RAPPORT dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni mill-Ġermanja – EGF/2020/003 DE/GMH Guss
2.6.2021 - (COM(2021)0207 – C9-0156/2021 – 2021/0107(BUD))
Kumitat għall-Baġits
Rapporteur: Jens Geier
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni mill-Ġermanja – EGF/2020/003 DE/GMH Guss
(COM(2021)0207 – C9-0156/2021 – 2021/0107(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2021)0207 – C9-0156/2021),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006[1] ("ir-Regolament tal-FEG"),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 2020/2093 tas-17 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021-2027[2], u b'mod partikolari l-Artikolu 8 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda[3], ("FII tas-16 ta' Diċembru 2020"), u b'mod partikolari l-punt 9 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0189/2021),
A. billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qegħdin ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tgħin ir-reintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol; billi din l-għajnuna ssir permezz ta' appoġġ finanzjarju mogħti lill-ħaddiema u lill-kumpaniji li ħadmu għalihom;
B. billi l-Ġermanja ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2020/003 DE/GMH Guss għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG), wara 585 sensja[4] f'erba' sussidjarji tal-kumpanija Guss GmbH, ikklassifikata taħt id-Diviżjoni 24 tan-NACE Reviżjoni 2 (Manifattura ta' metalli bażiċi) fil-livell NUTS 2 ta' Düsseldorf (DEA1)[5] u Arnsberg (DEA5)[6], f'perjodu ta' referenza għall-applikazzjoni mill-31 ta' Lulju 2020 sat-30 ta' Novembru 2020;
C. billi l-applikazzjoni tikkonċerna 585 ħaddiem li ngħataw is-sensja minn erba' sussidjarji ta' GMH Guss GmbH fil-Ġermanja;
D. billi l-applikazzjoni hija bbażata fuq il-kriterji ta' intervent tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament tal-FEG, li jirrikjedi li jrid ikun hemm mill-inqas 500 ħaddiem li jkun ingħata s-sensja matul perjodu ta' referenza ta' erba' xhur f'intrapriża fi Stat Membru;
E. billi l-industrija tal-fonderiji fil-Ġermanja qed tħabbat wiċċha ma' sfidi kbar bħal bidliet fil-kummerċ internazzjonali ta' oġġetti u servizzi u produzzjoni eċċessiva fiċ-Ċina, b'mod partikolari fl-industrija awtomobilistika u tal-magni, kif ukoll ir-rilokazzjoni ta' attivitajiet lejn pajjiżi terzi, inkluż lejn pajjiżi kandidati għall-adeżjoni mal-UE, fejn japplikaw[7] standards ambjentali aktar baxxi u fejn l-industriji huma ssussidjati ħafna;
F. billi l-problemi ta' GMH Guss bdew meta l-klijent prinċipali tal-kumpanija sussidjarja Walter Hundhausen GmbH, li jirrappreżenta 60 % tal-produzzjoni tal-kumpanija sussidjarja, ħa d-deċiżjoni li jiddelokalizza parti mill-katina tal-provvista fit-Turkija;
G. billi l-kompetitur Tajwaniż MEITA fetaħ żewġ fonderiji f'Obrenovac, is-Serbja, li prinċipalment jipproduċu għall-industrija awtomobilistika Ewropea, u li, minħabba sussidji u spejjeż tax-xogħol aktar baxxi, MEITA setgħet toffri prezzijiet ħafna aktar baxxi mill-kompetitur Ġermaniż tagħha GMH Guss;
H. billi, bejn l-2018 u l-2019, il-produzzjoni globali tal-ikkastjar tal-metall fil-Ġermanja naqset bi 8,9 %[8] minħabba dawn l-isfidi relatati mal-globalizzazzjoni, u affettwat b'mod partikolari lin-Nordrhein-Westfalen fejn jinħadmu 25 % tal-metalli kkastjati fil-Ġermanja;
1. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1), punt (a), tar-Regolament tal-FEG huma sodisfatti, u li l-Ġermanja għandha d-dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 1 081 706 fl-ambitu ta' dan ir-Regolament, somma li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 1 802 845, liema spiża tinkludi n-nefqa għal servizzi personalizzati ta' EUR 1 730 731 u n-nefqa għal attivitajiet ta' tħejjija, ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rapportar ta' EUR 72 114;
2. Jinnota li l-awtoritajiet Ġermaniżi ppreżentaw l-applikazzjoni fil-15 ta' Diċembru 2020, u li, wara l-għoti ta' informazzjoni addizzjonali mill-Ġermanja, il-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha fis-27 ta' April 2021 u l-Parlament ġie nnotifikat fl-istess ġurnata;
3. Jinnota li r-rekwiżiti proċedurali kollha ġew sodisfatti;
4. Jinnota li l-applikazzjoni b'kollox hija relatata ma' 585 ħaddiem li ngħataw is-sensja fis-settur industrijali Ġermaniż; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-Ġermanja tistenna li 476 biss mill-benefiċjarji eliġibbli kollha, li minnhom 455 huma rġiel u 21 huma nisa, il-biċċa l-kbira minnhom f'età bejn 30 u 54 sena, se jipparteċipaw fil-miżuri (benefiċjarji fil-mira);
