Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B10-0082/2024Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B10-0082/2024

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar it-tisħiħ tar-reżiljenza tal-Moldova kontra l-indħil Russu qabel l-elezzjonijiet presidenzjali u referendum kostituzzjonali dwar l-integrazzjoni fl-UE li jmiss

4.10.2024 - (2024/2821(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà
skont l-Artikolu 136(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Jonas Sjöstedt
f’isem il-Grupp The Left

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B10-0072/2024

B10‑0082/2024

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tisħiħ tar-reżiljenza tal-Moldova kontra l-indħil Russu qabel l-elezzjonijiet presidenzjali u referendum kostituzzjonali dwar l-integrazzjoni fl-UE li jmiss

(2024/2821(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta’ Ġunju 2022 li jagħti status ta’ pajjiż kandidat għal adeżjoni mal-UE lill-Moldova,

 wara li kkunsidra l-opinjoni interim tal-Kummissjoni ta’ Venezja tat-13 ta’ Marzu 2023 dwar l-abbozz ta’ liġi dwar il-limitazzjoni ta’ influwenza ekonomika u politika eċċessiva fil‑ħajja pubblika (deoligarkizzazzjoni),

 wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma konġunt tal-persunal tas-6 ta’ Frar 2023 intitolat “Rapport dwar l-Implimentazzjoni tal-Assoċjazzjoni mar-Repubblika tal-Moldova”, li jeżamina mill-ġdid l-implimentazzjoni tar-riformi tal-Moldova taħt il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Moldova minn Ottubru 2021 ’l hawn (SWD(2023)0041),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 136(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi l-Moldova hija wieħed mill-ifqar pajjiżi fl-Ewropa; billi l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna kompliet taffettwa l-istandards tal-għajxien;

B. billi l-Federazzjoni Russa ilha tuża l-provokazzjoni, id-diżinformazzjoni, il-finanzjament illegali tal-partiti politiċi, l-attakki ċibernetiċi u mezzi ibridi oħra biex timmina l-istabbiltà, is-sovranità, l-ordni kostituzzjonali u l-istituzzjonijiet demokratiċi tar-Repubblika tal-Moldova;

C. billi missili Russi mmirati lejn l-Ukrajna ttajru fuq it-territorju tar-Repubblika tal-Moldova f’diversi okkażjonijiet, bi ksur ċar tas-sovranità tal-Moldova;

D. billi l-oligarki għandhom influwenza eċċessiva fuq l-interessi personali fil-ħajja ekonomika, politika u pubblika fil-Moldova;

E. billi f’Settembru, ċerti membri tal-partit imwaqqaf minn oligarka maħrub, Ilan Șor, ġew akkużati mill-ġudikatura tal-Moldova li rċevew flus minn kontijiet miżmuma mill-bank Russu Promsvyazbank sabiex jieħdu sehem f’dimostrazzjonijiet qabel l-elezzjoni presidenzjali f’Ottubru; billi l-oligarka Ilan Șor ħarab lejn ir-Russja fl-2019 wara li ġie kkundannat għal 15-il sena ħabs għal frodi u ħasil tal-flus; billi l-partit ta’ Șor ġie ddikjarat “antikostituzzjonali” mill-Qorti Kostituzzjonali, ġie akkużat li pprova jiddestabbilizza lill-Moldova f’kollużjoni mar-Russja, u ġie pprojbit;

F. billi f’Lulju 2023, il-mexxej tal-Partit Komunista Transnistrijan, Oleg Khorzhan, instab maqtul b’daqqiet ta’ sikkina f’daru; billi Oleg Khorzhan kien kritiku pubbliku tal-awtoritajiet de facto u rrapporta dwar abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fil-ħabs; billi ma saret l-ebda investigazzjoni effettiva dwar mewtu;

G. billi l-elezzjonijiet presidenzjali huma skedati li jsiru fl-20 ta’ Ottubru 2024 flimkien ma’ referendum dwar l-adeżjoni mal-UE; billi l-Moldova ngħatat uffiċjalment l-istatus ta’ kandidat mill-UE f’Ġunju 2022 u n-negozjati nfetħu f’Diċembru 2023;

H. billi t-tnaqqis tal-korruzzjoni huwa wieħed mid-disa’ passi li l-Moldova teħtieġ tindirizza qabel l-adeżjoni mal-UE;

1. Jinnota bi tħassib it-tentattivi mir-Russja li tinfluwenza l-eżitu tal-elezzjoni presidenzjali u tar-referendum fil-Moldova, b’mod partikolari permezz tal-azzjonijiet ta’ diversi membri tal-partit iffinanzjat mill-oligarka kkundannat Ilan Șor, li huwa wkoll soġġett għal sanzjonijiet tal-UE;

2. Jinnota bi tħassib it-tixrid dejjem akbar ta’ propaganda u diżinformazzjoni ta’ qabel l-elezzjoni minn sorsi Russi fil-Moldova fuq il-media soċjali, bl-għan li jqarrqu bil-votanti jew inaqqsu l-parteċipazzjoni fir-referendum; jistieden lill-pjattaformi tal-media soċjali jadattaw id-disinn tal-algoritmi tagħhom biex itaffu t-tixrid ta’ kontenut illegali, diskors ta’ mibegħda u diżinformazzjoni online;

3. Jirrikonoxxi u jinkoraġġixxi l-isforzi tal-awtoritajiet tal-Moldova biex jippermettu lill-Moldovani kollha jivvutaw, inklużi dawk li jgħixu fir-Repubblika separatista tat-Transnistrija jew li jirrisjedu barra mill-pajjiż;

