RAPPORT dwar approċċ komprensiv Ewropew għall-ħżin tal-enerġija
2.7.2020 - (2019/2189(INI))
Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
Rapporteur: Claudia Gamon
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar approċċ Ewropew komprensiv għall-ħżin tal-enerġija
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 194 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi,
– wara li kkunsidra l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli Nru 7 tan-Nazzjonijiet Uniti "L-iżgurar tal-aċċess għal enerġija affordabbli, affidabbli, sostenibbli u moderna għal kulħadd",
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Novembru 2018 bit-titolu "Pjaneta Nadifa għal kulħadd – Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima" (COM(2018)0773),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Frar 2019 bit-titolu "Strateġija Ewropea għad-data" (COM(2020)0066),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tad-9 ta' April 2019 dwar "l-Implimentazzjoni ta' Pjan ta' Azzjoni Strateġika dwar il-Batteriji: Nibnu Katina tal-Valur tal-Batteriji Strateġika fl-Ewropa" (COM(2019)0176),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tad-9 ta' April 2019 dwar l-implimentazzjoni u l-impatt fuq l-ambjent u l-funzjonament tas-suq intern tad-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Settembru 2006 dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi u li tħassar id-Direttiva 91/157/KEE (COM(2019)0166),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2019,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2019 dwar il-futur tas-sistemi tal-enerġija fl-Unjoni tal-Enerġija maħsuba biex jiżguraw it-tranżizzjoni enerġetika u l-ilħuq tal-objettivi enerġetiċi u klimatiċi sal-2030 u lil hinn,
– wara li kkunsidra l-Inizjattiva għal Infrastruttura tal-Gass Sostenibbli u Intelliġenti għall-Ewropa mnedija mill-Presidenza Rumena tal-Kunsill f'Bucharest fl-1 u fit-2 ta' April 2019,
– wara li kkunsidra l-Inizjattiva tal-Idroġenu mnedija mill-Presidenza Awstrijaka tal-Kunsill f'Linz fis-17 u t-18 ta' Settembru 2018,
– wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE[1],
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku[2],
– wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli[3],
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2013 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 713/2009, (KE) Nru 714/2009 u (KE) Nru 715/2009[4],
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010[5], li bħalissa qiegħed jiġi rivedut,
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku[6],
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Settembru 2006 dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi u li tħassar id-Direttiva 91/157/KEE[7],
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma[8],
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa[9],
– wara li kkunsidra d-dokument informattiv tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tat-1 ta' April 2019 bit-titolu "Rapport Analitiku Nru 04/2019: Appoġġ tal-UE għall-ħżin tal-enerġija",
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew[10],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019 dwar l-emerġenza klimatika u ambjentali[11],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019 dwar il-Konferenza tan-NU tal-2019 dwar it-Tibdil fil-Klima f'Madrid, Spanja (COP 25)[12],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2019 dwar "It-tibdil fil-klima – viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi"[13],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar "Il-varar tal-infrastruttura għall-fjuwils alternattivi fl-Unjoni Ewropea: wasal iż-żmien li naġixxu!"[14],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Frar 2018 dwar l-aċċelerazzjoni tal-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija nadifa[15],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2016 bit-titolu "Lejn Disinn Ġdid tas-Suq tal-Enerġija"[16],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2016 dwar Strateġija tal-UE dwar it-Tisħin u t-Tkessiħ[17],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A9-0130/2020),
A. billi l-Parlament, il-Kunsill Ewropew u l-Kummissjoni approvaw l-objettiv tan-newtralità f'termini ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra żero netti fl-UE sal-2050, f'konformità mal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi;
B. billi t-tranżizzjoni għal ekonomija b'emissjonijiet ta' gassijiet serra żero netti tirrikjedi tranżizzjoni enerġetika affordabbli u kosteffiċjenti lil hinn minn sistema bbażata fil-biċċa l-kbira fuq fjuwils fossili lejn sistema b'effiċjenza enerġetika għolja u newtrali għall-klima u bbażata fuq sorsi ta' enerġija rinnovabbli;
C. billi sorsi tal-enerġija rinnovabbli, bħall-enerġija ġeotermali, l-idroenerġija u l-bijomassa jistgħu joffru ftit kapaċità ta' tagħbija bażi filwaqt li oħrajn bħall-enerġija mir-riħ u solari huma intermittenti u varjabbli; billi l-integrazzjoni ta' sorsi tal-enerġija rinnovabbli varjabbli fis-sistema tal-elettriku tirrikjedi flessibbiltà akbar fir-rigward tal-provvista u d-domanda sabiex tkun stabbilizzata l-grilja tal-elettriku, biex jiġu evitati varjazzjonijiet estremi fil-prezzijiet u tinżamm is-sigurtà tal-provvista u l-affordabbiltà tal-enerġija; billi din il-flessibbiltà akbar tirrikjedi aktar faċilitajiet għall-ħżin tal-enerġija fl-UE;
D. billi l-prinċipju ta' separazzjoni għandu jkun miżmum f'kull ħin;
E. billi fl-2017, 22,7 % biss tal-konsum tal-enerġija finali tat-28 Stat Membru tal-UE kien ibbażat fuq l-elettriku; billi fl-2018 aktar minn 60 % tat-taħlita tal-elettriku tat-28 Stat Membru tal-UE kienet għadha trid issir rinnovabbli; billi l-elettrifikazzjoni ulterjuri hija mistennija; billi l-Kummissjoni tistma li l-UE se tkun teħtieġ li tkun tista' taħżen sitt darbiet aktar enerġija mil-lum biex tikseb newtralità f'termini ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra sal-2050;
F. billi l-integrazzjoni tas-settur se jkollha rwol kruċjali fit-titjib tal-flessibbiltà u l-effiċjenza tas-settur tal-enerġija u t-tnaqqis tal-marka tal-karbonju tiegħu;
G. billi l-gassijiet ekoloġiċi, bħal gassijiet prodotti permezz ta' elettroliżi bl-użu ta' elettriku minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli, jipprovdu kapaċitajiet kbar ta' ħżin fuq skala staġonali;
H. billi l-Kummissjoni għandha tistudja kif l-infrastruttura eżistenti tal-gass jista' jkollha rwol fid-dekarbonizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija, speċjalment fir-rigward tal-kapaċità ta' ħżin tal-enerġija għal gassijiet ekoloġiċi, pereżempju pipelines ta' trażmissjoni u ta' distribuzzjoni jew ħżin taħt l-art bħala ħażna staġonali, sabiex jiġi deċiż liema infrastruttura ddedikata jew użu ottimizzat u mmodifikat tal-kapaċitajiet eżistenti huma meħtieġa;
I. billi fl-2018, 3 % biss tal-kapaċità tal-manifattura globali għal ċelloli tal-batteriji tal-joni tal-litju kienet tinsab fl-UE, b'85 % fir-reġjun tal-Asja-Paċifiku;
J. billi l-batteriji u faċilitajiet oħra ta' ħżin deċentralizzati, bħal flywheels, mhux biss jipprovdu s-sigurtà tal-provvista, iżda jservu wkoll bħala infrastrutturi ekonomikament vijabbli li jiċċarġjaw malajr għall-vetturi elettriċi;
K. billi l-ħżin ippompjat kien jirrappreżenta aktar minn 90 % tal-kapaċità tal-ħżin tal-enerġija tal-UE; billi dan bħalissa għandu rwol importanti biex jibbilanċja d-domanda mal-provvista tal-elettriku, il-ħżin fuq skala kbira b'effiċjenza round-trip għolja u flessibbiltà fuq żmien qasir u medju b'firxa għolja ta' kapaċità;
L. billi t-teknoloġiji tal-ħżin termali jistgħu jipprovdu opportunitajiet sinifikanti għad-dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-enerġija billi jagħmluha possibbli li jinħażnu s-sħana jew il-kesħa għal diversi xhur, billi jassorbu enerġija rinnovabbli permezz ta' pompi tas-sħana fuq skala industrijali u bl-użu tal-bijomassa, il-bijogass jew l-enerġija ġeotermali, kif ukoll billi jipprovdu servizzi ta' flessibbiltà għal pereżempju sistema tal-elettriku ddominata minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli; billi l-bini insulat tajjeb, in-networks ta' tisħin distrettwali u l-faċilitajiet tal-ħżin iddedikati jistgħu jintużaw bħala ħżin għal perjodi ta' żmien differenti;
M. billi l-immudellar tal-enerġija użat mill-Kummissjoni għall-valutazzjoni tal-mogħdijiet tad-dekarbonizzazzjoni u l-għażliet ta' politika assoċjati huwa kruċjali peress li jiddetermina l-leġiżlazzjoni futura u d-disinn tas-suq; billi l-immudellar attwali jissottovaluta b'mod sinifikanti l-impatt pożittiv tal-ħżin tal-enerġija u għalhekk jeħtieġ titjib;
1. Jistieden lill-Istati Membri jesploraw bis-sħiħ il-potenzjal ta' ħżin tal-enerġija tagħhom;
2. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija komprensiva dwar il-ħżin tal-enerġija biex tippermetti t-trasformazzjoni f'ekonomija effiċjenti ħafna fl-użu tal-enerġija u bbażata fuq l-enerġija rinnovabbli filwaqt li tqis it-teknoloġiji kollha disponibbli kif ukoll it-teknoloġiji qrib is-suq u żżomm approċċ teknoloġikament newtrali biex tiżgura kundizzjonijiet ekwi;
3. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi task force li tinvolvi d-Direttorati Ġenerali kollha rilevanti biex tiżviluppa din l-istrateġija, li għandha tkun ibbażata fuq analiżi komprensiva:
a. tal-impronta tal-karbonju u ċ-ċiklu tal-ħajja, b'kunsiderazzjoni tal-inqas tal-estrazzjoni u/jew tal-produzzjoni tal-materja prima, inklużi l-aspetti tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istandards tax-xogħol, l-akkwist ta' komponenti, il-proċess ta' manifattura, it-trasport u l-proċess ta' riċiklaġġ, fejn applikabbli;
b. tal-kapaċità tal-enerġija, il-kapaċità elettrika, it-tul ta' żmien tal-ħażna, il-Capex, l-Opex, l-effiċjenza roundtrip u l-effiċjenza tal-konverżjoni;
c. tal-immudellar tas-sistema tal-enerġija, li għandu jinkorpora d-data rilevanti msemmija f'(b) biex jiġu vvalutati l-għażliet ta' politika, filwaqt li jiġu inklużi effetti interni sabiex jiġu stmati b'mod korrett il-ħtiġijiet ta' flessibbiltà tas-sistema attwali u futura u l-kontribut tal-ħżin għal tali mmudellar;
d. tad-domanda tal-enerġija fl-industrija, it-trasport u d-djar; kif ukoll
e. tal-potenzjal tal-ħżin fuq skala żgħira u l-potenzjal tal-flessibbiltà fil-livell distrettwali, kif ukoll il-konnessjonijiet transfruntiera u l-integrazzjoni tas-settur;
f. tal-kontribut tat-teknoloġiji tal-ħżin tal-enerġija għall-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku.