5. Jissottolinja li dawk is-sensji huma mistennija jkollhom impatt konsiderevoli fuq l-ekonomija lokali, peress li seħħew f'kuntest ta' livell għoli ta' qgħad (10,7 % f'Settembru 2020) fiż-żona tar-Ruhr minħabba sfidi strutturali sa mis-snin 60 u l-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19;
6. Jirrimarka li l-biċċa l-kbira tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja qegħdin fit-tieni nofs tal-karriera professjonali tagħhom, għandhom livell baxx ta' kwalifiki formali, u f'ħafna każijiet għandhom għarfien dgħajjef tal-lingwa Ġermaniża; jissottolinja wkoll li, kif spjegat fl-applikazzjoni, għadd kbir ta' benefiċjarji huma rġiel li ġejjin minn kuntest ta' migrazzjoni u li s-suċċess fir-reintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol jista' jkun aġevolat minn membri oħra tal-familji tagħhom, li spiss ikollhom għarfien ħafna aħjar tal-Ġermaniż mill-ex impjegati;
7. Jissottolinja u jilqa' pożittivament l-organizzazzjoni ta' gruppi ta' pari li jqisu s-sitwazzjonijiet personali tal-ex ħaddiema affettwati; jenfasizza l-ħtieġa li l-ex impjegati, mingħajr diskriminazzjoni u indipendentement min-nazzjonalità tagħhom, jiġu integrati u appoġġati mill-miżuri inklużi f'dan il-proġett tal-FEG;
8. Iqis li hija responsabbiltà soċjali tal-Unjoni li tipprovdi lil dawn il-ħaddiema li ngħataw is-sensja, il-kwalifiki meħtieġa għat-trasformazzjoni ekoloġika u ġusta tal-industrija tal-Unjoni f'konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew, peress li dawn kienu jaħdmu f'settur b'intensità għolja ta' karbonju; jilqa' pożittivament, għalhekk, is-servizzi personalizzati fornuti minn dan il-FEG lill-ħaddiema, li jinkludu miżuri ta' titjib tal-ħiliet u korsijiet tal-Ġermaniż, workshops, orjentazzjoni vokazzjonali, konsulenza dwar l-impjiegi, kif ukoll allowances tat-taħriġ u servizz ta' pariri dwar il-bidu ta' negozju, biex iż-żona, u s-suq tax-xogħol ġenerali, isiru aktar sostenibbli u reżiljenti fil-futur;
9. Jinnota li l-Ġermanja bdiet tipprovdi servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira fl-1 ta' Awwissu 2020 u li għaldaqstant, il-perjodu ta' eliġibbiltà għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se jkun mill-1 ta' Awwissu 2020 sal-15 ta' Diċembru 2022;
10. Jinnota li l-Ġermanja bdiet iġġarrab in-nefqa amministrattiva sabiex timplimenta l-FEG fl-1 ta' Novembru 2020 u li għaldaqstant, in-nefqa fuq attivitajiet ta' tħejjija, ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rapportar se tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mill-1 ta' Novembru 2020 sal-15 ta' Ġunju 2023;
11. Jilqa' favorevolment il-fatt li l-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati tfassal mill-Ġermanja f'konsultazzjoni mas-sħab soċjali, u li twaqqaf kumitat ta' monitoraġġ li jinkludi rappreżentanti tal-Ministeru tax-Xogħol u l-Affarijiet Soċjali, is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi, il-kumpanija ta' trasferiment, rappreżentanti tas-sħab soċjali, rappreżentanti tat-trade union IG Metall, il-likwidaturi tal-intrapriża li tat is-sensji u s-sussidjarji tagħha, kif ukoll rappreżentanti tal-kunsilli tax-xogħlijiet, biex imexxi l-intervent kofinanzjat mill-FEG; jissottolinja li s-sħab soċjali tal-intrapriżi kkonċernati diġà kkooperaw fix-xhur u s-snin qabel il-mobilizzazzjoni tal-FEG biex itejbu l-kundizzjonijiet u s-sitwazzjoni diffiċli mill-aspett ekonomiku, li kienu jinkludu wkoll konċessjonijiet salarjali sinifikanti min-naħa tal-ħaddiema;
12. Jinnota li l-awtoritajiet Ġermaniżi kkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli qed jikkomplementaw mingħajr ma jissostitwixxu l-miżuri offruti mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE) permezz tal-Programm Operattiv tal-FSE għan-Nordrhein-Westfalen;
13. Itenni li l-għajnuna mill-FEG m'għandhiex tissostitwixxi azzjonijiet li huma responsabbiltà tal-kumpaniji skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew bis-saħħa ta' ftehimiet kollettivi;
14. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni mill-Ġermanja – EGF/2020/003 DE/Germany GMH Guss
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006[9], u b'mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda[10], u b'mod partikolari l-punt 9 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għandu l-iskop li jagħti appoġġ lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u lill-persuni li kienu jaħdmu għal rashom u kellhom iwaqqfu l-attività tagħhom minħabba bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji bħala riżultat tal-globalizzazzjoni, bħala riżultat tal-kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, jew bħala riżultat ta' kriżi finanzjarja u ekonomika globali ġdida, u li jassistihom fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol.
