RAPPORT dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni mill-Finlandja – EGF/2020/007 FI/Finnair

2.6.2021 - (COM(2021)0227 – C9-0162/2021 – 2021/0116(BUD))

Kumitat għall-Baġits
Rapporteur: Eero Heinäluoma

Proċedura : 2021/0116(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A9-0186/2021
Testi mressqa :
A9-0186/2021
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni mill-Finlandja – EGF/2020/007 FI/Finnair

(COM(2021)0227 – C9-0162/2021 – 2021/0116(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2021)0227 – C9-0162/2021),

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006[1] ("ir-Regolament tal-FEG"),

 wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 2020/2093 tas-17 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021-2027[2], u b'mod partikolari l-Artikolu 8 tiegħu,

 wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda, (il-"FII tas-16 ta' Diċembru 2020")[3], u b'mod partikolari l-punt 9 tiegħu,

 wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0186/2021),

A. billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tagħti appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, u biex tgħinhom fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol; billi din l-għajnuna hija fornuta permezz ta' appoġġ finanzjarju li jingħata lill-ħaddiema u lill-kumpaniji li għalihom dawn ikunu ħadmu;

B. billi l-Finlandja ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2020/007 FI/Finnair għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG), wara 508 sensji[4] fil-kumpanija Finnair Oyj u minn sottokuntrattur wieħed[5] fir-reġjun ta' livell NUTS 2 ta' Helsinki-Uusimaa (FI1B) fil-Finlandja, f'perjodu ta' referenza għall-applikazzjoni mill-25 ta' Awwissu 2020 sal-25 ta' Diċembru 2020;

C. billi fis-6 ta' Mejju 2021, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG favur il-Finlandja bħala appoġġ għar-riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' 500 benefiċjarju fil-mira, jiġifieri ħaddiema li ngħataw is-sensja fis-settur ekonomiku kklassifikat fl-ambitu ta' NACE Reviżjoni 2, jiġifieri d-Diviżjoni 51 (Trasport bl-ajru).

D. billi l-applikazzjoni tirrigwarda 504 ħaddiema li ngħataw is-sensja fil-kumpanija Finnair Oyj u erba' li ngħataw is-sensja minn sottokuntrattur wieħed fil-Finlandja;

E. billi l-applikazzjoni hija bbażata fuq il-kriterji ta' intervent tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG, li jirrikjedi li jrid ikun hemm mill-inqas 500 ħaddiem li jkunu ngħataw is-sensja matul perjodu ta' referenza ta' erba' xhur f'intrapriża fi Stat Membru;

F. billi l-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-kriżi tas-saħħa tal-COVID-19 iġġenerat kriżi ekonomika u insistiet għal pjan ta' rkupru Next Generation EU li jissottolinja r-rwol ewlieni tal-FEG fl-assistenza tal-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja;

G. billi l-pandemija tal-COVID-19 ikkawżat xokk enormi fl-industrija tal-avjazzjoni minħabba r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, u dan wassal biex it-traffiku internazzjonali tal-ajru naqas bi 98,9 % f'April 2020 meta mqabbel ma' April 2019[6], u d-dħul għal kull kilometru tal-passiġġieri għall-industrija kollha naqas b'86,5 % f'Ġunju 2020 meta mqabbel ma' Ġunju 2019[7];

H. billi d-domanda internazzjonali tal-passiġġieri naqset b'75,6 % fl-2020 meta mqabbla mal-livelli tal-2019; billi skont it-tbassir globali tal-passiġġieri mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bl-Ajru, l-industrija tal-avjazzjoni se tieħu bejn 3 u 4 snin biex tirkupra għal-livell tagħha ta' qabel il-kriżi;

I. billi din hija waħda mill-ewwel mobilizzazzjonijiet tal-FEG marbuta mal-kriżi tal-COVID-19, wara li l-Parlament Ewropew adotta r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF/2020/000 TA 2020 - Assistenza teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni)[8], li tiddikjara li l-FEG jista' jiġi mobilizzat biex jappoġġja lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja b'mod permanenti u lill-persuni li jaħdmu għal rashom fil-kuntest tal-kriżi globali kkawżata mill-COVID-19 mingħajr ma jiġi emendat ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013;

J. billi qabel ma bdiet il-pandemija, Finnair kellha riżultati finanzjarji sodi, fejn rat in-numru ta' passiġġieri jiżdied b'10,3 % fl-2019 u d-dħul tagħha jiżdied b'9,2 % fl-2019, biex jilħaq it-EUR 3 097 miljun, meta mqabbel ma' ,EUR 2 836 miljun fl-2018;