4. Jemmen, b'mod partikolari, li strateġija bħal din għandha tidentifika l-miżuri meħtieġa biex ittejjeb il-konnessjoni u l-koordinazzjoni transfruntiera, tnaqqas il-piżijiet regolatorji għad-dħul fis-suq, ittejjeb l-aċċess għall-kapital, il-ħiliet u l-materja prima għat-teknoloġiji tal-ħżin, bil-għan li tingħata spinta lill-kompetittività tas-suq u l-industrija Ewropej;
5. Jinnota li tranżizzjoni kosteffiċjenti tal-enerġija lejn sistema tal-enerġija effiċjenti ħafna fl-użu tal-enerġija u bbażata fuq sorsi ta' enerġija rinnovabbli għal ekonomija newtrali għall-klima teħtieġ grilja tal-enerġija intelliġenti u żviluppata, teknoloġiji avvanzati tal-ħżin u flessibbiltà, rispons tad-domanda u l-ġenerazzjoni ta' riżerva sabiex tiġi żgurata provvista tal-enerġija kostanti, affordabbli u sostenibbli, kif ukoll l-applikazzjoni tal-prinċipju "l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel", l-espansjoni massiva ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli, l-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi u sinjali ta' prezzijiet mhux distorti; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tkompli tipprovdi appoġġ għar-riċerka fil-ħżin, inkluż dwar teknoloġiji alternattivi ġodda u emerġenti, fil-qafas ta' Orizzont Ewropa;
6. Jirrikonoxxi r-rwol kruċjali tad-diġitalizzazzjoni fl-iżvilupp ta' sistema tal-enerġija deċentralizzata u integrata akbar u, fl-aħħar mill-aħħar, fit-twettiq tat-tranżizzjoni enerġetika;
7. Jissottolinja li t-tranżizzjoni għal ekonomija newtrali għall-klima ma għandhiex tpoġġi f'periklu s-sigurtà tal-provvista jew l-aċċess għall-enerġija; jenfasizza r-rwol tal-ħżin speċjalment għall-Istati Membri iżolati mill-enerġija jew dawk li huma gżejjer; jenfasizza li provvista tal-enerġija affidabbli, il-kosteffiċjenza u t-tranżizzjoni enerġetika għandhom jimxu id f'id; jenfasizza barra minn hekk li l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, il-grilji intelliġenti, il-parteċipazzjoni u l-għażliet ta' flessibbiltà mqassma inkluż il-ħżin, isaħħu s-sigurtà tal-enerġija;
8. Jissottolinja li huwa importanti li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għas-soluzzjonijiet tal-ħżin tal-enerġija kollha, f'konformità mal-prinċipju tan-newtralità teknoloġika, sabiex il-forzi tas-suq ikunu jistgħu jixprunaw l-aħjar għażliet tat-teknoloġija u jrawmu l-innovazzjoni, u li l-fatturi ewlenin li jkollhom impatt fuq l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet teknoloġiċi differenti għandhom ikunu indikaturi tal-konsum tal-enerġija, il-marka tal-karbonju u l-ispejjeż tal-produzzjoni, l-isfruttament, ir-riċiklaġġ u d-dekummissjonar;
9. Jiddispjaċih ħafna li l-proġetti infrastrutturali jew proġetti akbar tal-ħżin li huma kruċjali għat-tranżizzjoni enerġetika ħafna drabi jiffaċċjaw reżistenza qawwija u dewmien fil-livell lokali; jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu b'mod attiv l-appoġġ tal-pubbliku fil-livell lokali, pereżempju permezz ta' parteċipazzjoni pubblika bikrija jew billi jippermettu lill-komunitajiet lokali jinvolvu ruħhom, jipparteċipaw b'mod finanzjarju jew li jiġu kkumpensati, filwaqt li jkun hemm kooperazzjoni mill-qrib bejn is-setturi;
10. Jenfasizza l-potenzjal tal-ħżin bħala alternattiva għall-espansjoni tradizzjonali tal-grilja; jissottolinja l-importanza ta' ppjanar ikkoordinat tal-infrastruttura bħala parti mill-Istrateġija tal-Integrazzjoni tas-Sistema tal-Enerġija sabiex tinkiseb ekonomija Ewropea newtrali għall-klima u kompetittiva;
11. Jitlob l-implimentazzjoni f'waqtha tad-Direttiva dwar is-Suq tal-Elettriku (UE) 2019/944 u tar-Regolament dwar is-Suq tal-Elettriku (UE) 2019/943; jenfasizza li l-ħżin tal-enerġija għandu jkun iddefinit b'mod koerenti fl-oqfsa legali nazzjonali; jindika inċertezzi relatati mal-kamp ta' applikazzjoni tiegħu, b'mod partikolari dwar l-inklużjoni tat-teknoloġiji Power-to-X, u jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tipprovdi gwida urġenti dwar din il-kwistjoni;
12. Jitlob lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-Istrateġija ta' Integrazzjoni tas-Sistema tal-Enerġija, tipprovdi bażi ġuridika soda għall-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni u distribuzzjoni tal-infrastruttura tal-gass bil-għan li tipprovdi soluzzjonijiet tal-ħżin tal-enerġija f'konformità mal-miri klimatiċi tal-Unjoni u l-Ftehim ta' Pariġi;
Ostakli regolatorji
13. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw koerenza u jevitaw duplikazzjonijiet fil-leġiżlazzjoni fuq livell Ewropew, nazzjonali jew reġjonali;
14. Jindika li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jirrikjedu li l-operaturi ta' faċilitajiet ta' ħżin, inklużi l-konsumaturi attivi, iħallsu għat-tariffi tan-network jew it-taxxi tal-enerġija u imposti oħra darbtejn; huwa konvint li t-tneħħija ta' dan il-piż iwassal biex jiġu implimentati aktar proġetti ta' ħżin tal-enerġija; jistieden lill-Kummissjoni tiddistingwi bejn użu aħħari u ħżin jew konverżjoni u tiżviluppa sistema ta' tassazzjoni effiċjenti li tipprojbixxi tassazzjoni doppja relatata mal-proġetti ta' ħżin tal-enerġija fil-proposta li jmiss tagħha għal Direttiva riveduta dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija; jistieden lill-Istati Membri jabolixxu t-tassazzjoni doppja ta' kwalunkwe tip billi jiżviluppaw skemi ta' tassazzjoni effiċjenti u jfasslu mill-ġdid it-tariffi relatati mal-ħżin tal-enerġija b'tali mod li l-benefiċċju soċjetali mill-ħżin huwa rifless u l-ostakli għall-proġetti ta' ħżin biex jaċċessew is-suq jitneħħew;
15. Jenfasizza l-ħtieġa ta' trattament komparabbli tal-ħżin fit-trasportaturi tal-enerġija differenti kollha u għall-ħżin li jinsab qabel u wara l-miter, sabiex jiġi evitat li tinħoloq kwistjoni ta' sussidju inkroċjat billi jiġu evitati t-tariffi tal-grilja jew il-ħlasijiet, it-taxxi u l-imposti tas-sistema; jinnota li fil-preżent il-konsumaturi tal-elettriku qed iġorru l-biċċa l-kbira tal-isforz finanzjarju tad-dekarbonizzazzjoni u għalhekk il-ħżin tal-elettriku qed jiġi ppenalizzat indirettament;
16. Jinnota li, bl-eċċezzjoni tal-ilma ppompjat, il-kodiċijiet tan-network tal-UE ġeneralment ma jindirizzawx il-faċilitajiet tal-ħżin tal-enerġija, u dan iwassal għat-trattament mhux ugwali tagħhom fi Stati Membri differenti, b'mod partikolari fir-rigward tal-konnessjoni mal-grilja; huwa tal-fehma li dan jikkostitwixxi kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni mhux ugwali li jfixkel l-iżvilupp ta' każijiet ta' negozju vijabbli għal faċilitajiet ta' ħżin ta' enerġija; jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita x-xogħlijiet biex tistabbilixxi rekwiżiti komuni għall-konnessjoni mal-grilja u biex tindirizza ostakoli oħra li jipprevjenu l-integrazzjoni tal-ħżin fis-swieq tal-elettriku;