(2) Il-FEG ma għandux jaqbeż l-ammont massimu annwali ta' EUR 186 miljun (il-prezzijiet tal-2018), kif stabbilit fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093[11].
(3) Fil-15 ta' Diċembru 2020, il-Ġermanja ppreżentat applikazzjoni biex timmobilizza l-FEG, fir-rigward tas-sensji minn GMH Guss GmbH fil-Ġermanja. Din l-applikazzjoni ġiet issupplimentata b'informazzjoni addizzjonali mogħtija f'konformità mal-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013. Dik l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.
(4) Għalhekk, jenħtieġ li l-FEG jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 1 081 706 fir-rigward tal-applikazzjoni ppreżentata mill-Ġermanja.
(5) Biex jittieħed l-inqas żmien possibbli għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, din id-deċiżjoni jenħtieġ li tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha,
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2021, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi l-ammont ta' EUR f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għandha tapplika mill-[data tal-adozzjoni tagħha].
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew F'isem il-Kunsill
Il-President Il-President
NOTA SPJEGATTIVA
I. Kuntest
Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex tingħata assistenza addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji.
Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu (8)(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 2020/2093 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021-2027[12] u tal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013[13], il-Fond ma jistax jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 186 miljun (prezzijiet tal-2018).
Fir-rigward tal-proċedura, skont il-punt 9 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda[14], sabiex jiġi attivat il-Fond, il-Kummissjoni, f'każ ta' valutazzjoni pożittiva ta' applikazzjoni, tippreżenta lill-awtorità baġitarja proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess waqt, talba korrispondenti għat-trasferiment.
II. L-applikazzjoni tal-Ġermanja u l-proposta tal-Kummissjoni
Fil-15 ta' Diċembru 2020, il-Ġermanja ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2020/003 DE/GMH Guss għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara 585 sensja[15] f'erba' sussidjarji tal-kumpanija GMH Guss GmbH, li jinsabu fir-reġjuni ta' livell NUTS 2 ta' Düsseldorf (DEA1)[16] u Arnsberg (DEA5)[17].
Wara li vvalutat din l-applikazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li, f'konformità mad-dispożizzjonijiet kollha applikabbli tar-Regolament tal-FEG, il-kundizzjonijiet għall-għoti ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG ġew sodisfatti.
Fis-27 ta' April 2021, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG favur il-Ġermanja bħala appoġġ għar-reintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' 476 benefiċjarju fil-mira, jiġifieri ħaddiema li ngħataw is-sensja fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt NACE Reviżjoni 2, jiġifieri d-Diviżjoni 24 (Manifattura ta' metalliċi bażiċi).
Il-Kummissjoni qieset l-applikazzjoni ammissibbli skont il-kriterji ta' intervent tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament tal-FEG, li jirrikjedi li tkun ingħatat is-sensja lil tal-inqas 500 ħaddiem matul perjodu ta' referenza ta' erba' xhur f'intrapriża fi Stat Membru, inklużi ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja minn fornituri u produtturi downstream u/jew persuni li jaħdmu għal rashom u li l-attività tagħhom intemmet.