K. billi r-restrizzjonijiet stabbiliti kemm fil-Finlandja kif ukoll f'pajjiżi oħra affettwaw ħafna l-operazzjonijiet ta' Finnair, b'mod partikolari fir-rigward tat-titjiriet internazzjonali u interkontinentali; billi t-traffiku tal-ajru huwa mezz importanti ta' trasport li jgħaqqad żoni remoti, bħall-Finlandja, mal-bqija tad-dinja;

L. billi l-ajruport ta' Ħelsinki huwa ċentru ewlieni tal-ivvjaġġar bl-ajru u Finnair hija trasportatur ewlieni bejn l-Ewropa u l-Asja, u, f'Jannar 2020, il-volumi ta' passiġġieri lejn iċ-Ċina żdiedu bi 58 % meta mqabbla ma' Jannar 2019; billi fi Frar 2020, il-volumi ta' passiġġieri naqsu drastikament bi 73 % minħabba s-sitwazzjoni tal-epidemija;

M. billi l-għadd ta' passiġġieri ttrasportati minn Finnair naqas b'76,2 % u d-dħul tagħha naqas bi 73,2 % fl-2020 meta mqabbel mal-2019, li wassal lill-kumpanija biex takkumula telf operattiv ta' EUR 464,5 miljun fl-2020[9]; billi, b'reazzjoni għal dan, Finnair kellha tnaqqas l-ispejjeż tagħha sabiex tindirizza din il-kriżi u sar iffrankar fil-proprjetà immobbli, fil-kiri tal-inġenji tal-ajru, fl-IT (id-diġitalizzazzjoni u l-awtomatizzazzjoni tal-proċessi tal-klijenti tagħha), fl-ispejjeż tal-bejgħ u d-distribuzzjoni, kif ukoll fl-ispejjeż amministrattivi u fl-istrutturi ta' kumpens; billi dan wassal għal tnaqqis fil-forza tax-xogħol ta'700 impjieg[10] u kważi l-forza tax-xogħol kollha tqiegħdet assenti bil-permess għal parti mis-sena, u din l-assenza bil-permess kompliet għaddejja fl-2021 għal sehem kbir tal-forza tax-xogħol;

N. billi l-mira fit-tul ta' Finnair hija li sal-2045 tkun kisbet in-newtralità karbonika, bi tnaqqis ta' 50 % fl-emissjonijiet netti sal-aħħar tal-2025 meta mqabbla mal-livell tal-2019[11], u skont il-kumpanija, Finnair kompliet tagħmel progress fl-isforzi ta' sostenibbiltà anki matul il-pandemija b'investimenti f'bijofjuwils sostenibbli;

O. billi l-kontribut tas-settur tal-avjazzjoni għall-ekonomija Finlandiża huwa wieħed sinifikanti, u jirrappreżenta 3,2 % tal-PDG totali[12], u s-sensji fl-akbar linja tal-ajru tal-pajjiż, Finnair, għandhom impatt serju fuq ir-reġjun ta' Helsinki-Uusimaa u fuq l-ekonomija nazzjonali;

P. billi 42 000 persuna (23 000 impjieg dirett u 19 000 impjieg indirett) kienu impjegati fis-settur tal-avjazzjoni fil-Finlandja fl-2020 u dawn is-sensji se jkollhom impatt serju fuq l-ekonomija nazzjonali; billi l-għadd ta' persuni qiegħda li qed ifittxu impjieg fir-reġjun ta' Ħelsinki-Uusimaa fejn huma kkonċernati s-sensji żdied b'0,8 punti perċentwali, minn 6,4 % fl-2019 għal 7,2 % fl-2020;

Q. billi minħabba ż-żieda fil-qgħad li rriżultat mill-kriżi, l-impjieg mill-ġdid ta' dawk li kienu ħaddiema ta' Finnair jista' joħloq sfida;

R. billi l-Kummissjoni ddikjarat li l-kriżi tas-saħħa rriżultat fi kriżi ekonomika, stabbiliet pjan ta' rkupru għall-ekonomija, u ssottolinjat ir-rwol tal-FEG bħala għodda ta' emerġenza[13];

1. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament tal-FEG huma ssodisfati, u li l-Finlandja għandha l-jedd għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 1 752 360 fl-ambitu ta' dan ir-Regolament, somma li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 2 920 600, liema spiża tinkludi n-nefqa għas-servizzi personalizzati ta' EUR 2 730 600 u n-nefqa għall-attivitajiet ta' tħejjija, ta' ġestjoni, ta' informazzjoni u ta' pubbliċità, ta' kontroll u ta' rapportar ta' EUR 190 000;

