal-valur, inkluż il-produtturi lokali ta' materja prima agrikola u tal-forestrija, u l-bijoraffineriji, jistgħu jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-kompetittività u għaż-żieda fil-profitabbiltà tar-reġjuni rurali; jisħaq fuq il-bżonn li tiġi żviluppata strateġija bijoekonomika fuq tul ta' żmien twil, li tqis kif inhu xieraq il-bżonn li tiġi żgurata s-sikurezza tal-ikel;
42. Jeħtieġ li l-proċessi bijoloġiċi u bijoteknoloġiċi li huma żviluppati jistgħu jiġu użati f'riżorsi rinnovabbli b'bażi bijoloġika mill-iskart u minn uċuħ tar-raba' mhux tal-ikel, u wkoll bħala komponenti fin-negozji agrikoli u bbażati fuq il-forestrija eżistenti;
43. Isostni li wieħed mill-prinċipji ta' gwida tal-bijoekonomija huwa li tissaħħaħ l-effiċjenza tar-riżorsi u titnaqqas id-dipendenza fuq materja prima, enerġija u riżorsi naturali mhux rinnovabbli importati; jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tas-settur tal-foresti u industriji oħrajn ibbażati fuq il-bijoloġija u jsostni li r-riżorsi naturali rinnovabbli u l-materja prima newtri mill-karbonju, bħall-injam u l-fibra tal-injam, jistgħu jissostitwixxu l-materja prima fossila mhux rinnovabbli; jirrimarka li l-industrija tal-bijoekonomija tipproduċi ħafna prodotti ta' valur miżjud għoli, bħall-kimiċi, mediċini, plastiks, u materja prima innovattiva oħra, u li toħloq ukoll l-impjiegi; jenfasizza l-potenzjal tal-bijoteknoloġiji bbażati fuq riżorsi tal-baħar;
44. Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi miżuri biex iżżid il-potenzjali tal-materja prima tal-ikel b'mod sostenibbli, timmobilizza aħjar tali materja prima tal-ikel, tiġbor skart bijodegradabbli – billi tiġi evitata t-trasportazzjoni eċċessiva – u tiżgura li l-użu tal-bijomassa jibqa' fil-limiti ekoloġiċi u ma jnaqqasx il-funzjoni tal-assorbiment tal-karbonju; f'dan il-kuntest iqis urġenti li jiġu stabbiliti kriterji ta' sostenibilità għall-użu ta' enerġija tal-bijomassa sabiex tiġi żgurata d-disponibilità tal-bijomassa għal skopijiet aktar effiċjenti mil-lat ta' riżorsi, filwaqt li jiġi evitat li l-inċentivi għat-trasformazzjoni tal-bijomassa f'enerġija joħolqu distorsjonijiet fis-suq u jnaqqsu d-disponibbiltà tagħhom għall-produtturi;
45. Iqis li huwa importanti li wieħed jinvesti fil-ktajjen tal-provvista tal-bijoekonomija, sabiex ikun hemm garanzija tad-disponibilità tal-materja prima; isostni li l-istrateġiji tal-bijoekonomija għandhom jinkuraġġixxu mhux biss l-użu aktar effiċjenti tal-iskart tad-djar u muniċipali, iżda wkoll l-irkupru tal-flussi u l-fdalijiet tal-prodotti sekondarji agrikoli u tal-forestrija; jappella biex ikun hemm leġiżlazzjoni aħjar u li tippermetti ċ-ċertezza ġuridika u tipprovdi appoġġ b'saħħtu għall-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-bijoekonomija u l-isfruttament tal-materja prima u sabiex il-politika tkun ibbażata, f’kull rigward, fuq approċċ flessibbli fit-tul u li tippromwovi l-investimenti;
46. Iqis li, skont l-istrateġija definita mill-politika industrijali Ewropea l-ġdida, il-bijoekonomija tista' tagħti kontribut importanti fil-ġlieda kontra l-proċess ta' deindustrijalizzazzjoni li llum qed jolqot lill-Ewropa, u tgħin biex treġġgħu lura permezz ta' strateġiji ġodda li jistimulaw is-suq u jniedu mill-ġdid il-kompetittività tas-sistema territorjali;
47. Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni tiddefinixxi s-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent b'riżultat ta' "azzjoni tal-gvern li tikkonferixxi vantaġġ lil konsumaturi jew produtturi, sabiex jiġi ssupplimentat id-dħul tagħhom jew jitnaqqsu l-ispejjeż tagħhom iżda li, minħabba f'hekk, issir diskriminazzjoni fil-konfront ta' prattiki ambjentali tajba"[3]; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw pjanijiet konkreti, mingħajr dewmien u sal-2014, ibbażati fuq din id-definizzjoni għat-tneħħija progressiva tas-sussidji li huma ta' ħsara għall-ambjent qabel l-2020, inklużi s-sussidji li jagħtu inċentiv għall-użu ineffiċjenti ta’ riżorsi rinovabbli u s-sussidji fuq il-fjuwils fossili, u jirrappurtaw dwar il-progress permezz tal-Programmi Nazzjonali ta' Riforma; f'dan il-kuntest, jinsab imħasseb li s-sussidji għall-użu tal-bijomaterjali għall-enerġija diġà qed idgħajfu l-objettivi tal-effiċjenza tar-riżorsi;
48. Jinnota bi tħassib li d-domanda li qed tiżdied għall-bijomassa, b'mod partikolari għall-injam, tista' tiskatta deforestrazzjoni ġenerali fil-pajjiżi fil-fażi ta' żvilupp, fejn l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra mhumiex ikkunsidrati skont il-Protokoll ta' Kyoto; jirrimarka li filwaqt li dan jista' jkollu impatt fuq il-kwalità tal-ħamrija, iċ-ċikli tal-ilma u l-bijodiversità, iżid il-pressjoni fuq il-ftehimiet globali bħall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD) u l-Programm ta' Kollaborazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tnaqqis ta' Emissjonijiet mid-Deforestazzjoni u d-Degradazzjoni tal-Foresti fil-Pajjiżi li qed jiżviluppaw (REDD); jibża' wkoll li, meta jitqies li s-sistemi tal-governanza tal-art huma dgħajfa f'ħafna pajjiżi fil-fażi ta' żvilupp, id-domanda dejjem akbar għal prodotti tal-injam tista' tiskatta l-qtugħ illegali tas-siġar u ddgħajjef min-naħa tagħha l-ftehimiet volontarji ta' sħubija fl-ambitu tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Infurzar tal-Liġi tal-Foresta, Governanza u Kummerċ (FLEGT);
49. Jenfasizza li t-tranżizzjoni lejn bijoekonomija se tikkontribwixxi għall-integrazzjoni ulterjuri tar-riżultati ta' Rio+20 fil-politiki tal-UE; jemmen li l-UE għandha tintensifika aktar il-kontribut tagħha għall-inizjattivi li jiffaċilitaw it-tranżizzjoni lejn ekonomija ħadra inklużiva fil-livell internazzjonali;
50. Jitlob li l-UE ssir ċentru ta' riċerka u innovazzjoni dinamiku fil-livell internazzjonali fil-qasam tar-riċerka dwar il-bijoekonomija; jiddikjara li prodotti, proċessi u servizzi ġodda bbażati fuq riżorsi rinnovabbli se jsaħħu l-kompetittività tal-industrija Ewropea u jpoġġuha fuq quddiem nett fil-livell internazzjonali;
51. Iqis li huwa fundamentali l-iżvilupp ta' standards internazzjonali ta' sostenibilità ġuridikament vinkolanti għas-setturi kollha tal-użu tal-bijomases, kif ukoll kriterji vinkolanti ta' ġestjoni forestali sostenibbli; iħeġġeġ lill-UE ssegwi l-adozzjoni ta' ftehimiet multilaterali u tforni, partikolarment għall-pajjiżi l-anqas żviluppati, sostenn istituzzjonali u tekniku relatat biex jiġi garantit l-użu sostenibbli tal-bijomases.
