Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B10-0150/2024Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B10-0150/2024

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1826 li tawtorizza l-introduzzjoni fis-suq ta’ prodotti li fihom, li jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat DP23211, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

23.10.2024 - (2024/2838(RSP))

imressqa skont l-Artikolu 115(2) u (3) tar-Regoli ta’ Proċedura

Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
Membri responsabbli: Martin Häusling, Biljana Borzan, Anja Hazekamp


Proċedura : 2024/2838(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B10-0150/2024
Testi mressqa :
B10-0150/2024
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B10‑0150/2024

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1826 li tawtorizza l-introduzzjoni fis-suq ta’ prodotti li fihom, li jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat DP23211, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2024/2838(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1826 li tawtorizza l-introduzzjoni fis-suq ta’ prodotti li fihom, li jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat DP23211, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[1],

 wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament[2], u b’mod partikolari l-Artikolu 7(3) u l-Artikolu 19(3) tiegħu,

 wara li kkunsidra l-votazzjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf imsemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, tas-26 ta’ April 2024, fejn ma ngħatat ebda opinjoni, u l-votazzjoni tal-Kumitat ta’ Appell tad-29 ta’ Mejju 2024, fejn ukoll ma ngħatat ebda opinjoni,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni[3],

 wara li kkunsidra l-opinjoni adottata mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) fid-29 ta’ Novembru 2023, u ppubblikata fit-18 ta’ Jannar 2024[4],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu li joġġezzjonaw għall-awtorizzazzjoni ta’ organiżmi ġenetikament modifikati (“OĠM”)[5],

 wara li kkunsidra l-Artikolu 115(2) u (3) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

A. billi, fil-11 ta’ Diċembru 2019, Pioneer Overseas Corporation ibbażata fil-Belġju, ressqet applikazzjoni f’isem Pioneer Hi-Bred International, Inc., ibbażata fl-Istati Uniti, lill-awtorità nazzjonali kompetenti tan-Netherlands (“l-applikazzjoni”) għall-introduzzjoni fis-suq ta’ ikel, ta’ ingredjenti tal-ikel, u ta’ għalf li fihom, li jikkonsistu minn jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat DP23211 (il-“qamħirrum ĠM”), f’konformità mal-Artikoli 5 u 17 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003; billi l-applikazzjoni kopriet ukoll l-introduzzjoni fis-suq ta’ prodotti li fihom jew li jikkonsistu mill-qamħirrum ĠM għal użi oħra għajr l-ikel u l-għalf, bl-eċċezzjoni tal-kultivazzjoni;

B. billi, fid-29 ta’ Novembru 2020, l-EFSA adottat opinjoni favorevoli, li ġiet ippubblikata fit-18 ta’ Jannar 2024;

C. billi l-qamħirrum ĠM fih ġeni li jagħtu reżistenza għall-glufosinat u jipproduċi proteini insettiċidali;

Nuqqas ta’ valutazzjoni tal-erbiċida komplementari

D. billi r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 503/2013[6] jeżiġi valutazzjoni dwar jekk il-prattiki agrikoli mistennija jinfluwenzawx l-eżitu tal-punti tat-tmiem studjati; billi, skont dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, dan huwa speċjalment relevanti għal pjanti tolleranti għall-erbiċidi;

E. billi l-maġġoranza l-kbira tal-għelejjel ĠM ġew ġenetikament modifikati sabiex ikunu tolleranti għal erbiċida “komplementari” waħda jew aktar li jistgħu jintużaw matul il-kultivazzjoni tal-għalla ĠM, mingħajr ma l-għalla tmut, kif ikun il-każ għal għalla mhux tolleranti għall-erbiċidi; billi hemm għadd ta’ studji li juru li l-għelejjel ĠM tolleranti għall-erbiċidi jirriżultaw f’użu akbar ta’ erbiċidi komplementari, fil-biċċa l-kbira minħabba li jfeġġ ħaxix ħażin tolleranti għall-erbiċidi[7];

F. billi l-għelejjel ĠM tolleranti għall-erbiċidi jillimitaw lill-bdiewa f’sistema ta’ ġestjoni tal-ħaxix ħażin li hija fil-biċċa l-kbira jew kompletament dipendenti mill-erbiċidi, u tagħmel dan billi titlob premium għaż-żrieragħ ĠM li jista’ jiġi ġġustifikat biss jekk il-bdiewa li jixtru tali żerriegħa jbexxu wkoll l-erbiċidi komplementari; billi dipendenza akbar fuq erbiċidi komplementari tal-azjendi agrikoli li jħawlu l-għelejjel ĠM taċċellera l-ħruġ mill-ġdid u t-tixrid ta’ ħaxix ħażin reżistenti għal dawk l-erbiċidi, u b’hekk tiskatta l-ħtieġa ta’ aktar użu ta’ erbiċidi, ċirku vizzjuż magħruf bħala “l-ispirall tal-erbiċidi”;