17. Jappella bħala kwistjoni ta' urġenza għar-reviżjoni tar-Regolament TEN-E[18] fir-rigward tal-kriterji ta' eliġibbiltà u l-kategoriji tal-infrastruttura tal-elettriku, sabiex jiġi indirizzat aħjar l-iżvilupp ta' faċilitajiet ta' ħżin tal-enerġija qabel l-adozzjoni tal-lista li jmiss ta' proġetti ta' interess komuni (PCIs); jitlob riforma bir-reqqa tal-proċess biex jitfassal il-Pjan ta' Għaxar Snin għall-Iżvilupp tan-Network (TYNDP) biex il-prinċipju "l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel" jiġi integrat fl-ippjanar tal-infrastruttura, kif ukoll il-flessibbiltà, l-integrazzjoni tas-settur u l-konnessjonijiet transfruntieri; jitlob li l-kriterji għall-għoti ta' status PCI jiġu allinjati mal-għan tat-temperatura fit-tul tal-Ftehim ta' Pariġi u l-għan tal-UE għan-newtralità klimatika fl-2050 permezz ta' valutazzjoni sistematika tal-klima tal-proġetti kandidati kollha għal-lista tal-PCI;
18. Jistieden lill-Kummissjoni tirrikonoxxi r-rwol kruċjali tat-teknoloġiji kollha tal-flessibbiltà u tal-ħżin biex tiġi żgurata tranżizzjoni enerġetika effiċjenti u biex tkompli tipprovdi livelli għoljin ta' sigurtà tal-provvista u stabbiltà tas-sistema; jenfasizza l-interess pubbliku fl-iżvilupp ta' proġetti ta' ħżin ġodda u l-aġġornament ta' dawk eżistenti, li għandu jiġi rifless fi proċess ta' permessi rapidu, prijoritizzat u razzjonalizzat fl-Istati Membri;
19. Jinnota bi tħassib li l-proċeduri ta' approvazzjoni fil-livell nazzjonali jieħdu konsiderevolment aktar żmien mill-perjodi massimi għall-proġetti PCI previsti mir-Regolament TEN-E; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza din il-kwistjoni fir-rieżami li jmiss tagħha, permezz ta' mekkaniżmu ta' infurzar effikaċi u sinkronizzat li jirrikonoxxi l-interess pubbliku superjuri tal-proġetti ta' ħżin PCI;
20. Jiddispjaċih għan-nuqqas ta' implimentazzjoni ta' proġetti ta' riċerka fis-suq taħt Orizzont 2020 u n-nuqqas ta' segwitu sistematiku dwar il-proġetti li tlestew u n-nuqqas ta' tixrid tar-riżultati tar-riċerka, u jilqa' l-enfasi akbar ippjanata fuq attivitajiet qrib is-suq filwaqt li jinżammu l-ambizzjonijiet ta' riċerka fundamentali biex jinħoloq pipeline ta' teknoloġiji u proġetti qrib is-suq fil-futur taħt Orizzont Ewropa, b'mod partikolari permezz tal-ħolqien tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni; jitlob li jikber l-użu tal-akkwist prekummerċjali; jissottolinja li r-riċerka fit-teknoloġija nadifa u b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju jeħtieġ li tissaħħaħ, inkluż fil-ħżin tal-enerġija;
21. Jenfasizza li hija meħtieġa aktar riċerka li tikkonċerna s-sustanzi kimiċi biex jintużaw għall-ħżin tal-enerġija, kif ukoll riċerka fundamentali għas-superkonduttività, li għandha tkun riflessa fil-programm Orizzont li jmiss;
22. Jinnota bi tħassib li hemm biss referenza indiretta għall-proġetti ta' ħżin tal-enerġija fil-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni tal-ambjent u l-enerġija 2014-2020; jinnota, barra minn hekk, li fil-passat ġie nnotifikat għadd sorprendentement żgħir ta' miżuri ta' għajnuna mill-Istat għall-proġetti ta' ħżin;
23. Jistieden lill-Kummissjoni tqis ir-rwol importanti tal-ħżin fit-tranżizzjoni enerġetika u tindirizzah kif xieraq meta jiġu rriveduti l-linji gwida għall-għajnuna mill-Istat; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tiżgura li l-linji gwida l-ġodda jqisu l-effiċjenza u s-sostenibbiltà, il-kontribut għall-istabbiltà tal-grilja u l-kontribut għan-newtralità klimatika tat-teknoloġiji differenti ta' ħżin; barra minn hekk jenfasizza li proġetti mhux kummerċjali (eż. għar-riċerka) jistgħu jingħataw eżenzjoni mir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, sabiex jiġu evitati fondi mhux effiċjenti u distorsjoni tal-kompetizzjoni; jissottolinja li t-tħaddim ta' assi ta' ħżin minn atturi mhux tas-suq huwa limitat għall-każijiet fejn m'hemmx interess tas-suq u l-awtorità regolatorja nazzjonali tat eżenzjoni tkun tat eżenzjoni;
24. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-linji gwida l-ġodda jqisu l-effiċjenza u l-kontribut għall-istabbiltà tal-grilji ta' teknoloġiji tal-ħżin differenti, sabiex jiġi evitat finanzjament ineffiċjenti u l-parteċipazzjoni ta' atturi mhux fis-suq tkun limitata għall-każijiet u ċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikoli 36 u 54 tad-Direttiva (UE) 2019/944 dwar is-Swieq tal-Elettriku;
Ħżin Kimiku (Power-to-X)
25. Jissottolinja r-rwol importanti tat-teknoloġija Power-to-X bħala faċilitatur ewlieni tal-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija u r-rabta tas-setturi tal-elettriku u tal-gass; jenfasizza f'dan ir-rigward il-potenzjal għoli tal-idroġenu, speċjalment l-idroġenu ekoloġiku, u tal-metan sintetiku u l-bijometan għal ħżin tal-enerġija staġonali f'volumi kbar u bħala t-trasportatur tal-enerġija, bħall-fjuwil u l-materja prima għall-industriji intensivi fl-użu tal-enerġija, u bħala fjuwil sostenibbli għal diversi modi ta' trasport; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tappoġġja r-R&Ż relatati mal-iżvilupp ta' ekonomija tal-idroġenu, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw l-espansjoni ulterjuri tat-teknoloġija Power-to-X, b'mod partikolari permezz tal-appoġġ ta' inizjattiva tal-idroġenu bħala Proġett Importanti ta' Interess Ewropew Komuni (IPCEI);
26. Jinnota li l-użu tal-idroġenu għall-ħżin tal-enerġija għadu mhux kompetittiv minħabba l-ispejjeż għoljin tal-produzzjoni; jinnota wkoll id-differenza kbira fl-ispiża bejn idroġenu ekoloġiku u idroġenu blu; jindika l-importanza tal-miżuri ta' appoġġ li jwasslu għal tnaqqis fl-ispejjeż għall-idroġenu ekoloġiku sabiex dan isir każ ta' negozju vijabbli;
27. Jinnota li hemm standards differenti fl-Istati Membri fir-rigward tat-taħlit tal-idroġenu mal-gass naturali; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta u tiżviluppa tassonomija u standards ċari għall-idroġenu, kemm għall-grilja tal-gass kif ukoll għall-utenti finali; jirrimarka li dawn l-istandards se jkollhom jiġu adattati għall-bżonnijiet ta' kwalità u l-kapaċitajiet teknoloġiċi tal-utenti finali, b'kunsiderazzjoni tal-ispeċifiċitajiet ta' kull pajjiż;
28. Jinnota li l-idroġenu prodott minn gass bl-elettriku jista' jiġi ttrasformat f'tipi oħra ta' gass, bħall-metanol u l-ammonijaka, li jistgħu jintużaw bħala fjuwil għas-settur marittimu u tal-avjazzjoni, kif ukoll għat-trasport ta' merkanzija tqila;
29. Jenfasizza li l-kapaċità kbira ta' ħżin tal-enerġija hija pprovduta mill-infrastruttura tal-gass eżistenti u li dawn l-assi u dawk li jakkomodaw sorsi ġodda ta' gass, b'mod partikolari l-idroġenu ekoloġiku, jiffaċilitaw l-integrazzjoni tal-elettriku rinnovabbli; jinnota f'dan ir-rigward il-ħtieġa li tiġi indirizzata l-kwistjoni tar-rwol il-ġdid tal-Operaturi tas-Sistemi tat-Trażmissjoni (TSOs) tal-gass fid-dawl tar-regoli ta' separazzjoni;
30. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt komprensiva, analiżi tal-kost-benefiċċju u analiżi tad-disponibbiltà tal-modifika retroattiva tal-infrastruttura tal-gass jew il-bini ta' infrastruttura ġdida apposta, li hija importanti għall-użu tal-idroġenu ekoloġiku, għat-trasport tiegħu fi kwantitajiet kbar u għall-implimentazzjoni tal-mobilità tal-idroġenu; jirrikonoxxi l-potenzjal tal-ħżin tal-gass taħt l-art bħalma huma l-għerien vojta jew il-ħżin fi spazji vojta taħt l-art;