Din hija r-raba' applikazzjoni tal-2020 u t-tielet waħda li għandha tiġi eżaminata fl-ambitu tal-baġit tal-2021, inkluż il-QFP il-ġdid (għar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 2020/2093 tas-17 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021 sa 2027[18] u l-FII tas-16 ta' Diċembru 2020. Il-Baġit tal-2021 għandu linji baġitarji ta' riżerva għall-pagamenti tal-FEG (qabel l-2021) li se jintużaw għall-pagamenti mobilizzati fl-ambitu tar-regolament tal-FEG tal-2014-2020. Ir-regolament suċċessur tal-FEG għall-2021-2027 (2018/0202(COD)) ġie adottat mill-plenarja tal-Parlament Ewropew fit-28 ta' April 2021, iżda la se jkollu impatt fuq din il-proċedura u lanqas fuq kwalunkwe proċedura li ġejja għall-mobilizzazzjoni fl-ambitu tal-programm l-antik tal-2014-2020.
In-numru ta' 585 ħaddiem li ngħataw is-sensja ġie kkalkulat mid-data li fiha l-impjegatur, f'konformità mal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE[19], innotifika bil-miktub lill-awtorità pubblika kompetenti bis-sensji kollettivi ppjanati. Il-Ġermanja kkonfermat li dawn il-585 sensja realment saru.
L-applikazzjoni tikkonċerna 476 ħaddiem fil-mira li ngħataw is-sensja u tirreferi għall-mobilizzazzjoni ta' ammont totali ta' EUR mill-FEG għall-Ġermanja, li jirrappreżenta 60 % tal-ispejjeż totali tal-azzjonijiet proposti.
Sabiex tiġi stabbilita r-rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali ewlenin fl-andament tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni, il-Ġermanja bbażat l-applikazzjoni fuq l-argument li l-industrija tal-fonderiji fil-Ġermanja qed tħabbat wiċċha ma' sfidi kbar bħal bidliet fil-kummerċ internazzjonali ta' oġġetti u servizzi, kif ukoll ir-rilokalizzazzjoni ta' attivitajiet lejn pajjiżi terzi.
Fil-Ġermanja, il-klijenti ewlenin tal-fonderiji għall-ikkastjar tal-metall huma l-industrija awtomobilistika (60 %) u l-industrija tal-magni (26 %)[20]. Peress li l-fonderiji huma speċjalizzati ħafna u jipprovdu prodotti magħmulin apposta għall-klijenti tagħhom, l-attivitajiet tal-fonderiji jiddependu ħafna mid-domanda ta' klijenti ewlenin speċifiċi. Fir-rigward tal-industrija awtomobilistika, minħabba ż-żieda fid-domanda fir-reġjun, l-Asja issa tiddomina sew fil-produzzjoni globali tal-karozzi, b'sehem mis-suq dinji ta' 54 % tal-produzzjoni globali tal-karozzi fl-2019. F'numri totali, fl-2019, il-produzzjoni tal-karozzi fil-Ġermanja naqset għall-aktar livell baxx mill-1996[21]. Fir-rigward tal-produtturi ta' trakkijiet tqal, il-produzzjoni ta' trakkijiet tqal li jiżnu aktar minn 3,5 tunnellata naqset kważi bin-nofs fil-Ġermanja, minn 256 131 vettura fl-2008 għal 133 997 fl-2019. Barra minn hekk, fis-suq Ewropew żviluppat xejra fl-industrija awtomobilistika kollha lejn id-delokalizzazzjoni tal-produzzjoni jew ta' partijiet mill-katina tal-provvista għall-Ewropa tal-Lvant, inklużi pajjiżi terzi. L-istandards ambjentali aktar baxxi, b'mod partikolari f'pajjiżi terzi, huma raġuni oħra biex il-prodotti tal-ikkastjar tal-metall jiġu delokalizzati[22]. Fir-rigward tal-industrija tal-bini tal-bastimenti, il-bini tal-bastimenti annwali medju fl-Ewropa naqas bin-nofs bejn l-2011-2019 meta mqabbel mal-2002-2010[23]. Dawn l-isfidi relatati mal-globalizzazzjoni poġġew pressjoni qawwija fuq l-industrija tal-ikkastjar tal-metall, li wasslet għal tnaqqis ta' 8,9 % fil-produzzjoni ġenerali tal-ikkastjar tal-metall fil-Ġermanja bejn l-2018 u l-2019[24].