52. Huwa tal-fehma li l-mudell tal-bijoekonomija żviluppat fi ħdan din l-istrateġija se jsolvi l-kwistjonijiet kritiċi kontinġenti u, fuq żmien itwal, jista' jagħti bidu għal mudelli ta' produzzjoni, konsum, żvilupp u stili ta' ħajja aktar sostenibbli u effettivi, billi jattiva mill-ġdid il-proċess ta' tkabbir Ewropew bis-saħħa ta' sinteżi ġdida bejn l-ekonomija, l-ambjent u l-kwalità soċjali;
53. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
- [1] Testi adottati, P7_TA(2012)0223.
- [2] Testi adottati, P7_TA(2011)0364.
- [3] 1 Test adattat mill-OECD (1998 u 2005) f'IEEP et al. 2007, ara http://ec.europa.eu/environment/enveco/taxation/index.htm
NOTA SPJEGATTIVA
Kuntest ġenerali
Fl-erbgħin sena li ġejjin, l-Ewropa se jkollha tħabbat wiċċha ma' ħafna sfidi soċjali. Iż-żieda kontinwa fil-popolazzjoni dinjija, it-tkabbir drastiku fid-domanda għall-ikel u l-enerġija u l-iskarsezza tar-riżorsi naturali mad-dinja kollha jeħtieġu li l-Ewropa tirrifletti dwar l-approċċ il-ġdid li għandha tieħu f'termini ta' produzzjoni u konsum, sabiex tindirizza dawn ir-rekwiżiti ġodda b'mod effiċjenti u sostenibbli.
Il-bijoekonomija tirrappreżenta opportunità importanti biex tingħata risposta għal dawn l-isfidi u tiggarantixxi mhux biss sostenibilità akbar iżda wkoll appoġġ għall-iżvilupp rurali, it-tnaqqis potenzjali tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra, sostenibilità akbar taċ-ċirku produttiv u t-tixrid tal-innovazzjoni industrijali ma' tul il-katina tal-valur kollha.
L-istrateġija għall-bijoekonomija tista' tkun is-soluzzjoni għad-dipendenza fuq il-fjuwils fossili u t-triq lejn tkabbir intelliġenti. B'ħarsa lejn il-ġejjieni, tista' tkun ukoll ir-risposta għas-sigurtà tal-ikel, għat-tkabbir ekonomiku u għal żieda fil-livelli ta' impjieg.
Il-pożizzjoni tar-Rapporteur
Ir-rapporteur jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar bijoekonomija għall-Ewropa u l-pjan ta' azzjoni għall-implimentazzjoni tal-istrateġija li tinsab fiha, maqsuma fi tliet partijiet kumplimentari: il-promozzjoni tar-riċerka, l-innovazzjoni u l-ħiliet, sinerġija akbar bejn il-politiki differenti u t-tisħiħ tas-swieq u tal-kompetittività.
Għar-rapporteur, l-appoġġ għal dan is-settur huwa investiment għall-ġejjieni, u l-Ewropa tista' u għandu jkollha rwol ewlieni fil-kisba dan l-objettiv. Biex dan iseħħ, jeħtieġ li l-Ewropa toħloq il-bażi għal ambjent regolatorju ċar u stabbli u tiżgura l-armonizzazzjoni tal-politiki dwar l-agrikoltura, l-industrija, l-ambjent u l-innovazzjoni, li lkoll huma involuti fl-oqsma tal-bijoekonomija. Ir-rapporteur jaqbel mal-ħtieġa li jitħeġġeġ approċċ interdixxiplinari u intersettorjali u, fl-istess ħin, jiġi żgurat li jkun hemm skambju ta' għarfien fuq livell reġjonali, nazzjonali u Ewropew biex jitħeġġeġ l-iżvilupp uniformi tal-bijoekonomija fl-UE kollha.
Ir-rapporteur jemmen li jeħtieġ li jiġu ggarantiti u żviluppati programmi ta' riċerka u innovazzjoni li jkunu kkoordinati u koerenti, li jiġu pprovduti għodod li jappoġġjaw l-investimenti industrijali, li jiġu mobilitati riżorsi finanzjarji u jiġi żgurat li r-riżultati miksuba jkollhom l-akbar impatt fuq is-soċjetà u fis-suq. L-infrastruttura teknoloġika, l-eċċellenza xjentifika, l-impjanti u l-bijoindustriji kollha jistgħu verament jikkontribwixxu sabiex l-Ewropa twettaq passi kbar 'il quddiem f'termini ta' innovazzjoni u kompetittività u biex isaħħu r-rwol internazzjonali Ewropew.
F'dan il-kuntest, anki l-forom ġodda ta' sħubija li jistgħu jinvolvu l-kontribut konġunt tal-entitajiet pubbliċi u privati jistgħu jikkontribwixxu ħafna għall-iżvilupp ta' din l-istrateġija. Il-ħolqien ta' sħubija pubblika-privata dedikata għall-bijoindustriji jista' fil-fatt ikun ta' appoġġ għal proġetti ġodda, jippermetti l-iżvilupp ta' prodotti ġodda u jiżgura li dawn effettivament jitqiegħdu fis-suq, u jillimita r-riskju li kundizzjonijiet aktar favorevoli barra l-UE jħeġġu l-migrazzjoni tal-eċċellenza u ta' proġetti innovattivi barra mill-Ewropa.
Għal dawn ir-raġunijiet kollha, ir-rapporteur jemmen li sforzi dejjem akbar għandhom jiġu diretti biex jappoġġjaw il-progress ulterjuri f'din id-direzzjoni, sabiex jinħolqu mudelli tal-produzzjoni, konsum, żvilupp u stili ta' ħajja aktar sostenibbli u effettivi u – ukoll bis-saħħa ta' sinteżi ġdida bejn l-ekonomija, l-ambjent u l-kwalità soċjali – sabiex jiġi attivat mill-ġdid il-proċess Ewropew ta' tkabbir u reindustrijalizzazzjoni.
OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp (28.5.2013)
għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
dwar l-Innovazzjoni għal Tkabbir Sostenibbli: Bijoekonomija għall-Ewropa
(2012/2295(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Isabella Lövin
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jagħmel enfasi fuq il-fatt li bijoekonomija dipendenti mill-isfruttament ta' riżorsi bijoloġiċi, minflok mill-enerġija fossili, trid tkun iggwidata minn qafas politiku sod li jqis mhux biss il-vijabilità ekonomika, iżda wkoll fatturi ta' sostenibilità soċjali u ekoloġika;
2. Jenfasizza li l-bijodiversità u l-ekosistemi jagħtu benefiċċji kollettivi u għandhom jiġu kkunsidrati bħala beni komuni; ifakkar li meta l-bijodiversità tkun ġestita u rregolata tajjeb, il-beni bbażati fuq il-bijodiversità jistgħu jrendu benefiċċji ekonomiċi sinifikanti; jilmenta, madankollu, li ħafna minn dawk li jfasslu l-politika jaraw gwadann ekonomiku żgħir fil-konservazzjoni u l-investiment fil-bijodiversità; għalhekk jisħaq dwar il-valur tas-"servizzi tal-ekosistema" u l-kontribut tagħhom għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali;
3. Jenfasizza li l-ebda sistema għall-ġenerazzjoni tal-ġid ma tista' tkun sostenibbli jekk tiddegrada l-bażi tar-riżorsi; jissottolinja li, b'mod parallel għall-funzjonijiet orjentati lejn is-suq, il-bijoekonomija ssostni wkoll firxa wiesgħa ta' funzjonijiet ta' beni pubbliċi, li bħalissa ma jiġux remunerati mis-suq, u li għandhom jiġu preservati, bħall-pajsaġġi agrikoli u tal-foresti, il-bijodiversità tar-raba' u tal-foresti, il-kwalità u d-disponibilità tal-ilma, il-funzjonalità tal-ħamrija, l-istabilità tal-klima, il-kwalità tal-arja u r-reżistenza għall-għargħar u għan-nirien;
