RAPPORT dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni minn EGF/2020/000 TA 2020 - Assistenza teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni)
3.6.2020 - (COM(2020)0146 – C9-0112/2020 – 2020/2062(BUD))
Kumitat għall-Baġits
Rapporteur: Victor Negrescu
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni minn EGF/2020/000 TA 2020 - Assistenza teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni)
(COM(2020)0146 – C9-0112/2020 – 2020/2062(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2020)0146 – C9-0112/2020),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006[1],
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[2], u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[3], u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Settembru 2019 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF/2019/000 TA 2019 – Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni)[4],
wara li kkunsidra l-ewwel qari tiegħu dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (il-FEG)[5],
wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0109/2020]),
A. billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li qegħdin ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tgħin l-integrazzjoni mill-ġdid neċessarja u fil-pront tagħhom fis-suq tax-xogħol;
B. billi l-għajnuna tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u bil-kunsiderazzjoni dovuta tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mmobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (il-FEG);
C. billi l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tirrifletti l-qbil li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiddaħħal mill-ġdid il-kriterju dwar il-mobilizzazzjoni f'każ ta' kriżi, biex il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni tiżdied għal 60 % tal-ispiża totali stmata tal-miżuri proposti, biex tiżdied l-effiċjenza fit-trattament tal-applikazzjonijiet tal-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għal valutazzjoni u approvazzjoni, biex jiġu estiżi l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eliġibbli billi jiġu introdotti dawk li jaħdmu għal rashom u ż-żgħażagħ u biex jiġu ffinanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' negozji tagħhom stess;
D. billi l-baġit annwali massimu disponibbli għall-FEG huwa EUR 150 miljun fi prezzijiet tal-2011 u billi l-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 jiddikjara li sa 0,5 % ta' dak l-ammont, jiġifieri EUR 179 264 000 fi prezzijiet tal-2020, jista' jsir disponibbli għal assistenza teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni sabiex jiġu ffinanzjati l-preparazzjoni, il-monitoraġġ, il-ġbir ta' data u l-ħolqien ta' bażi ta' għarfien, l-appoġġ amministrattiv u tekniku, l-attivitajiet ta' informazzjoni u komunikazzjoni, kif ukoll l-attivitajiet ta' awditjar, kontroll u evalwazzjoni meħtieġa biex jiġi implimentat ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013;
E. billi l-ammont propost ta' EUR 345 000 jikkorrispondi għal madwar 0,19 % tal-baġit annwali massimu disponibbli għall-FEG fl-2020;
1. Jaqbel mal-miżuri proposti mill-Kummissjoni li jridu jiġu ffinanzjati bħala għajnuna teknika skont l-Artikolu 11(1) u (4) u l-Artikolu 12(2), (3) u (4) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013;
2. Jirrikonoxxi l-importanza tal-monitoraġġ u l-ġbir ta' data; ifakkar fl-importanza ta' sensiela ta' statistika robusta miġbura fil-forma xierqa li tkun faċilment aċċessibbli u komprensibbli; itenni l-ħtieġa għal riċerka aġġornata dwar l-isfidi attwali ppreżentati mill-COVID-19 fis-suq globali u għal analiżi dwar dawn l-isfidi;
3. Itenni l-ħtieġa għal sit web apposta, aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni, li jkun fih informazzjoni dettaljata dwar il-FEG;
4. Jilqa' l-ħidma kontinwa fuq proċeduri standardizzati għall-applikazzjonijiet tal-FEG u l-ġestjoni li jużaw il-funzjonalitajiet tas-sistema ta' skambju elettroniku ta' data (SFC), li tippermetti s-simplifikazzjoni u l-ipproċessar aktar mgħaġġel tal-applikazzjonijiet kif ukoll rappurtar aħjar;
5. Jieħu nota li l-Kummissjoni se tuża l-baġit disponibbli biex torganizza żewġ laqgħat tal-Grupp ta' Esperti tal-Persuni ta' Kuntatt tal-FEG (membru wieħed minn kull Stat Membru) u, probabbilment fl-istess ħin, żewġ seminars bil-parteċipazzjoni tal-korpi ta' implimentazzjoni tal-FEG u s-sħab soċjali sabiex jiġi promoss in-netwerking fost l-Istati Membri;
6. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tistieden b'mod sistematiku lill-Parlament għal dawn il-laqgħat u s-seminars skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament u l-Kummissjoni;