31. Iqis li l-politiki tal-UE għandhom itejbu speċifikament l-innovazzjoni u l-użu tal-ħżin tal-enerġija sostenibbli u tal-idroġenu ekoloġiku; jenfasizza l-ħtieġa li niżguraw li l-użu tas-sorsi tal-enerġija bħall-gass naturali jkun biss ta' natura tranżizzjonali, fid-dawl tal-objettiv li nilħqu n-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050; jirrikonoxxi li l-UE se teħtieġ kwantitajiet dejjem akbar ta' idroġenu; jenfasizza li sabiex jiġu żgurati volumi suffiċjenti ta' enerġija u l-kompetittività tal-industrija Ewropea, iridu jiġu appoġġjati l-perkorsi tal-idroeġnu;
32. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa definizzjoni armonizzata tal-idroġenu ekoloġiku bbażata fuq metodoloġija trasparenti; jitlob barra minn hekk sistema ta' rikonoxximent reċiproku tal-Garanziji ta' Oriġini għal dawn il-gassijiet, li tipproponi l-iżvilupp ta' skema ta' ċertifikazzjoni komuni u sistema ta' dokumentazzjoni tul il-katina tal-valur, pereżempju billi tinħareġ tikketta ekoloġika; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jimminimizzaw l-ostakli amministrattivi għaċ-ċertifikazzjoni ta' idroġenu ekoloġiku u/jew b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura kompetizzjoni ġusta u effikaċi bejn it-teknoloġiji u t-trasportaturi tal-enerġija u bejn l-idroġenu impurtat u l-idroġenu prodott fl-UE;
33. Jinnota li skont ir-regoli attwali tas-suq intern tal-gass, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni u distribuzzjoni tal-infrastruttura tal-gass tal-UE huma awtorizzati biss jittrasportaw il-gass naturali bħala attività regolata; jistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-Istrateġija ta' Integrazzjoni tas-Sistema tal-Enerġija, biex tippermetti lill-operaturi jittrasportaw gassijiet b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju bħall-idroġenu, il-bijometan, u l-metan sintetiku;
34. Jissottolinja li l-atturi kollha tas-suq għandu jkollhom aċċess għall-vantaġġi u l-inċentivi maħluqa fi proġetti pilota jew laboratorji tad-dinja reali biex juru l-produzzjoni tal-idroġenu bbażata fuq l-enerġija rinnovabbli;
35. Ifakkar li l-produzzjoni ta' trasportaturi kimiċi sintetiċi hija raġonevoli biss meta tintuża l-enerġija rinnovabbli; jitlob żieda fil-miri tal-enerġija rinnovabbli għall-2030 abbażi ta' valutazzjoni tal-impatt bir-reqqa;
Ħżin elettrokimiku
36. Jinsab konvint li firxa ta' teknoloġiji tal-batteriji, inkluż dawk b'katini tal-valur diġà stabbiliti sew fl-UE, se jkollhom rwol importanti fl-iżgurar ta' provvista tal-elettriku stabbli u flessibbli; jenfasizza li t-teknoloġiji tal-batteriji huma ta' importanza kruċjali biex jiggarantixxu l-awtonomija strateġika tal-UE u r-reżiljenza tagħha fir-rigward tal-provvista tal-elettriku;
37. Jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex toħloq standards għall-batteriji Ewropej;
38. Jirrikonoxxi li skemi ta' ġbir u riċiklaġġ li jiffunzjonaw sew kif ukoll proċessi ta' ċiklu magħluq, f'konformità mal-prinċipji tal-ekonomija ċirkulari, diġà ġew stabbiliti għal firxa ta' teknoloġiji tal-batteriji, speċjalment katini tal-valur tal-batteriji industrijali u tal-karozzi bbażati fl-UE, pereżempju batteriji startjaturi bil-kejbil, u jemmen li dawk l-iskemi jistgħu jitqiesu bħala pjan iddettaljat għar-riċiklaġġ tal-batteriji;
39. Jinnota li l-aċċess għas-swieq tal-elettriku u tal-flessibbiltà se jkunu essenzjali biex jiġi realizzat il-potenzjal tal-ħżin tal-batteriji;
40. Jinsab imħasseb li l-UE għandha kapaċità ta' manifattura ta' batteriji tal-joni tal-litju baxxa ħafna u tiddependi fuq il-produzzjoni li ġejja minn barra l-Ewropa bi trasparenza limitata; jilqa', għalhekk, l-Alleanza Ewropea tal-Batteriji u l-Pjan ta' Azzjoni Strateġika dwar il-Batteriji; jitlob li l-espansjoni tagħhom tkopri t-teknoloġiji kollha tal-batteriji disponibbli; jitlob li dawn jingħataw appoġġ kontinwu u li tissaħħaħ l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni Strateġika, f'konformità ma' objettivi usa' f'termini ta' ekonomija ċirkolari, ta' strateġija industrijali u ġestjoni tas-sustanzi kimiċi; jilqa', f'dan ir-rigward, it-tħabbira tal-Kummissjoni li se tipproponi leġiżlazzjoni dwar il-batteriji bħala appoġġ għall-Pjan ta' Azzjoni Strateġika u l-ekonomija ċirkolari; jitlob, f'dan ir-rigward analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja tal-batteriji, l-introduzzjoni ta' disinn ċirkulari, ġestjoni sikura u mmaniġġar matul it-trattament ta' sustanzi perikolużi fil-manifattura taċ-ċelloli, u l-introduzzjoni ta' tikketta tal-impronta tal-karbonju li tiddikkjara l-impatt ambjentali tal-katini tal-valur tal-batterija kollha mqiegħda fis-suq Ewropew; jenfasizza l-importanza li jinħolqu ekosistemi madwar il-katina tal-valur tal-batteriji sabiex tingħata spinta lill-kompetittività u s-sostenibbiltà tal-industrija;
41 Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi rekwiżiti tal-ekodisinn biex ittejjeb ir-riċiklabbiltà tagħhom skont id-disinn;
42. Jinsab imħasseb dwar id-dipendenza qawwija tal-UE fuq l-importazzjonijiet ta' materja prima għall-produzzjoni tal-batteriji, inkluż minn sorsi fejn l-estrazzjoni tagħhom tinvolvi degradazzjoni ambjentali, ksur tal-istandards tax-xogħol u kunflitti lokali fuq riżorsi naturali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tindirizza din id-dipendenza fl-istrateġiji rilevanti tal-UE; jenfasizza r-rwol tal-akkwist sostenibbli ta' materja prima u l-potenzjal ta' sorsi domestiċi ta' materja prima fl-UE; jinsab konvint li skemi tar-riċiklaġġ imsaħħa għall-batteriji jistgħu jipproduċu sehem sinifikanti tal-materja prima meħtieġa għall-produzzjoni tal-batteriji fi ħdan l-UE;
43. Jirrikonoxxi l-potenzjal għall-batteriji tal-vetturi elettriċi użati biex jerġgħu jintużaw għall-ħżin tal-enerġija fid-djar privati jew f'unitajiet ta' batteriji akbar; jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-klassifikazzjoni tal-batteriji użati bħala skart fid-Direttiva dwar il-Batteriji, indipendentement mill-użu mill-ġdid, tista' sservi bħala ostakolu għal tali użu mill-ġdid; jirrikonoxxi li batteriji użati mill-ġdid mhux qed jerġgħu jiġi rritornati għar-riċiklaġġ u li l-istandards tas-sikurezza mhux qed ikunu kkontrollati meta batterija tiġi adattata għal skop ġdid f'użi b'karatteristiċi differenti minn dawk li oriġinarjament kienet iddisinjata għalihom; jistieden lill-Kummissjoni tapplika r-responsabbiltà tal-produttur, b'garanziji ta' prestazzjoni u sikurezza, lill-manifattur li jerġa' jintroduċi l-batterija fis-suq; jistieden lill-Kummissjoni tiċċara l-iskemi ta' responsabbiltà estiża tal-produttur (EPR) relatati mal-batteriji li jerġgħu jintużaw;
44. Jirrikonoxxi l-potenzjal tal-vetturi elettriċi u l-batteriji tagħhom li jipprovdu, permezz ta' infrastruttura tal-iċċarġjar tal-vetturi elettriċi intelliġenti, flessibbiltà lill-grilja bħala parti mir-rispons tad-domanda li jintbagħat, b'hekk titnaqqas il-ħtieġa ta' impjanti ta' riżerva fis-sistema tal-enerġija;
45. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miri ta' ġbir u ta' riċiklaġġ ambizzjużi għall-batteriji bbażati fuq frazzjonijiet kritiċi tal-metall meta tirrevedi d-Direttiva dwar il-Batteriji u wara li ssir valutazzjoni tal-impatt; jissottolinja l-ħtieġa li tkompli tiġi promossa r-riċerka u l-innovazzjoni għall-proċessi u t-teknoloġiji ta' riċiklaġġ skont Orizzont Ewropa;
46. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa linji gwida u/jew standards biex il-batteriji minn vetturi elettriċi jiġu adattati mill-ġdid, inklużi proċessi ta' ttestjar u ta' gradazzjoni, kif ukoll linji gwida ta' sikurezza;
47. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu appoġġjati r-riċerka, l-għarfien espert u l-ħiliet sabiex titrawwem il-produzzjoni tal-batteriji fl-UE;
48. Jirrikonoxxi l-potenzjal tal-passaport globali tal-batteriji fl-iżvilupp ta' katina ta' valur sostenibbli tal-batteriji, filwaqt li jitqiesu d-drittijiet tal-bniedem u l-impatt ambjentali; iqis iċ-ċertifikazzjoni tal-minerali bħala għodda importanti biex tiżgura katini tal-valur sostenibbli tal-batteriji;
Ħżin mekkaniku
49. Jinnota li l-ħżin ippompjat għandu rwol kruċjali fil-ħżin tal-enerġija; jinsab imħasseb li l-UE mhijiex qiegħda tisfrutta l-potenzjal sħiħ ta' dan il-mod newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju u li hu effiċjenti ħafna fil-ħżin tal-enerġija;
50. Iqis li l-Istati Membri għandhom ifittxu aktar modi biex isaħħu l-kapaċità ta' ħżin ippompjat filwaqt li jitqies l-użu bi skopijiet multipli tar-riservi eżistenti u ġodda; jistieden lill-Istati Membri jneħħu kwalunkwe ostaklu amministrattiv li qed idewwem dawn il-proġetti u jipprovdu appoġġ regolatorju għal approċċi innovattivi f'dan il-qasam; jistieden lill-Kummissjoni tagħti prijorità lit-tranżizzjoni enerġetika meħtieġa, twettaq reviżjoni komprensiva tal-leġiżlazzjoni rilevanti u tipproponi bidliet fejn meħtieġ, filwaqt li timminimizza l-impatt ambjentali;
51. Jindika li fl-interess tal-protezzjoni tal-ambjent, aġġornamenti tal-faċilitajiet eżistenti u proġetti ta' kapaċità akbar jistgħu jkunu aħjar minn proġetti ġodda;
52. Jirrikonoxxi l-kontribut ta' teknoloġiji tal-ħżin bħall-arja kkompressata, is-superkapaċitaturi u l-flywheels biex jipprovdu l-flessibbiltà; jirrikonoxxi l-importanza ta' teknoloġija Ewropea ta' flywheels għall-ħżin tal-enerġija u għar-regolazzjoni tal-frekwenzi; jissottolinja l-fatt li din it-teknoloġija hija mezz ta' ħżin u regolazzjoni rilevanti għal grilji intelliġenti jew għal żvilupp ta' grilja strateġika;
Ħżin termali
53. Iqis li l-ħżin termali (bħal bojlers kbar) u t-tisħin distrettwali f'żoni b'popolazzjoni densa huma għodda effiċjenti ħafna għall-ħżin tal-enerġija li tipprovdi l-flessibbiltà meħtieġa biex tintegra sehem akbar ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli intermittenti u s-sħana residwa minn proċessi industrijali u s-settur terzjarju; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw u jiżviluppaw networks tat-tisħin distrettwali b'effiċjenza enerġetika għolja; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tikkunsidra l-infrastruttura tat-tisħin u l-ħżin termali meta tiżviluppa l-Pjanijiet ta' Għaxar Snin għall-Iżvilupp tan-Network kemm għan-Network Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni tal-Elettriku (ENTSO-E) kif ukoll għan-Network Ewropew tal-Operaturi tas-Sistemi ta' Trażmissjoni tal-Gass (ENTSO-G);
54. Jemmen li l-ħżin termali fl-akwiferi, speċjalment b'rabta mal-użu ta' sorsi ġeotermali, jista' jirrappreżenta għodda innovattiva f'żoni mhux urbanizzati u industrijali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw ir-riċerka u l-iżvilupp ta' dawn is-soluzzjonijiet u jimplimentaw impjanti pilota fuq skala kbira;
55. Jirrikonoxxi li l-koġenerazzjoni flessibbli tipprovdi soluzzjoni integrata għall-ħżin tal-enerġija li tħares 'il quddiem għall-flessibbiltà tal-grilji tal-elettriku u l-effiċjenza tal-provvista tas-sħana permezz tal-ħżin tas-sħana li jiddiżakkopja l-produzzjoni tal-elettriku mill-konsum tas-sħana; jistieden lill-Istati Membri jesploraw aktar l-integrazzjoni tas-settur, sistemi tal-enerġija intelliġenti u l-użu tat-tisħin eċċessiv pereżempju minn ċentri tad-data, siti industrijali jew sistemi tal-metrò; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi kunċetti innovattivi ta' ħżin termali bħall-ħżin tas-sħana f'elettriku u l-ħżin tas-silġ;
56. Jilqa' l-fatt li t-tisħin distrettwali u n-networks ta' tkessiħ se jkunu eleġibbli għall-finanzjament skont ir-Regolament CEF rivedut, u jitlob l-inklużjoni tagħhom bħala PCIs potenzjali skont ir-Regolament TEN-E;
57. Jemmen li, f'konformità man-newtralità teknoloġika, it-teknoloġiji tal-ħżin tal-enerġija termali għandhom jiġu promossi sabiex jittejbu l-prestazzjoni, l-affidabbiltà u l-integrazzjoni tagħhom fis-sistemi eżistenti għall-enerġija li tista' tintbagħat; jemmen li l-iżvilupp tat-teknoloġija u l-użu fis-suq tal-ħżin termali jistgħu jipprovdu opportunitajiet għal proġetti konġunti sabiex jinkoraġġixxu sħubijiet tal-enerġija bejn il-pajjiżi;
58. Jirrikonoxxi l-potenzjal tal-ħżin tal-bini effiċjenti fl-enerġija permezz ta' mases effettivi għall-ħżin, komponenti tal-bini termali jew massivi jew ħżin tal-ilma kiesaħ jew sħun; jistieden lill-Kummissjoni tixpruna rinnovazzjonijiet fl-effiċjenza enerġetika fl-istrateġija li jmiss tagħha għal mewġa ta' rinnovazzjonijiet u jħeġġeġ lill-Istati Membri jwettqu l-istrateġiji ta' rinnovazzjoni fit-tul tagħhom filwaqt li jikkunsidraw il-potenzjal tal-ħżin tal-bini;
59. Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra r-rwol tal-infrastruttura tal-ħżin termali u tat-tisħin biex iddaħħal il-flessibbiltà fis-sistema tal-enerġija fl-Istrateġija għall-Integrazzjoni tas-Sistema tal-Enerġija li jmiss;
60. Jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw it-teknoloġiji tal-ħżin sostenibbli u kosteffiċjenti kollha u l-għażliet ta' flessibbiltà, inklużi dawk dwar is-sħana, bħala parti minn approċċ integrat tas-sistemi tal-enerġija meta jerġgħu jiddisinjaw is-sistemi tal-enerġija tagħhom f'ekonomiji effiċjenti ħafna fl-użu tal-enerġija u bbażati fuq sorsi ta' enerġija rinnovabbli fil-pjanijiet nazzjonali għall-enerġija u l-klima (NECPs) tagħhom;
Ħżin deċentralizzat - ir-rwol tal-konsumaturi attivi
61. Jemmen li l-batteriji tad-dar, il-ħżin tas-sħana domestika, it-teknoloġija mill-vettura għall-grilja, is-sistemi intelliġenti tal-enerġija tad-dar, ir-rispons tad-domanda u l-integrazzjoni tas-settur jgħinu biex inaqqsu l-konsum, jipprovdu flessibbiltà u qed ikollhom rwol dejjem aktar importanti fl-iżgurar li l-grilja tal-enerġija tkun effiċjenti u integrata; jemmen li l-istandardizzazzjoni bikrija ta' apparati ġodda, l-informazzjoni għall-konsumatur u t-trasparenza tad-data tal-konsumaturi u swieq tal-elettriku li jiffunzjonaw sew u li jipprovdu aċċess faċli għall-konsumaturi se jkunu kruċjali biex dan jintlaħaq; jenfasizza, barra minn hekk, ir-rwol tal-klijenti attivi u tal-komunitajiet tal-enerġija taċ-ċittadini fil-proċess tat-tranżizzjoni enerġetika u jemmen li dawn għandhom jiġu promossi b'mod adegwat;