4. Huwa tal-fehma li t-tranżizzjoni għal bijoekonomija sostenibbli se jkollha suċċess biss jekk l-effiċjenza tar-riżorsi ssir il-pilastru tal-ekonomija u jekk l-inġinerija ġenetika ma tintużax bħala xprun ta' din l-ekonomija;
5. Jemmen li kull strateġija għal bijoekonomija għandha tadotta l-prinċipju gwida tal-ġerarkija tal-bijomassa u tappoġġa "użu kaskata" tal-bijomassa li tkun diretta l-ewwel lejn l-iżgurar ta' servizzi bażiċi mhux ippremjati mis-suq u mbagħad lejn applikazzjonijiet b'valur għoli bħal materjali (aktar milli l-bijoenerġija, li għandha valur aktar baxx);
6. Jenfasizza li bijoekenomija sostenibbli għandha tinbena fuq trasport modali; b'mod partikolari, jenfasizza li sabiex jiġi vvalutat jekk bijoproċess jew bijoprodott speċifiku hux qed inaqqas l-emissjonijiet diretti jew indiretti ta' gassijiet b'effett ta' serra, għandhom jitqiesu l-istadji kollha mill-estrazzjoni tal-materja prima sal-istat ta' użu aħħari; jenfasizza li l-politiki tal-UE u dawk nazzjonali għandhom jippromwovu alternattivi nodfa għall-karburanti fossili, bħal vetturi li jaħdmu b'elettriku rinnovabbli kif ukoll enerġija solari jew tar-riħ, minflok ma jistimolaw il-bidla għall-bijomassa f'setturi fejn il-valur miżjud ikun inqas (bħal fil-produzzjoni tal-bijokarburanti jew bijoenerġija oħra);
7. Josserva li l-kwantità ta' bijomassa sostenibbli minn sorsi tal-UE mhi se tkun qatt biżżejjed biex tissodisfa d-domandi attwali ta' enerġija u ż-żieda u l-użi alternattivi tal-bijomassa, u li l-UE se tkun għalhekk dejjem aktar dipendenti mill-importazzjonijiet mill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, fejn l-isfruttament tal-bijomassa jirrappreżenta sfida kbira f'termini ta' governanza, bħal fil-każ tal-konservazzjoni tal-foresti, u li b'hekk jagħmilha diffiċli li jiġu ssodisfati l-kriterji ta' sostenibilità u l-miżuri tal-UE għall-bijomassa impurtata jew li tiġi kkontrollata l-implimentazzjoni tagħhom permezz tal-monitoraġġ u l-valutazzjoni; jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza ta' miżuri tal-effiċjenza u tal-iffrankar tal-enerġija biex jiġi żgurat li l-UE tagħmel iktar b'inqas riżorsi, u b'hekk tnaqqas id-domanda għall-bijomassa;
8. Jinsisti li l-UE għandha d-dmir li tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq il-ħut minn pajjiżi fil-fażi ta' żvilupp għal finijiet ta' ikel, kif ukoll għal finijiet ta' għalf għall-akkwakultura; jenfasizza li, fir-riforma attwali tal-PKS, għandha tingħata prijorità lill-miżuri li jsostnu ġestjoni ambjentalment sostenibbli tas-sajd u l-użu ta' speċijiet mhux karnivori fl-akkwakultura;
9. Jinnota bi tħassib li d-domanda li qed tiżdied għall-bijomassa, b'mod partikolari għall-injam, tista' tiskatta deforestrazzjoni ġenerali fil-pajjiżi fil-fażi ta' żvilupp, fejn l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra mhumiex ikkunsidrati skont il-Protokoll ta' Kyoto; jirrimarka li filwaqt li dan jista' jkollu impatt fuq il-kwalità tal-ħamrija, iċ-ċikli tal-ilma u l-bijodiversità, iżid il-pressjoni fuq il-ftehimiet globali, bħall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD) u l-REDD tan-Nazzjonijiet Uniti; jibża' bl-istess mod li, fid-dawl tas-sistemi ta' governanza tal-artijiet huma dgħajfa f'ħafna pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, id-domanda dejjem akbar għal prodotti tal-injam tista' tiskatta l-qtugħ illegali tas-siġar u konsegwentement ddgħajjef il-ftehimiet volontarji ta' sħubija fl-ambitu tal-FLEGT, iżda żżid ukoll il-pressjoni fuq ftehimiet globali bħall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD) u l-REDD tan-Nazzjonijiet Uniti;
10. Jenfasizza l-importanza tal-mangrovji, tal-mergħat tal-ħaxix tal-baħar, tal-bwar salmastri u tal-foresti tal-Laminariales (kelp) bħala bwar tal-karbonju b'rendiment għoli; iwissi dwar il-qerda rapida ta' dawn l-ekosistemi kostali minħabba, fost affarijiet oħra, id-domanda li qed tiżdied għal frott tal-baħar mill-akkwakultura; jitlob li jkun hemm ekwivalenti marin tal-iskema REDD għas-salvagwardja tal-ekosistemi kostali u marini bħall-bwar tal-karbonju;
11. Jitlob li l-UE ssir ċentru ta' riċerka u innovazzjoni dinamiku fil-livell internazzjonali fil-qasam tar-riċerka dwar il-bijoekonomija; jiddikjara li prodotti, proċessi u servizzi ġodda bbażati fuq riżorsi rinnovabbli se jsaħħu l-kompetittività tal-industrija Ewropea u jpoġġuha fuq quddiem nett fil-livell internazzjonali;
12. Ifakkar li l-fatturi ILUC għall-bijokarburanti u l-bijolikwidi, kif ukoll il-kriterji ta' sostenibilità vinkolanti għall-użu ta' bijomases solidi u tal-gass, għandhom ikunu inklużi fid-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli u fid-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Karburanti; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi Direttiva Qafas dwar il-Bijomassa li tkopri l-applikazzjonijiet kollha tal-bijomases (enerġija, karburanti, materjali, prodotti kimiċi) u l-introduzzjoni ta' ġerarkija tal-bijomases;
13. Ifakkar li l-protezzjoni tal-bijodiversità hija komponent ewlieni għall-ilħiq tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju (inkluż l-Għan 1 dwar il-Qerda tal-Faqar Estrem u l-Ġuħ u l-Għan 7 dwar l-Iżgurar tas-Sostenibilità Ambjentali); b'mod partikolari, jisħaq fuq l-importanza ta' bijodiversità u ekosistemi b'saħħithom għall-produzzjoni primarja bħall-agrikoltura, il-forestrija u s-sajd; għalhekk, iqis li l-produzzjoni tal-bijomases tiġi analizzata fir-rigward tal-impatt tagħha fuq is-servizzi tal-ekosistemi;
14. Jibża' li d-domanda dejjem akbar ta' bijomases taggrava l-insigurtà tal-ikel fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, permezz tad-devjazzjoni tal-għelejjel u tal-artijiet mill-produzzjoni tal-ikel, il-privazzjoni tad-drittijiet ta' użu tal-art u t-tfaqqir konsegwenza tal-akkapparrament tal-art u l-intensifikazzjoni tal-volatilità tal-prezzijiet tal-ikel; jirrimarka li d-domanda għal-bijokarburanti diġà hija waħda mill-ixprunijiet tal-akkwisti tal-art fil-pajjiżi fil-fażi ta' żvilupp, b'mod partikolari fl-Afrika sub-Saħarjana; ifakkar li minħabba dawn l-akkwisti tal-art, il-popli indiġeni jitilfu l-aċċess tagħhom għall-art, u b'hekk l-aċċess tagħhom għall-ikel u l-ilma; jenfasizza wkoll li filwaqt li l-MDGs jistabbilixxu objettiv ta' tnaqqis bin-nofs tan-numru ta' persuni mingħajr aċċess sikur għall-ilma sal-2015, l-attivitajiet tal-bijoekonomija li jikkonsmaw l-ilma jistgħu jaggravaw il-pressjoni fuq ir-riżorsi tal-ilma fil-pajjiżi fil-fażi ta' żvilupp u b'hekk jikkontribwixxu għal skarsezza ġenerali tal-ikel; iħeġġeġ lill-UE ssegwi r-rakkomandazzjoni tar-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-dritt għall-ikel fl-agroekoloġija biex tintlaħaq is-sigurtà tal-ikel, filwaqt li jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima;