2. Jinnota li l-awtoritajiet Finlandiżi ppreżentaw l-applikazzjoni fit-30 ta' Diċembru 2020, u li l-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha fis-6 ta' Mejju 2021 u nnotifikat lill-Parlament biha fl-istess jum; jiddispjaċih li l-valutazzjoni tal-Kummissjoni damet daqshekk żmien fiċ-ċirkostanzi kurrenti;

3. Jinnota li r-rekwiżiti proċedurali kollha ġew issodisfati;

4. Jinnota li l-applikazzjoni b'kollox hija relatata ma' 508 ħaddiema li ngħataw is-sensja mill-kumpanija Finnair Oyj u minn sottokuntrattur wieħed; jinnota barra minn hekk li l-Finlandja tistenna li 500 biss mill-benefiċjarji eliġibbli kollha se jipparteċipaw fil-miżuri (benefiċjarji fil-mira);

5. Ifakkar li l-impatti soċjali tas-sensji mistennija jkunu konsiderevoli għall-ħaddiema fir-reġjun ta' Helsinki-Uusimaa, fejn Finnair għandha ċ-ċentru operazzjonali tagħha, u fejn l-għadd ta' persuni qiegħda li qed ifittxu impjieg żdied bi 22,5 % bejn Frar u April 2020, u b'0,8 punti perċentwali bejn l-2019 u l-2020[14], biex wassal għal prospetti diffiċli f'dak li hu l-impjieg mill-ġdid tal-ħaddiema mogħtija s-sensja; jinnota pożittivament għalhekk li l-ħaddiema li ngħataw is-sensja jistgħu jibbenefikaw minn gwida u appoġġ personalizzati għat-tfittxija ta' impjieg, flimkien ma' titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid imfassla apposta biex iżidu l-possibbiltajiet tagħhom ta' impjieg mill-ġdid;

6. Jissottolinja l-ħtieġa li l-impjegati kollha, mingħajr diskriminazzjoni u indipendentement min-nazzjonalità tagħhom, jiġu integrati u appoġġjati mill-miżuri inklużi f'dan il-proġett tal-FEG;

7. Jindika li 44 % tal-persuni eliġibbli huma nisa u li minnhom l-aktar grupp ta' età affettwat huwa dak ta' bejn it-30 u l-54 sena; jinnota li t-tieni l-akbar grupp ta' età huwa dak ta' 55-64 sena (28,20 %), li jista' jħabbat wiċċu ma' sfidi addizzjonali fir-riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol;

8. Jinnota li l-Finlandja bdiet toffri servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira fil-21 ta' Ottubru 2020 u li għaldaqstant, il-perjodu ta' eliġibbiltà għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se jkun mill-21 ta' Ottubru 2020 sat-30 ta' Diċembru 2022;

9. Ifakkar li s-servizzi personalizzati li għandhom jiġu pprovduti lill-ħaddiema u lill-persuni li jaħdmu għal rashom jikkonsistu fl-azzjonijiet li ġejjin: coaching u miżuri oħra ta' tħejjija, servizzi ta' impjieg u negozju, taħriġ, sussidji għall-pagi, għotja biex jinbeda negozju u benefiċċji għall-ivvjaġġar, l-akkomodazzjoni u t-tneħħija; jilqa' l-għoti ta' taħriġ għal kwalifiki vokazzjonali lill-benefiċjarji, inklużi korsijiet bħal fl-intelliġenza artifiċjali (IA), is-sigurtà diġitali u r-robotika; jilqa' wkoll l-użu tas-sussidju għall-pagi mill-Finlandja biex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-pagi tal-benefiċjarji kif ukoll l-għotjiet biex jinbeda negozju biex jiġi promoss il-ħolqien ta' attività ta' negozju iżda jfakkar li dan l-appoġġ għandu jkun soġġett għall-parteċipazzjoni attiva ta' dawn il-benefiċjarji f'attivitajiet ta' tfittxija ta' xogħol jew ta' taħriġ;

10. Jinnota li l-Finlandja bdiet iġġarrab in-nefqa amministrattiva sabiex timplimenta l-FEG fil-21 ta' Ottubru 2020 u li għaldaqstant, in-nefqa fuq attivitajiet ta' tħejjija, ta' ġestjoni, ta' informazzjoni u pubbliċità, ta' kontroll u ta' rapportar se tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mill-21 ta' Ottubru 2020 sat-30 ta' Ġunju 2023;