62. Jinnota r-riluttanza tal-utenti privati biex jipprovdu l-batteriji tal-vetturi tagħhom għas-servizzi tal-ħżin, anke jekk teknikament fattibbli; jilqa' f'dan ir-rigward l-inċentivi għall-flessibbiltà pprovduti lill-konsumaturi mid-Direttiva (UE) 2019/944 (id-Direttiva dwar is-Suq tal-Elettriku), u jistieden lill-Istati Membri jiżguraw implimentazzjoni rapida u b'saħħitha tad-dispożizzjonijiet rilevanti; jenfasizza li l-introduzzjoni wiesgħa fis-suq tat-teknoloġija mill-vettura għall-grilja se tirrikjedi interoperabbiltà akbar u, għalhekk, regolamenti jew standards uniformi fl-UE kollha li jeliminaw numru ta' ostakoli, inklużi ostakli amministrattivi, legali u fiskali;
63. Jirrikonoxxi l-kontribut ta' konsumaturi attivi biex jipprovdu flessibbiltà lis-sistema, pereżempju permezz ta' soluzzjonijiet ta' ħżin tal-enerġija deċentralizzati u fuq skala żgħira, u finalment għall-ilħuq ta' objettivi dwar il-klima u l-enerġija; jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fis-sistema tal-enerġija (pereżempju b'inċentivi fiskali għat-teknoloġiji tal-ħżin tal-batteriji) u jneħħu dawk l-ostakli li jipprevjenu lill-konsumaturi milli jiġġeneraw l-elettriku huma stess jew milli jikkunsmaw jew jaħżnu jew ibigħu l-elettriku ġġenerat minnhom stess lis-suq; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja b'mod xieraq l-implimentazzjoni korretta tad-Direttiva dwar is-Suq tal-Elettriku u tad-Direttiva (UE) 2018/2001 (id-Direttiva dwar l-Enerġija minn Sorsi Rinnovabbli) fir-rigward ta' dawk l-artikoli li jistabbilixxu qafas regolatorju għall-awtokonsumaturi u l-komunitajiet tal-enerġija;
64. Jissottolinja li l-ħżin deċentralizzat huwa parti kruċjali tal-ġestjoni min-naħa tad-domanda; jenfasizza r-rwol tal-batteriji tal-vetturi elettriċi (EV) fl-għoti ta' flessibbiltà lill-grilja permezz ta' ċċarġjar intelliġenti u mill-vettura għal servizzi x; jistieden lill-Kummissjoni toħloq qafas abilitanti li jiżgura li l-funzjonalità li tipprovdi tali servizzi tkun abilitata mill-produtturi tal-EV, mis-software tal-iċċarġjar u l-istazzjoni tal-iċċarġjar, u li tintlaħaq interoperabbiltà sħiħa fil-qafas ta' Direttiva tal-Karburanti Alternattivi riveduta;
65. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
NOTA SPJEGATTIVA
Bil-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-UE impenjat ruħha li telimina l-karbonju mill-ekonomija Ewropea u ssir newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju sal-2050. Dan jirrikjedi tranżizzjoni aċċellerata mill-fjuwils fossili bħala sors ta' enerġija primarja għal sorsi ta' enerġija rinnovabbli (RES). Sehem akbar ta' RES se jwassal għal aktar ġenerazzjoni deċentralizzata ta' enerġija. Huwa mistenni fix-xenarji kollha li d-dekarbonizzazzjoni se tinkiseb l-aktar permezz tal-elettrifikazzjoni tal-akbar setturi (l-enerġija, it-trasport, it-tisħin u t-tkessiħ), li se twassal għal żieda kbira ħafna fid-domanda għall-elettriku: skont il-Kummissjoni, id-domanda għall-elettriku sal-2050 se tikber b'aktar mid-doppju. Peress li huwa l-impenn tagħna li neliminaw il-karbonju mis-settur tal-enerġija, is-sehem tal-elettriku ġġenerat mill-RES se jiżdied. Il-Kummissjoni tistenna sehem ta' 55 % tal-enerġiji rinnovabbli sal-2030, aktar minn 80 % sal-2050. Sehem akbar ta' RES, inevitabbilment iwassal għal volatilità akbar fil-grilja tal-elettriku. Għaldaqstant, minħabba l-impenn li tintlaħaq newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju sal-2050, hija meħtieġa żieda kbira fil-kapaċità tal-ħżin biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija.
Għandha tkun il-prijorità tagħna li niżguraw provvista tal-elettriku kostanti l-ħin kollu. Barra minn hekk, l-enerġija għandha tibqa' aċċessibbli għaċ-Ċittadini tal-UE. Il-ħżin tal-enerġija se jkun kruċjali biex jgħin inaqqas il-prezzijiet tal-elettriku estremi billi jugwalizza l-ogħla livelli u dawk l-aktar baxxi fid-domanda u l-provvista. Se jkun hemm bżonn li tiġi introdotta fis-suq firxa wiesgħa ta' teknoloġiji ta' ħżin li jkopru l-karatteristiċi kollha marbuta mal-enerġija, il-kapaċità u l-ħin tar-rispons biex iservu għall-istabbiltà tal-grilja, il-kontroll tal-vultaġġ, bħala riserva operazzjonali, id-dispaċċ u r-ridispaċċ kif ukoll għall-bidla fl-enerġija bl-imnut. Mhux se jkun hemm biss bżonn ta' ħżin fuq perjodu qasir iżda wkoll ħżin staġjonali fuq perjodu ta' xhur. Il-ħżin jista' jkun servizz lil Operatur tas-Sistema ta' Distribuzzjoni (DSO), eż. għall-ġestjoni tal-konġestjoni, jew l-Operatur tas-Sistema ta' Trażmissjoni (TSO) għall-ibbilanċjar.
L-UE trid tieħu azzjoni issa. Dan ir-rapport għandu l-għan li janalizza l-possibbiltajiet ta' ħżin attwali u jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jesploraw bis-sħiħ il-potenzjal tal-ħżin fl-UE. Jekk il-ħżin jitqies biss fis-settur tal-elettriku waħdu, il-flessibbiltajiet ikunu limitati u jiswew ħafna flus. Permezz tal-integrazzjoni intelliġenti ta' setturi differenti, pereżempju l-gass bl-elettriku jew is-sħana bl-elettriku, isiru disponibbli aktar teknoloġiji ta' ħżin, bħall-ħżin termali. Huwa meħtieġ approċċ komprensiv biex jiġu allinjati l-aspetti differenti bħall-effiċjenza, l-impatti ambjentali, il-kompetenzi u l-approvazzjonijiet. Trid titwettaq analiżi bir-reqqa u estensiva ta' kull tip ta' teknoloġija ta' ħżin, speċjalment fir-rigward tal-impatti ambjentali. L-istandards ambjentali għolja fl-UE ma għandhomx jiddgħajfu. Xi teknoloġiji ta' ħżin, bħall-batteriji, jistgħu jiġu b'marka tal-karbonju kbira, li tiddependi b'mod sinifikanti fuq it-taħlita tal-enerġija użata għall-manifattura tagħhom u l-metodu ta' estrazzjoni għall-materja prima. Din hija r-raġuni għaliex ir-rapporteur tissuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha toħloq task force fid-Direttorati Ġenerali rilevanti kollha biex tiġi żviluppata strateġija komprensiva għall-ħżin tal-enerġija. F'dan il-kuntest, għandha titwettaq analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja tal-alternattivi tal-ħżin kollha disponibbli b'enfasi fuq il-marka tal-karbonju tagħhom.
Ostakli regolatorji
Fir-rigward tal-aspett regolatorju, l-UE jeħtiġilha tneħħi l-ostakli kollha possibbli li jinterferixxu ma' sfruttament rapidu tal-potenzjal. Diġà sar progress sinifikanti f'xi setturi biex ir-rekwiżiti regolatorji jsiru aktar konsistenti. Pereżempju, id-Direttiva dwar is-Swieq tal-Elettriku tistabbilixxi regoli ċari għas-suq intern għall-elettriku. Implimentazzjoni rapida ta' dawn id-dispożizzjonijiet għandha rwol ċentrali għal bidla fil-paradigma għall-ħżin tal-enerġija. Madankollu, għad fadal xi kwistjonijiet li għandhom jiġu indirizzati, bħat-taxxa doppja u t-tariffi tal-grilja doppji għall-operaturi tal-ħżin li huma ostaklu ewlieni biex jiġi aċċessat dan is-suq ġdid.
Bil-ħsieb li ssir ir-reviżjoni li jmiss tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija, ir-rapporteur tilqa' r-rapport ta' evalwazzjoni tal-Kummissjoni li jirrikonoxxi l-ħtieġa għal reviżjoni, peress li d-Direttiva hija antikwata u tippermetti taxxa doppja tal-fornituri tal-ħżin. Ir-rapporteur temmen li l-provvista ta' ħżin lill-grilja għandha benefiċċju għas-soċjetà, u din hija r-raġuni għaliex titlob abolizzjoni tat-taxxa doppja. Se jkun meħtieġ li ssir distinzjoni bejn il-konsum ordinarju tal-enerġija u l-ħżin jew il-konverżjoni għall-ħżin.