7. Jissottolinja l-ħtieġa li jkomplu jissaħħu l-kooperazzjoni u l-komunikazzjoni bejn dawk kollha involuti fl-applikazzjonijiet tal-FEG, inklużi, b'mod partikolari, is-sħab soċjali u l-partijiet ikkonċernati fil-livell reġjonali u f'dak lokali, sabiex jinħoloq l-akbar għadd ta' sinerġiji possibbli; jisħaq fuq il-fatt li l-interazzjoni bejn il-Persuna ta' Kuntatt Nazzjonali u s-sħab responsabbli mill-ġestjoni tal-każijiet fil-livell reġjonali jew lokali għandha tissaħħaħ u li kemm l-arranġamenti ta' komunikazzjoni u ta' appoġġ kif ukoll il-flussi ta' informazzjoni (id-diviżjonijiet, il-kompiti u r-responsabbiltajiet interni) għandhom ikunu espliċiti u maqbula bejn is-sħab kollha kkonċernati;
8. Ifakkar lill-Istati Membri applikanti fir-rwol ewlieni tagħhom li jippubbliċizzaw b'mod wiesa' l-azzjonijiet iffinanzjati mill-FEG lill-benefiċjarji fil-mira, lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, lis-sħab soċjali, lill-midja u lill-pubbliku ġenerali, kif stabbilit fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013;
9. Ifakkar li skont ir-regoli attwali, il-FEG jista' jiġi mobilizzat biex jappoġġja b'mod permanenti lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja u lil dawk li jaħdmu għal rashom fil-kuntest tal-kriżi globali kkawżata mill-COVID-19 mingħajr ma jiġi emendat ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013;
10. Għaldaqstant jitlob lill-Kummissjoni tassisti, bi kwalunkwe mod possibbli, lill-Istati Membri li biħsiebhom jippreparaw applikazzjoni fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin;
11. Barra minn hekk jitlob lill-Kummissjoni tagħmel l-almu tagħha biex turi flessibbiltà u tqassar il-perjodu ta' valutazzjoni sa fejn hu possibbli meta tivvaluta kwalunkwe konformità ta' applikazzjoni mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta' kontribuzzjoni finanzjarja;
12. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF/2020/000 TA 2020 -Assistenza teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) 1927/2006[6], u b'mod partikolari l-Artikolu 11(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[7], u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) L-għan tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (il-FEG) hu li jipprovdi sostenn lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u lill-persuni li jaħdmu għal rashom li l-attivitajiet tagħhom ikunu waqfu minħabba bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji kkawżati mill-globalizzazzjoni, minħabba kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, jew minħabba kriżi finanzjarja u ekonomika globali ġdida, u jgħinhom jerġgħu jintegraw fis-suq tax-xogħol.
(2) Il-FEG ma jridx jaqbeż l-ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (il-prezzijiet tal-2011), kif stabbilit fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013[8].
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 jipprevedi li kull sena jista' jintuża massimu ta' 0,5 % tal-ammont massimu annwali tal-FEG għall-assistenza teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni.
(4) Għalhekk, jenħtieġ li l-FEG jiġi mobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 345 000 għall-assistenza teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni.
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2020, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 345 000 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill
Il President Il President
NOTA SPJEGATTIVA
I. Sfond
Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex jipprovdi għajnuna addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu mill-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji.
Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[[15]] u tal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013[[16]], il-Fond ma jistax jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (fi prezzijiet tal-2011). L-ammonti xierqa jiddaħħlu bħala dispożizzjoni fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.
Rigward il-proċedura, skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[[17]], sabiex jiġi attivat il-Fond, f'każ ta' valutazzjoni pożittiva ta' applikazzjoni, il-Kummissjoni għandha tippreżenta, lill-awtorità baġitarja, proposta għal mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess waqt, talba korrispondenti għal trasferiment. Fil-każ ta' nuqqas ta' qbil, għandu jinbeda trilogu.
II. Il-proposta tal-Kummissjoni
Fis-16 ta' April, il-Kummissjoni adottat proposta ġdida għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG.