11. Jilqa' l-fatt li l-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati tfassal mill-Finlandja f'konsultazzjoni ma' grupp ta' ħidma; jenfasizza li l-attivitajiet ta' tħejjija inkludew laqgħat mar-rappreżentanti taċ-Ċentri għall-Iżvilupp Ekonomiku, it-Trasport u l-Ambjent u l-Uffiċċji għall-Impjieg u l-Iżvilupp Ekonomiku ta' Uusimaa, Finnair u Trade Unions, jiġifieri Ilmailualan Unioni (IAU), Finnairin insinöörit ja ylemmät toimihenkilöt (FINTO), Auto ja Kuljetusalan Työntekijäliitto ry (AKT) u Trade Union Pro;

12. Jenfasizza li l-awtoritajiet Finlandiżi kkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jibbenefikawx minn għajnuna minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni;

13. Itenni li l-għajnuna mill-FEG ma tridx tissostitwixxi azzjonijiet li huma r-responsabbiltà ta' kumpaniji, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi;

14. Jappoġġja bil-qawwa l-fatt li l-FEG qed ikompli juri solidarjetà fil-perjodu 2021-2027 filwaqt li jċaqlaq l-attenzjoni mill-kawża tar-ristrutturar għall-impatt tiegħu; jilqa' l-fatt li skont ir-regoli l-ġodda, id-dekarbonizzazzjoni se tkun ukoll raġuni biex l-applikanti jkunu eliġibbli għall-appoġġ;

15. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni ppreżentata mill-Finlandja – EGF/2020/007 FI/Finnair

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

 

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006[15], u b'mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,

 

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda[16], u b'mod partikolari l-punt 9 tiegħu,

 

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

 

Billi:

(1) Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għandu l-għan li jagħti appoġġ lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u lill-persuni li kienu jaħdmu għal rashom u kellhom iwaqqfu l-attività tagħhom minħabba bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji bħala riżultat tal-globalizzazzjoni, bħala riżultat tal-kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, jew bħala riżultat ta' kriżi finanzjarja u ekonomika globali ġdida, u li jassistihom fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2) Il-FEG ma għandux jaqbeż l-ammont massimu annwali ta' EUR 186 miljun (il-prezzijiet tal-2018), kif stabbilit fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093[17].

(3) Fit-30 ta' Diċembru 2020, il-Finlandja ressqet applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, fir-rigward ta' sensji f'Finnair Oyj u minn sottokuntrattur wieħed fil-Finlandja. Din l-applikazzjoni ġiet issupplimentata b'informazzjoni addizzjonali mogħtija f'konformità mal-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013. Dik l-applikazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.

(4) Għalhekk, jenħtieġ li l-FEG jiġi mmobilizzat sabiex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja li tammonta għal EUR 1 752 360 għall-applikazzjoni mressqa mill-Finlandja.

(5) Biex jittieħed l-inqas żmien possibbli għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, din id-deċiżjoni jenħtieġ li tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha,

 

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2021, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi l-ammont ta' EUR 1 752 360 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għandha tapplika mill-[data tal-adozzjoni tagħha].

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President


NOTA SPJEGATTIVA

I. Kuntest

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq sabiex jipprovdi għajnuna addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu (8)(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 2020/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027[18] u tal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013[19], il-Fond ma jistax jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 186 miljun (prezzijiet tal-2018).

Fir-rigward tal-proċedura, skont il-punt 9 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda[20], sabiex jiġi attivat il-Fond, il-Kummissjoni, f'każ ta' valutazzjoni pożittiva ta' applikazzjoni, tippreżenta lill-awtorità tal-baġit proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess waqt, talba korrispondenti għat-trasferiment.

II. L-applikazzjoni tal-Finlandja u l-proposta tal-Kummissjoni

Fit-30 ta' Diċembru 2020, il-Finlandja ppreżentat applikazzjoni FEG/2020/007 FI/Finnair għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara 508 sensji[21] fil-kumpanija Finnair Oyj u minn sottokuntrattur wieħed[22], li jinsab fir-reġjun ta' livell NUTS 2 ta' Helsinki-Uusimaa (FI1B).

Wara l-valutazzjoni tagħha ta' din l-applikazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet, f'konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli kollha tar-Regolament tal-FEG, li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG huma ssodisfati.