Ir-Regolament TEN-E jrid jiġi rivedut b'mod urġenti qabel l-adozzjoni tal-lista l-ġdida ta' proġetti ta' interess komuni (PCI). Il-kriterji biex jiġu ddeterminati dawn il-proġetti ma jirriflettux l-impenn tal-Unjoni li telimina l-karbonju mis-settur tal-enerġija. Għalhekk, il-kriterji jeħtieġ li jiġu allinjati mal-miri tal-Klima u tas-Sostenibbiltà tal-Unjoni. Il-faċilitajiet ta' ħżin jistgħu jkunu rilevanti għall-ippjanar tal-grilji u l-integrazzjoni settorjali tirrikjedi investimenti fi grilji ġodda bħal pipelines adatti biex jgħaddi minnhom l-idroġenu jew in-netwerks tas-sħana. Għalhekk, tali proġetti għandhom isiru eliġibbli għall-inklużjoni fil-listi PCI. Barra minn hekk, il-proċeduri ta' approvazzjoni amministrattivi fl-Istati Membri jaqbżu bil-kbir il-perjodi massimi għall-PCI pprovduti mir-Regolament TEN-E. Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-mekkaniżmi ta' infurzar f'dan ir-rigward.
Fir-rigward tal-finanzjament tar-riċerka, il-passat wera li l-proġetti ta' riċerka ffinanzjati mill-UE ħafna drabi jsibu diffikultajiet biex jaċċessaw is-suq. Ir-rapporteur tilqa' l-ħolqien tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni. Barra minn hekk, hija tilqa' l-fatt li l-Programm Orizzont Ewropa l-ġdid se jipprovdi l-finanzjament tal-attivitajiet qrib is-suq.
Se tkun meħtieġa għajnuna mill-Istat, b'mod partikolari għall-proġetti tal-ħżin li ma ntwerewx li għadhom lesti għas-suq. Il-proġetti tal-ħżin, bħalissa mhumiex indirizzati biżżejjed fil-Linji Gwida għall-Għajnuna mill-Istat għall-Protezzjoni tal-Ambjent u l-Enerġija 2014-2020 (EEAG), li minflok jiffukaw fuq il-proġetti ta' enerġija rinnovabbli. Din tista' tkun waħda mir-raġunijiet għaliex ġew innotifikati biss ftit miżuri ta' għajnuna mill-Istat għall-proġetti ta' ħżin. Ir-rapporteur tqis li huwa meħtieġ li jitqies ir-rwol tal-ħżin fit-tranżizzjoni enerġetika meta jiġi rivedut l-EEAG.
Peress li wieħed mill-objettivi ewlenin tat-tranżizzjoni enerġetika huwa l-affordabbiltà tal-elettriku, huwa raġonevoli li wieħed jiffoka fuq it-teknoloġiji li huma jew kompletament fis-suq jew kważi bdew jitħaddmu. Din hija r-raġuni għaliex ir-rapport jiffoka fuq għażla ta' teknoloġiji.
Gass bl-elettriku
Jeħtieġ li l-Ewropa ssir mexxej fis-settur tal-idroġenu ekoloġiku. L-idroġenu ekoloġiku, prodott mill-ilma bl-elettriku li ġej mill-RES, jista' jipprovdi flessibbiltà sinifikanti lis-sistema tal-elettriku. L-elettrolizzaturi moderni diġà jeżistu f'daqsijiet multimegawatt. L-idroġenu ekoloġiku jippermetti flessibbiltà ġeografika kbira: jista' jiġi prodott direttament fis-sors tal-elettriku (eż. park eoliku), u jew jintuża direttament, jinħażen - fi kwantitajiet kbar ħafna (eż. f'għerien naturali) - jew jiġi ttrasportat fuq distanzi twal mingħajr telf sinifikanti. Jista' jintuża għal skopijiet differenti, pereżempju biex jiġi eliminat il-karbonju mill-proċessi industrijali fl-industriji intensivi fl-enerġija billi jiġi ssostitwit parti mill-idroġenu 15 Mt li jintuża madwar id-dinja fir-raffineriji; biex jissostitwixxi l-gass naturali għat-tisħin; bħala fjuwil għall-karozzi; jew jerġa' jiġi ttrasformat f'elettriku. Fil-preżent, m'hemm l-ebda qafas armonizzat li jiddefinixxi l-istandards jew ir-rekwiżiti għall-gass bl-elettriku. L-istandards ta' taħlit ivarjaw bejn il-5 % u l-20 % fost l-Istati Membri.
Biex jiġu stimulati l-investimenti fil-produzzjoni tal-idroġenu ekoloġiku u għaldaqstant biex jinħoloq suq, huma essenzjali infrastruttura soda u standards tekniċi armonizzati. Qabel titqies il-kostruzzjoni ta' grilja separata biex jiġi ttrasportat l-idroġenu, għandha titqies il-possibbiltà li jintużaw pipelines tal-grilja eżistent. Sabiex tiġi evitata distorsjoni tas-suq, huma meħtieġa regoli ċari biex jiġu ddeterminati r-rwoli tal-atturi differenti fis-suq, b'mod simili għad-dispożizzjonijiet riveduti dwar id-disinn tas-suq tal-elettriku.
Batteriji
Il-batteriji jistgħu primarjament iservu għal żmien qasir biex tiġi żgurata l-kwalità tal-enerġija fil-grilja, bħall-kontroll tal-frekwenza, l-ibbilanċjar tal-ogħla livelli tad-domanda jew it-tnaqqis tal-varjazzjonijiet permezz tal-ħinijiet ta' rispons relattivament veloċi tagħhom. Xi xenarji jipproġettaw domanda għal batteriji tal-joni tal-litju sa 4000 GWh sal-2040 meta mqabbla ma' 78 GWh fil-preżent. Il-batteriji tal-joni tal-litju huma l-ogħla livell ta' żvilupp tekniku attwali fil-vetturi elettriċi jew fid-djar privati. Dawn ivarjaw bejn sistemi ta' 1-10 KW u sistemi ta' 1-50 MW. 85 % taċ-ċelluli tal-batteriji huma mmanifatturati fir-reġjun Asja-Paċifiku. Barra minn hekk, il-ħames materji primi essenzjali (il-litju, in-nikil, il-kobalt, il-manganiż u l-grafit) iridu jiġu importati. Għalhekk, huwa essenzjali li jiġu promossi l-iżvilupp u l-innovazzjoni tal-batteriji fl-UE biex titnaqqas id-dipendenza fuq pajjiżi terzi. Din hija r-raġuni għaliex ir-rapporteur tilqa' l-Alleanza Ewropea tal-Batteriji (EBA) u l-Pjan ta' Azzjoni Strateġika li għandu jiġi appoġġjat ultejorment. Il-Pjan ta' Azzjoni Strateġika dwar il-Batteriji li jiffoka fuq il-materja prima, l-estrazzjoni, l-akkwist, l-irfinar, il-produzzjoni taċ-ċelluli u r-riċiklaġġ għandu jissaħħaħ aktar. Il-batteriji tal-joni tal-litju, ibbenefikaw b'mod sinifikanti mir-riċerka. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri li jgħinu biex tinbena katina ta' valur għall-batteriji fl-Ewropa.
Biex titnaqqas aktar id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet ta' materja prima, jeħtieġ li ntejbu b'mod urġenti l-qafas tal-UE għar-riċiklaġġ tal-batteriji użati, inklużi dispożizzjonijiet speċifiċi, bħal pereżempju għall-batteriji tal-joni tal-litju, li bħalissa huma neqsin. Dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jgħinu biex jinħoloq suq għar-riċiklaġġ tal-batteriji joni tal-litju. F'dan ir-rigward, ir-rapporteur tilqa' r-reviżjoni li jmiss tad-Direttiva dwar il-Batteriji u tissottolinja l-importanza li jitneħħew l-ostakli għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ. Fil-kuntest tar-reviżjoni għandha titqies mira ta' riċiklaġġ speċifika għall-batteriji tal-joni tal-litju.
Ħżin ippompjat
Il-ħżin ippompjat huwa wieħed mill-eqdem modi u l-aktar maturi biex tinħażen l-enerġija. Bi grad ta' effiċjenza ta' 75-80 %, jammonta għal 97 % tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-enerġija attwali tal-UE. Huwa mod ippruvat u effiċjenti ta' ħżin tal-enerġija bi prezz kompetittiv.
Għalkemm xi Stati Membri diġà esploraw il-potenzjal ta' ħżin tal-idroenerġija ppompjata tagħhom sa firxa kbira, għad hemm potenzjal kbir li jista' jiġi esplorat aktar fl-UE, bħal permezz ta' modifika retroattiva u rikondizzjonar, li huwa approċċ ibbilanċjat li jġib flimkien il-protezzjoni tal-ambjent u żieda fil-potenzjal ta' ħżin u l-effiċjenza tiegħu. Skont studju taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka[19], f'ċerti xenarji, hemm potenzjal tal-UE għal 28 TWh u aktar, jekk wieħed jiffoka fuq il-ġibjuni naturali biss. Kif juru l-proġetti ta' riċerka attwali, il-ħżin ippompjat mhuwiex limitat għall-ġibjuni naturali. Hemm proġetti ta' riċerka għall-użu ta' dawk li qabel kienu minjieri miftuħa għal ħżin ippompjat.