G. billi l-impatti negattivi li jirriżultaw mid-dipendenza eċċessiva fuq l-erbiċidi se jaggravaw is-saħħa tal-ħamrija, il-kwalità tal-ilma, u l-bijodiversità ta’ fuq u ta’ taħt l-art, kif ukoll iwasslu għal żieda fl-esponiment tal-bniedem u tal-annimali, potenzjalment ukoll permezz ta’ żieda fir-residwi tal-erbiċidi fl-ikel u l-għalf;

H. billi l-glufosinat huwa kklassifikat bħala sustanza tossika għar-riproduzzjoni 1B u għalhekk jissodisfa l-“kriterji ta’ limitu” stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[8]; billi l-approvazzjoni għall-użu tal-glufosinat fl-Unjoni skadiet fil-31 ta’ Lulju 2018;

I. billi l-valutazzjoni tar-residwi ta’ erbiċidi u l-metaboliti misjuba fi pjanti ĠM hija kkunsidrata li ma taqax taħt il-kompetenza tal-Bord tal-EFSA dwar Organiżmi Ġenetikament Modifikati u għalhekk ma titwettaqx bħala parti mill-proċess ta’ awtorizzazzjoni għall-OĠM;

Kummenti tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru u tal-partijiet ikkonċernati

J. billi l-Istati Membri ppreżentaw ħafna kummenti kritiċi lill-EFSA matul il-perjodu ta’ konsultazzjoni ta’ tliet xhur, inkluż li l-pjan ta’ monitoraġġ ikkonċernat ma jiżgurax li tinġabar l-informazzjoni rilevanti għall-monitoraġġ tal-prodott u għalhekk ma tistax titqies adegwata, kif ukoll li l-proteina insettiċidali prodotta mill-pjanta ma tkunx ġiet ivvalutata b’mod adegwat;

L-iżgurar ta’ kundizzjonijiet ekwi globali u r-rispett tal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni

K. billi l-konklużjonijiet tad-Djalogu Strateġiku dwar il-Futur tal-Agrikoltura fl-UE[9] jistiednu lill-Kummissjoni tivvaluta mill-ġdid l-approċċ tagħha dwar l-aċċess għas-suq għall-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet agroalimentari, minħabba l-isfida tal-istandards diverġenti tal-Unjoni u tas-sħab kummerċjali tagħha; billi relazzjonijiet kummerċjali aktar ġusti, f’livell globali, koerenti mal-għanijiet għal ambjent b’saħħtu kienu waħda mit-talbiet ewlenin tal-bdiewa matul id-dimostrazzjonijiet tal-2023 u l-2024;

L. billi rapport tal-2017 mir-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) dwar id-dritt għall-ikel sab li, b’mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, il-pestiċidi perikolużi għandhom impatti katastrofiċi fuq is-saħħa[10]; billi l-Mira 3.9 tal-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU (SDG tan-NU) għandha l-għan li sal-2030 tnaqqas b’mod sostanzjali l-għadd ta’ mwiet u mard minn sustanzi kimiċi perikolużi u t-tniġġis u l-kontaminazzjoni tal-arja, tal-ilma u tal-ħamrija[11];

M. billi l-Qafas Globali tal-Bijodiversità ta’ Kunming-Montreal (“Qafas ta’ Kunming-Montreal”), miftiehem fil-COP15 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika (KDB tan-NU) ta’ Diċembru 2022, jinkludi mira globali biex sal-2030 ir-riskju tal-pestiċidi jitnaqqas b’mill-anqas 50 %[12];

N. billi r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 jiddikjara li l-ikel jew l-għalf ĠM ma jridx ikollu effetti negattivi fuq is-saħħa umana, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent, u jeżiġi li l-Kummissjoni tqis kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti fid-dritt tal-Unjoni u fatturi leġittimi oħra rilevanti għall-kwistjoni taħt kunsiderazzjoni meta tkun qed tabbozza d-deċiżjoni tagħha; billi tali fatturi leġittimi għandhom jinkludu l-obbligi tal-Unjoni skont l-SDGs tan-NU u l-KDB tan-NU;

It-tnaqqis tad-dipendenza fuq l-għalf importat

O. billi waħda mit-tagħlimiet mill-kriżi tal-COVID-19 u l-gwerra li għadha tinsab għaddejja fl-Ukrajna hija l-ħtieġa li l-Unjoni ttemm id-dipendenzi fuq xi materjali kritiċi; billi fl-ittra ta’ missjoni lill-Kummissarju nnominat Christophe Hansen, il-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen titolbu jħares lejn modi kif jitnaqqsu l-importazzjonijiet ta’ komoditajiet kritiċi[13];