Fis-6 ta' Mejju 2021, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG favur il-Finlandja bħala appoġġ għar-riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' 500 benefiċjarju fil-mira, jiġifieri ħaddiema li ngħataw is-sensja fis-settur ekonomiku kklassifikat fl-ambitu ta' NACE Reviżjoni 2, jiġifieri d-Diviżjoni 51 (Trasport bl-ajru).

Il-Kummissjoni qieset l-applikazzjoni ammissibbli skont il-kriterji ta' intervent tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament tal-FEG, li jirrikjedi li jrid ikun hemm mill-inqas 500 ħaddiem li jkunu ngħataw is-sensja matul perjodu ta' referenza ta' erba' xhur f'intrapriża fi Stat Membru, inklużi l-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja minn fornituri u produtturi downstream u/jew minn persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tkun waqfet.

Din hija s-sitt applikazzjoni tal-2020 u l-ħames waħda li ġiet eżaminata fl-ambitu tal-baġit tal-2021, inkluż il-QFP il-ġdid (ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 2020/2093 tas-17 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021 sal-2027[23]) u l-FII tas-16 ta' Diċembru 2020. Il-Baġit tal-2021 għandu linji baġitarji ta' riżerva għall-pagamenti tal-FEG (qabel l-2021) li se jintużaw għall-pagamenti mmobilizzati fl-ambitu tar-regolament tal-FEG tal-2014-2020. Ir-regolament suċċessur tal-FEG għall-2021-2027 (2018/0202(COD)) ġie adottat fis-seduta plenarja tal-Parlament Ewropew li saret fit-28 ta' April 2021, iżda la se jkollu impatt fuq din il-proċedura u lanqas fuq kwalunkwe proċedura li ġejja għall-mobilizzazzjonijiet fl-ambitu tal-programm l-antik għall-2014-2020.

L-għadd ta' 508 ħaddiem b'kollox li ngħataw is-sensja ġie kkalkulat billi ġew miżjuda 504 sensji li ngħataw fil-kumpanija Finnair Oyj ma' erba' sensji li ngħataw mis-sottokuntrattur tagħha. Il-Finlandja kkonfermat li dawn il-504 sensji huma reali.

L-applikazzjoni tikkonċerna 500 ħaddiem fil-mira li ngħataw is-sensja u tirreferi għall-mobilizzazzjoni ta' ammont totali ta' EUR 1 752 360 mill-FEG għall-Finlandja li jirrappreżenta 60 % tal-ispejjeż totali tal-azzjonijiet proposti.

 

Sabiex tiġi stabbilita r-rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni, il-Finlandja tibbaża l-applikazzjoni fuq id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li l-kriżi tas-saħħa globali rriżultat fi kriżi ekonomika globali, li ġiet indirizzata bil-pjan ta' rkupru tal-Kummissjoni u li jsemmi b'mod ċar lill-FEG bħala wieħed mill-għodod tiegħu[24].

Il-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt sinifikanti fuq l-industrija tal-avjazzjoni minħabba restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u tnaqqis drammatiku fit-trasport tal-passiġġieri bl-ajru. F'April 2020, it-traffiku internazzjonali tal-passiġġieri naqas bi 98,9 % meta mqabbel ma' April 2019 u 64 % tal-inġenji tal-ajru globali nħażnu, li jirrappreżenta l-akbar kontrazzjoni fl-istorja tal-avjazzjoni[25]. Qabel it-tifqigħa tal-COVID-19, Finnair kellha pożizzjoni finanzjarja b'saħħitha. Fl-2019, id-dħul ta' Finnair kiber b'9,2 %, u laħaq l-ogħla livell rekord ta' EUR 3 097 miljun, meta mqabbel ma' EUR 2 836 miljun fl-2018. Ir-Rapport Annwali ta' Finnair għall-2020 wera tnaqqis qawwi fid-dħul bi 73,2 % (minn 3 097,7 miljun għal EUR 829,2 miljun), in-numru ta' passiġġieri naqas b'76,2 % (minn 14,7-il miljun għal 3,5 miljuni) u l-kumpanija kienet akkumulat telf operatorju ta' EUR 464,5 miljun[26].

 

Finnair kellha tnaqqas l-ispejjeż tagħha sabiex tindirizza din il-kriżi u sar iffrankar fil-proprjetà immobbli, fil-kiri tal-inġenji tal-ajru, fl-IT (id-diġitalizzazzjoni u l-awtomatizzazzjoni tal-proċessi tal-klijenti tagħha), fl-ispejjeż tal-bejgħ u d-distribuzzjoni, kif ukoll fl-ispejjeż amministrattivi u fl-istrutturi ta' kumpens. Dan wassal biex il-forza tax-xogħol titnaqqas b'700 impjieg[27].