15. Iqis li huwa fundamentali l-iżvilupp ta' standards internazzjonali ta' sostenibilità ġuridikament vinkolanti għas-setturi kollha tal-użu tal-bijomases, kif ukoll kriterji vinkolanti ta' ġestjoni forestali sostenibbli; iħeġġeġ lill-UE ssegwi l-adozzjoni ta' ftehimiet multilaterali u tforni, partikolarment għall-pajjiżi l-anqas żviluppati, sostenn istituzzjonali u tekniku relatat biex jiġi garantit l-użu sostenibbli tal-bijomases.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
28.5.2013 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
24 0 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Thijs Berman, Corina Creţu, Véronique De Keyser, Charles Goerens, Mikael Gustafsson, Eva Joly, Filip Kaczmarek, Miguel Angel Martínez Martínez, Gay Mitchell, Bill Newton Dunn, Andreas Pitsillides, Maurice Ponga, Jean Roatta, Alf Svensson, Keith Taylor, Ivo Vajgl, Anna Záborská, Iva Zanicchi |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Eric Andrieu, Kriton Arsenis, Philippe Boulland, Emer Costello, Isabella Lövin, Cristian Dan Preda |
||||
OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (8.5.2013)
għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza fl-Ikel
dwar l-Innovazzjoni għal Tkabbir Sostenibbli: Bijoekonomija għall-Ewropa
(2012/2295(INI))
Rapporteur: Tamás Deutsch
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
– wara li kkunsidra l-istrateġija Ewropa 2020, li titlob tkabbir intelliġenti u ekoloġiku u aktar opportunitajiet ta' impjiegi,
A. billi l-promozzjoni tal-bijoekonomija se twassal għal tkabbir ekonomiku u se toħloq numru sinifikanti ta' impjiegi f'żoni rurali, kostali u industrijali;
B. billi l-bijoekonomija se tagħmilna anqas dipendenti fuq il-fjuwils fossili, li fil-parti l-kbira tagħhom huma importati;
C. billi l-bijoekonomija tal-UE diġà għandha fatturat ta' kważi EUR 2 triljun, u huwa mistenni li jkun hemm tkabbir sinifikanti mill-produzzjoni primarja sostenibbli, l-ipproċessar tal-ikel, il-bijoteknoloġija industrijali u l-bijoraffineriji;
D. billi l-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol tirrakkomanda l-antiċipazzjoni u l-ġestjoni tal-effetti tat-tħaddir tal-industriji fuq il-kwantità u l-kwalità tal-impjiegi;
E. billi studju mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol[1] enfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol fl-ekonomija ekoloġika;
F. billi studju miċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop) dwar "Ħiliet ħodor u kuxjenza ambjentali fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali"[2] talab li ssir aktar riċerka biex tidentifika d-dinamika tal-bidla okkupazzjonali u interna fis-suq tax-xogħol fil-livell settorjali, sabiex tgħin fil-valutazzjoni tal-adegwatezza tal-provvista tal-ħaddiema u n-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet;
1. Jitlob li tiġi żviluppata soċjetà aktar innovattiva, effiċjenti fir-riżorsi u kompetittiva li tista' tiżgura li s-sigurtà tal-ikel tmur id f'id mal-użu sostenibbli tar-riżorsi rinovabbli, u jenfasizza li l-fjuwil għandu jittieħed primarjament minn dawk il-prodotti sekondarji mill-katina tal-produzzjoni tal-ikel, u mill-ipproċessar tal-injam, li għalihom ma jeżisti l-ebda użu ieħor ta' valur skont il-ġerarkija tal-iskart u li, jekk jintużaw għelejjel li għandhom enerġija f'forma kkonċentrata ħafna u li jistgħu jiġu pproċessati wkoll fi prodotti tal-ikel, jeħtieġ li jinqdew il-ħtiġijiet tal-produzzjoni tal-ikel u jeħtieġ ukoll li jkunu ssodisfati kundizzjonijiet stretti rigward il-promozzjoni tal-konservazzjoni tan-natura u tal-bijodiversità;
2. Jenfasizza li r-riċerka u l-innovazzjoni huma l-bażi għal bidla strutturali minn industrija bbażata fuq iż-żejt għall-bijoindustrija, bidla li toffri opportunitajiet kbar għal tkabbir u impjiegi, ħidma interdixxiplinarja u kooperazzjoni internazzjonali u fl-UE sabiex jiġi aċċellerat it-trasferiment għall-prattika biex b'hekk tiġi stabbilita ekonomija bbażata fuq l-għarfien;
3. Jirrimarka li l-antiċipazzjoni tal-bidla, it-titjib tal-għarfien u l-ħiliet u t-tlaqqigħ aħjar tal-ħiliet u l-impjiegi b'mod soċjalment responsabbli huma essenzjali għas-suċċess tal-istrateġija tal-bijoekonomija fit-twettiq ta' tkabbir u ta' opportunitajiet ġodda ta' impjiegi fl-Ewropa;
4. Jirrimarka li filwaqt li 22 miljun persuna diġà huma impjegati fil-bijoekonomija, kwantità li tammonta għal 9 % tal-impjieg totali fl-UE, il-bijoekonomija għandha l-potenzjal li timpjega miljuni aktar;
5. Jistieden lill-Kummissjoni taġixxi proattivament, billi tuża l-fondi tal-UE, għarfien u skambji tal-aħjar prattiki fl-iżvilupp tas-settur tal-bijoekonomija – speċjalment lejn dawk l-Istati Membri tan-Nofsinhar tal-Ewropa li jiffaċċjaw diffikultajiet finanzjarji – biex b'hekk toħloq opportunitajiet tal-impjiegi għall-ġenerazzjoni żagħżugħa li tbati minn qgħad serju iżda li l-involviment tagħha hija essenzjali biex bidla lejn il-bijoekonomija tirnexxi; jenfasizza li l-iskemi ta' Garanziji għaż-Żgħażagħ jgħinu jippromwovu l-impjiegi, it-taħriġ u l-apprendistat ta' kwalità tajba għaż-żgħażagħ f'dan il-qasam strateġiku;
6. Jenfasizza l-importanza tal-iżgurar ta' impjiegi diċenti fis-settur, skont l-istandards tal-ILO, speċjalment permezz ta' dimensjoni soċjali qawwija tal-istrateġija għal bijoekonomija li tinkludi l-involviment tal-ħaddiema;
7. Jiġbed l-attenzjoni fuq il-fatt li l-bijoekonomija tista' tipprovdi dħul addizzjonali konsiderevoli għall-produtturi primarji fis-setturi tal-biedja, sajd u forestrija, partikolarment permezz tal-produzzjoni tal-bijomassa, materja prima għall-kompost u għelejjel bi żrieragħ taż-żejt speċjalizzati għall-industriji, u b'hekk toħloq opportunitajiet differenti ta' impjiegi f'diversi setturi relatati;