It-tmien tipi ta' azzjonijiet li għandhom jiġu pprovduti lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja u li għalihom qed jintalab kofinanzjament mill-FEG jikkonsistu fi:
a. Miżuri għat-titjib tal-ħiliet: Dawn huma offruti wara intervisti ta' tfassil ta' profili u ta' gwida għall-karriera. Il-korsijiet jistgħu jiġu pprovduti individwalment jew fi gruppi. Meta wieħed iqis l-għadd kbir ta' parteċipanti bi sfond migratorju, se jiġu offruti korsijiet tal-Ġermaniż lill-parteċipanti b'għarfien dgħajjef tal-Ġermaniż.
b. Gruppi ta' pari / gruppi ta' ħidma: Dawn se jkunu fora ta' gruppi assistiti minn faċilitatur, li se jgħin lill-parteċipanti jaqsmu ideat u jirriflettu dwar l-esperjenzi tagħhom. Xi gruppi ta' pari jiffukaw fuq sfond komuni tal-parteċipanti – bħal parteċipanti bi sfond migratorju, jew parteċipanti akbar fl-età.
c. Servizz ta' pariri dwar il-bidu ta' negozju: Dan se jinkludi pakkett ta' servizzi ta' konsulenza għal dawk interessati li jibdew in-negozji tagħhom stess. Dawn is-servizzi se jinkludu miżuri ta' kkowċjar individwalizzati mfassla apposta, kif ukoll il-parteċipazzjoni f'sessjonijiet ta' kkowċjar fi gruppi.
d. Għajnuna għat-tfittix ta' impjieg: Job scouts professjonali se jgħinu biex jidentifikaw postijiet tax-xogħol vakanti potenzjali li għadhom ma ġewx ippubblikati, u li jistgħu jissodisfaw xi ħaddiema eliġibbli.
e. Konsulenza ta' gwida u orjentazzjoni vokazzjonali: Abbażi tal-intervisti ta' tfassil ta' profili inizjali, il-konsulenti ta' gwida mhux biss se jagħtu informazzjoni dwar l-iżviluppi fis-suq tax-xogħol u l-perkorsi tal-karrieri possibbli, iżda jipprovdu wkoll lill-applikanti b'għajnuna u appoġġ motivazzjonali u ta' ispirazzjoni. Il-ħaddiema għandhom jiġu mħeġġa jtejbu l-ħiliet tagħhom jew jitgħallmu ħiliet ġodda, u jipparteċipaw f'miżuri ta' edukazzjoni u taħriġ immirati biex isibu impjieg ġdid, possibbilment f'settur differenti.
f. Konsulenza dwar l-impjiegi internazzjonali: Għal dawk li qed ifittxu impjieg li jixtiequ jaċċettaw pożizzjoni fi Stat Membru ieħor tal-UE, konsulenti speċjali se jassistu fit-tfittxija għal impjieg, jinformaw dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-Istat Membru rispettiv, u jgħinu biex il-kwalifiki jiġu tradotti u rikonoxxuti.
g. Mentoring ta' segwitu: Il-ħaddiema jistgħu jibbenefikaw minn servizzi oħrajn ta' konsulenza wara li jibdew jaħdmu fl-impjieg il-ġdid biex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni fl-impjieg il-ġdid u biex jitnaqqas ir-riskju ta' telf ta' impjiegi.
h. Allowance tat-taħriġ: Il-ħlas jibda mid-data li fiha l-ħaddiem jidħol fil-kumpanija ta' trasferiment, u jintemm hekk kif il-persuna titlaq minn mal-kumpanija ta' trasferiment. Il-parteċipazzjoni f'miżuri attivi tas-suq tax-xogħol hija prerekwiżit biex wieħed jirċievi allowance.
Minħabba li sehem kbir mill-benefiċjarji għandhom livell baxx ta' kwalifiki, u f'ħafna każijiet għandhom għarfien dgħajjef tal-lingwa Ġermaniża, l-iffinanzjar tal-klassijiet tal-Ġermaniż huwa meqjus importanti għall-impjieg futur tagħhom.
Skont il-Kummissjoni, il-miżuri deskritti jikkostitwixxu miżuri attivi fis-suq tax-xogħol fl-azzjonijiet eliġibbli stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG u ma jissostitwux miżuri passivi ta' protezzjoni soċjali.
Il-Ġermanja pprovdiet l-informazzjoni meħtieġa dwar azzjonijiet li huma obbligatorji għall-intrapriżi kkonċernati permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali jew skont ftehimiet kollettivi. L-awtoritajiet Ġermaniżi kkonfermaw li kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mhijiex se tissostitwixxi tali azzjonijiet.
Proċedura
Sabiex timmobilizza l-Fond, il-Kummissjoni ressqet talba quddiem l-Awtorità Baġitarja għal trasferiment ta' ammont globali ta' EUR 1 081 706 mir-riżerva tal-FEG (30 04 02) għal-linja baġitarja (16 02 99 01) tal-FEG (qabel l-2021). F'każ ta' nuqqas ta' qbil għandha tinbeda l-proċedura ta' trilogu, kif previst fl-Artikolu 15(4) tar-Regolament dwar il-FEG.