 

Is-sitt tipi ta' azzjonijiet li għandhom jiġu pprovduti lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja u li għalihom qed jintalab il-kofinanzjament mill-FEG jikkonsistu fi:

a. Coaching u miżuri oħra ta' tħejjija: Dawn jinkludu 1) Valutazzjonijiet esperti tal-kompetenzi professjonali ta' min qed ifittex impjieg u tal-ħtiġijiet għas-servizzi; 2) Valutazzjoni tal-kompetenza biex il-parteċipanti jiġu mmappjati skont il-kompetenzi u l-perspettivi ta' impjieg tagħhom; 3) Taħriġ fit-tfittxija ta' impjieg u informazzjoni dwar is-suq tax-xogħol; 4) Coaching intensiv dwar il-karriera u tal-individwu biex jappoġġja u jiggwida lill-parteċipanti fit-tfittxija ta' impjieg.

b. Servizzi favur l-impjiegi u l-impriżi: din il-miżura se tipprovdi gwida vokazzjonali u ta' tfittxija ta' impjieg, konsulenza, evalwazzjonijiet tal-kapaċità tax-xogħol u provi. Se jiġu organizzati wkoll avvenimenti ta' reklutaġġ u ta' informazzjoni.

c. Taħriġ: dan se jipprovdi programm imfassal apposta "Further Educated with Companies (F.E.C.)" żviluppat mill-awtoritajiet Finlandiżi li għandu l-għan li jlaqqa' flimkien kandidati għal impjieg u kumpaniji li jkunu qed ifittxu li jirreklutaw.  Il-parteċipanti se jirċievu wkoll taħriġ dwar il-kwalifiki vokazzjonali, inklużi korsijiet bħall-iżvilupp tan-negozju, it-taħriġ eżekuttiv, ir-riżorsi umani, il-bejgħ u l-kummerċjalizzazzjoni, l-intelliġenza artifiċjali (IA), is-sigurtà diġitali, ir-robotika, il-ġestjoni finanzjarja, il-ġestjoni tal-proġetti, eċċ.

d. Sussidju għall-pagi: din il-miżura se tappoġġja x-xogħol f'impjieg ġdid billi jitnaqqsu l-ispejjeż tal-pagi. Is-sussidju għall-pagi se jkun 30-50 % tal-ispejjeż tal-pagi u se jitħallas lill-impjegatur. L-ammont u kemm idum is-sussidju jiddependu minn kemm idum il-perjodu tal-qgħad.

e. Għotjiet biex jinbeda negozju: l-għan tal-għotjiet huwa li jippromwovu l-ħolqien ta' attivitajiet tan-negozju u l-impjieg ta' persuni individwali. L-għotja biex jinbeda negozju tiżgura introjtu għal imprenditur aspiranti matul iż-żmien stmat li huwa meħtieġ biex jiġi varat u mwaqqaf negozju full-time, sa massimu ta' 12-il xahar.

f. Jistgħu jingħataw allowances għall-ivvjaġġar, l-akkomodazzjoni u t-tneħħija biex ikopru n-nefqa relatata mġarrba waqt it-tfittxija ta' impjieg jew waqt it-taħriġ.

 

Minħabba li r-reġjun ikkonċernat mis-sensji (Helsinki-Uusimaa) ra żieda fil-qgħad ta' 22,5 % bejn Frar u April 2020, minn 6,4 % fl-2019 għal 7,2 % fl-2020[28], l-impjieg mill-ġdid ta' eks ħaddiema ta' Finnair se jkun diffiċli. Gwida u appoġġ personalizzati għat-tfittxija ta' impjieg, flimkien ma' titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid imfassla apposta, se jżidu l-possibbiltajiet tagħhom li jiġu impjegati mill-ġdid.

Skont il-Kummissjoni, il-miżuri deskritti jikkostitwixxu miżuri attivi fis-suq tax-xogħol fl-azzjonijiet eleġibbli stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG u ma jissostitwixxux miżuri passivi ta' protezzjoni soċjali.

Il-Finlandja pprovdiet l-informazzjoni meħtieġa dwar azzjonijiet li huma obbligatorji għall-intrapriżi kkonċernati bis-saħħa tal-liġi nazzjonali jew skont ftehimiet kollettivi. Huma kkonfermaw li kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mhijiex se tissostitwixxi tali azzjonijiet.