4. Huwa konxju li l-awtoritajiet tal-Moldova qed jintervjenu kontra l-media soċjali u atturi oħra li qed joperaw b’mod ċar f’isem ir-Russja biex ixerrdu l-gideb u jippruvaw jissabotaġġjaw proċess elettorali ġust; jissottolinja l-importanza li l-awtoritajiet tal-Moldova jiġu appoġġjati fl-isforzi tagħhom biex jikkontrobattu l-influwenza Russa; jappella lill-UE biex tkompli tgħin lill-Moldova ssaħħaħ il-kapaċitajiet u r-reżiljenza tagħha fiż-żona;

5. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Moldova jipproteġu l-valuri demokratiċi bażiċi, inklużi l-libertà ta’ espressjoni, tal-media u ta’ organizzazzjoni, u qatt ma jimponu xi limitu fuq il-possibbiltà li jaħdmu għal oppożizzjoni leġittima jew jinvolvu ruħhom fi skrutinju kritiku tal-media;

6. Jissottolinja l-importanza ta’ Moldova stabbli u demokratika għall-istabbiltà, il-paċi u l-kooperazzjoni fir-reġjun kollu; jappella lill-UE biex tkompli tappoġġja l-istrutturi demokratiċi tal-Moldova;

7. Jieħu nota tal-importanza tad-disa’ kundizzjonijiet stabbiliti mill-Kummissjoni għall-proċedura ta’ adeżjoni; jirrikonoxxi l-isforzi ta’ riforma tal-Moldova; jissottolinja l-importanza ta’ appoġġ kontinwu mill-UE, anki biex jissaħħu l-istat tad-dritt, l-indipendenza u l-effikaċja tal-awtoritajiet tal-Moldova;

8. Jenfasizza li l-appoġġ finanzjarju għandu jkollu kundizzjonalitajiet soċjali b’saħħithom marbuta miegħu; ifakkar li tali appoġġ għandu jinkludi wkoll it-tisħiħ tal-kapaċitajiet, l-indipendenza u l-pluralità tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-organizzazzjonijiet tas-sħab soċjali; jirrakkomanda li jiġi stabbilit djalogu soċjali sostenibbli bħala qasam ewlieni ieħor ta’ intervent soċjali;

9. Jenfasizza l-ħtieġa li titħaffef l-introduzzjoni tal-paga minima garantita ġdida għal kulħadd u li tittejjeb il-protezzjoni soċjali; itenni l-kritika tiegħu li l-implimentazzjoni tal-acquissoċjali  hija sottorappreżentata fil-valutazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni u jappella biex din is-sitwazzjoni tinbidel;

10. Jinnota bi tħassib id-dipendenza qawwija diretta u indiretta fuq il-gass Russu; jappella lill-UE tappoġġja l-konservazzjoni tal-enerġija, il-produzzjoni nazzjonali tal-enerġija rinnovabbli u l-integrazzjoni kontinwa tal-Moldova fil-grilji Ewropej tal-elettriku u tal-gass;

11. Jirrikonoxxi l-isforzi sinifikanti li saru mill-pajjiż biex jilqa’ lir-rifuġjati Ukreni; jinsab imħasseb, madankollu, li bir-reġim tal-immigrazzjoni l-aktar reċenti, ir-rifuġjati jafu jitilfu l-aċċess għal oġġetti u servizzi kritiċi, inkluż l-aċċess għall-impjiegi u ċerti drittijiet oħra;

12. Jinnota t-tentattivi tar-Russja li toħloq it-tensjonijiet bejn ir-reġjun awtonomu tal-Gagauzja u l-awtoritajiet tal-Moldova; jikkundanna l-laqgħa tal-Gvernatur tal-Gagauzja, Evghenia Gutul ma’ Vladimir Putin; jinkoraġġixxi l-isforzi tal-Gvern tal-Moldova biex inaqqas it-tensjonijiet mar-reġjun awtonomu tal-Gagauzja permezz tad-djalogu u r-riforma;

13. Jissottolinja l-fatt li r-reġjun tat-Transnistrija jinsab taħt l-influwenza Russa u qed jintuża biex jiddestabbilizza l-gvern demokratiku fil-Moldova; jikkundanna d-deċiżjoni tal-President Vladimir Putin li jirrevoka digriet tal-2012 li jimpenja lir-Russja ssib soluzzjoni għat-Transnistrija; jistieden lir-Russja biex immedjatament iżżarma l-preżenza militari tagħha fit-Transnistrija; itenni l-appoġġ tiegħu għal soluzzjoni komprensiva u paċifika tal-kunflitt tat-Transnistrija, ibbażata fuq is-sovranità u l-integrità territorjali tar-Repubblika tal-Moldova bi status speċjali għar-reġjun tat-Transnistrija; iħeġġeġ l-implimentazzjoni tal-miżuri kollha ta’ bini ta’ fiduċja mfassla biex tiġi evitata d-destabbilizzazzjoni; jemmen li soluzzjoni komprensiva u paċifika tal-kunflitt Transnistrijan huwa importanti għall-proċess ta’ adeżjoni tal-Moldova mal-UE;

14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Moldova, lill-Federazzjoni Russa, lin-NU, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u lill-Kunsill tal-Ewropa.

 

Aġġornata l-aħħar: 8 ta' Ottubru 2024
Avviż legali - Politika tal-privatezza