Din tikkonċerna l-mobilizzazzjoni ta' EUR 345 000 mill-Fond, li jkopru l-assistenza teknika għall-Kummissjoni. L-objettiv tal-assistenza teknika huwa l-finanzjament tal-monitoraġġ u l-ġbir ta' data, kif ukoll l-informazzjoni, li tinħoloq interfaċċa abbażi tal-għarfien u li jingħataw pariri lill-Istati Membri dwar l-użu, is-segwitu u l-evalwazzjoni tal-FEG. Skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament dwar il-FEG, massimu ta' 0,5 % tal-ammont annwali massimu tal-FEG (jiġifieri EUR 175 748 000 fi prezzijiet tal-2019) jista' jkun disponibbli kull sena għal assistenza teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni.
Skont il-proposta tal-Kummissjoni, l-ammont mitlub ta' EUR 345 000 jirrappreżenta madwar 0,19 % u huwa maħsub biex ikopri l-attivitajiet li ġejjin:
1. Monitoraġġ u ġbir ta' data: Il-Kummissjoni se tiġbor data dwar l-applikazzjonijiet li jkunu waslulha, dawk li jkunu ġew iffinanzjati u dawk magħluqa, u dwar il-miżuri proposti u implimentati. Din id-data se tkun disponibbli fuq is-sit web apposta tal-Kummissjoni Ewropea u se tkun ikkompilata f'forma xierqa għar-Rapport Biennali tal-2021.
2. Informazzjoni: Il-Kummissjoni waqqfet u qed tieħu ħsieb paġna web dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[9], kif meħtieġ skont l-Artikolu 12(2) tar-Regolament dwar il-FEG. Il-Parlament Ewropew itenni l-ħtieġa għal sit web apposta aċċessibbli għaċ-ċittadini tal-UE b'informazzjoni aktar kumplessa. Il-paġna web għandha tkun adattata għall-iskop tagħha u tkun aġġornata u żviluppata ulterjorment b'mod regolari, u l-elementi l-ġodda għandhom jiġu tradotti fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE. Se tiżdied is-sensibilizzazzjoni ġenerali dwar il-FEG u se tiġi promossa l-viżibbiltà tiegħu. Il-FEG se jiġi kopert f'diversi pubblikazzjonijiet u attivitajiet awdjoviżivi tal-Kummissjoni kif previst fl-Artikolu 11(4) tar-Regolament dwar il-FEG.
3. Sistema ta' skambju elettroniku ta' data: Il-Kummissjoni qed tkompli l-ħidma tagħha fuq l-iżvilupp ta' proċeduri standardizzati għall-applikazzjonijiet u l-ġestjoni ta' każijiet tal-FEG, permezz tal-funzjonalitajiet tal-SFC2014 (Sistema għall-Ġestjoni tal-Fondi fl-Unjoni Ewropea). Dan jippermetti s-simplifikazzjoni tal-applikazzjonijiet skont ir-Regolament dwar il-FEG, ipproċessar aktar mgħaġġel, u rappurtar aktar faċli. L-iżvilupp tal-interfaċċa ta' wara l-2020 fl-SFC se jirrikjedi fondi addizzjonali għall-ħolqien ta' funzjonalitajiet ġodda u aġġustamenti għall-bidliet possibbli fir-Regolament dwar il-FEG ta' wara l-2020.
4. Laqgħat tal-Grupp ta' Esperti: Il-Grupp ta' Esperti tal-Persuni ta' Kuntatt tal-FEG, b'membru wieħed minn kull Stat Membru, se jkun qed jorganizza żewġ laqgħat. Il-PE se jkun mistieden jattendi l-laqgħat skont il-qafas leġiżlattiv attwali.
5. Seminars ta' netwerking: Barra minn hekk, sabiex jiġi promoss in-netwerking fost l-Istati Membri, il-Kummissjoni se torganizza żewġ seminars bil-parteċipazzjoni tal-korpi ta' implimentazzjoni tal-FEG u s-sħab soċjali. Sa fejn ikun possibbli, dawn se jkunu skedati li jsiru bejn wieħed u ieħor fl-istess dati taż-żewġ laqgħat tal-Grupp ta' Esperti u se jiffukaw fuq kwistjonijiet li jinbtu mill-implimentazzjoni prattika tar-Regolament dwar il-FEG. Il-PE se jkun mistieden jattendi l-laqgħat skont il-qafas leġiżlattiv attwali.