Skont ftehim intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali għandu jiġi assoċjat fil-proċess sabiex jagħti appoġġ kostruttiv u jikkontribwixxi għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond.
ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI
Is-Sur Johan Van Overtveldt
President
Kumitat għall-Baġits
BRUSSELL
Suġġett: Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni – EGF/2020/003 DE/GMH Guss - Ġermanja (2021/0107(BUD))
Sur President,
Skont il-proċedura inkwistjoni, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali ngħata l-istruzzjoni li jippreżenta opinjoni lill-Kumitat tiegħek. Fil-laqgħa tiegħu tat-18 ta' Mejju 2021, iddeċieda li jibgħat din l-opinjoni fil-forma ta' ittra.
Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali eżamina l-kwistjoni matul il-laqgħa tiegħu tas-27 ta' Mejju 2021. Matul din il-laqgħa, iddeċieda li jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu ta' hawn taħt.
Dejjem tiegħek,
Lucia Ďuriš Nicholsonová
SUĠĠERIMENTI
Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma msejsa fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:
A. billi fil-15 ta' Diċembru 2020, il-Ġermanja ressqet l-applikazzjoni EGF/2020/003 DE/GMH Guss għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara s-sensji li ngħataw minn GMH Guss GmbH fil-Ġermanja; billi l-applikazzjoni tressqet fi żmien 12-il ġimgħa mid-data li fiha ġew issodisfati l-kriterji ta' intervent stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament tal-FEG;
B. billi l-Ġermanja ressqet l-applikazzjoni skont il-kriterji ta' intervent tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament tal-FEG, li jitlob li tal-anqas 500 ħaddiem ikunu ngħataw is-sensja matul perjodu ta' referenza ta' erba' xhur f'intrapriża ta' Stat Membru;
C. billi l-applikazzjoni tikkonċerna 585 ħaddiem li ngħataw is-sensja minn erba' sussidjarji ta' GMH Guss GmbH wara proċeduri ta' insolvenza; billi din l-intrapriża topera fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 24 tan-NACE Reviżjoni 2 (Manifattura ta' metalliċi bażiċi); billi dawn is-siti jinsabu fiż-żona tar-Ruhr, ir-reġjun tradizzjonalment industrijali tan-Nordrhein-Westfalen;
D. billi l-applikazzjoni tikkonċerna 476 ħaddiem li ngħataw is-sensja u tirreferi għall-mobilizzazzjoni ta' ammont totali ta' EUR 1 081 706 mill-FEG għall-Ġermanja, li jirrappreżenta 60 % tal-ispejjeż totali tal-azzjonijiet proposti;
E. billi l-industrija tal-fonderiji fil-Ġermanja qed tħabbat wiċċha ma' sfidi kbar bħal bidliet fil-kummerċ internazzjonali ta' prodotti u servizzi, pereżempju fl-industrija awtomobilistika, li s-settur jiddependi partikolarment fuqha, kif ukoll ir-rilokazzjoni ta' attivitajiet lejn pajjiżi terzi – inklużi pajjiżi kandidati għas-sħubija fl-UE – xi drabi kkaratterizzati minn standards ambjentali aktar baxxi u industriji ssussidjati ħafna; billi, għall-ewwel darba fl-istorja, il-manifatturi tal-karozzi Ġermaniżi kienu qed jipproduċu aktar karozzi fiċ-Ċina milli fil-Ġermanja;
F. billi, bejn l-2018 u l-2019, il-produzzjoni globali tal-ikkastjar tal-metall fil-Ġermanja naqset bi 8,9 % minħabba dawn l-isfidi relatati mal-globalizzazzjoni, u affettwat b'mod partikolari lin-Nordrhein-Westfalen, fejn jinħadmu 25 % tal-metalli kkastjati fil-Ġermanja;
Għalhekk, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament tal-FEG huma ssodisfati, u li l-Ġermanja hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 1 081 706 skont dan ir-Regolament, ammont li jirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 1 802 845;
2. Jinnota li r-rekwiżiti proċedurali kollha ġew issodisfati;
3. Jinnota li ħafna mill-ħaddiema li ngħataw is-sensja huma rġiel li qegħdin fit-tieni nofs tal-karriera professjonali tagħhom, għandhom livell baxx ta' kwalifiki formali, u f'ħafna każijiet għandhom għarfien dgħajjef tal-lingwa Ġermaniża, billi għadd kbir ta' benefiċjarji ġejjin minn sfond migratorju; jenfasizza li l-profil ta' dawn il-ħaddiema u l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom iridu jiġu indirizzati mill-pakkett personalizzat ta' servizzi pprovduti fl-ambitu tal-FEG u jilqa', f'dan ir-rigward, l-inklużjoni ta' miżuri ta' titjib tal-ħiliet, workshops fi gruppi bejn il-pari u mentoraġġ ta' segwitu;
4. Jissottolinja li dawn is-sensji huma mistennija jkollhom impatt konsiderevoli fuq iż-żona tar-Ruhr, ir-reġjun tradizzjonalment industrijali tan-Nordrhein-Westfalen, minħabba sfidi strutturali li ilhom jeżistu mis-sittinijiet u li ġew aggravati mill-pandemija tal-COVID-19 li għaddejja bħalissa;
5. Ifakkar li l-għajnuna mill-FEG u minn fondi oħra tal-Unjoni m'għandhiex tissostitwixxi azzjonijiet li huma responsabbiltà ta' min iħaddem, sija skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali u sija bis-saħħa ta' ftehimiet kollettivi.
ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI
L-Onor. Johan VAN OVERTVELDT
President tal-Kumitat għall-Baġits
WIE 05U012
Suġġett: Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni mill-Ġermanja – EGF/2020/003 DE/GMBH
Onor. Van Overtveldt,
Il-Kummissjoni Ewropea bagħtet lill-Parlament Ewropew il-proposta tagħha għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni mill-Ġermanja (COM(2021)0207), wara s-sensji li ngħataw minn GMH Guss GmbH fil-Ġermanja.
Nifhem li hemm il-ħsieb li dalwaqt jiġi adottat rapport dwar din il-proposta fil-Kumitat għall-Baġits.
L-applikazzjoni tikkonċerna 585 ħaddiem li ngħataw is-sensja minn erba' sussidjarji ta' GMH Guss GmbH. L-għadd stmat ta' ħaddiema ssensjati li huma mistennija jipparteċipaw fil-miżuri huwa ta' 476. Is-sensji saru fir-reġjuni tal-livell NUTS 2 ta' Düsseldorf (DEA1) u Arnsberg (DEA5).
Is-servizzi personalizzati li għandhom ikunu pprovduti lill-ħaddiema ssensjati jikkonsistu f'dawn l-azzjonijiet li ġejjin, li jikkostitwixxu miżuri attivi fis-suq tax-xogħol fl-azzjonijiet eliġibbli stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG: Miżuri għat-titjib tal-ħiliet, Gruppi ta' pari/Gruppi ta' ħidma, Servizz ta' pariri dwar il-bidu ta' negozju, Għajnuna għat-tfittix ta' impjieg, Konsulenza ta' gwida u orjentazzjoni vokazzjonali, Konsulenza dwar l-impjiegi internazzjonali, Mentoring ta' segwitu u Allowance tat-taħriġ.
L-ispejjeż totali stmati huma ta' EUR 1 802 845, li huma magħmula min-nefqa għal servizzi personalizzati ta' EUR 1 730 731 u n-nefqa għal attivitajiet ta' tħejjija, ta' ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, ta' kontroll u ta' rapportar ta' EUR 72 114. Il-kontribuzzjoni finanzjarja totali mitluba mill-FEG hija ta' EUR 1 081 706 (60 % tal-ispejjeż totali).
Din it-tielet mobilizzazzjoni tar-riżerva tal-FEG tirrappreżenta 2 % tal-approprjazzjonijiet disponibbli għall-2021 (mobilizzazzjonijiet kumulattivi 1-3 = 4,7 %) u tħalli disponibbli EUR 188 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn.
Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (il-FEG) huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/20061 (ir-"Regolament tal-FEG").
Il-koordinaturi tal-kumitat ivvalutaw din il-proposta u talbuni niktiblek biex ninfurmak li l-maġġoranza ta' dan il-kumitat m'għandha l-ebda oġġezzjoni għal din il-mobilizzazzjoni tal-FEG biex jiġi allokat l-ammont imsemmi hawn fuq kif propost mill-Kummissjoni.