Proċess deċiżjonali mhux demokratiku

P. billi, fit-tmien leġiżlatura tiegħu, il-Parlament adotta total ta’ 36 riżoluzzjoni li joġġezzjonaw għall-introduzzjoni fis-suq ta’ OĠM għall-ikel u għall-għalf (33 riżoluzzjoni) u għall-kultivazzjoni ta’ OĠM fl-Unjoni (tliet riżoluzzjonijiet); billi, fid-disa’ leġiżlatura tiegħu, il-Parlament adotta 38 oġġezzjoni għall-introduzzjoni fis-suq ta’ OĠM;

Q. billi minkejja r-rikonoxximent tagħha stess tan-nuqqasijiet demokratiċi, in-nuqqas ta’ appoġġ mill-Istati Membri u l-oġġezzjonijiet tal-Parlament, il-Kummissjoni qiegħda tkompli tawtorizza l-OĠM;

R. billi mhija meħtieġa ebda bidla fil-liġi biex il-Kummissjoni tkun tista’ ma tawtorizzax l-OĠM meta ma jkunx hemm maġġoranza kwalifikata ta’ Stati Membri favur fil-Kumitat ta’ Appell[14];

S. billi l-votazzjoni fis-26 ta’ April 2024 tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf imsemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 ma tat l-ebda opinjoni, li jfisser li l-awtorizzazzjoni ma kinitx appoġġjata minn maġġoranza kwalifikata tal-Istati Membri; billi anki l-votazzjoni tad-29 ta’ Mejju 2024 tal-Kumitat ta’ Appell ma tat ebda opinjoni;

T. billi fit-2 ta’ Lulju 2024, il-Kummissjoni awtorizzat l-introduzzjoni fis-suq tal-qamħirrum ĠM;

1. Iqis li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1826 tisboq is-setgħat ta’ implimentazzjoni previsti fir-Regolament (KE) Nru 1829/2003;

2. Iqis li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1826 mhijiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni, billi mhijiex kompatibbli mal-għan tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 li, skont il-prinċipji ġenerali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[15], huwa li jipprovdi l-bażi biex, fir-rigward tal-ikel u l-għalf ĠM, jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni għall-ħajja u s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa u l-benesseri tal-annimali, u l-interessi tal-ambjent u tal-konsumaturi, filwaqt li jiżgura l-funzjonament effettiv tas-suq intern;

3. Jistieden lill-Kummissjoni tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 2024/1826;

4. Jistieden lill-Kummissjoni ma tawtorizzax għelejjel ĠM li huma tolleranti għall-erbiċidi, minħabba ż-żieda assoċjata fl-użu ta’ erbiċidi komplementari u għalhekk iż-żieda fir-riskji għall-bijodiversità, għas-sikurezza tal-ikel u għas-saħħa tal-ħaddiema skont l-approċċ “saħħa waħda”;

5. Jenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-awtorizzazzjoni tal-importazzjoni għall-użi tal-ikel jew tal-għalf ta’ kwalunkwe pjanta ĠM li tkun saret tolleranti għall-erbiċidi li huma pprojbiti fl-Unjoni, bħall-glufosinat, hija inkoerenti mal-impenji internazzjonali tal-Unjoni skont, fost l-oħrajn, l-SDGs tan-NU u l-KDB tan-NU, inkluż il-Qafas ta’ Kunming-Montreal adottat reċentement[16];

6. Jistenna li l-Kummissjoni, bħala kwistjoni ta’ urġenza, twettaq l-impenn tagħha li tressaq proposta biex tiżgura li s-sustanzi kimiċi perikolużi pprojbiti fl-Unjoni ma jiġux prodotti għall-esportazzjoni;

7. Jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni fl-aħħar irrikonoxxiet, f’ittra bid-data tal-11 ta’ Settembru 2020 lill-Membri, il-ħtieġa li tqis is-sostenibbiltà fir-rigward ta’ deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni dwar OĠM[17]; jesprimi d-diżappunt kbir tiegħu, madankollu, li, minn dak iż-żmien ’l hawn il-Kummissjoni kompliet tawtorizza OĠM għall-importazzjoni fl-Unjoni, minkejja l-oġġezzjonijiet kontinwi mill-Parlament u nuqqas ta’ maġġoranza kwalifikata tal-Istati Membri favur;

8. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għal darba oħra, tqis l-obbligi tal-Unjoni fl-ambitu tal-ftehimiet internazzjonali, bħall-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima, il-KDB tan-NU u l-SDGs tan-NU; itenni l-appell tiegħu li l-abbozzi ta’ atti ta’ implimentazzjoni jkunu akkumpanjati minn memorandum ta’ spjegazzjoni li jispjega kif dawn jirrispettaw il-prinċipju ta’ “la tagħmilx ħsara”[18];

9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Novembru 2024
Avviż legali - Politika tal-privatezza