8. Jiġbed l-attenzjoni fuq il-fatt li l-Kummissjoni bbażat l-istrateġija tagħha għal bijoekonomija għall-Ewropa fuq ix-xenarju[3], b’mod li jista' joħloq madwar 130 000 impjieg fil-bijoekonomija; iħeġġeġ lill-Istati Membri jsaħħu l-programmi tagħhom ta' assistenza għall-bijoekonomija; jenfasizza wkoll l-importanza tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fl-attivitajiet tar-R&Ż, bħal pereżempju permezz ta' sħubija f'bordijiet;
9. Ifakkar ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar ir-rieżami ta' nofs il-perjodu tal-Istrateġija Ewropea 2007-2012 dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol[4], li titlob li ssir valutazzjoni tal-impatt tar-riskji potenzjali minn teknoloġiji ġodda, sustanzi dannużi u fatturi ta' riskju, inkluża l-organizzazzjoni tax-xogħol fuq il-post tax-xogħol, u jitlob ukoll azzjonijiet leġiżlattivi biex jiżguraw li n-nanomaterjali jkunu koperti bis-sħiħ mir-regolamenti attwali tal-UE dwar is-saħħa u s-sigurtà okkupazzjonali;
10. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa mudelli parteċipatorji li jistgħu jintużaw biex jiffurmaw rabtiet aktar mill-qrib bejn iċ-ċittadini, il-produtturi u l-utenti finali bl-għan li titrawwem relazzjoni aktar mill-qrib bejn ix-xjenza, is-soċjetà u l-politika, u tindika l-benefiċċji tal-bijoekonomija u l-importanza tagħha għas-soċjetà, it-tkabbir, l-impjiegi u l-innovazzjoni soċjali;
11. Jenfasizza l-importanza tad-djalogu soċjali fil-bijoekonomija biex jiġu żgurati d-disponibilità ta' xogħol ta' kwalità għolja u tranżizzjoni ġusta lejn il-bijoekonomija; jirrimarka d-djalogu soċjali settorjali Ewropew fl-industrija tal-ikel u x-xorb; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel id-djalogu soċjali settorjali Ewropew il-pedament tal-istrateġija tagħha għall-iżvilupp tal-bijoekonomija;
12. Jitlob li ssir aktar riċerka dettaljata biex tistabbilixxi opportunitajiet soċjali u ambjentali, kif ukoll il-kostijiet potenzjali tal-bijoekonomija, minħabba l-impatti potenzjali differenti u l-metodi possibbilment ħżiena tal-isfruttar tal-bijoekonomija rigward: l-użu tar-riżorsi naturali skarsi; ir-riskju ta' dannu għall-ambjent u t-telf tal-bijodiversità; l-opportunità għall-konservazzjoni; u r-rwol tal-UE u l-fondi tal-Istati Membri, partikolarment rigward l-Politika Agrikola Komuni, li kollha kemm huma jistgħu jirriżultaw f'benefiċċji netti għall-impjiegi, il-bijodiversità u l-ambjent b'mod ġenerali jekk ikunu ġġestjonati fi ħdan qafas politiku responsabbli u olistiku;
13. Jenfasizza li l-bijoekonomija teħtieġ li jiġu żviluppati aktar u/jew integrati ħiliet ġodda, għarfien ġdid u dixxiplini ġodda biex jindirizzaw bidliet soċjetali relatati mal-bijoekonomija kif ukoll biex jappoġġaw il-kompetittività, it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi, il-ħtiġijiet tal-industrija, kif ukoll biex jiżguraw tlaqqigħ aħjar bejn il-ħiliet u l-impjiegi;
14. Jistieden lill-Istati Membri joffru korsijiet universitarji dwar il-bijoekonomija u jiżviluppaw programmi ta' taħriġ vokazzjonali biex jagħmluha possibbli li f’dan il-qasam l-UE tilħaq u tiżgura rwol pjunier, innovattiv u mexxej, f’kull rigward;
15. jinnota l-potenzjal għat-twettiq tal-apprendistati rurali fis-sħubijiet mal-fornituri tal-edukazzjoni lokali u l-użu tal-fondi bħal pereżempju l-Fond għall-Iżvilupp Rurali biex jiġu żviluppati ħiliet trasferibbli fost iż-żgħażagħ f'żoni rurali, biex b'hekk ikunu jistgħu jisfruttaw aħjar il-potenzjal ta' opportunitajiet ġodda ta' impjiegi li jinħolqu mill-innovazzjoni fis-settur tal-bijoekonomija u l-agrikoltura; jissottolinja r-rwol ewlieni li l-Fond Soċjali Ewropew (FSE) jista' jkollu biex jappoġġa t-tagħlim tul il-ħajja biex il-ħaddiema jtejbu ħiliethom u jiksbu ħiliet ġodda fil-bijoekonomija; ifakkar, għalhekk, il-pożizzjoni tiegħu favur sehem minimu ġenerali għall-FSE tal-25 % tal-baġit totali allokat għall-politika ta' koeżjoni;
16. Jitlob żieda sostanzjali fir-riċerka tal-bijoekonomija, u jenfasizza li l-UE jeħtiġilha tipprova ttejjeb il-kapaċità tagħha ta' innovazzjoni billi ssarraf ir-riżultati tar-riċerka f'suċċess kummerċjali, peress li bħalissa l-UE qed iddum wisq biex ir-riżultati tar-riċerka u l-innovazzjoni tittrasformahom fi prodotti kummerċjabbli;
17. Iqis li l-bijoekonomija tippermetti l-produzzjoni ta' komoditajiet industrijali u tal-konsumatur bi spejjeż aktar baxxi, b'użu inqas tal-enerġija u toħloq anqas tniġġis ambjentali;
18. Jitlob li tiġi żviluppata l-infrastruttura industrijali u jiġu ottimizzati l-katini tal-provvista għall-prodotti bijoloġiċi f'żoni rurali u kostali bl-għan li jinħolqu impjiegi ġodda fl-agrikoltura, il-forestrija u l-akkwakultura; jitlob li l-finanzjament għall-iżvilupp rurali tal-UE jkun disponibbli għal dan l-għan u li dan isir b'tali mod li jnaqqas aktar milli jżid, id-dannu għall-ambjent u t-telf tal-bijodiversità.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
7.5.2013 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
40 1 1 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Regina Bastos, Edit Bauer, Heinz K. Becker, Phil Bennion, Pervenche Berès, Vilija Blinkevičiūtė, Philippe Boulland, Milan Cabrnoch, Alejandro Cercas, Ole Christensen, Marije Cornelissen, Emer Costello, Frédéric Daerden, Karima Delli, Sari Essayah, Richard Falbr, Marian Harkin, Nadja Hirsch, Stephen Hughes, Danuta Jazłowiecka, Martin Kastler, Ádám Kósa, Verónica Lope Fontagné, Olle Ludvigsson, Thomas Mann, Elisabeth Morin-Chartier, Csaba Őry, Siiri Oviir, Sylvana Rapti, Licia Ronzulli, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Jutta Steinruck, Traian Ungureanu, Andrea Zanoni, Inês Cristina Zuber |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Georges Bach, Malika Benarab-Attou, Sergio Gutiérrez Prieto, Jelko Kacin, Evelyn Regner, Csaba Sógor, Tatjana Ždanoka |
||||
- [1] ILO (Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol), "Promoting safety and health in a green economy", l-Uffiċċju Internazzjonali tax-Xogħol, Ġinevra (2012).
- [2] Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali, "Green skills and environmental awareness in vocational education and training", Dokument ta' riċerka Nru°24, 2012.
- [3] il-Kummissjoni Ewropea, Dokument ta' ħidma tal-Persunal, "L-Innovazzjoni għal Tkabbir Sostenibbli: Bijoekonomija għall-Ewropa", SWD(2012) 11 finali, p 49.
- [4] Testi adottati, P7_TA(2011)0589.
OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (7.5.2013)
għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
dwar l-Innovazzjoni għal Tkabbir Sostenibbli: Bijoekonomija għall-Ewropa
(2012/2295(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Giles Chichester
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija jistieden lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
A. billi għandu jitfakkar li l-bijoekonomija hija settur importanti fis-suq intern li joffri benefiċċji sinifikanti rigward l-ekonomija b'użu baxx tal-karbonju, ir-reżiljenza għall-bidla fil-klima, is-sostenibilità, il-kompetittività, il-ħolqien tal-impjiegi u t-tnaqqis tad-dipendenza fuq l-importazzjoni ta' kemm l-enerġija kif ukoll tal-materja prima;
B. billi l-bijoekonomija trid tlaħħaq ma' kunflitti eżistenti tal-miri, pereżempju fir-rigward tal-bijomassa, li hemm domanda għaliha simultanjament bħala sors ta' ikel, bħala materja prima, u bħala sors tal-enerġija, u l-aspettattivi mistennija minnha jeħtieġu, għalhekk, jibqgħu fi ħdan limiti realistiċi;
C. billi flimkien ma' riċerka bijoloġika avvanzata, il-bijoekonomija tista' wkoll tibbaża ruħha fuq għarfien u know-how tradizzjonali;
1. Jilqa' l-appoġġ tal-Kummissjoni għal bidla radikali fl-approċċ tal-UE għall-produzzjoni, il-konsum, l-ipproċessar, il-ħażna, ir-riċiklaġġ u r-rimi ta' riżorsi bijoloġiċi; jemmen li ekonomija bbażata fuq il-prodotti bijoloġiċi fl-Ewropa tista' tikkontribwixxi għall-kompetittività tal-industrija Ewropea u tipprovdi impjiegi u opportunitajiet kummerċjali, b'mod partikolari għall-iżvilupp rurali u kostali, madankollu biss jekk l-attivitajiet tagħha jitwettqu fi ħdan il-parametri tal-effiċjenza u s-sostenibbiltà tar-riżorsi;
2. Jemmen li nuqqas ta' koordinazzjoni llimita l-isfruttament ta' sinerġiji u ekonomiji ta' skala rigward il-bijoekonomija fl-Unjoni; jenfasizza li l-Unjoni tista' żżid il-valur billi tħeġġeġ u tiffaċilita l-kooperazzjoni permezz ta' netwerks u programmi ta' finanzjament; iqis li flimkien ma' miri speċifiċi biex jiżdied is-sehem tar-riżorsi naturali rinnovabbli użati fil-produzzjoni u l-konsum tal-prodotti, il-bijoekonomija se tiżviluppa permezz ta' approċċ integrat fil-livelli kollha, dawk lokali, tal-Istati Membri u tal-Unjoni;
3. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura l-aċċettabilità tal-użu tal-bijomassa u d-disponibbiltà tal-bijomassa biex tiżgura l-kundizzjonijiet operazzjonali għall-industriji eżistenti bbażati fuq il-prodotti bijoloġiċi li huma l-pedament tal-bijoekonomija futura;
4. Jilqa', f'dan ir-rigward, it-tħabbira riċenti tal-Kummissjoni dwar it-tnedija ta' osservatorju tal-bijoekonomija biex ifassal politiki reġjonali, nazzjonali u tal-UE f'dan il-qasam, kif ukoll it-twaqqif ta' bord permanenti ta' esperti fil-bijoekonomija biex itejjeb is-sinerġiji u l-koerenza bejn il-politiki, l-inizjattivi u s-setturi ekonomiċi marbuta mal-bijoekonomija fil-livell tal-UE, li jgħaqqadhom ma' mekkaniżmi eżistenti;
5. Jemmen li fil-livell tal-Unjoni jeħtieġ li sinerġiji u komplimentarjetajiet akbar jiġu appoġġati minn oqsma politiċi oħra, bħal pereżempju dawk li jikkonċernaw il-materja prima, il-bijofjuwils u l-iskart, kif ukoll il-programmi, partikolarment l-Orizzont 2020, il-PAK u l-Fondi Strutturali jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa approċċ integrat għall-bijoekonomija biex b'hekk jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-istrateġiji fil-livelli reġjonali, nazzjonali u Ewropej; huwa tal-fehma li l-UE għandha wkoll tippromwovi l-bijoekonomija fix-xena internazzjonali, b'mod partikolari fil-proċessi Rio+20 u tal-UNFCCC;
6. Jenfasizza l-importanza ta' żoni rurali u r-rwol li jista' jkollhom fl-iżvilupp ta' bijoekonomija sostenibbli, speċjalment rigward ir-residwi li jistgħu jintużaw fil-bijoraffineriji jew/u f'impjanti (tat-tip kaskata) li jbiddlu l-bijomassa f'gass; jissuġġerixxi, f'dan il-kuntest, li l-azzjonijiet tal-Unjoni kollha għandhom jiġu promossi biex ħamrija mniġġsa tiġi rimedjata, u dan jikkontribwixxi għall-produzzjoni ta' uċuħ tar-raba għall-produzzjoni tal-enerġija; ifakkar l-importanza ta' koordinament f'sistema għall-ġbir tal-iskart għal żoni rurali kif ukoll urbani;
7. Jilqa' l-intenzjoni li jitnaqqas id-distakk bejn ir-riċerka u l-innovazzjoni fl-Orizzont 2020 u wkoll li jitnaqqsu l-ostakli għar-riċerka interdixxiplinarja u l-programmi konġunti, minħabba l-firxa wiesgħa ta' prodotti finali fil-bijoekonomija, jiġifieri l-prodotti tal-enerġija u industrijali u teknoloġiji ewlenin li għandhom jiġu mobilizzati;
8. Iqis li sabiex is-sorsi tal-bijoenerġija jkunu ta' suċċess f'perjodu itwal ta' żmien jeħtieġ li jiġu prodotti u jintużaw b'mod sostenibbli u għandhom ikunu jistgħu jikkompetu rigward kemm il-prezz kif ukoll il-kwalità taħt kundizzjonijiet tas-suq normali; jilqa' r-reviżjoni li għaddejja bħalissa tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-bijofjuwils sabiex jitnaqqsu l-effetti negattivi tal-Bidla Indiretta fl-Użu tal-Art (Indirect Land Use Change - ILUC), u jitħeġġeġ is-suq għall-bijofjuwils aktar avvanzati, kif ukoll l-iżvilupp tagħhom, li permezz tagħhom jkun jista' jsir użu akbar ta' materja prima mhux tal-ikel, bħal pereżempju l-iskart, ir-residwi u l-materjali linjoċellulożiċi u ċellulożiċi;
9. Jenfasizza l-importanza u l-potenzjal enormi tal-effiċjenza tal-enerġija u tar-riżorsi; jenfasizza l-ħtieġa li "għandu jiġi prodott aktar b'anqas" ħalli l-bijoekonomija tibqa' sostenibbli;
10. Jistieden lill-industrija tmexxi l-iżvilupp ta' bijoekonomija sostenibbli fl-Unjoni; għalhekk jitlob li jinħoloq ambjent li jkun aktar favur l-impriżi, permezz ta' miżuri bħat-tnaqqis taż-żmien għall-kummerċjalizzazzjoni, l-allinjament tal-politiki tar-riċerka u l-innovazzjoni mal-ħtiġijiet ta' setturi speċifiċi, it-titjib tal-aċċess għall-finanzjament ta' riskju, speċjalment għal industriji u SMEs ibbażati fuq il-prodotti bijoloġiċi eżistenti u li qegħdin jiżviluppaw, u l-inkoraġġiment tal-intraprenditorija fis-settur;
11. Huwa konxju li l-iżvilupp ulterjuri tal-bijoekonomija se jinvolvi kompiti xjentifiċi ewlenin li jestendu lil hinn mill-konfini ta' kull qasam xjentifiku partikolari jew kwalunkwe pajjiż wieħed u se jirrikjedi forom ġodda ta' kooperazzjoni bejn ir-riċerkaturi u s-sħab industrijali biex titħaffef l-applikazzjoni fil-prattika;
12. Iqis li huwa kruċjali li titħares il-proprjetà intellettwali għall-prodotti u l-proċessi relatati mal-bijoekonomija jekk l-Ewropa tixtieq tiżgura l-kompetittività globali tagħha fis-suq internazzjonali;
13. Jemmen li l-finanzjament pubbliku għandu rwol li jattira l-kapital mis-settur privat biex jappoġġa l-kummerċjalizzazzjoni fis-settur tal-bijoteknoloġija. jappoġġa l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi skemi ta' sħubija pubblika-privata (PPP) għall-industriji b'bażi bijoloġika;
14. Jemmen li jeħtieġ li jiġi ffaċilitat aċċess aħjar għall-finanzi għall-SMEs permezz ta' investiment f'negozji ġodda, kapital ta' riskju u appoġġ għat-trasferiment tat-teknoloġija, u regolamenti anqas kumplessi u l-użu tal-għarfien fil-qasam tal-bijoekonomija; jissuġġerixxi li għandu jitwaqqaf bord tal-SMEs biex jikkonsulta l-Bord tal-Bijoekonomija u jiżgura approċċ xprunat min-negozju; jenfasizza aktar ir-rwol importanti tas-sħubiji pubbliċi-privati (PPPs) biex titħaffef it-tranżizzjoni lejn il-bijoekonomija; jemmen li l-SMEs għandhom rwol kruċjali fit-traduzzjoni tar-riċerka xjentifika f'applikazzjonijiet u fl-introduzzjoni fis-suq fil-forma ta' prodotti jew tekniki ġodda;