Dejjem tiegħek,
Younous OMARJEE
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
31.5.2021 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
40 1 0 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Rasmus Andresen, Robert Biedroń, Anna Bonfrisco, Olivier Chastel, Lefteris Christoforou, David Cormand, Paolo De Castro, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Vlad Gheorghe, Valentino Grant, Elisabetta Gualmini, Francisco Guerreiro, Valérie Hayer, Eero Heinäluoma, Niclas Herbst, Monika Hohlmeier, Moritz Körner, Joachim Kuhs, Zbigniew Kuźmiuk, Ioannis Lagos, Hélène Laporte, Pierre Larrouturou, Janusz Lewandowski, Silvia Modig, Siegfried Mureşan, Victor Negrescu, Andrey Novakov, Jan Olbrycht, Dimitrios Papadimoulis, Karlo Ressler, Bogdan Rzońca, Nicolae Ştefănuță, Nils Torvalds, Nils Ušakovs, Johan Van Overtveldt, Rainer Wieland, Angelika Winzig |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Mario Furore, Jens Geier, Henrike Hahn |
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
40 |
+ |
ECR |
Zbigniew Kuźmiuk, Bogdan Rzońca, Johan Van Overtveldt |
ID |
Anna Bonfrisco, Valentino Grant, Joachim Kuhs, Hélène Laporte |
NI |
Mario Furore |
PPE |
Lefteris Christoforou, José Manuel Fernandes, Niclas Herbst, Monika Hohlmeier, Janusz Lewandowski, Siegfried Mureşan, Andrey Novakov, Jan Olbrycht, Karlo Ressler, Rainer Wieland, Angelika Winzig |
Renew |
Olivier Chastel, Vlad Gheorghe, Valérie Hayer, Moritz Körner, Nicolae Ştefănuță, Nils Torvalds |
S&D |
Robert Biedroń, Paolo De Castro, Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Elisabetta Gualmini, Eero Heinäluoma, Pierre Larrouturou, Victor Negrescu, Nils Ušakovs |
The Left |
Silvia Modig, Dimitrios Papadimoulis |
Verts/ALE |
Rasmus Andresen, David Cormand, Francisco Guerreiro, Henrike Hahn |
1 |
- |
NI |
Ioannis Lagos |
0 |
0 |
|
|
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni
- [1] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
- [2] ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 11.
- [3] ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 28.
- [4] Skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-FEG.
- [5] Is-sussidjarji Friedrich Wilhelms-Hütte Eisenguss GmbH u Friedrich Wilhems-Hütte GmbH, li t-tnejn jinsabu f'Mülheim an der Ruhr.
- [6] Is-sussidjarja Dieckerhoff Guss GmbH f'Gevelsberg, u s-sussidjarja Walter Hundhausen GmbH (kif ukoll is-sede prinċipali ta' GMH Guss GmbH) fi Schwerte.
- [7] Riċerka ta' Deutsche Bank (2020): Automobilindustrie – Produktion in China überflügelt heimische Fertigung; Eurofound (2016): ERM report 2016: Globalisation slowdown? Recent evidence of offshoring and reshoring in Europe; Eurofound (2020): ERM report 2020: Restructuring across borders. Imkejjel f'tunnellaġġ gross ikkumpensat (cgt – compensated gross tonnage).
- [8] Stephen, Sophie (2020): Deutsche Gussproduktion 2019 und Ausblick 2020, in: GIESSEREI, 04/2020.
- [9] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
- [10] ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 29.
- [11] Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021-2027 (ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 15).
- Id-data għandha tiddaħħal mill-Parlament qabel il-pubblikazzjoni fil-ĠU.
- [12] ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 15.
- [13] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
- [14] ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 28.
- [15] Skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-FEG.
- [16] Is-sussidjarji Friedrich Wilhelms-Hütte Eisenguss GmbH u Friedrich Wilhems-Hütte GmbH, li t-tnejn jinsabu f'Mülheim an der Ruhr.
- [17] Is-sussidjarja Dieckerhoff Guss GmbH f'Gevelsberg, u s-sussidjarja Walter Hundhausen GmbH (kif ukoll is-sede prinċipali ta' GMH Guss GmbH) fi Schwerte.
- [18] ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 11.
- [19] Id-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE tal-20 ta' Lulju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar redundancies kollettivi (ĠU L 225, 12.8.1998, p. 16).
- [20] Bundesverband der Deutschen Gießerei-Industrie (BDGUss): Die Gießerei-Industrie. Eine starke Branche in Zahlen (2019).
- [21] https://www.vda.de/de/services/zahlen-und-daten/jahreszahlen/automobilproduktion sowie https://www.quest-trendmagazin.de/automobilindustrie/internationalisierung/weltregion-automobilproduktion.html
- [22] Riċerka ta' Deutsche Bank (2020): Automobilindustrie – Produktion in China überflügelt heimische Fertigung; Eurofound (2016): ERM report 2016: Globalisation slowdown? Recent evidence of offshoring and reshoring in Europe; Eurofound (2020): ERM report 2020: Restructuring across borders.
- [23] Imkejjel f'tunnellaġġ gross ikkumpensat (cgt - compensated gross tonnage).
- [24] Stephen, Sophie (2020): Deutsche Gussproduktion 2019 und Ausblick 2020, in: GIESSEREI, 04/2020.