Ħżin termali
Il-ħżin termali, pereżempju għat-tisħin distrettwali, bħalissa jintuża flimkien mas-CHP (kombinazzjoni ta' sħana u enerġija) biex jissaħħnu żoni residenzjali b'popolazzjoni densa; il-grilja tat-tisħin tintuża għat-trasport u bħala unità ta' ħżin fl-istess ħin. Peress li din hija teknoloġija oħra li diġà ntwera li hija effiċjenti ħafna, ir-rapporteur temmen li l-potenzjal għandu jiġi sfruttat aktar. B'mod partikolari, iż-żoni residenzjali qrib konurbazzjoni industrijali huma ideali biex tintuża s-sħana mormija mill-proċessi industrijali li tista' tiġi maħżuna u ddistribwita għat-tisħin. Forom oħra ta' ħżin termali, taħt l-art jew f'tankijiet iżolati, jistgħu jipprovdu ħżin tal-enerġija staġjonali.
Ir-rapporteur tirrakkomanda, għalhekk, li jiġu żviluppati aktar il-grilji tat-tisħin distrettwali, jiġu mtejba u mmodernizzati dawk li għadda żmienhom u jsiru eliġibbli għal finanzjament. Għalhekk, tilqa' l-inklużjoni tan-networks ta' tisħin distrettwali transfruntiera skont ir-Regolament CEF rivedut.
Ir-rwol tal-konsumaturi
Ir-rwol tal-ħżin deċentralizzat tal-enerġija mill-konsumaturi se jiżdied. L-unitajiet domestiċi privati jistgħu jaħżnu l-enerġija li jipproduċu, pereżempju minn pannelli fotovoltajċi, f'batteriji tad-dar biex jużawhom huma stess aktar tard. Jistgħu jsiru wkoll unitajiet tal-ħżin fil-grilja billi joffru l-kapaċitajiet ta' ħżin tal-batteriji tal-vetturi elettroniċi tagħhom lill-grilja ("mill-vettura għall-grilja"). Il-karozzi jkunu pparkjati 96 % tal-ħin, u l-kapaċità tal-batteriji tal-vetturi elettroniċi pparkjati tista' tintuża għall-ibbilanċjar tal-grilja. L-iċċarġjar intelliġenti innovattiv diġà jeżisti u għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni b'mod wiesgħa biex l-offerta ta' tali servizzi ta' flessibbiltà tkun attraenti għall-konsumaturi.
ANNESS: LISTA TA' ENTITAJIET JEW PERSUNI LI MINGĦANDHOM IR-RAPPORTEUR IRĊEVIET KONTRIBUT
Il-lista li ġejja hija mfassla fuq bażi purament volontarja taħt ir-responsabbiltà esklużiva tar-rapporteur. Ir-rapporteur irċieva kontribut mill-entitajiet jew persuni li ġejjin fit-tħejjija tar-rapport, sal-adozzjoni tiegħu fil-kumitat:
Entità u/jew persuna |
Prof. Dr. Susanne Muhar, Prof. Dr. Stefan Schmutz / Università tar-Riżorsi Naturali u x-Xjenzi tal-Ħajja (BUKO), Vjenna |
Johannes Thema, Arjuna Nebel / Istitut Wuppertal |
Trasport u Ambjent |
Finnish Energy |
WWF |
EUROBAT |
VERBUND AG |
RWE |
Il-Kummissjoni Ewropea, DĠ COMP |
EASE |
AXPO |
Illwerke/VKW |
Il-Kummissjoni Ewropea, DĠ ENER |
Il-Kummissjoni Ewropea, DĠ GROW |
Il-Ministru Awstrijak għall-Agrikoltura, ir-Reġjuni u t-Turiżmu |
Arbeiterkammer Österreich |
Ministru Federali għall-Azzjoni Klimatika, l-Ambjent, l-Enerġija, il-Mobbiltà, l-Innovazzjoni u t-Teknoloġija |
cyberGRID |
E-Control |
Energienetze Steiermark |
Fachverband Gas Wärme |
Industriellenvereinigung |
Klima- und Energiefonds |
OMV AG |
Oesterreichs Energie |
Österreichische Energieagentur |
Österreichischer Biomasse-Verband |
Ressl Holding GmbH |
Umwelt Management Austria |
Verband der öffentlichen Wirtschaft und Gemeinwirtschaft Österreichs |
WWF Österreich |
Wirtschaftskammer Österreich |
Wien Energie |
RAG Austria AG |
Flexens |
Eurelectric |
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
29.6.2020 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
53 3 15 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
François Alfonsi, Nicola Beer, Hildegard Bentele, Tom Berendsen, Vasile Blaga, Michael Bloss, Paolo Borchia, Marc Botenga, Markus Buchheit, Klaus Buchner, Cristian-Silviu Buşoi, Jerzy Buzek, Carlo Calenda, Andrea Caroppo, Maria da Graça Carvalho, Ignazio Corrao, Ciarán Cuffe, Josianne Cutajar, Martina Dlabajová, Christian Ehler, Niels Fuglsang, Lina Gálvez Muñoz, Claudia Gamon, Nicolás González Casares, Bart Groothuis, Christophe Grudler, András Gyürk, Henrike Hahn, Robert Hajšel, Ivo Hristov, Romana Jerković, Seán Kelly, Izabela-Helena Kloc, Łukasz Kohut, Zdzisław Krasnodębski, Andrius Kubilius, Miapetra Kumpula-Natri, Thierry Mariani, Marisa Matias, Eva Maydell, Georg Mayer, Joëlle Mélin, Iskra Mihaylova, Dan Nica, Angelika Niebler, Ville Niinistö, Aldo Patriciello, Mauri Pekkarinen, Tsvetelina Penkova, Morten Petersen, Markus Pieper, Clara Ponsatí Obiols, Sira Rego, Jérôme Rivière, Robert Roos, Jessica Stegrud, Beata Szydło, Riho Terras, Grzegorz Tobiszowski, Patrizia Toia, Evžen Tošenovský, Isabella Tovaglieri, Henna Virkkunen, Pernille Weiss, Carlos Zorrinho |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Mohammed Chahim, Jakop G. Dalunde, Eleonora Evi, Martin Hojsík, Elena Kountoura, Nils Torvalds |
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
53 |
+ |
EPP |
Hildegard Bentele, Tom Berendsen, Vasile Blaga, Cristian-Silviu Buşoi, Jerzy Buzek, Maria Da Graça Carvalho, Christian Ehler, András Gyürk, Seán Kelly, Andrius Kubilius, Eva Maydell, Angelika Niebler, Aldo Patriciello, Markus Pieper, Riho Terras, Henna Virkkunen, Pernille Weiss |
S&D |
Carlo Calenda, Mohammed Chahim, Josianne Cutajar, Niels Fuglsang, Lina Gálvez Muñoz, Nicolás González Casares, Robert Hajšel, Ivo Hristov, Romana Jerković, Łukasz Kohut, Miapetra Kumpula-Natri, Dan Nica, Tsvetelina Penkova, Patrizia Toia, Carlos Zorrinho |
RENEW |
Nicola Beer, Martin Hojsík, Martina Dlabajová, Claudia Gamon, Bart Groothuis, Christophe Grudler, Iskra Mihaylova, Mauri Pekkarinen, Morten Petersen, Nils Torvalds |
Greens |
François Alfonsi, Michael Bloss, Klaus Buchner, Ciarán Cuffe, Jakop G. Dalunde, Henrike Hahn, Ville Niinistö |
GUE |
Elena Kountoura |
NI |
Ignazio Corrao, Eleonora Evi, Clara Ponsatí Obiols |
3 |
- |
ID |
Markus Buchheit, Georg Mayer |
ECR |
Robert Roos |
15 |
0 |
ID |
Paolo Borchia, Andrea Caroppo, Thierry Mariani, Joëlle Mélin, Jérôme Rivière, Isabella Tovaglieri |
ECR |
Izabela-Helena Kloc, Zdzisław Krasnodębski, Jessica Stegrud, Beata Szydło, Grzegorz Tobiszowski, Evžen Tošenovský |
GUE |
Marc Botenga, Marisa Matias, Sira Rego |
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni
- [1] ĠU L 158, 14.6.2019, p. 125.
- [2] ĠU L 158, 14.6.2019, p. 54.
- [3] ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82.
- [4] ĠU L 115, 25.4.2013, p. 39.
- [5] ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129.
- [6] ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.
- [7] ĠU L 266, 26.9.2006, p. 1
- [8] ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1.
- [9] ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7.
- [10] Testi adottati, P9_TA(2020)0005.
- [11] Testi adottati, P9_TA(2019)0078.
- [12] Testi adottati, P9_TA(2019)0079.
- [13] Testi adottati, P8_TA(2019)0217.
- [14] Testi adottati, P8_TA(2018)0438.
- [15] ĠU C 463, 21.12.2018, p. 10.
- [16] ĠU C 204, 13.6.2018, p. 23.
- [17] ĠU C 204, 13.6.2018, p. 35.
- [18] Ir-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2013 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 713/2009, (KE) Nru 714/2009 u (KE) Nru 715/2009 (ĠU L 115, 25.4.2013, p. 39).
- [19] Marcos Gimeno-Gutiérrez, Roberto Lacal-Arántegui "Assessment of the European potential for pumped hydropower energy storage - A GIS-based assessment of pumped hydropower storage potential" (Valutazzjoni tal-potenzjal Ewropew għall-ħżin tal-enerġija mill-idroenerġija ppompjata - Valutazzjoni bbażata fuq il-GIS tal-potenzjal ta' ħżin tal-idroenerġija ppumpjata) (Rapporti Xjentifiċi u ta' Politika tal-JRC għall-2013)