Proċedura

Sabiex timmobilizza l-Fond, il-Kummissjoni ressqet talba quddiem l-Awtorità Baġitarja għal trasferiment tal-ammont globali ta' EUR 1 752 360 mir-riżerva tal-FEG (30 04 02) għal-linja baġitarja (16 02 99 01) tal-FEG (qabel l-2021). F'każ ta' nuqqas ta' qbil għandha tinbeda l-proċedura ta' trilogu, kif previst fl-Artikolu 15(4) tar-Regolament tal-FEG.

Skont ftehim intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali għandu jiġi assoċjat fil-proċess sabiex joffri appoġġ kostruttiv u jagħti kontribut għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond.


 

 

ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI

Is-Sur Johan Van Overtveldt

President

Kumitat għall-Baġits

BRUSSELL

Suġġett: Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni – EGF/2020/007 FI/Finnair - Finlandja (2021/0116(BUD))

Sur President,

Skont il-proċedura inkwistjoni, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali ngħata l-istruzzjoni li jippreżenta opinjoni lill-Kumitat tiegħek. Fil-laqgħa tiegħu tat-18 ta' Mejju 2021, iddeċieda li jibgħat din l-opinjoni fil-forma ta' ittra.

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali eżamina l-kwistjoni matul il-laqgħa tiegħu tas-27 ta' Mejju 2021. Matul din il-laqgħa, iddeċieda li jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu ta' hawn taħt.

Dejjem tiegħek,

Lucia Ďuriš Nicholsonová


SUĠĠERIMENTI

Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma msejsa fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

A.  billi fit-30 ta' Diċembru 2020, il-Finlandja ressqet l-applikazzjoni FEG/2020/007 FI/Finnair għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara 508 sensji mill-kumpanija Finnair Oyj u sottokuntrattur wieħed, fir-reġjun ta' livell NUTS 2 ta' Helsinki-Uusimaa (FI1B);

B. billi l-Kummissjoni qieset l-applikazzjoni ammissibbli skont il-kriterji ta' intervent tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament tal-FEG, li jirrikjedi li tingħata s-sensja lil tal-anqas 500 ħaddiem matul perjodu ta' referenza ta' erba' xhur f'intrapriża fi Stat Membru, inklużi ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja minn fornituri u produtturi downstream u/jew persuni li jaħdmu għal rashom u li l-attività tagħhom tkun intemmet;

C. billi fis-6 ta' Mejju 2021, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG favur il-Finlandja bħala appoġġ għar-riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' 500 benefiċjarju fil-mira, jiġifieri ħaddiema li ngħataw is-sensja fis-settur ekonomiku kklassifikat fl-ambitu ta' NACE Reviżjoni 2, jiġifieri d-Diviżjoni 51 (Trasport bl-ajru);

D. billi l-pandemija tal-COVID-19 tat xokk enormi lill-industrija tal-avjazzjoni minħabba restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, hekk kif id-domanda internazzjonali tal-passiġġieri naqset b'75,6 % fl-2020 meta mqabbla mal-livelli tal-2019; billi skont il-previżjonijiet globali tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bl-Ajru dwar il-volum ta' passiġġieri, l-industrija tal-avjazzjoni se tieħu bejn 3 u 4 snin biex tirkupra għal-livell li kienet fih qabel il-kriżi;

E. billi l-Kummissjoni ddikjarat li l-kriżi sanitarja rriżultat fi kriżi ekonomika, iddefiniet pjan ta' rkupru għall-ekonomija u ssottolinjat ir-rwol tal-FEG bħala għodda ta' emerġenza;

F. billi fl-2020, l-għadd ta' passiġġieri ta' Finnair naqas b'76,2 % (minn 14,7 miljun għal 3,5 miljuni) u l-kumpanija akkumulat telf operatorju ta' EUR 464,5 miljun;  billi Finnair kellha tnaqqas l-ispejjeż tagħha sabiex tindirizza din il-kriżi u sar iffrankar fil-proprjetà immobbli, fil-kiri tal-inġenji tal-ajru, fl-IT (diġitalizzazzjoni u awtomatizzazzjoni tal-proċessi relatati mal-klijenti), fl-ispejjeż tal-bejgħ u d-distribuzzjoni, kif ukoll fl-ispejjeż amministrattivi u l-istrutturi kumpensatorji, li wassal biex jitnaqqsu 1 000 impjieg;