15. Jemmen li l-pjan ta' azzjoni stabbilit fil-Komunikazzjoni ma fihx miżuri u strumenti prattiċi biex bihom jiġu indirizzati ostakoli jew riskji potenzjali meta jsir qlib għal bijoekonomika; jenfasizza li attenzjoni partikolari għandha tingħata lil regolamenti doppji jew konfliġġenti u lid-disponibbiltà tal-kapital ta' riskju;
16. Jinnota li ftit kienu l-Istati Membri li wettqu attivitajiet biex jappoġġaw l-iżvilupp tal-bijoekonomija, u li l-istrateġiji huma fil-biċċa l-kbira żviluppati minn gvernijiet nazzjonali. Eżempju tajjeb ta' dan hija l-istrateġija transkonfinali tal-bijoekonomija reġjonali tal-Bio-based Delta Europe (tal-Lbiċ tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Fjandri); jemmen li jeħtieġ li nsaħħu l-inizjattivi lokali u reġjonali permezz tal-implimentazzjoni ta' strateġiji tal-bijoekonomija, fid-dawl ta' strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti, fil-livelli kollha tal-kooperazzjoni (UE, nazzjonali, reġjonali, lokali) u l-koordinazzjoni tal-attivitajiet transettorjali;
17. Jemmen li l-inizjattivi minn isfel għal fuq huma importanti fil-ħolqien ta' soċjetà bbażata fuq il-prodotti bijoloġiċi u li approċċ xprunat min-negozju u mid-domanda, flimkien ma' approċċ immexxi mill-gvern, huma kruċjali; iqis li possibbiltajiet adegwati għandhom jiġu pprovduti għal inizjattivi reġjonali bħal fir-reġjun ta' Ħelsinki (il-Finlandja), fil-Lbiċ tal-Pajjiżi l-Baxxi, fil-Majjistral ta' Franza, fit-Tramuntana tan-Nordrhein-Westfalen (il-Ġermanja), fl-Istirija (l-Awstrija), eċċ; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa tali netwerks u clusters bil-ħsieb li tippromwovi l-iskambju ta' esperjenzi;
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
25.4.2013 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
45 5 1 |
|||
Membri preżenti għal vot finali |
Jean-Pierre Audy, Zigmantas Balčytis, Ivo Belet, Bendt Bendtsen, Fabrizio Bertot, Jan Březina, Reinhard Bütikofer, Maria Da Graça Carvalho, Pilar del Castillo Vera, Giles Chichester, Jürgen Creutzmann, Vicky Ford, Gaston Franco, Adam Gierek, Norbert Glante, Robert Goebbels, Fiona Hall, Jacky Hénin, Edit Herczog, Romana Jordan, Krišjānis Kariņš, Philippe Lamberts, Judith A. Merkies, Angelika Niebler, Jaroslav Paška, Aldo Patriciello, Vittorio Prodi, Teresa Riera Madurell, Michèle Rivasi, Jens Rohde, Paul Rübig, Amalia Sartori, Salvador Sedó i Alabart, Konrad Szymański, Britta Thomsen, Evžen Tošenovský, Catherine Trautmann, Ioannis A. Tsoukalas, Claude Turmes, Marita Ulvskog, Adina-Ioana Vălean, Kathleen Van Brempt, Alejo Vidal-Quadras |
||||
Substitute(s) present for the final vote |
Elisabetta Gardini, Jolanta Emilia Hibner, Seán Kelly, Eija-Riitta Korhola, Bernd Lange, Vladimír Remek, Algirdas Saudargas, Silvia-Adriana Ţicău |
||||
OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (24.4.2013)
għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
L-Innovazzjoni għal Tkabbir Sostenibbli: Bijoekonomija għall-Ewropa
(2012/2295(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Riikka Manner
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali jistieden lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jenfasizza li l-bijoekonomija, li għandha tkun ibbażata fuq approċċ koerenti, interdixxiplinari u intersettorjali fl-UE, hija element importanti għal tkabbir aħdar u intelliġenti fl-Ewropa u jenfasizza li l-politika tal-iżvilupp reġjonali għandha rwol ċentrali fl-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020; jinnota li, mill-ħdax-il objettiv ta’ politika reġjonali, seba’ għandhom x’jaqsmu direttament jew indirettament mal-bijoekonomija; jirrimarka li l-politika tal-iżvilupp reġjonali issa hija mezz aktar b’saħħtu minn qatt qabel biex tappoġġja t-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, minħabba l-konċentrazzjoni tematika b’saħħitha tagħha; jirrimarka li l-bijoekonomija qed ikollha impatt sinifikanti fuq ir-reġjuni u qed tippromwovi t-tkabbir ekonomiku u toħloq l-impjiegi;
2. Isostni li, fl-istrateġija u l-politika tal-bijoekonomija u fir-regolamenti u inċentivi li għandhom x’jaqsmu mal-bijoekonomija, il-linji gwida u l-grad ta’ konċentrazzjoni jeħtieġ li jkunu aktar ċari; jirrimarka dwar il-ħtieġa li tittejjeb il-koordinazzjoni, jinħolqu sinerġiji u rabtiet komplimentari mad-diversi politiki u fondi (Fondi Strutturali, PAK, PKS, id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart u Orizzont 2020) u jinfetħu possibilitajiet għall-finanzjament trasversali; jirrimarka wkoll li t-tranżizzjoni lejn bijoekonomija hija proċess twil li teħtieġ perseveranza leġiżlattiva u strateġiji u investiment li jkopru medda twila ta’ żmien sabiex tinħoloq klima ta’ investiment stabbli għall-bijoekonomija u kundizzjonijiet ugwali;
3. Jenfasizza li għandu jkun hemm fis-seħħ qafas ta’ politika b’saħħtu biex jiġi sfruttat b’mod sħiħ il-potenzjal tal-bijoekonomija u biex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni minn ekonomija bbażata fuq il-fjuwils fossili lejn bijoekonomija li għandha tagħmel użu aħjar mir-riżorsi u l-kapaċitajiet lokali u reġjonali;
4. ifakkar li r-reġjuni ultraperiferiċi Ewropej fihom bijodiversità eċċezzjonali u jibbenefikaw minn klima u karatteristiċi ġeomorfoloġiċi uniċi; jenfasizza li dawn ir-reġjuni joffru potenzjal enormi għar-riċerka u l-innovazzjoni fis-settur tal-bijoekonomija u dawn jista’ jkollhom rwol ċentrali fil-ħolqien ta’ tkabbir "aħdar" fil-livell Ewropew;
5. Jenfasizza l-importanza tal-ħolqien ta’ Osservatorju u ta’ Kumitat ta’ esperti għall-bijoekonomija; jinsisti li għandhom jiġu organizzati konferenzi regolari li jlaqqgħu flimkien il-partijiet interessati ewlenin mis-settur pubbliku u minn dak privat, fuq livell reġjonali, nazzjonali u Ewropew; jitlob li jitfassal pjan direzzjonali li jiżgura monitoraġġ effettiv tal-inizjattivi tal-bijoekonomija u l-koordinazzjoni tajba tal-istrumenti u li jiffissa b'mod sistematiku objettivi konkreti, kif ukoll il-pubblikazzjoni ta’ rapporti dwar il-progress tal-ħidma li għandhom jiġu kkomunikati lill-Parlament Ewropew;
6. Jirrimarka li l-ekonomiji reġjonali u lokali għandhom rwol ċentrali fil-kisba ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv; isostni li r-reġjuni infushom għandhom l-għarfien u l-kompetenza meħtieġa biex jimmobilizzaw atturi skont il-karatteristiċi speċifiċi tagħhom u għandhom jiffokaw fuq il-qalba lejn soċjetà bijoloġika u ekonomija li tibdel dik ibbażata fuq iż-żejt, billi r-riċerka u l-innovazzjoni jintużaw bħala l-fatturi tal-bidla; itenni li huwa ferm importanti li l-pjanijiet ta’ innovazzjoni u ta’ sostenibilità jiġu integrati u kkoordinati aħjar fil-livell reġjonali, nazzjonali u Ewropew; għaldaqstant, iħeġġeġ lir-reġjuni u lill-awtoritajiet reġjonali, isiru involuti b'mod aktar attiv fl-iżvilupp ta' strateġiji reġjonali ta’ riċerka u innovazzjoni fil-bijoekonomija li jkunu b'saħħithom u li jieħdu kont tal-profil ta’ kull reġjun u li jkunu maħsuba għall-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja lill-bijoclusters reġjonali Ewropej u l-kooperazzjoni interreġjonali u jqis li tkabbir b'saħħtu f'dan il-qasam jista jinkiseb biss permezz ta' investiment pubbliku u privat sostanzjali; jilqa' l-proposta li jiġu stabbiliti skemi ta’ sħubija pubblika-privata għas-settur tal-bijoekonomija;
