MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar it-tisħiħ tar-reżiljenza tal-Moldova kontra l-indħil Russu qabel l-elezzjonijiet presidenzjali u r-referendum kostituzzjonali dwar l-integrazzjoni fl-UE
4.10.2024 - (2024/2821(RSP))
skont l-Artikolu 136(2) tar-Regoli ta’ Proċedura
Dan Barna, Petras Auštrevičius, Helmut Brandstätter, Benoit Cassart, Olivier Chastel, Veronika Cifrová Ostrihoňová, Bernard Guetta, Ľubica Karvašová, Ilhan Kyuchyuk, Nathalie Loiseau, Urmas Paet, Marie‑Agnes Strack‑Zimmermann, Eugen Tomac, Hilde Vautmans, Lucia Yar
f’isem il-Grupp Renew
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B10-0072/2024
B10‑0072/2024
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tisħiħ tar-reżiljenza tal-Moldova kontra l-indħil Russu qabel l-elezzjonijiet presidenzjali u r-referendum kostituzzjonali dwar l-integrazzjoni fl-UE
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika tal-Moldova,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra, li jinkludi Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva,
– wara li kkunsidra l-applikazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova tat-3 ta’ Marzu 2022 għall-adeżjoni mal-UE, u l-għoti sussegwenti ta’ status ta’ kandidat mill-Kunsill Ewropew fit-23 ta’ Ġunju 2022, abbażi ta’ valutazzjoni pożittiva mill-Kummissjoni u f’konformità mal-fehmiet espressi mill-Parlament,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 136(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi huwa previst li fl-20 ta’ Ottubru 2024, fir-Repubblika tal-Moldova se ssir elezzjoni presidenzjali u referendum kostituzzjonali dwar l-integrazzjoni fl-UE, f’kuntest ta’ indħil u tentattivi kontinwi min-naħa tar-Russja biex jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni politika u l-proċess elettorali fil-pajjiż;
B. billi l-Federazzjoni Russa ilha tuża rikatti ekonomiċi, provokazzjoni, diżinformazzjoni, finanzjament illegali tal-partiti politiċi, attakki ċibernetiċi u mezzi ibridi oħra biex tikkomprometti l-istabbiltà, is-sovranità, l-ordni kostituzzjonali u l-istituzzjonijiet demokratiċi tar-Repubblika tal-Moldova; billi l-attivitajiet sovversivi tar-Russja fil-Moldova jfittxu li jikkompromettu l-appoġġ popolari għall-perkors Ewropew magħżul mill-poplu tal-Moldova u jrawmu d-destabbilizzazzjoni;
C. billi waħda mill-għodod użati mill-Istat Russu hija n-network RT iffinanzjat mill-Istat, li mar lil hinn minn attivitajiet tal-media, u sar involut b’mod attiv f’operazzjonijiet ċibernetiċi, influwenza bil-moħbi, akkwist pubbliku militari, u gwerra tal-informazzjoni f’reġjuni varji; billi f’Ġunju 2024, l-Istati Uniti, flimkien mar-Renju Unit u mal-Kanada, esponew l-isforzi tar-Russja biex tinvolvi ruħha f’attivitajiet sovversivi u interferenza elettorali mmirati lejn ir-Repubblika tal-Moldova;
D. billi f’Settembru 2024, l-Istati Uniti imponew sanzjonijiet fuq tliet entitajiet u żewġ individwi minħabba l-involviment tagħhom fl-azzjonijiet destabbilizzanti tar-Russja barra mill-pajjiż, inkluż fir-Repubblika tal-Moldova; billi dawn l-isforzi bil-moħbi inkludew persunal tal-RT li pprovda appoġġ dirett lill-oligarka Moldovan maħrub Ilan Șor, l-awtur ewlieni tal-iskandlu ta’ frodi bankarja ta’ USD 1 biljun fl-2014; billi, skont id-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti, l-RT u l-impjegati tiegħu, inkluża l-kap editur Margarita Simonyan, ikkoordinaw direttament mal-Kremlin biex jappoġġjaw l-isforzi tal-Gvern Russu biex jinfluwenza l-elezzjoni presidenzjali tal-Moldova ta’ Ottubru 2024, bl-għan apparenti li jiġi inċitat l-inkwiet fir-Repubblika tal-Moldova;
E. billi minkejja l-effetti drammatiċi tal-gwerra fl-Ukrajna, ir-Repubblika tal-Moldova rnexxielha tikkonsolida b’mod sinifikanti d-demokrazija tagħha, tkompli t-trajettorja ta’ riforma tagħha u tiżviluppa r-relazzjonijiet tagħha mal-UE, bl-organizzazzjoni, f’Ġunju 2024, tal-ewwel konferenza intergovernattiva dwar l-adeżjoni tal-Moldova mal-Unjoni Ewropea liema fatt jirrappreżenta pass sinifikanti reċenti fl-integrazzjoni Ewropea tal-pajjiż;