G. billi l-kontribut tas-settur tal-avjazzjoni għall-ekonomija Finlandiża huwa sinifikanti – fl-2020 kien iħaddem 42 000 persuna (23 000 impjieg dirett u 19 000 impjieg indirett) u jikkontribwixxi bi 3,2 % għall-PDG totali – u dawn is-sensji se jkollhom impatt serju fuq l-ekonomija nazzjonali; billi l-għadd ta' persuni qiegħda u li qed ifittxu impjieg f'Helsinki-Uusimaa, ir-reġjun fejn saru s-sensji, żdied b'0,8 punti perċentwali, minn 6,4 % fl-2019 għal 7,2 % fl-2020;

Għalhekk, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament tal-FEG huma ssodisfati, u li l-Finlandja hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 1 752 360 skont dan ir-Regolament, somma li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 2 920 600, li jinkludu n-nefqa għal servizzi personalizzati ta' EUR 2 730 600 u n-nefqa għal attivitajiet ta' tħejjija, ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rapportar ta' EUR 190 000;

2.  Jinnota li r-rekwiżiti proċedurali kollha ġew issodisfati;

3.  Jenfasizza li l-awtoritajiet Finlandiżi kkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jibbenefikawx minn għajnuna minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni;

4.  Jilqa' s-sitt tipi ta' azzjonijiet previsti taħt il-pakkett ta' servizzi personalizzati offruti lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja (coaching u miżuri preparatorji oħra; servizzi favur l-impjiegi u l-impriżi; taħriġ; sussidju għall-pagi; għotjiet biex jinbeda negozju; allowances għall-ivvjaġġar, l-akkomodazzjoni u l-ġarr biex tiġi koperta n-nefqa relatata mġarrba waqt it-tfittxija ta' impjieg jew waqt it-taħriġ), li għalihom qed jintalab kofinanzjament mill-FEG;

5.  Ifakkar li l-għajnuna mill-FEG u minn fondi oħra tal-Unjoni m'għandhiex tissostitwixxi azzjonijiet li huma responsabbiltà tal-kumpaniji skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew bis-saħħa ta' ftehimiet kollettivi;

6.  Jappoġġja bil-qawwa l-fatt li fl-2021-2027 il-FEG se jkompli juri solidarjetà filwaqt li jċaqlaq l-attenzjoni mill-kawża tar-ristrutturar għall-impatt tiegħu; jilqa' l-fatt li skont ir-regoli l-ġodda, id-dekarbonizzazzjoni se tkun ukoll raġuni biex l-applikanti jkunu eliġibbli għall-appoġġ.


 


 

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

31.5.2021

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

39

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Rasmus Andresen, Robert Biedroń, Anna Bonfrisco, Olivier Chastel, Lefteris Christoforou, David Cormand, Paolo De Castro, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Vlad Gheorghe, Valentino Grant, Elisabetta Gualmini, Francisco Guerreiro, Valérie Hayer, Eero Heinäluoma, Niclas Herbst, Monika Hohlmeier, Moritz Körner, Joachim Kuhs, Zbigniew Kuźmiuk, Ioannis Lagos, Hélène Laporte, Pierre Larrouturou, Janusz Lewandowski, Silvia Modig, Siegfried Mureşan, Victor Negrescu, Andrey Novakov, Jan Olbrycht, Dimitrios Papadimoulis, Karlo Ressler, Bogdan Rzońca, Nicolae Ştefănuță, Nils Torvalds, Nils Ušakovs, Johan Van Overtveldt, Rainer Wieland, Angelika Winzig

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Mario Furore, Jens Geier, Henrike Hahn

 


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

39

+

ECR

Zbigniew Kuźmiuk, Bogdan Rzońca, Johan Van Overtveldt

ID

Anna Bonfrisco, Valentino Grant, Hélène Laporte

NI

Mario Furore

PPE

Lefteris Christoforou, José Manuel Fernandes, Niclas Herbst, Monika Hohlmeier, Janusz Lewandowski, Siegfried Mureşan, Andrey Novakov, Jan Olbrycht, Karlo Ressler, Rainer Wieland, Angelika Winzig

Renew

Olivier Chastel, Vlad Gheorghe, Valérie Hayer, Moritz Körner, Nicolae Ştefănuță, Nils Torvalds

S&D

Robert Biedroń, Paolo De Castro, Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Elisabetta Gualmini, Eero Heinäluoma, Pierre Larrouturou, Victor Negrescu, Nils Ušakovs

The Left

Silvia Modig, Dimitrios Papadimoulis

Verts/ALE

Rasmus Andresen, David Cormand, Francisco Guerreiro, Henrike Hahn

 

2

-

ID

Joachim Kuhs

NI

Ioannis Lagos

 

0

0

 

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Ġunju 2021
Avviż legali - Politika tal-privatezza