7. Iqis li l-ekonomija soċjali u ta’ solidarjetà, li tibni fuq l-involviment attiv tan-nies, is-sjieda komuni, u s-solidarjetà, għandha titħalla jkollha rwol importanti fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji tal-bijoekonomija fuq il-livell reġjonali;
8. Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li jiġu appoġġjati u li jissaħħu l-inizjattivi lokali u reġjonali billi jiġu implimentati strateġiji tal-bijoekonomija f’kull livell ta’ kooperazzjoni; jirrimarka li l-approċċi minn isfel għal fuq huma essenzjali sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal tar-reġjuni kollha; jenfasizza r-rwol kruċjali tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju fil-bijoekonomija u jsostni li huwa ferm importanti li l-SMEs jingħataw opportunitajiet ta’ finanzjament li jkunu adattati għal-livell lokali; jenfasizza mill-ġdid il-ħtieġa li jitrawmu strateġiji ta’ riċerka u innovazzjoni maħsuba għal speċjalizzazzjoni intelliġenti permezz tal-promozzjoni ta’ strumenti ta’ finanzjament, u speċjalment l-opportunitajiet ta’ netwerking jew skambju ta' għarfien li dawn joffru;
9. Isostni li wieħed mill-prinċipji ta' gwida tal-bijoekonomija huwa li tissaħħaħ l-effiċjenza tar-riżorsi u titnaqqas id-dipendenza fuq materja prima u enerġija impurtati u fuq riżorsi naturali mhux rinnovabbli; jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tas-settur tal-foresti u industriji oħrajn ibbażati fuq il-bijoloġija u jsostni li r-riżorsi naturali rinnovabbli u l-materja prima newtri mill-karbonju, bħall-injam u l-fibra tal-injam, jistgħu jissostitwixxu l-materja prima fossila mhux rinnovabbli; jirrimarka li l-industrija tal-bijoekonomija tipproduċi ħafna prodotti ta' valur miżjud għoli, bħall-kimiċi, mediċini, plastiks, u materja prima innovattiva oħra, u li toħloq ukoll l-impjiegi; jenfasizza l-potenzjal tal-bijoteknoloġiji bbażati fuq riżorsi tal-baħar;
10. Jenfasizza li l-bijoekonomija teħtieġ għarfien tal-ogħla livell u forza tax-xogħol kompetenti; isostni li jeħtieġ li jiġi żgurat li jkun hemm taħriġ professjonali u edukazzjoni għolja fir-reġjuni, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi tagħhom; jirrimarka li s-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ fuq firxa wiesgħa fir-reġjuni jistimulaw ukoll l-espansjoni sostenibbli tan-negozju; isostni li standard għoli ta’ għarfien fis-settur tal-bijoekonomija jikkostitwixxi riżorsa għall-Ewropa meta tikkompeti fuq livell globali u jippermetti lill-Ewropa li ssir il-mexxej fil-qasam tal-bijoekonomija; jirrimarka dwar l-importanza tal-mobilità transkonfinali msaħħa tar-riċerkaturi, bil-ħsieb tal-iskambju ta’ prattiki tajbin u t-trasferiment tal-għarfien fil-qasam tal-bijoekonomija;
11. Jikkunsidra li, biex tiġi żviluppata bijoekonomija li tkun effettiva u sostenibbli, kull tip ta' infrastruttura jeħtieġ li tibqa' tiġi mmodernizzata, u li l-inħawi rurali m'għandhomx ikunu esklużi minn din il-modernizzazzjoni;
12. Iqis li huwa importanti li wieħed jinvesti fil-ktajjen tal-provvista tal-bijoekonomija, sabiex ikun hemm garanzija tad-disponibilità tal-materja prima; isostni li l-istrateġiji tal-bijoekonomija għandhom jinkuraġġixxu mhux biss l-użu aktar effiċjenti tal-iskart tad-djar u muniċipali, iżda wkoll l-irkupru tal-flussi u l-fdalijiet tal-prodotti sekondarji agrikoli u tal-forestrija; jappella biex ikun hemm leġiżlazzjoni aħjar u li tippermetti ċ-ċertezza ġuridika u tipprovdi appoġġ b'saħħtu għall-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-bijoekonomija u l-esplojtazzjoni tal-materja prima u sabiex il-politika tkun ibbażata, f’kull rigward, fuq approċċ flessibbli fit-tul u li tippromwovi l-investimenti;
13. Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa ta' objettivi speċifiċi biex jiżdied il-proporzjon ta' riżorsi naturali rinnovabbli użati fil-produzzjoni u l-konsum ta' prodotti; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri prattiċi ta' ambitu reġjonali komprensiv biex tippromwovi l-produzzjoni u l-konsum ta' prodotti tal-bijoekonomija fil-livell reġjonali;
14. Jinnota li huwa importanti li l-konsumaturi jiġu sensibilizzati dwar il-kontenut tal-bijoekonomija u, għalhekk, iqis li dawn għandhom jiġu infurmati dwar il-benefiċċji tal-bijoekonomija u dwar l-għażliet aħjar f’termini ta’ konsum li hija toffri; iqis li għandhom jittieħdu passi li jippromwovi l-bijoekonomija billi tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi dwar is-sikurezza tal-ikel, il-konservazzjoni tar-riżorsi u l-isfidi ambjentali l-oħra li qed tħabbat wiċċha magħhom is-soċjetà, bħat-tibdil fil-klima u d-dipendenza fuq riżorsi mhux rinnovabbli ; għalhekk jitlob li jsiru studji fuq ix-xejriet tal-konsum fl-UE u biex jiġu ffissati approċċi bbażati fuq ix-xjenza, biex il-konsumaturi jiġu pprovduti b’informazzjoni dwar il-karatteristiċi tal-prodotti u jiġi promoss stil ta’ ħajja sostenibbli;
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
23.4.2013 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
43 1 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Luís Paulo Alves, Catherine Bearder, Jean-Jacob Bicep, Victor Boştinaru, John Bufton, Nikos Chrysogelos, Rosa Estaràs Ferragut, Danuta Maria Hübner, Vincenzo Iovine, María Irigoyen Pérez, Seán Kelly, Constanze Angela Krehl, Petru Constantin Luhan, Ramona Nicole Mănescu, Riikka Manner, Iosif Matula, Miroslav Mikolášik, Jens Nilsson, Jan Olbrycht, Wojciech Michał Olejniczak, Younous Omarjee, Markus Pieper, Monika Smolková, Georgios Stavrakakis, Csanád Szegedi, Nuno Teixeira, Lambert van Nistelrooij, Justina Vitkauskaite, Oldřich Vlasák, Kerstin Westphal, Joachim Zeller, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Joseph Cuschieri, Vasilica Viorica Dăncilă, Karima Delli, James Nicholson, Ivari Padar, Herbert Reul, Elisabeth Schroedter, Richard Seeber, Czesław Adam Siekierski, Patrice Tirolien, Giommaria Uggias, Manfred Weber |
||||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
29.5.2013 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
54 0 4 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Martina Anderson, Elena Oana Antonescu, Sophie Auconie, Paolo Bartolozzi, Sergio Berlato, Lajos Bokros, Milan Cabrnoch, Martin Callanan, Yves Cochet, Chris Davies, Anne Delvaux, Bas Eickhout, Edite Estrela, Jill Evans, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Matthias Groote, Françoise Grossetête, Satu Hassi, Jolanta Emilia Hibner, Karin Kadenbach, Christa Klaß, Eija-Riitta Korhola, Jo Leinen, Corinne Lepage, Peter Liese, Zofija Mazej Kukovič, Linda McAvan, Radvilė Morkūnaitė-Mikulėnienė, Miroslav Ouzký, Vladko Todorov Panayotov, Andrés Perelló Rodríguez, Mario Pirillo, Pavel Poc, Anna Rosbach, Oreste Rossi, Dagmar Roth-Behrendt, Horst Schnellhardt, Richard Seeber, Theodoros Skylakakis, Bogusław Sonik, Claudiu Ciprian Tănăsescu, Salvatore Tatarella, Glenis Willmott, Sabine Wils |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Margrete Auken, Christofer Fjellner, Romana Jordan, Judith A. Merkies, Michèle Rivasi, Kārlis Šadurskis, Christel Schaldemose, Renate Sommer, Alda Sousa, Marita Ulvskog, Vladimir Urutchev, Kathleen Van Brempt, Anna Záborská |
||||