III. Il-proċedura
Sabiex timmobilizza l-Fond, il-Kummissjoni għamlet talba lill-Awtorità Baġitarja għal trasferiment ta' ammont globali ta' EUR 345 000 mir-riżerva tal-FEG (04 04 01 (CP) u 40 02 43 (CE)) għal-linja baġitarja tal-FEG (04 01 04 04 (CND)).
S'issa din hija l-ewwel proposta ta' trasferiment għall-mobilizzazzjoni tal-Fond li ntbagħtet lill-Awtorità Baġitarja matul l-2020.
F'każ ta' nuqqas ta' qbil għandha tinbeda l-proċedura ta' trilogu, kif previst fl-Artikolu 15(4) tar-Regolament dwar il-FEG.
Skont ftehim intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali għandu jiġi assoċjat fil-proċess, sabiex joffri appoġġ kostruttiv u jagħti kontribut għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond.
Ir-rapporteur iqis li din il-proposta hija kompletament konformi ma' proposti simili li saru f'dawn l-aħħar snin. Għaldaqstant, l-abbozz ta' rapport tiegħu huwa kemm jista' jkun ibbażat fuq ir-rapport tal-Parlament Ewropew tal-2019 (rapporteur Rzońca), kif ivvutat fil-kumitat u kkonfermat fil-plenarja b'xi ftit żidiet fattwali marbuta mal-kriżi tal-Covid-19. Għalhekk huwa jixtieq jistieden lill-kollegi tiegħu jittrattawh kif xieraq u jgħadduh, jekk possibbli, mingħajr emendi għall-approvazzjoni finali tal-plenarja.
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
28.5.2020 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
35 1 2 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Rasmus Andresen, Clotilde Armand, Robert Biedroń, Anna Bonfrisco, Olivier Chastel, Lefteris Christoforou, David Cormand, Paolo De Castro, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Alexandra Geese, Valentino Grant, Elisabetta Gualmini, Francisco Guerreiro, Valerie Hayer, Eero Heinäluoma, Niclas Herbst, Monika Hohlmeier, Moritz Körner, Joachim Kuhs, Ioannis Lagos, Hélène Laporte, Pierre Larrouturou, Janusz Lewandowski, Margarida Marques, Siegfried Mureşan, Victor Negrescu, Andrey Novakov, Jan Olbrycht, Dimitrios Papadimoulis, Karlo Ressler, Bogdan Rzońca, Nils Torvalds, Nils Ušakovs, Rainer Wieland, Angelika Winzig |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Fabienne Keller, Petros Kokkalis |
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
35 |
+ |
ECR |
Bogdan RZOŃCA |
GUE/NGL |
Petros KOKKALIS, Dimitrios PAPADIMOULIS |
ID |
Hélène LAPORTE |
NI |
Ioannis LAGOS |
PPE |
Lefteris CHRISTOFOROU, José Manuel FERNANDES, Niclas HERBST, Monika HOHLMEIER, Janusz LEWANDOWSKI, Siegfried MUREŞAN, Andrey NOVAKOV, Jan OLBRYCHT, Karlo RESSLER, Rainer WIELAND, Angelika WINZIG |
RENEW |
Clotilde ARMAND, Olivier CHASTEL, Valerie HAYER, Fabienne KELLER, Moritz KÖRNER, Nils TORVALDS |
S&D |
Robert BIEDROŃ, Paolo DE CASTRO, Eider GARDIAZABAL RUBIAL, Elisabetta GUALMINI, Eero HEINÄLUOMA, Pierre LARROUTUROU, Margarida MARQUES, Victor NEGRESCU, Nils UŠAKOVS |
VERTS/ALE |
Rasmus ANDRESEN, David CORMAND, Alexandra GEESE, Francisco GUERREIRO |
1 |
- |
ID |
Joachim KUHS |
2 |
0 |
ID |
Anna BONFRISCO, Valentino GRANT |
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni
- [1] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
- [2] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
- [3] ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
- [4] Testi adottati, P9_TA(2019)0015.
- [5] Testi adottati, P8_TA(2019)0019.
- [6] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
- [7] ĠU C373, 20.12.2013, p.1.
- [8] Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p.884).
- [[15]] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
- [[16]] ĠU L 347, 30.12.2013, p. 855.
- [[17]] ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
- [9] https://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=326&langId=mt