F. billi l-UE fetħet in-negozjati tal-adeżjoni mar-Repubblika tal-Moldova matul l-ewwel konferenza dwar l-adeżjoni fil-livell ministerjali, li saret fil-Lussemburgu fil-25 ta’ Ġunju 2024, wara d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tal-14-15 ta’ Diċembru 2023 li jinfetħu n-negozjati tal-adeżjoni mal-Moldova, u l-approvazzjoni tal-Kunsill tal-qafas ta’ negozjar għal dawn in-negozjati fil-21 ta’ Ġunju 2024;
1. Jikkundanna bil-qawwa l-indħil Russu u l-operazzjonijiet ibridi mmirati biex jimminaw il-proċessi elettorali, is-sigurtà, is-sovranità u l-pedamenti demokratiċi tar-Repubblika tal-Moldova qabel l-elezzjoni presidenzjali u r-referendum kostituzzjonali dwar l-integrazzjoni fl-UE li jmiss;
2. Itenni l-istedina tiegħu lill-awtoritajiet Russi biex jirrispettaw l-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tar-Repubblika tal-Moldova, u jwaqqfu l-provokazzjonijiet u t-tentattivi tagħhom biex jiddestabbilizzaw il-pajjiż u jikkompromettu l-ordni kostituzzjonali u l-istituzzjonijiet demokratiċi; itenni l-istedina tiegħu lir-Russja biex tirtira l-forzi militari tagħha mit-territorju tar-Repubblika tal-Moldova u biex tappoġġja riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitt Transnistrijan, f’konformità mal-prinċipji tad-dritt internazzjonali u mad-Dikjarazzjoni tas-Summit ta’ Istanbul tal-1999 tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa;
3. Jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jiżguraw li tingħata l-assistenza kollha meħtieġa lir-Repubblika tal-Moldova biex issaħħaħ il-mekkaniżmi istituzzjonali tagħha u l-kapaċità tagħha li tirrispondi għat-theddid ibridu; jappella għal aktar appoġġ tal-UE lir-Repubblika tal-Moldova fil-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, it-theddid ibridu u l-attakki ċibernetiċi; jissottolinja li dan għandu jinvolvi t-tisħiħ tal-kapaċità tal-Moldova li tiġġieled id-diżinformazzjoni, issaħħaħ l-infrastruttura taċ-ċibersigurtà tagħha u ssaħħaħ ir-reżiljenza kontra influwenzi malinni esterni;
4. Jistieden lill-Kunsill jadotta sanzjonijiet addizzjonali mmirati kontra individwi u entitajiet responsabbli li appoġġjaw jew wettqu azzjonijiet li jikkompromettu jew jheddu s-sovranità u l-indipendenza tar-Repubblika tal-Moldova, kif ukoll id-demokrazija, l-istabbiltà jew is-sigurtà tal-pajjiż, u l-istat tad-dritt; jappella lill-UE u lill-awtoritajiet nazzjonali biex jiżguraw li dawk is-sanzjonijiet jiġu implimentati kif xieraq; itenni l-istedina tiegħu lill-istati u lit-territorji ospitanti rispettivi biex jestradixxu lil Ilan Șor, Vladimir Plahotniuc u lil individwi oħra li huma mfittxija biex jitressqu l-qorti fir-Repubblika tal-Moldova;
5. Jenfasizza r-rwol importanti li tiżvolġi l-Missjoni ta’ Sħubija tal-UE fir-Repubblika tal-Moldova (EUPM Moldova) li taħdem mal-istituzzjonijiet tal-Moldova biex issaħħaħ ir-reżiljenza tas-settur tas-sigurtà tar-Repubblika tal-Moldova fl-oqsma tal-ġestjoni tal-kriżijiet u tat-theddid ibridu, inklużi ċ-ċibersigurtà u l-ġlieda kontra l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-indħil minn barranin; jitlob lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà jiżgura li l-EUPM Moldova taħdem bl-aħjar mod possibbli, filwaqt li jqis il-progress u jadatta l-operazzjonijiet tagħha jekk ikun meħtieġ biex tkun effiċjenti kemm jista’ jkun filwaqt li jipproponi li estensjoni ulterjuri tal-mandat u tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u jżid ir-riżorsi tal-missjoni; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex iżidu l-appoġġ tagħhom liċ-Ċentru għall-Komunikazzjoni Strateġika u l-Ġlieda kontra d-Diżinformazzjoni tal-Moldova;
6. Ifaħħar l-appoġġ sod tar-Repubblika tal-Moldova għall-Ukrajna mill-bidu tal-gwerra ta’ aggressjoni illegali, mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja; ifaħħar lir-Repubblika tal-Moldova talli laqgħet 1,5 miljun rifuġjat Ukren matul il-gwerra, li minnhom madwar 125 000 għadhom fil-pajjiż;
7. Jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu għall-adeżjoni futura tar-Repubblika tal-Moldova mal-UE u jirrikonoxxi li l-post leġittimu tal-Moldova jinsab fl-UE; jirrikonoxxi li x-xewqa tal-poplu tar-Repubblika tal-Moldova li jingħaqad mal-UE tirriżulta minn impenn kondiviż għall-prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem; jisħaq li l-integrazzjoni Ewropea tar-Repubblika tal-Moldova tirrappreżenta mhux biss triq lejn prosperità ekonomika akbar iżda wkoll salvagwardja għall-istabbiltà politika u għas-sigurtà quddiem theddid estern;
8. Jappella għall-aċċelerazzjoni tal-proċess tal-iskrinjar u l-organizzazzjoni f’waqtha tal-konferenzi intergovernattivi sussegwenti, fejn għandhom jinbdew in-negozjati dwar ir-raggruppament 1 dwar il-Prinċipji Fundamentali; jappella lill-UE biex tappoġġja b’mod adegwat ir-riformi relatati mal-adeżjoni billi tiżviluppa strumenti finanzjarji robusti u adattabbli mfassla għall-ħtiġijiet speċifiċi tar-Repubblika tal-Moldova bil-ħsieb li tindirizza b’mod effettiv l-isfidi ekonomiċi u strutturali tagħha, filwaqt li tiżgura li l-pajjiż jibqa’ reżiljenti u kapaċi jimplimenta r-riformi meħtieġa matul il-proċess tal-adeżjoni tiegħu mal-UE; iħeġġeġ l-aċċelerazzjoni tal-integrazzjoni gradwali tal-Moldova fl-UE u fis-suq uniku billi titħalla tipparteċipa f’inizjattivi u programmi ġodda tal-UE li jagħtu benefiċċji soċjoekonomiċi tanġibbli f’oqsma speċifiċi anke qabel ma l-pajjiż jingħaqad formalment mal-UE;
9. Jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jipprijoritizzaw u jallokaw riżorsi addizzjonali għall-isforzi biex jiġu appoġġjati l-istat tad-dritt u r-riformi kontra l-korruzzjoni fir-Repubblika tal-Moldova sabiex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet, inklużi dawk relatati mal-korruzzjoni fis-settur tas-sigurtà, fis-sistema tal-ġustizzja, fl-amministrazzjoni pubblika u fil-media, li jistgħu jippermettu l-indħil u d-diżinformazzjoni Russi;
10. Itenni l-appoġġ tiegħu għal kooperazzjoni aktar b’saħħitha dwar il-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova; ifaħħar lir-Repubblika tal-Moldova talli saret l-ewwel pajjiż li ffirma sħubija ta’ sigurtà u difiża mal-UE u jappella biex din is-sħubija tissarraf f’azzjoni prattika;
11. Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-finanzjament tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi għar-Repubblika tal-Moldova biex ikomplu jsaħħu l-kapaċitajiet ta’ difiża tal-pajjiż;
12. Itenni t-talba tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jappoġġjaw lir-Repubblika tal-Moldova fit-tisħiħ tas-sigurtà tal-enerġija tagħha billi jappoġġjaw il-bini ta’ interkonnessjonijiet ġodda tal-elettriku mal-pajjiżi ġirien; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw finanzjarjament il-proġetti tal-effiċjenza enerġetika u tal-enerġija rinnovabbli bħala mod nadif u sostenibbli biex titnaqqas id-domanda għall-enerġija tal-Moldova u tiġi diversifikata l-provvista tagħha;
13. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jtejbu l-komunikazzjoni strateġika dwar l-UE fir-Repubblika tal-Moldova; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jappoġġjaw il-litteriżmu fil-media u l-indipendenza tal-media, kif ukoll it-tisħiħ tal-infrastruttura diġitali kritika tal-Moldova, inkluż permezz tas-sostituzzjoni tas-sistemi tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni ta’ oriġini Russa; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jespandu u jintensifikaw l-involviment dirett tagħhom maċ-ċittadini tal-Moldova billi jinkluduhom fi programmi u proġetti bilaterali u tal-UE varji, bħall-konsultazzjonijiet maċ-ċittadini, u biex irawmu l-konnessjonijiet bejn il-persuni;
14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Moldova, lin-Nazzjonijiet Uniti, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-awtoritajiet Russi.